52006SC1726

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta' akkumpanjament mal- Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill Dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi - Sommarju ta’ l-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt {KUMM(2006) 852 finali SEG(2006) 1725} /* SEK/2006/1726 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.12.2006

SEG(2006) 1726

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Dokument ta' akkumpanjament mal-

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi Sommarju ta’ l-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt {KUMM(2006) 852 finaliSEG(2006) 1725}

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Sommarju eżekuttiv ta' l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi

Id-DĠ kap: Enerġija u Trasport:

Taqsima 1: kwistjonijiet ta’ proċedura u konsultazzjoni tal-partijiet interessati

L-inizjattiva bdiet titħejja mill-bidu ta' l-2005. L-Evalwazzjoni ta' l-Impatt inbdiet f'Mejju 2006 u tlestiet f'Awissu 2006, mingħajr l-użu ta' għarfein espert mill-estern.

L-Istati Membri u l-pajjiżi ta' l-EFTA ġew ikkonsultati, prinċipalment permezz tal- Kumiat Regolatorju dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi .

Il-Parlament Ewropew inżamm mgħarraf bil-ħidma tal-Kumitat.

Il-partijiet interessati, minbarra li pparteċipaw fil-Kumitat bħala osservaturi, għarrfu l-opinjonijiet tagħhom fi proċess kontinwu.

Il-konsultazzjoni pubblika permezz ta' "Leħnek fl-Ewropa" tnediet fil-21/05/2006, u ntemmet fil-31/07/2006.

Taqsima 2: Definizzjoni tal-problema

2.1 Stampa ġenerali tat-trasport intern ta' oġġetti perikolużi

Il-kwantità totali tat-trasport tal-merkanzija bl-art u tat-trasport ta' oġġetti perikolużi skond il-mezz ta' trasport fil-pajjiżi ta' l-UE15 fl-2002 jidhru fit-tabella li ġejja.

MEZZ TA' TRASPORT | TRASPORT (biljun tunnellata/kilometru) | SEHEM MIT-TRASPORT NAZZJONALI (biljun tunnellata/kilometru) |

Merkanzija totali | Oġġetti perikolużi | Merkanzija totali | Oġġetti perikolużi |

Triq | 1100 | 64 | 990 | 58 |

Ferrovija | 218 | 28 | 131 | 19 |

Ilmijiet navigabbli interni | 99 | 19 | 29 | 6 |

Total | 1417 | 111 | 1150 | 84 |

Iż-żieda ta' l-Istati Membri l-ġodda maċ-ċifri tkabbar it-total tat-trasport tal-merkanzija b'madwar 25%, u t-trasport ta' oġġetti perikolużi b'madwar 30%.

2.2 Regolamenti Ewropej dwar it-trasport internazzjonali bl-art ta' oġġetti perikolużi

It-trasport internazzjonali ta' oġġetti perikolużi huwa rregolat minn ftehimiet internazzjonali, ibbażati fuq ir- Rakkomandazzjonijiet dwar ir-Regolamenti Mudell għat-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-Rakkomandazzonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti ġew implimentati għall-modi tat-trasport intern permezz ta' tliet strumenti.

- Ftehim Ewropew dwar it-trasport internazzjonali fit-toroq ta' oġġetti perikolużi ( ADR )

- Konvenzjoni fuq it-trasport internazzjonali ta' oġġetti perikolużi bil-ferrovija ( RID )

- Ftehim Ewropew dwar it-trasport internazzjonali ta' oġġetti perikolużi fuq l-ilmijiet interni navigabbli( ADN )

Kważi l-pajjiżi kollha ta' l-UE huma firmatarji ta' l-ADR u l-RID.

l-ADN għadu ma daħalx fis-seħħ. Jinsab fl-istadju tar-ratifika, u mistenni li jidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-2009. Disgħa mill-pajjiżi ta' l-UE huma firmatarji ta' l-ADN. Bħalissa żewġ sistemi oħra bbażati fuq l-ADN (ADN-R, ADN-D) huma applikati f'żoni tar-Renu u tad-Danubju, fejn il-pajjiżi ta' dawk iż-żoni huma firmatarji. Barra minn hekk, hemm regoli nazzjonali għat-trasport nazzjonali.

2.3 Il-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar it-trasport bl-art ta' oġġetti perikolużi

Il-leġiżlazzjoni ta' l-UE tikkompleta r-regolamenti internazzjonali għat-trasport ta' oġġetti perikolużi billi r-regoli tal-ftehimiet internazzjonali tagħmilhom applikabbli wkoll għat-trasport nazzjonali, u tikkonsisti fir-regoli li ġejjin.

l-ADR u l-RID ġew inkorporati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja permezz ta' żewġ biċċiet ta' leġiżlazzjoni, hekk imsejħa Direttivi ta' Qafas: Id-Direttivi tal-Kunsill 94/55/KE (ADR) u 96/49/KE (RID).

Fl-1997, il-Kummissjoni għamlet proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-trasport ta' oġġetti perikolużi fuq l-ilmijiet interni navigabbli . Il-proposta qatt ma ġiet adottata, minħabba li l-Ftehim ADN ma kienx ġie konkluż kif kien mistenni, u ġie rtirat fl-2004.

F'konnessjoni mad-Direttivi ta' Qafas, ġew adottati żewġ Direttivi partikolari, li jkopru kull waħda mit-tliet modi tat-trasport bl-art, għal konsulenti dwar is-sikurezza ta' oġġetti perikolużi: id-Direttiva tal-Kunsill 96/35/KE u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/18/KE.

Fl-aħħarnett, hemm erba' Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li lil Stati Membri jagħtuhom derogi mid-Direttivi ta' Qafas: 2005/263/KE, 2005/903/KE, 2005/180/KE u 2005/777/KE.

2.4 Problemi li jirrikjedu l-azzjoni

Il-leġiżlazzjoni ta' l-UE li tirregola t-trasport ta' oġġetti perikolużi bl-art tkopri biss il-modi tat-triq u tal-ferroviji, imma ma hemm l-ebda regola Ewropea għat-trasport ta' oġġetti perkolużi fuq l-ilmijiet interni navigabbli. Fit-trasport multimodali, mhuwiex tajjeb li jinżammu settijiet separati ta' regoli għal kull mezz, li l-utent ikollu jħarishom. Safejn ikun possibbli, ir-regoli għandhom ikunu identiċi.

Għal raġunijiet storiċi, il-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi hija pjuttost ikkumplikata, u tista' tiġi ssimplifikata.

2.5 Il-partijiet milquta

Il-partijiet milquta huma kumpaniji li huma involuti f'operazzjonijiet tat-trasport ta' oġġetti perikolużi.

2.6 Id-dritt ta' l-UE li tieħu azzjoni

L-Artikolu 71 tat-Trattat tal-KE.

2.7 Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

It-tisħiħ u l-estensjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-ADR u l-RID, bl-inkorporazzjoni tagħhom fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-modi tat-trasport bit-triq u l-ferroviji, urew li l-interventi ta' l-UE kienu ġġustifikati. Sabiex jinħoloq status simili għall-mezz ta' l-ilmijiet interni navigabbli u l-ADN, bl-istess mod jeħtieġ li jkun hemm intervent ta' l-UE.

Għall-Istati Membri li diġà japplikaw wieħed mill-ADNs jew biħsiebhom jagħmlu dan, ikun jeħtieġ biss sforz addizzjonali żgħir ħafna biex l-ambitu jiġi estiż ħalli jkopri wkoll it-trasport nazzjonali. Il-kwistjoni tal-proporzjonalità hija ta' importanza partikolari għall-Istati Membri li ftit li xejn għandhom trasport ta' oġġetti perikolużi, jew inkella ma għandhom l-ebda trasport fuq ilmijiet interni navigabbli. Il-kwistjoni tiġi ttrattata fil-punt 5.3.

2.8 Problemi previdibbli

Aktar ma jiżdied l-użu ta' kunċetti multimodali, regoli differenti għall-modi tat-trasport sejrin ikomplu jgħarrqu l-problemi ta' kuljum li jqumu fl-operazzjonijiet multimodali, u jżidu l-ispejjeż bla ħtieġa. Fit-trasport fuq l-ilmijiet interni navigabbli, regoli differenti għall-operazzjonijiet internazzjoanli u dawk nazzjonali sejrin itellfu l-iżvilupp ta' dan il-mod, li f'ħafna każijiet, li ma kienx għal dan, kien ikun il-mod preferut.

Taqsima 3: L-għanijiet

L-għan ġenerali tal-politika huwa l-iżgurar tas-sikurezza fit-trasport ta' l-oġġetti perikolużi fit-territorju ta' l-UE.

Fit-trasport internazzjonali, jilħqu l-għanijiet il-ftehimiet internazzjonali l-ADR, l-RID u, dalwaqt, l-ADN. Fit-territorju ta' l-UE, hemm ħtieġa addizzjonali biex l-istess għanijiet jiġu applikati għat-trasport nazzjonali.

Sallum, ir-regoli ta' l-UE għat-trasport intern ta' oġġetti perikolużi kienu limitati għall-modi tat-triq u tal-ferrovija. It-tielet ftehim internazzjonali, l-ADN, mistenni jidħol fis-seħħ ma jdumx; Għaldaqstant huwa ġġustifikat li, fil-ġejjieni, il-modi kollha tat-trasport intern jingħataw l-istess trattament. L-iżgurar ta' talanqas l-istess livell ta' sikurezza fit-trasport nazzjonali kif hemm fl-isfera internazzjonali sejjer jipprevjeni l-inċidenti fl-ilmijiet interni navigabbli, u b'hekk jappoġġa l-istrateġija ta' l-iżvilupp sostenibbli, partikolarment għall-ambjent u s-soċjetà.

Iż-żewġ Direttivi ta' Qafas eżistenti dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi ġew emendati bosta drabi. Is-Servizz Ġuridiku tal-Kummissjoni għaldaqstant beda proċedura ta' kodifika biex jissimplifika l-leġiżlazzjoni, imma l-proċedura nqatgħet ħesrem meta bdiet tiġi kkunsidrata l-idea li l-interventi ta' l-UE jiġu estiżi għall-mod tat-trasport fuq l-ilmijiet interni navigabbli. Tqies li alternattiva aħjar tkun li d-Direttivi eżistenti jiġu ssostitwiti b'biċċa leġiżlazzjoni waħda bl-ambitu estiż maħsub. Dan kien ifisser is-simplifika tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE, li huwa skond l-istrateġija ta' Liżbona.

Bil-kundizzjoni li tittieħed din il-miżura leġiżlattiva, hemm għanijiet ulterjuri għas-simplifika:

L-ewwelnett, l-inklużjoni ta' l-ADN fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE liż-żewġ Direttivi dwar il-konsulenti tas-sikurezza ta' oġġetti perikolużi tagħmilhom mhux meħtieġa, u jkunu jistgħu jiġu abrogati.

It-tieni, id-dispożizzjonijiet fiż-żewġ Direttivi ta' Qafas mhux bilfors jixtiebhu, anki fejn dan ix-xebh ikun possibbli, u fihom provvedimenti li xi wħud minnhom żmienhom għada jew li se jkunu skaduti fil-ġejjieni qarib. Bħalissa hemm opportunità biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jkunu kemm jista' jkun uniformi għat-tliet modi kollha ta' trasport, biex jitħassru d-dispożizzjonijiet skaduti u biex issir it-tħejjija għad-dispożizzjonijiet li huwa ċar li se jiskadu fil-ġejjieni.

It-tielet, l-erba' Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar id-derogi nazzjonali jistgħu jiġu integrati fid-Direttiva ta' Qafas il-ġdida li hemm ippjanata.

Fl-aħħarnett, huwa possibbli li l-volum ta' l- acquis jitnaqqas b'madwar 2 000 paġna.

Taqsima 4: L-għażliet ta’ politika

Tqiesu tliet alternattivi ta' politika.

4.1 Alternattiva 1: L-ebda bidla fil-politika iżda kodifika biss

L-ambitu u l-kontenut tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' l-UE dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi se jinżammu fil-format preżenti tagħhom. It-trasport fuq l-ilmijiet interni navigabbli mhuwiex sejjer jiġi inkluż fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Se tintemm biss il-proċedura rigward il-kodifika tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

4.2 Alternattiva 2: Kodifikazzjoni u leġiżlazzjoni ġdida għall-ilmijiet interni navigabbli

Issir il-kodifikazzjoni, bħal fl-Alternattiva 1, u barra minn hekk tinħoloq biċċa leġiżlazzjoni ġdida ta' l-UE biex tkopri t-trasport ta' oġġetti perikolużi fuq l-ilmijiet interni navigabbli u l-ADN.

4.3 Alternattiva 3: Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni, li tinkludi l-ilmijiet interni navigabbli

Tiġi riveduta u ssimplifikata l-leġiżlazzjoni eżistenti ta' l-UE dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi, jiġu integrati flimkien id-Direttivi ta' Qafas, u l-ambitu tal-leġiżlazzjoni jiġi estiż biex ikopri t-trasport fuq l-ilmijiet interni navigabbli f'termini ta' l-ADN

Taqsima 5: L-analiżi ta’ l-impatt

5.1 L-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali probabbli ta' l-alternattivi tal-politika

L-alternattivi tal-politika għandhom diversi gradi ta' impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali, minkejja li jidher li l-impatt ġenerali huwa ċkejken.

Ħadd ma jista' jiċħad li t-trasport ta' oġġetti perikolużi jirrikjedi regoli li jiżguraw li dawn l-operazzjonijiet isiru b'tali mod li jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju għall-pubbliku ġenerali, l-ambjent u l-ħaddiema involuti fl-operazzjonijiet ta' trasport. Għaldaqstant ma tieħdet l-ebda inizjattiva biex ir-regoli jiġu abbandunati jew biex is-sistema tinbidel b'mod fundamentali; l-oġġetti perikolużi ħadd ma jista' jreġġagħhom fl-ineżistenza, u t-trasport tagħhom minn post għall-ieħor huwa inevitabbli.

Fl-alternattiva 1 il-politiki u r-regoli ma tbiddilhomx. Il-kodifikazzjoni x'aktarx li, sa punt limitat, l-applikazzjoni tar-regoli tagħmilha aktar sempliċi għall-utenti, sempliċement mill-fatt li tnaqqas sostanzjalment l-għadd ta' atti, modifiki u referenzi reċiproċi. Regoli ssimplifikati x'aktarx li jiġu aċċettati b'aktar malajr, u r-riskji għandhom jonqsu b'mod korrispondenti, biex b'hekk il-probabbiltà ta' impatt negattiv titnaqqas fl-oqsma kollha: ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Madankollu, minkejja li l-partijiet interessati dawn it-tibdiliet jilqgħuhom, l-impatt tagħhom fl-oqsma kollha jitqies li jkun limitat.

L-alternattiva 2 fuq ta' l-ewwel iżżid l-element ta' l-ilmijiet interni navigabbli. Bħat-trasport ta' oġġetti perikolużi bit-triq u l-ferrovija, it-trasport fl-ilmijiet interni navigabbli ma jistax iseħħ mingħajr regoli li jiżguraw it-trasport sikur u jnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskju għas-soċjetà ġenerali, il-ħaddiema involuti u l-ambjent. Hemm regoli stabbiliti li jmexxu l-operazzjonijiet tat-trasport intern fiż-żoni tar-Renu (ADN-R) u d-Danubju (ADN-D), kif ukoll l-operazzjonijiet nazzjonali f'dawk il-pajjiżi li għandhom ilmijiet interni navigabbli li fuqhom jiġu ttrasportati oġġetti perikolużi. Skond in-natura tal-ftehimiet internazzjonali kkonċernati, ir-regoli internazzjonali ġurdikament jistgħu jkunu jew ma jkunux vinkolanti: Jekk ta' l-aħħar ikun il-każ, jistgħu jiġu stabbiliti regoli oħra. Regoli nazzjonali jikkompletaw dawk stabbiliti għall-operazzjonijiet internazzjonali.

Minkejja li huwa mifhum li bosta Stati Membri għal xi żmien ilhom jippruvaw iġibu r-regoli nazzjonali f'konformità ma' dawk internazzjonali, jibqa' fatt li għad hemm għadd kbir ħafna ta' regoli, partikolarment f'Komunità mkabbra. Bil-kumplessità inevitabbli tar-regoli dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi, minħabba l-għadd kbir tal-prodotti kkonċernati, l-operaturi ekonomiċi għandu jkollhom josservaw sett wieħed ta' regoli, sew għall-operazzjonijiet tat-trasport nazzjonali kif ukoll għal dawk internazzjonali. Minħabba li s-ett ta' regoli internazzjonali dalwaqt sejjer ikun obbligatorju għall-Istati Membri firmatarji ta' l-ADN, ikun loġiku li dawn l-istess regoli jintużaw ukoll għall-operazzjonijiet nazzjonali.

Flimkien mal-vantaġġi ekonomiċi ovvji għall-operaturi, l-impatt soċjali wkoll huwa pożittiv. Jeħtieġ li jkun hemm regoli għall-protezzjoni u s-sikurezza tal-ħaddiema, partikolarment fil-qasam tat-trasport ta' oġġetti perikolużi. Huwa magħruf li l-ADN tipprovdi livell ta' protezzjoni kontra l-aċċidenti u l-emissjonijiet aċċidentali ta' sustanzi perikolużi waqt operazzjonijiet tat-trasport; fil-fatt, il-parti l-kbira tal-ħaddiema wkoll gawdew minn dan il-livell ta' protezzjoni permezz tar-regoli tas-sikurezza li fiha l-ADN tar-Renu, li hija l-pedament tal-ftehim ta' l-ADN. Ir-regoli jipprovdu wkoll protezzjoni tajba l-istess għall-forzi tas-salvataġġ fl-eventwalità ta' inkonvenjent jew inċident. Sejjer ikun hemm ukoll impatt ambjentali sinifikanti ħafna permezz ta' riskju sostanzjalment imnaqqas ta' aċċidenti jew inċidenti fit-trasport ta' oġġetti perikolużi fuq l-ilmijiet interni navigabbli fejn ir-regoli proposti jiġu implimentati b'suċċess.

Naturalment, jeħtieġ li r-regoli kkonċernati jiġu infurzati. Sett waħdani ta' regoli jiffaċilita konsiderevolment il-ħidmiet ta' infurzar ta' l-Istati Membri. Tabilħaqq, waħda mir-raġunijiet ewlenija il-għala xi Stati Membri diġà ppruvaw inaqqsu l-għadd ta' sistemi applikabbli fis-swieq nazzjonali tagħhom hija x-xewqa għal infurzar aktar faċli u effikaċi.

Fil-qosor, il-ħolqien ta' sistema, madwar l-UE kollha kemm hi, dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi fuq l-ilmijiet interni navigabbli, li tkopri sew l-operazzjonijiet ta' trasport nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali, jkollha impatt tajjeb ekonomiku, soċjali, ambjentali u ta' infurzar. Is-suq jeħtieġ ir-regoli fid-dawl tar-riskji inerenti. Ikun loġiku li jintuża dak is-sett ta' regoli li l-Istati Membri li għandhom swieq imdaqqsa ta' l-ilmijiet interni navigabbli kien x'kien ikollhom japplikawhom, fid-dawl ta' l-obbligi internazzjonali tagħhom, jiġifieri s-sistema ta' l-ADN.

L-alternattiva 3 tinkludi element ta' reviżjoni fil-proposta, lil hinn mill-alternattiva 2. Ir-reviżjoni tikkonsisti f'żewġ partijiet. L-ewwel wieħed maħsub biex jelimina l-klawżoli skaduti. Din l-alternattiva ma tkunx disponibbli fi proċess ta' kodifikazzjoni. Ftit li xejn hemm dubju dwar is-siwi ta' l-eliminazzjoni ta' klawżoli skaduti. Li jkomplu jeżistu jkollu biss l-effett li kwistjoni diġà kumplessa minnha nnifisha jkompli jikkumplikaha bla ħtieġa, bir-riżultat li jiżdiedu sew ir-riskji kif ukoll l-ispejjeż. It-tieni parti tittratta l-armonizzazzjoni, kemm jista' jkun, tar-regoli li jmexxu t-tliet modi ta' trasport fuq l-art: it-toroq, il-ferroviji u l-ilmijiet interni navigabbli. Għadd dejjem jikber ta' operazzjonijiet ta' trasport jirrikjedi aktar minn mod wieħed ta' trasport, u t-tħaddim ta' settijiet differenti ta' regoli għal kull wieħed minn dawn il-modi l-operazzjonijiet jagħmilhom kumplessi u jqumu wisq, bla bżonn. Ċar li sett ta' regoli armonizzati jiffaċilita t-trasport multimodali.

Regoli kumplessi fihom riskji inerenti għas-sikurezza u l-ambjent. Għaldaqstant jingħaraf li l-armonizzazzjoni tar-regoli tħalli impatt pożittiv fl-oqsma kollha: fuq dak ekonomiku minħabba li tnaqqas l-ispejjeż; fuq dak soċjali minħabba li r-regoli jiġu applikati aktar faċilment, u b'hekk jipprovdu sikurezza mtejba; u fuq dak ambjentali għall-istess raġunijiet. L-infurzar min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali huwa ffaċilitat b'anqas varjazzjonijiet fir-regoli. Sett armonizzat u ta' użu aktar faċli għall-utenti għandu jtejjeb l-osservanza min-naħa tal-persuni interessati.

Filwaqt li l-alternattivi kollha jipprovdu impatt ekonomiku, soċjali, ambjentali u ta' infurzar pożittiv, l-aktar li toffri hija l-alternattiva 3.

Il-qagħda speċifika ta' l-Istati Membri mingħajr trasport ta' oġġetti perikolużi fuq ilmijiet interni navigabbli, jew mingħajr ilmijiet interni navigabbli li jorbtu ma' Stati Membri oħra, sejjer jiġi ttrattat fil-punt 5.3.

5.2 L-impatt fuq is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja

L-alternattivi ta' politika 1 u 2 il-leġiżlazzjoni Komunitarja jissimplifikawha biss fil-qasam tal-kodifikazzjoni, li fil-prattika jkun ifisser verżjonijiet ikkonsolidati ta' Direttivi eżistenti.

L-alternattiva ta' politika 3 ġġib magħha simplifikazzjoni bil-wisq aktar estensiva, orjentata lejn aktar faċilità fl-użu, bl-integrazzjoni tad-Direttivi u d-Deċiżjonijiet eżistenti kollha f'liġi waħda ta' l-UE.

5.3 Differenzi reġjonali f'termini ta' impatt

L-inizjattiva leġiżlattiva mfassla għall-alternattiva ta' politika 3 tistipula li Stat Membru bl-ebda konnessjoni ta' ilmijiet interni navigabbli ma' Stati Membri oħra jista' jiddeċiedi li jew japplika r-regoli ta' l-UE jew inkella li jkompli japplika regoli oħra. Bl-istess mod, Stat Membru li ma għandu l-ebda trasport ta' oġġetti perikolużi fuq ilmijiet interni navigabbli ma jkollux l-obbligu jimplimenta d-Direttiva proposta.

5.4 L-impatt barra l-UE

Għat-trasport bit-triq u bil-ferrovija, l-ebda mill-alternattivi ta' politika ma tbiddel il-qagħda f'relazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-UE.

L-alternattivi ta' politika 2 u 3 x'aktarx li jġibu 'l quddiem l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi fuq ilmijiet interni navigabbli wkoll fil-pajjiżi Ewropej li mhumiex membri ta' l-UE.

5.5 Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

Maġġornaza kbira ħafna tar-rispondenti huma favur il-politika proposta mid-DĠ TREN taħt il-punt 6.2.

Taqsima 6: It-tqabbil ta' l-alternattivi

6.1 Sommarju ta' l-impatti

L-unika differenza sostanzjali bejn it-tliet alternattivi ta' politika ddur fuq jekk il-mod ta' trasport ta' l-ilmijiet interni navigabbli jiġix inkluż jew le fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, l-alternattivi 2 u 3 huma differenti f'termini tal-livell ta' armonizzazzjoni u simplifikazzjoni tar-regoli dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi.

It-tabelli komparattivi li ġejjin juru stimi ta' l-impatt ta' dawn it-tliet alternattivi.

Impatt | Alternattivi ta' politika |

1. L-ebda bidla fil-politika, kodifikazzjoni biss | 2. Kodifikazzjoni + Ilmijiet interni navigabbli | 3. Reviżjoni + Ilmijiet interni navigabbli |

Titjib tas-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport | Le | Probabbli | Probabbli |

Promozzjoni tal-moviment liberu tas-servizzi tat-trasport | Le | Probabbli | Probabbli |

Tnaqqis tar-riskju ta' inċidenti | Le | Probabbli | Probabbli |

Simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE | Sa ċertu punt | Sa ċertu punt | Konsiderevoli |

Aġġornament tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE | Sa ċertu punt | Sa ċertu punt | Għal kollox |

Armonizzazzjoni tar-regoli għall-modi ta' trasport | Le | Le | Iva |

6.2 L-alternattiva ppreferuta

Ġaladarba l-ADN dalwqat tidħol fis-seħħ, huwa ġġustifikat li jitwessa' l-ambitu tal-leġiżlazzjoni attwali ta' l-UE dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi biex jinkludi l-mod ta' trasport fuq l-ilmijiet interni navigabbli. Biex dan jintlaħaq, huma disponibbli l-alternattivi ta' politika 2 u 3. Minħabba li l-alternattiva 3 hija l-mezz waħdieni biex jintlaħqu l-miri ta' armonizzazzjoni u simplifikazzjoni sħaħ tal-leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, l-alternattiva ppreferuta hija r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni u t-twessigħ tagħha biex tinkludi l-mod ta' trasport fuq l-ilmijiet interni navigabbli.