27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/27


Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta l-Acquis tal-Konsumatur”

COM(2006) 744 finali

(2007/C 256/05)

Nhar it-8 ta' Frar 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konsumatur.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjonu u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Adams.

Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju (seduta tat-12 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adottat din l-opinjoni b'55 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jieħu nota tal-Green Paper iżda jiddubita kemm l-approċċ li tissuġġerixxi jista' jwassal għal livell għoli u uniformi ta' ħarsien tal-konsumatur madwar l-UE. L-iżgurar ta' din il-protezzjoni permezz ta' acquis tal-konsumaturi issemplifikat, konsistenti u infurzat kienet tema ripetuta ta' diversi opinjonijiet tal-KESE dwar il-ħarsien tal-konsumaturi iżda hemm indikazzjonijiet f'dan il-proċess ta' reviżjoni li dan jista' jkun diffiċli li jintlaħaq. Ir-reviżjoni ta' l-acquis hija għalhekk sforz ġenwin sabiex tiġi implimentata l-inizjattiva “Regolamentazzjoni Aħjar”. Il-bażi u l-objettivi ta' dan it-tip ta' eżerċizzju għandhom ikunu ċari u miftiehma, sa mill-bidunett, mal-partijiet interessati.

1.2

Hemm bżonn ta' leġislazzjoni demokratika ġenwina ta' dan l-acquis tal-konsumatur rivedut flimkien ma' bażi legali u konċettwali ċara.

1.3

Il-KESE kien jilqa' b'mod partikolari l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' l-acquis għall-ambjent diġitali li qiegħed jikber b'rata mgħaġġla u mhux regolat tajjeb.

1.4

Il-KESE jqis li l-politika tal-konsumaturi m'hijiex biss parti integrali mill-istrateġija tas-suq intern ta' l-UE, iżda wkoll element affermattiv importanti taċ-ċittadinanza. Il-KESE jappoġġja l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar fil-leġislazzjoni tal-konsumatur. Kwalunkwe proposta għal regoli armonizzati f'dan il-qasam trid tkun appoġġjata minn stima xierqa ta' l-impatt, u tfittex is-semplifikazzjoni u l-kjarifikazzjoni tar-regoli eżistenti.

1.5

Miżuri mtejba ta' infurzar u t-tisħiħ jew l-introduzzjoni ta' proċessi sempliċi u ċari sabiex jinstab rimedju għandhom jiġu enfasizzati bħala priorità.

1.6

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis l-Opinjoni tiegħu ta' April 2006 dwar Il-qafas legali għall-politika tal-konsumaturi  (1) li pproponiet li jkun possibbli li miżuri ta' politika tal-konsumaturi jiġu adottati għal rashom u mhux biss bħala riżultat tat-twaqqif tas-suq intern.

1.7

L-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tal-konsumatur madwar l-UE trid tieħu, bħala prinċipju gwida, l-adozzjoni ta' l-aħjar u l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur li tista' tinstab fl-Istati Membri. Kwalunkwe “strument orizzontali” għandu jkun ibbażat fuq l-ogħla livelli filwaqt li l-“integrazzjoni vertikali” neċessarja trid tiffoka fuq il-kjarifikazzjoni ta' kwistjonijiet tekniċi. Strument orizzontali però jista' jkun fih regoli li huma kompletament armonizzati f'oqsma speċifiċi, bħad-dritt ta' l-irtirar u d-definizzjoni tal-konsumatur, kif ukoll klawżoli abużivi, il-kunsinna jew id-dritt tal-konsumatur għal rimedju, filwaqt li armonizzazzjoni minima tkun tapplika bnadi oħra. Huwa ttamat li dan ikun approċċ li jiġi preferut kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri kollha.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kummissjoni adottat il-Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konsumatur (leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi) li ilha minstennija, fil-bidu ta' Frar 2007. Din ikkonkludiet dak li huma jsejħu “il-fażi djanjostika” tar-Reviżjoni. Qegħdin ifittxu opinjonijiet dwar l-għażliet sabiex tiġi ssemplikata, mmordernizzata u armonizzata l-leġislazzjoni komunitarja eżistenti dwar il-ħarsien tal-konsumatur. Qiegħed jingħad li billi jiġu analizzati l-qawwa u d-dgħjufija tal-leġislazzjoni eżistenti u jsiru r-reviżjonijiet xierqa kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozji ser jibbenefikaw. Il-Kummissjoni tqis ukoll li r-Reviżjoni hija opportunità sabiex tintlaħaq konsistenza madwar l-Istati Membri u b'mod ġenerali ttejjeb il-leġislazzjoni għall-ħarsien tal-konsumaturi madwar l-UE, li f'xi partijiet minnha tmur lura 20 sena, b'mod partikolari billi tidentifika fejn jeżistu d-differenzi regolatorji u jekk dawn joħolqux xkiel fis-suq intern għall-konsumaturi u n-negozji — filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din l-Opinjoni, għalhekk, tikkonċentra dwar kif it-temi li jinformaw l-Acquis tal-Konsumaturi qegħdin jiġu pperċepiti u ppreżentati. S'issa huma biss għażliet għall-bidliet li ġew ippreżentati.

2.2

L-infiq fil-konsum jirrappreżenta 58 % tal-PGD ta' l-UE iżda b'mod ġenerali għadu frammentat f'27 suq nazzjonali. Is-suq intern jista' jkun l-akbar wieħed fid-dinja u l-Kummissjoni deskrivit l-istrateġija tagħha bħala l-qawmien “tal-ġgant rieqed, in-naħa tal-bejħ bl-imnut tas-Suq Uniku” (2) Il-Kummissjoni bħalissa tiddefinixxi l-politika tal-konsumaturi tagħha bħala “l-iżgurar ta' livell għoli komuni ta' ħarsien għall-konsumaturi kollha ta' l-UE, hu x'inhu l-post li jgħixu fih, jivjaġġaw lejh jew jixtru minnu fl-UE, minn theddid jew riskji għas-siġurtà u l-interessi ekonomiċi tagħhom u ż-żieda tal-kapaċità tal-konsumaturi li jippromwovu l-interessi tagħhom (3).

2.3

L-iskop li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti ta' qafas komuni għad-drittijiet tal-konsumaturi madwar l-UE għandu appoġġ mifrux. Qafas ta' dan it-tip ikun joffri drittijiet ċari u ekwi u protezzjoni lill-konsumaturi kollha filwaqt li jkun qiegħed joħloq kundizzjonijiet ugwali għall-fornituri tal-prodotti u s-servizzi. Il-Green Paper dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur tirrikonoxxi espliċitament li l-progress lejn dan l-iskop kien bil-mod, inkonsistenti u mfixkel minn firxa wiesgħa ta' varjetà ta' prijoritajiet u eċċezzjonijiet nazzjonali. L-inklużjoni milqugħa ta' l-Istati Membri ġodda kompliet ikkumplikat il-fehma komuni dwar il-ħarsien tal-konsumatur. Din ir-reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konsumatur tippreżenta il-vedura tal-Kummissjoni ta' proċess li jista' jwassal għal aktar ċarezza, konsistenza u implimentazzjoni tad-Direttivi eżistenti. Iżda ħafna organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jgħidu li tqajjem ukoll xi mistoqsijiet dwar id-direzzjoni tal-politika tal-konsumatur b'mod globali.

2.4

Id-Direttivi li huma inklużi f'din ir-Reviżjoni jkopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet marbuta mal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur li jinkludu l-bejgħ bieb bieb, it-timeshare, il-vjaġġ b'kollox inkluż, il-bejgħ mill-bogħod, il-bejgħ ta' merkanzija, it-termini inġusti tal-kuntratti. Madankollu, mhux id-Direttivi kollha li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-konsumatur huma kkunsidrati fir-Reviżjoni peress li xi wħud huma meqjusa li huma reċenti wisq sabiex jiġu inklużi, jew jaqgħu taħt oqsma li qegħdin jiġu kkunsidrati band'oħra mill-Kummissjoni. Id-Direttiva dwar it-Timeshare ġiet indikata fil-Green Paper bħala li għandha bżonn ta' reviżjoni urġenti u huwa mistenni li Direttiva riveduta toħrog dalwaqt. Qasam ġdid sinifikanti li ġie indikat bħala li hemm bżonn li jiġi inkluż fil-prinċipji ta' l-acquis huwa l-“ambjent” diġitali li jippreżenta l-isfidi globali tal-kummerċ elettroniku.

2.5

Il-Kummissjoni rrevediet id-Direttivi permezz ta':

analiżi komparattiva ta' l-implimentazzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali,

riċerka dwar il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi u n-negozji,

laqgħat ta' ħidma ma' esperti mill-Istati Membri u partijiet interessati fil-liġi tal-kuntratti.

2.6

It-terminoloġija stabbilita li tintuża minn dawk li huma mdaħħla fil-kwistjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur għandha l-potenzjal li toħloq konfużjoni, għalhekk spjegazzjoni bikrija ta' xi kunċetti prinċipali huma inklużi hawnhekk. “Armonizzazzjoni minima” tirreferi għal meta Direttiva timponi sett minimu ta' rekwiżiti li jridu jiġu infurzati mill-Istat Membru. Dan iħalli l-possibilità li l-Istati Membri jimponu rekwiżiti aktar stretti minn dawk speċifikati fid-Direttiva. “Armonizzazzjoni massima” (jew “Sħiħa”) tfisser li l-Istati Membri jridu jimplimentaw ir-regoli li hemm fid-Direttiva u ma jistgħux imorru lil hinn minnhom (“armonizzazzjoni b'limiti fil-livelli l-aktar baxxi u dawk l-aktar għolja”). Għalhekk ħafna organizzazzjonijiet tal-konsumaturi saru jqisu l-armonizzazzjoni sħiħa bħala sinonimu ta' livell minimu ta' ħarsien tal-konsumaturi u l-armonizzazzjoni minima bħala li toffri l-possibilità ta' livell ħafna aktar għoli ta' protezzjoni.

2.7

Il-pubblikazzjoni tal-Green Paper timmarka it-tmiem tal-fażi esplorattiva tar-Reviżjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummisssjoni talbet il-fehmiet dwar il-Green Paper sal-15 ta' Mejju 2007. Il-Kummissjoni issa qiegħda tanalizza r-risposti li rċeviet mill-konsultazzjoni, ser tfassal sinteżi tal-veduti u tiddeċiedi jekk hemmx bżonn ta' strument leġislattiv, għalkemm dan kollu jieħu xi ftit tax-xhur. Kwalunkwe proposta ta' dan it-tip tkun akkumpanjata bi stima ta' l-impatt. “Fi tmiem l-eżerċizzju, idealment, għandu jkun possibbli li jingħad lill-konsumaturi ta' l-UE, 'tinsab fejn tinsab fl-UE jew tixtri minn fejn tixtri mill-UE ma tagħmel l-ebda differenza: id-drittijiet essenzjali tiegħek huma l-istess'”  (4).

3.   Taqsira tal-Green Paper

3.1

Il-Green Paper tfittex li tipprovdi kuntest li fih il-fehmiet tal-partijiet interessati jkunu jistgħu jinġabru dwar l-għażliet ta' politika ta' l-Acquis tal-Konsumaturi u xi kwistjonijiet speċifiċi oħra. Hija tidentifika l-kwistjonijiet prinċipali bħala:

Żviluppi Ġodda tas-Suq: bosta direttivi li huma parti mill-Acquis tal-Konsumatur “m'għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-swieq tal-lum li qed jevolvu malajr”. Dawnlowds tal-mużika u irkanti onlajn huma msemmija bħala eżempji bħalma hi l-esklużjoni tas-softwer u d-data mill-ambitu tad-Direttiva dwar Bejgħ lill-Konsumatur.

Frammentazzjoni tar-Regoli: id-direttivi kurrenti jippermettu lill-Istati Membri li jadottaw regoli aktar stretti fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. F'numru ta' kwistjonijiet hemm nuqqas ta' konsistenza bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali, bħal fil-każ tat-tul tal-perjodi ta' tregwa.

Nuqqas ta' Fiduċja: il-maġġoranza tal-konsumaturi jemmnu li, in-negozji fi Stati Membri oħra, x'aktarx ma jkunux jirrispettaw il-liġijiet ta' ħarsien tal-konsumatur.

3.2

Fuq il-bażi ta' ħidma li saret qabel, il-Kummissjoni mbagħad tindika żewġ strateġiji pożittivi għar-reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konusmaturi.

Ġħażla I: l-aproċċ vertikali, jinvolvi l-emenda ta' direttivi eżistenti b'mod separat u, fuq medda ta' żmien, id-direttivi differenti jsiru konsistenti bejniethom.

Għażla II: l-istrateġija mħallta, din teħtieġ li l-kwistjonijiet komuni jiġu identifikati u jinqalgħu mid-direttivi eżistenti u jiġu rregolati b'mod sistematiku fi “strument orizzontali”. Ikun hemm bżonn ukoll ta' xi aġġustamenti “vertikali” speċifiċi għal xi direttivi partikolari.

3.3

It-tielet strateġija, dik ta' l-“ebda azzjoni leġislattiva” hija msemmija fil-qosor, għalkemm huwa indikat li l-problemi eżistenti mhux ser jissolvu u l-inkonsistenzi bejn l-Istati Membri jistgħu jiżdiedu.

3.4

Il-Green Paper imbagħad tittratta dwar l-ambitu possibbli ta' Strument Orizzontali. Tliet għażliet huma suġġeriti.

I.

Strument ta' qafas, applikabbli kemm għat-transazzjonijiet lokali kif ukoll għal dawk transkonfinali iżda li ma jiddominax fuq regoli eżistenti speċifiċi għas-settur, li jibqgħu fis-seħħ. Bħala eżempju jissemmew is-servizzi finanzjarji u l-assigurazzjoni.

II.

Strument li japplika esklussivament għall-kuntratti transkonfinali. Dan jista' joffri sigurtà u fiduċja ikbar lill-konsumaturi li jixtru oġġetti jew servizzi barra minn pajjiżhom iżda jista' jwassal għal livelli differenti ta' ħarsien bejn il-protezzjoni domestika u dik transkonfinali.

III.

Strument orizzontali limitat għal xiri mill-bogħod kemm jekk transkonfinali kif ukoll jekk lokali. Din tista' tieħu post id-Direttiva dwar Bejgħ mill-Bogħod iżda jkunu japplikaw kundizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet mill-bogħod u għal dawk magħmula wiċċ imb'wiċċ,

3.5

It-tema li jmiss fil-Green Paper, għal ħafna ser tidher bħala l-kwistjoni li magħha jdur kollox fir-reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konsumatur — il-grad ta' armonizzazzjoni. Attwalment, l-Istati Membri huma permessi li jkollhom livelli ta' ħarsien ogħla minn dawk stipulati mid-direttivi. Dan huwa magħruf bħala “armonizzazzjoni minima”. L-enfażi u l-prijorità fil-kwistjonijiet marbuta mal-ħarsien tal-konsumaturi jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn Stati Membri, xi kultant bir-riżultat li l-konsumaturi jitgerfxu u n-negozji jaqtgħu qalbhom milli jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom lil hinn mill-fruntiera. Żewġ possibilitajiet jiġu ppreżentati sabiex ikunu kunsidrati.

1.

Leġislazzjoni riveduta u kompletament armonizzata. Fejn l-armonizzazzjoni sħiħa ma tkunx possibbli, tapplika klawsola ta' rikonoxximent reċiproku, “għal ċerti aspetti koperti mil-leġiżlazzjoni proposta iżda mhux armonizzati għal kollox”.

2.

Leġislazzjoni riveduta tkun ibbażata fuq armonizzazzjoni minima flimkien ma' klawsola ta' rikonoxximent reċiproku jew mal-prinċipju tal-pajjiż oriġinarju (5).

3.6   Anness I. Il-Konsultazzjoni

Il-parti l-kbira tal-Green Paper fiha l-eżerċizzju dettaljat u ferm strutturat tal-konsultazzjoni li fih ir-rispondenti huma mistiedna li jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ta' politika ġenerali, affarijiet ta' definizzjoni, ta' liġi tal-kuntratti, kwistjonijiet ta' prinċipju, kif ukoll mistoqsijiet dwar l-ambitu u d-dettal. Il-konsultazzjoni tibda' bit-tliet kwistjonijiet ta' “politika” indikati hawn fuq.

L-aproċċ leġislattiv ġenerali.

L-iskop ta' strument orizzontali.

Il-grad ta' armonizzazzjoni.

Għal kull kwistjoni, il-Kummissjoni tagħmel mistoqsija ewlenija u tissuġġerixxi tlieta jew erba' risposti possibbli. Wara jsegwu 27 mistoqsija speċifika dwar id-direttivi li qegħdin jiġu ikkunsidrati. Għal darb'oħra il-format huwa li jkun hemm introduzzjoni qasira għall-kwistjoni, il-mistoqsija ewlenija — per eżempju. “Safejn għandha d-dixxiplina ta' termini ta' kuntratti inġusti tkopri wkoll it-termini innegozjati individwalment?” jew “It-tul tal-perijodi ta' tregwa għandu jiġi armonizzat fl-acquis kollu tal-konsumatur?” u jissġġerixxi tlieta jew erba' possibilitajiet sabiex tkun tista' tingħata risposta.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1

Tul ħafna snin, il-KESE appoġġja, permezz tal-ħidma u l-Opinjonijiet tiegħu, l-iskop primarju tal-politika tal-konsumatur ta' l-UE — li livell għoli uniformi u konsistenti ta' ħarsien ikun aċċessibbli għal kulħadd. Il-Kumitat jappoġġja wkoll l-iskop sekondarju li jippermetti lill-konsumaturi li jkunu informati, u li jagħżlu b'mod informat f'suq bla xkiel. L-istruttura tal-Green Paper tagħmilha inevitabbli li t-tensjonijiet li jeżistu sabiex jintlaħqu dawn iż-żewġ skopijiet b'mod sħiħ jitilgħu fil-wiċċ.

4.2

Diġà huwa ċar li t-tkomplija ta' l-Acquis tal-Konsumatur fil-forma attwali m'għandhiexx titqies bħala possibilità għall-perjodu fit-tul. Il-varjazzjonijiet fil-liġijiet bejn Stati Membri, l-inkonsistenza fid-definizzjoni, id-diskrepanza konsiderevoli fil-mod kif tiġi applikata u inforzata l-leġislazzjoni tal-konsumatur eżistenti u n-nuqqas ta' ċarezza fi — jew saħansittra l-eżistenza ta' — proċeduri ta' ilment u ta' soluzzjoni kollha għandhom xi effett fil-ħolqien tax-xkiel għas-suq uniku.

4.3

Joħroġ ċar ukoll li l-Kummissjoni qiegħda tqis ir-Reviżjoni bħala opportunità sabiex tħares lejn xi aspetti tal-politika tal-konsumatur li s'issa kienet qiegħda titqies bħala fundamentali u tesplora jekk jaqblux ma' suq uniku enerġiku, speċjalment wieħed li huwa kompetittiv mil-lat ta' globalizzazzjoni. F'dan ir-rigward, hemm similaritajiet ma' reviżjonijiet oħra li qegħdin jitqajmu bħala riżultat ta' l-implimentazzjoni ta' l-Aġenda ta' Lisbona. Livell għoli u uniformi ta' ħarsien tal-konsumatur huwa kkunsidrat minn xi wħud bħala parti integrali mill-mudell soċjali Ewropew u bidla fl-enfasi sabiex “il-politika tal-konsumaturi ta' l-UE tiġi ridefinita sabiex tikkontribwixxi lejn żewġ miri ċentrali ta' l-UEil-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u l-impiegi kif ukoll li l-Ewropa terġa tingħaqad maċ-ċittadini tagħha” jistgħu jitqiesu bħala sfida għal dan il-kunċett (6)

4.4

Għalkemm il-biċċa xogħol ser tkun diffiċli, il-KESE jilqa' r-Reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konsumatur u jappoġġja lill-Kummissjoni fl-għanijiet iddikjarati tagħha li tnaqqas l-ixkiel għas-suq intern filwaqt li żżomm livell għoli ta' ħarsien tal-konsumaturi. Il-Kumitat jikkunsidra madankollu li dawn l-isforzi m'għandhomx ikunu limitati għat-tmien direttivi li qiegħdin jiġu kkunsidrati attwalment; minflok għandhom ikopru, fil-futur, ta' l-anqas it-22 direttiva li hemm fil-lista li l-Kummissjoni ġabret f'Mejju 2003.

4.5

Il-KESE jixtieq jipparteċipa f'dan id-dibattitu b'mod attiv bil-għan li jsaħħaħ is-suq intern għall-benefiċċju tal-partijiet interessati kollha — konsumaturi, professjonisti, kumpaniji u ċittadini.

5.   Kummenti Speċifiċi

5.1

Il Green Paper tqajjem kwistjonijiet kumplessi ta' politika, prinċipju u liġi. L-Istati Membri infushom żviluppaw sett ta' liġijiet tal-konsumatur li, għalkemm huma ta' spiss konsistenti bejn il-pajjiżi fejn jidħlu il-prinċipji wiesgħa, ivarja fid-dettall u l-applikazzjoni. Il-proċess ta' konsultazzjoni sistematika u estiża anness mad-dokument jirrifletti din il-komplessità. Dan il-qafas iddettaljat ifittex tweġibiet minn diversi mijiet ta' partijiet interessati fl-organizzazzjonijiet li jkunu jixtiequ jsemmgħu l-fehmiet tagħhom. Madankollu, f'din l-Opinjoni, il-KESE jillimita ruħu li jikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet ta' politika maġġuri, għaliex iqis li għal kull direttiva li trid tiġi riveduta għandhom isiru kummenti separati, bħal fl-Opinjoni tiegħu dwar id-direttiva fuq kuntratti li jsiru mill-bogħod [Opinjoni INT/334 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2006)514 finali, tal-21 ta' Settembru 2006].

5.2

Il-prijorità prinċipali għandha tkun li tpatti għan-nuqqasijiet fid-Direttivi eżistenti u li jiġu koordinati flimkien.

5.3

X'aktarx il-bażi tal-parti kbira ta' l-Acquis tal-konsumatur fil-futur viċin ser tkun “l-armonizzazzjoni minima” flimkien ma' aproċċ pożittiv mill-Istati Membri sabiex jadottaw livelli dejjem aktar għoljin ta' ħarsien tal-konsumatur. Għal raġunijiet diversi (li jvarjaw) ta' natura soċjali u ekonomika, l-Istati Membri ser ikunu jixtiequ jew li jżommu l-livell ta' ħarsien tal-konsumatur li diġà jgawdu jew jiċċaqalqu b'mod meqjus, u b'rata li jagħżlu huma, lejn livell differenti ta' protezzjoni. Din il-pożizzjoni tirrispetta u hija ħafna eħfef sabiex tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, il-Kumitat jirrikonoxxi wkoll l-idea li diversi kategoriji ta' konsumaturi madwar l-UE huma żvantaġġjati mil-livell attwali ta' ħarsien jew kapaċità li jfittxu soluzzjoni u hemm bżonn li tittieħed azzjoni kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll ta' l-Istat Membru.

5.3.1

Dan ma jfissirx li, wara li jsir eżami ta' kull każ separatament, f'oqsma speċifiċi ħafna, fejn il-kompletar tas-suq intern huwa l-preokkupazzjoni ewlenija, il-possibilità ta' armonizzazzjoni massima ma tiġix ikkunsidrata, sakemm jiġi żgurat livell ogħla ta' ħarsien tal-konsumatur, possibilment permezz tar-regolamentazzjoni.

5.4

L-għan iddikjarat li l-konsumatur jitpoġġa fil-pożizzjoni imexxu– fir-rigward ta' għarfien dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, il-kapaċità tagħhom li jieħdu azzjoni kontra l-fornituri u jiksbu soluzzjoni — ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala alternattiva għall-ħarsien ċar u infurzat b'mod attiv permezz ta' kombinazzjoni ta' liġi nazzjonali u ta' l-UE. L-informazzjoni hija ħaġa differenti ħafna mill-protezzjoni. Filfatt, il-bilanċ tal-poter f'ħafna mit-transazzjonijiet fis-suq normalment huwa favur l-fornitur u l-parti l-kbira tal-liġi tal-konsumatur hija ddisinjata sabiex iżżomm d-drittijiet ta' min ikun qiegħed jixtri.

Brussel, 12 ta' Lulju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 185, 8.8.2006.

(2)  http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/07/320&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en.

(3)  http://ec.europa.eu/consumers/overview/cons_policy/index_en.htm.

(4)  http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/acquis/green-paper_cons_acquis_mt.pdf.

(5)  Rikonoxximent reċiproku jkun ifisser li l-Istati Membri jżommu l-possibilità li jintroduċu regoli aktar stretti tal-ħarsien tal-konsumatur fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, iżda ma jkunux jistgħu jimponu r-rekwiżiti aktar stretti tagħhom fuq negozji stabbiliti fi Stati Membri oħra b'mod li joħloq restrizzjonijiet mhux ġustifikati għall-moviment ħieles tal-merkanzija jew għal-libertà li jiġu provduti servizzi. L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż oriġinarju jkun ifisser li Stat Membru jżomm id-dritt li jdaħħal reġoli aktar stretti tal-ħarsien tal-konsumatur fil-liġijiet nazzjonali, iżda neġozji stabbiliti fi Stati Membri oħra jkollhom jikkonformaw biss mar-regoli li japplikaw f'pajjiżhom.

(6)  Ms Meglena Kuneva, Commissioner for consumer protection policy.

http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/07/256&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en.