20.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 168/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni uniformi għall-addittivi, l-enzimi u l-ħwawar ta' l-ikel”

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-enzimi ta' l-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE”

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ħwawar u ċerti ingredjenti ta' l-ikel bi proprjetajiet ta' taħwir għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolament (KE) Nru 2232/96 u d-Direttiva 2000/13/KE”

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi ta' l-ikel”

COM(2006) 423 final — 2006/0143 (COD)

COM(2006) 425 final — 2006/0144 (COD)

COM(2006) 427 final — 2006/0147 (COD)

COM(2006) 428 final — 2006/0145 (COD)

(2007/C 168/06)

Nhar il-11 ta' Settembru 2006, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 37 u l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni uniformi għall-addittivi, l-enzimi u l-ħwawar ta' l-ikel”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Marzu 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Pezzini.

Matul l-435 sessjoni plenarja tagħha li nżammet fil-25 u fis-26 ta' April 2007 (seduta tal-25 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'127 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' l-pakkett ta' proposti dwar l-addittivi, l-enzimi u l-ħwawar u dwar il-proċeduri komuni ta' awtorizzazzjoni, fil-kuntest ta' suq intern effettiv u kompetittiv li jassigura livell għoli ta' ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem.

1.2

Il-Kumitat jemmen li serje ta' regoli ċari u armonizzati dwar il-mod ta' kif għandhom jitwettqu l-evalwazzjonijiet ta' sigurtà, b'limitu preċiż ta' żmien u spiża limitata, huwa ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi, notevolment għall-produtturi ż-żgħar.

1.3

Il-Kumitat jilqa' l-pjan ta' simplifikazzjoni tal-Kummissjoni sabiex jarmonizza s-settur ta' l-addittivi, tal-ħwawar u ta' l-enzimi u ta'promozzjoni ta' koerenza bejn dawn it-tliet oqsma, permezz ta' proċedura komuni waħdanija għall-awtorizzazzjoni ta' dawn is-sustanzi.

1.4

Fil-fehma tal-Kumitat, filwaqt li l-possibbilità li tinkiseb awtorizzazzjoni waħdanija, valabbli għat-territorju kollu ta' l-UE, tista' tikkostitwixxi benefiċċju importanti għas-suq uniku fuq perijodu medju u fuq perijodu fit-tul, xorta jrid jiġi kkunsidrat l-impatt tar-regolamenti l-ġodda fuq il-prodotti importati.

1.4.1

L-Ewropa tinsab f'kompetizzjoni kontinwa fis-suq globali, fir-rigward kemm ta' esportazzjoni kif ukoll ta' importazzjoni u r-regoli proposti sikwit huma ta' aktar piż finanzjarju minn dawk stabbiliti mill-Codex Alimentarius, u jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-kumpaniji, b'mod partikolari għal dawk żgħar.

1.5

Il-Kumitat jikkunsidra l-proċedura proposta bħala pożittiva, fejn il-modifiki magħmula fil-lista komunitarja jiġu sottomessi għall-proċess tal-komitoloġija, sakemm ikun hemm garanzija ta' livell għoli ta' trasparenza, djalogu kontinwu mal-produtturi u l-konsumaturi kif ukoll mekkaniżmi rapidi ta' innovazzjoni u ta' żvilupp tal-prodotti.

1.6

Il-Kumitat huwa favur it-tisħiħ ta' l-azzjoni ta' l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), għal evalwazzjoni trasparenti tar-riskji bbażati fuq data xjentifika u argumenti objettivi, sabiex jiġu protetti l-konsumaturi.

1.7

Il-Kumitat jirrakkomanda żvilupp tal-proċeduri u tar-riżori umani u finanzjarji ta' l-EFSA, sabiex ikun hemm garanzija ta' evalwazzjonijiet ta' kwalità għolja, trasparenti u indipendenti u li jirrispettaw totalment il-kriterji ta' kunfidenzjalità

1.8

Il-Kumitat jikkunsidra wkoll li jkun għaqli li tissaħħaħ l-azzjoni ta' segwitu li ssir mill-Istati Membri dwar il-konsum u l-użu ta' l-addittivi, l-enzimi u l-ħwawar, permezz ta' metodoloġiji effettivi li jinkorporaw data provduta mill-industrija.

1.9

Il-Kumitat huwa favur reviżjoni perjodika tal-listi pożittivi ta' l-addittivi, ta' l-enzimi u tal-ħwawar, sakemm din tkun ibbażata fuq djalogu kontinwu u strutturat mal-konsumaturi u mal-produtturi u li ma tiġġenera l-ebda piż addizzjonali f'termini ta' ħin u ta' flus.

2.   Raġunijiet

2.1

Il-progressi xjentifiċi u teknoloġiċi joffru l-possibbilità ta' prodotti ta' l-ikel ta' kwalità aħjar grazzi għal, fost affarijiet oħra, enzimi, ħwawar u addittivi ta' l-ikel fi kwantitajiet baxxi. Dawn l-istess progressi jippermettu li jiġi evitat l-użu mhux adattat ta' dawn is-sustanzi.

2.2

Fil-kuntest ta' l-isforzi li saru sabiex titjieb il-leġislazzjoni komunitarja, fuq il-bażi tal-prinċipju “mir-razzett għal fuq il-mejda”, il-Kummissjoni, fil-White Paper dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel, li dwarha l-Kumitat ħareġ opinjoni (1), ħabbret l-intenzjoni tagħha li taġġorna u tiffinalizza l-leġislazzjoni eżistenti fil-qasam ta' l-addittivi u tal-ħwawar kif ukoll li tistabbilixxi dispożizzjonijeit speċifiċi fir-rigward ta' l-enżimi (azzjonijiet 11 u 13 tal-White Paper).

2.3

Il-Kumitat minn dejjem appoġġja l-objettiv li jiġi garantit it-tħaddim tajjeb tas-suq intern, waqt li jiġi assigurat livell għoli ta' ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem, u kemm-il darba appoġġja l-bżonn li jiġi adottat approċċ globali u integrat fil-qasam tas-sigurtà ta' l-ikel fl-UE.

2.4

Skond il-KESE, “il-katina Ewropea ta' l-ikel għandha tiġi leġislata fit-totalità tagħha —” mir-razzett għal fuq il-mejda“. Kull ħolqa ta' din il-katina għandha tkun b'saħħitha daqs il-ħolqa ta' ħdejha u l-Kummissjoni għandha tassigura applikazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni komunitarja” (2).

2.5

Fil-pakkett ta' proposti ppreżentati mill-Kummissjoni, l-adozzjoni ta' proċedura komuni għall-awtorizzazzjoni ta' l-enzimi, il-ħwawar u l-addittivi tikkostitwixxi element essenzjali u innovattiv. Għaldaqstant, il-Kumitat japprova l-objettiv ta' simplifikazzjoni tal-Kummissjoni, bl-l-għan li dawn is-setturi jkunu armonizzati. Dan jippermetti li kull Stat Membru jevita proċeduri multipli ta' awtorizzazzjoni, billi jitneħħew sistemi ta' awtorizzazzjoni doppji u jitnaqqsu b'mod konsiderevoli l-piżijiet amministrattivi u l-burokrazija.

2.6

Fir-rigward ta' l-addittivi, il-leġislazzjoni dwar l-addittivi ta' l-ikel diġà ġew armonizzati fil-livell Ewropew. F'dan il-mument, l-addittivi ta' l-ikel awtorizzati minn din il-leġislazzjoni huma madwar 330 u qegħdin kontinwament jiġu preżentati talbiet sabiex jiġu awtorizzati wkoll addittivi addizzjonali jew użi ġodda ta' addittivi.

2.6.1

Bl-għan li dawn it-talbiet jiġu evalwati, huwa neċessarju li jkun hemm informazzjoni li tkun adegwatament preċiża dwar l-użu u l-karatteristiċi ta' dawn is-sustanzi, b'mod partikolari għad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji.

2.7

Grazzi għal din l-armonizzazzjoni fil-qasam tal-ħwawar u l-enzimi, il-proċeduri l-ġodda ta' awtorizzazzjoni ser ikunu aktar maniġġabbli, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż għall-aġġornament ta' l-iskedi tekniċi kif ukoll sabiex jinbidlu t-tikketti.

2.8

Fir-rigward ta' l-enzimi, l-inċertezza legali attwali minħabba d-differenzi fil-leġislazzjonijiet nazzjonali qiegħda thedded li tfixkel is-suq ta' l-enzimi fl-ikel u żżid il-piż amministrattiv u finanzjarju fl-Istati Membri differenti. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta' miżuri ta' armonizzazzjoni, ser ikompli jkun hemm differenzi fil-livell ta' protezzjoni, minħabba d-differenzi eżistenti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-perċezzjoni tar-riskju, ta' l-evalwazzjoni tas-sigurtà u tal-leġislazzjoni ta' l-enzimi ta' l-ikel.

2.8.1

Għandu jiġi enfasizzat li filwaqt li n-nuqqas ta' regoli armonizzati fil-livell ta' l-UE jhedded li jostakola l-moviment liberu tal-merkanzija u l-kummerċ fl-industrija, l-armonizzazzjoni, kemm ta' l-evalwazzjoni tas-sigurtà tas-sustanzi kif ukoll l-awtorizzazzjonijiet ta' l-użu ta' l-enzimi fl-ikel, tista' twassal għal investimenti importanti, prinċipalment minħabba l-ispiża ta' l-awtorizzazzjonijiet, li hija stmata madwar 150 000-250,00 EUR (3) għal kull enzim.

2.8.2

Barra minn dan, l-industrija ta' l-enzimi ta' l-ikel qiegħda kontinwament tiżviluppa teknoloġiji u proċessi bil-għan li l-produzzjoni ta' l-ikel titbiddel u titjieb; iżda m'għandhiex tissottovaluta r-riskji possibbli ta' natura kimika, bħall-allerġiji, it-tossiċità u l-attività mikrobijoloġika residwa. Dawn ir-riskji potenzjali jesiġu evalwazzjoni kontinwa tas-sigurtà għall-konsumaturi, partikolarment fir-rigward ta' l-enzimi li ġejjin minn organiżmi ġenetikament modifikati.

2.9

Fir-rigward tal-leġislazzjoni dwar il-ħwawar u ċerti ingredjenti ta' l-ikel li għandhom proprjetajiet ta' taħwir għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel, hemm bżonn li tiġi adottata proċedura ta' awtorizzazzjoni aktar effiċjenti, għall-ġestjoni ta' “lista pożittiva” li tinkludi madwar 2 600sustanza ta' taħwir għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel.

2.9.1

Huwa evidenti li l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-ħwawar tista' tpoġġi lill-Unjoni Ewropea f'sitwazzjoni aktar favorevoli għan-negozjati bejn terzi pajjiżi, peress li l-ħwawar iridu jiddaħħlu fis-sistema tal-Codex Alimentarius, sabiex il-kumpaniji Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs, ma jiġux penalizzati.

2.9.2

Grazzi għall-ħolqien ta' suq uniformi u integrat tal-ħwawar fl-UE, l-industrija Ewropea ser tkun kapaċi tibqa' minn ta' quddiem nett fis-settur tal-produzzjoni u ta' l-iżvilupp tal-ħwawar.

2.9.3

Barra minn hekk, il-ħidma addizzjonali li ser tkun meħtieġa sabiex jintlaħqu l-istandards il-ġodda ta' l-ittikettar tal-ħwawar m'għandhiex tiġi sottovalutata.

2.10

Skond il-Kumitat, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għandha tingħata aktar riżorsi u mezzi u għandhom jinħolqu proċeduri ġodda sabiex ikun hemm garanzija ta' evalwazzjoni indipendenti, trasparenti u ta' kwalità għolja tas-sigurtà ta' l-addittivi, ta' l-enzimi u tal-ħwawar.

2.11

Il-qabża minn teħid ta' deċiżjonijiet, ibbażat fuq il-metodu tal-ko-deċiżjoni mal-Parlament Ewropew, għall-proċeduri ta' komitoloġija, li jużaw kumitati għall-awtorizzazzjonijiet, teħtieġ kriterji ċari u trasparenti sabiex issir evalwazzjoni tas-sigurtà tal-benefiċċji mistennija għall-konsumaturi.

2.12

Kif diġà enfasizza l-Kumitat f'opinjonijiet preċedenti (4), sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni tal-progressi fir-rigward tas-sigurtà ta' l-ikel u sabiex jiġi ġġudikat jekk is-sistema l-ġdida hix qiegħda taħdem kif ippjanat, hemm bżonn li jiġu stabbiliti kriterji ta' evalwazzjoni, bħaż-żjieda/it-tnaqqis fil-kunfidenza tal-konsumaturi, il-bidu u l-ġestjoni ta' kriżi ta' l-ikel, kooperazzjoni stretta bejn l-atturi kkonċernati, eċċ.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-pakkett ta' proposti ppreżentat mill-Kummissjoni għandu l-għan li jippreċiża u jiċċara l-leġislazzjoni eżistenti dwar l-addittivi u l-ħwawar ta' l-ikel u jintroduċi regoli ġodda għall-enzimi, flimkien ma' proposta li l-għan tagħha huwa l-adozzjoni ta' proċeduri komuni ta' awtorizzazzjoni, għal dawn it-tliet setturi, ibbażati fuq opinjonijiet xjentifiċi li ngħataw mill-EFSA.

3.2

Addittivi. Ir-regoli l-ġodda għandhom tendenza li jissimplifikaw u jnaqqsu s-sistema ta' awtorizzazzjoni ta' l-addittivi ta' l-ikel, li attwalment hija gvernata mid-Direttiva 89/107/KEE. L-awtorizzazzzjonijiet għall-inklużjoni tal-lista ġdida pożittiva ta' l-addittivi ser ikunu bbażati fuq l-evalwazzjonijiet tar-riskji fir-rigward tas-sigurtà fl-ikel imwettqa mill-EFSA, b'konformità mar-Regolament 178/2002/KE. Barra minn hekk, hemm proposta għal reviżjoni ta' l-aspetti tekniċi tas-sistema attwali ta' awtorizzazzjoni u tfissru miżuri ġodda komunitarji armonizzatti għall-addittivi użati bħala ingredjenti ta' addittivi oħra.

3.3

Enzimi. Fuq il-bażi ta' l-opinjoni xjentifika favorevoli mill-EFSA, ġie propost qafas leġislattiv ġdid għall-evalwazzjoni, l-approvazzjoni u l-kontroll ta' l-enzimi użati għall-ikel kif ukoll il-ħolqien ta' lista ġdida pożittiva ta' l-enzimi kollha b'funzjoni teknoloġika użati fl-ikel. Tfissru wkoll miżuri għall-ittikkettar ta' l-enzimi ta' l-ikel, bl-eċċezzjoni ta' dawk użati bħala għajnuna għall-ipproċessar.

3.4

Ħwawar. Hija prevista reviżjoni tar-regoli ġenerali stabbiliti mid-Direttiva 88/388/KEE, sabiex il-leġislazzjoni tiġi aġġornata sabiex tirrifletti żviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi. Din id-Direttiva ser tinbidel b'regolament ġdid, li jistabbilixxi regoli aktar ċari dwar:

il-livelli massimi awtorizzati ta' ċerti sustanzi, b'konformità ma' l-opinjonijiet ta' l-EFSA,

“lista komunitarja” ta' ħwawar u ta' sustanzi mis-sors li huma approvati għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel,

kondizzjonijiet aktar stretti dwar l-użu tal-ħwawar u ta' l-ingredjenti ta' l-ikel li għandhom proprjetajiet ta' taħwir,

regoli ta' tikkettar ċari u omoġeni.

3.5

Proċedura komuni ta' awtorizzazzjoni. Il-proposta tissuġġerixxi li tiġi introdotta proċedura komuni waħdanija ta' awtorizzazzjoni ta' l-addittivi, tal-ħwawar u ta' l-enzimi ta' l-ikel, li tinkorpora evalwazzjoni ta' sigurtà mill-EFSA u proċedura ta' ġestjoni tar-riskji. Il-fażijiet tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni jipprevedu l-preżenza ta' l-istati Membri u tal-Kummissjoni fil-qafas ta' proċedura leġislattiva ta' kumitat. Il-proposta tagħti lill-Kummissjoni, fuq bażi ta' l-evalwazzjonijiet xjentifiċi ta' l-EFSA, il-kompitu li tħejji u taġġorna diversi “listi pożittivi”, waħda għal kull kategorija tas- sustanzi kkonċernati. L-inklużjoni ta' sustanza f'waħda minn dawn il-listi tfisser li l-użu tagħha jkun ġie awtorizzat b'manjiera ġenerali u għall-operaturi kollha fi ħdan is-suq komunitarju.

4.   Osservazzjonijiet ġenerali

4.1

Essenzjalment, il-Kumitat huwa favorevoli għall-proposti tal-Kummissjoni, sakemm jiġu salvagwardjati l-effiċjenza u l-kompetittività tas-suq intern u sakemm jiġi garantit livell għoli ta' protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem.

4.2

Il-KESE jikkunsidra li l-istrument propost, ir-regolament, jikkostitwixxi garanzija aħjar mid-direttiva, liema direttiva tħalli lok għal interpretazzjonijiet differenti ta' l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni.

4.3

Skond il-Kumitat, il-possibbilità li tinkiseb awtorizzazzjoni waħdanija valabbli għat-territorju kollu ta' l-Unjoni Ewropea tista' tkun utli ħafna għas-suq uniku fuq perijodu medju u dak fit-tul.

4.3.1

Madankollu għandha tingħata konsiderazzjoni lill-impatt tar-regolamenti l-ġodda dwar il-prodotti importati u lill-fatt li l-Ewropa hija importatur prinċipali li qiegħed jikkompeti b'mod permanenti fuq is-suq globali, peress li r-regoli komunitarji għandhom piż finanzjarju akbar minn dawk attwalment previsti mill-Codex Alimentarius; dan il-Codex għandu għalhekk jiġi emendat sabiex il-kumpaniji Ewropej ma jiġux ippenalizzati.

4.4

L-għażla tal-Kummissjoni ta' proċedura ta' komitoloġija sabiex temenda l-lista komunitarja tista' tkun pass pożittiv, kemm għall-industrija kif ukoll għas-soċjetà ċivili, bil-kondizzjoni li jkunu garantiti livelli għolja ta' trasparenza u li jkun possibbli li l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' prodotti ġodda u mtejba jkunu segwiti mill-qrib, partikolarment mil-lat tal-ġlieda kontra l-allerġiji.

4.5

Il-Kumitat jikkunsidra li l-fatt li l-evalwazzjoni tar-riskji għandha tiġi bbażata fuq proċeduri trasparenti, data xjentifika u argumentazzjoni objettiva, jikkostitwixxi fattur pożittiv ta' l-azzjoni ta' l-EFSA.

4.6

Skond il-Kumitat, fl-istess waqt li l-EFSA tingħata responsabbiltajiet ġodda, jeħtieġ li jkun hemm żvilupp tal-proċeduri u tar-riżori umani u finanzjarji ta' din l-aġenzija sabiex ikun aċċertat li l-evalwazzjonijiet ikunu ta' kwalità għolja, trasparenti u indipendenti u jirrispettaw totalment il-kriterji ta' kunfidenzjalità.

5.   Osservazzjonijiet partikolari

5.1   Proċedura komuni ta' awtorizzazzjoni.

5.1.1

Il-Kumitat jemmen li l-miżuri ta' implimentazzjoni, inkluż il-kontenut, l-abbozzar u l-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni, l-arranġamenti għall-kontroll tal-validità ta' l-applikazzjonijiet u t-tip ta' informazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 9, għandhom jiġu inklużi fl-opinjoni ta' l-EFSA.

5.1.2

Fir-rigward ta' l-aġġornament tal-lista komunitarja, l-iskandenzi għas-sistema ta' awtorizzazzjoni għandhom ikunu iqsar u b'hekk il-ħin li tieħu l-Kummissjoni sabiex toħroġ proposta ta' regolament jitnaqqas minn disa' għal tliet xhur, sabiex iċ-ċiklu kollu ta' analiżi u awtorizzazzjoni jkun jista' jitlesta fi 12-il xahar.

5.1.3

Bl-istess mod, il-possibbilità offruta mill-Artikolu 10 sabiex l-EFSA u l-Kummissjoni jestendu l-perijodu ta' evalwazjoni f'ċerti każi m'għandhiex tkun bla limitu imma għandha tinkludi perijodu ta' żmien massimu li jrid jiġi speċifikat fir-Regolament.

5.1.4

Il-Kumitat jemmen li l-proċedura komuni ta' awtorizzazzjoni għandha tinkludi proċedura ta' reviżjoni perjodika u aġġornament tal-listi, bi spiża u sforz limitat, fuq il-bażi ta' djalogu permanenti u strutturat mal-produtturi u l-konsumaturi.

5.1.5

Is-sistema ta' awtorizzazzjoni komunitarja m'għandha fl-ebda każ tintuża sabiex tiġġustifika l-ħolqien ta' tfixkil tekniku għall-kummerċ; għaldaqstant, testijiet li jiswew ħafna flus u proċeduri ta' ċertifikazzjoni għall-importazzjoni u l-esportazzjoni għandhom jiġu esklużi.

5.2   Addittivi

5.2.1

Hemm bżonn li jiġu preċiżati aktar il-kriterji ta' identifikazzjoni tal-“ħtieġa teknoloġika raġonevoli” kif ukoll tal-“vantaġġi u benefiċċji għall-konsumatur” fl-Artikolu 5.

5.2.2

Fir-rigward ta' l-ittikkettar fl-Artikolu 20, l-informazzjoni għandha tkun tinftiehem aktar, rikonoxxuta mill-pubbliku in ġenerali u uniformi fil-Komunità kollha.

5.3   Enzimi

5.3.1

Il-Komunità tilqa' l-fatt li l-enżimi kollha ta' l-ikel li għandhom funzjoni teknoloġika huma koperti mill-qasam ta' applikazzjoni tar-Regolament u li dawn iridu jkunu suġġetti għal approvazzjoni qabel ma jistgħu jiżdiedu fil-lista komunitarja.

5.3.2

Skond il-Kumitat, kif diġà ġie indikat għall-addittivi, il-kriterji ta' evalwazzjoni għall-enzimi għandhom jinkludu “vantaġġi u benefiċċji għall-konsumatur”.

5.3.3

Fir-rigward ta' l-ittikkettar, il-Kumitat jenfasizza l-bżonn, kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi, tat-trasparenza u ta' l-uniformità fil-livell komunitarju, mingħajr dispożizzjonijiet kumplessi u inutli.

5.3.4

Skond il-Kumitat, ikun utli li jiġi evitat l-użu tal-listi pożittivi fil-leġislazzjoni vertikali li joħloq sistema ta' awtorizzazzjoni doppja għall-istess enzimi. Id-direttivi u r-regolamenti preċedenti għandhom jiġu modifikati mill-aktar fis possibbli sabiex issir referenza uniformi għar-regolament il-ġdid propost.

5.4   Ħwawar

5.4.1

Il-Kumitat jaħseb li huwa opportun li l-kriterji ta' evalwazzjoni jkunu simili għal dawk indikati għall-addittivi, billi jiġu inklużi l-“vantaġġi u benefiċċji għall-konsumatur”.

5.4.2

Il-Kumitat huwa favur il-ħtieġa għal informazzjoni aktar ċara għall-konsumaturi fir-rigward tan-natura u l-oriġini tal-ħwawar użati fl-ikel, kif indikat fl-Artikolu 14.

Brussel, il-25 ta' April 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-opinjoni CESE 585/2000 tas-26 ta' Mejju 2000, rapporteur: is-Sur Ataíde Ferreira.ĠU C 204, 18.7.2000.

(2)  Ara n-nota tal-qiegħ nru 1.

(3)  Ara SEC(2006) 1044 punt 3.3.

(4)  Ara l-opinjoni CESE 404/2001 tas-28 ta' Mejju 2001, rapporteur: is-Sur Verhaeghe.ĠU C 155, 29.5.2001.