Dokument ta' ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni - Rapport fil-qosor dwar l-istima ta’ l-impatt għal Regolament li jissostitwixxi d-Direttiva 91/414/KEE dwar prodotti ta’ ħarsien għall-pjanti {KUMM(2006) 388 finali} {SEG(2006) 931} /* SEG/2006/0930 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 12.7.2006 SEG(2006) 930 DOKUMENT TA' ĦIDMA TA’ L-ISTAFF TAL-KUMMISSJONI Rapport fil-qosor dwar L-ISTIMA TA’ L-IMPATT GĦAL REGOLAMENT LI JISSOSTITWIXXI D-DIRETTIVA 91/414/KEE DWAR PRODOTTI TA’ ĦARSIEN GĦALL-PJANTI {KUMM(2006) 388 finali}{SEG(2006) 931} 1. KWISTJONIJIET TA’ PROċEDURA U KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI Il-partijiet interessati ewlenin li għandhom x’jaqsmu mad-Direttiva li temenda 91/414/KEE ġew ikkonsultati u huma ħadu sehem fil-laqgħat fl-2002, l-2004 u fl-2006 u f’konsultazzjoni bil-miktub fl-2005. Fl-2005, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni online ta’ Tfassil ta’ Politika Interattiva (Interactive Policy Making (IPM)) mal-pubbliku ġenerali. Ġie stabbilit Grupp ta’ Direzzjoni ta’ Inter-Servizzi tal-Kummissjoni fl-2005/l-2006. Twettqet ukoll analiżi addizzjonali fil-fond fuq l-impatt dwar il-proposta ta’ Piż Amministrattiv fuq l-awtoritaijiet ta’ l-Istati Membri kif ukoll fuq l-operaturi kummerċjali. 2. ID-DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA L-użu tal-prodotti ta' ħarsien għall-pjanti (Plant Protection Products (PPP)) jista' joħloq riskji u perikli għall-bniedem, għall-annimali u għall-ambjent, speċjalment jekk dawn jiġu introdotti fis-suq mingħajr ma jkunu ġew ittestjati u awtorizzati uffiċjalment u jekk jintużaw b'mod żbaljat. Għalhekk għandhom jiġu adottati regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq tal-PPP. Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (“id-Direttiva”) li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ ħarsien għall-pjanti daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Lulju 1993 u tipprevedi r-regoli armonizzati li jiddeterminaw il-PPP u s-sustanzi attivi f’ dawk il-prodotti. Wara 13-il sena ta’ esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tad-Direttiva u mill-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi ta’ dan l-aħħar, jidher li l-istrateġija bażika tad-Direttiva għadha aċċettabbli iżda li s-sistema hija mgħobbija żżejjed u l-effiċjenza mhijiex sodisfaċenti. Għalhekk huwa meqjus meħtieġ li jittieħdu xi miżuri korrettivi magħmula biex jaġġustaw il-politika dwar il-PPP fil-politiki eżistenti ta’ l-UE f’dan il-qasam, biex tittejjeb l-effiċjenza jew/u għall-introduzzjoni ta' xi azzjonijiet ġodda ta’ politika filwaqt li jinżamm il-prinċipju bażiku li huwa l-livell għoli ta' ħarsien għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimal u l-ħarsien ta' l-ambjent. Għadd ta’ partijiet interessati eż. bdiewa u utilizzaturi ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, l-industrija tal-pestiċidi, il-kosumaturi, l-Istati Membri jew il-pubbliku ġenerali, jistgħu jiġu affettwati konsiderevolment b' diversi modi. L-Istima ta’ l-Impatt tinkludi analiżi ddettaljata tal-qagħda attwali u tal-problemi li qed ifiġġu għad-diversi partijiet interessati. 3. GħANIJIET Fid-dawl tal-problemi mfissra hawn fuq, l-għanijiet ewlenin huma dawn li ġejjin: ( Estendi u approfondixxi s-suq uniku, biex tiżgura swieq miftuħa u kompetittivi ġewwa u barra l-Ewropa, skond l-Istrateġija ta’ Liżbona; ( żid l-effiċjenza tas-sistema permezz tas-semplifikazzjoni, definizzjoni u normalizzazzjoni aħjar tal-proċeduri; ( żid il-livell ta’ armonizzazzjoni madwar l-UE; ( Ippreżenta test li jirrifletti l-politika ta’ l-UE eżistenti fl-istess qasam tas-suġġett żviluppat sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 91/414/KEE, waqt li tagħti każ ukoll tal-proċess ta’ konsultazzjoni għaddej dwar Strateġija Tematika fuq l-użu sostenibbli tal-pestiċidi. Biex jinkisbu l-għanijiet ewlenin ġew identifikati bosta għażliet ta’ politika. L-evalwazzjoni fil-fond kienet iffukata fuq serje ta’ ħames azzjonijiet prinċipali ta’ politika. 4. GħAżLIET TA’ POLITIKA Azzjoni ta’ Politika 1: Awtorizzazzjoni ta’ PPP li fih sustanza attiva ġdida/awtorizzazzjoni nazzjonali proviżorja Problemi attwali: Sabiex jiġi evitat id-dewmien fl-introduzzjoni fis-suq tal-PPP li fihom sustanzi attivi ġodda (SA), l-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet proviżorji wara li jkun tressaq inkartament komplut. Is-sistema, madankollu, wasslet għal duplikazzjoni ta’ sforzi amministrattivi ta’ l-awtoritajiet u ta’ l-applikanti kompetenti u għal differenzi fid-disponibilità ta’ PPP bejn is-swieq ta’ l-Istati Membri. Għażliet ta’ politika ( Għażla A: L-ebda azzjoni mill-UE (Status Quo): Proċedura ċċentralizzata għall-evalwazzjoni ta’ SA ġodda mingħajr limitu ta’ żmien li jorbot ( għażla A1 ). L-ebda awtorizzazzjoni nazzjonali proviżorja (ANP) wara l-2007 ( għażla A2 ); ( Għażla B: Proċedura ċċentralizzata għall-evalwazzjoni ta’ SA ġodda b’ limitu ta’ żmien li jorbot. L-ebda awtorizzazzjoni nazzjonali provviżorja. Żewġ strateġijia alternattivi: awtorizzazzjoni sekwenzjali, fejn l-awtorizzazzjoni tal-PPP tingħata biss wara d-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni ta' SA ( għażla B1 ); jew awtorizzazzjoni parallela, hawnhekk l-awtorizzazzjoni tal-PPP titħejja waqt l-evalwazzjoni ta' SA u tidħol fis-seħħ immedjatament wara l-approvazzjoni ( għażla B2 ); ( Għażla C: Żomm l-awtorizzazzjoni proviżorja nazzjonali wara l-Abbozz ta' Rapport ta' Evalwazzjoni. Analiżi ta’ l-impatti: Piż amministrattiv L-għażliet A, B1 jew B2 għandhom inaqqsu d-duplikazzjoni attwali ta’ l-isforzi amministrattivi kemm għall-industrija kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li l-għażla C tkompliha. Dan jista’ jwassal ukoll għal nuqqas ta’ inċentiv kontinwu min-naħa ta’ l-applikant biex jiffinalizza l-proċedura ta’ approvazzjoni wara li tingħata l-awtorizzazzjoni nazzjonali proviżorja. Spejjeż indiretti għall-utilizzaturi tal-PPP L-għażliet A u C mhumiex mistennija li jwasslu għal xi impatt addizzjonali negattiv jew pożittiv, filwaqt li l-għażliet B1 jew B2 jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-ispejjeż indiretti għall-utilizzaturi tal-PPP. L-għażla B2 ma taffettwax il-preżentazzjoni kronoliġika ta’ l-awtorizzazzjoni u m'hi mistennija li jkollha l-ebda impatt. Investiment tal-produtturi tal-PPP fir-Riċerka u l-Iżvilupp L-impatti fuq l-investiment tal-produtturi tal-PPP fir-Riċerka u l-Iżvilupp ġew ikkalkulati bl-għajnuna ta’ mudell (bi skont) taċ-ċirkolazzjoni tal-flus. Bl-għażliet B2 jew C it-tnedija tal-prodott m’għandhiex tinbidel b’mod konsiderevoli, taħt l-għażliet A2 jew B1 tista’ tittardja, meta mqabbla ma’ l-istatus quo, rispettivament. Dewmien fit-tnedija ta’prodott jista' jaffettwa l-iżvilupp ta' prodott ġdid. Kompetittività fl-industrija tal-PPP ta’ l-UE Kwalunkwe żieda fid-dewmien tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tista’ ġġib magħha żvantaġġi għall-prodott il-ġdid (hawnhekk: l-iżvilupp ta’ SA); dan għandu mnejn ikun il-każ b’mod partikolari għall-għażla A2. Fil-każ ta’ semplifikazzjoni tal-proċess (l-għażla B), il-preżentazzjoni kronoloġika b’mod ċar hija kruċjali (B2). Madankollu, xi fatturi importanti li jinfluwenzaw id-dewmien tal-proċess ta’ evalwazzjoni/awtorizzazzjoni ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Komunità. L-impjiegi, l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem Impatti żgħar biss jidhru possibbli taħt l-għażliet kollha. Il-provenjenza transkonfinali mhux awtorizzata tal-PPP Is-sistema ta’ l-NPA hija waħda mill-fatturi li tikkontribwixxi għall-frammentazzjoni tas-suq tal-PPP ta’ l-UE, li tista’ twassal għal provenjenza transkonfinali mhux awtorizzata tal-PPP. Għalhekk, impatti kemm xejn pożittivi huma possibbli taħt l-għażliet B u A2. Azzjoni ta’ Politika 2: Rikonoxximent reċiproku tal-PPP li fihom sustanza attiva diġà approvata Problemi attwali: Id-Direttiva 91/414/KEE fiha dispożizzjoni fakultattiva għall-Istati Membri biex jirrikonoxxu b’mod reċiproku l-awtorizzazzjonijiet tal-PPP, li ġiet applikata eċċezzjonalment biss fl-imgħoddi għal diversi raġunijiet. Dan wassal għal duplikazzjoni sinifikanti fil-ħidma u għal frammentazzjoni tas-suq għall-PPP fl-Ewropa. Għażliet ta’ politika ( Għażla A: L-ebda azzjoni mill-UE (Status Quo): Evalwazzjoni u awtorizzazzjoni nazzjonali tal-PPP b’rikonoxximent reċiproku fakultattiv; ( Għażla B: Evalwazzjoni taż-żona[1] u awtorizzazzjoni nazzjonali tal-PPP b’rikonoxximent reċiproku obbligatorju fi ħdan iż-żona. L-ebda miżuri nazzjonali ta’ trażżin ta’ riskju; ( Għażla C: Evalwazzjoni taż-żona u awtorizzazzjoni nazzjonali tal-PPP b’rikonoxximent reċiproku obbligatorju fi ħdan iż-żona. Iżda b’ miżuri nazzjonali ta’ trażżin ta’ riskju; ( Għażla D: Aġenzija ċentrali għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-PPP bl-użu ta’ riżorsi ta’ l-Istati Membri. Analiżi ta’ l-impatti: Piż amministrattiv Għall-għażliet kollha, hemm tnaqqis fil-piż amministrattiv f’dak li għandu x’jaqsam mal-grad ta’ ċentralizzazzjoni, b'mod partikolari għall-awtoritajiet iżda wkoll għall-industrija. Spejjeż indiretti għall-utilizzaturi tal-PPP Iż-żieda fil-livell ta’ ċentralizzazzjoni wisq probabbli jżid id-disponibilità tal-PPP. Żieda fin-numru ta’ PPP jista’ jkollha effetti pożittivi fuq l-ispejjeż indiretti għall-utilizzatur (aktar produzzjoni speċjalizzata, aktar kompetizzjoni fis-suq tal-PPP), b’effett pożittiv li jiżdied bil-mod il-mod minn għażla A għal D. Investiment tal-produtturi tal-PPP fir-Riċerka u l-Iżvilupp L-ebda impatt sinifikanti ma jista’ jkun previst, fuq il-bażi ta’ l-esperjenza b’rikonoxximent reċiproku s’issa. Kompetittività fl-industrija tal-PPP ta’ l-UE L-awtorizzazzjoni taż-żona tnaqqas ix-xkiel għad-dħul, billi l-isforzi amministrattivi jitnaqqsu biex tintlaħaq awtorizzazzjoni f'bosta Stati Membri. Jista’ jkun hemm tnaqqis fid-daqs tas-suq jekk tiġi applikata rata ta’ applikazzjoni aktar baxxa tul iż-żona kollha (inqas għall-għażla C). Aġenzija ċentrali tista’ tkun mistennija li jkollha l-istess impatti, iżda fuq skala akbar. Impjiegi Jista’ jiġu affettwati l-impjiegi fil-kumpaniji tar-Riċerka u l-Iżvilupp, jekk ir-rikonoxximent reċiproku jkun jista' jwassal għal dewmien fl-awtorizzazzjoni. Madankollu, l-esperjenza fl-Istati Membri li attwalment qegħdin japplikaw ir-rikonoxximent reċiproku ma tindikax riskju ta’ dewmien kbir. Dupplikazzjoni ta’ studji dwar annimali vertebrati L-għażliet B, C, u D għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-għadd ta' studji duplikati li jinvolvu l-ittestjar fuq l-annimali vertebrati, dejjem skond il-grad li fih il-leġiżlazzjoni ma tippermettix li dan jiġri bħalissau l-industrija tidduplika fil-fatt testijiet bħal dawn – kwistjoni li dwarha ma teżisti l-ebda dejta affidabbli fil-mument. Il-provenjenza transkonfinali mhux awtorizzata tal-PPP L-awtorizzazzjoni taż-żoni kif ukoll dik ċentrali għandhom b’definizzjoni jwasslu għal swieq nazzjonali aktar omoġenji. Suq aktar omoġenju għandu jnaqqas l-inċentivi għall-provenjenza transkonfinali mhux awtorizzata tal-PPP. L-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem L-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni nazzjonali jagħmluha eħfef li jitqiesu l-kundizzjonijiet lokali varji, iżda jikkontribwixxu wkoll sabiex jitkomplew l-inċentivi għall-provenjenza transkonfinali mhux awtorizzata tal-PPP bir-riskji potenzjali relatati. L-għażliet B, C u D jistgħu jnaqqsu r-riskji relatati ma’ dan. “Il-kalkolu tal-medja taż-żoni”, jiġifieri meta ma jitqisux il-kundizzjonijiet lokali partikolarment vulnerabbli, jista’ jkollu impatt negattiv taħt l-għażliet B u D. Azzjoni ta’ Politika 3: Evalwazzjoni Komparattiva tal-PPP Problemi attwali: Għalkemm ma hemm l-ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimal u l-ebda influwenza mhux aċċettabbli fuq l-ambjent identifikata minn użu awtorizzat ta' sustanzi attivi approvati (SA), approvazzjoni ta’ SA ma tfissirx li din hija mingħajr riskju. Evalwazzjoni komparattiva tista’ tgħin biex tnaqqas kemm jista' jkun il-perikli u r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent mill-użu tal-PPP. Għażliet ta’ politika: L-għażliet ta’ politika li ġejjin huma inklużi fl-Istima ta’ l-Impatt: ( Għażla A: L-ebda azzjoni mill-UE (Status Quo): L-ebda dispożizzjoni għal evalwazzjoni komparattiva; ( Għażla B: L-identifikazzjoni tal-kandidati għas-sostituzzjoni fil-livell ta’ l-UE msejsa fuq il-kriterji tal-perikli. Evalwazzjoni komparattiva tal-PPP fil-livell nazzjonali; ( L-għażla C: Evalwazzjoni komparattiva għall-PPP kollha f’livell nazzjonali meta ssir applikazzjoni għall-awtorizzazjoni, indipendenti mill-periklu tas-SA. Analiżi ta’ l-impatti: Piż amministrattiv L-evalwazzjoni komparattiva se titlob, għall-anqas matul il-medda qasira u dik medja taż-żmien, kontribut addizzjonali mill-personal għall-awtoritajiet. Mhux mistenni li xi għażla minn dawn se żżid fil-prattika l-ispejjeż tat-tressiq ta’ l-inkartament għall-industrija. Lanqas ma hija mistennija żieda fil-piż amministrattiv għall-utilizzaturi tal-PPP. Spejjeż indiretti għall-utilizzaturi tal-PPP L-evalwazzjoni komparattiva tista’ tnaqqas is-sehem tas-suq ta’ prodotti ġeneriċi u prodotti “aktar antiki” li jista’ possibilment iwassal għal żieda fil-prezz tal-PPP. Madankollu, il-limitu sa fejn dan iseħħ jiddependi minn kif l-evalwazzjoni komparattiva tiġi applikata fil-prattika. Investiment tal-produtturi tal-PPP fir-Riċerka u l-Iżvilupp, fl-Impjiegi Fattur sinifikanti li jaffettwa l-ekonomija ta’ żvilupp ta’ SA ġdida huwa l-attitudni lejn ir-riskju ta’ kumpanija, li tista’ tiġi influwenzata b’mod sinifikattiv mill-għadd ta’ SA affettwati potenzjalment minn evalwazzjoni komparattiva. Bl-għażla C li x’aktarx titqies bħala aktar riskjuża mill-għażla B, li hija x’aktarx titqies bħala aktar riskjuża mill-Għażla A, l-akbar impatt potenzjali fuq l-investiment u l-impjiegi se jiġi x’aktarx assoċjat ma’ l-għażla C. Kompetittività fl-industrija tal-PPP ta’ l-UE L-istatus quo hija l-aktar għażla li ma tagħmilx ħsara għall-kompetittività. L-evalwazzjoni komparattiva tista’ tnaqqas l-għadd ta’ SA kummerċjalizzati u tista’ tnaqqas id-daqs tas-suq, iżda hija tmexxi wkoll l-isforzi ta’ innovazzjoni lejn sustanzi mingħajr perikli u tista’ taġixxi favur xi kumpaniji għad-dannu ta’ oħrajn, skond il-profil tagħhom. Il-provenjenza transkonfinali mhux awtorizzata tal-PPP L-evalwazzjoni komparattiva tista’ ssir fattur (minuri) li jikkontribwixxi għas-swieq frammentati għall-PPP fl-Ewropa, li kieku din tiġi implimentata b’ mod differenti ħafna bejn l-Istati Membri ġirien. L-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem L-istatus quo ifisser nuqqas ta’ flessibilità fl-implimentazzjoni ta’ l-istrateġiji ta’ minimizzazzjoni tal-PPP. L-għażla B u C joffru din il-possibilità, li x'aktarx tirriżulta fi tnaqqis ta’ impatti ta’ l-ambjent u żieda fil-marġni ta’ sikurezza Azzjoni ta’ Politika 4: Il-qsim ta’ dejta għat-tiġdid ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva Problemi attwali: Id-Direttiva 91/414/KEE tistabbilixxi biss regoli ġenerali dwar il-problema komplessa tal-protezzjoni tad-dejta u l-qsim tad-dejta. Dan wassal għal problemi ta’ interpretazzjoni ta’ regoli ta’ protezzjoni tad-dejta u għal piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti. Problemi għall-kumpaniji li huma s-sidien tad-dejta dwar is-SA mhumiex l-istess bħal dawk ta' l-industrija ġenerika. Bħalissa r-regoli ta’ protezzjoni tad-dejta qed jaħdmu kontra l-kompetizzjoni ġenerika u s-sehem tas-suq ta’ kumpaniji ġeneriċi jibqa’ baxx f’ħafna mill-pajjiżi ta’ l-UE. Għażliet ta’ politika: ( Għażla A: L-ebda azzjoni mill-UE (Status Quo): 5 snin ta’ protezzjoni tad-dejta li jibdew bit-tiġdid ta’ l-approvazzjoni. L-ebda dispożizzjoni dwar il-qsim obbligatorju tad-dejta; ( Għażla B: 5 snin ta’ protezzjoni tad-dejta li jibdew sitt xhur wara t-tiġdid ta’ l-approvazzjoni. Qsim obbligatorju tad-dejta b’kumpens u mekkaniżmu ta’ arbitraġġ; ( Għażla C: L-ebda protezzjoni tad-dejta għat-tiġdid ta' l-approvazzjoni; ( Għażla D: 5 snin ta’ protezzjoni tad-dejta li jibdew minn meta jitressaq l-inkartament għat-tiġdid ta' l-approvazzjoni. L-ebda dispożizzjoni dwar il-qsim obbligatorju tad-dejta; Madankollu, il-kooperazzjoni għandha mnejn tkun obbligatorja għall-kumpaniji interessati, sabiex jipprovdu inkartament konġunt wieħed. Analiżi ta’ l-impatti: Piż amministrattiv L-istatus quo jikkawża piż amministrattiv sinifikanti ħafna għall-awtoritajiet, b’tendenza li qed tiżdied. L-għażla B għandha mnejn iżżid il-piż amministattiv għall-partijiet involuti fil-proċedura ta' arbitraġġ. L-għażla C għandha twassal għal tnaqqis sinifikanti ta’ piż amministrattiv għall-partijiet kollha. L-għażla D għandha twassal għal tnaqqis ta’ piż amministrattiv għall-partijiet li mhumiex involuti fil-ħolqien ta’ grupp konġunt ta’ ħidma tal-kumpaniji. Spejjeż indiretti għall-utilizzaturi tal-PPP Sehem imnaqqas fis-suq tal-kumpaniji ġeneriċi (taħt l-għażla A) jista’ joħloq spejjeż ogħla għall-utilizzaturi tal-PPP. L-għażliet B u C jistgħu jwasslu għal prezzijiet aktar baxxi għall-utilizzaturi billi jżidu s-sehem fis-suq tal-kumpaniji ġeneriċi, iżda jistgħu jimplikaw ukoll numru aktar baxx ta’ SA fis-suq u spejjeż possibbli li jirriżultaw minn dan għall-utilizzaturi. L-għażla D tista’ tkun mistennija li jkollha l-inqas impatt fuq l-istatus quo. Investiment tal-produtturi tal-PPP fir-Riċerka u l-Iżvilupp, fl-Impjiegi Taħt l-għażliet kollha ta’ politika, jiddependi mir-riżultati tal-mudell skontat taċ-ċirkolazzjoni tal-flus li huwa ta’ qligħ għall-produttur tal-PPP sabiex huwa jinvesti fi studji għall-inklużjoni mill-ġdid ta' SA (għalkemm ir-riżultat kwantitattiv huwa sensittiv għall-preżunzjonijiet tal-mudell użat). Għall-għażliet B u C l-effetti pożittivi fuq l-impjiegi għall-produtturi ġeneriċi jistgħu jiġu kkumpensati permezz ta’ effetti negattivi fuq il-produtturi tas-swieq speċjalizzati. Kompetittività fl-industrija tal-PPP ta’ l-UE L-istatus quo joffri protezzjoni għolja lis-sidien ta’ l-istudji u jżomm barrieri qawwija kontra d-dħul tal-kumpaniji l-oħrajn kollha. L-għażliet B u C inaqqsu l-barriera tad-dħul u se jwasslu għal suq aktar kompetittiv, iżda jistgħu wkoll inaqqsu l-qligħ ta’ wħud mis-SA. Għall-għażla D jistgħu jiġu previsti effetti komparattivi, iżda billi din toffri protezzjoni għolja għas-sidien ta' l-istudji, l-impatt tagħha jista' jkun li jiddependi ħafna fuq l-arranġamenti għall-grupp konġunt ta' ħidma u għall-qsim ta' l-ispejjeż. Duplikazzjoni ta’ studji dwar annimali vertebrati L-għażliet B u C, segwiti mill-għażla D, għandhom l-akbar potenzjal biex inaqqsu l-għadd ta’ studji duplikati li jinvolvu tests fuq annimali vertebrati. Azzjoni ta’ Politika 5: Tagħrif għall-ġirien dwar l-użu ta’ PPP Problemi attwali: Il-ġirien u dawk ta’ madwar jistgħu jqisu l-applikazzjoni ta’ PPP bħala riskju għas-saħħa, billi jistgħu jiġu f’kuntatt ma' sprej drift (drift ta’ l-isprej?). Id-disponibilità tat-tagħrif dwar il-PPP tista' tiġi ottimizzata. Għażliet ta’ politika: L-għażliet ta’ politika li ġejjin huma inklużi fl-Istima ta’ l-Impatt: ( Għażla A: L-ebda azzjoni mill-UE (Status Quo): L-ebda impenn biex il-ġirien jiġu mgħarrfa dwar l-użu ta' PPP tossiċi. ( Għażla B: Impenn attiv biex il-ġirien jiġu mgħarrfa dwar l-użu ta' PPP tossiċi. ( Għażla C: Impenn passiv biex il-ġirien jiġu mgħarrfa dwar l-użu ta' PPP perikoluż. Analiżi ta’ l-impatti: Piż amministrattiv Il-miżuri taħt l-azzjoni ta’ politika 5 jistgħu jirriżultaw f’piż amministrattiv għall-utilizzaturi u l-awtoritajiet tal-PPP, iżda mhux għall-industrija tal-PPP. Il-limitu ta’ piż, iżda, huwa mistenni li jibqa' insinifikanti. Opportunitajiet ta’ tagħrif għaċ-ċittadini B’definizzjoni iż-żewġ għażliet B u C se jtejbu l-opportunitajiet ta’ tagħrif għaċ-ċittadini. Madankollu, ma jistax jiġi evalwat f’dan l-istadju kif it-tagħrif ipprovdut jista' jeffettwa l-għarfien tal-ġirien dwar l-użu tal-PPP. L-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem Taħt dmir ta' tagħrif lill-ġirien huwa possibbli tnaqqis ta’ l-impatti negattivi ta’ sustanzi attivi fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa, speċifikament permezz ta’ preferenza tal-bdiewa għall-prodotti anqas tossiċi u permezz ta’ attivitajiet ta’ persuni ta’ madwarhom biex jevitaw l-esponiment għall-isprej drift(drift ta’ l-isprej?). 5. SORVELJANZA U EVALWAZZJONI Biex tiġi stabbilita sistema li twettaq sorveljanza regolatorja, qed tiġi proposta lista ta' indikaturi, li tinkludi ( iż-żmien medju għall-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ sustanzi attivi u PPP; ( in-numru ta’ PPP u ( d-disponibilità taħt bosta aspetti huwa propost biex jintuża għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-sistema fil-ġejjieni. [1] Evalwazzjoni taż-żona tfisser li l-Istati Membri b’kundizzjonijiet agrikoli u klimatiċi li jistgħu jitqabblu, jinġabru f'"żona" waħda, fuq il-bażi ta' l-għarfien espert fl-Istati Membri u fil-Kummissjoni.