20.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 168/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq il-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni u l-ħażna sikura tal-merkurju metalliku

COM(2006) 636 finali — 2006/0206 (COD)

(2007/C 168/09)

Nhar il-15 ta' Novembru 2006, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikoli 133 u 175(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-projbizzjoni ta' esportazzjoni u l-ħażna sikura tal-merkurju metalliku

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Marzu 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Osborn.

Matul l-435 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta' April 2007 (seduta tal-25 ta' April 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'126 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jappoġġja l-ħidma attiva ta' l-Unjoni Ewropea fl-isforzi internazzjonali sabiex tirrestrinġa l-produzzjoni u l-użu tal-merkurju madwar id-dinja u sabiex tassigura metodi sikuri tal-ħażna u r-rimi. Għal dan il-għan huwa importanti li l-Ewropa tagħti eżempju tajjeb fl-indirizzar tagħha stess tal-problema tal-merkurju fi ħdan l-Unjoni, u sabiex tappoġġja miżuri aħjar ta' kontroll madwar id-dinja.

1.2

Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-għan ġenerali tal-proposta speċifika tal-Kummissjoni fir-Regolament propost attwali sabiex tipprojbixxi l-esportazzjoni tal-merkurju mill-Ewropa u sabiex l-eċċess tal-merkurju fl-Ewropa jkun maħżun b'mod sikur. Il-KESE jemmen li l-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni tal-merkurju metalliku mill-Ewropa u l-ħtieġa li jkun maħżun b'mod sikur sakemm jintrema huma partikularment rilevanti u f'waqthom fiċ-ċirkostanzi attwali peress li bħalissa fl-Ewropa qiegħed jitneħħa b'mod gradwali l-proċess tal-chlor-alkali bbażat fuq il-merkurju.

1.3

B'ħarsa 'l quddiem, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex timplimenta l-elementi l-oħra ta' l-istrateġija tagħha dwar il-merkurju mill-iktar fis possibbli u sabiex tiżviluppa miżuri bil-għan li jitnaqqas iktar l-użu tal-merkurju fil-proċessi u fil-prodotti fl-Ewropa, u sabiex tassigura r-rimi sikur tal-merkurju fil-firxiet ta' l-iskart.

1.4

Il-Kumitat jemmen li l-projbizzjoni legali għandha tidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr, bi skadenzi raġonevoli u li sa dak iż-żmien il-Kummissjoni u l-kumpaniji kkonċernati għandhom jitħeġġew jagħmlu mill-aħjar li jistgħu sabiex inaqqsu l-esportazzjoni sal-minimu.

1.5

Il-Kumitat jappoġġja l-arranġamenti ta' ħażna proposti mill-Kummissjoni f'dan ir-Regolament bħala l-aħjar li huma disponibbli għal dan il-mument. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-evalwazzjonijiet tas-sigurtà ta' kull faċilità proposta għall-ħażna, u għandhom jipprovdu għas-sorveljanza regolari tas-siti meta jibdew joperaw. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex titlob rapporti mill-Istati Membri dwar il-progress ta' din il-kwistjoni, u għandhom jiġu proposti iktar miżuri jekk l-arranġamenti ta' ħażna ma jkunux sodisfaċenti.

2.   Sfond għall-opinjoni

2.1

Il-merkurju huwa komponent naturali tad-dinja, b'abbondanza medja ta' madwar 0,05 mg/kg ġol-qoxra tad-dinja, b'varjanti lokali sinifikanti. Il-merkurju huwa wkoll preżenti f'livelli baxxi ħafna fil-bijosfera kollha. L-assorbiment tiegħu mill-qsari jista' jispjega wkoll il-preżenza tal-merkurju fil-karburanti fossili bħall-faħam, iż-żejt u l-gass.

2.2

Il-livelli ta' merkurju fl-ambjent żdiedu konsiderevolment mill-bidu ta' l-era industrijali. Il-ħruq tal-karburanti fossili jerħi kwantitajiet sinifikanti tal-merkurju. B'żieda ma' dan, il-merkurju huwa estratt minn minerali (prinċipalment iċ-ċinabru) u jintuża f'varjetà ta' applikazzjonijiet industrijali. Il-merkurju mill-proċessi industrijali u mill-iskart jinfirex ukoll fl-ambjent. Il-prassi tal-passat ħallew wirt ta' merkurju ġot-terrafermi, fdalijiet tal-barrieri (mine tailings), siti industrijali kkontaminati, ħamrija u sedimenti. Saħansitra reġjuni mingħajr rilaxxi sinifikanti ta' merkurju, bħall-Artiku, huma milquta minħabba t-trasport transkontinentali u globali tal-merkurju.

2.3

Ladarba jkun rilaxxat, il-merkurju jippersisti fl-ambjent fejn jiċċirkola bejn l-arja, l-ilma, is-sedimenti, il-ħamrija u l-bijota f'diversi forom. Il-forma tiegħu tista' tinbidel (primarjament bil-metaboliżmu mikrobijali) għal metilmerkurju, li għandu l-kapaċità li jinġabar f'organiżmi (bijo-akkumulazzjoni) u li jikkonċentra fil-ktajjen ta' l-ikel (bijo-tkabbir), partikularment fil-katina ta' l-ikel akwatika (ħut u mammali tal-baħar). Il-metilmerkurju huwa għalhekk il-forma ta' l-iktar inkwiet ta' din is-sustanza. Kważi l-merkurju kollu li jinsab fil-ħut huwa metilmerkurju.

2.4

Il-merkurju llum huwa preżenti f'diversi medji ambjentali u ikel (speċjalment il-ħut) mad-dinja kollha f'livelli li għandhom effett ħażin fuq il-bnedmin u l-ħajja selvaġġa. F'xi partijiet tad-dinja, inkluż f'partijiet ta' l-Ewropa, numru sinifikanti tal-popolazzjoni umana huma esposti għall-merkurju li huwa 'l fuq mill-livelli aċċettabbli għas-saħħa. Hemm qbil internazzjonali wiesa' li r-rilaxx tal-merkurju fl-ambjent għandu jkun minimizzat u gradwalment imneħħi minn kull fejn huwa possibbli, u mill-iktar fis possibbli.

2.5

Minkejja nuqqas fil-konsum globali tal-merkurju (id-domanda globali hija inqas minn nofs il-livelli ta' l-1980), u prezzijiet baxxi, il-produzzjoni mill-minjieri għadha qiegħda sseħħ f'numru ta' pajjiżi madwar id-dinja. Fl-Ewropa, il-produzzjoni primarja issa waqfet, iżda l-merkurju għadu iżolat bħala prodott sekondarju ta' proċessi oħra estrattivi.

2.6

Kwantitajiet kbar tal-merkurju qegħdin jidħlu wkoll fis-suq b'riżultat ta' konverżjoni jew għeluq tal-faċilitajiet ta' chlor-alkali fl-Ewropa li użaw il-proċess tal-merkurju. Dan il-merkurju residwu tipikament jinbiegħ bi prezz baxx lill-Miñas de Almadén fi Spanja, li mbagħad tbiegħu lil pajjiżi madwar id-dinja.

2.7

Minkejja l-aħjar sforzi, la l-Euro Chlor u l-anqas l-Almadén ma jistgħu jassiguraw li l-merkurju esportat mill-UE taħt dan il-ftehim m'huwiex ser jikkontribwixxi għal iktar tniġġis globali minħabba t-telf tal-kontroll meta jitlaq mill-faċilitajiet ta' l-Almadén. Dan jista' b'hekk iħeġġeġ użu ikbar ta' merkurju f'proċessi u fi prodotti mhux regolati f'pajjiżi oħra u fi kwantitajiet ikbar ta' emissjonijiet jew ta' skart ikkontaminat bil-merkurju. Huwa għalhekk mixtieq li dan l-influss sostanzjali ta' eċċess tal-merkurju mill-proċessi abbandunati tal-produzzjoni tal-chlor-alkali bbażat fuq il-merkurju, jinżamm milli jinħareġ fuq is-suq globali.

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Fit-28 ta' Jannar 2005, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar Strateġija Komunitarja dwar il-Merkurju (COM (2005) 20 final). L-Istrateġija tipproponi għoxrin azzjoni li jindirizzaw l-aspetti kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-merkurju. Tnejn mill-azzjonijiet proposti mill-Istrateġija jikkonċernaw l-esportazzjoni u l-ħażna tal-merkurju.

3.2

Il-Proposta tal-Kummissjoni għal regolament fuq il-projbizzjoni ta' esportazzjoni u l-ħażna sikura ta' merkurju metalliku issa twassal dawn l-azzjonijiet 'il quddiem. Il-Proposta għandha l-għan li tipprojbixxi l-esportazzjoni tal-merkurju metalliku mill-Komunità kif ukoll li tiżgura li dan il-merkurju ma jerġax jidħol fis-suq u li jkun maħżun b'mod sikur, skond l-azzjonijiet 5 u 9 identifikati fl-Istrateġija Komunitarja dwar il-Merkurju. L-għan fundamentali huwa li tillimita żidiet addizzjonali għall-“ġabra globali” tal-merkurju diġà rilaxxat.

3.3

Ir-Regolament propost għandu l-għan li jipprojbixxi l-esportazzjoni tal-merkurju mill-UE mill-1 ta' Lulju 2011. Fl-istess data, il-merkurju li m'għadux jintuża fl-industrija chlor-alkali kif ukoll il-merkurju estratt mill-purifikazzjoni ta' gass naturali jew mill-produzzjoni ta' metalli mhux tal-ħadid irid jinħażen b'mod sikur.

3.4

Il-Kummissjoni kkonsultat b'mod wiesa' dwar il-proposta u MAYASA, il-gvern Spanjol u l-industrija Ewropea tal-chlor-alkali — il-partijiet ikkonċernati l-iktar milquta b'mod dirett — qablu mal-projbizzjoni mid-data proposta. Il-Kummissjoni ħadet nota li CEFIC, l-organizzazzjoni Ewropea ta' l-industrija tal-kimika, tat impenn volontarju sabiex tassigura l-ħażna b'mod sikur tal-merkurju mill-industrija tal-chlor-alkali mill-1 ta' Lulju 2011.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-għan li l-Ewropa ssir mexxejja ta' l-isforzi globali sabiex jitnaqqsu r-rilaxxi u l-emissjonijiet tal-merkurju ġo l-ambjent billi l-produzzjoni u l-konsum tal-merkurju jkunu restritti, u billi titħeġġeġ is-sostituzzjoni minn materjali, proċessi u prodotti oħra aktar sikuri. Il-Kumitat jemmen li r-Regolament REACH kieku jiffaċilita sforzi ta' dan it-tip.

4.2

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li t-tħaffir u l-estrazzjoni tal-merkurju minn metalli li fihom il-merkurju issa waqaf fl-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tkompli żżomm din il-kwistjoni taħt ir-reviżjoni u li tkun lesta li timponi projbizzjoni jekk qatt ikun hemm xi proposta li terġa' tinbeda l-estrazzjoni tal-merkurji fl-Ewropa għal raġunijiet kummerċjali. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tikkunsidra miżuri addizzjonali sabiex tiskoraġġixxi l-produzzjoni tal-merkurju bħala prodott sekondarju mill-estrazzjoni ta' minerali oħra, u sabiex tassigura l-ħażna u r-rimi ta' eċċess ta' merkurju b'mod sikur

4.3

Barra mill-Ewropa, il-Kumitat jappoġġja l-ħidma attiva ta' l-Unjoni Ewropea fl-isforzi internazzjonali sabiex tirrestrinġa l-produzzjoni, u l-użu tal-merkurju madwar id-dinja u sabiex tassigura metodi sikuri tal-ħażna u r-rimi. Għal dan il-għan huwa importanti li l-Ewropa tagħti eżempju tajjeb fl-indirizzar tagħha stess tal-problema tal-merkurju fi ħdan l-Unjoni, u sabiex tappoġġja miżuri aħjar ta' kontroll madwar id-dinja.

4.4

F'dan il-kuntest, il-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni tal-merkurju metalliku mill-Ewropa u l-ħtieġa li jkun maħżun b'mod sikur sakemm jintrema huwa pass utli. Huwa partikularment rilevanti u f'waqtu fiċ-ċirkostanzi attwali meta t-tneħħija b'mod gradwali tal-proċess tal-chlor-alkali bbażat fuq il-merkurju fl-Ewropa jista' altrimenti jirrilaxxa kwantitajiet kbar ta' eċċess tal-merkurju fis-suq globali. Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-għan ġenerali tal-proposta speċifika tal-Kummissjoni fir-Regolament propost attwali sabiex tipprojbixxi l-esportazzjoni tal-merkurju mill-Ewropa u sabiex l-eċċess tal-merkurju fl-Ewropa jkun maħżun b'mod sikur.

4.5

Iżda l-istorja ma tistax tieqaf hawnhekk. Il-Kumitat qiegħed jistenna lill-Kummissjoni sabiex twettaq iktar xogħol bil-għan li tiżviluppa miżuri sabiex jitnaqqas iktar l-użu tal-merkurju fil-proċessi u fil-prodotti fl-Ewropa, u sabiex tassigura r-rimi aktar sikur tal-merkurju fil-firxiet ta' l-iskart. Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra liema passi jistgħu jittieħdu fil-livell internazzjonali għall-promozzjoni ta' ġestjoni aħjar tal-merkurju madwar id-dinja, inkluż in-negozjati ta' miżuri adattati ta' kooperazzjoni li jappoġġjaw it-trasferiment ta' teknoloġiji li jissostitwixxu l-merkurju u s-soluzzjonijiet għall-ġbir u l-ħażna tal-merkurju u possibbilment ftehim internazzjonali dwar il-ġestjoni u l-kontroll tal-merkurju.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kumitat jinnota li l-proposta attwali tapplika biss għall-esportazzjoni tal-merkurju metalliku (Artikolu 1). Il-KESE jemmen li huwa urġenti li tingħata iktar konsiderazzjoni lill-possibbiltà li tiġi estiża l-projbizzjoni għall-komposti tal-merkurju u l-prodotti li fihom il-merkurju kif inhu previst f'Artikolu 5. Ikun mixtieq li tiġi speċifikata skadenza għal din ir-reviżjoni. Għandhom jiġu kkunsidrati iżjed miżuri sabiex tiġi imposta s-sostituzzjoni tal-merkurju b'materjali inqas tossiċi jew li jniġġsu inqas fil-prodotti u fil-proċessi fl-Unjoni.

5.2

Oriġinarjament il-Kummissjoni pproponiet li l-projbizzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-2011. Il-Parlament irrakkomanda li din id-data titressaq 'il quddiem għall-2010. L-NGOs qegħdin ikomplu jisħqu li l-projbizzjoni għandha tidħol fis-seħħ f'data iktar qrib. Il-Kumitat jemmen li l-projbizzjoni legali għandha tidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr, bi skadenzi raġonevoli, u li sa dak iż-żmien il-Kummissjoni u l-kumpaniji kkonċernati għandhom jitħeġġu jagħmlu mill-aħjar li jistgħu sabiex inaqqsu l-esportazzjoni sal-minimu.

5.3

Il-Kummissjoni tipproponi (Artikolu 2) li l-merkurju li ġej mill-proċessi abbandunati tal-chlor-alkali, il-merkurju mirbuħ mit-tindif tal-gass naturali, u l-merkurju mirbuħ mit-tħaffir għall-metall li ma fihx ħadid u attivitajiet oħra ta' tidwib, għandhom ikunu maħżuna b'mod sikur. L-Artikolu 3 jispeċifika l-ħażna jew f'minjiera tal-melħ taħt l-art jew f'faċilità ddisinjata speċjalment għall-ħażna temporanja tal-merkurju metalliku. Dawn il-faċilitajiet iridu juru l-prassi preskritti tas-sigurtà u l-ġestjoni. Għandha tkun ir-responsabbiltà ta' l-Istat Membru li jwaqqaf faċilitajiet bħal dawn, jew, li jingħaqad ma' Stati Membri oħra li għandhom kondizzjonijiet iktar favorevoli. Flimkien mal-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet huma mmirati sabiex jassiguraw li dawn il-kwantitajiet eċċessivi tal-merkurju minn proċessi industrijali maġġuri jkunu mneħħija kompletament mis-suq u jkunu miżmuma b'mod sikur.

5.4

Il-Kumitat jappoġġja dawn l-arranġamenti għal ħażna bħala dawk l-aħjar eżistenti attwalment. Il-Kumitat jikkunsidra bħala importanti ħafna li l-EIA u l-evalwazzjonijiet tas-sigurtà li jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti għal kwalunkwe faċilitajiet ta' ħażna jiġu mmexxija b'mod iddettaljat u rigoruż, u li għandhom jipprovdu għal sorveljanza regolari tas-siti meta jibdew joperaw. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex titlob rapporti mill-Istati Membri dwar il-progress ta' din il-kwistjoni, u li tkun lesta li tipproponi iżjed miżuri jekk l-arranġamenti tal-ħażna ma jkunux sodisfaċenti.

5.5

Huwa importanti li l-operaturi li użaw il-merkurju għandhom iħallsu sabiex jiġi maħżun b'mod sikur. Il-Kumitat jinnota li l-arranġamenti għall-ħażna ta' l-eċċess tal-merkurju li joħroġ mill-waqfa tal-proċessi tal-chlor-alkali għandhom jiġu implimentati b'konsultazzjoni u ftehim ma' l-intrapriżi industrijali rilevanti, u li l-Eurochlor qegħdin jiżviluppaw ftehim volontarju b'mod parallel mad-Direttiva li tikkommetti lill-membri tagħhom sabiex jużaw faċilitajiet tal-ħażna sikuri. Il-Kumitat jilqa' din l-inizjattiva minn grupp industrijali responsabbli. Sakemm dawn l-arranġamenti jintlaqgħu mill-intrapriżi kollha rilevanti u jistgħu jkunu assigurati b'mod trasparenti li jista' jkun issorverljat, il-Kumitat jaqbel li dan ikun l-aħjar mod sabiex tiġi assigurata implimentazzjoni effettiva. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tesplora l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim simili ma' produtturi kbar industrijali oħra tal-merkurju metalliku bħall-industrija ta' l-elettriku u l-industrija tat-tħaffir għall-metall li ma fihx ħadid u attivitajiet oħra ta' tidwib.

5.6

Il-Kumitat jenfasizza li s-sorveljanza u l-infurzar ta' l-arranġamenti l-ġodda ser ikunu parikularment importanti. Il-ħtieġa li l-merkurju jkun maħżun u mormi, effettivament ser ibiddel lill-merkurju minn assi li tista' titpoġġa fis-suq, f'obbligu li ser jimponi l-ispejjeż fuq il-propjetarji tiegħu. F'dawn iċ-ċirkostanzi ser ikun hemm tentazzjonijiet għall-operaturi mingħajr skrupli sabiex jipprovaw jevitaw li jgħaddu lil dan il-merkurju mir-rotot adatti ta' rimi, u li jittrasferixxu dan il-materjal lejn terrafermi artifiċjali illegali. Iż-żamma rigoruża ta' l-informazzjoni u s-superviżjoni ser ikunu neċessarji sabiex ma jkunx hemm dawn ir-riżultati mhux mixtieqa.

5.7

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra iżjed azzjoni sabiex timplimenta elementi oħra ta' l-istrateġija tal-merkurju mill-iktar fis possibbli. B'mod partikulari l-KESE jqis bħala importanti li jitħeġġeġ it-tnaqqis b'mod gradwali u mill-iktar fis possibbli tal-merkurju mill-prodotti tad-dawl, mill-ġojjelli, mid-dentistrija, mill-prodotti kosmetiċi u li jitħaffu l-miżuri li jnaqqsu jew jeliminaw l-emissjonijiet tal-merkurju minn fabbriki kbar tal-kombustjoni, mill-krematorja u minn sorsi oħra sinifikanti tat-tniġġis ta' l-arja mill-merkurju. Jistgħu jenħtieġu miżuri oħra sabiex ikun assigurat li kwantitajiet sinifikanti preżenti f'firxiet ta' skart oħrajn jinqabdu għall-ħażna jew għar-rimi minflok ma jitħallew jinfirxu u jniġġsu l-ambjent b'mod aktar wiesa'. Dawn il-miżuri kollha addizzjonali għandhom, naturalment, jiġu evalwati f'termini ta' kemm l-attività kkonċernata tikkontribwixxi lejn il-problema globali tal-merkurju, u lejn l-ispejjeż u l-impatti tas-soluzzjonijiet proposti.

Brussel, il-25 ta' April 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS