27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/47


Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġewwa l-Komunità”

COM(2006) 818 finali — 2006/0304 (COD)

(2007/C 175/13)

Nhar it-8 ta' Frar 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 175 paragrafu 1 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġewwa l-Komunità.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Mejju 2007 Ir-rapporteur kien is-Sur Adams.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tal-31 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adottat din l-opinjoni b'50 vot favur, 8 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' d-Direttiva proposta li toffri approċċ ikkunsidrat b'attenzjoni u pragmatiku li jimmodera u jikkumpensa t-tkabbir rapidu tal-volum ta' gassijiet b'effett ta' serra li tarmi l-industrija ta' l-avjazzjoni.

1.2

L-integrazzjoni ta' l-avjazzjoni fis-Sistema Ewropea ta' l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet (ETS) potenzjalment issaħħaħ din is-sistema u tagħtiha aktar saħħa bħala mudell prinċipali għall-ġlieda kontra l-emissjonijiet tas-CO2 fil-livell globali.

1.3

Il-proposta hija realistika. Tirrikonoxxi l-qawwa tal-pressjonijiet politiċi, ekonomiċi u tal-konsumaturi favur il-kontinwità ta' l-iżvilupp tal-vjaġġi u tat-trasport bl-ajru waqt li jintuża l-mekkaniżmu tas-suq ta' l-ETS sabiex ikun hemm kumpens għal wieħed mill-impatti prinċipali esterni li jagħmel il-ħsara tas-settur ta' l-avjazzjoni.

1.4

Il-proposta hija madankollu vulnerabbli. Hija marbuta ma' l-ETS — sistema li qalgħet ħafna kritika minn ħafna partijiet interessati, li għad trid turi l-potenzjal tagħha u li tiddependi hija stess minn attribuzzjoni ġusta ta' kwoti ta' CO2, investiment immaġinattiv u innovattiv fit-tnaqqis tas-CO2 u r-rinfurzar tal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni mill-Istati Membri.

1.5

Il-KESE jilqa' l-inklużjoni ta' l-iskema fit-titjiriet kollha minn u lejn l-Ewropa mill-2012 iżda jemmen li d-data tal-bidu għandha tkun l-2011 bħalma hi għall-operaturi Ewropej.

1.6

Il-Kumitat jinnota li d-Direttiva tippermetti l-integrazzjoni fis-sistema tal-krediti li jirriżultaw minn proġetti “esterni” flessibbli li jseħħu fil-qafas ta' l-Implimentazzjoni Komuni ta' Kyoto jew tal-Mekkaniżmi ta' Żvilupp Nadif (JI/CDM). L-appoġġ għall-programmi ta' enerġija sostenibbli ċertifikati bħala tali u ta' effiċjenza ta' l-enerġija fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huwa pożittiv, sakemm tinżamm verifika stretta.

1.7

Il-Kumitat jirrikonoxxi li din hija kwistjoni kumplessa, iżda jħoss li l-proposta mhix ċara biżżejjed u tonqos milli tippreżenta l-vantaġġi tagħha b'mod ċar. Il-proposta tappella, b'modi differenti u f'diversi livelli, lill-UE fit-totalità tagħha, lill-Istati Membri individwali, lis-setturi differenti ta' l-industrija u lill-pubbliku. B'mod partikolari għandu jiġi enfasizzat il-potenzjal pożittiv tad-Direttiva sabiex tappoġġja u ssaħħaħ l-ETS. Huwa nnotat ukoll li hemm bżonn ta' sostenn attiv u komplementari mid-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni, partikolarment dawk responsabbli mit-Trasport, l-Enerġija u r-Riċerka.

1.8

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda:

1.8.1

L-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS tintuża bħala opportunità sabiex l-iskema tiġi riveduta, jitranġaw l-iżbalji eżistenti u jissaħħu oqsma dgħajfin u b'hekk ikun jista' jiġi żviluppat suq ġenwin u effettiv fil-kummerċ tal-karbonju — element kritiku fis-sostenn tal-wegħda ta' l-UE li tasal għal tnaqqis ta' 20 % fis-CO2 sa l-2020.

1.8.2

Il-limitu propost ta' emissjonijiet huwa mnaqqas sabiex l-avjazzjoni tkun tista' tagħmel aġġustament aktar komparabbli ma' l-industriji l-oħra li diġà jinsabu fl-ETS.

1.8.3

L-attribuzzjoni ħielsa ta' kwoti lill-operaturi li hemm fil-proposta għandha tiġi eliminata jew imnaqqsa b'mod sinifikanti sabiex b'hekk ikun meħtieġ li l-kwoti kollha, jew il-maġġoranza, jinbiegħu b'irkant.

1.8.4

L-applikazzjoni ta' limitu komuni fuq ix-xiri tal-krediti mill-iskemi JI/CDM sabiex jiġi assigurat li proporzjoni għolja tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet isseħħ fi ħdan l-UE.

1.8.5

L-ippjanar minn qabel dwar kif għandhom jiġu ppreżentati lill-pubbliku l-effetti tad-Direttiva. Dan mhux biss iqajjem aktar kuxjenza dwar l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla klimatika iżda jinkoraġġixxi ftuħ akbar fir-rigward ta' l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' l-iskema għall-klijenti u għall-operaturi u jnaqqas ir-riskju ta' opportuniżmu fil-profitti.

1.8.6

Sabiex jagħtu eżempju tajjeb, l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba li jinnewtralizzaw volontarjament l-emissjonijiet li jirriżultaw mit-titjiriet tal-Kapijiet ta' Stat, Kapijiet ta' Gvern jew Ministri li bħalissa jibbenefikaw minn eżenzjoni għal raġunijiet amministrattivi (titjriet li huma ġeneralment operati minn dipartimenti militari).

1.8.7

Ħidma komplementari fuq miżuri li jnaqqsu l-karbonju li m'humiex parti mill-ETS għandhom ukoll jingħataw prijorità għolja. Dawn jinkludu l-eliminazzjoni ta' l-ostakoli legali għall-passi fiskali u regolatorji — partikolarment għall-fjuwil ta' l-avjazzjoni; ir-restrizzjoni ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidu tan-nitroġenu; it-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru u r-riċerka għal effiċjenza akbar tal-magni u ta' l-inġenji ta' l-ajru.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-avjazzjoni kienet u tibqa' parti integrali u importanti ta' l-ekonomija globali f'espansjoni. F'ħafna modi, l-avjazzjoni hija karatterizzata minn suċċess reali. Sa mill-1960 kibret kull sena b'medja ta' 9 %, rata 2.4 darbiet akbar mit-tkabbir fil-PGD globali. Dan it-tkabbir ikompli u jekk it-tendenzi preżenti jibqgħu, it-trasport bl-ajru ser jirdoppja sa l-2020.

2.2

Dan is-suċċess b'mod inevitabbli ħoloq problemi, bħat-tkabbir u l-impatt lokali ta' l-ajruporti iżda fil-kuntest tal-bidliet klimatiċi, l-attenzjoni tiffoka dejjem aktar fuq il-kontribut ta' l-avjazzjoni għat-tisħin globali, bl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u oħrajn. L-industrija ta' l-avjazzjoni, bħala settur tas-servizzi, tirrappreżenta madwar 0.6 % tal-valur miżjud ekonomiku ta' l-UE, iżda 3.4 % ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra. Fl-UE, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni żdiedu b'87 % mill-1990 filwaqt li l-emissjonijiet totali ta' gass b'effett ta' serra fl-UE naqas bi 3 % fl-istess perijodu.

2.3

Storikament, it-titjiriet internazzjonali kienu eżentati mit-taxxa fuq il-fjuwil u m'humiex koperti mill-objettivi tal-Protokoll ta' Kyoto. B'konsiderazzjoni tal-perijodu twil ta' ħajja ta' l-inġenji ta' l-ajru u l-possibbilitajiet li tissaħħaħ l-effiċjenza teknika u ta' tħaddim, it-tkabbir ta' l-avjazzjoni jfisser li s-settur ser ikompli jżid l-emissjonijiet tiegħu ta' gass b'effett ta' serra, u b'hekk iwaqqa' l-isforzi li saru minn setturi oħra fejn qiegħed iseħħ tnaqqis. Għalkemm fit-totalità tagħha l-avjazzjoni rat titjib kbir fir-regolamentazzjoni, fil-koordinazzjoni u fit-twettiq fil-qasam tas-sigurtà u s-sikurezza, kien diffiċli li jintlaħaq ftehim internazzjonali fuq il-kwistjonijiet ambjentali li jistgħu wkoll ikollhom impatt fuq l-interessi kummerċjali.

2.4

Il-Kummissjoni ilha għal xi żmien tfittex mod kif tħeġġeġ jew tinforza tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mill-avjazzjoni. Fl-2005 adottat Komunikazzjoni bit-titolu “It-Tnaqqis ta' l-Impatt ta' l-Avjazzjoni fuq il-Bidla fil-Klima” (1). F'April 2006, il-KESE fl-Opinjoni tiegħu (2) dwar din il-Komunikazzjoni kkonkluda li kien hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali ta' politika sabiex jiġi kkontrollat l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla klimatika u rrakkomanda, forst affarijiet oħra, l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fis-Sistema Ewropea ta' l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet. Ittieħdu pożizzjonijiet simili mill-Kunsill tal-Ministri għall-Ambjent, mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni issa pproponiet Direttiva — is-suġġett ta' din l-Opinjoni — li tinkludi l-avjazzjoni fl-iskema komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra.

3.   Sommarju tad-Direttiva proposta

3.1

L-introduzzjoni għad-Direttiva proposta ssemmi li t-tkabbir fl-emissjonijiet ta' l-avjazzjoni jista', sa l-2012, jinnewtralizza aktar minn kwart tal-kontribuzzjoni ambjentali mwettqa mill-UE fil-qafas tal-Protokoll ta' Kyoto. Jidher diffiċli li jintlaħaq ftehim internazzjonali iżda d-Direttiva proposta hija intiża sabiex tipprovdi mudell għal azzjoni fil-livell globali u hija l-unika inizjattiva li toffri din il-possibbilità.

3.2

Il-proposta attwali temenda d-Direttiva 2003/87/KE dwar l-iskambji ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra sabiex tinkludi l-avjazzjoni fl-iskema komunitarja. Analiżi ta' l-impatt li takkompanja l-proposta tikkonkludi li filwaqt li l-iskambju ta' emissjonijiet huwa l-aktar soluzzjoni effiċjenti sabiex jitnaqqas l-impatt klimatiku ta' l-avjazzjoni, l-impatt tal-miżuri kien ikollu effett żgħir fuq ir-rata ta' tkabbir imbassra mit-talba, u għalhekk fuq il-volum ta' l-emissjonijiet (3). Għalhekk irid jiġi mifhum li din il-proposta mhix maħluqa sabiex tirrestrinġi t-tkabbir ta' l-avjazzjoni per se iżda sabiex tassigura li xi wħud mill-impatti tagħha li jagħmlu ħsara lill-ambjent jiġu bbilanċjati mill-azzjonijiet l-aktar f'setturi ekonomiċi oħra.

3.3

L-ETS (4) attwali fl-UE tkopri madwar 12,000 installazzjoni industrijali ta' enerġija intensiva li huma responsabbli għall-50 % ta' l-emissjonijiet totali tas-CO2 fl-UE. Skond il-proposta, il-kumpaniji tal-linji ta' l-ajru ser jirċievu kwoti li jistgħu jiġu skambjati sabiex jarmu ċerti livelli ta' CO2 kull sena b'limitu globali mfisser mil-livell medju annwali ta' l-emissjonijiet iġġenerati mill-industrija ta' l-avjazzjoni fit-tliet snin bejn l-2004 u l-2006. L-operaturi jistgħu jbiegħu l-kwoti żejda jew jixtru kwoti addizzjonali fuq is-suq ta' l-ETS, eż. mill-installazzjonijiet industrijali li naqqsu l-emissjonijiet tagħhom jew minn proġetti ta' enerġija nadifa f'pajjiżi terzi skond il-mekkaniżmi tal-Protokoll ta' Kyoto.

3.4

Id-Direttiva proposta ser tkopri l-emissjonijiet tat-titjiriet fl-UE mill-2011 u tat-titjiriet kollha minn u lejn l-ajruporti fl-UE mill-2012. Ser jiġu koperti operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru kemm Ewropej kif ukoll barranin. Huwa stmat li sa l-2020, il-proposta tista' żżid bejn EUR 1.8 u EUR 9 mal-prezz ta' biljett ta' l-ajru bir-ritorn fl-Ewropa u aktar għal titjiriet fuq distanzi twal, eż bejn EUR 8 u EUR 40 għal biljett bir-ritorn għal New York. L-impatt minimu ħafna ta' bidla bħal din fis-settur ta' l-avjazzjoni, li huwa kkaratterizzat minn prezzijiet elastiċi, huwa r-raġuni li għaliha din l-iskema tidher li għandha effett limitat fuq it-tkabbir.

3.5

Irid jiġi nnotat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS huwa wieħed mill-passi possibbli li għandhom jittieħdu f'livell internazzjonali sabiex jiġi miġġieled l-impatt dejjem jiżdied ta' l-emissjonijiet tas-settur ta' l-avjazzjoni fuq il-klima. Tissuġġerixxi li jitressqu proposti relatati ma' l-emissjonijiet ta' l-ossidi tan-nitroġenu wara analiżi ta' impatt li saret fl-2008. Barra minn hekk, l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) għandha l-intenzjoni li tippreżenta aktar proposti matul l-assemblea tagħha f'Settembru 2007, għalkemm l-indikazzjonijiet juru li qiegħda tiżdied il-pressjoni sabiex tiddgħajjef l-inizjattiva ta' l-UE.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS huwa l-ewwel pass, fil-livell internazzjonali, sabiex it-trasport bl-ajru jħallas xi wħud mill-ispejjeż ambjentali li kien qiegħed jesternalizza sa mill-bidu tiegħu. L-inklużjoni ta' operaturi mhux Ewropej hija wkoll milqugħa. Barra minn hekk, l-iskema proposta ser teħtieġ li inġenji ta' l-ajru li huma anqas effiċjenti f'termini ta' fjuwil jużaw aktar permessi, li b'mod modest jinkoraġġixxi l-effikaċja teknika u ta' tħaddim. Peress li l-kumpaniji ta' l-ajru bi prezzijiet baxxi għandhom fattur ta' piż fuq medja ta' 10 % aktar għoli mill-kumpaniji “storiċi”, il-proposta ser ikollha impatt kemxejn ridott fuq il-kumpaniji bi prezzijiet baxxi, waqt li tinkoraġġixxi l-bejgħ bi skont tal-postijiet battala mill-kumpaniji kollha.

4.2

Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-miżuri dwar l-effikaċja tar-rotot tat-titjiriet, fjuwil alternattiv, diżinn imtejjeb u fatturi ogħla ta' piż ser jagħtu xi tip ta' kontribut sabiex jitnaqqas it-tkabbir ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Madankollu, il-maġġorparti ta' dawn il-miżuri ilhom jiġu applikati fis-settur ta' l-avjazzjoni sa mill-1990 iżda dan il-perijodu xorta waħda ra żjieda fl-emissjonijiet ta' aktar minn 85 % — figura li qiegħda tkompli togħla minħabba żjidiet sinifikanti fin-numru tal-passiġieri u tal-merkanzija ttrasportati.

4.3

Din id-Direttiva tipproponi li tiġi miġġielda l-kontribuzzjoni dejjem tikber għall-bidla klimatika mis-settur ta' l-avjazzjoni billi tiġi inkluża fl-UE-ETS. L-UE-ETS innifisha tipprovdi l-uniku mekkaniżmu internazzjonali fuq skala wiesa' ta' regolamentazzjoni u ta' kumpens ta' l-emissjonijiet tas-CO2 relatati mas-suq iżda rat problemi importanti inizjali matul il-fażi ta' prova tagħha li tispiċċa fl-2007. Dan qabel kollox kien minħabba l-attribuzzjoni żejda ta' kwoti mill-Istati Membri. Sabiex l-UE-ETS tilħaq l-objettiv tagħha li tkun strument tas-suq għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2, huwa essenzjali li l-Kummissjoni, appoġġjata mill-Istati Membri kollha, tkun determinata li tistabbilixxi u tapplika l-kwoti tas-CO2 kif ukoll li tara li dawn jiġu rispettati.

4.4

Fil-prattika, l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni tista' tkun ta' benefiċċju kbir għall-ETS. L-avjazzjoni hija anqas sensittiva għall-fattur tal-prezzijiet mill-maġġoranza tal-proċessi industrijali u ta' l-industriji li jiġġeneraw l-enerġija attwalment responsabbli għall-maġġoranza ta' l-emissjonijiet tas-CO2. Peress li s-sehem tas-CO2 mill-avjazzjoni sejjer jiżdied (b'mod inevitabbli), kwantità konsiderevoli ta' fondi ġodda ser jidħlu fis-sistema ETS u jippermettu investiment għall-iffrankar addizjonali ta' karbonju f'setturi oħrajn. Filwaqt li l-avjazzjoni nnifisha għandha biss kapaċità limitata sabiex twettaq dan l-iffrankar, tista' taġixxi ta' ġarriera ta' riżorsi li jippermettu lil setturi oħrajn sabiex jagħmlu dan.

4.5

Per eżempju, il-Kummissjoni tistima li d-Direttiva ser tirriżulta fi tnaqqis nett ta' 183 miljun tunnellata metrika ta' CO2 sa l-2020 meta mqabbel max-xenarju bbażat fuq l-istatus quo. Il-proġettazzjonijiet dwar il-prezz tal-karbonju matul dak il-perijodu huma impreċiżi u jiddependu minn kondizzjonijiet riġidi ta' attribuzzjonijiet iżda jekk l-industrija ta' l-avjazzjoni tixtri 100 miljun tunnellata matul dak il-perijodu bi prezz medju ta' EUR 30, fil-prinċipju EUR 3 biljun ikunu qegħdin jintefqu għat-tnaqqis tas-CO2.

4.6

Fl-2007, il-KESE nieda programm estensiv bil-għan li fis-soċjetà ċivili jitħeġġu l-azzjoni u l-aħjar prattika fir-rigward tal-bidla klimatika, li parti integrali minnha tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Waqt li l-Kumitat jirrikonoxxi li din il-proposta hija, minn lat pragmatiku, l-aħjar approċċ għall-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fi strateġija għat-tnaqqis tal-karbonju, għandu jindika madankollu li d-Direttiva proposta mhi ser tagħmel kważi xejn sabiex tillimita l-emissjonijiet dejjem jikbru ta' gassijiet b'effett ta' serra prodotti mis-settur tat-trasport bl-ajru. Dan joħloq problema kbira ta' “preżentazzjoni”. L-industrija ta' l-avjazzjoni diġà hija s-sors ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra li għandu l-aktar tkabbir rapidu fl-Ewropa u din id-Direttiva tagħti prova ta' konċessjoni lejn din l-industrija fl-insistenza tagħha dwar it-tkabbir mingħajr ma jiġi impost limitu ta' emissjonijiet. Il-pubbliku ser ikollu bżonn jifhem li d-Direttiva tista' tistimola riżorsi sinifikanti, li ser jiġu applikati għal tnaqqis kompensatorju ta' l-emissjonijiet tas-CO2.

5.   Kummenti Speċifiċi

5.1

Id-Direttiva proposta tuża terminoloġija mhux eżatta meta tafferma li l-għan tagħha huwa li tnaqqas l-emissjonijiet tas-settur b'mod sinifikanti. Peress li l-linji ta' l-ajru jistgħu jixtru kwoti b'rata tas-“suq” sabiex ikopru emissjonijiet ogħla mil-limitu attribwit lilhom, l-effett tat-test dwar it-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur ta' l-avjazzjoni ser ikun minimu, stmat għal tnaqqis nett possibbli ta' 3 % sa l-2020, jew inqas minn sena ta' tkabbir fl-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra mill-avjazzjoni. Il-figuri tal-Kummissjoni stess juru li ż-żjieda marġinali fl-ispiża tal-prezzijiet tal-biljetti ftit ser ikollha effett fuq it-talba għat-trasport bl-ajru.

5.2

Bid-distribuzzjoni b'xejn lill-kumpaniji ta' l-ajru tal-maġġoranza tal-kwoti inizjali u l-awtorizzazzjoni tagħhom sabiex iwettqu xiri addizzjonali fl-ETS ġenerali (li hija sistema miftuħa mhux magħluqa, per eżempju għat-trasport bl-ajru, jew possibbilment għat-trasport in ġenerali), il-Kummissjoni taċċetta l-istatus quo u ma tagħmel kważi xejn sabiex tolqot it-tkabbir kontinwu u rapidu tas-settur ta' l-avjazzjoni li jarmi gass b'effett ta' serra. Madankollu, il-qalba tal-problema hija li t-tali tnaqqis huwa attwalment inaċċettabbli fuq il-pjan politiku u ekonomiku. Sabiex isir xi progress, il-Kummissjoni kkalkulat li apparti l-istimoli ta' effikaċja interna għas-settur, l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS ser tipproduċi wkoll, b'kumpens għaż-żjieda ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni permezz ta' tnaqqis f'setturi oħra, stimulu reali fis-suq permezz tar-riżorsi neċessarji, għat-twettiq ta' riċerka addizzjonali u applikazzjonijiet ġodda li għandhom l-għan li jnaqqsu s-CO2 minn band'oħra.

5.3

Il-Kummissjoni tinnota li f'sistema “magħluqa” ta' skambju ta' kwoti — fi kliem ieħor fis-settur ta' l-avjazzjoni biss — il-prezz tagħhom ser ikun bejn EUR 114 u EUR 325 meta mqabbel mat-EUR 30 stmat għal kull tunnellata. Sistema magħluqa bħal din wisq probabbli ser iżżid il-prezzijiet tal-biljett bi EUR 8 — EUR 30 għal titjiriet fuq distanza qasira. Filwaqt li dan ser jitqies metodu aktar realistiku sabiex jintlaqtu kemm it-talba kif ukoll l-użu effikaċi tal-fjuwil u l-appoġġ ta' riċerka dwar it-tnaqqis massimu ta' l-emissjonijiet, huwa improbabbli li dan il-metodu ser ikun appoġġjat fil-livell ta' l-UE fejn huwa evidenti li hemm prijoritajiet differenti fir-rigward tat-trasport. Huwa aktar improbabbli li sistema magħluqa jew limitata għat-“trasport biss” twassal għal ftehim globali.

5.4

Fid-Direttiva proposta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet iżda ddeċidiet li ma tikkunsidrax l-analiżi riċerkata tajba li l-emissjonijiet mill-inġenji ta' l-ajru huma bejn darbtejn u erba' darbiet aktar ta' ħsara għall-klima minn dawk minn industriji oħra (5). (Dan huwa l-aktar minħabba li l-maġġoranza ta' l-emissjonijiet iseħħu fil-livell superjuri ta' l-atmosfera u minħabba l-effetti ta' emissjonijiet li m'humiex ġejjin mis-CO2 bħat-traċċi tal-kondensazzjoni u l-ossidi tan-nitroġenu) Għandha tittieħed azzjoni komplementari għat-tnaqqis jew kumpens ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidi tan-nitroġenu.

5.5

Il-linji ta' l-ajru diġà jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-fjuwil ta' l-avjazzjoni u d-distribuzzjoni b'xejn tal-kwoti inizjali tal-karbonju ser iżżid aktar il-vantaġġi ssussidjati mill-Istat li jgawdu meta mqabbla ma' setturi oħra tat-trasport. Hemm ir-riskju li l-operaturi jużaw l-introduzzjoni ta' l-iskema ETS sabiex ikun hemm żjieda ġenerali fil-prezzijiet. Preżentazzjoni ċara mill-Kummissjoni lill-pubbliku ta' l-impatt finanzjarju reali ta' l-iskema fuq l-ispejjeż għall-industrija tista' tnaqqas ir-riskji ta' profitti inġustifikabbli.

5.6

Għandu jkun hemm aktar riflessjoni fuq l-“esklużjonijiet” proposti fid-Direttiva. Per eżempju l-eżenzjoni tat-titjiriet mill-Kapijiet ta' l-Istat, mill-Kapijiet tal-Gvern jew mill-Ministri hija partikolarment inadegwata — dan il-grupp għandu jagħti eżempju tajjeb. Minkejja l-fatt li jeżistu raġunijiet amministrattivi favur din l-eżenzjoni (l-iktar titjiriet operati minn dipartimenti militari), l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba li jinnewtralizzaw volontarjament dawn l-emissjonijiet, kif uħud diġà ddeċidew li jagħmlu.

5.7

Peress li l-Kummissjoni għażlet sistema miftuħa b'bażi ta' kumpens, huwa diffiċilment ġustifikabbli li ma jkunx hemm konformità tad-data ta' referenza tas-sistema fuq dik tar-rabta meħuda attwalment mill-UE għall-ewwel fażi tal-Protokoll ta' Kyoto (tnaqqis ta' 8 % bejn l-2009 u l-2012 mil-livelli ta' l-1990) u impenji fil-futur (per eżempju 30 % sa l-2020 mil-livelli ta' l-1990). L-għażla ta' l-2005 bħala s-sena bażi ta' referenza diġà tippermetti lis-settur “punt ta' tluq”li diġà huwa 100 % ogħla minn dak ta' Kyoto. Bla dubju ta' xejn, peress li l-avjazzjoni huwa l-ewwel settur li ġie introdott fl-UE-ETS, huwa ġust li l-ewwel allokazzjonijiet isiru fuq l-istess prinċipji kif ġew introdotti fir-regoli ta' l-UE-ETS.

5.8

Huwa improbabbli li din id-Direttiva ser tikseb impatt sinifikanti sabiex titnaqqas iż-żjieda fl-emissjonijiet totali ta' l-avjazzjoni. Madankollu, il-fatt li tista' tistabbilizza l-emissjonijiet netti ta' CO2 grazzi għall-ETS u, b'dan, jiġu pprovduti riżorsi għal tnaqqis addizzjonali, jikkontribwixxi ħafna għall-ġustifikazzjoni tan-nefqa u tal-kumplessità amministrattiva ta' implimentazzjoni. Id-Direttiva proposta tmur lil hinn milli toffri alibi ambjentali lis-settur ta' l-avjazzjoni — tista' b'mod pożittiv iżżid il-kuxjenza pubblika, toffri riżorsi ġodda għat-tnaqqis tal-karbonju u tipprovdi miżura ta' internalizzazzjoni ta' dawn l-ispejjeż ambjentali esterni li l-industrija ta' l-avjazzjoni rnexxielha tinjora s'issa.

Brussell, 31 ta' Mejju 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  COM(2005)459 finali 27.9.2005.

(2)  NAT/299 Il-bidla klimatika/L-impatt ta' l-avjazzjoni.

(3)  Sommarju ta' l-Analiżi ta' Impatt para 5.3.1.

(4)  Ara l-Anness I għal deskrizzjoni qasira ta' l-ETS.

(5)  Sommarju għal-Leġislaturi ta' l-IPCC 2007, The science of climate change (Ix-xjenza tal-bidla klimatika).

http://www.ipcc.ch/pub/sarsum1.htm


ANNESS I

għall- Opinjoni tal-Kumitat

L-emendi li ġejjin ġew rifjutati mill-Assemblea iżda kisbu iktar minn kwart tal-voti mitfugħa:

Punt 1.8.2

Emenda kif ġej:

1.8.2

Il-limitu propost ta' emissjonijiet huwa mnaqqas sabiex l-avjazzjoni tkun tista' tagħmel aġġustament aktar stabbilit sabiex ikun komparabbli ma' l-industriji l-oħra li diġà jinsabu fl-UE-ETS.

Votazzjoni

Favur: 18

Kontra: 33

Astensjonijiet: 9

Punt 1.8.3

Emenda kif ġej:

1.8.3

L-attribuzzjoni ħielsa proposta ta' kwoti lill-operaturi għandha tiġi eliminata jew sinjifikament imnaqqsa waqt li teħtieġ li l-kwoti kollha, jew il-maġġoranza, jinbiegħu b'irkant. tiġi stabbilita fil-qafas tar-regoli u tad-dokumenti gwida ta' l-UE-ETS.

Votazzjoni

Favur: 13

Kontra: 24

Astensjonijiet: 6


ANNESS II

Fl-2005, l-Unjoni Ewropea introduċiet suq pan-Ewropew ta' l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju għall-industriji prinċipali li jarmu gass b'effett ta' serra. Dan huwa dispożittiv prekursur għal sistema simili li ser titħaddem taħt il-Protokoll ta' Kyoto fost il-firmatarji tiegħu mill-2008. L-ETS ta' l-UE hija maħluqa sabiex tipprepara lill-pajjiżi Ewropej għall-Protokoll ta' Kyoto.

L-iskema hija bbażata fuq l-attribuzzjoni tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, imsejħa l-“kwoti komunitarji”, lil setturi industrijali speċifiċi permezz tal-pjanijiet nazzjonali ta' attribuzzjoni li huma mmonitorjati mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-kwoti jistgħu jiġu skambjati. L-ewwel fażi ta' l-ETS ta' l-UE tkopri l-perijodu 2005-2007, filwaqt li t-tieni fażi tikkoinċidi ma' l-ewwel perijodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto, mill-2008 sa l-2012.

L-ewwel fażi ta' l-ETS ta' l-UE tapplika għal 7,300 kumpanija u għal 12,000 instalazzjoni fis-settur ta' l-industrija tqila fl-UE. Dawn jinkludu: l-intrapriżi li jipproduċu l-enerġija, ir-raffineriji taż-żejt, il-produtturi tal-ħadid u ta' l-azzar, l-industrija tal-polpa u tal-karta kif ukoll il-produtturi tas-siment, ħġieġ, ġir, brikks u ċeramika.

L-ETS timponi miri annwali għall-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) fuq kull pajjiż ta' l-UE, u imbagħad kull pajjiż jalloka l-attribuzzjoni nazzjonali tiegħu fost dawk il-kumpaniji li l-fabbriki u l-impjanti huma r-responsabbli prinċipali ta' l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju — intrapriżi ta' produzzjoni ta' enerġija, manifatturi tal-materjal ta' kostruzzjoni u intrapriżi oħra ta' l-industrija tqila.

Kull kwota komunitarja tagħti lis-sid id-dritt li jarmi tunnellata ta' dijossidu ta' karbonju. Kumpaniji li ma jużawx il-kwoti kollha tagħhom, jiġifieri li jarmu anqas milli huma intitolati li jagħmlu, jistgħu jbiegħuhom. Kumpaniji li jaqbżu l-limitu tagħhom ta' emissjonijiet iridu jibbilanċjaw l-emissjonijiet żejda billi jixtru kwoti komunitarji jew iħallsu penali ta' EUR 40 kull tunnellata.

Sabiex tiġġestixxi n-negozju tal-kwoti u tivverifika l-ishma, l-ETS tirrikjedi li l-Istati Membri kollha ta' l-UE joħolqu reġistru nazzjonali ta' kwoti ta' l-immissjonijiet li jżomm rendikont għall-kumpaniji kollha li huma fl-iskema.

Is-suq jopera permezz ta' brokers u ta' siti ta' transazzjonijiet elettroniċi fejn il-kwoti komunitarji jiġu mibjugħa u mixtrija kuljum. Prinċipalment dak li qiegħed jinbiegħ u jinxtara huma “kuntratti b'termi ta' kwoti komunitarji”, jiġifieri kwoti komunitarji pprovduti għall-futur. Dawn id-dati futuri jikkorrespondu għat-tmiem tas-snin kalendarji tal-kwota kkonċernata.