52006PC0901

Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill Li temenda D-Direttiva 2006/49/KE dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji ta' l-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu, fir-rigward tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni /* KUMM/2006/0901 finali - COD 2006/0283 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.12.2006

KUMM(2006) 901 finali

2006/0283 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Li temenda D-Direttiva 2006/49/KE dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji ta' l-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu, fir-rigward tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni

(preżentata mill-Kummissjoni)

2006/0283 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Li temenda D-Direttiva 2006/49/KE dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji ta' l-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu, fir-rigward tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[3],

Billi:

(1) Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] tistipula li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[5].

(2) Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512KE, li introduċiet il-proċedura ta' regolazzjoni bil-kontroll għall-miżuri ta' natura ġenerali li għandhom l-għan li jemendaw elementi mhux essenzjali ta' att bażiku adottat skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat, inkluża t-tneħħija ta' xi wħud minn dawn l-elementi jew billi jiġu miżjuda ma' l-istrument elementi ġodda mhux essenzjali.

(3) F'konformità ma' l-istqarrija konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni[6] dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, strumenti li huma diġà fis-seħħ għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli. Dik l-istqarrija tindika lista ta' strumenti li għandhom jiġu aġġustati b'urġenza, inkluża d-Direttiva 2006/49/KE.

(4) B'mod partikolari għandu jingħata lill-Kummissjoni l-poter li tadotta l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/49/KE sabiex tieħu f'kunsiderazzjoni, inter alia , l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji u tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta' dik id-Direttiva. B'mod aktar partikolari, dawk il-miżuri huma mfassla sabiex jiċċaraw id-definizzjonijiet, sabiex jaġġustaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva permezz ta' adatazzjonijiet tekniċi relatati mad-determinazzjoni tal-fondi proprji, l-organizzazzjoni, il-kalkolu u l-evalwazzjoni tar-riski u l-espożizzjonijiet, u l-kategoriji ta' kumpaniji ta' l-investiment li huma suġġetti għad-Direttiva. Billi dawk il-miżuri huma ta' firxa ġenerali u mfassla biex jemendaw/iħassru l-elementi li mhumiex essenzjali tad-Direttiva 2006/49/KE, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5) Direttiva 2006/49/KE stipulat restrizzjoni taż-żmien għall-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni. Fl-istqarrija konġunta tagħhom dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw li d-Deċiżjoni 2006/512/KE tipprovdi soluzzjoni orizzontali u sodisfaċenti għax-xewqa tal-Parlament Ewropew li janalizza l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti adottati taħt il-proċedura ta' kodeċiżjoni u li, f'konformità ma' dan, il-poteri ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni mingħajr limitu ta' żmien. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddikjaraw ukoll li huma se jiżguraw li l-proposti mmirati għat-tħassir tad-dispożizzjonijiet fl-istrumenti li jipprovdu għal limitu ta' żmien għad-delega ta' poteri ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni jiġu adottati malajr kemm jista' jkun. Wara l-introduzzjoni tal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi dak il-limitu ta' żmien fid-Direttiva 2006/49/KE għandha titħassar.

(6) Id-Direttiva 2006/49/KE għandha għalhekk tiġi emendata f'dan is-sens.

(7) Ladarba l-emendi li għandhom isiru għad-Direttiva 2006/49/KE huma aġġustamenti ta' natura teknika li jirrigwardaw biss il-proċeduri tal-kumitati, huma ma jeħtiġux traspożizzjoni mill-Istati Membri. Għalhekk, mhux meħtieġ li jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/49/KE hija emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 41 huwa emendat kif ġej:

a) Fil-paragrafu 1, it-termini "skond il-proċeduri msemmija fl-artikolu 42(2)" huma mħassra

b) Paragrafu 2 jiġi sostitwit minn dan li ġej:

Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 42(2)."

2. L-Artikolu 42 huwa emendat kif ġej:

a) Il-Paragrafu 2) jiġi sostitwitl b'dan li ġej:

"2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha."

b) Il-Paragrafi 3 u 4 huma mħassra.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fi […] jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, [...]

Għall-Parlament Ewropew F’isem il-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C [...], [...], p. [...].

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU C [...], [...], p. [...].

[4] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

[5] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p.11).

[6] ĠU C255, 21.10.2006, p. 1.