27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/102


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata”

(2007/C 256/19)

Nhar it-13 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irċieva ittra mill-Presidenza futura Portugiża fejn talbitu jħejji opinjoni esploratorja dwar is-suġġett Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata.

Is-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Clever.

Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju 2007 (seduta tal-11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'145 vot favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet:

1.   Sfond

1.1

Fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, il-Kapijiet Ewropej ta' l-Istat jew tal-Gvern qablu li sa l-2010 r-rata ta' l-impjieg għan-nisa għandha tilħaq is-60 %. Dan il-għan ġie kkonfermat fil-linji gwida integrati (Linja Gwida 17), li kienu ġew adottati bħala parti ċentrali mill-mekkaniżmu ta' direzzjoni ta' l-Istrateġija ta' Lisbona fl-2005.

1.2

L-Istrateġija ta' Lisbona ser tilħaq l-għanijiet ambizzjużi tagħha malajr u fuq bażi iktar sostenibbli, fir-rigward ta' tkabbir ekonomiku, impjiegi u kompetittività, kemm-il darba, minkejja t-tnaqqis demografiku ta' persuni f'età ta' impjieg, l-għadd ta' impjegati fl-UE fl-għaxar snin li ġejjin ikompli jiżdied u l-kwalifiki tagħhom jitjiebu. Hemm probabbilità kbira li t-tnejn jintlaħqu minħabba fiż-żieda ċara fir-rata ta' nisa fl-impjieg, peress li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta' nisa żgħażagħ jixtiequ jintegraw ruħhom aktar fid-dinja ta' l-impjieg u huma aktar imħarrġa. Xi ostakoli li għadhom jeżistu f'dan il-qasam iridu jitneħħew.

1.3

Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-Istati Membri ta' l-UE ftiehmu fost affarijiet oħra li:

tittieħed azzjoni deċiżiva sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa u jonqsu d-differenzi bejn is-sessi fl-impjiegi, il-qgħad u s-salarji; u

li jkun hemm rikonċiljazzjoni aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluża d-disponibbilità ta' faċilitajiet aċċessibbli u li wieħed jiflaħ iħallashom għall-kura u l-ħarsien tat-tfal u kura għall-persuni oħra dipendenti. (Linja Gwida 18).

1.4

Il-Presidenza Portugiża tal-Kunsill talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata.

1.5

Ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, privata u familjali hija, f'għajnejn l-imsieħba soċjali Ewropej, kontribuzzjoni importanti għall-kisba tat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività fl-Ewropa.

1.6

Barra minn hekk, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata hija waħda mill-prijoritajiet għall-Kummissjoni Ewropea f'Il-pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, adottat f'Marzu 2006 (1). Il-Kummissjoni tidentifika tliet prijoritajiet għal rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja professjonali, familjali u privata:

1.

arranġamenti ta' ħinijiet flessibbli ta' xogħol kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

2.

żieda fis-servizzi ta' kura;

3.

politiki aħjar ta' rikonċiljazzjoni kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel,

1.7

Fit-12 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni — li diġà kienet imħabbra fil-pjan ta' rotta — Il-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa, il-bidla ta' sfida f'opportunità, u b'hekk nediet l-ewwel konsultazzjoni tagħha ma' l-imsieħba soċjali dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata skond l-Artikolu 138 tat-Trattat tal-KE.

1.8

Fl-ewwel parti tal-konsultazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza t-tifsira tas-suġġett tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata. Jeħtieġ li s-sehem tan-nisa fil-qasam ta' l-impjiegi jitjieb, partikularment fl-isfond ta' l-iżvilupp demografiku u l-pressjoni li tirriżulta minn dan fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali. B'żieda ma' dan, tenfasizza wkoll ir-rwol tar-rikonċiljazzjoni fir-rigward tal-kisba ta' l-għanijiet ta' Lisbona stabbiliti mill-Kummissjoni.

1.9

Fit-tweġibiet tagħhom lill-Kummissjoni, l-imsieħba soċjali Ewropej jenfasizzaw l-importanza tas-suġġett tar-rikonċiljazzjoni tal-familja u l-ħajja privata, speċjalment fil-kuntest tan-nuqqas ta' nisa fil-qasam ta' l-impjiegi u popolazzjoni li kulma jmur dejjem qiegħda tixjieħ iktar. L-implimentazzjoni ta' l-għanijiet definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Barċellona fl-2002 dwar l-estensjoni ta' faċilitajiet ta' kura u ħarsien għat-tfal huma espressament approvati hawnhekk, u hemm ukoll ftehim bejn l-imsieħba soċjali dwar il-kwistjoni kif dawn it-tliet prijoritajiet imsemmija fil-programm ta' ugwaljanza jistgħu jilħqu l-objettivi tagħhom. L-imsieħba soċjali jenfasizzaw li r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata u l-kwistjoni ta' l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u għall-irġiel fuq il-post tax-xogħol, l-aktar fid-dawl ta' l-iżvilupp demografiku, għandu jkollha rwol ċentrali fid-dibattitu politiku. Għandha tingħata attenzjoni speċjali sabiex tinstab soluzzjoni għal sterjotipi ta' rwoli bejn is-sessi, bidla li mingħajrha jkun diffiċli ħafna li jsir il-progress.

1.10

Bil-għan li jitjiebu l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fid-dinja tax-xogħol, l-imsieħba soċjali (BUSINESSEUROPE/UEAPME, CEEP u l-ETUC) (2) min-naħa tagħhom adottaw fl-2005 “qafas għal azzjoni għall-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel” (3). Għal dawn l-erba' oqsma ewlenin, li fuqhom l-imsieħba soċjali nazzjonali ser jieħdu azzjoni sa l-2010, tgħodd ukoll espressament ir-rikonċiljazzjoni tal-familja u l-ħajja professjonali. Il-Kunsill tal-Ministri qiegħed jagħmel tajjeb meta jassenja lill-imsieħba soċjali l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol li għar-rikonċiljazzjoni tal-familja u l-ħajja professjonali hija ta' importanza kbira, sabiex jinkisbu soluzzjonijiet prattiċi għall-partijiet ikkonċernati kollha.

1.11

L-imsieħba soċjali jistgħu jtejbu l-kwalità ta' ħajja tal-familji, permezz tal-kontribut tagħhom relatat ma' kundizzjonijiet aħjar ta' xogħol. F'dan il-kuntest għandhom rwol ewlieni x'jaqdu. Il-qafas għal azzjoni huwa wieħed mill-kontribuzzjonijiet ta' l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Fid-dawl tal-fatt li l-kawżi ta' żbilanċ eżistenti fis-suq tax-xogħol huma kumplessi u li dawn huma marbuta ma' xulxin, l-imsieħba soċjali jinsabu konvinti, li tenħtieġ strateġija integrata sabiex il-problema titneħħa b'suċċess, għall-kisba ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi. Ir-rikonċiljazzjoni tal-familja u l-ħajja professjonali hija għalhekk waħda mill-elementi l-iktar importanti.

1.12

Ċerti kumpaniji żiedu l-impenn tagħhom sabiex jirrikonċiljaw il-familja u l-ħajja professjonali f'dawn l-aħħar snin, b'tali mod li approċċ favur il-familji sar parti integrali mill-politika tagħhom tar-riżorsi umani u intraprenditorjali tagħhom; dan jidher ukoll fl-ewwel rapport komuni tal-ftehim ta' l-imsieħba soċjali, li dawn ta' l-aħħar ippubblikaw fi Frar 2007. Il-kumpaniji, l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri jridu jibqgħu jaħdmu sabiex jitneħħew dawn in-nuqqasijiet evidenti (4).

1.13

Opportunitajiet indaqs fuq il-post tax-xogħol, inizjattivi bil-għan li tiġi rikonċiljata l-ħajja familjali u professjonali, u l-mudell għall-ġestjoni ta' intrapriża imsejjes fuq il-kunċett li “nies li jħaddmu japplikaw politika ta' opportunitajiet indaqs” huma kollha elementi tal-kunċett “responsabilità soċjali ta' l-intrapriżi”, li jinkuraġġixxi lill-kumpaniji sabiex jużaw l-aħjar prassi u jaġixxu fl-interess ta' l-impjegati tagħhom.

2.   Analiżi tas-sitwazzjoni attwali

2.1

L-istrutturi tal-familja raw bidla radikali minħabba f'bidliet fis-soċjetà. Politika orjentata lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata trid tikkunsidra l-forom kollha ta' familji (per eżempju dawk li qegħdin irabbu t-tfal weħidhom (single parents), familji mħallta (familji fejn ġenitur wieħed jew l-ieħor ilaqqgħu flimkien it-tfal tagħhom minn żwiġijiet ta' qabel), persuni mhux miżżewġin, ġenituri divorzjati, ġenituri adottivi, student workers (studenti ħaddiema), koppji ta' l-istess sess u persuni li jgħixu weħidhom). L-għadd ta' persuni anzjani u mdaħħla sew fiż-żmien li qiegħed jikber jitlob servizzi ta' kura fil-familja u lil hinn minnha.

2.2

B'mod parallel għall-impjieg tagħhom, in-nisa huma, għall-kuntrarju ta' l-irġiel, dejjem iktar marbuta ma' l-organizzazzjoni tagħhom tax-xogħol tad-dar u tal-familja u għalhekk isibu ruħhom ta' spiss f'sitwazzjoni ta' stress u pressjoni żejda permanenti, sitwazzjoni li tolqot ukoll lill-bdiewa nisa u lin-nisa impjegati għal rashom. Minħabba f'dawn l-iżviluppi, in-nisa ta' spiss ikollhom jaċċettaw li jidħlu għal xogħol part time, marbut ma' qligħ aktar baxx, pensjoni baxxa u mingħajr opportunità li javvanzaw 'il quddiem fil-karriera. Ir-rikonċiljazzjoni tal-familja u l-ħajja professjonali hija għalhekk strument importanti, li għandu jwassal għall-ugwaljanza fil-qasam tax-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa, u wkoll fil-każ ta' nisa bit-tfal jew mingħajr tfal.

2.3

Preċiżament minħabba li l-problema fundamentali u l-possibilitajiet ta' soluzzjoni jvarjaw mhux biss minn Stat Membru għal ieħor, iżda wkoll minn reġjun għal reġjun, u wkoll minn kumpanija għal oħra, ma teżisti l-ebda sensiela ta' soluzzjonijiet li tapplika bl-istess mod għal kulħadd. F'dan ir-rigward, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jara r-responsabbilità ta' soluzzjoni marbuta ma' l-imsieħba soċjali. Minħabba fl-istrutturi eżistenti tagħhom fil-pajjiżi differenti l-imsieħba soċjali jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-ħajja ta' kuljum ta' l-impjegati rġiel u nisa permezz ta' l-involviment tagħhom fil-qasam tar-rikonċiljazzjoni tal-familja u l-ħajja professjonali.

2.4

Għalkemm id-deċiżjoni li jkollok it-tfal hija fundamentalment ta' natura personali, l-istess jista' jingħad għad-deċizjoni dwar jekk membri tal-familja jew qraba li għandhom bżonn ta' għajnuna u kura minħabba mard, bżonnijiet speċjali jew età kbira, madankollu l-effetti ta' dawn id-deċiżjonijiet jinħassu mis-soċjetà kollha. In-nuqqas ta' tfal li qiegħed jiżdied qiegħed iħalli l-effetti tiegħu, b'nuqqas fil-ġejjieni ta' speċjalisti u diretturi, klijenti, impjegati, kuntratturi, xjenzati u riċerkaturi u dan għandu wkoll konsegwenzi negattivi fuq is-soċjetà kollha (5). L-Istat għandu għalhekk iġorr ċerta responsabilità speċjalment fejn jidħlu l-fatturi ta':

appoġġ finanzjarju u materjali (benefiċċji fi flus, rikonoxximent tal-fatturi rilevanti fil-kalkolu tal-pensjonijiet),

infrastruttura ta' appoġġ (servizzi ta' ħarsien u kura għat-tfal, skejjel disponibbli l-ġurnata kollha, offerti għal servizzi ta' ħarsien u kura għat-tfal barra l-ħinijiet ta' l-iskola u waqt il-vaganzi u programmi għal waqt il-ħin liberu offruti minn organizzazzjonijiet volontarji, offerti ta' għajnuna (per eżempju għal servizzi ta' infermiera),

leave adattat għall-ġenituri għall-ommijiet u għall-missirijiet (anke fejn tidħol l-adozzjoni tat-tfal); u

dinja tax-xogħol li tiffavorixxi l-familja.

2.5

Arranġamenti ta' ħinijiet flessibbli huma importanti fil-fehma tal-Kummissjoni, sabiex il-potenzjal tal-popolazzjoni li taħdem jiġi sfruttat, u dan ugwalment għan-nisa kif ukoll għall-irġiel — qafas legali għandu jkun ta' għajnuna għal dan il-għan. Madankollu, il-fatt li aktar nisa milli rġiel jagħmlu użu minn dawn l-arranġamenti joħloq żbilanċ bejn is-sessi li għandu impatt negattiv fuq il-pożizzjoni tan-nisa fuq il-post tax-xogħol u fuq l-indipendenza ekonomika tagħhom. L-irġiel għandhom jiġu mħeġġa iktar minn qatt qabel, sabiex jidħlu għar-responsabbilitajiet tal-familja, b'mod partikolari permezz ta' inċentivi ta' leave għall-ġenituri jew għall-missier, sabiex jaqsmu, f'sens ta' sħubija, flimkien man-nisa tagħhom, ix-xogħol tad-dar li ma jitħallasx u l-ħarsien u l-kura tat-tfal u l-qraba.

3.   Mudelli tar-rwoli

3.1

Bil-bidliet li seħħew fis-soċjetà b'mod parallel mal-livell li għola ħafna ta' nisa kwalifikati, inbidlu wkoll il-mudelli tar-rwoli u r-rendiment tagħhom fil-ħajja ta' kuljum. Ħafna nisa żgħażagħ fl-Ewropa llum għandhom kwalifiki ogħla mill-irġiel ta' mparhom u jħarsu lejn il-karriera bħala parti integrali minn ħajjithom. Il-livell għoli ta' nisa kkwalifikati għandu wkoll iwassal għal tnaqqis fid-differenza fil-livell tas-salarji medji tan-nisa u l-irġiel. Id-differenzi attwali fil-qligħ fil-parti l-kbira tagħhom huma dovuti għall-għadd kbir ta' nisa li jaħdmu part time, minħabba fil-waqfien temporanju itwal fil-karriera tagħhom li jirriżulta f'inqas esperjenza fil-professjoni, minħabba fil-persentaġġ baxx ta' nisa f'karigi ta' maniġment u minħabba fil-kwalifiki baxxi ta' nisa aktar imdaħħla fiż-żmien. Għalkemm il-ftehim kollettiv dwar l-impjiegi juri li n-nisa u l-irġiel jirċievu salarju indaqs għall-istess xogħol u meta għandhom l-istess livell ta' edukazzjoni, l-inugwaljanza fis-salarji tippersisti. Barraminhekk, għażla tabilħaqq libera fir-rigward tal-pjan individwali għall-ħajja professjonali tintlaħaq biss meta l-iżviluppi soċjali jagħtu lin-nisa u lill-irġiel il-possibilità li jagħżlu huma stess il-pjan għal ħajjithom, li jikkorrispondi ma' l-istennija tagħhom, mingħajr ma jiġu kkonfrontati minn valutazzjoni soċjali pożittiva jew negattiva tad-deċiżjoni li jkunu ħadu.

3.2

L-għażla ta' stil ta' ħajja li tinfluwenza kif in-nies jippjanaw u jorganizzaw ħajjithom, tinkludi wkoll, barra l-faċilitajiet ta' kura għat-tfal fil-pajjiż, l-attitudni soċjali lejn ommijiet li jaħdmu kif ukoll lejn missirijiet li jiddedikaw ruħhom għall-ħidma fid-dar u għall-familja. L-imġieba ta' l-imsieħba soċjali f'din il-kwistjoni tinfluwenza wkoll l-attitudnijiet soċjali. Dak li seħħ fil-pajjiżi Skandinavi u fil-Ġermanja wera li jista' jkun ta' għajnuna l-għoti ta' benefiċċji finanzjarji, bħal, per eżempju, parti mill-benefiċċji finanzjarji għall-ġenituri, jew żieda fil-benefiċċji meta l-missier ukoll jikkontribwixxi għal ċertu ħin stipulat fir-responsabbilità tal-ħarsien u l-kura ta' wliedu. B'dan, il-missirijiet jiksbu qafas legali, sabiex ikun aktar faċli għalihom li jiddedikaw ħin speċifiku fit-trobbija ta' wliedhom. Permezz ta' din il-leġislazzjoni, l-ommijiet għandhom jiksbu l-opportunità li jerġgħu lura għall-ħajja professjonali tagħhom fi żmien iqsar.

3.3

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jenfasizza li m'huwiex biżżejjed li jinbidlu biss xi parametri partikolari sabiex inaqqsu l-piż doppju fuq in-nisa li jixtiequ jirrikonċiljaw il-ħajja professjonali tagħhom u dik fil-familja. L-għan għandu pjuttost ikun l-istrutturazzjoni mill-ġdid fir-rigward ta' l-allokazzjoni bażika ta' xogħol barra l-ħajja professjonali li mhux imħallas, bħat-trobbija tat-tfal, il-kura tal-qraba, l-organizzazzjoni tax-xogħol tad-dar bejn l-irġiel u n-nisa. Jeħtieġ li l-irġiel isiru konxji minn din l-allokazzjoni ġusta ta' piż ta' xogħol bejn il-koppji. Dan ikun jeħtieġ għarfien fis-sod u bidla radikali fl-istruttura.

4.   Miżuri ta' appoġġ ta' l-imsieħba soċjali favur ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjali, professjonali u privata fuq livell tal-kumpaniji

4.1

L-iżviluppi demografiċi u l-bidliet marbuta magħhom għandhom impatt qawwi kemm fuq l-impjegati kif ukoll fuq min iħaddem. L-imsieħba soċjali għandhom rwol ta' għajnuna importanti x'jaqdu fuq il-livelli kollha, sabiex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata.

4.2

Politika tar-riżorsi umani, li tagħti każ u li tibbilanċja b'mod ġust l-interessi importanti ta' fuq ix-xogħol, il-ħidmiet ta' barra x-xogħol u r-responsabilitajiet familjali u l-interessi privati għal kull impjegat u impjegata, hija l-bażi ta' politika ta' rikonċiljazzjoni fil-kumpaniji. Flimkien ma' dan hemm ukoll il-fatturi ewlenin, li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri nnifishom:

infrastruttura tajba fil-qasam tal-ħarsien u l-kura tat-tfal — kemm għat-tfal iż-żgħar u kif ukoll għat-tfal li qegħdin jikbru — li tkopri l-ħtiġijiet attwali;

provvista suffiċjenti u ta' kwalità fir-rigward ta' servizzi għall-ħarsien u l-kura ta' persuni anzjani jew b'diżabilità;

kundizzjonijiet ġusti dwar ħinijiet tax-xogħol;

miżuri sabiex jiġi żgurat li l-perijodi ta' leave u x-xogħol part-time li huma meħtieġa ħalli l-impjegat ikun jista' jieħu ħsieb it-tfal jew il-qraba dipendenti li jeħtieġu l-għajnuna ma jaffettwawx kontribuzzjonijiet futuri;

impjegati kkwalifikati u mħallsa kif xieraq.

Minn infrastruttura ta' netwerk ġenerali jibbenefikaw ugwalment l-impjegati, il-kumpanija kif ukoll l-Istat u s-soċjetà.

4.3

L-għażla ta' strumenti ta' politika ta' riżorsi umani, li parzjalment huma miftiehma bejn l-imsieħba soċjali, li jistgħu jiġu implimentati fil-kumpaniji, jinkludu:

l-introduzzjoni ta' mudelli ta' ħinijiet tax-xogħol li huma innovattivi iżda mhux żvantaġġużi (frammentazzjoni tal-ħin tax-xogħol, sensiela ta' impjiegi żgħar), teleworking, leave sabatiku u sistema ta' “krediti”;

is-sigurtà legali ta' kuntratt tax-xogħol stabbli;

skemi li jagħtu opportunità lill-persunal sabiex iżomm kuntatt mal-kumpanija waqt il-leave għall-ġenituri;

miżuri ta' appoġġ għall-organizzazzjoni tal-ħarsien u kura għat-tfal, f'forma ta' kindergarten fuq il-post tax-xogħol, xiri ta' postijiet riservati, miżuri ta' appoġġ finanzjarju;

appoġġ għall-kura ta' qraba anzjani jew ta' qraba dipendenti li jeħtieġu l-għajnuna;

appoġġ għall-miżuri ta' żvilupp personali; u

appoġġ għall-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg wara li l-impjegat ikun ħa l-leave jew ħadem part-time sabiex jieħu ħsieb it-tfal jew qraba dipendenti.

4.4

Għandhom jitqiesu wkoll li l-mudelli mfassla apposta ta' ħinijiet tax-xogħol part-time, fl-interess tal-kumpanija kif ukoll ta' l-impjegati rġiel u nisa, għandhom jagħmluha eħfef għall-partijiet interessati kollha sabiex ikunu jistgħu jirrikonċiljaw il-ħajja professjonali, familjali u privata. Dan il-għan ma jservi għal xejn, jekk ix-xogħol part time ma jintgħażilx fuq bażi ta' deċiżjoni volontarja. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li hemm bżonn urġenti li l-impjegati rġiel jaħdmu part-time jekk il-ħtiġijiet tal-familja jirrikjedu li wieħed mill-ġenituri jagħmel dan. B'hekk ikunu jistgħu juru fil-prattika li l-impenji barra l-post tax-xogħol fil-ħajja ta' koppja jew fil-familja ma jkunux biss dmirijiet tan-nisa, iżda għandhom jinqasmu b'responsabilità u jitwettqu mit-tnejn li huma.

4.5

L-imsieħba soċjali jistgħu jgħinu billi jsibu soluzzjonijiet dwar kif il-ġenituri jistgħu jimplimentaw il-mudelli tal-ħajja li jixtiequ. Fil-kumpaniji, opportunitajiet speċjali ta' kuntatti fuq bażi volontarja għall-ommijiet bil-leave tal-ġenituri, f'forma ta' sostituzzjoni waqt il-btala jew f'każ ta' mard, jew stedina għall-avvenimenti fuq il-post tax-xogħol, urew li kienu ta' ġid, u dan sabiex l-ommijiet isibuha eħfef li jerġgħu lura għal fuq il-post tax-xogħol wara perijodu ta' waqfien għal raġunijiet familjali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jiġbed l-attenzjoni li d-dispożizzjonijiet ta' protezzjoni, li jeżistu għan-nisa tqal u għall-ommijiet u l-missirijiet li qegħdin bil-leave tal-ġenituri, għandhom jinżammu u m'għandhomx jiġu evitati permezz ta' xi tip ta' diskriminazzjoni indiretta.

4.6

Il-ġenituri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn appoġġ ta' organizzazzjoni għall-kura u l-ħarsien tat-tfal. Bosta kumpaniji joffru lill-impjegati tagħhom opportunitajiet fil-qasam ta' arranġamenti għal nisa li jieħdu ħsieb it-tfal tul il-ġurnata, u nurseries u l-kura ta' emerġenza għat-tfal f'każijiet ta' mard. Xi kumpaniji jippruvaw ukoll, permezz ta' miżuri speċjali, jinkoraġġixxu l-impjegati rġiel billi jipprovdulhom jum ta' btala fil-jum ta' għeluq snin it-tfal tagħhom, jinkoraġġuhom sabiex jagħmlu xogħol fil-familja u sabiex iqattgħu iżjed ħin ma' wliedhom. Kumpaniji li jipprovdu dawn l-opportunitajiet jistħoqqilhom li jkunu appoġġjati. Madankollu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-ġenituri m'għandhomx appoġġ. Fil-każ ta' mġiba bħal din — b'mod partikolari meta dan ikun illegali — il-kumpanija tkun qiegħda tagħmel ħsara għaliha nnifisha, billi dan jirrifletti ħażin fuq l-ambjent tal-post tax-xogħol u fuq il-motivazzjoni tal-ħaddiema.

4.7

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jiġbed l-attenzjoni għall-ispezzjonijiet xjentifiċi ta' Prognos AG, li skondthom l-implimentazzjoni ta' miżuri, li speċifikament jappoġġjaw l-interessi legali relatati mal-ħajja familjali u privata ta' l-impjegati, jikkunsidraw l-operazzjoni ekonomika tal-kumpaniji, billi dawn l-istrumenti ta' politika ta' riżorsi umani jnaqqsu l-assenza fuq ix-xogħol u jżidu l-għaqda fost l-impjegati kif ukoll il-motivazzjoni u l-effiċjenza. Barra minn hekk, politika tar-riżorsi umani bħal din tagħmel il-post tax-xogħol aktar attraenti, speċjalment meta din tagħmilha aktar faċli għall-impjegati nisa bi dmirijiet fil-familja li jassiguraw — u jżommu — promozzjonijiet. Kultura intraprenditorjali bħal din tassigura ambjent tajjeb fuq il-post tax-xogħol u jkollha l-effett ta' fattur pożittiv għar-reġjun bħala destinazzjoni għall-kummerċ.

4.8

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jiġbed l-attenzjoni li, meta jiġu introdotti mudelli dwar ħinijiet tax-xogħol flessibbli, għandha titqies l-istrateġija ta' flessigurtà. Fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, il-flessigurtà tipprovdi approċċ integrat għar-riforma tas-suq tax-xogħol, li tirrikjedi flessibilità importanti u mixtieqa u dan flimkien mal-miżura meħtieġa ta' sigurtà u ppjanar għal dawk il-partijiet kollha kkonċernati. Jeħtieġ li l-flessibilità negozjata bejn l-imsieħba soċjali timmira lejn sitwazzjoni li minnha jgawdi kulħadd, kemm il-kumpanija kif ukoll l-impjegati. Ir-rekwiżiti ta' adattament tal-kumpaniji għall-ħtiġijiet tas-suq għandhom ukoll ikunu kkunsidrati, kif ukoll l-interess tal-ħaddiema fil-flessibilità li dejjem qiegħda tiżdied, pereżempju fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tagħhom tax-xogħol, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw aħjar l-interessi familjali jew interessi oħra tal-ħajja privata tagħhom barra l-post tax-xogħol; dan kollu mingħajr ma tiġi mittiefsa s-sigurtà u filwaqt li jiġu evitati kondizzjonijiet ta' xogħol mhux siguri. Jeħtieġ li jinsabu soluzzjonijiet individwali li jissodisfaw il-ħtiġijiet attwali; dawn għandhom jiġu negozjati bejn l-imsieħba soċjali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jenfasizza li fid-diskussjoni dwar il-flessigurtà għandha tingħata iżjed attenzjoni lill-ħtiġijiet differenti ta' l-irġiel u n-nisa (6).

4.9

Ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata tkun aktar ta' suċċess iżjed ma l-istrumenti speċifiċi tar-rikonċiljazzoni jkunu qegħdin jintużaw fil-ħajja reali fuq il-post tax-xogħol. L-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali għandha għalhekk tingħata l-akbar importanza.

4.10

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis il-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji, li għandha l-appoġġ ta' l-imsieħba soċjali, tista' titqies bħala strument adattat sabiex jiġu mxandra pubblikament eżempji li huma favur il-familja u n-nisa u sabiex dawn jiġu rakkomandati bħala eżempji li għandhom jiġu segwiti. Strumenti ġodda innovattivi, bħal

it-twaqqif ta' kmamar tal-logħob għat-tfal ta' l-impjegati,

nurseries provduti mill-kumpaniji stess,

ġenerazzjoni ta' netwerks fil-kumpanijagħall-koordinazzjoni ta' servizzi volontarji “ta' bejn il-ġenerazzjonijiet”, bħat-twettiq ta' formalitajiet neċessarji ma' l-awtoritjiet u l-koordinazzjoni ta' xiri mill-ħaddiema li qegħdin bil-pensjoni għal ħaddiema iżgħar minnhom b'responsabilitajiet ta' familja.

4.11

B'dan huwa ċar li l-għadd kbir ta' intrapriżi żgħar jew ta' daqs medju, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-kumpaniji fl-UE, m'għandhomx dawn il-mezzi ta' opportunitajiet attraenti, u għal din ir-raġuni għandhom jinħolqu inċentivi fiskali speċifiċi. Proprju, il-kuntatti soċjali mill-qrib li jeżistu fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jiggarantixxu li l-partijiet ikkonċernati jaqblu bejniethom dwar soluzzjonijiet għall-ħaddiema kkonċernati, soluzzjonijiet sew individwali, kif ukoll li jolqtu l-kumpanija kollha. Barra minn hekk hemm il-possibbilità li għadd ta' kumpaniji żgħar f'reġjun jingħaqdu ma' l-awtoritajiet lokali, l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex jipproponu ċerti servizzi, li b'hekk jgħolli l-profil tagħhom u jsaħħaħ ir-reġjun f'għajnejn l-investituri.

5.   Inizjattivi prattiċi fuq livell reġjonali u lokali

5.1

Sabiex jittejbu b'mod prattiku u reali l-iżviluppi għal rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja professjonali, familjali u privata, huwa partikolarment ta' għajnuna jekk l-atturi lokali differenti jaslu għal strateġija kkoordinata bejniethom. Għalhekk il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali għal inizjattivi fuq livell reġjonali u lokali sabiex jitlaqqgħu flimkien l-atturi (intrapriżi, kunsilli tax-xogħol, għaqdiet ta' ġenituri, komunitajiet ta' twemmin, għaqdiet sportivi, rappreżentanti lokali, eċċ.) fil-bliet u fil-komunitajiet lokali, bil-għan li l-ambjent lokali jaqbel fuq kif l-aħjar jirrikonċilja l-interessi tal-ħajja professjonali, familjali u privata. It-tibdil dirett fuq il-post iġib appoġġ prattiku immedjat għall-partijiet kollha kkonċernati. L-azzjoni ta' appoġġ ta' l-atturi differenti lokali hija estremament varjata u miftuħa għall-forom kollha ta' ideat kreattivi. Xi eżempji konkreti li jistgħu jitwettqu huma:

it-twaqqif ta' websajt muniċipali, li tagħti tagħrif dwar opportunitajiet speċifiċi għall-familji;

it-twaqqif ta' databases għal tagħrif dwar postijiet ta' ħarsien u kura għat-tfal;

postijiet li joffru servizzi li normalment iwettqu n-nanniet u li jġibu flimkien il-familji ta' età żgħira mingħajr nanniet u persuni mdaħħla fiż-żmien mingħajr familji;

servizz ta' twassil tat-tfal għall-iskola;

appoġġ minn organizzazzjonijiet volontarji u minn volontiera, li fil-ħin liberu tagħhom jieħdu ħsieb it-tfal;

workshops dwar żviluppi fl-ibliet li jkunu favur il-familja, sabiex iwaqqfu l-migrazzjoni ta' familji ta'età żghira;

programmi ta' sorveljanza għall-missirijiet li jaħdmu part time;

ir-ristrutturar ta' skedi ta' trasport għall-iskejjel, li għandu jagħmilha eħfef għall-ġenituri sabiex jikkoordinaw aħjar il-ħin li fih huma jibdew xogħolhom u l-ħin li fih tibda l-iskola;

il-flessibbilità tal-ħinijiet tal-ftuħ tal-kindergartens;

organizzazzjoni ta' avvenimenti mill-kumpaniji għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u familjali, fejn il-kumpaniji jesebixxu pubblikament il-politika tar-riżorsi umani tagħhom favur il-familji;

spezzjonijiet favur il-ħarsien tat-tfal għad-deċiżjonijiet tal-komunità lokali kollha.

6.   Faċilitajiet għall-ħarsien u l-kura tat-tfal u l-kura ta' qraba anzjani

6.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jiġbed l-attenzjoni li t-tieni rapport ta' progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, li tressaq f'nofs Diċembru 2006 (7), jirreferi għall-fatt li f'ħafna Stati Membri, id-disponibilità ta' faċilitajiet imħallsa ta' ħarsien u kura għat-tfal hija problema. L-Istati Membri huma għalhekk imsejħa, sabiex joffru aktar servizzi ta' ħarsien u kura għat-tfal li jkunu ta' kwalità għolja u aċċessibbli għal kulħadd skond l-għanijiet individwali tagħhom.

6.2

Barra minn hekk il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona fl-2002 (8) iddeċieda li fl-Istati Membri, sas-sena 2010, 90 % tat-tfal minn tliet snin sakemm jilħqu l-età li jibdew l-iskola u 33 % ta' tfal taħt it-tliet snin għandu jkollhom il-faċilità ta' post għall-ħarsien u l-kura tagħhom.

6.3

Fil-kuntest tar-rwoli differenti tan-nisa u l-irġiel huwa importanti li l-imsieħba soċjali jiċċaraw li l-iżvilupp tat-tfal m'għandux ikun influwenzat b'mod negattiv minħabba l-impjieg ta' l-omm jew minħabba l-ħidma fid-dar imwettqa mill-missier.

6.4

Fid-dawl tal-varjetà sħiħa ta' postijiet għall-ħarsien u kura tat-tfal għal taħt it-tliet snin fl-Istati Membri individwali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi b'mod konkret għanijiet kwantifikati fir-rigward ta' l-infrastruttura tal-ħarsien u l-kura għat-tfal taħt it-tliet snin. Sabiex tintlaħaq ir-rinkonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik familjali, sas-sena 2010 mill-inqas 33 % tat-tfal kollha taħt it-tliet snin għandu jkollhom post f'nursery jew id-disponibilità ta' persuna kwalifikata li tissostitwixxi l-omm matul il-ġurnata.

6.5

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis bħala kruċjali li l-iżvilupp ta' ħarsien u kura għat-tfal fl-Istati Membri ta' l-UE jingħata aktar attenzjoni milli qatt ingħata s'issa u li jiġi infurzat u appoġġjat permezz ta' miżuri politiċi.

6.6

Fl-Opinjoni tiegħu dwar Il-familja u l-iżvilupp demografiku  (9), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew analizza bir-reqqa l-bidla demografika li qiegħda sseħħ fl-Unjoni Ewropea u l-konsegwenzi ta' dan fuq il-familji. Iż-żieda fl-għomor tal-ħajja tista' tfisser għal ħafna nies gwadann fil-kwalità ta' ħajja. Din iż-żieda iżda ser twassal ukoll li fil-ġejjieni numru dejjem jiżdied ta' persuni ser ikollhom jieħdu ħsieb ta' qraba anzjani filwaqt li jaħdmu. L-iżvilupp tas-servizzi fil-qasam tal-ħarsien u l-kura għandu għalhekk ikun punt fokali akbar sabiex jitneħħa l-piż żejjed minn fuq il-qraba li jipprovdu l-kura.

6.7

Il-ħidma ta' l-imsieħba soċjali f'dan il-qasam tista' tkun li jxerrdu t-tagħrif permezz ta' l-istrumenti li poġġew fil-prattika. Hawnhekk jistgħu pereżempju jiddaħħlu l-adattabilità tal-ħinijiet tax-xogħol fuq perijodu qasir fil-każ ta' ħtieġa ta' kura li ta' spiss tinqala' f'daqqa; it-tagħmir fuq il-post tax-xogħol li jiffaċilita l-kura, jiġifieri l-impjegati jkunu jistgħu jintlaħqu bit-telefon u jkollhom aċċess għall-kompjuter u għall-internet sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb ta' kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu marbuta mal-ħarsien u l-kura; u d-disponibilità ta' dokumenti ta' tagħrif dwar l-aspetti organizzativi, finanzjarji u legali tal-kura.

7.   Il-passi li jmiss

7.1

Il-KESE jikkunsidra li r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u familjali hija indubbjament marbuta mal-kisba ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-objettivi ta' l-imsieħba soċjali f'dan il-qasam, meta jinkisbu, jirfdu din ir-rikonċiljazzjoni. Sabiex din ir-rikonċiljazzjoni ssir ħaġa ta' kuljum, għandha tiġi ppreżentata bħala xi ħaġa normali u meħtieġa fil-programmi edukattivi li jkunu mmirati lejn it-tfal iż-żgħar.

7.2

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jitlob lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni jikkunsidraw u jinkludu dawn il-proposti li saru fl-opinjoni esploratorja, fil-ħidma futura tagħhom, sabiex ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata fl-Ewropa tkompli titjieb.

Brussell, 11 ta' Lulju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  COM(2006) 92 finali.

(2)  BUSINESSEUROPE (li qabel kien jissejjaħ UNICE) huwa l-korp rappreżentattiv ta' min iħaddem u ta' l-assoċjazzjonijiet industrijali fl-Ewropa, il-UEAPME hija l-merġer ta' diversi assoċjazzjonijiet Ewropej tas-snajja' u ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, is-CEEP huwa ċ-ċentru ta' l-intrapriżi ta' l-ekonomija pubblika, u l-ETUC hija l-federazzjoni tat-trejdjunjins.

(3)  http://ec.europa.eu/employment_social/news/2005/mar/gender_equality_en.pdf.

(4)  Ara l-opinjoni esploratorja tal-KESE ta' l-14 ta' Marzu 2005 dwar L-impatt ekonomiku u baġitarju tal-popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu, rapporteur: Is-Sinjura Florio (ĠU C 161, 13.7.2007).

(5)  Ara wkoll l-opinjoni esploratorja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22.2.2007 dwar Il-familja u l-iżvilupp demografiku, Rapporteur: Is-Sur Buffetaut (ĠU C 161, 13.7.2007).

(6)  Ara l-opinjoni esploratorja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Flessigurtà (id-dimensjoni tal-flessibilità internain-negozjar kollettiv u r-rwol tad-djalogu soċjali bħala strumenti għar-regolamentazzjoni u r-riforma tas-swieq tax-xogħol, rapporteur: Is-Sur Jansson (ĠU C 97, 28.4.2007).

(7)  COM(2006) 816 finali: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa li timplimenta l-istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi “Sena ta' Twettiq”.

(8)  Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza: Il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002.

(9)  Ara wkoll l-opinjoni esploratorja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22.2.2007 dwar Il-familja u l-iżvilupp demografiku, rapporteur: Is-Sur Buffetaut (ĠU C 161, 13.7.2007).