52006SC0950

Dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni - Sinteżi eżekuttiva - Valutazzjoni ta’ l-impatt għall-proposta ta’ regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament (KE) nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u li jistabbilixxi r-regoli dwar il-liġi applikappli fi kwistjonijiet matrimonjalI {KUMM(2006) 399 finali} {SEG(2006) 949} /* SEK/2006/0950 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.7.2006

SEG(2006) 950

DOKUMENT TA’ ĦIDMA MILL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SINTEŻI EŻEKUTTIVA

VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT GĦALL-PROPOSTA TA’ REGOLAMENT TAL-KUNSILL LI JEMENDA R-REGOLAMENT (KE) Nru 2201/2003 DWAR IL-ĠURISDIZZJONI U LI JISTABBILIXXI R-REGOLI DWAR IL-LIĠI APPLIKAPPLI FI KWISTJONIJIET MATRIMONJALI{KUMM(2006) 399 finali}{SEG(2006) 949}

VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT GĦALL-PROPOSTA TA’ REGOLAMENT TAL-KUNSILL LI JEMENDA R-REGOLAMENT (KE) Nru 2201/2003 DWAR IL-ĠURISDIZZJONI U LI JISTABBLIXXI R-REGOLI DWAR IL-LIĠI APPLIKAPPLI FI KWISTJONIJIET MATRIMONJALI

SINTEŻI EŻEKUTTIVA

Din il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt, li tikkonċerna l-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet tad-divorzju tfasslet fuq il-bażi ta’ studju ppreparat għall-Kummissjoni minn kuntrattur estern[1]. Din tiddiskrivi l-problemi li l-koppji internazzjonali jistgħu jiltaqgħu magħhom meta jkunu jridu jħollu ż-żwieġ tagħhom u tistabbilixxi l-għanijiet politiċi tal-proposta: li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u l-previdibilità, tiżdied il-flessibilità u l-awtonomija tal-partijiet, tipprevjeni l-“għaġġla lejn il-qorti” u tiżgura l-aċċess għall-ġustizzja.

Il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt tidentifika dawn il-problemi fis-sitwazzjoni kurrenti:

- id-diffikultajiet għall-kunjugi li jipprevedu liema liġi tapplika fil-proċedimenti matrimonjali;

- in-nuqqas ta’ flessibilità għall-konjugi fl-għażla tagħhom tal-liġi u tal-qorti kompetenti;

- ir-riskju ta' “għaġġla lejn il-qorti” minn wieħed mill-konjugi u

- id-diffikultajiet għall-koppji ta’ nazzjonalitajiet differenti li jgħixu fi Stati terzi.

Il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt tanalizza l-problemi t’hawn fuq u tippreżenta sitt għażliet politiċi: (1) status quo (2) iktar ko-operazzjoni bejn l-Istati Membri, (3) l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet u l-introduzzjoni ta’ possibbiltà limitata għall-konjugi li jagħżlu l-liġi applikabbli, (4) ir-reviżjoni tar-regoli ta’ kompetenza fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill 2201/2003, (5) l-għoti ta’ possibbiltà limitata lill-konjugi li jagħżlu l-qorti kompetenti u (6) ir-reviżjoni tar-regola ta’ kompetenza residwa fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill 2201/2003.

Analiżi tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-sitt għażliet politiċi twassal għall-konklużjoni li l-ebda waħda mill-għażliet ma tindirizza bis-sħiħ il-problemi kollha, iżda r-rispons l-iktar effikaċi jkun li jingħaqdu diversi għażliet politiċi. L-għażla politika preferuta hija li jiġu armonizzati r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet u li tingħata l-possibbiltà limitata lill-konjugi li jagħżlu l-liġi applikabbli (għażla politika 3), li l-konjugi tingħatalhom possibbiltà limitata li jagħżlu l-ġurisdizzjoni (għażla politika 5) u li jkunu adottati regoli komuni dwar il-kompetenza residwa biex iċ-ċittadini li jgħixu fi Stati terżi jkunu żgurati l-aċċess fil-qorti (għażla politika 6).

Il-mobilità li dejjem tiżdied taċ-ċittadini fil-Unjoni Ewropea rriżultat f’żieda fin-numru ta’ żwiġijiet internazzjonali fejn il-konjugi huma ta’ nazzjonalità differenti jew jgħixu fi Stati Membri differenti jew jgħixu fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu. Parti 3 tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt tippreżenta ħarsa ġenerali estensiva tan-numru ta’ divorzji u żwiġijiet internazzjonali fl-UE bbażata fuq data mill-uffiċċji ta’ l-istatistika ta’ l-Istati Membri.

[1] Ara “Studju qabel valutazzjoni ta’ l-impatt tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli fi kwistjonijiet tad-divorzju”, imfassal mill-Konsorzju għall-Valutazzjoni tal-Linji ta’ Politika Ewropej (EPEC), dinponibbli fuq dan il-websajt: http://europa.eu.int/comm/justice_home/news/consulting_public/news_consulting_public_en.htm.