|
20.7.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 168/86 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-promozzjoni tat-trasport transkonfinali bir-rota
(2007/C 168/18)
F'ittra bid-data tas-7 ta' Novembru 2006, il-Ministeru Federali Ġermaniż tat-Trasport, fil-kuntest tal-Presidenza Ġermaniża ta' l-Unjoni Ewropea, talab lill-KESE, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar: “Il-promozzjoni tat-trasport transkonfinali bir-rota”.
Nhar il-21 ta' Novembru 2006, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-435 sessjoni plenarja tiegħu tal-25 u s-26 ta' April 2007 (seduta tal-25 ta' April) li jaħtar lis-Sur Simons bħala rapporteur-ġenerali u adotta din l-opinjoni b' 128 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
|
1.1. |
S'issa (għad) m'hawnx politika Ewropea dwar iċ-ċikliżmu. Il-Kummissjoni Ewropea tagħti l-appoġġ tagħha, permezz ta' programmi ta' sussidju, lir-riċerka, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti fil-kuntest tal-politika dwar is-sostenibbiltà tal-mobilità u l-użu ta' enerġija. |
|
1.2. |
Il-KESE jirrakkomanda li b'mod ġenerali ċ-ċikliżmu jiġi inkluż fil-politika dwar it-trasport u l-infrastruttura, u b'mod partikolari fil-Green Paper dwar it-trasport urban fejn iċ-ċikliżmu għandu jingħata attenzjoni speċjali. |
|
1.3. |
Kull ferrovija fl-Ewropa, inklużi l-ferroviji internazzjonali ta' veloċità għolja, għandu jkollha biżżejjed spazju għat-trasport, fost affarijiet oħra, tar-roti. |
|
1.4. |
Għandhom jiġu applikati standards minimi ta' kwalità fl-infrastruttura taċ-ċikliżmu mibnija bl-għajnuna tas-sussidji Ewropej. |
|
1.5. |
Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm disponibbli wkoll baġits Ewropej ta' sussidju għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' l-infrastruttura taċ-ċikliżmu. Infrastruttura ta' kwalità diġà teżisti f'ċerti bliet u pajjiżi Ewropej. |
|
1.6. |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tibda u/jew tkompli tipprovdi sussidji għall-iskambju ta' informazzjoni, prattika tajba u kampanji għat-tkattir ta' l-għarfien dwar iċ-ċikliżmu u għandha titlob li l-politika dwar iċ-ċikliżmu tkun integrata fil-proġetti tat-trasport kollha li jirċievu l-appoġġ tagħha. |
|
1.7. |
Huwa wkoll neċessarju li jitħeġġu, fuq livell Ewropew, it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' regolamenti ta' sigurtà adattati kemm għaċ-ċiklisti u r-roti tagħhom kif ukoll għall-infrastruttura u traffiku ieħor. |
|
1.8. |
Il-politika dwar iċ-ċikliżmu għandha tiġi integrata fil-politika Ewropea li qiegħda tiġi żviluppata fl-oqsma ta' l-ippjanar ta' l-ispazju (inkluża l-politika għall-iżvilupp urban), l-ambjent, l-ekonomija, is-saħħa, it-taħriġ u l-edukazzjoni. |
|
1.9. |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha torganizza b'mod adattat il-monitoraġġ u l-ġbir ta' l-informazzjoni dwar iċ-ċikliżmu fl-Ewropa u tistimola l-armonizzazzjoni tal-metodi ta' riċerka. |
|
1.10. |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tipprovdi sussidji għall-iżvilupp ta' rotot taċ-ċikliżmu fil-qafas tal-proġett Euro Velo sabiex jinħoloq netwerk komplut Ewropew tar-rotot taċ-ċikliżmu, TEN (Netwerk Trans-Ewropew) għaċ-ċikliżmu. |
|
1.11. |
Huwa rakkomandat li organizzazzjoni Ewropea, issussidjata mill-Kummissjoni Ewropea, tieħu ħsieb l-amministrazzjoni u s-segretarjat tal-proġetti Euro Velo kif ukoll ir-rotot li tlestew taħt din l-iskema. B'hekk tiġi assigurata l-manutenzjoni kontinwa ta' l-infrastruttura u l-provvediment ċentralizzat ta' tagħrif għaċ-ċiklisti. |
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
Il-Ministeru Federali Ġermaniż tat-Trasport, fil-kuntest tal-Presidenza Ġermaniża ta' l-UE, talab lill-KESE sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar it-transport transkonfinali bir-rota. Il-Ministeru qajjem tliet mistoqsijiet. |
|
2.2. |
Din l-opinjoni esploratorja tibda billi teżamina l-qagħda attwali tal-politika ta' l-UE dwar iċ-ċikliżmu (mistoqsija numru 3 tal-Ministeru), b'enfasi partikolari fuq iċ-ċikliżmu bħala mezz ta' trasport fil-ħajja ta' kuljum. Tkompli billi tanalizza l-possibbiltajiet għat-titjib ta' l-infrastruttura transkonfinali għat-transport bir-rota (mistoqsija numru 2) u l-kooperazzjoni Ewropea rigward it-tkabbir tan-netwerk tar-rotta (mistoqsija numru 1). Iċ-ċikliżmu turistiku huwa ta' importanza speċjali fil-kuntest ta' l-aħħar żewġ mistoqsijiet. |
3. Il-qagħda tal-politika ta' l-UE dwar iċ-ċikliżmu
|
3.1. |
S'issa l-politika dwar iċ-ċikliżmu rari kienet tema separata. Fil-passat, fuq livell Ewropew, iċ-ċikliżmu ssemma l-aktar fil-kuntest ta' kwistjonijiet ambjentali, wara li l-moviment ambjentalista b'mod partikolari appella għat-titjib tal-politika dwar iċ-ċikliżmu minħabba l-effetti ħżiena taż-żieda fit-traffiku. B'hekk, fi programm bi 12-il punt (1), il-Kummissarju għall-Ambjent Ritt Bjerregaard stieden lill-awtoritajiet lokali fl-Ewropa sabiex jadottaw politika favur iċ-ċikliżmu. |
|
3.2. |
Il-White Paper tat-Trasport ta' l-2001 u r-reviżjoni ta' nofs term ta' l-2006 jiffokaw fuq mezzi oħra ta' trasport. Mill-banda l-oħra, ir-reazzjoni tal-Parlament Ewropew (2) għall-White Paper tinkludi stedina għall-Kummissjoni Ewropea sabiex din tinvesti aktar fit-titjib ta' l-aċċess taċ-ċiklisti għat-trasport pubbliku. |
|
3.3. |
Fid-diskors li għamel fil-Konferenza Euro Velo-City ġewwa Dublin fl-2005, il-Kummissarju għat-Trasport, Jacques Barrot, enfasizza li minkejja l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, il-Kummissjoni Ewropea kellha rwol x'taqdi fil-promozzjoni ta' l-użu tar-rota fl-Ewropa. Iċ-ċikliżmu jista' jaqdi rwol ikbar sabiex jintlaħaq l-għan propost ta' tiġdid fil-bilanċ tal-mezzi ta' trasport. Il-Kummissarju jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha rwol x'taqdi: programmi ta' finanzjament, titjib tas-sigurtà fit-triq, tagħrif lil dawk responsabbli mit-teħid ta' deċiżjonijiet u kooperazzjoni. |
|
3.4. |
Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-Inizjattiva CIVITAS (CIty VITAlity Sustainability) fil-kuntest tar-riċerka u l-iżvilupp. S'issa l-proġetti mmirati lejn sistema ta' trasport urban aktar sostenibbli ġew implimentati f'36 belt fi 17-il pajjiż. Waħda mit-tmien kategoriji ta' soluzzjonijiet integrati li ġew imfassla tikkonċerna l-promozzjoni ta' stil ta' ħajja differenti, li fih il-karozza tintuża inqas u r-rota iktar (3). Permezz tal-programm Intelligent Energy-Europe, il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-proġetti STEER immirati lejn il-promozzjoni ta' l-enerġija sostenibbli fit-trasport. Tnejn minn dawn il-proġetti jiffokaw fuq l-iskambju ta' informazzjoni fil-qasam tal-politika dwar iċ-ċikliżmu (4). |
|
3.5. |
Fil-Green Paper “Il-promozzjoni ta' dieta tajba għas-saħħa u ta' l-attività fiżika: dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-ħxuna, l-obeżità u l-mard kroniku” (5), il-Kummissjoni Ewropea tappella sabiex jitressqu risposti għal dawn il-mistoqsijiet: Kif tista' l-politika pubblika tassigura li l-attività fiżika tkun integrata fir-rutina ta' kuljum u liema miżuri, per eżempju fl-ippjanar taż-żoni residenzjali, huma meħtieġa sabiex jissawwar ambjent li jistimola l-attività fiżika? |
|
3.6. |
Fid-“dinja taċ-ċikliżmu” tressqu bosta risposti għal dawn il-mistoqsijiet. L-esperti qegħdin jassoċjaw iċ-ċikliżmu dejjem iktar mas-saħħa, u mhux biss minħabba l-fatt li jikkontribwixxi għal ammont tajjeb ta' attività fiżika fil-ħajja ta' kuljum. Fil-qasam tal-politika ambjentali, iċ-ċikliżmu jista' wkoll jgħin biex jonqos l-ammont ta' partikoli fl-arja fiż-żoni urbani, iżda fl-istess ħin ħafna nies qegħdin jaqtgħu qalbhom mill-użu tar-rota minħabba l-kwalità ħażina ta' l-arja. |
|
3.7. |
Permezz ta' l-iżvilupp ta' sistemi dejjem iktar integrati ta' mobilità, qiegħda tingħata attenzjoni akbar lill-vantaġġi li toffri r-rota sabiex tinstab soluzzjoni għall-konġestjoni tat-traffiku. Minbarra l-vjaġġi li jsiru kuljum bejn id-dar u l-post tax-xogħol, jidher li t-traffiku marbut ma' attivitajiet soċjali u ta' rikreazzjoni huwa wkoll kaġun ta' konġestjoni. Fatturi oħra jinkludu l-ekonomiji ta' skala (per eżempju l-amalgamazzjoni ta' sptarijiet u ċentri kummerċjali kbar fl-inħawi ta' barra l-bliet) u d-distanzi kbar li jġibu magħhom. Minħabba f'dan kollu, hemm il-perikolu li ċ-ċikliżmu jidher inqas attraenti. |
|
3.8. |
Problema komuni hija li infrastruttura ġdida jew estiża taqsam ir-rotot taċ-ċikliżmu eżistenti jew ippjanati. Dan joħloq ostakoli insormontabbli jew problematiċi għaċ-ċiklisti u n-nies li jużaw ir-rota għar-rikreazzjoni tagħhom u li jsibu ruħhom f'diffikultà meta jiġu sabiex joħorġu miż-żona residenzjali jew mill-belt tagħhom minħabba l-infrastruttura prinċipali tat-trasport. Din il-problema għandha tiġi kkunsidrata u għandhom jitfasslu soluzzjonijiet meta jinbnew infrastrutturi ġodda, b'mod partikolari binarji tal-ferrovija u toroq. Kull fejn huwa teknikament possibbli għandha tinbena mogħdija għar-roti kull darba li tinbena infrastruttura ġdida. |
|
3.9. |
F'dan il-kuntest, ta' min isemmi wkoll li strumenti bħall-istandards minimi ta' kwalità għandhom jiġu applikati għall-infrastruttura taċ-ċikliżmu li tinbena permezz ta' sussidji Ewropej. Bil-għan li jissawwar ambjent pjaċevoli, il-bliet għandhom jużaw infrastruttura tajba, komda u sigura għaċ-ċiklisti, li jinkludu inċentivi bħal rotot apposta u spazju riżervat għall-ipparkjar tar-roti fiċ-ċentru tal-bliet. |
|
3.10. |
Fl-Ewropa, l-Olanda hija meqjusa bħala l-pajjiż bl-aqwa infrastruttura għaċ-ċiklisti u b'hekk hija mudell għall-pajjiżi l-oħra. Din ir-reputazzjoni mhix sempliċement marbuta mal-fatt li l-Olanda għandha l-iktar rata għolja ta' mobilità bir-rota fl-Ewropa iżda hija wkoll konsegwenza ta' dak li jissejjaħ “Masterplan Fiets” (Pjanta Definittiva għar-Roti) (1990-1997). Bosta pajjiżi Ewropej imxew ma' l-eżempju ta' l-Olanda. L-attenzjoni u l-impenn (inkluż finanzjarju) tal-gvern Olandiż ħajjar lil ħafna minnhom sabiex jimplimentaw politika effettiva dwar iċ-ċikliżmu. |
|
3.11. |
Permezz ta' strateġija bbażata fuq il-vjaġġi taċ-ċiklisti, il-Pjanta Definittiva għar-Roti ta' l-Olanda wriet biċ-ċar li politika dwar iċ-ċikliżmu mhix sempliċement kwistjoni ta' rotot għaċ-ċikliżmu tajbin, iżda għandha wkoll tingħata attenzjoni lill-possibbiltà li ċ-ċiklisti jkunu jistgħu jħallu r-roti f'postijiet siguri u konvenjenti ġewwa jew barra mid-dar, fl-istazzjon, fl-interkonnessjonijiet tat-trasport pubbliku u fil-waqfiet tal-karozzi tal-linja kif ukoll fid-destinazzjoni finali. |
|
3.12. |
Ftit tas-snin ilu, il-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) ikkumissjonat servej dwar il-politika nazzjonali tat-trasport fl-Istati Membri ta' l-ECMT. (6) Skond dan is-servej, ftit huma l-pajjiżi li m'għandhomx politika dwar iċ-ċikliżmu. (7) Ovvjament, l-iskop, l-istat u l-impatt tal-politika nazzjonali jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Skond l-ECMT, il-medja tan-numru globali tal-vjaġġi mwettqa bir-rota fl-Ewropa hija ta' 5 %. Iżda pajjiżi bħad-Danimarka (18 %) u l-Olanda (27 %) juru li jista' jintlaħaq persentaġġ ogħla. (8) |
|
3.13. |
Dawn id-differenzi fuq livell nazzjonali, u differenzi oħra fuq livell lokali, juru li l-użu tar-rota jista' jiġi influwenzat mill-politika tal-gvern. L-aqwa mezz sabiex jiżdied l-użu tar-rota huwa li n-nies jibdew jużaw ir-rota minflok il-karozza għal vjaġġi ta' bejn 5 u 8 km. Fl-Ewropa iktar min-nofs dawn il-vjaġġi qosra jsiru bil-karozza. Anke għal vjaġġi ta' inqas minn 2 km l-użu tal-karozza jaqbeż it-30 % (9). |
|
3.14. |
L-għan ewlieni tal-politika dwar iċ-ċikliżmu huwa li jħeġġeġ lin-nies sabiex jużaw ir-rota għal vjaġġi qosra. Issa l-attenzjoni qiegħda tingħata wkoll lil vjaġġi itwal; qegħdin jiġu kkunsidrati wkoll rotot diretti u twal f'żoni metropolitani. |
|
3.15. |
Il-possibbiltà li r-rota tintuża iktar ta' spiss għal vjaġġi qosra hija l-bażi tal-kalkoli ta' kif politika tajba dwar iċ-ċikliżmu tista' tgħin fil-ġlieda kontra l-bidla klimatika. Skond kalkoli reċenti, per eżempju, vjaġġi qosra bil-karozza (< 7,5km) jirrappreżentaw 6 % ta' l-emissjonijiet mill-karozzi (10). |
|
3.16. |
Ir-rota, mixtrija, mislufa jew mikrija, tista' tikkontribwixxi sabiex jikber l-użu tat-trasport pubbliku. Ir-rota tista' tintuża fl-inħawi ta' madwar l-istazzjon, l-istejġ jew id-dar, fejn iċ-ċiklista jista' jilħaq stejġ jew viċi versa mingħajr karozza fi ftit minuti. |
|
3.17. |
Id-differenzi bejn id-diversi pajjiżi Ewropej fir-rigward tal-proporzjon ta' vjaġġi bir-rota mhumiex biss marbutin ma' fatturi soċjali, ġeografiċi, klimatiċi jew kulturali, allavolja dawn, naturalment, għandhom rwol x'jaqdu. (11) Fattur sinifikanti fil-pajjiżi fejn iċ-ċikliżmu huwa popolari jidher li huwa r-rwol importanti ta' l-assoċjazzjonijiet li jaħdmu favur il-promozzjoni ta' politka dwar iċ-ċikliżmu tajba. Huma ta' sikwit responsabbli għal inizjattivi li jwasslu għal strateġiji nazzjonali. |
|
3.18. |
Is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-politika dwar iċ-ċikliżmu fuq livell Ewropew huma b'xorti ħażina mfixkla min-nuqqas ta' statistiċi utli u aċċessibbli. L-assoċjazzjonijiet kif ukoll l-ECMT appellaw għal titjib fil-ġbir ta' l-informazzjoni rigward il-politika dwar iċ-ċikliżmu u l-użu tar-roti (12). Id-deċiżjoni li jitneħħew statistiċi importanti dwar l-użu tar-roti mill-Ktejjeb ta' l-Istatistiċi “EU Energy and Transport in Figures” ġiet milqugħa b'inkredulità. |
|
3.19. |
Filwaqt li s-sistemi ta' GPS għall-karozzi saru pjuttost komuni, it-tnedija ta' sistemi ta' navigazzjoni għar-roti kienet iktar ikkumplikata, minħabba l-fatt li l-mapep diġitali ġeneralment ma jinkludux ir-rotot ċiklistiċi li għadhom ma ġewx irreġistrati jew iddiġitalizzati. Madankollu, qiegħed isir progress konsiderevoli f'dan il-qasam fil-pajjiżi li jiffavorixxu ċ-ċikliżmu, bħal per eżempju d-disponibbiltà ta' għodda għall-ippjanar ta' rotot fuq l-Internet. (13) |
|
3.20. |
Il-valur ta' bejgħ ta' l-industrija Ewropea tal-manifattura tar-roti u spare parts huwa stmat madwar EUR 8 500 000 000. Din l-industrija tħaddem (direttament jew indirettament) madwar 130 000 persuna. 25 000 ħwienet u distributuri u l-ħaddiema tagħhom għandhom jiżdiedu ma' din iċ-ċifra (14). Barra minn hekk, dawn il-kalkoli ma jinkludux ir-riċerka fil-qasam tat-tekonoloġija avvanzata. L-importanza ekonomika taċ-ċikliżmu turistiku qiegħda tikber, speċjalment f'reġjuni żvantaġġati ekonomikament fejn in-negozji żgħar li jinsabu fuq ir-rotot ċiklistiċi twal qegħdin jiksbu benefiċċju miċ-ċikliżmu turistiku (15). |
|
3.21. |
S'issa għad m'hawnx politika Ewropea dwar iċ-ċikliżmu. Il-Green Paper dwar it-trasport urban li qiegħda tipprepara l-Kummissjoni Ewropea għandha — skond il-Kummissjoni — tindirizza wkoll iċ-ċikliżmu. Din toffri opportunità eċċellenti sabiex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta' politika Ewropea dwar iċ-ċikliżmu u l-integrazzjoni tagħha f'setturi oħra billi ċ-ċikliżmu jibda jiġi inkluż fil-Green Papers bħala forma importanti ta' trasport urban. |
|
3.22. |
L-opinjoni esploratorja “It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani” — TEN/276, CESE 273/2007 — teżamina l-koordinazzjoni ta' l-ippjanar ta' l-istrutturi tat-trasport u tad-djar (punt 3.3) fl-istess ħin li tħeġġeġ lin-nies sabiex jimxu u jużaw ir-rota iktar (punt 3.3.3). L-integrazzjoni ta' politika dwar iċ-ċikliżmu fl-ippjanar ta' l-użu ta' l-art għandha tiġi żviluppata. L-integrazzjoni ta' politika dwar iċ-ċikliżmu fl-ippjanar ta' l-użu ta' l-art għandha tiġi żviluppata. |
4. It-titjib ta' l-infrastruttura ċiklistika transkonfinali
|
4.1 |
Fl-Ewropa jitfaċċaw ċerti problemi fl-ambitu taċ-ċikliżmu transkonfinali, b'mod speċjali meta ċiklista jixtieq jieħu r-rota miegħu f'ferroviji internazzjonali ta' veloċità għolja, li jiffurmaw infrastruttura importanti għaċ-ċiklisti turisti. Madankollu, fl-Ewropa, it-trasport tar-roti f'ferroviji ta' dan it-tip huwa kważi impossibbli. |
|
4.2 |
Filwaqt li ċ-ċikliżmu turistiku qiegħed jikber u huwa l-oġġet ta' promozzjoni speċifikata min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll ta' l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali bħala forma ta' turiżmu sostenibbli u importanti — b'mod partikolari f'reġjuni ekonomikament dgħajfa — iċ-ċiklisti li jippruvaw jivvjaġġaw bil-ferrovija sad-destinazzjoni ta' vaganza tagħhom, kapaċi jħabbtu wiċċhom ma' problemi serji. Filwaqt li l-kumpaniji ta' l-ajru jittrasportaw ir-roti mingħajr xkiel u t-trasport tar-roti bil-vapur huwa tajjeb (allavolja r-rotot taċ-ċikliżmu lejn u mill-port u s-sinjali m'humiex dejjem sodisfaċenti), l-operaturi tal-ferroviji ma jħallux liċ-ċiklisti jtellgħu r-roti magħhom fil-ferroviji internazzjonali ta' veloċità għolja. |
|
4.3. |
Jista' jkun li qegħdin noqorbu lejn soluzzjoni għal din il-problema fit-trasport bir-rota transkonfinali, per eżempju permezz tal-vot tal-Parlament Ewropew ta' Jannar 2007 (16), approvat mill-maġġoranza, li jistipula li kull ferrovija fl-Ewropa għandu jkollha sezzjoni maħsuba għas-siġġijiet tar-roti, skis u roti. Ġie wkoll rakkomandat li kull ferrovija fl-Ewropa, inklużi l-ferroviji ta' veloċità għolja, għandu jkollha biżżejjed spazju għat-trasport tar-roti. |
|
4.4. |
Is-sigurtà fit-triq għaċ-ċiklisti tvarja ħafna minn pajjiż Ewropew għall-ieħor. Dan huwa l-iktar minħabba fin-nuqqas ta' infrastruttura speċifika għar-roti fil-pajjiżi fejn iċ-ċiklisti huma obbligati li jaqsmu t-triq ma' karozzi u trakkijiet li jsuqu b'50-80 km fis-siegħa jew aktar. Minħabba f'hekk in-nies jaqtgħu qalbhom milli jsuqu r-rota. L-appoġġ fuq livell Ewropew għandu wkoll jingħata lit-tħejjija u lill-implimentazzjoni ta' regolamenti ta' sigurtà adattati kemm għaċ-ċiklisti u r-roti tagħhom kif ukoll għall-infrastruttura u traffiku ieħor. |
|
4.5. |
Il-kwalità ta' l-infrastruttura eżistenti tvarja wkoll. Il-probabbiltà hija li ċ-ċiklisti ma jagħżlux pajjiżi li jikkunsidraw perikolużi jekk huma mdorrijin b'miżuri ta' sigurtà itjeb f'pajjiżhom. Huwa rakkomandat li jiġu applikati standards minimi ta' kwalità (per eżempju l-wisa' tar-rotot, ukoll għal roti differenti (17); sinjali u indikazzjonijiet) u li baġits ta' sussidju jkunu disponibbli għall-ħolqien ta' infrastruttura ċiklistika bħal dik li diġà wriet l-effiċjenza tagħha f'ċerti bliet u pajjiżi Ewropej. |
|
4.6. |
Minkejja l-fatt li d-diskrepanza fil-proporzjon ta' vjaġġi mwettqa bir-rota fid-diversi pajjiżi u bliet Ewropej hija wkoll konsegwenza tad-differenzi soċjali, ġeografiċi, klimatiċi u kulturali, ir-raġuni ewlenija ta' din id-diskrepanza huma d-differenzi fil-politika tat-trasport. Għal din ir-raġuni l-iskambju ta' informazzjoni, il-prattika tajba u l-kampanji ta' tixrid ta' tagħrif dwar iċ-ċikliżmu huma importanti ferm. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tibda u/jew tkompli tipprovdi sussidji għall-iskambju ta' l-informazzjoni, prattika tajba u kampanji għat-tkattir ta' l-għarfien dwar iċ-ċikliżmu u għandha titlob li l-politika dwar iċ-ċikliżmu tkun integrata fil-proġetti tat-trasport kollha li jirċievu l-appoġġ tagħha. |
|
4.7. |
Iċ-ċikliżmu huwa attività popolari li tista' tiġi promossa bħala attività li tikkontribwixxi għal stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa u sostenibbli. Dan jista' jseħħ permezz ta' l-integrazzjoni tal-politika dwar iċ-ċikliżmu f'setturi oħra minbarra l-politika tat-trasport. Il-politika dwar iċ-ċikliżmu għandha tiġi integrata fil-politika Ewropea li qiegħda tiġi żviluppata f'oqsma oħra minbarra l-qasam tat-trasport u l-infrastruttura, bħall-ippjanar ta' l-ispazju (inkluża l-politika għall-iżvilupp urban), l-ambjent, l-ekonomija, is-saħħa, it-taħriġ u l-edukazzjoni. Huwa rakkomandat ukoll li l-Kummissjoni Ewropea għandha torganizza b'mod tajjeb il-monitoraġġ u l-ġbir ta' l-informazzjoni dwar iċ-ċikliżmu fl-Ewropa u tistimola l-istandardizzazzjoni tal-metodi ta' riċerka. |
5. Il-kooperazzjoni Ewropea fl-ambitu tat-tkabbir tan-netwerk tar-rotta EuroVelo
|
5.1. |
EuroVelo huwa proġett mibdi mill-Federazzjoni taċ-Ċiklisti Ewropej (ECF) fl-1995 (18). L-għan ta' din l-inizjattiva huwa li jiġu żviluppati 12-il rotta internazzjonali għaċ-ċikliżmu fuq distanzi twal, kemm fl-Istati Membri kif ukoll f'pajjiżi oħra. Id-distanza globali tar-rotta proposta hija 66,000 km. Ir-rotot huma bbażati ġeneralment fuq rotot eżistenti lokali jew reġjonali. Il-perspettiva kontinentali tal-proġett u l-viżjoni ta' netwerk pan-Ewropew ta' rotot ċiklistiċi kienu inċentiv sa mill-bidu tal-proġett. |
|
5.2. |
Dan serva ta' ispirazzjoni għall-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex jikkooperaw fil-ħolqien ta' rotot internazzjonali għaċ-ċikliżmu fuq distanzi twal. Is-sena l-oħra nfetħet il-EuroVelo 6, li twassal mill-Oċean Atlantiku sal-Baħar l-Iswed. Il-fondi INTERREG ikkontribwixxew b'mod speċjali sabiex jinfetħu dawn ir-rotot. Dan jgħodd ukoll għar-Rotta Ċiklistika tal-Baħar tat-Tramuntana, li tlestiet bħala proġett INTERREG fl-aħħar ta' l-2006 u li l-ECF tikkunsidra bħala l-EuroVelo 12. |
|
5.3. |
L-idea wara l-EuroVelo hija l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' Netwerk ta' Rotot Ċiklistiċi Trans-Ewropej rikonoxxut bħala TEN (Netwerk Trans-Ewropew), komparabbli man-netwerk tal-linji tal-ferrovija u tat-toroq. Naturalment iktar milli vantaġġ għall-politika Ewropea dwar it-trasport, dawn huwa ta' benefiċċju għat-turiżmu u għall-iżvilupp reġjonali fl-Ewropa. Objettiv ieħor minbarra l-ġestjoni u l-koordinazzjoni tar-rotot u ta' l-informazzjoni fit-tul huwa l-iżvilupp tan-netwerk. Il-pubblikazzjoni ta' linji gwida dwar l-aspetti kollha tal-ħolqien ta' rotta EuroVelo kienet utli ħafna sabiex ma jitwaqqafx l-investiment fil-proġett. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli toffri sussidji għall-ħolqien ta' rotot EuroVelo bit-tama li jiġi stabbilit netwerk komplut ta' rotot Euro Cycle, TEN għar-roti. |
|
5.4. |
S'issa d-diskussjonijiet bejn l-imsieħba tal-Grupp tal-Baħar tat-Tramuntana dwar kif jista' jiġi assigurat il-progress futur tar-rotta, il-marketing tagħha u l-kooperazzjoni bejn numru kbir ta' msieħba (bejn wieħed u ieħor 70 fir-reġjun fi 8 pajjiżi) ma wasslu għall-ebda konklużjoni. Din il-kwistjoni hija importanti wkoll fir-rigward ta' rotot ċiklistiċi internazzjonali oħra ta' distanza twila li nbnew bis-saħħa ta' fondi speċifiċi (ħafna drabi 50 % minnhom mill-UE), fejn l-ebda soluzzjoni oħra ma nstabet għall-ġestjoni tal-kooperazzjoni u marketing komuni. |
|
5.5. |
Soluzzjoni potenzjali li ssemmiet ħafna, u li timxi mal-mudell tal-ġestjoni ta' organizzazzjonijiet fuq livell nazzjonali, hija li l-ġestjoni, il-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta' rotta tkun f'idejn organizzazzjoni Ewropea bħall-Fondazzjoni taċ-Ċiklisti Ewropej (ECF) ladarba l-infrastruttura u s-sinjali tat-triq ikunu kompluti. L-ECF issostni li l-manutenzjoni fit-tul tal-kwalità tar-rotot, ladarba dawn ikunu kompluti, hija kwistjoni kruċjali li għandha tiġi solvuta fuq livell internazzjonali u Ewropew. Organizzazzjoni Ewropea għandha tieħu ħsieb l-amministrazzjoni u s-segretarjat tal-proġetti EuroVelo kif ukoll id-diversi rotot Euro Velo li tlestew. B'hekk tiġi assigurata l-manutenzjoni ta' l-infrastruttura (inklużi s-sinjali) u l-provvediment ċentrali ta' tagħrif għaċ-ċiklisti (inkluż tagħrif dwar fejn wieħed jista' jitlob l-għajnuna f'każ ta' problemi tekniċi jew emerġenza). Dan il-proġett, bħal bosta inizjattivi u proġetti ta' kooperazzjoni oħra Ewropej, jeħtieġ l-appoġġ finanzjarju ta' l-Unjoni Ewropea. |
|
5.6. |
Minkejja r-riżorsi limitati tagħha, l-ECF saħħet l-isforzi tagħha għall-proġett EuroVelo sabiex tfassal u timplimenta soluzzjoni għall-problema. Dawn l-isforzi jinkludu kooperazzjoni fil-qasam ta' l-iżvilupp ta' sistema ta' sinjali fit-toroq għall-proġett EuroVelo li jkun ċar u jista' jiġi implimentat u adattat għall-pajjiżi kollha, u pressjoni fuq l-UNECE sabiex din tirrikonoxxi s-sistema ta' sinjali (19). Il-ħidma għar-rikonoxximent formali tas-sistema ta' sinjali ta' l-ECF fil-kuntest tal-grupp ta' msieħba ta' l-EuroVelo 6 u l-implimentazzjoni tagħha għandha tkun appoġġjata. |
Brussel, il-25 ta' April 2007
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Kummissjoni Ewropea, DG XI: “Iċ-ċikliżmu: it-triq għall-ġejjieni tal-bliet”, Lussemburgu 1999.
(2) Riżoluzzjoni tat-12 ta' Frar 2003 — Kumitat għall-Politika Reġjonali, it-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew, Rapporteur: Juan de Dios Izquierdo Collado, 9 ta' Diċembru 2002. Rapport dwar il-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea “Il-Politika Ewropea dwar it-Trasport għall-2010: żmien li tittieħed deċizjoni” FINAL A5-0444/2002; http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A5-2002-0444+0+DOC+WORD+V0//EN&language=EN.
(3) Ara www.civitas-initiative.org.
(4) Ara www.http//ec.europa/energy/intelligent/projects/steer_en.htm#policy.
(5) COM(2005) 637 finali.
(6) ECMT, Politika Nazzjonali għall-Promozzjoni taċ-Ċikliżmu (L-Implimentazzjoni ta' politika sostenibbli dwar l-ivjaġġar urban), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ta' l-OECD, 2004.
(7) ECMT, Politika Nazzjonali għall-Promozzjoni taċ-Ċikliżmu, pġ. 43.
(8) ECMT, Politika Nazzjonali għall-Promozzjoni taċ-Ċikliżmu, pġ. 20.
(9) ECMT, Politika Nazzjonali għall-Promozzjoni taċ-Ċikliżmu, pġ. 24.
(10) Ara http://www.fietsersbond.nl/urlsearchresults.asp?itemnumber=1.
(11) Ir-riċerka mwettqa fl-Olanda f'dawn l-aħħar snin tissuġġerixxi li l-immigranti (inklużi l-immigranti tat-tieni ġenerazzjoni) mill-Marokk, per eżempju, jużaw ir-rota inqas mill-Olandiżi nattivi. Ara “Het fietsgebruik van allochtonen nader belicht”, Fietsberaad pubblikazzjoni numru 11a, Novembru 2006. Ara http://www.fietsersbond.nl/urlsearchresults.asp?itemnumber=1.
(12) Ara ECMT, Politika Nazzjonali għall-Promozzjoni taċ-Ċikliżmu, pġ. 24.
(13) Għal eżempji ara: www.radroutenplaner.nrw.de u http://www.fietserbond.nl/fietsrouteplanner.
(14) Skond stima għall-2003 mwettqa minn COLIBI (l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Industrija tar-Rota) u COLIPED (l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Industrija tal-Vetturi b'Żewġ Roti u Aċċessorji Relatati).
(15) Sors: Preżentazzjoni ta' Les Lumsdon waqt il-konferenza finali tar-Rotta Ċiklistika għall-Baħar tat-Tramuntana, 9 ta' Novembru 2006, dwar it-turiżmu, ir-riġenerazzjoni ekonomika u s-sussidji Ewropej; Ara http://www.northsea-cycle.com u http//www.uclan.ac.uk/facs/lbs/research/institutes_and_centres/transport/docs/Northseacycleconf.doc.
(16) Ara http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A5-2007-0444+0+DOC+WORD+VO//EN&language=EN.
(17) Per eżempju: roti tandem, triċikli, roti aerodinamiċi li jintlewew u roti mgħottijin bi tliet roti.
(18) Ara http://www.ecf.com/14_1.
(19) Ara http://www.unece.org/trans/main/welcwp1.html.