52006SC1196




MT

Brussel 26.9.2006

SEG(2006) 1196 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar il-qagħda tal-finanzi pubbliċi fl-Ungerija

li tinkludi

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal

OPINJONI TAL-KUNSILL

skond l-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997

Dwar l-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza ta' l-Ungerija, 2005-2009

kif ukoll

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL LILL-UNGERIJA

bil-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern tinġieb fi tmiemha

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Din il-komunikazzjoni teżamina l-qagħda tal-finanzi pubbliċi fl-Ungerija fid-dawl ta' l-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza mressaq mill-Ungerija fl-1 ta' Settembru 2006 u l-proċedura ta' defiċit eċċessiv li tinsab għaddejja. Tinkludi żewġ dokumenti: l-ewwel, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Opinjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament aġġustat tal-programm u t-tieni Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) bil-għan li jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv.

1. L-isfond

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1998, huwa bbażat fuq l-għan li jkun hemm finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet u biex ikun hemm tkabbir qawwi sostenibbli li jwassal għall-ħolqien ta’ l-impjiegi. Il-Patt ġie emendat għall-ewwel darba fl-2005. Ir-riforma għarfet l-utilità tal-Patt li jankra d-dixxiplina fiskali iżda fittxet li ssaħħah l-effettività tagħha u l-bażi ekonomika kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta’ żmien.

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandu żewġ armi. L-arma preventiva, stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet tal-baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika [1], jistipula li l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza u l-aġġornamenti annwali tagħhom (l-Istati Membri li diġà adottaw il-munita unika jissottomettu programmi (aġġornati) ta’ stabbiltà u l-Istati Membri li għadhom m’adottawhiex jissottomettu programmi (aġġornati) ta’ konverġenza). Skond ir-Regolament, il-Kunsill joħroġ Opinjoni dwar kull programm, abbażi ta' Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, fil-qies tal-kodiċi ta' mġiba [2], il-metodoloġija maqbula għall-istima tal-produzzjoni potenzjali u l-bilanċi aġġustati għaċ-ċiklu u l-linji wiesgħa ta' gwida għall-politika ekonomika, kif ukoll fuq l-isfond tal-previżjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni. L-arma korrettiva, stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv [3], timplimenta l-Artikolu 104 tat-Trattat tal-KE.

F'Mejju 2004, l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw l-ewwel programm ta' konverġenza tagħhom. F'konformità mar-Regolament, il-Kunsill ħareġ Opinjoni dwar dan il-programm fil-5 ta' Lulju 2004, li fiha approva r-rotta mfassla fih mill-awtoritajiet Ungeriżi għall-aġġustament tad-defiċit sa l-2008. Fl-istess data, il-Kunsill iddeċieda li l-Ungerija kienet f'qagħda ta' defiċit eċċessiv u ħareġ Rakkomandazzjoni skond l-Artikolu 104(7) għall-korrezzjoni tiegħu sa l-2008, f'konformità ma' l-istess rotta ta' aġġustament. Wara Deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu 104(8) f'Jannar 2005 li stabbiliet in-nuqqas ta' konformità, u fid-dawl tal-fatt li l-aħħar żewġ passi tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv - koperti mill-Artikoli 104(9) u 104(11) - ma japplikawx għal Stati Membri li, bħall-Ungerija, mhumiex fiż-żona ta' l-Euro, fit-8 ta' Marzu 2005 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni oħra taħt l-Artikolu 104(7), li fiha reġa' saħaq li d-defiċit eċċessiv kellu jiġi kkoreġut sa l-2008, f'konformità mar-rotta ta' aġġustament imfassla fl-aġġornament tal-programm ta' konverġenza ta' Diċembru 2004, kif approvat fl-Opinjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2005. Fit-8 ta' Novembru 2005, abbażi ta' l-Artikolu 104(8) il-Kunsill iddeċieda li l-azzjoni meħuda mill-Ungerija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2005 ma kenitx adegwata. Ir-Rakkomandazzjoni qieset b'mod partikolari d-devjazzjoni sostanzjali mir-rotta ta' aġġustament li kienet issemmiet fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2005, speċifikament fir-rigward tal-miri ta' defiċit ta' 3.6% tal-PGD fl-2005 u ta' 2.9% tal-PGD fl-2006, u saħansitra tal-mira aġġustata ta' 5.2% tal-PGD fl-2006 (ilkoll ikkalkulati mingħajr il-piż ta' skemi tal-pensjonjiet tat-tieni pilastru) [4].

Fl-1 ta' Diċembru 2005, l-awtoritajiet Ungeriżi ressqu aġġornament tal-programm ta' konverġenza li kien fih rotta ta' aġġustament riveduta u kkonċentrata fi tmiem il-perjodu, filwaqt li l-2008 baqgħet is-sena ta' mira għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Fl-24 ta' Jannar 2006, il-Kunsill adotta Opinjoni dwar dan l-aġġornament, li fiha qies li, filwaqt li fil-programm il-konsolidament kien iserraħ fuq tnaqqis kbir fl-infiq ta' 7.5% tal-PGD, l-implimentazzjoni tiegħu ma kenitx appoġġata min miżuri konkreti. Il-Kunsill stieden lill-Ungerija biex "tippreżenta mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru 2006 aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza li jidentifika miżuri konkreti u strutturali li jkunu għal kollox konsistenti mar-rotta ta' aġġustament fiż-żmien mezzan" [5].

2. L-Opinjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza

1. Fl-1 ta' Settembru 2006, l-Ungerija ressqet quddiem il-Kunsill u l-Kummissjoni aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza (minn hawn 'il quddiem "il-programm"). Il-programm ikopri l-perjodu mill-2005 sa l-2009, imma jirreferi wkoll għas-snin 2010 u 2011. Il-programm ġeneralment isegwi l-istruttura tal-mudell u r-rekwiżiti dwar il-forniment tad-data għall-programmi ta’ stabbilità u konverġenza speċifikati fil-kodiċi l-ġdid ta' kondotta [6].

2. Wara l-adozzjoni ta' pakkett komprensiv ta' riforma ekonomika f'nofs id-Disgħinijiet, l-ekonomija Ungeriża gawdiet minn rati stabbli u relattivament għolja ta' tkabbir ekonomiku u minn tnaqqis fl-inflazzjoni, bl-appoġġ ta' politiki makroekonomiċi sodi u riformi strutturali f'lokhom. Madankollu, b'bidu mill-2001 u b'importanza akbar f'dawn l-aħħar snin, żieda sinifikanti fl-infiq pubbliku u żidiet ġenerużi fil-pagi tas-settur pubbliku wasslu għal defiċit fil-baġit li jisboq sewwa l-5% tal-PGD matul l-aħħar erba' snin, bir-riżultat li nħolqu devjazzjonijiet kbar mill-miri oriġinali għad-defiċit. Barra minn hekk, stimi fi tmiem is-sena ġew miżjuda sostanzjalment ex post, tista' tgħid ma' kull notifika fiskali. Minflok il-miri ppjanati għad-defiċit li kien fih il-programm ta' konverġenza ta' Mejju 2004 ta' 4.6% tal-PGD fl-2004, 4.1% tal-PGD fl-2005 u 3.6% tal-PGD fl-2006, l-eżitu kien 6.6% tal-PGD fl-2004, 7.56% tal-PGD fl-2005 u l-Gvern jistenna li d-defiċit ikun madwar 10.1% tal-PGD fl-2006, ferm ogħla mil-livelli l-oħra fl-UE (iċ-ċifri kollha bl-inklużjoni tal-piż tar-riforma tal-pensjonijiet). Parti kbira miż-żerżiq fl-ilħiq tal-miri tal-baġit kienet ir-riżultat ta' ppjanar finanzjarju li kien ottimistiku żżejjed, eċċessi kbar fl-infiq, tnaqqis tat-taxxi u nuqqas globali ta' sforzi adegwati għall-aġġustament strutturali. Din il-politika fiskali espansjonistika ħafna għamlet ħsara sinifikanti lill-kredibbiltà tagħha stess u kulma jmur qed ittaqqal l-ekonomija b'mod konsiderevoli. B'mod partikolari, għenet biex jinħolqu żbilanċi esterni serji u għal żieda sinifikanti fid-dejn barrani totali (minn taħt 20% tal-PGD fl-2001 għal kważi 30% tal-PGD fl-2005) u għal firxiet ħafna ogħla tar-rati ta' l-interessi meta mqabbla ma' Stati Membri oħra li daħlu fl-Unjoni dan l-aħħar.

3. Fil-programm aġġustat, it-tkabbir reali tal-PGD huwa pprojettat li jaqa' lura fis-snin li ġejjin, minn 4.1% tal-PGD fl-2006 sa 2.2% u 2.6% fl-2007 u l-2008 rispettivament, minħabba l-impatt kontradittorju tal-miżuri ta' aġġustament fiskali stabbiliti fil-programm, li xi wħud minnhom diġà ġew implimentati minn Lulju 2006. It-tkabbir ekonomiku mistenni li sa l-2009 jirkupra għal-livelli ta' qabel l-aġġustament. Dawn l-iżviluppi huma riflessi wkoll fil-kundizzjonijiet ċikliċi impliċiti, li juru differenzi negattivi fil-produzzjoni għas-snin 2007 u 2008, u r-ritorn tal-produzzjoni għal-livell potenzjali tagħha sa l-2009. Abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli bħalissa, u bla ħsara għall-previżjonijiet tal-Ħarifa 2006 tas-servizzi tal-Kummissjoni, dan ix-xenarju makroekonomiku jidher li huwa ġeneralment plawżibbli. Madankolu, huwa xi ftit ottimista rigward it-tkabbir fl-2009 u l-iżviluppi fl-impjiegi, speċjalment fis-snin l-aktar imbiegħda, li ma jidhrux li huma affetwati mit-tnaqqis fil-pass tat-tkabbir u t-tnaqqis ippjanat fl-impjiegi mas-settur pubbliku. It-titjib sinifikanti previst fil-programm fl-iżbilanċi esterni jidher plawżibbli fid-dawl ta' l-effetti diretti u indiretti tal-miżuri ta' aġġustament fiskali. B'mod partikolari, id-defiċit fil-kont kurrenti mistenni li jonqos minn kważi 8% tal-PGD fl-2006 għal anqas minn 4% tal-PGD fl-2009. L-inflazzjoni mistennija li tilħaq l-ogħla livell tagħha ta' 6.2% fl-2007, wara 3.5% fl-2006, u li tonqos sa 3% sa l-2009. L-istampa projettata tista' tiġi spjegata miż-żieda fil-VAT (adottata mill-Parlament fl-10 ta' Lulju 2006) u tnaqqisijiet fis-sussidji tal-prezzijiet (adottati b'digriet ministerjali fit-30 ta' Ġunju), kif ukoll minn miżuri oħra li fih il-programm li joħolqu pressjonijiet inflazzjonarji billi jżidu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni (pereżempju żidiet fit-taxxa fuq id-dħul personali u l-kontribuzzjonijiet soċjali). Madankollu, l-inflazzjoni tidher li qed tiġi stmata baxx wisq matul il-perjodu kollu ta' referenza.

4. L-awtoritajiet Ungeriżi uffiċjalment abbandunaw l-2010 bħala l-mira għall-adozzjoni ta' l-Euro, imma għadhom ma ħabbru l-ebda mira ġdida. Il-politika monetarja ta' l-Ungerija tissokta fit-tagħqid ta' miri għall-inflazzjoni ma' medda ta' rati tal-kambju. Minn Frar 2006 'l hawn, ir-rata tal-kambju bejn il-forint u l-Euro ddgħajfet sostanzjalment, bi kważi 10%, fi klima ta' tnaqqis ta' rieda għat-teħid ta' riskji li qed taffettwa s-swieq emerġenti mad-dinja kollha, u ta' tħassib fost l-investituri dwar il-qagħda fiskali fl-Ungerija. Il-firxiet ta' rendimenti tal-bonds maż-żona ta' l-euro wkoll twesssgħu fis-sajf, għal madwar 350 punt tal-bażi, parzjalment b'reazzjoni għal tħassib fost l-investituri dwar il-kobor u l-fattibbiltà ta' l-aġġustament fiskali ppjanat. Il-politika monetarja rreaġixxiet għar-riskji jikbru ta' l-inflazzjoni u għall-iżviluppi mhux favorevoli fis-suq finanzjarju billi fi tliet fażijiet żiedet ir-rata tal-bażi b'125 punt tal-bażi sa 7.25%, bejn nofs Ġunju tmiem Awissu 2006. Mill-bidu ta' Awissu l-munita stabbilizzat. Il-preżunzonijiet tal-programm dwar ir-rati ta' l-interessi jidhru li huma pjuttost baxxi, speċjalment fid-dawl tar-riskji 'l fuq għall-projezzjonijiet ta' l-inflazzjoni bażilari.

5. Wara riżultat tad-defiċit ġenerali tal-gvern ta' 7.5% tal-PGD fl-2005 (irrappurtat fir-Rebbiegħa 2006), l-awtoritajiet Ungeriżi wara l-elezzjonijiet ġenerali ta' April 2006 ħabbru li kien se jkun hemm reviżjonijiet kbar 'il fuq tad-defiċit għall-2006, li mingħajr miżuri korrettivi, seta' jilħaq 11.6% tal-PGD [7]. L-eċċess fuq il-mira tad-defiċit ta' 6.1% tal-PGD li kienet stabbilita fil-liġi tal-baġit għall-2006 u fl-aġġornament ta' Diċembru 2005 tal-programm ta' konverġenza seħħ kważi għal kollox fuq in-naħa ta' l-infiq (madwar 5% tal-PGD). Ġara prinċipalment fl-oqsma ta' l-ispejjeż operattivi u tal-pagi ta' l-istituzzjonijiet ċentrali tal-baġit, il-ħlasijiet tal-pensjonijiet, l-infiq fuq is-saħħa u minħabba investiment tal-gvernijiet lokali ogħla milli kien mistenni, b'konsegwenza taċ-ċiklu elettorali. Madwar 1.5% tal-PGD ta' l-eċċess minn naħa jispjega ruħu bl-inklużjoni tal-investimenti fuq l-awtostradi fi ħdan il-kontijiet tal-gvern ġenerali (1.1% tal-PGD), li oriġinalment kienu previsti li se jsiru minn PPP (sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat) u li kellhom jiġu rreġistrati lil hinn mill-baġit, u min-naħa l-oħra mill-ispejjeż ta' l-ajruplani militari (0.3% tal-PGD) mixtrija taħt kuntratt finanzjarju ta' kiri (lease). Dawn iż-żewġ nefqiet ma kenux inklużi oriġinalment fiċ-ċifra ta' mira uffiċjali.

6. F'Ġunju, quddiem defiċit tal-baġit dejjem jikber, il-Gvern il-ġdid – li ħa l-kariga f'Ġunju, wara l-elezzjonjiet ġenerali ta' April 2006 – irtira dak li kien fadal mill-programm ta' ħames snin għat-tnaqqis fit-taxxi, li d-dħul kien se jkompli jnaqqsu b'madwar 3% tal-PGD sa l-2010 [8], u adotta pakkett fiskali korrettiv. Għadd ta' miżuri korrettivi, inklużi dawk kollha fuq in-naħa tad-dħul, diġà ġew adottati mill-Parlament. Il-Gvern jistenna li ż-żidiet fit-taxxa, flimkien ma' xi tnaqqis immedjat fl-infiq fuq is-saħħa, fis-sussidji tal-prezz tal-gass, fl-infiq fuq l-amministrazzjoni pubblika u l-irtirar immedjat tar-riżerva ġenerali tal-baġit ta' 0.3%, jnaqqsu l-eċċess tad-defiċit b'1.5% tal-PGD, sabiex tintlaħaq il-mira l-ġdida għad-defiċit, li madankollu tibqa' għolja ħafna, fil-livell ta' 10.1% tal-PGD. Dawn il-miżuri mistennija wkoll li jħallu effetti importanti matul is-snin li ġejjin.

7. L-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza ta' Settembru 2006 għandu l-għan li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa l-2009. Dan jintlaħaq permezz ta' tnaqqis qawwi u kkonċentrat fl-ewwel parti tal-perjodu ta' 6.9 punti perċentwali tal-PGD fi żmien tliet snin, minn pożizzjoni inizjali għolja ta' 10.1% tal-PGD fl-2006 għal 3.2% tal-PGD fl-2009. It-titjib fil-bilanċ primarju matul il-perjodu jkun ta' l-istess daqs. Il-programm jagħraf li l-mira tad-defiċit ta' 3.2% tal-PGD fl-2009 xorta tkun aktar mil-livell massimu ta' 3 punti perċentwali tal-PGD speċifikat fit-Trattat, imma jassumi li l-Kunsill u l-Kummissjoni, meta jikkunsidraw il-każ għat-tħassir tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Ungerija, ikunu jistgħu iqisu parti mill-ispiża netta tar-riforma fil-pensjonijiet, f'konformità mal-Patt rivedut ta' Stabbiltà u Tkabbir [9]. Huwa previst li kważi nofs it-tnaqqis fil-proporzjon tad-defiċit diġà jseħħ fl-2007. It-tnaqqis ippjanat fid-defiċit nominali għandu jintlaħaq billi l-proporzjon bejn id-dħul u l-PGD jiżdied bi 3%, u billi l-proporzjon bejn l-infiq u l-GDP jitnaqqas bi 3.9 punti perċentwali matul il-perjodu tal-programm. F'dak li jirrigwarda n-naħa tad-dħul, ġew adottati ż-żidiet kollha tad-dħul li fuqhom isserraħ iż-żieda pprojettata fil-proporzjon tal-programm bejn id-dħul u l-PGD. Minbarra t-tnaqqis fl-infiq, diġà adottat, li ssemma aktar 'il fuq, l-awtoritajiet Ungeriżi qed jippjanaw li l-miri tagħhom jilħquhom billi jsaħħu d-dixxiplina finanzjarja (permezz ta' kontabilità aktar trasparenti, kif ukoll l-introduzzjoni ta' livelli massimi multijannwali ta' nfiq u regola dwar l-infiq). Dawn il-pjanijiet huma mistennija li jkunu inklużi fid-dettall fil-liġi tal-baġit ta' l-2007, li għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament sa tmiem Ottubru. Barra minn hekk, il-programm iħabbar riformi strutturali komprensivi bil-għan li jiġi żgurat l-ilħiq tal-miri tad-defiċit, speċjalment fis-snin l-aktar imbiegħda tal-programm (bħall-introduzzjoni ta' skemi ta' kopagament fis-settur tas-saħħa, it-tfassil mill-ġdid tas-sussidji tal-prezzijiet u s-simplifikar ta' l-amministrazzjoni pubblika ċentrali).

8. Skond il-kalkoli magħmula mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tat-tagħrif mogħti fil-programm u tal-metodoloġija maqbula, id-defiċit strutturali (f'termini aġġustati għaċ-ċiklu u għall-miżuri netti ta' darba u temporanji oħra), wara tħassir fl-2006 stmat għal madwar 2% tal-PGD, jinżel minn 9.75% tal-PGD fl-2006 għal 3.25% fl-2009, b'titjib medju annwali ta' madwar 2.25% tal-PGD matul il-perjodu. Il-programm jidentifika l-għan għaż-żmien mezzan (minn hawn 'il quddiem "MTO") għall-pożizzjoni tal-baġit fit-tifsira tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir bħala defiċit strutturali ta' bejn 0.5% u 1% tal-PGD, li l-programm ma jimmirax li jilħqu fil-perjodu tal-programm. L-MTO jaqa' fil-firxa indikata fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-kodiċi tal-kondotta, u jirrifletti adegwatament it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fit-tul u l-proporzjon tad-dejn, imma ma jintlaħaqx fil-perjodu tal-programm.

9. Rigward ir-riżultat finanzjarju, hemm għadd ta' elementi fuq il-lat pożittiv. Parti kbira mill-miżuri ta' appoġġ għat-tnaqqis tad-defiċit fl-2006 u l-2007 jew diġà ġew adottati jew inkella huwa ppjanat li jiddaħħlu fil-baġit ta' l-2007. Barra minn hekk, f'dawn l-aħħar xhur il-Gvern ħa deċiżjonijiet dwar xi passi inizjali tar-riformi strutturali ppjanati. L-awtoritajiet Ungeriżi, barra minn dan, iddeċidew li jtejbu l-proċess tal-baġit billi mill-2007 'l quddiem idaħħlu regola dwar il-kontroll ta' l-infiq u ppjanar multijannwali ta' l-infiq għall-istituzzjonijiet tal-baġit. Fl-programm jimpenjaw irwieħhom ukoll li jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lil-Kunsill darbtejn fis-sena dwar żviluppi fil-baġit, u li jħabbru passi korrettivi jekk jaqgħu lura fl-ilħiq tal-miri. Madankollu, hemm ukoll riskji importanti. Għad hemm xi inċertezza dwar l-infurzar effettiv tal-friżijiet ippjanati fl-infiq għall-2007 u l-2008, kif ukoll dwar it-trażżin taż-żidiet fl-infiq f'oqsma li jaqgħux taħt dawn il-friżijiet. Barra minn hekk, minkejja l-miżuri ppjanati, l-ilħiq tal-miri finanzjarji fis-snin l-aktar imbiegħda jista' jkun suġġett għal riskji importanti. Minkejja li r-riskji għan-naħa tad-dħul li joħorġu mix-xenarju makroekonomiku ġeneralment x'aktarx jidhru li huma bbilanċjati, id-dħul mistenni fis-snin l-iktar imbiegħda, u speċjalment fl-2009, huma pjuttost ottimistiċi, ħaġa li torbot ukoll mal-projezzjonijiet ottimistiċi għall-impjiegi. Barra minn dan, il-kontroll istituzzjonali dgħajjef fuq il-proċess tal-baġit, minbarra l-istorja pjuttost insodisfaċenti u n-nuqqas ta' tagħrif preċiż dwar kif se jintlaħaq fil-ġejjieni, jesponi lill-finanzi pubbliċi għal nuqqas ta' lħiq tal-miri. Għaldaqstant, it-tnaqqis maħsub fid-defiċit jiddependi fuq l-implimentazzjoni rigoruża tar-riformi strutturali u l-kontoll ta' l-infiq li huma ppjanati, sa mis-snin bikrija tal-programm. Fl-aħħarnett, ma jistax jiġi eskluż li l-Gvern jieħu fuqu d-dejn ta' kważi 2% tal-PGD li akkumulawh il-kumpaniji pubbliċi tat-trasport minn tmiem l-2002 (ġaladarba dan sar regolarment fl-imgħoddi): dan kieku jkollu effett temporanju fuq id-defiċit. Kollox ma' kollox, ir-riżultat finanzjarju jaf ikun agħar minn dak ipprojettat fil-programm, sew fl-immedjat kif ukoll fis-snin imbiegħda tal-programm.

10. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tar-riskji ta' hawn fuq, il-korrezzjoni ppjanata tad-defiċit eċċessiv sa l-2009, fuq bażi sostenibbli, titlob li l-Gvern jilħaq il-miri tal-baġit b'mod strett. Dan jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri kollha mħabbra fil-programm għas-snin 2006 sa 2009, kif ukoll fuq deċiżjonijiet f'waqthom dwar riformi strutturali u l-kontroll ta' l-infiq, u l-implimentazzjoni tagħhom.

11. Skond il-projezzjonijiet tal-programm, il-proporzjon tad-dejn mal-PGD fl-2006 jitla' sa 68.5% (minn 62.3% fl-2005), u jkompli tiela' għal 71.3% fl-2007 u għal 72.3% fl-2008. Il-proporzjon mistenni li ma jibdiex imajna qabel l-2007, għal 70.4%. Id-dinamika ppreżentata fil-programm tikkuntrasta bil-qawwi ma' l-aġġornament preċedenti, li kien jantiċipa li l-proporzjon tad-dejn mal-PGD, bl-inklużjoni tal-piż tal-pensjonijiet, jaqa' fil-firxa 61-63% tal-PGD matul iż-żmien kollu tal-programm. L-aġġornament ma jipprevedi l-ebda operazzjoni kbira (bħalma huma l-privatizzazzjoni jew li l-gvern jieħu fuqu djun ta' entitajiet oħra) b'impatt kbir fuq id-dejn. Ir-riskji għar-rotta maħsuba joħorġu primarjament mir-riskji, msemmija hawn fuq, ta' defiċit ogħla mill-mistenni, inkluż minħabba l-possibbiltà li gvern jieħu fuqu d-dejn tal-kumpaniji pubbliċi tat-trasport. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tar-riskji, il-proporzjon tad-dejn ma jidhirx li qed jonqos biżżejjed lejn il-valur ta' referenza.

12. L-Ungerija tidher li tinsab esposta sew għar-riskju rigward is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi [10]. Il-pożizzjoni finanzjarja dgħajfa ħafna, flimkien mal-proporzjon għoli u tiela' tad-dejn, jikkostitwixxu riskju notevoli għal finanzi pubbliċi sostenibbli, anki mingħajr ma jitqies l-impatt finanzjarju fit-tul ta' popolazzjoni li qed tixjieħ. Barra minn hekk, l-impatt finanzjarju fit-tul ta' popolazzjoni Ungeriża li qed tixjieħ huwa ogħla sew mill-medja fl-UE, partikolarment taħt l-influwenza ta' żieda sinifikanti fl-infiq fuq il-pensjonijiet bħala proporzjon tal-PGD fit-tul. It-twettiq ta' konsolidament kbir tal-finanzi pubbliċi fiż-żmien mezzan, kif huwa ppjanat, u l-issuktar tat-tisħiħ tal-pożizzjoni finanzjarja wara li jsir dan għaldaqstant huma meħtieġa biex qatt jitnaqqsu dawn ir-riskji.

13. Filwaqt li kien hemm tħassir serju fil-finanzi pubbliċi fl-2005 u speċjalment fl-2006, li tellef il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv skond ir-rotta ppjanata, il-miżuri previsti fil-programm, jekk jiġu għal kollox speċifikati u implimentati, huma ġeneralment konsistenti mal-linji ta' gwida ġenerali tal-politika ekonomika inklużi fil-linji ta' gwida integrati [11]. B'mod partikolari, l-Ungerija biħsiebha tieħu azzjonijiet effikaċi biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv, u biex timplimenta riformi bil-għan li ssaħħaħ id-dixxiplina fiskali u tqawwi t-trasparenza. Dawn il-miżuri għandhom jagħtu wkoll kontribut biex jikkoreġu d-defiċit għoli fil-kont kurrenti. Madankollu, biex jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali, jeħtiġilhom l-appoġġ ta' riformi strutturali.

14. Mar-Rapport ta' Implimentazzjoni li għandu jitressaq sa nofs Ottubru 2006 fil-kuntest ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, il-Gvern ta' l-Ungerija biħsiebu jagħmel reviżjoni sostanzjali tal-pjanijiet ta' riforma li kien hemm fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma (NRP) ta' Ottubru 2005, biex jirriflettu aħjar l-istrateġija l-ġdida tal-gvern. L-NRP ta' Ottubru 2005 identifika l-isfidi ewlenin li ġejjin li għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-finanzi pubbliċi: (a) li jitnaqqas id-defiċit fiskali, (b) li tittejjeb l-infrastruttura u (c) li tikber ir-rata ta' l-attività u dik ta' l-impjiegi, u jittejjeb il-kapital uman. L-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza jiddeskrivi pjanijiet u miżuri biex jiġu ristrutturati s-sistemi ta' l-amministrazzjoni pubblika, tas-saħħa, tal-pensjonijiet u ta' l-edukazzjoni pubblika. B'mod partikolari, sa l-2007, il-programm jipprevedi t-teħid ta' miżuri biex tiċċekken l-amministrazzjoni pubblika, u biex l-effiċjenza tagħha tittejjeb permezz ta' l-isfruttament ta' ekonomiji fil-kobor; biex is-sussidji jintrabtu ma' verifiki tal-mezzi; biex jiġu ristrutturati s-sussidji farmaċewtiċi u biex il-prodotti farmaċewtiċi jiġu parzjalment liberalizzati; u biex jiddaħħlu l-kopagamenti għas-servizzi tas-saħħa. Barra minn hekk, sa l-2007, għandhom jitressqu quddiem il-Parlament proposti ta' liġijiet bil-għan li: jgħollu l-età ta' l-irtirar u jnaqqsu l-irtirar bikri billi jittejbu l-iskemi ta' inċentivi u titfassal mill-ġdid is-sistema tal-pensjonijiet tad-diżabbiltà; li s-servizzi tas-saħħa jinġiebu fuq bażi stretta ta' assigurazzjoni u jiġu rrazzjonalizzati l-provvista u l-użu ta' dawn is-servizzi; li l-edukazzjoni pubblika tiġi ristrutturata. Dawn il-pjanijiet għad iridu jiġu ssostanzjati. Il-programm jikkomplementa dawn il-pjanijiet permezz ta' titjibiet previsti fl-aspetti istituzzjonali tal-qafas tal-finanzi pubbliċi.

Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni ta' hawn fuq, il-qagħda tal-finanzi pubbliċi ta' l-Ungerija, u partikolarment id-defiċit għoli mistenni għall-2006, tagħti lok għal tħassib serju. Għaldaqstant huwa pożittiv li l-awtoritajiet Ungeriżi, fl-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza ta' Settembru 2006, jagħtu prijorità lit-tnaqqis tad-defiċit eċċessiv permezz ta' sforz sostanzjali u kkonċentrat fuq il-bidu tal-perjodu, u jikkommettu rwieħhom li darbtejn fis-sena jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-progress u l-azzjonijiet mittieħda biex jibqgħu fuq ir-rotta. Filwaqt li ttieħdu passi inizjali importanti biex jinkiseb dħul addizzjonali u biex jitnaqqas l-infiq bil-għan li tintlaħaq il-mira l-ġdida tad-defiċit, kif ukoll tħabbru pjanijiet biex jitjieb il-kontroll ta' l-infiq u jsiru riformi strutturali b'appoġġ għar-rotta ta' aġġustament, għad baqa' riskji għall-ilħiq ta' din ta' l-aħħar, sew fl-immedjat kif ukoll fis-snin l-iktar imbiegħda tal-programm. It-tnaqqis previst tad-defiċit għalhekk jiddependi mill-implimentazzjoni rigoruża tar-riformi strutturali ppjanati, mill-infurzar tal-kontrolli fuq l-infiq sa mis-snin bikrija tal-programm, kif ukoll minn tisħiħ ta' l-istruttura istituzzjonali tal-finanzi pubbliċi fl-Ungerija, ilkoll aspetti li jkun f'loku li fihom il-Gvern Ungeriż jiżgura li jagħmel ħiltu kollha.

3. Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-gvern (l-Artikolu 104(7))

L-analiżi ppreżentata fit-taqsima preċedenti hija pertinenti għar-rakkomandazzjoni għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-gvern.

L-iskadenza oriġinali għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, l-2008, kienet tibbaża fuq il-kunsiderazzjoni li, fil-każ ta' l-Ungerija, tqies li kien hemm "ċirkustanzi speċjali" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 [12] – li tipprevedi korrezzjoni f'qafas taż-żmien mezzan – partikolarment fid-dawl tal-kobor tad-defiċit u t-trasformazzjoni strutturali li l-ekonomija għadha għaddejja minnha.

Filwaqt li l-korrezzjoni oriġinali tad-defiċit kellha sseħħ fi ħdan qafas ta' żmien mezzan li kellu jintemm fl-2008, id-data tal-mira ma għadhiex tista' titqies realistika, minħabba ż-żerżiq lura fl-ilħiq tal-miri tal-baġit fl-Ungerija, li għamel ħsara konsiderevoli lill-politika fiskali u kulma jmur dejjem qed ikun aktar ta' piż fuq l-ekonomija. Il-qafas taż-żmien mezzan il-ġdid għall-korrezzjoni, stabbilit fl-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza, jistabbilixxi l-2009 bħala l-iskadenza għall-korrezzjoni. Fid-dawl taż-żerżiq reċenti fl-ilħiq tal-miri, din l-iskadenza, li timplika korrezzjoni sostanzjali tad-defiċit strutturali b'aktar minn 6% tal-PGD matul tliet snin, tidher f'lokha.

Għal dan il-għan, jidher li l-Gvern ta' l-Ungerija jeħtieġlu: (i) jillimita t-tħassir tal-pożizzjoni fiskali fl-2006 billi jiżgura implimentazzjoni rigoruża tal-miżuri korrettivi adottati u mħabbra, kif ukoll billi jalloka għal din il-fini id-dħul mhux previst u ta' darba li jista' jkun hemm. Dan iwassal għal defiċit nominali ta' massimu ta' 10% tal-PGD fl-2006, li xorta jkun għadu eċċezzjonalment għoli; kif ukoll li (ii) jimplimenta rigorożament il-miżuri meħtieġa biex jiżgura korrezzjoni, sostanzjali u kkonċentrata fil-bidu tal-perjodu, tad-defiċit strutturali, permezz tat-teħid ta' pass sostanzjali ħafna fl-2007, segwit minn issuktar ta' sforzi sinifikanti ta' aġġustament sakemm tintlaħaq il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, fejn id-daqs ta' l-isforz ikun dak previst fl-Opinjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza; li jkun lest jadotta miżuri addizzjonali li jistgħu ikunu meħtieġa biex sa l-2009 tintlaħaq il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv; u wkoll li (iii) fil-liġijiet tal-baġit li jmiss, jinkorpora biżżejjed provvista ta' riserva biex jevita li jkun hemm żerżiq fl-ilħiq tal-miri, anki jekk jiġru ħwejjeġ mhux mistennija. Minkejja li l-programm jippreżenta xi marġnijiet potenzjali ta' sikurezza finanzjarja, li jikbru matul il-perjodu tal-programm, għadu mhux magħruf kemm dawn il-pjanijiet effettivament sejrin jiġu rrealizzati f'miżuri konkreti u implimentati. Fl-istess waqt, jeħtieġ li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern jitqabbad kurva soda 'l isfel, f'konformità mar-rotta multijannwali għat-tnaqqis tad-defiċit stabbilita fil-programm ta' konverġenza, u dan preferibbilment qabel l-2009.

L-aġġustament fil-baġit jeħtieġlu jiġi inkwadrat fi ħdan strateġija komprensiva ta' riforma strutturali, inklużi r-riformi tas-sistemi ta' l-amministrazzjoni pubblika, tas-saħħa, tal-pensjonijiet u ta' l-edukazzjoni, bil-għan li l-infiq jitrażżan u jitnaqqas sa tmiem il-perjodu tal-programm, u lil hinn minnu. Barra minn hekk, il-korrezzjoni għandha tiġi appoġġata bl-adozzjoni deċiżiva ta' miżuri biex jittejjeb il-kontroll tal-baġit, jiddaħħlu regoli fiskali u jisaħħaħ il-qafas istituzzjonali tal-proċess tal-baġit. Il-Gvern mistenni jirrapporta darbtejn fis-sena dwar l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija u l-miri fiskali, skond ma kkommetta ruħu li jagħmel fl-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza ta' Settembru 2006, b'bidu mill-1 ta' April 2007.

(...PICT...)

ANNESS

(...PICT...)

(...PICT...)

Rakkomandazzjoni għal

OPINJONI TAL-KUNSILL

skond l-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997

Dwar l-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza ta' l-Ungerija, 2005-2009

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet dwar il-baġit u s-sorveljanza u l-koordinament tal-politika ekonomika [13], u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Jannar 2006 dwar il-programm aġġornat ta' konverġenza ta' l-Ungerija, 2005-2008,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPINJONI:

(1) Fl-[10 ta' Ottubru 2006] il-Kunsill eżamina l-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza ta' l-Ungerija li wasal fl-1 ta' Settembru 2006, li jkopri l-perjodu mill-2005 sa l-2009.

(2) Wara l-adozzjoni ta' pakkett komprensiv ta' riforma ekonomika f'nofs id-Disgħinijiet, l-ekonomija Ungeriża gawdiet minn rati stabbli u relattivament għolja ta' tkabbir ekonomiku u min tnaqqis fl-inflazzjoni, bl-appoġġ ta' politiki makroekonomiċi sodi u riformi strutturali f'lokhom. Madankollu, b'bidu mill-2001 u b'importanza akbar f'dawn l-aħħar snin, żieda sinifikanti fl-infiq pubbliku u żidiet ġenerużi fil-pagi tas-settur pubbliku kull sena wasslu għal defiċit fil-baġit li jaqbżu sewwa l-5% tal-PGD, bir-riżultat li nħolqu devjazzjonijiet kbar mill-miri oriġinali għad-defiċit. Barra minn hekk, stimi fi tmiem is-sena ġew miżjuda sostanzjalment ex post tista' tgħid ma' kull notifika fiskali. Minflok il-miri ppjanati għad-defiċit li kien fih il-programm ta' konverġenza ta' Mejju 2004 ta' 4.6% tal-PGD fl-2004, 4.1% tal-PGD fl-2005 u 3.6% tal-PGD fl-2006, l-eżitu kien 6.6% tal-PGD fl-2004, 7.56% tal-PGD fl-2005 u l-Gvern jistenna li d-defiċit ikun madwar 10.1% tal-PGD fl-2006, ferm ogħla mil-livelli l-oħra fl-UE (iċ-ċifri kollha bl-inklużjoni tal-piż tar-riforma tal-pensjonijiet). Parti kbira miż-żerżiq fl-ilħiq tal-miri tal-baġit kienet ir-riżultat ta' ppjanar finanzjarju li kien ottimistiku żżejjed, eċċessi kbar fl-infiq, tnaqqis tat-taxxi u nuqqas globali ta' sforzi adegwati għall-aġġustament strutturali. Din il-politika fiskali espansjonistika ħafna lill-kredibbiltà tal-politika fiskali għamlitilha ħsara sinifikanti, u kulma jmur dejjem aktar qed tkun ta' piż fuq l-ekonomija. B'mod partikolari, għenet biex jinħolqu żbilanċi esterni serji u għal żieda sinifikanti fid-dejn barrani totali (minn taħt 20% tal-PGD fl-2001 għal kważi 30% tal-PGD fl-2005) u għal firxiet ħafna ogħla tar-rati ta' l-interessi meta mqabbla ma' Stati Membri oħra li daħlu fl-Unjoni dan l-aħħar.

(3) Fil-5 ta' Lulju 2004, il-Kunsill iddeċieda li l-Ungerija kienet f'qagħda ta' defiċit eċċessiv u ħareġ Rakkomandazzjoni taħt l-Artikolu 104(7) għall-korrezzjoni tiegħu sa l-2008, is-sena tal-mira stabbilita mill-awtoritajiet Ungeriżi fil-programm ta' konverġenza ta' Mejju 2004. Wara Deċiżjoni f'Jannar 2005 ta' nuqqas ta' konformità fuq il-bażi ta' l-Artikolu 104(8), fit-8 ta' Marzu 2005, il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni ġdida taħt l-Artikolu 104(7), li fiha reġa' saħaq li d-defiċit eċċessiv kellu jiġi kkoreġut sa l-2008, f'konformità mar-rotta ta' aġġustament imfassla fl-aġġornament tal-programm ta' konverġenza ta' Diċembru 2004, kif approvat fl-Opinjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2005. Fit-8 ta' Novembru 2005, abbażi ta' l-Artikolu 104(8) il-Kunsill iddeċieda li l-azzjoni meħuda mill-Ungerija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2005 ma kenitx adegwata. Il-Kunsill qies b'mod partikolari d-devjazzjoni sostanzjali mir-rotta ta' aġġustament li għaliha kienet saret referenza fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq (dwar l-aġġornament tal-programm ta' konverġenza ta' Diċembru 2004), speċifikament fir-rigward tal-miri ta' defiċit ta' 3.6% tal-PGD fl-2005 u ta' 2.9% tal-PGD fl-2006 (it-tnejn ikkalkulati mingħajr il-piż ta' skemi tal-pensjonjiet tat-tieni pilastru)

(4) Fl-1 ta' Diċembru 2005, l-awtoritajiet Ungeriżi ressqu lill-Kummissjoni aġġornament tal-programm ta' konverġenza li kien fih rotta ġdida ta' aġġustament, filwaqt li żamm l-2008 bħala s-sena ta' mira għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Fl-24 ta' Jannar 2006, il-Kunsill adotta Opinjoni dwar dan l-aġġornament ta' l-2005, li fiha qies li, filwaqt li fil-programm il-konsolidament kien iserraħ fuq tnaqqis kbir fl-infiq ta' 7.5% tal-PGD, l-implimentazzjoni tiegħu ma kenitx appoġġata minn miżuri konkreti. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 9(2) tas-sezzjoni 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 ta' Lulju 1997, kif emendat, il-Kunsill stieden lill-Ungerija biex tippreżenta mill-aktar fis possibbli, u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru 2006, aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza li jidentifika miżuri konkreti u strutturali li jkunu għal kollox konsistenti mar-rotta ta' aġġustament fiż-żmien mezzan.

(5) Wara riżultat tad-defiċit ġenerali tal-gvern ta' 7.5% tal-PGD fl-2005 (irrappurtat fir-Rebbiegħa 2006), l-awtoritajiet Ungeriżi wara l-elezzjonijiet ġenerali ta' April 2006 ħabbru li kien se jkun hemm reviżjonijiet kbar 'il fuq tad-defiċit għall-2006, li mingħajr miżuri korrettivi, seta' jilħaq 11.6% tal-PGD [14]. L-eċċess fuq il-mira tad-defiċit ta' 6.1% tal-PGD li kienet stabbilita fil-liġi tal-baġit għall-2006 u fl-aġġornament ta' Diċembru 2005 tal-programm ta' konverġenza seħħ kważi għal kollox fuq in-naħa ta' l-infiq (madwar 5% tal-PGD). Ġara prinċipalment fl-oqsma ta' l-ispejjeż operattivi u tal-pagi ta' l-istituzzjonijiet ċentrali tal-baġit, il-ħlasijiet tal-pensjonijiet, l-infiq fuq is-saħħa u minħabba investiment tal-gvernijiet lokali ogħla milli kien mistenni, b'konsegwenza taċ-ċiklu elettorali. Madwar 1.5% tal-PGD ta' l-eċċess minn naħa jispjega ruħu bl-inklużjoni tal-investimenti fuq l-awtostradi fi ħdan il-kontijiet tal-gvern ġenerali [15] (1.1% tal-PGD), li oriġinalment kienu previsti li se jsiru minn PPP (sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat) u li kellhom jiġu rreġistrati lil hinn mill-baġit, u min-naħa l-oħra mill-ispejjeż ta' l-ajruplani militari (0.3% tal-PGD) mixtrija taħt kuntratt finanzjarju ta' kiri (lease). Dawn iż-żewġ nefqiet ma kenux inklużi oriġinalment fiċ-ċifra ta' mira uffiċjali.

(6) F'Ġunju, quddiem defiċit tal-baġit dejjem jikber, il-Gvern il-ġdid – li reġa' ħa l-kariga f'Ġunju, wara l-elezzjonjiet ġenerali ta' April 2006 – irtira dak li kien fadal mill-programm tiegħu ta' ħames snin għat-tnaqqis fit-taxxi, li d-dħul kien se jkompli jnaqqsu b'madwar 3% tal-PGD sa l-2010, u adotta pakkett fiskali korrettiv. Għadd ta' miżuri korrettivi, inklużi dawk kollha fuq in-naħa tad-dħul, diġà ġew adottati mill-Parlament. Il-Gvern jistenna li ż-żidiet fit-taxxa, flimkien ma' xi tnaqqis immedjat fl-infiq fuq is-saħħa, fis-sussidji tal-prezz tal-gass, fl-infiq fuq l-amministrazzjoni pubblika u l-irtirar komplut tar-riżerva ġenerali tal-baġit ta' 0.3%, jnaqqsu l-eċċess tad-defiċit b'1.5% tal-PGD, sabiex tintlaħaq il-mira l-ġdida għad-defiċit ta' 10.1% tal-PGD. Dawn il-miżuri mistennija wkoll li jħallu effetti importanti matul is-snin li ġejjin.

(7) L-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza (minn hawn 'il quddiem "il-programm"), li tressaq b'konformità mat-talba tal-Kunsill ta' Jannar 2006, ġeneralment isegwi l-mudell ta’ l-istruttura u r-rekwiżiti dwar l-għoti tad-data dwar il-programmi ta’ stabbilità u konverġenza speċifikati fil-kodiċi l-ġdid ta' kondotta [16].

(8) Fil-programm aġġustat, it-tkabbir reali tal-PGD huwa pprojettat li jaqa' lura fis-snin li ġejjin, minn 4.1% tal-PGD fl-2006 sa 2.2% u 2.6% fl-2007 u l-2008 rispettivament, minħabba l-impatt kontradittorju tal-miżuri ta' aġġustament fiskali stabbiliti fil-programm, li xi wħud minnhom diġà ġew implimentati minn Lulju 2006. It-tkabbir ekonomiku mistenni li sa l-2009 jirkupra għal-livelli ta' qabel l-aġġustament. Dawn l-iżviluppi huma riflessi wkoll fil-kundizzjonijiet ċikliċi impliċiti, li juru differenzi negattivi fil-produzzjoni għas-snin 2007 u 2008, u r-rirtorn tal-produzzjoni għal-livell potenzjali tagħha sa l-2009. Abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli bħalissa, u bla ħsara għall-previżjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2006, dan ix-xenarju makroekonomiku jidher li huwa ġeneralment plawżibbli. Madankolu, huwa xi ftit ottimista rigward it-tkabbir fl-2009 u l-iżviluppi fl-impjiegi, speċjalment fis-snin l-aktar imbiegħda, li ma jidhrux li huma affetwati mit-tnaqqis fil-pass tat-tkabbir u t-tnaqqisjiet ippjanati fl-impjiegi mas-settur pubbliku. It-titjib sinifikanti previst fil-programm fl-iżbilanċi esterni jidher plawżibbli fid-dawl ta' l-effetti diretti u indiretti tal-miżuri ta' aġġustament fiskali. B'mod partikolari, id-defiċit fil-kont kurrenti mistenni li jonqos minn kważi 8% tal-PGD fl-2006 għal anqas minn 4% tal-PGD fl-2009. L-inflazzjoni mistennija li tilħaq l-ogħla livell tagħha ta' 6.2% fl-2007, wara 3.5% fl-2006, u li tonqos sa 3% sa l-2009. L-istampa projettata tista' tiġi spjegata miż-żieda fil-VAT u tnaqqisijiet fis-sussidji tal-prezzijiet deċiżi fis-Sajf 2006, kif ukoll minn miżuri oħra li fih il-programm li mistennija joħolqu pressjonijiet inflazzjonarji billi jżidu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni (pereżempju żidiet fit-taxxa fuq id-dħul personali u l-kontribuzzjonijiet soċjali). Madankolu, l-inflazzjoni tidher li qed tiġi stmata baxx wisq matul il-perjodu kollu ta' referenza.

(9) Il-mira tal-programm hi li sa l-2009 jikkoreġi d-defiċit eċċessiv. Dan jintlaħaq permezz ta' tnaqqis qawwi u kkonċentrat fl-ewwel parti tal-perjodu ta' 6.9 punti perċentwali tal-PGD fi żmien tliet snin, minn pożizzjoni inizjali għolja ta' 10.1% tal-PGD fl-2006 għal 3.2% tal-PGD fl-2009. It-titjib fil-bilanċ primarju matul il-perjodu jkun ta' l-istess daqs. Il-programm jagħraf li l-mira tad-defiċit ta' 3.2% tal-PGD fl-2009 xorta tkun aktar mil-livell massimu ta' 3% tal-PGD speċifikat fit-Trattat, imma jassumi li l-Kunsill u l-Kummissjoni, meta jikkunsidraw il-każ għat-tħassir tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Ungerija, ikunu jistgħu iqisu parti mill-ispiża netta tar-riforma fil-pensjonijiet, f'konformità mal-Patt rivedut ta' Stabbiltà u Tkabbir [17]. Huwa previst li kważi nofs it-tnaqqis fil-proporzjon tad-defiċit diġà jseħħ fl-2007. It-tnaqqis ippjanat fid-defiċit nominali għandu jintlaħaq billi l-proporzjon bejn id-dħul u l-PGD jiżdied bi 3 punti perċentwali, u billi l-proporzjon bejn l-infiq u l-GDP jitnaqqas bi 3.9 punti perċentwali matul il-perjodu tal-programm. F'dak li jirrigwarda n-naħa tad-dħul, ġew adottati ż-żidiet kollha tad-dħul li fuqhom isserraħ iż-żieda pprojettata fil-proporzjon tal-programm bejn id-dħul u l-PGD. Minbarra t-tnaqqis fl-infiq, diġà adottat, li ssemma aktar 'il fuq, l-awtoritajiet Ungeriżi qed jippjanaw li l-miri tagħhom jilħquhom billi jimplimentaw livelli massimi multijannwali ta' nfiq u jsaħħu l-kontrolli tal-baġit fuq l-infiq. Dawn il-pjanijiet huma mistennija li jkunu inklużi fid-dettall fil-liġi tal-baġit ta' l-2007, li sejra tiġi ppreżentata lill-Parlament sa tmiem Ottubru. Barra minn hekk, il-programm iħabbar riformi strutturali komprensivi bil-għan li jiġi żgurat l-ilħiq tal-miri tad-defiċit, speċjalment fis-snin l-aktar imbiegħda tal-programm (bħall-introduzzjoni ta' skemi ta' kopagament fis-settur tas-saħħa, it-tfassil mill-ġdid tas-sussidji tal-prezzijiet u s-simplifikar ta' l-amministrazzjoni pubblika ċentrali).

(10) Matul il-perjodu tal-programm, id-defiċit strutturali (f'termini aġġustati għaċ-ċiklu u għall-miżuri netti ta' darba u miżuri temporanji oħra), ikkalkulat skond il-metodoloġija maqbula u abbażi taċ-ċifri tal-programm, mistenni jitjieb b'medja annwali ta' madwar 2.25% tal-PGD fis-sena bi nżul minn 9.75% tal-PGD fl-2006 għal 3.25% fl-2009. Il-programm jistabbilixxi l-għan għaż-żmien mezzan (minn hawn 'il quddiem "MTO") għall-pożizzjoni tal-baġit bħala defiċit strutturali ta' bejn 0.5% u 1% tal-PGD, li l-programm ma jimmirax li jilħqu fil-perjodu tal-programm. L-MTO jaqa' fil-firxa indikata mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-kodiċi ta' mġiba, u huwa biss li jirrifletti adegwatament fit-tul it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni u l-proporzjon tad-dejn.

(11) Rigward ir-riżultat finanzjarju, hemm għadd ta' elementi fuq il-lat pożittiv. Parti kbira mill-miżuri ta' appoġġ għat-tnaqqis tad-defiċit fl-2006 u l-2007 jew diġà ġew adottati jew inkella huwa ppjanat li jiddaħħlu fil-baġit ta' l-2007. Barra minn hekk, f'dawn l-aħħar xhur il-Gvern ħa deċiżjonijiet dwar xi passi inizjali tar-riformi strutturali ppjanati. L-awtoritajiet Ungeriżi, barra minn dan, iddeċidew li jtejbu l-proċess tal-baġit billi, mill-2007 'l quddiem, idaħħlu regola dwar il-kontroll ta' l-infiq u ppjanar multijannwali ta' l-infiq għall-istituzzjonijiet tal-baġit. Fl-programm jimpenjaw irwieħhom ukoll li jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lil-Kunsill darbtejn fis-sena dwar żviluppi fil-baġit, u li jħabbru passi korrettivi jekk jaqgħu lura fl-ilħiq tal-miri. Madankollu, hemm ukoll riskji importanti. Għad hemm xi inċertezza dwar l-infurzar effettiv tal-friżijiet ippjanati fl-infiq għall-2007 u l-2008, kif ukoll dwar it-trażżin taż-żidiet fl-infiq f'oqsma li jaqgħux taħt dawn il-friżijiet. Barra minn hekk, minkejja l-miżuri ppjanati, l-ilħiq tal-miri finanzjarji fis-snin l-aktar imbiegħda jista' jkun suġġett għal riskji importanti. Minkejja li r-riskji għan-naħa tad-dħul li jirriżultaw mix-xenarju makroekonomiku ġeneralment x'aktarx jidhru li huma bbilanċjati, id-dħul mistenni fis-snin l-iktar imbiegħda, u speċjalment fl-2009, huma pjuttost ottimistiċi, ħaġa li torbot ukoll mal-projezzjonijiet ottimistiċi għall-impjiegi. Barra minn dan, il-kontroll istituzzjonali dgħajjef fuq il-proċess tal-baġit, minbarra l-istorja pjuttost insodisfaċenti u n-nuqqas ta' tagħrif preċiż dwar kif se jintlaħaq fil-ġejjieni, jesponi lill-finanzi pubbliċi għal nuqqas ta' lħiq tal-miri. Għaldaqstant, it-tnaqqis maħsub fid-defiċit jiddependi fuq l-implimentazzjoni rigoruża tar-riformi strutturali u l-kontoll ta' l-infiq li huma ppjanati, sa mis-snin bikrija tal-programm. Fl-aħħarnett, ma jistax jiġi eskluż li l-Gvern jieħu fuqu d-dejn ta' kważi 2% tal-PGD li akkumulawh il-kumpaniji pubbliċi tat-trasport minn tmiem l-2002 (ġaladarba dan sar regolarment fl-imgħoddi): dan kieku jkollu effett temporanju fuq id-defiċit. Kollox ma' kollox, ir-riżultat finanzjarju jaf ikun agħar minn dak ipprojettat fil-programm, sew fl-immedjat kif ukoll fis-snin imbiegħda tiegħu.

(12) Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tar-riskji ta' hawn fuq, il-korrezzjoni ppjanata tad-defiċit eċċessiv sa l-2009, fuq bażi sostenibbli, titlob li l-Gvern jilħaq il-miri tal-baġit b'mod strett. Dan jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri kollha mħabbra fil-programm għas-snin 2006 sa 2009, kif ukoll fuq deċiżjonijiet f'waqthom dwar riformi strutturali u l-kontroll ta' l-infiq, u l-implimentazzjoni tagħhom.

(13) Skond il-projezzjonijiet tal-programm, il-proporzjon tad-dejn mal-PGD fl-2006 jitla' sa 68.5% (minn 62.3% fl-2005), 'il fuq mill-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 60% tal-PGD. Il-programm jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn ikompli tiela' għal 71.3% fl-2007 u għal 72.3% fl-2008 Il-proporzjon mistenni li ma jibdiex imajna qabel l-2007, għal 70.4%. Ir-riskji għar-rotta maħsuba joħorġu primarjament mir-riskji, msemmija hawn fuq, ta' defiċit ogħla mill-mistenni, inkluż minħabba l-possibbiltà li gvern jieħu fuqu d-dejn tal-kumpaniji pubbliċi tat-trasport. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tar-riskji, il-proporzjon tad-dejn ma jkunx qed jonqos biżżejjed lejn il-valur ta' referenza matul il-perjodu tal-programm.

(14) L-Ungerija tidher li tinsab esposta ħafna għar-riskju rigward is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Il-pożizzjoni finanzjarja dgħajfa ħafna, flimkien mal-proporzjon għoli u tiela' tad-dejn, jikkostitwixxu riskju notevoli għal finanzi pubbliċi sostenibbli, anki mingħajr ma jitqies l-impatt finanzjarju fit-tul ta' popolazzjoni li qed tixjieħ. Barra minn hekk, l-impatt finanzjarju fit-tul ta' popolazzjoni Ungeriża li qed tixjieħ huwa ogħla sew mill-medja fl-UE, partikolarment taħt l-influwenza ta' żieda sinifikanti fl-infiq fuq il-pensjonijiet bħala proporzjon tal-PGD fit-tul. It-twettiq ta' konsolidament kbir tal-finanzi pubbliċi fiż-żmien mezzan, kif huwa ppjanat, u l-issuktar tat-tisħiħ tal-pożizzjoni finanzjarja wara dak, flimkien mat-trattament taż-żidiet sinifikanti fl-infiq fuq il-pensjonijiet, għaldaqstant huma meħtieġa biex qatt jitnaqqsu dawn ir-riskji.

(15) Filwaqt li kien hemm tħassir serju fil-finanzi pubbliċi fl-2005 u speċjalment fl-2006, li tellef il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv skond ir-rotta ppjanata, il-miżuri previsti fil-programm, jekk jiġu għal kollox speċifikati u implimentati, huma ġeneralment konsistenti mal-linji ta' gwida ġenerali tal-politika ekonomika inklużi fil-linji ta' gwida integrati [18]. B'mod partikolari, l-Ungerija biħsiebha tieħu azzjonijiet effikaċi biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv, u biex timplimenta riformi bil-għan li ssaħħaħ id-dixxiplina fiskali u tqawwi t-trasparenza. Dawn il-miżuri għandhom jagħtu wkoll kontribut biex jikkorreġu d-defiċit għoli fil-kont kurrenti. Madankollu, biex jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali, jeħtiġilhom l-appoġġ ta' riformi strutturali.

(16) Mar-Rapport ta' Implimentazzjoni li għandu jitressaq sa nofs Ottubru 2006 fil-kuntest ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, il-Gvern ta' l-Ungerija biħsiebu jagħmel reviżjoni sostanzjali tal-pjanijiet ta' riforma li kien hemm fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma (NRP) ta' Ottubru 2005, biex jirriflettu aħjar l-istrateġija l-ġdida tal-gvern. L-NRP ta' Ottubru 2005 identifika l-isfidi ewlenin li ġejjin li għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-finanzi pubbliċi: (a) li jitnaqqas id-defiċit fiskali, (b) li tittejjeb l-infrastruttura u (c) li tikber ir-rata ta' l-attività u dik ta' l-impjiegi, u jittejjeb il-kapital uman. L-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza jiddeskrivi pjanijiet u miżuri biex jiġu ristrutturati s-sistemi ta' l-amministrazzjoni pubblika, tas-saħħa, tal-pensjonijiet u ta' l-edukazzjoni pubblika. B'mod partikolari, sa l-2007, il-programm jipprevedi t-teħid ta' miżuri biex tiċċekken l-amministrazzjoni pubblika, u biex l-effiċjenza tagħha tittejjeb permezz ta' l-isfruttament ta' ekonomiji ta' l-iskala; biex is-sussidji jintrabtu ma' verifiki tal-mezzi; biex jiġu ristrutturati s-sussidji farmaċewtiċi u biex il-prodotti farmaċewtiċi jiġu parzjalment liberalizzati; u biex jiddaħħlu l-kopagamenti għas-servizzi tas-saħħa. Barra minn hekk, sa l-2007, għandhom jitressqu quddiem il-Parlament proposti ta' liġijiet bil-għan li: jgħollu l-età ta' l-irtirar u jnaqqsu l-irtirar bikri billi jittejbu l-iskemi ta' inċentivi u titfassal mill-ġdid is-sistema tal-pensjonijiet tad-diżabbiltà; li s-servizzi tas-saħħa jinġiebu fuq bażi stretta ta' assigurazzjoni u jiġu rrazzjonalizzati l-provvista u l-użu ta' dawn is-servizzi; li l-edukazzjoni pubblika tiġi ristrutturata. Dawn il-pjanijiet għad iridu jiġu ssostanzjati. Il-programm jikkomplementa dawn il-pjanijiet permezz ta' titjibiet previsti fl-aspetti istituzzjonali tal-qafas tal-finanzi pubbliċi.

Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni ta' hawn fuq, id-defiċit ġenerali għoli tal-gvern fl-Ungerija, li huwa mistenni għall-2006, jagħti lok għal tħassib serju. Għaldaqstant huwa pożittiv li l-awtoritajiet Ungeriżi, fl-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza ta' Settembru 2006, jagħtu prijorità lit-tnaqqis tad-defiċit eċċessiv permezz ta' sforz sostanzjali u kkonċentrat fuq il-bidu tal-perjodu, u jikkommettu rwieħhom li darbtejn fis-sena jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-progress u l-azzjonijiet mittieħda biex jibqgħu fuq ir-rotta. Filwaqt li ttieħdu passi inizjali importanti biex jinkiseb dħul addizzjonali u biex jitnaqqas l-infiq bil-għan li tintlaħaq il-mira l-ġdida tad-defiċit, kif ukoll tħabbru pjanijiet biex jitjieb il-kontroll ta' l-infiq u jsiru riformi strutturali b'appoġġ tar-rotta ta' aġġustament, għad baqa' riskji għall-ilħiq ta' din ta' l-aħħar, sew fl-immedjat kif ukoll fis-snin l-iktar imbiegħda tal-programm. It-tnaqqis previst tad-defiċit għalhekk jiddependi mill-implimentazzjoni rigoruża tar-riformi strutturali ppjanati, mill-infurzar tal-kontrolli fuq l-infiq sa mis-snin bikrija tal-programm, kif ukoll minn tisħiħ ta' l-istruttura istituzzjonali tal-finanzi pubbliċi fl-Ungerija, ilkoll aspetti li jkun f'loku li fihom il-Gvern Ungeriż jiżgura li jagħmel ħiltu kollha.

Rakkomandazzjoni indirizzata lill-Ungerija biex din tindirizza l-iżbilanċi kbar tal-baġit qed tiġi adottata fl-istess waqt, taħt l-Artikolu 104(7) tat-Trattat tal-KE.

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL LILL-UNGERIJA

bil-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern tinġieb fi tmiemha

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 104(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 104 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċit eċċessiv tal-gvern.

(2) Il-Patt ta' Stabbiltà u ta' Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta' finanzi sodi tal-gvern bħala mezz sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà fil-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien ta' l-impjiegi

(3) Fil-5 ta' Lulju, il-Kunsill iddeċieda, skond l-Artikolu 104(6), li hemm defiċit eċċessiv fl-Ungerija.

(4) Wara li ddeċieda dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fl-Ungerija, il-Kunsill, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tħaffif u l-kjarifika ta' l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv [19], irrakkomanda li l-awtoritajiet Ungeriżi jieħdu azzjoni f'qafas tat-terminu medju sabiex id-defiċit jinġieb taħt 3% tal-PGD fl-2008 b'mod kredibbli u sostenibbli, skond ir-rotta għat-tnaqqis tad-defiċit kif speċifikata fl-Opinjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004 dwar il-programm ta' konverġenza ppreżentat f'Mejju 2004. B'mod partikolari, irrakkomanda li l-awtoritajiet Ungeriżi jieħdu azzjoni effikaċi sa Novembru 2004 rigward il-miżuri previsti għall-ilħiq tal-mira tad-defiċit għall-2005.

(5) Fit-18 ta' Jannar 2005, il-Kunsill, li aġixxa skond l-Artikolu 104(8) tat-Trattat, iddeċieda li l-Ungerija ma kenitx ħadet azzjoni effikaċi b'risposta għar-rakkomandazzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2004, partikolarment ġaladarba kien mistenni li l-mira tad-defiċit għall-2005 ma tintlaħaqx b'marġni wiesa'.

(6) L-Ungerija, li ssieħbet mal-Komunità fl-1 ta' Mejju 2004, hija Stat Membru b'deroga, fit-tifsira ta' l-Artikolu 122(1) tat-Trattat, li jfisser li għandha tevita defiċit eċċessiv, iżda l-Artikoli 104(9) u 104(11) tat-Trattat ma japplikawx għaliha; rakkomandazzjonijiet ulterjuri jistgħu jiġu indirizzati lill-Ungerija biss abbażi ta' l-Artikolu 104(7).

(7) Fit-8 ta' Marzu 2005, abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u skond l-Artikolu 104(7), Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni ġdida lill-awtoritajiet Ungeriżi biex jieħdu azzjoni fil-qafas taż-żmien mezzan sabiex sa l-2008 iniżżlu d-defiċit sa taħt it-3% tal-PGD b'mod kredibbli u sostenibbli. Fit-8 ta' Novembru 2005, il-Kunsill iddeċieda għat-tieni darba, skond l-Artikolu 104(8) fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li l-azzjoni ta' l-Ungerija ma kenitx adegwata. Il-Kunsill f'dan qies partikolarment il-fatt li l-miri tad-defiċit ta' 3.6% tal-PGD fl-2005 u 2.9% tal-PGD fl-2006 (mingħajr il-piż li joħroġ mir-riforma tal-pensjonijiet ta' l-1998) [20] ma kenitx sejra tintlaħaq, u dan b'marġni wiesa', u li l-implimentazzjoni tat-tnaqqis fit-taxxi b'bidu mill-2006 kien imur kontra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(8) Skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, rakkomandazzjoni magħmula skond l-Artikolu 104(7) għandha tispeċifika li azzjoni effikaċi għandha tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat fi żmien erba' xhur u li , sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi speċjali, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għandha titlesta fis-sena ta' wara li jkun ġie identifikat. Fejn jeżistu ċirkustanzi speċjali, l-Istat Membru kkonċernat jista' jitħalla jikkoreġi d-defiċit eċċessiv f'qafas taż-żmien mezzan. Ċirkustanzi speċjali bħal dawn – speċifikament id-daqs tad-defiċit u l-bidla strutturali li minnha għaddejja l-ekonomija – tqiesu li kienu jeżistu fl-Ungerija meta din tqiegħdet f'defiċit eċċessiv, u għalhekk ġie stabbilit qafas gall-korrezzjoni tiegħu sa l-2008, f'konformità ma' l-istrateġija ta' l-Ungerija mfissra fil-programm ta' konverġenza ta' Mejju 2004.

(9) L-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza, li l-Ungerija ressqitu fl-1 ta' Settembru 2006 b'risposta għall-istedina fl-Opinjoni tal-Kunsill ta' Jannar 2006 dwar l-aġġornament tal-programm ta' konverġenza ta' Diċembru 2005, jipprovdi qafas rivedut għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fiż-żmien mezzan. L-aġġornament aġġustat għandu l-mira li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa l-2009, sena aktar tard milli fil-programm preċedenti. Il-miri annwali għad-defiċit ġenerali tal-gvern fl-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza huma dawn li ġejjin: 10.1% tal-PGD fl-2006, 6.8% fl-2007, 4.3% fl- 2008 u 3.2% fl-2009. Dawn iċ-ċifri jinkludu l-piż tar-riforma tal-pensjonijiet, u b'hekk jaqta' l-prassi li kienet segwita fl-aġġornamenti tal-programm ta' konverġenza ta' Diċembru 2004 u Diċembru 2005. L-awtoritajiet Ungeriżi għaldaqstant iddeċidew li ma pajjiżhom ma jibqax jibbenefika mill-perjodu tranżitorju dwar il-klassifika settorjali ta' l-iskemi tal-pensjonijiet li ngħata mill-Eurostat fit-23 ta' Settembru 2004, u li hekk jew b'hekk sejjer jiskadi fl-1 ta' April 2007. It-tnaqqis ippjanat fid-defiċit nominali għandu jintlaħaq billi l-proporzjon bejn id-dħul u l-PGD jiżdied bi 3 punti perċentwali, u billi l-proporzjon bejn l-infiq u l-GDP jitnaqqas bi 3.9 punti perċentwali matul il-perjodu tal-programm. Huwa ppjanat li l-bilanċ strutturali (jiġifieri l-bilanċ aġġustat għaċ-ċiklu bl-esklużjoni tal-miżuri ta' darba u temporanji oħra), wara tħassir fl-2006 stmat għal madwar 2 punti perċentwali tal-PGD, jittejjeb b'madwar 6.5% tal-PGD matul il-perjodu 2006-2009. Madwar nofs dan it-titjib sostanzjali ppjanat li jsir fl-2007. Wara l-korrezzjoni mistennija tad-defiċit eċċessiv, l-aġġustament mistenni li jissokta lejn l-ilħiq tal-mira għall-pożizzjoni tal-baġit taż-żmien mezzan, li hija stabbilita bħala defiċit strutturali bejn 0.5% u 1% tal-PGD. Il-proporzjon tad-dejn ikompli tiela' għal 72.3% tal-PGD sa l-2008, 'il fuq sew mill-valur ta' referenza ta' 60% tal-PGD, u huwa ppjanat li jibda jonqos biss mill-2009.

(10) Fl-Opinjoni tiegħu ta' l-[10 ta' Ottubru 2006] dwar l-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza ta' Settembru 2006, il-Kunsill jirrevedi l-pjanijiet ta' l-awtoritajiet Ungeriżi għat-tnaqqis tad-defiċit, inkluż permezz ta' programm ta' riformi strutturali. Ittieħdu passi inizjali importanti fl-2006 biex jinkiseb dħul addizzjonali u biex jitnaqqas l-infiq bil-għan li tintlaħaq il-mira tad-defiċit ta' l-2007. Barra minn hekk ġew imħabbra pjanijiet għat-tisħiħ tad-dixxiplina finanzjarja (permezz ta' kontabilità aktar trasparenti, kif ukoll l-introduzzjoni ta' livelli massimi multijannwali ta' nfiq u regola dwar l-infiq) u għat-twettiq ta' riformi strutturali. Madankollu, għad hemm riskji sew fiż-żmien mezzan kif ukoll fis-snin l-imbiegħda tal-programm. B'mod partikolari, għad hemm inċertezza konsiderevoli dwar l-infurzar effettiv ta' l-iffriżar ippjanat fl-infiq, u b'mod aktar ġenerali, dwar it-trażżin ta' żidiet fl-infiq. Barra minn dan, minkejja l-miżuri ppjanati, l-ilħiq tal-miri tal-baġit fis-snin imbiegħda tal-programm jista' jkun f'riskju, fid-dawl ta' qafas istituzzjonali dgħajjef għall-proċess tal-baġit, tal-fatt li r-regoli fiskali mħabbra għadhom ma ġewx speċifikati għal kollox kif ukoll ta' evdienza ripetuta ta' okkażjonijiet sostanzjali ta' nuqqas ta' lħiq tal-miri fil-finanzi pubbliċi. L-Ungerija titqies li hija esposta għal riskju għoli fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, li tirrikjedi konsolidament kbir fiż-żmien mezzan, kif inhu ppjanat, u tisħiħ ulterjuri tal-pożizzjoni finanzjarja minn hemm 'il quddiem. L-Opinjoni tinnota wkoll li l-awtoritajiet Ungeriżi jikkommettu rwieħhom li jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lil-Kunsill darbtejn fis-sena dwar żviluppi fil-baġit, u li jħabbru passi korrettivi jekk jaqgħu lura fl-ilħiq tal-miri.

(11) Ġeneralment, il-miżuri ta' konsolidament tal-baġit għandhom iwasslu għal titjib fit-tul fil-bilanċ ġenerali tal-gvern, filwaqt li jkun immirat lejn it-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi u t-tisħiħ tal-potenzjal ta' tkabbir ta' l-ekonomija. Fil-każ ta' l-Ungerija, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv jeħtiġilha tkun inkwadrata fi strateġija komprensiva ta' riforma, inklużi r-riformi tas-sistemi ta' l-amministrazzjoni pubblika, tas-saħħa, tal-pensjonijiet u ta' l-edukazzjoni, kif ukoll miżuri għat-titjib tal-kontroll fuq il-baġit.

(12) Filwaqt li l-korrezzjoni oriġinali tad-defiċit kellha sseħħ fi ħdan qafas ta' żmien mezzan li kellu jintemm fl-2008, id-data tal-mira ma għadhiex tista' titqies realistika, minħabba ż-żerżiq lura fl-ilħiq tal-miri tal-baġit fl-Ungerija, li, bi ksur tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, wassal għal żieda enormi fid-defiċit tal-gvern. Il-qafas taż-żmien mezzan il-ġdid għall-korrezzjoni, stabbilit fl-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza, jistabbilixxi l-2009 bħala l-iskadenza għall-korrezzjoni. Fid-dawl taż-żerżiq reċenti fl-ilħiq tal-miri, din l-iskadenza, li timplika korrezzjoni sostanzjali tad-defiċit strutturali b'aktar minn 6% tal-PGD matul tliet snin, tidher f'lokha.

(13) Għal dan il-għan, jidher li l-Gvern ta' l-Ungerija jeħtieġlu (i) jillimita t-tħassir tal-pożizzjoni fiskali fl-2006 billi jiżgura implimentazzjoni rigoruża tal-miżuri korrettivi adottati u mħabbra, kif ukoll billi jalloka għal din il-fini id-dħul mhux previst u ta' darba li jista' jkun hemm. Dan iwassal għal defiċit nominali ta' massimu ta' 10% tal-PGD fl-2006, li xorta jkun għadu eċċezzjonalment għoli; kif ukoll li (ii) jimplimenta rigorożament il-miżuri meħtieġa biex jiżgura korrezzjoni, sostanzjali u kkonċentrata fil-bidu tal-perjodu, tad-defiċit strutturali, permezz tat-teħid ta' pass sostanzjali ħafna fl-2007, segwit minn issuktar ta' sforzi sinifikanti ta' aġġustament sakemm tintlaħaq il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, fejn id-daqs ta' l-isforz ikun dak previst fl-Opinjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza; li jkun lest jadotta miżuri addizzjonali li jistgħu ikunu meħtieġa biex sa l-2009 tintlaħaq il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv; u wkoll li (iii) fil-liġijiet tal-baġit li jmiss, jinkorpora biżżejjed provvista ta' riservi biex jevita li jkun hemm żerżiq fl-ilħiq tal-miri, anki jekk jiġru ħwejjeġ mhux mistennija. Fl-istess waqt, jeħtieġ li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern jitqabbad kurva soda 'l isfel, f'konformità mar-rotta multijannwali għat-tnaqqis tad-defiċit stabbilita fil-programm ta' konverġenza, u dan preferibbilment qabel l-2009.

(14) Il-korrezzjoni ppjanata tad-defiċit eċċessiv sa l-2009 sejra tesiġi li l-Gvern jilħaq strettament il-miri finanzjarji tiegħu, u dan jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri kollha mħabbra fil-programm għas-snin 2006 sa 2009, kif ukoll fuq deċiżjonijiet f'waqthom dwar riformi strutturali u l-kontroll ta' l-infiq, u l-implimentazzjoni tagħhom.

(15) Il-Kummissjoni u l-Kunsill, skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni meħuda mill-Ungerija b'reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż abbażi tar-rapporti regolari mħabbra mill-awtoritajiet Ungeriżi.

B’DAN JIRRAKKOMANDA:

1. L-awtoritajiet Ungeriżi għandhom iġibu tmiem għall-qagħda preżenti ta' defiċit eċċessiv mill-aktar fis possibbli, u sa mhux aktar tard mill-2009.

2. L-awtoritajiet Ungeriżi għandhom inaqqsu d-defiċit b'mod kredibbli u sostenibbli, skond ir-rotta multijannwali għat-tnaqqis tad-defiċit kif speċifikata fl-Opinjoni tal-Kunsill ta' l-[10 ta' Ottubru 2006] dwar l-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza ppreżentat fl-1 ta' Settembru 2006. Għal dan il-għan, speċifikament, l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom:

(a) Jillimitaw it-tħassir fil-pożizzjoni fiskali fl-2006, billi jiżguraw implimentazzjoni rigoruża tal-miżuri korrettivi adottati u mħabbra, kif ukoll billi jallokaw għal din il-fini id-dħul mhux previst u ta' darba li jista' jkun hemm;

(b) Jimplimenta rigorożament il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw korrezzjoni, sostanzjali u kkonċentrata fil-bidu tal-perjodu, tad-defiċit strutturali, kif previst fil-programm aġġustat u fl-Opinjoni tal-Kunsill dwaru; Ikunu lesti jadottaw miżuri addizzjonali li jistgħu ikunu meħtieġa biex sa l-2009 tintlaħaq il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv;

(c) Jadottaw u jimplimentaw bil-ħeffa r-riformi ppjanati fis-sistemi ta' l-amministrazzjoni pubblika, tas-saħħa, tal-pensjonijiet u ta' l-edukazzjoni, bil-għan li l-infiq jitrażżan u jitnaqqas sa tmiem il-perjodu tal-programm, u lil hinn minnu, sabiex jiġi żgurat it-titjib fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

3. Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza ta' l-[10 ta' April 2007] għall-awtoritajiet Ungeriżi biex jieħdu azzjni effikaċi rigward il-miżuri għall-ilħiq tal-miri tad-defiċit għall-2006 u l-2007. B'mod partikolari, il-miżuri previsti għat-tnaqqis tad-defiċit għandhom ikunu għal kollox inkorporati fil-liġi tal-baġit ta' l-2007 u għandhom jiġu implimentati f'waqthom, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni stretta tat-tnaqqis kbir tad-defiċit ippjanat fl-2007. Barra minn hekk, il-liġi tal-baġit għandha tinkorpora biżżejjed provvista ta' riservi biex tevita li jkun hemm żerżiq fl-ilħiq tal-miri, anki jekk jiġru ħwejjeġ mhux mistennija.

4. L-awtoritajiet Ungeriżi għandhom jiżguraw li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern jitqabbad kurva soda 'l isfel, f'konformità mar-rotta multijannwali għat-tnaqqis tad-defiċit stabbilita fil-programm ta' konverġenza, u dan preferibbilment qabel l-2009.

5. L-awtoritajiet Ungeriżi għandhom itejbu l-kontroll fuq il-baġit billi jtejbu r-regoli fiskali, jiġifieri billi jispeċifikaw u jinfurzaw ir-regola dwar l-infiq u l-livelli massimi ta' nfiq ippjanati, kif ukoll billi jsaħħu l-qafas istituzzjonali.

Barra minn hekk, il-Kunsill lill-awtoritajiet Ungeriżi jistedinhom jiżguraw li l-konsolidament tal-baġit lejn il-mira taż-żmien mezzan ta' defiċit strutturali ta' bejn 0.5% sa 1% tal-PGD jibqa' sostnut wara li jkun ġie kkoreġut id-defiċit eċċessiv.

Il-Kunsill jilqa' l-impenn li ħadu fuqhom l-awtoritajiet Ungeriżi fl-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza ta' l-1 ta' Settembru 2006 li kull sitt xhur jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, li fihom jeżaminaw il-progress li jkun sar fil-konformità ma' din ir-Rakkomandazzjoni, bl-ewwel rapport mistenni sa l-1 ta' April 2007.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' l-Ungerija.

Magħmula fil-Lussemburgu, [l-10 ta' Ottubru 2006].

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1055/2005 (ĠU L 174, tad-7.7.2005, p. 1). Id-dokumenti kollha li għalihom jirreferi dan it-test huma disponibbli bl-Ingliż fis-sit:

- http://europa.eu.int/comm/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm

[2] L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Fianzjarju dwar "L-ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-linji ta' gwida dwar il-format u l-kontenut ta' programmi ta' stabbiltà u konverġenza", approvat mill-Kunsill ta' l-ECOFIN fil-11 ta' Ottubru 2005.

[3] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kid emendat mir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

[4] Dawn il-miri ma kenux jinkludu l-piż ħiereġ mir-riformi ta' l-1998 lis-sistema tal-pensjonijiet, minħabba li f'Diċembru 2004 l-awtoritajiet Ungeriżi ddeċidew li jagħmlu użu mid-deċiżjoni tal-Eurostat tat-23 ta' Settembru 2004 li tippermetti li l-iskemi tal-pensjonjiet tat-tieni pilastru jiġu kklassifikati fi ħdan is-settur governattiv għal perjodu tranżitorju san-notifika ta' l-1 ta' April 2007. Bl-użu ta' l-estimi l-aktar riċenti tal-kontribut tar-riforma tal-pensjonijiet, il-miri oriġinali għad-defiċit bl-inklużjoni tar-riforma tal-pensjonijiet kienu jkunu 5% tal-PGD u 4.5% tal-PGD rispettivament.

[5] Skond l-Artikolu 9(2) tas-sezzjoni 3 tar-Regolamnt tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 ta' Lulju 1997, kif emendat.

[6] Il-programm iforni d-data obbligatorji kollha preskritti mill-kodiċi l-ġdid ta' kondotta. Xi data fakultattivi huma neqsin. Jirrigwardaw primarjament l-infiq ġenerali tal-gvern skond il-funzoni, żviluppi fid-dejn tal-gvern u data dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

[7] Wara t-tressiq ta' l-aġġornament ta' l-2004 tal-programm tal-konverġenza f'Diċembru 2004, l-awtoritajiet Ungeriżiddeċidew li jirrappurtaw il-miri u l-istatistika fiskali bl-esklużjoni ta' l-ispejjeż tar-riforma fil-pensjonijiet. L-aġġornament aġġustat tal-programm ta' konverġenza din il-prattika temmha; l-Ungerija għaldaqstant iddeċidiet li ma tibqax tibbenefika mill-perjodu tranżitorju dwar il-klassifika settorjali ta' l-iskemi tal-pensjonijiet li ngħata mill-Eurostat fit-23 ta' Settembru 2004, u li hekk jew b'hekk sejjer jiskadi fl-1 ta' April 2007. Mingħajr il-piż tar-riforma tal-pensjonijiet, ir-riżultat tad-defiċit fl-2005 kien ikun 6.1% tal-PGD, filwaqt li l-mira għall-2006 kienet tkun 4.7% tal-PGD.

[8] L-istrateġija ta' tnaqqis fit-taxxi fuq medda ta' ħames snin il-Parlament approvaha fis-7 ta' Novembru 2005, u l-ewwel passi (l-aktar prominenti fosthom tnaqqis ta' 5 punti perċentwali fir-rata l-għolja tal-VAT) daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2006, u wasslu għal telf ta' dħul ta' madwar 1% tal-PGD fl-2006.

[9] Skond l-Artikolu 1(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1056/2005, jekk id-defiċit ġenerali tal-gvern "...ikun naqas sostanzjalment u b'mod kontinwu u jkun laħaq livell li joqrob lejn il-valur ta' referenza", il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iqisu digressivament l-ispiża netta ta' riforma tal-pensjonijiet li tkun tinkludi pilastru ffinanzjat kompletament. Għall-Ungerija, fl-2009 dan jikkorrispondi għal 20% ta' l-ispiża netta tar-riforma tal-pensjonijiet, jew madwar 0.3% tal-PGD.

[10] Dettalji dwar sostenibbiltà fit-tul jinsabu fl-evalwazzjoni teknika tal-programm min-naħa tas-servizzi tal-Kummissjoni (http://europa.eu.int/comm/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm).

[11] F'Lulju 2005, il-linji ta' gwida ekonomiċi ġenerali ġew integrati fil-linji ta' gwida integrati bħala parti mill-Istrateġija Msaħħa ta' Liżbona (ĠU L 205 6.8.2005).

[12] ĠU L 209, 2.8.1997, p.6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

[13] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1055/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 1). Id-dokumenti kollha li għalihom jirreferi dan it-test huma disponibbli bl-Ingliż fis-sit:

- http://europa.eu.int/comm/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm

[14] L-Ungerija ddeċidiet li ma tibqax tibbenefika mill-perjodu tranżitorju dwar il-klassifika settorjali ta' l-iskemi tal-pensjonijiet li ngħata mill-Eurostat fit-23 ta' Settembru 2004, u li hekk jew b'hekk sejjer jiskadi fl-1 ta' April 2007. Mingħajr il-piż tar-riforma tal-pensjonijiet, ir-riżultat tad-defiċit fl-2005 kien ikun 6/!% tal-PGD, filwaqt li l-mira għall-2006 kienet tkun 4.7% tal-PGD.

[15] Dan l-investiment oriġinalment kien previst li jsir minn PPPs (sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat) u li kellu jiġi rreġistrat lil hinn mill-baġit

[16] Il-programm iforni d-data obbligatorji kollha preskritti mill-kodiċi l-ġdid ta' kondotta. Xi data fakultattivi huma neqsin. Jirrigwardaw primarjament l-infiq ġenerali tal-gvern skond il-funzoni, żviluppi fid-dejn tal-gvern u data dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

[17] Skond l-Artikolu 1(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1056/2005, jekk id-defiċit ġenerali tal-gvern "...ikun naqas sostanzjalment u b'mod kontinwu u jkun laħaq livell li joqrob lejn il-valur ta' referenza", il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iqisu digressivament l-ispiża netta ta' riforma tal-pensjonijiet li tkun tinkludi pilastru ffinanzjat kompletament. Għall-Ungerija, fl-2009 dan jikkorrispondi għal 20% ta' l-ispiża netta tar-riforma tal-pensjonijiet, jew madwar 0.3% tal-PGD.

[18] F'Lulju 2005, il-linji ta' gwida ekonomiċi ġenerali ġew integrati fil-linji ta' gwida integrati bħala parti mill-Istrateġija Msaħħa ta' Liżbona (ĠU L 205 6.8.2005).

[19] ĠU L 209, 2.8.1997, p.6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

[20] Dawn il-miri ma kenux jinkludu l-piż ħiereġ mir-riformi ta' l-1998 lis-sistema tal-pensjonijiet, minħabba li f'Diċembru 2004 l-awtoritajiet Ungeriżi ddeċidew li jagħmlu użu mid-deċiżjoni tal-Eurostat tat-23 ta' Settembru 2004 li tippermetti li l-iskemi tal-pensjonjiet tat-tieni pilastru jiġu kklassifikati fi ħdan is-settur ġenerali governattiv għal perjodu tranżitorju san-notifika ta' Marzu 2007. Bl-użu ta' l-estimi l-aktar riċenti tal-kontribut tar-riforma tal-pensjonijiet, il-miri oriġinali għad-defiċit bl-inklużjoni tar-riforma tal-pensjonijiet kienu jkunu 5% tal-PGD u 4.5% tal-PGD rispettivament.

--------------------------------------------------