Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill fuq il-projbizzjoni ta’ esportazzjonijiet u l-ħażna sikura ta’ merkurju metalliku {SEG(2006)1369} {SEG(2006}1370} /* KUMM/2006/0636 finali - COD 2006/0206 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 26.10.2006 KUMM(2006) 636 finali 2006/0206 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL fuq il-projbizzjoni ta’ esportazzjonijiet u l-ħażna sikura ta’ merkurju metalliku (preżentata mill-Kummissjoni){SEG(2006)1369}{SEG(2006}1370} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. L-Għanijiet Il-Proposta għandha l-għan li tipprojbixxi l-esportazzjoni ta' merkurju metalliku mill-Komunità kif ukoll li tiżgura li dan il-merkurju ma jerġax jidħol fis-suq u li jkun maħżun b'mod sikur, skond l-azzjonijiet 5 u 9 identifikati fl-Istrateġija Komunitarja dwar il-Merkurju. L-għan fundamentali huwa li tillimita żidiet addizzjonali għall-“ġabra globali” ta’ merkurju diġà rilaxxat. 1.2. Il-kuntest ġenerali Fit-28 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Strateġija Komunitarja dwar il-Merkurju[1]. L-Istrateġija tindirizza l-aspetti kollha fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-merkurju. Tipproponi għoxrin azzjoni, tnejn minnhom implimentati mill-Proposta preżenti. L-Azzjoni 5 tistipula li “ bħala kontribuzzjoni pro-attiva għal sforz propost, organizzat globalment, sabiex titneħħa gradwalment il-produzzjoni primarja tal-merkurju u sabiex jitwaqqfu l-eċċessi milli jerġgħu jidħlu fis-suq ..., Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipproponi emenda lil Regolament (KE) Nru. 304/2003 sabiex titneħħa gradwalment l-esportazzjoni ta' merkurju mill-Komunità sa l-2011 ." Skond l-Azzjoni 9, “ Il-Kummissjoni ser tieħu azzjoni sabiex issegwi l-ħażna tal-merkurju mill-industrija tal-klor-alkali, skond skeda konsistenti mat-tneħħija gradwali ta’ esportazzjonijiet ta’ merkurju ppjanata sa’ l-2011. Primarjament il-Kummissjoni ser tesplora l-għan ta’ ftehim ma’ l- industrija.” Fl-24 ta’ Ġunju 2005, il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet tiegħu fuq Strateġija dwar il-Merkurju. Laqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u saħaq fuq “l-importanza tal-proposta sabiex titneħħa gradwalment l-esportazzjoni tal-merkurju mill-Komunità”. Stieden ukoll lill-Kummissjoni “sabiex tieħu azzjoni kemm jista’ jkun malajr ... tippreżenta proposti adattati” fuq il-kwistjoni tat- "tneħħija gradwali ta’ l-esportazzjoni tal-merkurju mill-Komunità u ta' azzjoni biex issegwi l-ħażna sikura u r-rimi ta’ merkurju inter alia mill-industrija tal-klor-alkali skond skeda konsistenti mat-tneħħija gradwali intenzjonata ta' esportazzjonijiet ta’ merkurju". Fl-14 ta’ Marzu 2006, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni li tilqa’ l-Istrateġija, u tisħaq fuq “l-importanza tal-proposta pro-attiva tal-Kummissjoni sabiex titneħħa gradwalment l-esportazzjoni ta’ merkurju metalliku ... mill-Komunità" u jitlob lill-Kummissjoni “biex tieħu azzjoni sabiex tiżgura li kull merkurju li jiġi mill-industrija tal-klor-alkali jiġi maħżun b'mod sikur”. Tajjeb li wieħed jenfasizza li din il-Proposta, li m’hiex intenzjonata ħlief biex timplimenta l-azzjonijiet 5 u 9 kif identifikati fl-Istrateġija, hija madankollu minsuġa f’kuntest usa’. Sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali ta’ espożizzjoni inqas għal merkurju fuq skala globali jeħtieġu miżuri komplementari fuq livell internazzjonali. Qafas globali bikri għal azzjoni dwar il-merkurju huwa stipulat bil-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP) dwar il-Merkurju deċiż fl-2003[2]. Il-Kunsill Regolatorju, permezz tad-Deċiżjoni tiegħu ta’ l-2005 fuq l-operat tal-kimiċi, talab lill-gvernijiet, lis-settur privat u l-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jieħdu "azzjoni immedjata sabiex inaqqsu r-riskju lis-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mill-merkurju fuq skala globali fi prodotti u proċessi ta' produzzjoni" bħal, inter alia, "li jikkunsidraw li jikkontrollaw il-produzzjoni primarja u l-introduzzjoni ta' provvista ta' merkurju żejjed fil-kummerċ" [3] . Il-proposta twieġeb b'mod perfett għal din it-talba. Il-Kummissjoni ser tkompli tiżviluppa l-azzjoni tagħha fil-kamp internazzjonali billi torganizza konferenza globali dwar kwistjonijiet ta' provvista u domanda għall-merkurju fis-26/27 ta' Ottubru 2006 fi Brussell, ferm qabel il-Kunsill Regolatorju (KR) tal-UNEP fl-2007. Dan l-avveniment għandu jippermetti li jiġu identifikati possibbiltajiet biex nimxu 'l quddiem fuq skala globali kif ukoll li jiddaħlu fil-proċess tan-negozjar tal-KR l-interessi komuni ma' pajjizi li m'humiex fl-UE. Għal miżuri li diġà bdew dwar prodotti li fihom il-merkurju b'mod parallel fl-UE ara taqsima 1.3 hawn taħt. Aktar azzjoni ser tiġi żviluppata sabiex tittratta l-kwistjoni komplessa ta' l-użu tal-merkurju fit-tħaffir għad-deheb fuq skala żgħira, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Aktarx li jeħtieġu miżuri politiki differenti minn Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill f'dan il-qasam. L-UE kienet diġà indikat il-bżonn ta' strument dwar il-merkurju li jorbot legalment fuq skala globali fl-okkażjoni tat-23 laqgħa tal-KR fl-2005. Il-kwistjoni għadha fuq l-aġenda u ser terġa’ tiġi diskussa fl-24 laqgħa tal-KR fi Frar 2007. Il-Kummissjoni ser tikkontribwixxi b'mod attiv għall-elaborazzjoni ta' pożizzjoni ta' qbil Komunitarja. Il-Proposta attwali ser tkun kontribuzzjon sinifikanti lejn l-għan globali li titnaqqas l-espożizzjoni għal merkurju, għalkemm m'għandhiex tibqa' miżura ta' weħidha. Sabiex tilħaq il-benefiċċji kollha tagħha, trid tkun ikkomplimentata b'aktar azzjoni internazzjonali. 1.3. Disposizzjonijiet Komunitarji eżistenti L-evalwazzjoni Estiża ta' l-Impatt tat deskrizzjoni sħiħa tal-leġislazzjoni u politiki Komunitarji attwali u antiċipati rigward merkurju u komposti tiegħu, annessa mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija Komunitarja dwar l-Merkurju, fuq p. 116 ff. Żewġ atti legali riċenti jridu jiżdiedu mal-lista: - Direttiva 2006/11/KE dwar tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità[4], li tkopri l-merkurju u l-komposti tiegħu; - Fil-21 ta' Frar 2006, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE rigward restrizzjonijiet dwar il- marketing ta' ċerti tagħmir ta' tkejjil li fihom il-merkurju[5]. Din il-proposta legali diġà tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni ta' Strateġija dwar il-Merkurju (azzjoni 7). Deskrizzjoni sħiħa ta' leġislazzjoni tal-Komunità li tintroduċi restrizzjonijiet fuq prodotti li fihom il-merkurju tinstab fl-evalwazzjoni ta' l-impatt mehmuż ma' din il-Proposta, taqsima 5.3. Sal-lum għad m'hemmx leġislazzjoni li tindirizza l-esportazzjoni tal-merkurju mill-Komunità, u ebda leġislazzjoni dwar il-ħażna tiegħu. Regolament Nru. 304/2003 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' kimiċi perikolużi[6] jelenka sapun kosmetiku li fih il-merkurju fl-anness V tiegħu, li jagħti lista ta' kimiċi u oġġetti soġġetti għal projbizzjoni ta' esportazzjoni. Pre-rekwiżit għal elenkar fl-anness huwa l-użu tal-kimika jew oġġett li f'dan il-każ huwa projbit fil-Komunità għal ħarsien tas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent (Artikolu 14 (2)). L-użu tal-merkurju fil-Komunità huwa verament ristrett, imma mhux projbit, u ser jibqa' xi użi residwi fil-futur. Ma jaqbilx li l-Artikolu 14(2) jinfetaħ biss għal kimiċi u oġġetti li huma verament ristretti għax dan kieku jippermetti projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' numru bla limitu ta' sustanzi. Huwa intenzjonat li l-ambitu tal-projbizzjoni intenzjonata ta' esportazzjoni jkun limitat għal merkurju metalliku u li ma jinħoloqx preċident għal sustanzi oħra. Għal din ir-raġuni ir-Regolament Nru. 304/2003 mhux il-bażi legali xierqa għal projbizzjoni ta' esportazzjoni tal-merkurju u l-Kummissjoni għażlet strument separat. Għal fini li l-merkurju huwa kkunsidrat bħala skart, jaqa' taħt l-ambitu ta' leġislazzjoni Komunitarja eżistenti: Direttiva 75/442 dwar l-iskart, Regolament 259/93 dwar vjaġġi bil-baħar ta' skart u, bid-definizzjoni wiesgħa ta' "terraferma" ( landfill ) fl-Artikolu 2(g), tad-Direttiva 1999/93/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma. L-istess atti legali japplikaw għal skart li fih il-merkurju. Billi dan ir-Regolament għandu l-intenzjoni li jintroduċi xi rekwiżiti addizzjonali għat-trattar tal-merkurju, irrispettivament jekk jiġix ikkunsidrat bħala skart jew le, din il-parti ta' l- acquis ambjentali għandha tkompli tgħodd, bl-unika eċċezzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet li jfixklu l-ħażna ta' merkurju metalliku. Merkurju metalliku huwa likwidu taħt kundizzjonijiet ta' pressjoni u temperatura normali. Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma[7] tistipula li skart likwidu ma jistax jiġi aċċettat f'terrafermi (Art.5(3)(a)). Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/33/KE li tistabbilixxi kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta' skart f'terraferma artifiċjali tistipula valuri ta' limitu biex jissaffaw sustanzi li m'għandhomx japplikaw għat-terraferma ta' merkurju metalliku. Għalhekk, ir-Regolament jiċċara illi l- obbligu tal-ħażna intenzjonata ma jkunx f’kunflitt ma’ din l-interdizzjoni u l-valuri ta’ limitu, fil-każ li l-merkurju metalliku li jkun ser jiġi maħżun huwa kkunsidrat bħala skart. 1.4. Konsistenza ma’ politiki u regoli oħra Ir-Regolament propost jikkomplimenta l- politiki Komunitarji eżistenti u l-leġislazzjoni fl-oqsma ta' kontroll ta' tniġġis industrijali, kimiċi (inkluż il-proposta REACH ), ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza ta' ħaddiema u skart. Hija wkoll konsistenti ma’ l-għanijiet tal-politika fuq livell globali, jiġifieri l-Programm UNEP dwar il-Merkurju. Partikularment, huwa ta' min jinnota li l-applikazzjoni tad-Direttiva 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis[8] twassal għat-tneħħija gradwali tat-teknoloġija taċ-ċelloli tal-merkurju, li m'għadhiex rikonoxxuta bħala l-aħjar teknika disponibbli, fl-industrija tal-klor-alkali. Il-bidla għal proċessi oħra ta' produzzjoni jilliberaw ammonti konsiderevoli ta' merkurju metalliku. Jekk dan il-merkurju jinfirex madwar id-dinja għal diversi użi, parti illeċti, problema ambjentali li diġà ssolviet fi ħdan il-Komunità, tiġi sempliċiment trasferita lil hinn mill-fruntieri ta’ l-UE. Għalhekk, ir-Regolament propost jikkostitwixxi kompliment neċessarju għad-Direttiva tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Pjanti (IPPC) , li tevita effetti sekondarji negattivi u globali tat-tneħħija gradwali. Attenzjoni speċifika tingħata lill-kompatibbiltà tal-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni mar- regoli ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). L-Artikolu XI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq importazzjoni, esportazzjoni u l-bejgħ għal esportazzjoni. L-Artikolu XX GATT jipprovdi għal deroga mir-regoli ġenerali tal-ftehim sabiex jissegwew numru ta' għanijiet politiċi. Għalhekk, fil-IA (taqsima 6.11) hemm analiżi fid-dettall dwar jekk il-miżuri proposti humiex iġġustifikati skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu XX GATT (eċċezzjonijiet ġenerali). Minbarra mill-analiżi strettament ġuridika, huwa ta' min jinnota li l-Kummissjoni qiegħda ttejjeb b’mod sistematiku l-kuntatti tagħha ma’ pajjiżi li m’humiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea li huma rilevanti bħala produtturi, utenti u esportaturi tal-merkurju u/jew huma suġġetti għall-problemi ta’ tniġġis minħabba l-merkurju. Konferenza internazzjonali dwar il-merkurju li għandha ssir fis-26/27 ta’ Ottubru 2006 fi Brussell b’ammont sinifikattiv ta’ parteċipanti li m’humiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea, se tibni iktar l-impetu għal negozjati internazzjonali, inklużi kwistjonijiet kummerċjali, ferm qabel l-24 sessjoni tal-Kunsill Regolatorju ta’ l-UNEP fl-2007. Din is-sessjoni ser toffri okkażjoni sabiex tkompli ttejjeb l-implimentazzjoni tal-Programm UNEP dwar il-merkurju. 2. IR-RIżULTATI TA' KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONċERNATI U L-EVALWAZZJONIJIET TA' L-IMPATT 2.1. Il-konsultazzjonijiet Saret konsultazzjoni estensiva u kontinwa mal-partijiet ikkonċernati matul il-preparazzjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja dwar il-merkurju. Għal deskrizzjoni ara t-taqsima 11, p. 61 ff, ta' l-evalwazzjoni estiża ta' l-impatt li tikkomplimenta l-Istrateġija. Barra minn hekk, laqgħa oħra bejn il-partijiet ikkonċernati saret fi Brussell fit-8 ta' Settembru 2005. L-invit kien mibgħut lill-għażla wiesgħa ta' entitajiet interessati flimkien ma' l-Istati Membri, industrija u Għaqdiet Non-Governatttivi ( NGOs ) ambjentali u tas-saħħa. Il-kontribuzzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati kienu jinkludu[9]: - Tagħrif dwar is-sitwazzjoni ġuridika madwar l-Unjoni Ewropea, fuq firxiet ta' skart tal-merkurju u fuq ir-riċiklaġġ ta' prodotti li fihom il-merkurju (miġbura mill-Istati Membri). Dawn il-kontribuzzjonijiet ipprovdew tagħrif siewi fuq it-tnixxija tal-merkurju u d-disponibbiltà tal-merkurju fl-Unjoni Ewropea kemm qabel il-projbizzjoni ta' esportazzjoni proposta kif ukoll wara. - Fil-laqgħa ta' dawk ikkonċernati, il-Kummissjoni ppreżentat il-kunċett bażiku tagħha għall-proposta legali ppjanata u talbet għal reazzjoni dwar x'inhu l-ambitu eżatt tal-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni (merkurju metalliku, komposti) kif ukoll dwar l-obbligu tal-ħażna (merkurju metalliku mill-industrija klor-alkali biss kif ukoll minn sorsi oħrajn), u dwar emendi meħtieġa għad-direttiva tat-terraferma u leġislazzjoni oħra dwar l-iskart. Il-Kummissjoni talbet ukoll tagħrif addizzjonali dwar l-irkuprar/reċiklaġġ tal-merkurju. Saru laqgħat addizzjonali ma' Spanja, l-iktar Stat Membru interessat, u Eurochlor sabiex jiddiskutu l-istrument intenzjonat u l-ftehim volontarju mill-industrija tal-klor-alkali. It-tagħrif miġbur waqt il-proċess ta' konsultazzjoni ġie integrat ma' l-evalwazzjoni ta' l-impatt. 2.2. L-evalwazzjoni ta' l-impatt Il-Komunikazzjoni dwar Strateġija Komunitarja dwar il-merkurju kienet diġà kkomplimentata b'evalwazzjoni estiża ta' impatt (ExIA), ippubblikata bħala anness mal-Komunikazzjoni[10]. It-Taqsima 6 ta' din l-ExIA, p. 20 ff, hija wkoll rilevanti għal din il-proposta attwali. Barra minn hekk saret evalwazzjoni supplimentari ta' l-impatt. Tidher bħala anness ma' din il-Proposta. 3. L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA 3.1. Il-bażi ġuridika Il-Proposta fiha żewġ elementi bażiċi: projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' merkurju metalliku, fuq in-naħa l-waħda, u obbligu għall-ħażna tal-merkurju b'mod sikur għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fuq in-naħa l-oħra. L-element tal-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni jindika l-Artikolu 133 ECT bħala bażi ġuridika xierqa, anke jekk il-miżura hija mmotivata bl-għanijiet ta' ppreservar, ħarsien u kwalità aħjar ta' l-ambjent kif ukoll il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, u mhux bil-konsiderazzjonijiet dwar politika kummerċjali. It-tieni element, l-obbligu tal-ħażna li jinkludi t-tagħrif ta' wara u l-obbligi ta’ rapportar, huwa evidentament immotivat bil-konsiderazzjonijiet dwar politika ambjentali skond l-Artikolu 175 ECT. Skond is-sentenzi riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ( ECJ ) fil-każijiet C-94/03 u C-178/03 rigward l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam u r-Regolament (KE) Nru 304/2003 rigward l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' kimiċi perikolużi, il-proposta hija mibnija fuq iż-żewġ Artikoli 133 u 175 ECT. Kemm il-Konvenzjoni ta' Rotterdam kif ukoll ir-Regolament Nru 304/2003 huma karatterizzati b'taħlita ta' elementi politiċi ambjentali u kummerċjali simili ħafna ma' din il-Proposta. 3.2. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità Il-merkurju hija sustanza li taqa' taħt ir-regolamenti tas-suq intern u, jekk ikkunsidrata bħala skart, hija regolata bil-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-iskart. Il-miżuri maħsuba f'dan l-istrument ġuridiku jistgħu għalhekk jittieħdu wkoll fuq livell Komunitarju u ma jistgħux jitħallew f'idejn l-Istati Membri. Possibbiltajiet ta' ħażna/rimi jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, skond iċ-ċirkostanzi ambjentali lokali. Għalhekk, għalkemm xi standards ġenerali jridu jintlaħqu, rekwiżiti ta' ħażna jew rimi ddettaljati jitħallew f'idejn l-Istati Membri. Il-miżuri mistennija f'dan ir-Regolament huma wkoll meħtieġa biex ikun hemm konformità ma' l-għanijiet ta' l-Istrateġija dwar l-Iskart. Jevitaw kull forma ta' mikroġestjoni li tista' tkun ikkonsidrata bħala problema fit-termini ta' proporzjonalità. 3.3. L-għażla ta' strumenti Minħabba l-limitazzjoni għal ftit obbligi ċari – il-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni, l-obbligu tal-ħażna, ir-rappurtar u l-iskambju ta' tagħrif – m'hemm bżonn ta' l-ebda miżura ta' implimentazzjoni fuq il-livell ta' Stat Membru. Għalhekk intgħażel Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala strument. Dettalji dwar ħażna tħallew għal impenn volontarju mill-industrija. 4. IMPLIKAZZJONI FUQ IL-BAġIT Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit Komunitarju. 5. SPJEGAZZJONI DETTALJATA Il-Proposta hija risposta għall-prinċipji ta' "Leġislazzjoni Aħjar". Għandha l-għan li tkun qasira u ċara, kemm jista' jkun tevita oqsma ta' ambigwità li jagħtu lok għal interpretazzjonijiet kontradittorji. Fl-għażla tat-terminoloġija, kien hemm impenn li jkun hemm koerenza mal-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti. Il-Proposta tkopri disa' Artikoli. Artikolu 1 jistabbilixxi l-obbligu ta' projbizzjoni ta' esportazzjoni, jiddiskrivi l-ambitu tiegħu u jiffissa data, skond l-Istrateġija dwar il-Merkurju. L-ambitu jkopri merkurju metalliku, sa issa s-sustanza l-iżjed rilevanti f'termini ta' kwantità kif mqabbla ma' komposti tal-merkurju u prodotti li fihom il-merkurju. Id-data ta' meta l-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni tal-merkurju ser tidħol fis-seħħ kienet diġà kkawżat bosta dibattiti fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill meta ż-żewġ istituzzjonijiet iddiskutew l-Istrateġija dwar il-Merkurju. Għal din il-Proposta l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħżel id-data li tidher li l-iktar li ser ikollha appoġġ minn maġġoranza ta' l-Istati Membri kif ukoll minn partijiet konċernati oħrajn. Artikolu 2 jistabbilixxi l-obbligu tal-ħażna u jiddefinixxi l-ambitu tiegħu. L-akbar tliet għejjun rilevanti ta' merkurju metalliku fil-Komunità huma koperti b'dan l-obbligu. It-terminu "ħażna" huwa magħżul għaliex "rimi" huwa terminu speċifiku fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-iskart (ara Artikolu 1(e) tad-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart kif emendat). L-obbligu tal-ħażna japplika għal merkurju indipendentament mill-klassifikazzjoni tas-sustanza bħala skart jew le. F'dan il-kuntest ħażna ma tkoprix biss għażliet għal żmien qasir sa żmien medju, imma wkoll tħaddan għażliet fit-tul (li jistgħu jikkwalifikaw bħala rimi). F'termini ta' żmien, dan l-element huwa relatat mad-daħla fis-seħħ tal-projbizzjoni ta' esportazzjoni għall-merkurju metalliku. Il-kliem "li m'għadux jintuża fl-industrija tal-klor-alkali" jfissru li trasferimenti ta' merkurju minn installazzjoni ta' klor-alkali għal oħra fi ħdan il-Komunità jibqgħu possibbli. Impenn volontarju mill-industrija tal-klor-alkali jikkomplimenta din id-dispożizzjoni. Tagħmel impenn fuq l-industrija sabiex tibgħat il-merkurju żejjed tagħha għal ħażna għand operaturi vera kwalifikati biss, sabiex tiżgura ħażna xierqa u s-sottomissjoni ta' data dwar it-tnixxija tal-merkurju lill-Kummissjoni. Għalhekk qed isir l-abbozz ta' l-artikolu, bla referenza għad-dettall. Madankollu, ġew introdotti rekwiżiti addizzjonali għall-installazzjonijiet ta' ħażna fl-Artikolu 4. Artikolu 3 jiċċara r-relazzjoni ma' leġislazzjoni eżistenti dwar skart. Fis-sitwazzjoni ġuridika preżenti, kull ħażna ta' merkurju metalliku (li huwa likwidu) f'kull xorta ta' terraferma jmur kontra d-dispożizzjoni fl-Artikolu 5 (3) (a) tad-Direttiva 1999/31/KE. Hemm għalhekk bżonn ta' deroga. Il-valuri ta' limitu biex jissaffaw sustanzi u kriterji oħra stipulati fit-taqsima 2.4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/33/KE li tistabbilixxi kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ skart f’terraferma artifiċjali, li japplikaw għal skart granulari, ma jistgħux japplikaw għal merkurju likwidu. L-Artikolu 3 għalhekk jipproponi deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta' żewġ għażliet ta' ħażna speċifika għal merkurju metalliku, jiġifieri ħażna taħt l-art f'minjieri tal-melħ adattati għal dan l-iskop u ħażna temporanja ġo faċilitajiet dedikati speċifikament għal dan l-użu, li jistgħu jiġu kkonsidrati – taħt kondizzjonijiet xierqa – bħala sikuri għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Id-deroga favur il-faċilitajiet "dedikati esklussivament għal u b'tagħmir għall-ħażna temporanja ta' merkurju metalliku qabel ir-rimi finali tiegħu" tippermetti attivitajiet ta' żvilupp teknoloġiku bl-iskop li jinstabu soluzzjonijiet innovattivi għar-rimi tal-merkurju f'forma mhix likwida. Terraferma "ordinarja" ta' merkurju likwidu tibqa’ illegali. Billi t-taqsima 2.4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/33/KE ma' tapplikax għal operazzjonijiet ta' ħażna taħt l-art (ara taqsima 2.5), l-artikolu jagħmel differenza bejn iż-żewġ għażliet. Billi din id-dispożizzjoni mhix limitata għal merkurju metalliku minn għejjun speċifiċi, l-Istati Membri li jixtiequ jaħżnu merkurju metalliku ta' għejjun oħrajn ġo faċilitajiet taħt l-art jew oħrajn speċjalizzati jistgħu jagħmlu hekk. Huwa ta' min jenfasizza li, kull fejn il-merkurju metalliku huwa kkunsidrat bħala skart, jibqa' żgur suġġett għad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart u - sakemm huma kkonċernati vjaġġi transkonfinali fi ħdan il-Komunità – tar-Regolament 259/93/KEE dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjaġġi bil-baħar ta' skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea. Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-merkurju metalliku u billi numru limitat biss ta' installazzjonijiet aktarx li jikkwalifikaw għal ħazna ta' merkurju metalliku, li wieħed joġġezzjona kontra vjaġġi ta' merkurju kkunsidrat bħala skart fuq bażi ta' prinċipji ta' viċinanza, priorità għal irkuprar u awto-suffiċjenza ma jidhirx xieraq. Wieħed irid jinnota li l-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jiżgura li l-merkurju kkonċernat ma jerġax jidħol fis-suq, b'hekk l-irkuprar mhux għażla mixtieqa. Għalhekk hija proposta deroga mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament il-ġdid dwar vjaġġi bil-baħar ta' skart. Artikolu 4 jikkomplimenta l-Artikolu 2 billi jżid xi rekwiżiti ddettaljati oħra għall-applikazzjoni taż-żewġ għażliet ta' ħażna. Jiffoka fuq il-ħtieġa li ssir evalwazzjoni ta' sikurezza tajba, waqt li jqis in-natura tas-sustanza. Jistabbilixxi wkoll rekwiżiti minimi għall-kontenut tal-permess. Dan jiggarantixxi mmaniġġjar sikur ta' merkurju anke fl-assenza ta' kwalunkwe impenn volontarju mill-industrija. Artikolu 5 jistabbilixxi l-ħolqien ta' skambju ta' tagħrif bejn il-partijiet ikkonċernati, organizzat mill-Kummissjoni. Dan jippermetti sejba bikrija ta' żviluppi ġodda fil-qasam ta' l-użi u tnixxijat ta' merkurju u reazzjonijiet flessibbli għalihom. L-iskambju ta' tagħrif ma jridx ikun limitat għal merkurju metalliku biss, imma jinkludi wkoll komposti tal-merkurju u prodotti li fihom il-merkurju. Artikolu 6 jimponi xi obbligi ta' tagħrif fuq l-Istati Membri. Jistabbilixxi li l-Istati Membri (SM) iridu jissottomettu lill-Kummissjoni kwalunkwe permess li jinħareġ lill-faċilità li taħżen il-merkurju. SM iridu jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni dwar l-effetti ta' l-istrument, mill-inqas tliet snin u ħames xhur wara li tidħol fis-seħħ il-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni. Il-Kummissjoni tista' wkoll titlob dan it-tagħrif lill-SM fi stadju iżjed bikri. Dan għandu jippermetti reazzjoni mgħaġġla u effettiva għal żviluppi mhux mistennija fis-suq li jistgħu jseħħu. Huwa ta' min jinnota li m'hemmx l-intenzjoni li jiġi impost obbligu għal rapportar regolari u perjodiku mill-SM. Artikolu 7 jistabbilixxi li l-Kummissjoni ser tevalwa l-applikazzjoni tar-Regolament u l-effetti tiegħu fuq is-suq u tagħmel rapport mill-anqas erba' snin wara li l-projbizzjoni ta' esportazzjoni tidħol fis-seħħ. L-evalwazzjoni ser tkun ibbażata fuq it-tagħrif li jissottomettu l-SM. Għejjun oħra ta' tagħrif li jistgħu jkunu disponibbli jintużaw ukoll. Artikolu 8 jistabbilixxi li l-Kummissjoni trid tirraporta dwar żviluppi internazzjonali fil-qasam tal-merkurju, partikolarment dwar negozjati multilaterali fuq kwistjonijiet ta' provvista u domanda li aktarx ma jseħħux fis-snin tal-ġejjieni qarib. Dan għandu jippermetti monitoraġġ tal-koerenza ta' miżuri globali u Komunitarji, bil-għan li jsir ħsad ta’ l-aqwa benefiċċji għall-ambjent. Artikolu 9 huwa test standard li jikkonċerna d-dħul fis-seħħ ta' l-istrument. 2006/0206 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL fuq il-projbizzjoni ta’ esportazzjonijiet u l-ħażna sikura ta’ merkurju metalliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikoli 133 u 175(1) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[11], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[13], Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stipolata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[14], Billi: (1) Rilaxxi tal-merkurju huma rrikonoxxuti bħala theddida globali li titlob azzjoni f'livelli nazzjonali, reġjonali u globali. (2) Skond il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill "Strateġija Komunitarja dwar il-Merkurju"[15], huwa meħtieġ li jitnaqqas ir-riskju ta' l-espożizzjoni tal-bniedem u l-ambjent għall-merkurju. (3) Miżuri li jittieħdu fuq livell Komunitarju jridu jitqiesu bħala parti minn sforz globali sabiex jitnaqqas ir-riskju għal espożizzjoni għall-merkurju, partikolarment fil-qafas ta' Programm dwar il-Merkurju skond il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti. (4) L-esportazzjoni ta' merkurju metalliku mill-Komunità trid tiġi pprojbita sabiex titnaqqas b’mod sinifikattiv il-provvista globali tal-merkurju. (5) Il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni ser tirriżulta f'ammonti konsiderevoli ta' merkurju żejjed fil-Komunità li ma jridux jitħallew jerġgħu jidħlu fis-suq. Għalhekk trid tkun żgurata l-ħazna sikura ta' dan il-merkurju fi ħdan il-Komunità. (6) Sabiex jiġu pprovduti possibbiltajiet ta' ħażna sikura ta' merkurju li ma jibqax jintuża fl-industrija tal-klor-alkali, huwa xieraq li ssir deroga minn punt (a) ta' l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma[16] għal ċertu tipi ta' terraferma, u dikjarazzjoni tal-kriterji tat-taqsima 2.4 ta' l-Anness tad-Deċizjoni tal-Kunsill 2003/33/KE tad-19 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta' skart f'terraferma artifiċjali skond l-Artikolu 16 ta' l-Anness II tad-Direttiva 1999/31/KE[17] li ma tapplikax għal ħażna mhux taħt l-art. (7) Sabiex ħażna li hija sikura għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent tkun żgurata, l-evalwazzjoni ta' sikurezza skond id-Deċiżjoni 2003/33/KE għal ħażna taħt l-art trid tkun ikkomplimentata b'rekwiżiti speċifiċi u trid ukoll ssir applikabbli għal ħażna mhux taħt l-art. (8) Huwa xieraq li jiġi organizzat skambju ta' tagħrif sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa ta' miżuri supplimentari relatati ma' l-esportazzjoni u l-ħażna tal-merkurju, bla preġudizzju għar-regoli ta' kompetizzjoni tat-Trattat, partikolarment l-Artikolu 81. (9) Stati Membri jridu jissottomettu tagħrif dwar permessi maħruġa għal faċilitajiet ta' ħażna kif ukoll dwar l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta' l-istrument, sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni ta' l-instrument fiż-żmien meħtieġ. (10) Il-Kummissjoni trid tikkonsidra dan it-tagħrif meta tissottometti rapport ta' evalwazzjoni sabiex tidentifika l-ħtiġijiet possibbli biex l-istrument jiġi emendat. (11) Il-Kummissjoni trid ukoll issegwi żviluppi internazzjonali rigward il-provvista u d-domanda għall-merkurju, partikolarment negozjati multilaterali, u tirraporta fuqhom sabiex tippermetti l-evalwazzjoni tal-konsistenza tal-approċċ globali. (12) Ir-Regolament fih element relatat mal-kummerċ kif ukoll elementi mmotivati b'konsiderazzjonijiet ta' politika ambjentali. L-Artikolu 1 huwa relatat mal-kummerċ u għalhekk ibbażat fuq l-Artikolu 133 tat-Trattat, filwaqt li l-Artikoli l-oħra huma bbażati fuq l-Artikolu 175(l). (13) L-għan li titnaqqas l-espożizzjoni għal merkurju permezz ta' projbizzjoni ta' l-esportazzjoni u obbligu tal-ħażna ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri, minħabba l-impatt fuq il-moviment ta' merkanzija u l-funzjonament tas-suq komuni kif ukoll in-natura transkonfinali tat-tniġġis bil-merkurju u għalhekk jista' biss jintlaħaq fuq livell Komunitarju. Il-Komunità tista għalhekk tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif imniżżel f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dan il-għan. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-esportazzjoni ta' merkurju metalliku (Hg, CAS RN 7439-97-6) mill-Komunità ser ikun ipprojbit b'effett mill-1 ta' Lulju 2011. Artikolu 2 B'effett mid-data stipulata fl-Artikolu 1, merkurju metalliku li m'għadux jintuża fl-industrija tal-klor-alkali, merkurju mirbuħ mit-tindif tal-gass naturali u merkurju mirbuħ bħala prodott sekondarju mit-tħaffir għall-metall li ma fihx ħadid u attivitajiet ta' tidwib għandu jiġi maħżun, mingħajr ma jinbidillu l-istat jew il-konċentrazzjoni tiegħu, b'mod li jeskludi kull riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Artikolu 3 1. B'deroga għall-punt (a) ta' l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/31/KE, merkurju metalliku li huwa kkunsidrat bħala skart jista' jiġi maħżun kif xieraq f'wieħed miż-żewġ reċipjenti li ġejjin: (a) Minjiera tal-melħ taħt l-art adattata għar-rimi ta' skart; (b) Faċilità ddedikata esklussivament għall-ħażna temporanja ta' merkurju metalliku qabel ir-rimi finali tiegħu u b'tagħmir għal dan il-għan. Fil-każ li hemm referenza għalih f'punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu, il-kriterji stipulati fit-taqsima 2.4 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni 2003/33/KE m’għandhomx japplikaw. 2. B'deroga għall-punt (a) ta' l-Artikolu 11(1) tar- Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[18], l-awtoritajiet kompetenti għad-destinazzjoni u d-dispaċċ ma jistgħux jagħmlu oġġezzjoni għal vjaġġi bil-baħar ta' merkurju metalliku li huwa kkunsidrat bħala skart fuq raġunijiet li l-vjaġġ ippjanat jew rimi ma jkunx konformi ma' miżuri meħuda sabiex jimplimentaw il-prinċipji ta' viċinanza, priorità għal irkuprar u awto-suffiċjenza. Artikolu 4 1. L-evalwazzjoni ta' sikurezza li trid issir skond id-Deċiżjoni 2003/33/KE għal ħażna f'minjiera tal-melħ taħt l-art adattata għal ħażna ta' skart trid tkopri partikolarment ir-riskji addizzjonali kkawżati min-natura u r-reazzjoni fit-tul tal-merkurju metalliku u l-ħażna tiegħu. 2. Għandha ssir evalwazzjoni ta' sikurezza sabiex tiżgura livell ta' ħarsien ambjentali ekwivalenti għall-livell żġurat permezz tad-Deċiżjoni 2003/33/KE u tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti għall-ħażna temporanja ġo faċilità dedikata esklussivament għall-ħażna ta' merkurju metalliku u b'tagħmir għal dan il-għan. 3. Il-permess li hemm referenza għalih fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 1999/31/KE għall-minjiera tal-melħ taħt l-art jew faċilità ddedikata esklussivament għall-ħażna temporanja ta' merkurju metalliku u b'tagħmir għal dan il-għan irid jinkludi rekwiżiti għal spezzjonijiet viżwali regolari tar-reċipjenti u installazzjoni ta' sistemi ta' sejbien tal-fwar sabiex tinstab kwalunkwe tnixxija. Artikolu 5 Il-Kummissjoni ser torganizza skambju ta' tagħrif bejn l-Istati Membri u l-industriji kkonċernati. Dak l-iskambju ta' tagħrif jrid jeżamina partikolarment il-ħtieġa potenzjali li l-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni tiġi estiża għal komposti tal-merkurju u prodotti li fihom il-merkurju, li l-obbligu tal-ħażna jiġi estiż għall-merkurju metalliku minn għejjun oħra u ta' żmien stipulat rigward ħażna ġo faċilità speċifika ddedikata għall-ħażna temporanja ta' merkurju metalliku u b'tagħmir għal dan il-għan. Artikolu 6 1. L-Istati Membri jridu jissottomettu lill-Kummissjoni kopja ta' kwalunkwe permess maħruġ lil faċilità ddisinjata għal ħażna tal-merkurju. 2. L-Istati Membri għandhom, sa mhux iżjed tard mit-30 ta' Novembru 2014, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta' dan ir-Regolament fuq it-territorju rispettiv tagħhom. L-Istati Membri jridu, fuq talba mill-Kummissjoni, jissottomettu dak it-tagħrif qabel id-data stipulata fl-ewwel subparagrafu. 3. It-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi għallinqas data dwar dan li ġej: (a) volumi, prezzijiet, pajjiż ta' oriġini u destinazzjoni kif ukoll l-użu intenzjonat tal-merkurju metalliku li jidħol jew jitlaq il-Komunità; (b) volumi, prezzijiet, pajjiż ta' oriġini u destinazzjoni kif ukoll l-użu intenzjonat tal-merkurju metalliku li jgħaddi għal kummerċ transkonfinali fi ħdan il-Komunità. Artikolu 7 1. Il-Kummissjoni trid tevalwa l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta' dan ir-Regolament fil-Komunità, waqt li tikkonsidra t-tagħrif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 6. 2. Il-Kummissjoni trid tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2015. Artikolu 8 Għallinqas sena minn qabel id-data stipulata fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni trid tirraporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar progress f'attivitajiet multilaterali u negozjati dwar merkurju, tevalwa partikolarment il-konsistenza taż-żmien u l-għan tal-miżuri speċifikati f'dan ir-Regolament ma’ żviluppi internazzjonali. Artikolu 9 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President[pic][pic][pic][pic][pic][pic] [1] COM(2005)20 finali [2] Deċizjoni 22/4, 7.2.2003 tal-Kunsill Regolatorju tal-UNEP [3] Deċizjoni 23/9, 25.2.2005 tal-Kunsill Regolatorju tal-UNEP [4] ĠU L 64, 4.3.2006, p. 52 [5] COM(2006)69 finali [6] ĠU L 63,6.3.2003, p.1 [7] ĠU L 182, 16.7.1999, p.1 [8] ĠU L 257, 10.10.1996, p.26 [9] Ir-risposti kollha tal-konsultazzjoni jinstabu fuq http://www.ec.europa.eu/environment/chemicals/mercury/ [10] http://www.europa.eu.int/comm/environment/chemicals/mercury/pdf/extended_impact_assessment.pdf [11] ĠU C, p. [12] ĠU C [...] [...], p. [...]. [13] ĠU C [...] [...], p. [...]. [14] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' xxx u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ xxx [15] COM(2005)20 finali ta' 28.1.2005 [16] ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1. Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 1.10.2003, p. 1). [17] ĠU L 11, 16. 1. 2003, p. 27. [18] ĠU L 190, 12.7.2006, p.1.