20.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 168/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra

COM(2006) 275 finali

(2007/C 168/11)

Nhar is-7 ta' Ġunju 2006, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija u s-Soċjetà ta' l-informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta' Marzu 2007. Ir-rapporteur kienet Dr Bredima Savopoulou u l-ko-rapporteurs kienu s-Sur Chagas u s-Sur Nilsson.

Matul l-435 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta' April 2007 (seduta tas-26 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'157 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Green Paper toħloq fehma ġdida dwar il-baħar fl-UE, u dan għandu jintlaqa' tajjeb. Din hija l-ewwel darba li l-perspettiva tal-politiki komunitarji, li hija ġeneralment msejsa fuq l-art, qiegħda tinqaleb. Il-messaġġ simboliku tal-Green Paper, li l-Ewropa hija u kienet nazzjon qabel kollox marittimu, jiftaħ paġna ġdida fl-UE fir-rigward ta' l-ibħra.

1.2

Il-Green Paper tippromovi approċċ globali, transettorjali u strateġiku fir-rigward ta' l-oċeani. L-objettiv li l-frammentazzjoni tiġi ssostitwita b'viżjoni wiesgħa jistħoqqilha appoġġ sħiħ.

1.3

L-elementi pożittivi tal-Green Paper huma ħafna aktar mill-elementi potenzjalment negattivi. Il-KESE japprova l-maġġoranza tal-proposti li jinsabu fil-Green Paper (dwar is-sajd, il-portijiet, it-tarzna, it-trasport marittimu, ir-reġjuni kostali, l-enerġija offshore, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-ambjent, it-turiżmu, il-bijoteknoloġija blu) filwaqt li jagħmel xi kummenti speċifiċi.

1.4

Il-KESE japprova r-rikonoxximent ta' kemm huwa essenzjali r-rwol tas-servizzi u tal-portijiet marittimi ta' l-UE f'ekonomija globalizzata. Huwa jilqa' r-rikonoxximent fil-Green Paper li t-tbaħħir huwa internazzjonali u jeħtieġ regoli globali. Hemm bżonn ta' azzjoni pożittiva mill-UE sabiex titneħħa l-impressjoni negattiva tat-tbaħħir li għandu l-pubbliku u n-nuqqas ta' apprezzament għall-kontribut li jagħtu l-vapuri u l-baħħara lis-soċjetà. Il-KESE huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jirratifikaw minnufih Konvenzjonijiet prinċipali internazzjonali (IMO/ILO) u għandhom jassiguraw li dawn jiġu implimentati kif suppost.

1.5

Il-clusters marittimi għandu jkollhom pożizzjoni ċentrali fil-politika marittima futura ta' l-UE. Il-KESE jemmen li l-UE għandha tikkummissjona studju sabiex dawn il-clusters jiġu definiti u mqabbla ma' clusters marittimi f'żoni oħra. Il-clusters marittimi ser ikunu importanti fiż-żamma ta' l-għarfien marittimu fl-UE.

1.6

Iż-żjieda ta' l-investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ marittimi għandhom ikunu ċentrali fil-politika marittima integrata sabiex tissaħħaħ il-provvista ta' servizzi siguri, effiċjenti u ta' kwalità għolja. In-nuqqas potenzjali ta' baħħara kwalifikati ser ikollha konsegwenzi allarmanti għall-infrastruttura tas-sigurtà marittima u ser tiżdied jekk l-UE u l-gvernijiet ma jaħdmux flimkien sabiex tiġi indirizzata din il-problema. Mingħajr provvista bħal din, l-Ewropa ser tkun dejjem aktar nieqsa mill-għarfien u mill-esperjenza meħtieġa għal attivitajiet marittimi marbutin mas-sigurtà (l-ispezzjoni tal-vapuri, surveying, il-liġi, l-assigurazzjoni, is-servizzi ta' traffiku marittimu, is-salvataġġ, il-gwardja kostali u l-pilotaġġ). Barra minn hekk, clusters marittimi sħaħ jistgħu jinqasmu jew jiċċaqalqu għal reġjuni oħrajn.

1.7

Il-KESE jinnota li s-sajjieda u l-baħħara huma esklużi minn numru ta' kapitoli tal-leġislazzjoni soċjali Ewropea (eż d-Direttiva dwar is-sensji kollettivi (1), dwar it-trasferiment ta' l-intrapriżi (2), dwar l-informazzjoni/konsultazzjoni (3) u t-tqassim tal-ħaddiema fil-qafas tal-provvista ta' servizzi (4)). Irrispettivament mir-raġunijiet li jwasslu għal dawn l-esklużjonijiet, huwa importanti li dik id-diskriminazzjoni titwaqqaf, fejn huwa neċessarju. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex terġa' tevalwa dawn l-esklużjonijiet f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba soċjali.

1.8

It-tisħin globali u l-bidliet klimatiċi konsegwenti joħolqu xenarji fejn xi gżejjer jistgħu jisparixxu, żoni kostali jistgħu jegħrqu, il-ħażniet tal-ħut jonqsu, il-mikro-organiżmi tal-baħar jinqerdu b'impatt fuq il-katina ta' l-ikel u l-livell tal-baħar jista' jogħla b'7 metri sa l-2050. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-kwistjoni globali fil-kuntest ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra hija stess approċċ ambjentali integrat fl-azzjonijiet kollha tagħha — mhux biss f'dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet marittimi, iżda wkoll fil-proposti kollha tagħha li tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill.

1.9

Il-KESE jemmen li l-ġlieda kontra l-emissjonijiet fl-arja tista' toħloq konsegwenzi mhux mistennija u inkonsistenzi fil-politiki. It-tniġġis fl-arja huwa kwistjoni kumplessa u t-tnaqqis ta' pollutant wieħed jista' jkollu effett negattiv fuq il-pollutanti l-oħra bħall-gassijiet b'effett ta' serra. Is-soluzzjoni li jippreferi l-Kumitat hija l-approċċ internazzjonali globali sabiex tinstab soluzzjoni li twassal għal benefiċċju ambjentali ġenerali fuq perijodu fit-tul.

1.10

Il-KESE jinnota li r-raffineriji jipproduċu biss kombustibbli marini ta' kwalità ħażina u s-settur tat-tbaħħir m'għandux triq oħra ħlief li juża dan bħala bankers għall-vapuri. Huwa jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-kwalità tal-bankers sabiex tagħmel kisba importanti fil-kwistjoni ta' l-emmissjonijiet fl-arja mill-vapuri.

1.11

Il-KESE jifhem li l-idea ta' “spazju marittimu komuni Ewropew” jirreferi biss għal spazju virtwali marittimu li fih ikun hemm simplifikazzjoni ta' formalitajiet amministrattivi u tad-dwana għal servizzi marittimi intrakomunitarji li jagħtihom kondizzjonijiet simili għal dak tat-trasport bit-trakk jew bil-ferrovija fis-suq intern. Wara kjarifiki mill-Kummissjoni, li ġew espressi b'mod ċar fil-Komunikazzjoni, il-kunċett jista' jiġi appoġġjat mill-KESE sakemm dan jirrispetta fl-ilmijiet internazzjonali (High Seas) il-Konvenzjonijiet UNCLOS u IMO li jinkludu l-prinċipju ta' “navigazzjoni ħielsa” u dak li jissejjaħ “id-dritt tal-passaġġ innoċenti” (the right of innocent passage) fil-qalba taż-Żona Esklussiva Ekonomika.

1.12

Il-KESE jitkellem favur il-ħolqien ta' stati kostali “ta' kwalità” li huma l-ħolqa nieqsa fil-katina tal-kwalità. Stati kostali “ta' kwalità” għandhom jipprovdu lill-vapuri bis-servizzi essenzjali: installazzjonijiet adegwati għat-trattament ta' l-iskart, postijiet ta' refuġju għall-vapuri fil-periklu, il-passaġġ innoċenti, trattament imparzjali għall-baħħara u għajnuna għan-navigazzjoni. Dan il-kunċett għandu jitqajjem mill-UE fl-IMO sabiex jiġu żviluppati kriterji adattati li jistgħu jitkejlu għal-livell ta' prestazzjoni ta' l-istati kostali.

1.13

Il-KESE jilqa' r-rikonoxximent fil-Green Paper tar-rwol li jista' jkollu fl-implimentazzjoni tal-politika marittima, inkluż l-ippjanar ta' l-ispazji. Il-Kumitat jista' wkoll jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' l-identità marittima kif ukoll għall-wirt kulturali marittimu ta' l-UE u sabiex jissensibilizza l-opinjoni pubblika dwar it-tisħin globali.

1.14

Il-Green Paper huwa l-ewwel tentattiv meħud fi ħdan l-UE sabiex l-enfasi titmexxa minn fuq l-art għal fuq il-baħar. Il-KESE jixtieq jifraħ lill-Kummissjoni talli reġgħet stabbilixxiet il-bilanċ u, jixtieq jirrispondi billi jipparafraża l-massima ta' Temistokli “L-Ewropa tibqa' teżisti sakemm ikollha l-vapuri”. (“ser ikollna art u patria sakemm ikollna vapuri u ibħra”).

1.15

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex jiġi kkonsultat dwar il-Pjan ta' Azzjoni li ser joħroġ dwar il-Green Paper.

2.   Introduzzjoni

2.1

Matul ħamsin sena ta' eżistenza, l-UE żviluppat diversi politiki dwar l-ibħra: it-trasport marittimu, il-portijiet, it-tarzna, is-sajd, l-ambjent tal-baħar, ir-reġjuni kostali u l-enerġija offshore. Madankollu, dawn il-politiki żviluppaw separatament mingħajr ma japprofittaw mis-sinerġiji ta' bejniethom. Wasal iż-żmien li dawn l-elementi kollha jinġabru flimkien u tiġi avvanzata viżjoni ġdida wiesgħa għall-futur.

2.2

Fis-7 ta' Ġunju 2006, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Green Paper intitolata “Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra”. L-inizjattiva tal-President Barroso għandha titqies fil-kuntest ta' l-Objettivi Strateġiċi tal-Kummissjoni Ewropea (2005-2009) li enfasizzaw il-bżonn għal politika marittima komprensiva li għandha l-għan li tiżviluppa ekonomija marittima prosperuża u l-potenzjal sħiħ ta' l-attivitajiet ibbażati fuq il-baħar b'mod sostenibbli mil-lat ambjentali. Il-Kummissarju Borg ġie fdat li jmexxi Task Force dwar il-Politika Marittima għal dan l-iskop.

2.3

Il-Green Paper tqajjem mistoqsijiet importanti f'varjetà ta' oqsma bl-użu ta' approċċ integrat u globali li jippermetti rabtiet bejn is-setturi. Il-Green Paper, li diġà hija r-riżultat tal-proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, nediet wieħed mill-akbar eżerċizzji ta' konsultazzjoni fl-istorja ta' l-UE billi saqsiet liċ-ċittadini liema politika jixtiequ jaraw li tiġi adottata għall-ibħra u l-oċeani.

2.4

Mill-bidu tas-snin tmenin, il-KESE segwa mill-qrib it-triq ta' l-UE fl-istabbiliment ta' dawn il-politiki settorjali u ta kontribut bl-opinjonijiet konsistenti tiegħu fit-tfassil tagħhom. Issa jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li hemm bżonn ta' viżjoni strateġika ġdida għall-futur.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Kuntest

3.1.1

Il-Green Paper toħloq fehma ġdida dwar il-baħar fl-UE, u dan għandu jintlaqa' tajjeb. “Kemm m'hix ħaġa xierqa li nsejħu lill-pjaneta tagħna Art, meta fil-kwalità tagħha hija oċean”. Is-sotto-titolu tal-Green Paper huwa sinjifikanti u indikattiv ta' l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni meta nediet il-Green Paper. Din hija l-ewwel darba li l-perspettiva tal-politiki komunitarji li ġeneralment hija msejsa fuq l-art, qiegħda tinqaleb. Il-messaġġ simboliku ta' l-inizjattiva tal-Green Paper huwa l-aktar importanti: l-Ewropa hija u kienet nazzjon qabel kollox marittimu. L-UE għandha kultura marittima rikka li m'għandhiex tintilef. Mill-antikità konna xhieda ta' l-iżvilupp ta' diversi nazzjonijiet ta' navigaturi li għandhom il-benniena tagħhom fl-Ewropa: il-Griegi, it-Taljani, l-Ispanjoli, il-Brittaniċi, il-Portugiżi, in-nazzjonijiet Skandinavi (Vikingi), il-Ġermaniżi (bil-Liga Anseatika) u l-Olandiżi. Illum il-ġurnata, il-Greċja, Ċipru u Malta huma fost l-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja li għandhom l-akbar Reġistru tal-Bastimenti.

3.1.2

Il-Green Paper tintervjeni fi żmien ta' bidliet strutturali profondi fil-moviment tal-kummerċ marittimu dinji: vapuri enormi, portijiet u terminals enormi, loġistika moderna, kummerċ mingħajr l-użu tal-karti, żvilupp kontinwu tal-vapuri containers, iżda wkoll żjieda fil-formalitajiet għall-ekwipaġġ sabiex jintbagħtu f'temp qasir fil-portijiet, iż-żjieda tal-piraterija/terroriżmu modern u pressjonijiet akbar fir-rigward tar-responsabilità soċjali ta' l-intrapriżi. Il-globalizzazzjoni bil-konsegwenzi sekondarji kollha tagħha (pożittivi u negattivi) hija evidenti f'dan is-settur.

3.1.3

Il-Green Paper trid titqies ukoll fl-isfond ta' l-iżvilupp ta' poteri kummerċjali ġodda (BRICs — Brażil, Russja, Indja, Ċina), il-falliment tan-negozjati tal-WTO, is-sjieda ta' 40 % tal-flotta dinjija mill-pajjiżi ta' madwar il-Paċifiku u 40 % l-oħra mill-Ewropej. Id-dibattitu kollu qam fi żmien fejn il-prezzijiet taż-żejt qegħdin jisplodu 'l fuq, fejn qegħdin isiru taħdidiet kontinwi dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-elettriku, dwar is-sorsi alternattivi ta' l-enerġija u dwar il-biżgħat tat-tisħin globali.

3.1.4

Hemm diversi aspetti u attivitajiet umani relatati mal-baħar (sajd, ambjent, trasport, riċerka u żvilupp, esplorazzjoni tal-qiegħ marittimu, enerġija, tarzna, portijiet, turiżmu). Il-Green Paper teżamina l-inter-relazzjoni kkumplikata li teżizti bejn l-attivitajiet tal-baħar u dawk marittimi u tagħti parir li jkun hemm forma aktar integrata ta' tħejjija tal-politiki.

3.2   Aspetti ekonomiċi

3.2.1

Il-KESE jilqa' l-attenzjoni li tingħata lid-dimensjoni marittima ta' l-Ewropa fil-Green Paper, li tiftaħ paġna ġdida fl-UE fir-rigward tal-baħar. Il-Komunikazzjoni tenfasizza r-rwol essenzjali li s-servizzi tat-trasport marittimu għandhom fl-ekonomija Ewropea kif ukoll fil-ħajja ta' kuljum u l-prosperità taċ-ċittadini Ewropej, li ta' sikwit jinjorawhom. Il-KESE jappoġġja l-pożizzjoni rigward il-kompetitività internazzjonali tas-settur marittimu u tal-portijiet f'ambjent globalizzat u l-bżonn li jiġu stabbiliti regoli internazzjonali imparzjali fis-suq globali. It-trasport marittimu u l-portijiet huma rikonoxxuti bħala komponenti ewlenin tal-katini loġistiċi li jgħaqqdu s-suq uniku ma' l-ekonomija dinjija. Filfatt iżommu pożizzjoni ta' mexxejja fil-livell dinji u mhuma bl-ebda mod industriji li qegħdin jispiċċaw. It-tnejn li huma jiġu identifikati bħala komponenti ewlenin ta' l-istrateġija ta' Lisbona, li l-għan tagħha huwa li l-Ewropa ssir l-aktar entità kummerċjali kompetittiva fid-dinja. Il-KESE jinnota li riċentament it-tarzna fl-UE rnexxiet b'mod eżemplari f'ċerti kategoriji speċifiċi ta' vapuri.

3.2.2

Il-Green Paper ser tipproduċi wkoll konsegwenzi pożittivi għall-immaġni tat-tbaħħir u l-iżvilupp ta' clusters marittimi li huma l-akbar fid-dinja. Il-clusters marittimi għandu jkollhom pożizzjoni ċentrali fil-politika marittima futura ta' l-UE. Il-KESE jemmen li l-UE għandha tikkummissjona studju sabiex dawn il-clusters jiġu definiti u mqabbla ma' clusters marittimi f'żoni oħra. Il-clusters marittimi ser ikunu importanti fiż-żamma ta' l-għarfien marittimu fl-UE.

3.2.3

L-UE għandha tinkoraġġixxi inizjattivi li għandhom l-għan li joħolqu dehra pożittiva tat-tbaħħir u tal-portijiet mal-pubbliku ġenerali. Hemm bżonn li jiġu indirizzati l-konġestjoni fil-portijiet u xkiel ieħor li jostakola l-effiċjenza tas-servizzi. Għandu jkun hemm investimenti fil-portijiet u fil-konnessjonijiet ma' l-intern tal-pajjiż sabiex l-Ewropea tingħata katini loġistiċi effiċjenti u ta' kwalità għolja. It-tkabbir li ra t-trasport marittimu fuq distanza qasira matul l-aħħar għaxar snin għandu jkompli jiġi stimolat f'sistema integrata ta' trasport Ewropew.

3.2.4

Għalkemm huwa rikonoxxut li kważi 90 % tal-kummerċ estern ta' l-UE jseħħ permezz tal-baħar, li l-perċentwali tal-kummerċ intra-komunitarju huwa ogħla minn 40 % u li r-residenti Ewropej jikkontrollaw aktar minn 40 % tal-flotta kummerċjali dinjija, il-Green Paper tenfasizza biss it-trasport marittimu fuq distanza qasira u l-kunċett ta' “Toroq tal-Baħar”. Madankollu, il-parteċipazzjoni dejjem akbar tal-vapuri ta' l-UE fl-attivitajiet kummerċjali internazzjonali bejn pajjiżi terzi u kontinenti oħrajn m'għandhiex tiġi sottovalutata.

3.3   Aspetti soċjali

3.3.1

Il-globalizzazzjoni tippreżenta sfidi partikolari fil-qasam ta' l-impjiegi marittimi. Il-KESE jirrikonoxxi bis-sħiħ l-importanza li jinżamm l-għarfien marittimu Ewropew; huwa essenzjali kemm għall-industrija stess kif ukoll għaż-żamma ta' clusters marittimi li huma meħtieġa għall-interessi ekonomiċi u soċjali tal-Komunità. Hemm numru ta' azzjonijiet li jistgħu jintużaw bħala bażi li qegħdin jitmexxew fil-livell nazzjonali, komunitarju u internazzjonali; f'dan ir-rigward, l-imsieħba soċjali għadhom rwol importanti x'jaqdu. Flimkien jistgħu jagħtu kontribut sinjifikanti sabiex jissaħħu l-għarfien marittimu Ewropew u l-opportunitajiet ta' impjieg għall-baħħara Ewropej. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tingħaqad ma' l-Istati Membri bil-għan li tqajjem kuxjenza u ttejjeb l-impressjoni tal-pubbliku fir-rigward ta' l-industrija u tal-ħaddiema tagħha.

3.3.2

Iż-żjieda fl-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ relatat mal-baħar għandhom ikunu ċentrali fil-politika marittima integrata sabiex tissaħħaħ il-provvista ta' servizzi siguri, effiċjenti u ta' kwalità għolja. L-iskarsezza potenzjali ta' baħħara kwalifikati tippreżenta konsegwenzi allarmanti għall-infrastruttura tas-sigurtà marittima fl-UE u ser tiżdied jekk ma jkunx hemm impenji bi sħab bejn l-UE, il-gvernijiet u l-industrija sabiex tiġi indirizzata din il-problema. Mingħajr provvista bħal din, l-Ewropa ser tkun dejjem aktar nieqsa mill-kapaċità u mill-esperjenza meħtieġa għal attivitajiet marittimi ewlenin marbutin mas-sigurtà (l-ispezzjoni tal-vapuri, is-surveying, il-liġi, l-assigurazzjoni, is-servizzi ta' traffiku marittimu, is-salvataġġ, il-gwardji kostali u l-pilotaġġ). Mingħajr din il-provvista, clusters marittimi sħaħ jistgħu jinqasmu jew jiġu trasferiti f'reġjuni oħrajn.

3.3.3

Il-possibbiltajiet ta' impjieg fuq l-art lill-eks baħħara huwa fattur importanti sabiex in-nies jitħajru jibdew karriera marittima. Il-proġett ta' l-ippjanar tal-karriera żviluppat mill-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) jista' jkun ta' għajnuna sabiex juri l-firxa ta' possibbiltajiet għall-ippjanar tal-karriera għall-baħħara Ewropej bl-għan li t-tbaħħir isir għażla ta' karriera attraenti. Il-kunċett għandu jiġi promoss u użat fil-livell nazzjonali.

3.3.4

L-implimentazzjoni ta' qafas komunitarju adattat destinat sabiex jippromovi t-taħriġ u l-għarfien marittimu Ewropej ser ikollha effetti pożittivi għall-clusters marittimi kollha (5). Hemm bżonn ta' azzjoni għal aktar appoġġ sabiex jitħeġġeġ it-taħriġ ta' baħrin li jixtiequ jsiru uffiċjali u l-investiment f'kulleġġi nawtiċi (Edukazzjoni u Taħriġ Marittimu) fl-Ewropa kollha, sabiex jiġi assigurat li t-taħriġ isir fuq il-bażi ta' l-“aħjar prattika” li tipprovdi firxa ta' kompetenzi li jirriflettu l-iżvilupp teknoloġiku (eż. navigazzjoni elettronika).

3.3.5

Il-Konvenzjoni ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-istandards ta' l-impjieg marittimu ta' l-2006 (MLC) (6), adottata b'mod unanimu u li tissostitwixxi 30 Konvenzjoni prinċipali ta' l-ILO, ser tipprovdi bażi solida, komprensiva u globali għall-istandards tax-xogħol tal-baħrin. Il-KESE jappoġġja n-negozjati li huma għaddejjin bħalissa bejn l-imsieħba soċjali ta' l-UE bil-għan li l-MLC tiġi inkluża fil-leġislazzjoni ta' l-UE permezz ta' Ftehim ta' l-Imsieħba Soċjali, waqt li tiġi kkunsidrata l-klawżola ta' non-rigressjoni inkluża fil-Konvenzjoni ta' l-ILO. Fil-qafas tal-politika marittima komunitarja tal-futur, l-Istati Membri jridu jkunu meħtieġa jirratifikaw u jimplimentaw l-MLC, li tirrappreżenta Karta tad-Drittijiet tal-Baħħara. Bl-istess mod, il-Kummissjoni hija mħeġġa li tiżviluppa l-kuntatti kollha possibbli sabiex tassigura, wara tentattiv fallut fl-2005, l-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-ILO dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol abbord vapuri tas-sajd fl-2007.

3.3.6

Il-KESE jemmen li hemm skop għat-titjib tal-perċezzjoni ġenerali tat-tbaħħir u tal-professjoni f'dan il-qasam permezz ta' kampanji adegwati li għandhom jitfasslu fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali. Il-KESE jista' jagħti kontribut siewi sabiex jippromovi l-identità u l-patrimonju kulturali marittimi ta' l-UE. Fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (7), il-ħolqien ta' Jum Ewropew Marittimu jew ta' Jum Ewropew ta' l-Oċeani jista' jikkontribwixxi sabiex l-Ewropej isiru aktar konxji fir-rigward ta' l-importanza ta' dan is-settur.

3.3.7

Għandha tiġi investigata aktar fid-dettall l-idea li jinħolqu programmi ta' taħriġ iffinanzjati mill-operaturi differenti tal-clusters marittimi, sabiex tiġi garantita ż-żamma ta' offerta adegwata ta' għarfien marittimu Ewropew, li aktar tard jista' jintuża f'attivitajiet relatati mas-settur.

3.3.8

Il-KESE huwa ddiżappuntat li l-aspetti soċjali dwar il-ħaddiema impjegati f'diversi attivitajiet relatati mal-baħar, apparti t-trasport u s-sajd, mhumiex imsemmija fil-Green Paper. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-aspetti soċjali ta' l-attivitajiet relatati mal-baħar (eż. tarzna, pilotaġġ, portijiet, enerġija, esplorazzjoni ta' qiegħ il-baħar).

3.4   Aspetti ambjentali

3.4.1

Il-KESE jaqbel mal-fehma espressa fil-Green Paper li l-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar hija importanti għat-titjib tal-kompetittività u ta' l-impjiegi fl-Ewropa. Il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu li kull ma jmur l-ambjent marittimu qiegħed ikun mhedded dejjem aktar mill-attivitajiet umani u mid-diżastri naturali. Il-protezzjoni tiegħu hija l-kondizzjoni sine qua non għas-sostenibilità fuq perijodu fit-tul tal-pjaneta tagħna. Il-KESE jemmen li approċċ integrat trans-settorjali jista' jkun għodda importanti għall-partijiet ikkonċernati kollha sabiex issir ġestjoni ambjentali sostenibbli u sabiex jagħmlu l-aħjar użu mis-sinerġiji bejn is-sotto-setturi.

3.4.2

Id-diversità bijoloġika fl-ambjent marittimu għandha tkun issalvagwardjata minn politiki koerenti ta' l-UE, li jipprovdu responsabbiltajiet għall-partijiet ikkonċernati kollha, li jirrappreżentaw il-katina ta' responsabbiltà. Il-Kummissjoni hija mistiedna li twettaq riċerka sabiex tipprovdi għarfien xjentifiku dwar kif l-ambjent marittimu u d-diversità bijoloġika jistgħu jagħtu kontribut aktar siewi lill-ħajja umana. Fil-fehma tal-Kumitat, l-aħjar soluzzjoni bl-għan li jseħħ titjib ambjentali ġenerali fuq perijodu fit-tul hija strateġija internazzjonali globali.

3.4.3

Fil-kuntest ta' din l-istrateġija globali, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindirizza t-tniġġis marittimu minn sorsi fuq l-art (attivitajiet industrijali, urbani u rurali) peress li dan jirrappreżenta 80 % tat-tniġġis globali ta' l-ibħra. Barra minn hekk, il-Green Paper tidher li tinjora l-fatt illi d-dgħajjes ta' rikreazzjoni jikkawżaw tniġġis sostanzjali ta' l-ibħra. Dan għandu jiġi indirizzat bla dewmien. Il-KESE jikkunsidra li hemm bżonn li tiġi stabbilita politika ta' l-UE sabiex jiġi miġġieled it-traffikar ta' l-iskart tossiku bil-baħar (esportat lejn terzi pajjiżi). L-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara, tad-Direttiva tal-kontroll tal-vapuri u tad-Direttiva proposta għall-protezzjoni ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali mexjin f'din id-direzzjoni.

3.4.4

Waħda mill-konsegwenzi u l-inkonsistenzi mhux intenzjonati bejn il-politiki hija relatata mal-ġlieda kontra l-emissjonijiet fl-arja. F'Lulju 2006, il-G8 identifika l-emissjonijiet fl-arja mit-trasport bħala qasam ewlieni li kien jeħtieġ azzjoni urġenti sabiex jiġi indirizzat it-tisħin globali. Il-Komunikazzjoni riċenti dwar it-tema “Nillimitaw il-bidla klimatika globali” (8) tipprovdi speċifikament li jkunu limitati l-emissjonijiet tas-settur tat-trasport u dawk tal-gassijiet b'effett ta' serra. It-tniġġis fl-arja huwa kwistjoni kumplessa u t-tnaqqis ta' pollutant wieħed jista' jkollu effett negattiv fuq il-pollutanti l-oħra bħall-gassijiet b'effett ta' serra. Il-KESE tappoġġja t-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 mill-vapuri. Madankollu, l-impatt tagħhom ser ikun dgħajjef ħafna sakemm ma jsirx tnaqqis ekwivalenti fir-rigward ta' attivitajiet ibbażati fuq l-art, li s'issa huma l-akbar kontributur għat-tisħin globali. Kif stabbilit fir-rapport Stern, ippubblikat riċentament fir-Renju Unit (9), it-trasport jirrappreżenta biss 14 % ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, li minnhom it-trasport marittimu u ferrovjarju jirrappreżenta 1.75 % ta' l-emissjonijiet globali.

3.4.5

Permezz ta' numru ta' opinjonijiet preċedenti, il-KESE saħaq li l-Istati Membri ta' l-UE għandhom jirratifikaw immedjatament il-Konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sigurtà marittima u l-protezzjoni ambjentali u jassiguraw li dawn jiġu applikati b'mod tajjeb. Għalkemm it-trasport marittimu huwa l-mod ta' trasport li l-aktar li huwa effiċjenti fil-livell ta' enerġija u l-aktar li jħares l-ambjent, il-KESE jappoġġja l-fehma prevalenti internazzjonalment għal limiti aktar baxxi ta' emissjonijiet fl-arja minn dawk li reċentament saru mandatorji mill-Konvenzjoni MARPOL (10) (Anness VI). Il-miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet marittimi jridu jkunu ekonomiċi u mhux iwasslu għal ċaqliq modali fl-Ewropa fejn it-trasport fuq l-ilma jiġi sostitwit minn mod ta' trasport anqas kredibbli fuq il-pjan ambjentali. L-UE — wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali — għandha tinkoraġġixxi politika li tistabbilixxi tarznari għat-tneħħija ta' bastimenti (dismantling yards) (kemm tal-merkanzija kif ukoll militari) li m'għadhomx jintużaw.

3.4.6

Il-KESE jappoġġja l-objettiv ta' l-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar. Minn lat ambjentali, jista' jkun għaqli li ż-żona globali tal-baħar fl-UE tinqasam f'reġjuni sabiex jiġi stabbilit dak li huwa meħtieġ għal kull reġjun (pjanar ta' l-ispazju tal-baħar); permezz ta' dan ikun qiegħed jiġi rikonoxxut li dak li huwa bżonjuż jew l-aħjar għal reġjun partikolari mhux neċessarjment huwa bżonjuż għal reġjun ieħor. Il-KESE jilqa' r-rikonoxximent fil-Green Paper tar-rwol tiegħu bħala forum ta' skambju ta' fehmiet fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-prinċipji ġenerali tat-tfassil tal-politika marittima, inkluż l-ippjanar spazjali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Regolamentazzjoni aħjar

4.1.1

Ta' min ifaħħar ir-rikonoxximent tal-bżonn għal regolamentazzjoni aħjar sabiex jiġu evitati l-inkonsistenzi fost il-politiki komuni (eż. trasport/ambjent, trasport/kompetizzjoni) u ta' l-intenzjoni li jkun hemm ħidma għal regoli internazzjonali imparzjali stabbiliti fir-rigward tar-regolamentazzjoni u l-implimentazzjoni. Barra minn hekk, għandha tiġi appoġġjata l-idea ta' l-awtoregolazzjoni bħala żjieda għal-leġislazzjoni.

4.1.2

Il-KESE japprova totalment l-approċċ tal-Green Paper li azzjoni fil-livell komunitarju għandha tittieħed biss meta twassal għal valur miżjud. L-UE ġiet ikkritikata minħabba t-tendenza li diversi kwistjonijiet li jistgħu jiġu ttrattati b'mod adegwat fil-livelli nazzjonali jew internazzjonali jiġu “Ewropanizzati”. Fil-kuntest ta' “regolamentazzjoni aħjar”, ikun għaqli li r-riflessjoni fuq il-politiki futuri tikkunsidra b'mod serju din il-kritika.

4.2   Relazzjonijiet esterni

4.2.1

Fir-rigward tal-proposta għall-parteċipazzjoni fil-futur ta' l-UE f'organizzazzjonijiet marittimi internazzjonali bħala entità f'mod parallel għall-Istati Membri tagħha, għandu jiġi enfasizzat li l-kontribut ta' xi Stati Membri f'organizzazzjoni internazzjonali (bħall-IMO u l-ILO) f'termini ta' kompetenza għandu reputazzjoni tajba ħafna u għalhekk huwa opportun li dan jiġi promoss minflok jiddgħajjef. Fil-mument, hemm skop għal kooperazzjoni/koordinazzjoni msaħħa mill-Istati Membri ta' l-UE fil-kuntest ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni għandha teżerċita l-influwenza tagħha fir-rigward tal-pajjiżi terzi bil-għan li tħeġġiġhom isaħħu u jirratifikaw konvenzjonijiet marittimi internazzjonali prinċipali (eż. Il-Konvenzjoni dwar il-Bankers, il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara (HNS Convention) u l-Konvenzjoni dwar il-Limitazzjonijiet ta' Responsabbiltà għal Claims Marittimi (LLMC Convention) ta' l-1996.

4.2.2

Politika dwar relazzjonijiet esterni marittimi ta' l-UE li hija effiċjenti u effettiva għandha tissalvagwardja qafas internazzjonali ta' ħidma għas-servizzi tat-trasport marittimu. In-negozjati ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar is-servizzi (GATS) kienu importanti sabiex ikun ikun garantit l-aċċess għas-suq. Għalkemm in-negozjati tad-Doha Round ġew sospiżi, il-ftehim taż-żamma ta' l-istatus quo marittimu (li jimpedixxi lill-Istati Membri tal-WTO milli jadottaw miżuri ġodda ta' protezzjoni) għandu jibqa' fis-seħħ. Il-ftehim marittimu bilaterali konkluż maċ-Ċina stabbilixxa qafas ta' ħidma li huwa ideali sabiex ikun hemm relazzjonijiet kostruttivi ma' dan il-pajjiż. Għandu jiġi konkluż ftehim ieħor simili ma' l-Indja.

4.2.3

Il-Green Paper tafferma li s-sistema legali bbażata fuq il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) (11) għandha tiġi żviluppata aktar sabiex tiffaċċja sfidi ġodda. Il-KESE jemmen li l-Konvenzjoni UNCLOS tirrifletti bilanċ fraġli ta' l-interessi li m'għandhomx jitħarbtu, b'mod partikolari fil-kunċett tal-“libertà tat-tbaħħir” u tad-“dritt tal-passaġġ innoċenti” fiż-Żona Ekonomika Esklussiva. Stati kostali oħrajn jistgħu jagħmlu l-istess u jirrifjutaw il-“libertà tat-tbaħħir” f'każ ta' motivi inqas innokwi. Dan jista' jkollu konsegwenzi serji għall-kummerċ marittimu f'xi wħud mir-rotot ta' navigazzjoni l-aktar strateġiċi tad-dinja.

4.3   Spazju Marittimu Komuni Ewropew

4.3.1

L-idea li l-UE tiġi kkunsidrata bħala pajjiż wieħed għal skopijiet ta' dwana/amministrattivi biss tista' tiġi approvata jekk din tirrispetta fl-ilmijiet internazzjonali (High Seas) il-Konvenzjonijiet UNCLOS u IMO li jinkludu l-prinċipju ta' “navigazzjoni ħielsa” u dak li jissejjaħ “id-dritt tal-passaġġ innoċenti” fil-qalba taż-Żona Esklussiva Ekonomika. Il-KESE jifhem li l-idea ta' “spazju marittimu komuni Ewropew” jirreferi biss għal spazju virtwali marittimu li fih ikun hemm simplifikazzjoni ta' formalitajiet amministrattivi u tad-dwana għal servizzi marittimi intrakomunitarji li jagħtihom kondizzjonijiet simili għal dak tat-trasport bit-trakk, bil-ferrovjia jew fuq passaġġi ta' l-ilma interni fis-suq intern. Wara kjarifiki mill-Kummissjoni, li ġew spjegati b'mod ċar fil-Komunikazzjoni, l-idea tista' tiġi appoġġjata mill-KESE (12).

4.4   Ambjent tal-baħar

4.4.1

Il-kwalità ta' l-arja reġjonali u lokali għandha tiġi indirizzata permezz ta' mekkaniżmi provduti mill-Konvenzjoni MARPOL permezz tal-ħolqien potenzjali ta' Żoni addizzjonali ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet tal-Kubrit (SECA). Il-produzzjoni ta' fjuwils b'kubrit baxx teħtieġ investiment addizzjonali fir-raffineriji u provvista ta' enerġija sabiex jitneħħa l-kubrit li hija stess tista' żżid l-emissjonijiet tas-CO2 u tikkontribwixxi għat-tisħin globali. Barra minn hekk, mhux vijabbli li tiġi applikata multitudni ta' livelli differenti ta' kontroll ta' l-emissjonijiet f'żoni u portijiet differenti madwar id-dinja.

4.4.2

Fir-rigward tat-tniġġis fl-arja mill-vapuri, id-dikjarazzjoni li l-emissjonijiet fl-arja ta' l-Nox mill-vapuri ser ikunu ogħla meta mqabbla ma' l-attivitajiet kollha fuq l-art fl-2020 hija dubjuża. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-effetti tat-tibdil klimatiku fuq it-tbaħħir u sabiex teżamina l-kwistjoni ta' l-organizzazzjoni tat-traffiku tal-vapuri fl-Artiku.

4.4.3

Il-protezzjoni ta' l-ambjent tal-baħar u tal-bijodiversità fl-ilmijiet li jinsabu barra l-ġurisdizzjoni nazzjonali saret prijorità importanti għall-komunità internazzjonali. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li r-relazzjoni bejn l-UNCLOS u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tiġi ċċarata. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jipparteċipaw b'mod attiv fl-iżvilupp ta' evalwazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar fil-livell globali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti.

4.4.4

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija ambjentali fuq il-perijodu fit-tul għat-tindif u l-protezzjoni tal-Baħar Mediterran. Din l-ekosistema unika qiegħda tmur lura minħabba ż-żjieda tal-pressjonijiet ambjentali li qegħdin jheddu s-saħħa tal-popli u l-attivitajiet ekonomiċi li jiddependu fuq il-baħar. Bl-istess mod, il-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed, li huma kważi ibħra magħluqa, jistħoqqilhom attenzjoni speċjali minħabba l-kwantitajiet kbar ta' żejt Russu li jiġi trasportat fuqhom, iż-żjieda globali ta' traffiku u l-ewtrofikazzjoni minn sorsi bbażati fuq l-art u mill-ixmajjar. Hemm ukoll dibattitu sensittiv dwar l-impatt ambjentali tal-pipeline propost fil-Baħar Baltiku (Russja/Ġermanja). Il-problemi msemmija hawn fuq huma aggravati mill-attivitajiet tal-vapuri militari — li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli ta' l-UE — li huma dejjem aktar ta' detriment għall-ambjent u għat-turiżmu.

4.5   Sajd

4.5.1

Is-settur tas-sajd (13) jiddependi ħafna fuq ambjent marittimu sostenibbli u l-futur tiegħu, mil-lat bijoloġiku, ekonomiku u soċjali, għandu jkun eko-sistema marittima li taħdem b'mod ottimali.

4.5.2

Il-“Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli” (FAO) tista' sservi ta' referenza għall-amministrazzjonijiet responsabbli mis-sajd. Is-settur tas-sajd għandu jiżviluppa għodod aħjar (eż. tagħmir, irkaptu tas-sajd) sabiex iżid l-għażla u jnaqqas il-ħsara f'qiegħ il-baħar. Fil-kuntest ta' approċċ integrat, hemm bżonn li jiġu stabbiliti żoni marittimi protetti sabiex jissalvaw il-bijotipi li jinsabu mhedda minn sajd mhux ikkontrollat u illegali, u li jkun hemm statistiċi aħjar dwar il-qabda tas-sajd. It-titjib fl-ippjanar spazjali jista' jiżviluppa t-turiżmu marittimu, jissalvagwardja s-sajd u joħloq żvilupp reġjonali u aktar impjieg fis-settur marittimu fiż-żoni rurali.

4.6   Gwardja kostali Ewropea

4.6.1

Il-KESE jistaqsi lili nnifsu jekk f'dan l-istadju, l-idea ta' Gwardja Kostali Ewropea hix ser tissarraf f'valur miżjud, u għaldaqstant hux il-każ li din l-idea tiġi promossa. L-istudju ta' fattibilità li ser jiġi ppreżentat dalwaqt ser jipprovdi informazzjoni prezzjuża dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward. Filwaqt li jikkunsidra d-differenzi eżistenti fl-infrastruttura, il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-korpi nazzjonali differenti ta' l-Istati Membri, il-KESE jemmen li l-objettivi mixtieqa jistgħu ugwalment jinkisbu permezz ta' kooperazzjoni mtejba ta' l-awtoritajiet adegwati ta' l-Istati Membri b'mod partikolari rigward is-sigurtà, l-immigrazzjoni illegali, it-traffikar u l-investigazzjoni konġunta ta' l-inċidenti.

4.7   Reġistru Ewropew

4.7.1

Il-proposta għal reġistru Ewropew komplimentari u fakultattiv (eż. EUROS) tagħti lok għal tħassib. Filwaqt li hija attraenti bħala simbolu ta' għaqda u eċċellenza Ewropea, il-bandiera ta' l-UE hija mossa prematura meta l-politiki ekonomiċi, fiskali u soċjali ta' l-Istati Membri mhumiex armonizzati. Proposta bħal din tista' titqies bħala l-qofol ta' armonizzazzjoni ġenerali fl-UE li tista' sseħħ f'futur imbiegħed, iżda li mhuwiex il-każ attwalment. Barraminhekk, l-użu tal-kliem “reġistru komunitarju komplementari” huwa sors ta' konfużjoni u jwassal li wieħed jistaqsi xi jkunu l-vantaġġi addizzjonali li t-tali reġistru jista' jipprovdi għat-trasport marittimu meta mqabbel mar-reġistri nazzjonali, permezz tal-Linji ta' Gwida Komunitarji dwar is-suġġett. Miżuri pożittivi u inċentivi oħra jistgħu jiġu ssimplifikati permezz tal-Linji ta' Gwida u jistgħu jkunu disponibbli għar-reġistri nazzjonali kollha. Fi kwalunkwe każ, il-ħolqien ta' reġistru speċifiku komunitarju għandu jkun akkumpanjat minn rikonoxximent u tisħiħ tal-leġislazzjoni soċjali Ewropea li tapplika għal dan ir-reġistru ġdid.

4.8   Stat Kostali ta' “Kwalità”

4.8.1

Il-KESE huwa ferm favur il-ħolqien ta' stati kostali ta' “kwalità” li huma l-ħolqa nieqsa fil-katina tal-kwalità. Stati kostali ta' “kwalità” għandhom jipprovdu servizzi essenzjali lill-vapuri. Per eżempju, stat kostali ta' “kwalità”: jwettaq l-obbligi internazzjonali tiegħu billi jirratifika u jimplimenta konvenzjonijiet konklużi fuq livell internazzjonali, jirrispetta l-Linji ta' Gwida ta' l-IMO u ta' l-ILO dwar it-trattament imparzjali tal-baħħara, jipprovdi installazzjonijiet adegwati għat-trattament ta' l-iskart, ikompli jagħti l-għajnuna tiegħu għat-tbaħħir u jaġġorna l-mapep tan-navigazzjoni, jipprovdi lill-vapuri fil-periklu b'post ta' refuġju (minflok jirriskja li jkun hemm diżastru ambjentali jekk jinjorahom), jassigura li jittieħdu l-passi kollha sabiex jiġi ffaċilitat l-passaġġ mhux offensiv tal-vapuri fl-ilmijiet tiegħu u jagħti inċentivi lill-vapuri ta' kwalità li jidħlu fil-portijiet tiegħu jew li qegħdin ibaħħru fl-ilmijiet tiegħu. Sfortunatament, jidher li hemm nuqqas ġenerali ta' impenn minn xi stati kostali fir-rigward ta' dan ir-rwol importanti.

4.8.2

Il-Green Paper toffri l-opportunità li jiġu żviluppati kriterji li jistgħu jitkejlu u “l-aħjar prattika” għall-istati kostali. Dan il-kunċett għandu jitqajjem mill-Istati Membri ta' l-UE fl-IMO sabiex jiġu żviluppati kriterji adattati li jistgħu jitkejlu bil-għan li tiġi evalwata l-prestazzjoni ta' l-istati kostali.

4.8.3

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni (14) sabiex jiġi stabbilit Fond Ewropew għall-Kosti u l-Gżejjer li jinkludi diversi attivitajiet marititmi.

4.9   Turiżmu kostali

4.9.1

Il-KESE jinnota li l-Ewropa hija l-ewwel destinazzjoni tat-turisti fid-dinja. Jappoġġja l-idea li jiġi żviluppat turiżmu parallel ta' kwalità fiż-żoni kostali. Il-Green Paper tirrikonoxxi li t-turiżmu sostenibbli jwassal għad-distinzjoni fis-servizzi tat-turisti, bl-għan li jiġu ddekonġestjonati l-kosti, jiġu pprovduti sorsi alternattivi ta' dħul għas-sajjieda u jiġu żviluppati attivitajiet li jipproteġu l-wirt kulturali. Il-KESE ma jista' jagħmel xejn ħlief li jikkontribwixxi għall-inizjattivi msemmija hawn fuq.

4.10   Affarijiet soċjali

4.10.1

Il-KESE jinnota li s-sajjieda u l-baħħara huma esklużi mid-direttivi tal-leġislazzjoni soċjali Ewropea li ġejjin: (dwar is-sensji kollettivi, dwar it-trasferiment ta' l-impriżi, dwar l-informazzjoni/konsultazzjoni dwar l-impjieg tal-ħaddiema). Din it-tip ta' esklużjoni kienet oriġinarjament ġustifikata minħabba l-fatt li l-leġislazzjoni soċjali primarjament kienet maħluqa għall-industriji bbażati fuq l-art milli għall-partikolaritajiet ta' l-impjiegi fuq il-baħar. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex terġa' tevalwa dawn l-esklużjonijiet f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba soċjali.

4.11   Ftehimiet bilaterali dwar l-imbark tal-vapuri

4.11.1

L-importanza li qiegħda tingħata lil sigurtà msaħħa waslet sabiex diversi Stati Membri ta' l-UE kkonkludew ftehimiet bilaterali dwar l-imbark tal-vapuri ma' terzi pajjiżi. Il-KESE jemmen li approċċ ikkoordinat ta' l-Istati Membri ta' l-UE għal inizjattivi bħal dawn kif ukoll tqassim ikkoordinat tal-ħidma bejn l-Istati Membri, inkluż l-forzi navali tagħhom, jidher li huwa mixtieq ferm fl-applikazzjoni ta' regoli bħal dawn. Soluzzjoni oħra tista' tkun ir-ratifika bikrija tal-Protokolli dwar it-Trażżin ta' Atti Illegali mill-Istati Membri ta' l-UE. Dawn il-Protokolli għandhom objettivi simili għall-Inizjattiva ta' Sigurtà kontra l-Proliferazzjoni iżda tinkludi salvagwardji importanti li jipproteġu l-interessi kummerċjali leġittimi ta' l-operaturi tas-settur marittimu u d-drittijiet tal-bniedem tal-baħħara.

Brussel, is-26 ta' April 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Direttiva tal-Kunsill 98/59KE ta' l-20 ta' Lulju 1998 dwar is-sensji kollettivi ĠU L 225, 12.8.1998, pġ 1621 .

(2)  Direttiva 2001/23KE dwar is-salvagwardja tad-drittijiet ta' l-impjegati f'każ ta' trasferiment ta' intrapriżi, negożji jew parti mill-intrapriżi jew negozji.

(3)  Direttiva 2002/14 KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta' l-impjegati fil-Komunità Ewropea [Ġurnal Uffiċjali L 80, 23.3.2002].

(4)  Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996. ĠU L 18, 22.1.1997, pġ. 1-6 .

(5)  Skond l-istudju tal-BIMCO (Konferenza Marittima Internazzjonali u Baltika) u ta' l-ISF (Federazzjoni Internazzjoanli tat-Tbaħħir), il-medja ta' l-età ta' l-uffiċjali fil-pajjiżi bi tradizzjoni b'saħħitha marittima qiegħda tkompli tiżdied anke jekk m'hemm l-ebda evidenza li turi li t-talba għas-servizzi tagħhom ser tonqos..

(6)  http://www.ilo.org/public/english/standards/norm/mlc2006/index.htm.

(7)  Kif indikat fid-dokument tal-Presidenza tar-Renju Unit (Diċembru 2005), hemm ħafna inizjattivi innovattivi li qegħdin jittieħdu fl-UE, u jkun utli li jsir enfasi akbar fuq l-iskambju ta' l-aħjar prattiċi.

(8)  (COM(2007)2 (10/1/07). NAT/310: Opinjoni dwar l-isfidi tal-bidla fil-klima — Ir-rwol tas-soċjetà ċivili (27.9.2006). NAT/276: Opinjoni dwar L-iżvilupp sostenibbli fl-agrikoltura, foresterija u sajd u l-isfidi tal-bidla klimatika (27.1.2006)

(9)  http://www.hm-treasury.gov.uk/independent_reviews/stern_review_economics_climate_change/stern_review_report.cfm.

Ir-rapport Stern jistima li l-ispiża ta' nuqqas ta' azzjoni tammonta għal 5-20 % tal-PGD globali.

(10)  Konvenzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri, 1973, kif emendata mill-Protokoll ta' l-1978 mehmuż magħha (MARPOL 73/78) ara: http://www.imo.org/Conventions/contents.asp?doc_id=678&topic_id=258.

http://www.un.org/Depts/los/convention_agreements/convention_overview_convention.htm.

(11)  Ara. TEN/258:Opinjoni dwar il-politika komuni dwar il-portijiet ta' l-UE (ĠU C 325, 30.12.2006) u TEN/268:Opinjoni dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-term / trasport marittimu fuq distanza qasira.

(12)  Ara l-opinjonijiet : NAT/ 333 relatata mas-sajd sostenibbli,

(13)  NAT/316 dwar it-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika tas-settur tas-sajd (25.9.2006), NAT/280 dwar il-politika komuni tas-sajd u l-liġi tal-baħar (16.12.2005)ĠU C 318, 23.12.2006,ĠU C 65, 17.3.2005.

(14)  Opinjoni tal-KtR 258/2006 (13-14.2.2007).