52006PC0586

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni /* KUMM/2006/0586 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.10.2006

KUMM(2006) 586 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-ISFOND U DAħLA

1. Permezz tad-Deċiżjoni tal-25 ta' Novembru 2004[1], il-Kunsill emenda d-direttivi għat-twettiq tan-negozjati dwar il-Proġett ITER li kien ħareġ permezz tad-Deċiżjoni tas-16 ta' Novembru 2000[2] skond l-Artikolu 101, paragrafu 2 tat-Trattat ta' l-EURATOM. Permezz ta' din l-emenda, il-Kunsill awtorizza lill-Kumissjoni biex tinnegozja "parteċipazzjoni Ewropea f'attivitajiet internazzjonali ta' riċerka kollaborattiva fi ħdan approċċ usa' lejn ir-realizzazzjoni ta' enerġija mill-fużjoni."

2. Skond dawn id-direttivi, ir-reżoluzzjoni tal-kwistjoni dwar il-lok ta' l-ITER intlaħqet fil-laqgħa ministerjali tat-28 ta' Ġunju 2005 f'Moska, fejn il-partijiet ta' l-ITER qablu li t-tagħmir ta' l-ITER u l-Kwartieri Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni kellhom ikunu f'Cadarache. Kienet strumentali għal din ir-riżoluzzjoni konverġenza ta’ opinjonijiet bejn l-EURATOM u l-Ġappun rigward ir-rwoli relattivi ta' kull wieħed minnhom bħala Parti “Ospitanti” jew “mhux Ospitanti” skond liema l-EURATOM u l-Ġappun kellhom jagħtu kontribuzzjoni kull wieħed ta’ ¥46 b/€339 m għal attivitajiet konġunti ta’ approċċ usa’ fit-territorju tal-Ġappun,

3. Mal-qbil dwar il-lok ta' l-ITER, rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni u tal-Gvern tal-Ġappun wettqu negozjati bilaterali dwar l-attivitajiet ta' l-approċċ usa', b'implimentazzjoni tad-Dokument Konġunt. Fl-20 ta' Ġunju 2006, ġie ffirmat ir-Rapport Finali fuq in-Negozjati dwar il-Ftehim ta' l-Approċċ Usa', li jikkonferma t-tlestija tal-proċess tan-negozjati u jirreġistra d-dokumenti sussidjarji prodotti fil-konklużjoni tan-negozjati. L-eżitu sostantiv tan-negozjati huwa:

3.1. it-test tal-Ftehim bejn l-EURATOM u l-Gvern tal-Ġappun (il-Partijiet) għall-Implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni (il-Ftehim);

3.2. it-test ta' abbozz ta' Dikjarazzjoni Konġunta, li l-Partijiet għandhom jagħmluha fil-waqt ta' l-inizjalar tal-Ftehim, bid-dokumenti u t-tabelli annessi li ġejjin:

a) Fehim Komuni dwar il-Kontribut tal-Partijiet għall-Proġetti BA,

b) Stimi tal-Valur u l-Allokazzjoni tal-Kontributi tal-Partijiet,

c) Skeda Proviżorja għall-Implimentazzjoni tal-Proġetti BA, u

3.3. il-Fehimiet Komuni dwar ir-Rapporti Tekniċi tal-Proġetti ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', flimkien mar-rapporti annessi tagħhom:

a) Rapport tal-Missjoni IFMIF/EVEDA,

b) Rapport tal-Missjoni IFERC,

c) Rapport tal-Grupp ta' Ħidma bejn il-Ġappun u l-UE dwar Tokamak Anċillari.

Spjegazzjoni tal-Ftehim u l-Istrumenti relatati

4. Il-Ftehim fih Preambolu, 26 Artikolu ġenerali u tliet Annessi li fihom dispożizzjonijiet speċifiċi għal kull wieħed mit-tliet proġetti ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċ Usa'.

5. It-tliet proġetti huma (l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim u l-Artikoli 1 ta' l-Anness I, II u III, rispettivament):

a) Attivitajiet tal-Validazzjoni u tad-Disinn ta' l-Inġinerija (EVEDA) għall-ħolqien ta' disinn kompletament integrat ta' l-inġinerija tal-Faċilità Internazzjonali għall-Irradjazzjoni ta' Materjali għall-Fużjoni (IFMIF) u d- data kollha meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-ġejjieni rigward il-bini, l-operat, l-isfruttament u d-dekomissjonar ta' l-IFMIF u għall-validazzjoni l-operat kontinwu u stabbli ta' kull sottosistema ta' l-IFMIF.

b) Iċ-Ċentru Internazzjonali għar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni (IFERC), li għandu l-għan li jikkontribwixxi lill-Proġett ITER u li jippromwovi r-realizzazzjoni bikrija possibbli ta' DEMO, reattur ta' dimostrazzjoni tal-ġejjieni għall-produzzjoni ta' l-enerġija.

c) Il-Programm ta' Tokamak Anċillari, li jinkludi l-parteċipazzjoni fit-titjib u l-aġġornament tat-tagħmir esperimentali tat-tokamak li għandu l-Ġappun għal tokamak superkonduċenti avvanzat, u l-parteċipazzjoni fl-isfruttament tiegħu b'appoġġ għall-operat ta' l-ITER u r-riċerka lejn id-DEMO billi jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-fiżika li huma ta' importanza ewlenija għall-ITER u d-DEMO.

6. L-implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' torbot mill-qrib ma' l-implimentazzjoni tal-Proġett ITER: kull wieħed mit-tliet proġetti jappoġġa l-miri xjentifiċi tal-Proġett ITER, u sejrin jiġu implimentati fuq medda ta' żmien kompatibbli mal-fażi ta' kostruzzjoni ta' l-ITER (l-Artikolu 2(2) tal-Ftehim). Il-Ftehim jista' jiġi tterminat jekk il-Ftehim ta' l-ITER jiġi tterminat, jew jekk xi waħda mill-Partijiet ma tibqax aktar parti fil-Ftehim ta' l-ITER (l-Artikolu 22(2) tal-Ftehim).

7. Il-Ftehim jipprovdi għal struttura amministrattiva ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' li tikkonsisti f'Kumitat ta' Tmexxija, Kumitati tal-Proġetti, Mexxejja tal-Proġetti u Aġenziji ta' l-Implimentazzjoni.

7.1. Il-Kumitat ta' Tmexxija, magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, huwa responsabbli għad-direzzjoni u s-sorveljanza ġenerali ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'. Jiddeċiedi permezz tal-kunsens, u għandu l-persunalità ġuridika sabiex ikunu jistgħu jingħataw eżenzjonijiet mit-taxxi u d-dazji għall-kontributi Ewropej u għall-persunal li jsir disponibbli għall-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' li jitwettqu fil-Ġappun. Il-Kumitat ta' Tmexxija huwa megħjun minn Segretarjat, li se jkollu s-sede tiegħu fil-Ġappun. L-infiq amministrattiv tal-Kumitat ta' Tmexxija se jkun bi spejjeż tal-Partijiet, abbażi ta' qbil komuni (l-Artikolu 3 tal-Ftehim).

7.2. Għal kull wieħed mit-tliet proġetti hemm stabbilit Kumitat tal-Proġett magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Il-funzjonijiet ewlenin tal-Kumitati tal-Proġetti, li jiddeċiedu permezz ta' kunsens, huma li jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar il-Pjanijiet tal-Proġetti, il-Programmi ta' Ħidma u r-Rapporti Annwali, u li jimmonitorjaw il-progress li jkun sar fil-proġetti ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' u jirrappurtaw dwaru (l-Artikolu 5 tal-Ftehim).

7.3. Il-Mexxejja tal-Proġetti huma responsabbli għall-koordinament ta' l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'. Il-Mexxejja tal-Proġetti jiġu megħjuna minn Timijiet tal-Proġetti, li l-Kumitat ta' Tmexxija japprova l-kompożizzjoni tagħhom (l-Artikolu 6 tal-Ftehim).

7.4. Il-Partijiet jiddeżinjaw Aġenziji ta' l-Implimentazzjoni biex jaqdu l-obbligi tagħhom għall-implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' (l-Artikolu 7 tal-Ftehim).

L-Aġenzija ta' l-Implimentazzjni responsabbli għall-provvista tal-kontributi ta' l-EURATOM lill-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' sejra tkun l-Impriża Konġunta għall-ITER u għall-Iżvilupp ta' l-Enerġija mill-Fużjoni[3], li se tkun responsabbli wkoll għall-provvista tal-kontributi ta' l-EURATOM lill-Organizzazzjoni ITER, li għandha tiġi stabbilita f'konformità mal-Kapitolu V tat-Titolu II tat-Trattat ta' l-EURATOM.

Minħabba li l-proġetti kollha ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' jitwettqu fit-territorju tal-Ġappun, l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni Ġappuniża hija responsabbli għall-provvista ta' l-appoġġ ospitanti, għall-ġestjoni tal-kontributi finanzjarji maqbula għall-ispejjeż operattivi, għall-appoġġ ta' l-ispejjeż komuni tat-Timijiet tal-Proġetti, u għall-ksib tal-permessi u l-liċenzji rilevanti għat-twettiq ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'.

8. Kull proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' sejjer jiġi implimentat abbażi ta' Pjan ta' Proġett li sussegwentement jiġi speċifikat f'aktar dettall minn Programmi Annwali ta' Ħidma, li japprovahom il-Kumitat ta' Tmexxija. L-attivitajiet annwali li jitwettqu b'implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' huma suġġetti għal Rapport Annwali li għandu jiġi approvat mill-Kumitat ta' Tmexxija (il-Kapitolu 3 tal-Ftehim).

9. Ir-riżorsi għall-implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' jikkonsistu f'kontributi in natura u oħrajn finanzjarji min-naħa tal-Partijiet. Il-prinċipji ewlenin dwar il-kontributi tal-Partijiet huma stipulati fid-Dikjarazzjoni Konġunta u fid-dokument "Stimi tal-Valur u l-Allokazzjoni tal-Kontributi tal-Partijiet" anness magħha (l-Artikolu 12 tal-Ftehim).

9.1. Il-kontributi tal-Partijiet sejrin jikkonsistu, f'parti kbira, f'kontributi in natura , inkluż persunal li jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta' Tim ta' Proġett wara li jkun ġie nnominat bħala Espert mill-Kumitat ta' Tmexxija, kif ukoll persunal tas-Segretarjat. Il-provvista ta' dawn il-kontributi inqasmet f'pakketti ta' akkwisti li ġew allokati lill-Partijiet, kif imfisser fid-dokument "Stimi tal-Valur u l-Allokazzjoni tal-Kontributi tal-Partijiet" anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta. L-akkwist ta' dawn il-kontributi sejjer jaqa' fir-responsabbiltà tal-Parti li tipprovdihom, li taġixxi permezz ta' l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tagħha.

Il-kontributi in natura huma eżenti mid-dazji ta' l-importazzjoni u l-esportazzjoni, u, fil-każ ta' persunal li Parti waħda tkun għamlitu disponibbli bħala kontribut in natura għall-implimentazzoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', dan ikun eżentat mit-taxxi fuq is-salarji, il-pagi u l-ħlasijiet fit-territorju tal-Parti l-oħra (l-Artikolu 13 tal-Ftehim).

9.2. Kull Parti sejra tkun responsabbli għas-salarji, l-assigurazzjoni u l-ħlasijiet li jitħallsu lill-persunal tagħha (l-Artikolu 14(5) tal-Ftehim). Bħala l-Parti Ospitanti, il-Ġappun sejjer jagħmel arranġamenti għall-alloġġ adegwat tal-membri tal-persunal li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni u l-familji tagħhom, jieħu l-miżuri li jkunu f'lokhom biex jiffaċilitaw id-dħul fit-territorju tiegħu tal-membri tal-persunal u l-familji tagħhom, u jitlob lill-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tiegħu biex tagħmel ħilitha kollha biex tiffaċilita servizzi adegwati legali u ta' traduzzjoni fl-eventwalità li jittieħdu passi legali kontra xi membru tal-persunal b'riżultat mill-qadi ta' dmirijietu (l-Artikolu 14(5) tal-Ftehim).

9.3. F'konformità mal-Pjanijiet tal-Proġetti u l-Programmi ta' Ħidma, il-Partijiet sejrin jagħmlu kontributi finanzjarji abbażi ta' sejħiet għal fondi li jinħarġu minn persuna maħtura mill-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun (l-Artikolu 7(3) a) tal-Ftehim). Il-kontributi finanzjarji sejrin jinżammu f'kontijiet separati għal kull proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' (l-Artikolu 7(3) b) tal-Ftehim). Il-kontijiet jistgħu jiġu vverifikati minn kull waħda mill-Partijiet fi kwalunkwe waqt matul il-Ftehim, sa ħames snin wara l-iskadenza jew it-terminazzjoni tiegħu abbażi ta' dokumenti u verifiki fil-post (l-Artikolu 11 tal-Ftehim).

Il-kontributi finanzjarji mingħand il-Partijiet jistgħu jintużaw għall-ispejjeż operattivi maqbula tal-proġetti, u għall-ispejjeż komuni ta' kull Tim ta' Proġett (l-Artikoli 7(3) u 17 tal-Ftehim).

10. Il-Ftehim fih kapitolu dwar l-Informazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali (il-Kapitolu V tal-Ftehim) li jissejjes fuq l-Anness C tal-Ftehim bejn l-EURATOM, il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar il-Kooperazzjoni fl-Attivitajiet tad-Disinn ta' l-Inġinerija għall-ITER (il-Ftehim ITER EDA)[4].

11. Il-Ftehim, flimkien ma kwalunkwe emenda tiegħu, jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jkunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu tlestew (l-Artikoli 21 u 23 tal-Ftehim).

12. It-tul tal-Ftehim huwa għaxar snin. Jibqa' fis-seħħ sakemm ma jiġix itterminat minn xi waħda mill-Partijiet fi tmiem il-perjodu inizjali jew fi kwalunkwe waqt wara dan, permezz ta' l-għoti ta' avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra, talanqas sitt xhur bil-quddiem (l-Artikolu 22(1) tal-Ftehim).

13. Matul il-perjodu inizjali ta' 10 snin, il-Ftehim jista' jiġi tterminat biss (i) bi qbil bejn il-Partijiet, (ii) jekk il-Ftehim ta' l-ITER jiġi tterminat, jew (iii) jekk waħda mill-Partijiet ma tibqax parti fil-Ftehim ta' l-ITER (l-Artikolu 22(2) tal-Ftehim).

14. Partijiet oħra fil-Ftehim ta' l-ITER jistgħu jieħdu sehem fi proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', soġġetti għad-deċiżjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija (l-Artikolu 25 tal-Ftehim). Il-Kumitat ta' Tmexxija jista' japprova u jikkonkludi ftehimiet u arranġamenti ma' dik il-parti dwar parteċipazzjoni bħal din skond il-proċeduri interni tal-Partijiet.

15. Kull mistoqsija jew kwistjoni li għandha x'taqsam ma' l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tiġi riżoluta bi qbil komuni bejn il-Partijiet (l-Artikolu 24 tal-Ftehim).

16. Fir-rigward ta' l-EURATOM, il-Ftehim japplika għat-territorji koperti mit-Trattat ta' l-EURATOM u, f'konformità ma' dak it-Trattat u l-ftehimiet rilevanti l-oħra kollha, għar-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Konfederazzjoni Żvizzera, li jipparteċipaw fil-programm tal-fużjoni ta' l-EURATOM bħala Stati terzi assoċjati bis-sħiħ (l-Artikolu 26 tal-Ftehim).

17. L-Annessi, li fihom provvedimenti speċifiċi għal kull proġett fl-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', għandhom l-istruttura li ġejja: L-Artikolu 1 jistipula l-għan tagħhom, l-Artikolu 2 jiddefinixxi l-ambitu ta' l-attività rispettiva tagħhom, l-Artikolu 3 jiddefinixxi l-lok tas-sit ta' ħidma, u l-Artikolu 5 jistabbilixxi t-tul speċifiku ta' kull proġett. L-Artikolu 6 ta' l-Anness I dwar l-IFMIF/EVEDA u l-Artikolu 6 ta' l-Anness II dwar l-IFERC jagħmlu provvedimenti speċifiċi dwar il-proprjetà ta' kompnenti li jidderogaw mill-provvediment ġenerali dwar il-proprjetà fl-Artikolu 14(3).

L-Implikazzjonijiet għall-baġit

18. Il-kontributi ta’ l-EURATOM għall-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' se jkunu pprovduti permezz tal-Ftehim Konġunt għall-ITER u għall-Iżvilupp ta' l-Enerġija mill-Fużjoni li għandu jiġi stabbilit skond it-Titolu II, Kapitolu V tat-Trattat ta' l-EURATOM. L-implikazzjonijiet tal-konklużjoni tal-Ftehim għall-baġit huma inkorporati fil-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta ta' l-ITER u l-Iżvilupp tal-Fużjoni[5].

ID-DEċIżJONI PROPOSTA

19. Huwa propost li

- abbażi ta' l-Artikolu 101, paragrafu 2, tat-Trattat ta' l-EURATOM, il-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni hawnhekk annessa, dwar il-konklużjoni min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/668/Euratom[6] li tadotta is-sitt Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (Euratom) għall-attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ, li jikkontribwixxu wkoll għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta’ Riċerka (2002-2006) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/837/Euratom[7] li tadotta programm speċifiku (Euratom) għar-riċerka u t-taħriġ fil-qasam ta’ l-enerġija nukleari (2002-2006),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[8],

Billi:

(1) Skond id-Direttivi tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2000, kif emendati mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2002, is-26 ta’ Novembru 2003 u s-25 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni mexxiet negozjati mal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika rigward Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER.

(2) Fil-Laqgħa Ministerjali li saret f'Moska fit-28 ta' Ġunju 2005, il-Partijiet fin-Negozjati ta' l-ITER qablu li l-ITER kellu jinbena f'Cadarache. Qablu wkoll fuq dokument konġunt anness dwar ir-rwoli ta' l-entità ospitanti (Euratom) u dik mhux ospitanti (il-Ġappun) fil-Proġett ITER.

(3) Skond id-dokument konġunt imsemmi hawn fuq u emendat mid-Direttivi tal-Kunsill, il-Kummissjoni wettqet negozjati mal-Gvern tal-Ġappun dwar Ftehim għall-Implimentazzjoni Konġunta ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'.

(4) Fl-20 ta' Ġunju 2006, waqt laqgħa ġewwa Tokjo, ir-rappreżentanti ta' l-EURATOM u tal-Ġappun adottaw ir-Rapport Finali dwar in-Negozjati dwar il-Ftehim ta' l-Approċċ Usa', li kkonferma t-tlestija tal-proċess tan-negozjati u rreġistra d-dokumenti sussidjarji prodotti mill-Euratom u mill-Ġappun.

(5) Fil- [data] , ir-rappreżentanti ta' l-EURATOM u tal-Ġappun iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta għall-implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' li tagħti dettalji rigward il-kontributi tal-Partijiet għall-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'.

(6) Għandha tiġi approvata l-konklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. B'dan hija approvata l-konklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, għal u f'isem il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni.

2. It-test tal-Ftehim hu anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

Anness I għall-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill

Ftehim bejn il-Gvern tal-Ġappun U l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika għall-Implimentazzjoni Konġunta ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni

Il-Gvern tal-Ġappun u l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (minn hawn 'il quddiem "EURATOM"), kollettivament imsemmija bħala "l-Partijiet",

Wara li kkunsidraw il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Gvern tal-Ġappun u l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika fil-Qasam tal-Fużjoni Termonukleari Kkontrollata;

Wara li kkunsidraw id-"Dikjarazzjoni Konġunta tar-Rappreżentanti tal-Partijiet fin-Negozjati dwar l-ITER, fl-okkażjoni tal-Laqgħa Ministerjali għall-ITER, Moska, fit-28 ta' Ġunju 2005", u d-Dokument Konġunt anness magħha "Ir-Rwoli tal-Parti Ospitanti u ta' dik Mhux Ospitanti għall-Proġett ITER" (minn hawn 'il quddiem "id-Dokument Konġunt") li fihom ġew stabbiliti l-prinċipji ewlenin għall-implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa';

Wara li kkunsidraw "Id-Dikjarazzjoni Konġunta mir-Rappreżentanti ta' l-EURATOM u tal-Gvern tal-Ġappun għall-implimentazzjoni konġunta ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'" [fl-okkażjoni tal-Laqgħa Ministerjali għall-ITER [ Brussell ], [ data ]] (minn hawn 'il quddiem “id-Dikjarazzjoni Konġunta [ ta' Brussell ]”);

Filwaqt li jfakkru l-kontributi tal-Partijiet għat-tħejjija għall-implimentazzjoni konġunta tal-Proġett ta' l-ITER permezz ta' l-Attivitajiet tad-Disinn ta' l-Inġinerija għall-ITER u l-istabbiliment ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER;

Filwaqt li jirrikonoxxu r–rwol ta' l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika fil-Proġett ta' l-ITER u l-kollaborazzjoni tal-Partijiet fir-riċerka dwar il-fużjoni u l-oqsma ta' żvilupp taħt l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku;

Xewqana li flimkien jimplimentaw l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' b'appoġġ tal-Proġett ta' l-ITER u realizzazzjoni bikrija ta' l-enerġija mill-fużjoni għal skopijiet paċifiċi fuq medda ta' żmien kompatibbli mal-fażi ta' kostruzzjoni ta' l-ITER;

Ftiehmu kif ġej:

Kapitolu 1 Daħla

Artikolu 1

L-Għan

L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jistabbilixxi qafas għal proċeduri u dettalji speċifiċi għall-implimentazzjoni konġunta ta' attivitajiet ta' l-approċċ usa' (minn hawn 'il quddiem "l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa") b'appoġġ tar-realizzazzjoni bikrija ta' enerġija mill-fużjoni għal skopijiet paċifiċi, f'konformità mad-Dokument Konġunt.

Artikolu 2

Deskrizzjoni fil-Qosor ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'

1. L-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' għandhom jikkonsistu fit-tliet proġetti li ġejjin:

(a) il-proġett dwar l-Attivitajiet tal-Validazzjoni ta’ l-Inġinerija u tad-Disinn ta' l-Inġinerija għall-Faċilità Internazzjonali għall-Irradjazzjoni ta' Materjali għall-Fużjoni (minn hawn 'il quddiem "IFMIF/EVEDA")

(b) Il-proġett dwar iċ-Ċentru Internazzjonali għar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni (minn hawn 'il quddiem "IFERC"); kif ukoll

(c) il-proġett dwar il-Programm tat-Tokamak Anċillari.

2. F'konformità mad-Dokument Konġunt u abbażi tad-Dikjarazzjoni Konġunta [ ta' Brussell ], l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' għandhom jiġu implimentati fuq medda ta' żmien kompatibbli mal-fażi ta' kostruzzjoni ta' l-ITER.

3. Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' għandhom ikunu hekk kif stabbiliti f'dan il-Ftehim. Il-prinċipji speċifiċi għal kull proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' għandhom ikunu hekk kif stabbiliti fl-Annessi I, II u III, li jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Kapitolu 2 L-Istruttura Amministrattiva ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'

Artikolu 3

Il-Kumitat ta' Tmexxija dwar l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'

1. B'dan qed jiġi stabbilit kumitat ta' tmexxija dwar l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' (minn hawn 'il quddiem "il-Kumitat ta' Tmexxija") li, f'konformità ma' dan il-Ftehim, għandu jkun responsabbli għad-direzzjoni u s-sorveljanza globali ta' l-implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'.

2. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jiġi megħjun minn segretarjat stabbilit skond l-Artikolu 4(1) (minn hawn 'il quddiem "is-Segretarjat").

3. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkollu personalità ġuridika u fir-relazzjonijiet tiegħu ma' stati u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u fit-territorji tal-Partijiet għandu jgawdi dik il-kapaċità ġuridika li tista' tkun meħtieġa biex jaqdi l-funzjonijiet tiegħu u jilħaq skopijietu.

4. Kull Parti għandha taħtar għadd ugwali ta' membri għall-Kumitat ta' Tmexxija u tinnomina wieħed mill-membri maħtura bħala l-kap tad-delegazzjoni tagħha.

5. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jiltaqa' talanqas darbtejn kull sena, b'alternanza fl-Ewropa u fil-Ġappun, jew fi żminijiet u postijiet oħra miftiehma. Il-kap tad-delegazzjoni tal-Parti li tospita l-laqgħa għandu jippresjediha. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jiltaqa' meta jiġi msejjaħ mill-president tiegħu.

6. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonjiet permezz tal-kunsens.

7. L-infiq tal-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun għall-ispejjeż taż-żewġ Partijiet, abbażi ta' qbil komuni.

8. Il-funzjonijiet tal-Kumitat ta' Tmexxija għandhom jinkludu:

(a) il-ħtir tal-persunal tas-Segretarjat kif jipprovdi l-Artikolu 4(1);

(b) il-ħtir ta' mexxej tal-proġett għal kull proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' kif jipprovdi l-Artikolu 6(1) (minn hawn 'il quddiem"Mexxej(ja) tal-Proġett(i)");

(c) l-approvazzjoni ta' pjan tal-proġett, programm ta' ħidma u rapport annwali għal kull proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' kif jipprovdi l-Kapitolu 3 (minn hawn 'il quddiem "Pjan(ijiet) tal-Proġett(i)", "Programm(i) ta' Ħidma" u "Rapport(i) Annwali" rispettivament);

(d) l-approvazzjoni ta' l-istruttura ta' tim tal-proġett kif jipprovdi l-Artikolu 6(2) (minn hawn 'il quddiem "Tim(ijiet) tal-Proġett(i)");

(e) il-ħtir, fuq bażi annwali, ta' esperti li Parti tqegħidhom għad-dispożizzjoni tat-Timijiet tal-Proġetti bħala l-kontribut in natura tagħha kif jipprovdi l-Artikolu 12(1)(a)(ii) (minn hawn 'il quddiem "l-Esperti");

(f) f'konformità ma' l-Artikolu 25, id-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe parti oħra fil-Ftehim dwar l-Istabbiliment ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim ta' l-ITER") fi proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', u l-konklużjoni sussegwenti ta' ftehimiet u arranġamenti ma' dik il-parti dwar parteċipazzjoni ta' dan it-tip; kif ukoll

(g) kwalunkwe funzjoni oħra li tista' tkun meħtieġa biex tidderieġi u tissorvelja l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'.

Artikolu 4

Is-Segretarjat

1. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jistabbilixxi s-Segretarjat, li għandu jkollu s-sede tiegħu fil-Ġappun. Il-persunal tas-Segretarjat għandu jinħatar mill-Kumitat ta' Tmexxija.

2. Is-Segretarjat għandu jgħin lill-Kumitat ta' Tmexxija. Il-funzjonijiet tas-Segretarjat għandhom jiġu ddeterminati mill-Kumitat ta' Tmexxija, u għandhom jinkludu:

(a) ir-riċeviment u t-trażmissjoni tal-komunikazzjonijiet uffiċjali tal-Kumitat ta' Tmexxija;

(b) it-tħejjija tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija;

(c) it-tħejjija ta rapporti amministrattivi u ta' xorta oħra għall-Kumitat ta' Tmexxija; kif ukoll

(d) it-twettiq ta' kwalunkwe attività oħra skond ma jiddeċiedi l-Kumitat ta' Tmexxija.

Artikolu 5

Il-Kumitat tal-Proġett

1. Għal kull proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', il-Partijiet għandhom jistabbilixxu kumitat tal-proġett (minn hawn 'il quddiem "il-Kumitat tal-Proġett").

2. Kull Parti għandha taħtar għadd ugwali ta' membri fuq kull Kumitat tal-Proġett.

3. Il-Kumitat għandu jiltaqa' talanqas darbtejn fis-sena. Għandu jiltaqa' fil-Ġappun, sakemm il-Kumitat tal-Proġett ma jiddeċidix mod ieħor. Il-president tal-Kumitat tal-Proġett għandu jiġi maħtur mill-Kumitat ta' Tmexxija minn fost il-membri tal-Kumitat tal-Proġett.

4. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonjiet permezz tal-kunsens.

5. Is-segretarjat ta' kull Kumitat tal-Proġett għandu jkun żgurat mill-Mexxej tal-Proġett rispettiv, kif jipprovdi l-Artikolu 6.

6. Il-funzjonijiet ta' kull Kumitat tal-Proġett għandhom jinkludu li:

(a) jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozzi tal-Pjanijiet tal-Proġetti, il-Programmi ta' Ħidma u r-Rapporti Annwali rispettivi biex il-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat iressaqhom quddiem il-Kumitat ta' Tmexxija, f'konformità mal-Kapitolu 3;

(b) jissorvelja l-progress li jsir fil-proġett ikkonċernat ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', u jirrapporta dwaru; kif ukoll

(c) iwettaq kwalunkwe ħidma oħra, taħt id-direzzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

Artikolu 6

Il-Mexxej tal-Proġett u t-Tim tal-Proġett

1. Għal kull proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jaħtar Mexxej tal-Proġett. Il-Mexxej tal-Proġett għandu jkun responsabbli għall-koordinament ta' l-implimentazzjoni tal-proġett, kif speċifikat fl-Annessi I, II u III.

2. Fil-qadi tar-responsabbiltajiet u l-funzjonjiet tiegħu, kull Mexxej tal-Proġett għandu jkun megħjun mit-Tim tal-Proġett rispettiv. Fost il-membri ta' kull Tim tal-Proġett għandu jkun hemm l-Esperti u membri oħra, bħalma huma xjenzati viżitanti. L-istruttura ta' kull Tim tal-Proġett għandha tiġi approvata mill-Kumitat ta' Tmexxija, fuq il-proposta tal-Mexxej tal-Proġett rispettiv.

3. Il-funzjonijiet ta' kull Mexxej tal-Proġett għandhom jinkludu li:

(a) jorganizza, jidderieġi u jissorvelja t-Tim tal-Proġett fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma;

(b) iħejji l-Pjan tal-Proġett, il-Programm ta' Ħidma u r-Rapport Annwali, u jressaqhom quddiem il-Kumitat ta' Tmexxija għall-approvazzjoni tiegħu, wara li jikkonsulta mal-Kumitat tal-Proġett rispettiv;

(c) jitlob lill-aġenzija ta' l-implimentazzjoni ddeżinjata mill-Gvern tal-Ġappun skond l-Artikolu 7(1) (minn hawn 'il quddiem "l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun") biex toħroġ il-ħlas ta' l-infiq b'appoġġ tat-Tim tal-Proġett rispettiv, f'konformità ma' l-Artikolu 17

(d) iżomm kontijiet dwar il-kontribut ta' kull Parti;

(e) jiżgura s-segretarjat tal-Kumitat tal-Proġett; kif ukoll

(f) jirrapporta lill-Kumitat tal-Proġett dwar il-progress li jkun sar fil-proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'.

Artikolu 7

L-Aġenżiji ta' l-Implimentazzjoni

1. Kull Parti għandha tiddeżinja aġenzija ta' l-implimentazzjoni biex taqdi l-obbligi tagħha għall-implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' (minn hawn 'il quddiem "Aġenzija/i ta' l-Implimentazzjoni"), partikolarment biex tqiegħed għad-dispożizzjoni r-riżorsi għall-implimentazzjoni tagħhom. Jekk l-Aġenziji ta' l-Implimentazzjoni ma jkunux għadhom ġew iddeżinjati wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet minnufih għandhom jikkonsultaw bejntiethom dwar kif jistgħu jsolvu l-kwistjoni.

2. L-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għandha tospita lit-Timijiet tal-Proġetti, u għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni siti tax-xogħol inklużi uffiċċji, prodotti u servizzi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ħidmiet li jkun għandhom jagħmlu t-Timijiet tal-Proġett skond it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I, II u III.

3. Suġġett għall-Artikolu 3(1), l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għandu jkollha r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-kontributi finanzjarji maqbula għall-ispejjeż operattivi, kif ukoll tal-kontributi finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta' kull Tim tal-Proġett, allokati għal kull proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' f'konformità mal-Pjan tal-Proġett u l-Programm ta' Ħidma rispettivi. Għall-fini tal-ġestjoni ta' dawn il-kontributi finanzjarji, l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappungħandha tinkariga lil persuna li tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-kontributi finanzjarji tal-Partijiet Il-funzjonijiet ta' din il-persuna għandhom jinkludu li:

(a) issejjaħ biex il-Parti(jiet) jew l-Aġenzija/i ta' l-Implimentazzjoni jipprovdu kontributi finanzjarji f'konformità mal-Pjanijiet tal-Proġetti u l-Programmi ta' Ħidma; kif ukoll

(b) iżżomm kontijiet separati tal-kontributi finanzjarji għal kull proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', u li tħarishom, flimkien ma' kwalunkwe ktieb, reġistru jew dokument ieħor li jirrigwarda l-kontributi finanzjarji, għal perjodu ta' mhux anqas minn ħames snin wara l-iskadenza jew it-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim.

4. L-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tikseb il-permessi u l-liċenzji kollha li dwarhom jipprovdu l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fil-Ġappun u li jkunu rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'.

Kapitolu 3 L-Istrumenti ta' l-Implimentazzjoni

Artikolu 8

Il-Pjan tal-Proġett

1. Kull Mexxej tal-Proġett, wara li jikkonsulta mal-Kumitat tal-Proġett rispettiv, mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena għandu jissottometti Pjan tal-Proġett tal-proġett rispettiv ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

2. Kull Pjan tal Proġett għandu jkopri t-tul kollu tal-proġett ikkonċernat, u għandu jiġi aġġornat regolarment. Għandu:

(a) jagħti pjan ġenerali ta' l-attivitajiet, inklużi skeda taż-żmien u tappi ewlenin għall-implimentazzjoni ta' dak il-proġett fid-dawl tal-progress li jkun sar; kif ukoll

(b) jipprovdi stampa komprensiva tal-kontributi li diġà jkunu saru u li jkun għandhom isiru fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni tal-proġett ikkonċernat.

Artikolu 9

Il-Programm ta’ Ħidma

Kull Mexxej tal-Proġett, wara li jikkonsulta mal-Kumitat tal-Proġett rispettiv, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru ta' kull sena għandu jissottometti Programm ta' Ħidma għas-sena ta' wara tal-proġett rispettiv ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija. Il-Programmi ta' Ħidma għandhom jipprovdu d-dettalji tal-Pjanijiet tal-Proġetti rispettivi u jagħtu deskrizzjoni programmatika ta' l-attivitajiet li jkun għandhom isiru, inklużi l-miri, l-ippjanar, l-ispejjeż komuni u l-kontributi li tkun għandha tagħmel kull Parti.

Artikolu 10

Ir-Rapport Annwali

1. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena, kull Mexxej tal-Proġett għandu, għall-proġett ikkonċernat, jippreżenta għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija Rapport Annwali li jkopri l-attivitajiet li jkunu saru fl-implimentazzjoni tal-proġett rispettiv ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', inkluż sommarju tal-kontributi magħmula minn kull waħda mill-Partijiet u rendikont tal-ħruġ ta' flus min-naħa ta' l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun, skond l-Artikolu 7(3). Ma' l-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija, il-Mexxej tal-Proġett għandu jgħaddi lill-Partijiet u lill-Aġenziji ta' l-Implimentazzjoni r-Rapport Annwali flimkien ma' kwalunkwe kumment min-naħa tal-Kumitat ta' Tmexxija.

2. L-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għandha tipprovdi lil kull Mexxej tal-Proġett l-informazzjoni meħtieġa għas-sommarju tal-kontributi magħmula minn kull waħda mill-Partijiet u rendikont tal-ħruġ ta' flus min-naħa ta' l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għall-proġett ikkonċernat.

3. Il-Pjanijiet tal-Proġetti, il-Programmi ta' Ħidma u r-Rapporti Annwali, li dwarhom jipprovdu l-Artikoli 8 sa 10, kif ukoll kwalunkwe dokument essenzjali ieħor għall-implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', għandhom jitfasslu bl-Ingliż.

Artikolu 11

Verika finanzjarja

Fi kwalunkwe waqt matul dan il-Ftehim u sa ħames snin wara l-iskadenza jew it-terminazzjoni tiegħu, kull Parti tista' tagħti bidu għal verifika finanzjarja tal-kontijiet separati miżmuma mill-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għall-finijiet ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', abbażi ta' dokumenti u verifiki fil-post. Għall-finijiet tal-verifika, kif ikun meħtieġ u f'loku, għandhom ikunu aċċessibbli l-kotba, ir-reġistri u kwalunkwe dokument ieħor miżmum mill-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni rigward l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'.

Kapitolu 4 Ir-riżorsi

Artikolu 12

Il-Prinċipji Ġenerali

1. Ir-riżorsi għall-implimentazzjoni ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa' għandhom jikkonsistu fi:

(a) kontributi in natura , skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u taħt it-termini u l-kundizzjonjiet kif imsemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta [ ta' Brussell ] u fl-annessi, magħmula minn:

(i) komponenti, tagħmir, materjali speċifiċi u prodotti u servizzi oħra; kif ukoll

(ii) l-Esperti li Parti tkun qegħdithom għad-dispożizzjoni tat-Timijiet tal-Proġetti, wara li jkunu nħatru mill-Kumitat ta' Tmexxija, u l-persunal li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tas-Segretarjat wara li jkun inħatar mill-Kumitat ta' Tmexxija; kif ukoll

(b) kontributi finanzjarji skond it-termini u l-kundizzjonijiet kif imsemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta [ ta' Brussell ] u fl-annessi tagħha .

2. Suġġett għal-liġijiet u r-egolamenti ta' kull Parti, id-dokument "Stimi tal-Valur u l-Allokazzjoni tal-Kontributi tal-Partijiet" anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta [ ta' Brussell ] jista' jiġi aġġornat kull sena fuq deċiżjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

Artikolu 13

It-taxxi

1. Kull Parti għandha tagħti permess għall-importazzjoni fit-territorju tagħha u l-esportazzjoni minnu, bla dazju, ta' prodotti li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, u għandha tiżgura l-eżenzjoni tagħhom minn kwalunkwe taxxa oħra jew dazju ieħor miġbur(a) mill-awtoritajiet tad-dwana, kif ukoll minn projbizzjonijiet u restrizzjonijiet ta' l-importazzjoni. Dan il-paragrafu għandu jiġi implimentat irrispettivament mill-pajjiż ta' l-oriġini ta' dawn il-prodotti meħtieġa.

2. L-Esperti li Parti tkun qegħdithom għad-dispożizzjoni tat-Timijiet tal-Proġetti, wara li jkunu nħatru mill-Kumitat ta' Tmexxija, u l-persunal li Parti tkun qegħditu għad-dispożizzjoni tas-Segretarjat wara li jkun inħatar mill-Kumitat ta' Tmexxija bħala kontribut in natura skond l-Artikolu 12(1)(a)(ii) għandhom ikunu eżenti mit-taxxi fuq is-salarji, il-pagi u l-ħlasijiet fit-territorju tal-Parti l-oħra.

Artikolu 14

Ir-Regolament tal-Kontributi In Natura

1. Kull kontribut in natura għandu jkun is-suġġett ta' arranġament ta' akkwist (minn hawn 'il quddiem "l-Arranġament ta' Akkwist") miftiehem bejn l-Aġenziji ta' l-Implimentazzjoni, bil-qbil tal-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat.

2. L-Arranġament ta' Akkwist għandu jipprovdi deskrizzjoni teknika dettaljata tal-kontributi li jkunu għandhom isiru, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-iskedi, it-tappi fil-proċess, l-evalwazzjonijiet tar-riskji, ir-riżultati konkreti mistennija u l-kriterji għall-aċċettazzjoni tagħhom, u għandu jistipula l-arranġamenti li permezz tagħhom il-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat se jkun jista' jeżerċita l-awtorità teknika fuq it-twettiq tal-kontribuzzjonijiet in natura. L-Arranġament ta' Akkwist, b'mod partikolari, għandu jistipula:

(a) il-valur attribwit lil kull kontribut in natura ;

(b) ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta' l-Aġenziji ta' l-Implimentazzjoni u l-Mexxej tal-Proġett;

(c) il-proċedura ta l-akkwist;

(d) l-iskeda u l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' l-ilħiq ta' tappi u r-riżultati konkreti mistennija;

(e) l-applikazzjoni ta' miżuri ta' l-iżgurar tal-kwalità;

(f) il-proċeduri ta' relazzjoni u monitoraġġ bejn il-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat, l-Aġenziji ta' l-Implimentazzjoni u l-entitajiet involuti fil-forniment tar-riżultati konkreti mistennija;

(g) proċeduri biex jittrattaw tibdiliet ta' akkwist li jistgħu jkollhom impatt fuq l-ispejjeż, l-iskedar u l-prestazzjonijiet; kif ukoll

(h) l-aċċettazzjoni tar-riżultati konkreti aħħarija mistennija u t-trasferiment possibli tal-proprjetà.

3. Il-proprjetà tal-komponenti li jkunu kontributi in natura min-naħa ta' l-aġenzija ta' l-implimentazzjoni ddeżinjata mill-EURATOM skond l-Artikolu 7(1) (minn hawn 'il quddiem "l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni ta' l-Ewropa") għandha tiġi ttrasferita lill-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun fil-waqt ta' l-aċċettazzjoni fis-sit tax-xogħol rispettiv min-naħa tal-Mexxej tal-Proġet rispettiv u l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun. L-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għandha tkun responsabbli għat-trasport tal-komponenti kkontribwiti mill-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni ta' l-Ewropa, mill-port tad-dħul sas-sit tax-xogħol.

4. Għall-Esperti jew il-persunal tas-Segretarjat, l-Arranġament ta' Akkwist għandu jieħu s-sura ta' arranġament ta' ssekondar. Il-valur attribwit lill-Esperti jew lill-persunal tas-Segretarjat għandu jkun kif imsemmi fid-dokument "Stimi tal-Valur u l-Allokazzjoni tal-Kontributi tal-Partijiet" anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta [ ta' Brussell ], u jista' jiġi aġġornat mill-Kumitat ta' Tmexxija minn żmien għal żmien, skond il-ħtieġa.

5. Kull Parti għandha tkun responsabbli għas-salarji, l-assigurazzjonijiet u l-ħlasijiet li jkun għandhom jitħallsu lill-Esperti tagħha u lill-persunal tas-Segretarjat, u sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor, għandha tħallas l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-għajxien tagħhom. Il-Parti li tospita t-Timijiet tal-Proġetti u/jew is-Segretarjat għandha tagħmel arranġamenti għall-alloġġ adegwat ta' l-esperti, il-persunal tas-Segretarjat u l-familji tagħhom. Il-Parti li tospita t-Timijiet tal-Proġetti u/jew is-Segretarjat għandha tieħu l-miżuri li jkunu f'lokhom biex tiffaċilita d-dħul fit-territorju tagħha ta' l-Esperti u l-membri tal-persunal tas-Segretarjat u l-familji tagħhom, u għandha titlob lill-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tagħha tagħmel ħilitha kollha biex tiffaċilita servizzi adegwati legali u ta' traduzzjoni fl-eventwalità li jittieħdu passi legali kontra l-Esperti u l-persunal tas-Segretarjat b'riżultat mill-qadi ta' dmirijiethom. L-Esperti u l-persunal tas-Segretarjat għandhom joqgħodu għar-regoli ġenerali u speċjali tax-xogħol u għar-regolamenti tas-sikurezza fis-seħħ fl-istabbiliment ospitanti, jew inkella kif ikun miftiehem fl-arranġament ta' ssekondar, waqt il-qadi ta' dmirijiethom fil-Parti l-oħra.

Artikolu 15

L-Aġġustamenti għall-Allokazzjonijiet

Jekk tqum il-ħtieġa minħabba ċirkustanzi mhux previsti, Parti tista' tipproponi li tibdel l-allokazzjoni tal-kontributi fi ħdan proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa'. Fuq proposta bħal din, il-Mexxej ta' Proġett ikkonċernat għandu, wara li jikkonsulta l-Kumitat tal-Proġett ikkonċernat, jipproponi lill-Kumitat ta' Tmexxija allokazzjoni tar-riżorsi riveduta, filwaqt li jżomm bla mittiefes l-ispiża totali tal-proġett ikkonċernat u l-bilanċ globali tal-kontributi bejn il-Partijiet f'dak il-proġett.

Artikolu 16

Il-Kontributi Finanzjarji

Il-ħlasijiet kollha li jsiru mill-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni ta' l-Ewropa għandhom isiru fil-munita Euro. Il-ħlasijiet kollha li jsiru mill-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għandhom isiru fil-munita Yen.

Artikolu 17

L-Ispejjeż Komuni tat-Timijiet tal-Proġetti

L-ispejjeż komuni ta' kull Tim tal-Proġett għandhom jinħarġu mill-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun skond l-Artikolu 7(3). Għal dan il-għan, l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għandha twettaq l-azzjonijiet meħtieġa fuq it-talba tal-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat, u fi ħdan il-valuri massimi stabbiliti fil-Programm ta' Ħidma rilevanti.

Kapitolu 5 L-Informazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali

Artikolu 18

It-Tixrid, l-Użu u l-Protezzjoni ta' l-Informazzjoni

1. Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu:

(a) "informazzjoni" tfisser dijagrammi, disinji, komputazzjonijiet, rapporti u dokumenti oħra, data ddokumentati jew metodi ta' riċerka u żvilupp, deskrizzjonijiet ta' invenzjonijiet u sejbiet, sew jekk ikunux brevettabbli jew le; kif ukoll

(b) "Informazzoni Kummerċjali Kunfidenzjali" tfisser informazzjoni li jkun fiha għarfien tekniku, sigrieti kummerċjali, jew inkella informazzjoni teknika, kummerċjali jew finanzjarja, li:

(i) il-proprjetarju tagħha jkun żammha kunfidenzjali,

(ii) mhijiex ġeneralment magħrufa jew disponibbli minn sorsi oħra;

(iii) il-proprjetarju tagħha ma jkunx għamilha disponibbli għal partijiet oħra mingħajr obbligu rigward il-kunfidenzjalità tagħha; kif ukoll

(iv) ma tkunx disponibbli għall-parti li tirċeviha mingħajr obbligu rigward il-kunfidenzjalità tagħha.

2. Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, il-Partijiet jappoġġaw l-usa' tixrid possibbli ta' l-Informazzjoni ġġenerata fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

3. Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, l-Informazzjoni kollha ġġenerata mill-membri tat-Timijiet tal-Proġetti fit-twettiq tal-ħidmiet assenjati lilhom taħt dan il-Ftehim għandha ssir liberament aċċessibbli lil kull waħda mill-Partijiet għall-użu fir-riċerka u l-iżvilupp tal-fużjoni termonukleari kkontrollata bħala sors ta' enerġija għal skopijiet paċifiċi.

4. Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, kull Parti għandu jkollha d-dritt għal liċenzja mhux esklussiva, irrevokabbli u mingħajr il-ħlas ta' drittijiet, fil-pajjiżi kollha, biex tittraduċi, tirreproduċi u tiddistribwixxi fost il-pubbliku artikli ta' rivisti, rapporti u kotba xjentifiċi u tekniċi li joħorġu direttament mill-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Il-kopji kollha ddistribwiti fost il-pubbliku ta' xogħol kopert mid-Dritt ta' l-Awtur imħejji taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandu jindika l-ismijiet ta' l-awturi tax-xogħol, sakemm awtur ma jkunx għażel espliċitament li ma jissemmiex.

5. Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, l-Informazzjoni kollha ġġenerata mill-persunal ta' Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni fit-twettiq tal-ħidmiet assenjati lilu taħt dan il-Ftehim għandha ssir liberament aċċessibbli lil kull waħda mill-Partijiet għall-użu fir-riċerka u l-iżvilupp tal-fużjoni termonukleari kkontrollata bħala sors ta' enerġija għal skopijiet paċifiċi.

6. Kwalunkwe kuntratt mogħti fuq l-inizjattiva ta' Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni jew ta' Mexxej ta' Proġett għat-twettiq tal-ħidma assenjata lilu/ha għandu jkun fih provvedimenti biex il-Partijiet jitħallew jaqdu l-obbligi tagħhom taħt dan il-Ftehim.

7. Suġġett għal-liġijiet u r-regolamenti u għall-obbligi tagħha lejn terzi persuni u għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, kull Parti għandha tagħmel ħilitha kollha biex tqiegħed liberament għad-dispożizzjoni tat-Timijiet tal-Proġetti u ta' l-Aġenziji ta' l-Implimentazzjoni kull Informazzjoni li tkunilha disponibbli li huma jistgħu jkunu jeħtiġuha fit-twettiq tal-ħidmiet assenjati lilhom taħt dan il-Ftehim.

8. Jekk, fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, issir disponibbli Informazzjoni Kummerċjali Kunfidenzjali, għandha tiġi mmarkata bħala tali u trażmessa skond arranġament ta' kunfidenzjalità. Min jirċievi informazzjoni bħal din għandu jużaha għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, u jżomm il-kunfidenzjalità tagħha sal-grad li dwaru jiddisponi dak l-arranġament.

Artikolu 19

Il-Proprjetà Intellettwali

1. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, il-"proprjetà intellettwali" għandu jkollha t-tifsira definita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li saret fi Stokkolma, fl-14 ta' Lulju 1967. F'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, kull Parti għandha tiżgura li l-Parti l-oħra tkun tista' tikseb id-drittijiet għall-proprjetà intellettwali allokati skond dan il-Kapitolu. Dan il-Kapitolu la jibdel u lanqas jippreġudika l-allokazzjoni tad-drittijiet bejn Parti u ċ-ċittadini tagħha. Jekk id-drittijiet rigward il-proprjetà intellettwali għandhomx jinżammu minn Parti jew inkella miċ-ċittadini tiegħu għandu jiġi deċiż bejniethom skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħhom.

2. Fejn materjal proteġġibbli jiġi ġġenerat mill-membri tat-Timijiet tal-Proġetti fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Mexxej tal-Proġett rispettiv għandu minnufih jinforma lill-Kumitat ta' Tmexxija b'rakkomandazzjoni dwar il-pajjiżi li fihom tkun għandha tinkiseb il-protezzjoni għall-proprjetà intellettwali kkonċernata. Madankollu, kull Parti, l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tagħha jew il-membri tat-Timijiet tal-Proġetti li dik il-Parti tkun qegħdithom għad-dispożizzjoni, għandhom ikunu intitolati li jiksbu kwalunkwe dritt, titolu u interess fi u għall-proprjetà intellettwali fit-territorju ta' dik il-Parti. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jiddeċiedi jekk ifittixx li jikseb il-protezzjoni għat-tali proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi u kif jiksibha. Fil-każijiet kollha fejn Parti, l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tagħha jew il-membri tat-Timijiet tal-Proġetti li dik il-Parti tkun għamlithom disponibbli, tikseb/jiksbu l-protezzjoni għall-Proprjetà Intellettwali, il-Parti għandha tiżgura li l-membri tat-Timijiet tal-Proġetti jkunu jistgħu jużaw liberament il-proprjetà intellettwali kkonċernata għat-twettiq tal-ħidmiet assenjati lit-Timijiet tal-Proġetti.

3. Jekk il-persunal ta' Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni jiġġenera l-proprjetà intellettwali fit-twettiq ta' ħidma assenjata lilu taħt dan il-Ftehim, il-Parti ta' dik l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni, l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni jew il-persunal tagħha għandu jkun intitolat jakkwista kwalunkwe dritt, titolu u interess fi u għall-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi kollha, skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli. Il-Parti ta' l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni għandha tiżgura li l-membri tat-Timijiet tal-Proġetti jkunu jistgħu jużaw it-tali proprjetà intellettwali liberament għat-twettiq ta' ħidma assenjata lit-Timijiet tal-Proġetti, u li l-Parti l-oħra tingħata liċenzja mhux esklussiva, irrevokabbli u mingħajr il-ħlas ta' drittijiet, bid-dritt li toroġ liċenzja subordinata, għar-riċerka u l-iżvilupp dwar il-fużjoni termonukleari kkontrollata bħala sors ta' l-enerġija għal skopijiet paċifiċi.

4. Jekk il-persunal li jkun twiegħed għad-dispożizzjoni permezz ta' Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni jiġġenera l-proprjetà intellettwali waqt li jkun qed jaħdem fl-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Parti l-oħra, suġġett għal-liġijiet applikabbli rilevanti:

(a) Il-Parti li tilqa', l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tagħha jew il-persunal tagħha għandhom ikunu intitolati jakkwistaw kwalunkwe dritt, titolu u interess fi u għat-tali proprjetà intellettwali fit-territorju ta' dik il-Parti stess u f'pajjiżi terzi; kif ukoll

(b) Il-Parti emittenti, l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tagħha jew il-persunal tagħha għandhom ikunu intitolati jakkwistaw kwalunkwe dritt, titolu u interess fi u għat-tali proprjetà intellettwali fit-territorju ta' dik il-Parti stess.

5. Kull waħda mill-Partijiet, bla ħsara għal kwalunkwe dritt ta' l-inventuri jew ta' l-awturi skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tikseb il-kooperazzjoni tat-tali inventuri jew awturi, inklużi dawk fost il-persunal ta' l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tagħha, li tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Kull Parti għandha terfa' r-responsabblità għall-ħlas ta' għotjiet u kumpensi lit-tali inventuri jew awturi, skond il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

6. Minkejja l-paragrafi 2 sa 4, jekk Parti tiddeċiedi li ma teżerċitax id-dritt tagħha li tfittex li tikseb il-protezzjoni għall-Proprjetà Intellettwali fi kwalunkwe pajjiż jew reġjun, għandha tavża lill-Parti l-oħra b'dan, u l-Parti l-oħra mbagħad tkun tista' tfittex li tikseb it-tali protezzjoni.

Artikolu 20

L-Iskadenza jew it-Terminazzjoni

Id-drittijiet konferiti u l-obbligi imposti fuq il-Partijiet skond dan il-Kapitolu għandhom jibqgħu wara l-iskadenza jew it-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim, skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.

Kapitolu 6 Id-Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 21

Id-Dħul fis-Seħħ

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid- data li fiha l-Partijiet jiskambjaw noti diplomatiċi li fihom jinfurmaw lil xulxin li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu ġew kompluti.

Artikolu 22

It-Tul u t-Terminazzjoni

1. Dan il-Ftehim għandu jkun konkluż għal perjodu ta' għaxar snin u għandu jibqa' fis-seħħ wara dak il-perjodu, sakemm ma jiġix itterminat min-naħa ta' kwalunkwe Parti fi tmiem il-perjodu ta' għaxar snin jew fi kwalunkwe waqt wara dak il-perjodu, permezz ta' notifika lill-Parti l-oħra, bil-miktub u talanqas sitt xhur bil-quddiem, bl-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim.

2. Dan il-ftehim jista' jiġi tterminat qabel l-iskadenza tiegħu biss meta:

(a) ikun intlaħaq qbil komuni bejn iż-żewġ Partijiet;

(b) ikun ġie tterminat il-Ftehim ta' l-ITER; jew

(c) kwalunkwe waħda mill-Partijiet ma tibqax aktar parti fil-Ftehim ta' l-ITER.

3. L-iskadenza jew it-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim ma għandhiex taffettwa l-validità jew it-tul ta' kwalunkwe arranġament li jkun sar taħtu, jew xi drittijiet jew obbligi speċifiċi li jkunu rriżultaw f'konformità mal-Kapitolu 5.

Artikolu 23

L-Emendar

Fuq talba ta' kwalunkwe waħda minnhom, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom dwar jekk jemendawx dan il-Ftehim, u jistgħu jaqblu li jemendawh. It-tali emenda tidħol fis-seħħ fid- data meta l-Partijiet jiskambjaw noti diplomatiċi li bihom jinfurmaw lil xulxin li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħha jkunu tlestew.

Artikolu 24

Is-soluzzjoni ta' nuqqasijiet ta' qbil

Il-kwistjonijiet jew in-nuqqasijiet ta' qbil kollha bejn il-Partijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu solvuti b'konsultazzjoni u negozjati bejniethom.

Artikolu 25

Il-Parteċipazzjoni ta' Partijiet oħra ta' l-ITER

Kemmildarba kwalunkwe Parti oħra fil-Ftehim ta' l-ITER tesprimi l-intenzjoni tagħha li tieħu sehem fi proġett ta' l-Attivitajiet ta' l-Approċċ Usa', il-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat, wara li jikkonsulta mal-Kumitat tal-Proġett, għandu jressaq quddiem il-Kumitat ta' Tmexxija proposta rigward it-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni ta' dik il-parti fit-tali proġett. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni ta' dik il-parti fuq il-proposta tal-Mexxej tal-Proġett, u suġġett għall-approvazzjoni tal-Partijiet skond il-proċeduri interni tagħhom, jista' jikkonkludi ftehimiet u arranġamenti ma' dik il-parti dwar it-tali parteċipazzjoni.

Artikolu 26

L-applikazzjoni fir-rigward ta’ l-EURATOM

Skond it-Trattat li jistabbilixxi l-EURATOM, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorji koperti minn dak it-Trattat. Skond dak it-Trattat u ftehimiet rilevanti oħra, għandu japplika wkoll għar-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Konfederazzjoni Żvizzera, li jipparteċipaw fil-programm tal-fużjoni ta' l-EURATOM bħala Stati terzi assoċjati bis-sħiħ.

B'XHIEDA TA' DAN, is-sottoskritti, dovutement mogħnija bl-awtorizzazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun u tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi [ Brussell ] fil-[ data ], f'żewġ kopji bl-Ingliż u bil-Ġappuniż, u kull verżjoni hija awtorevoli bl-istess mod.

Għall-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika

[Il-firmatarju]

Għall-Gvern tal-Ġappun

[Il-firmatarju]

Anness I IFMIF/EVEDA

Artikolu 1

L-għan

1. Il-Partijiet, suġġetti għal dan il-Ftehim kif ukoll għal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, għandhom iwettqu l-Attivitajiet tal-Validazzjoni u tad-Disinn ta' l-Inġinerija (minn hawn 'il quddiem "EVEDA") biex joħolqu disinn kompletament integrat ta' l-inġinerija tal-Faċilità Internazzjonali għall-Irradjazzjoni ta' Materjali għall-Fużjoni (minn hawn 'il quddiem "IFMIF") u d- data kollha meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-ġejjieni rigward il-bini, l-operat, l-isfruttament u d-dekomissjonar ta' l-IFMIF, u biex jivvalidaw l-operat kontinwu u stabbli ta' kull sottosistema ta' l-IFMIF

2. Dawn id-disinji u d- data għandhom imbagħad jidhru f'rapport finali tad-disinn li għandu jiġi adottat mil-Kumitat ta' Tmexxija, fuq proposta tal-Mexxej tal-Proġett wara li dan ikun ikkonsulta mal-Kumitat tal-Proġett, u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' kull waħda mill-Partijiet għall-użu tagħha, jew bħala parti minn programm ta' kollaborazzjoni internazzjonali jew inkella fil-programm domestiku tagħha.

Artikolu 2

L-ambitu

1. Għall-ilħiq ta' l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dan l-Anness, għandhom isiru l-ħidmiet li ġejjin:

(a) l-istabbiliment tad-disinn ta' l-inġinerija ta' l-IFMIF, inklużi:

(i) deskrizzjoni kompluta ta' l-IFMIF, inklużi t-tliet sottosistemi ewlenin tagħha (l-aċċeleraturi, il-faċilità ta' mira u dik ta' l-ittestjar), il-binjiet inklużi fiċ-ċelel ta' temperatura għolja għall-eżami ta' wara l-irradjazzjoni, is-sistemi awżiljari u dawk tas-sikurezza;

(ii) disinji dettaljati tal-komponetni, is-sottosistemi u l-binjiet, b'attenzjoni speċifika għat-tranżizzjonjiet bejniethom u l-integrazzjoni tagħhom.

(iii) skeda ta' pjanifikazzjoni għad-diversi fażijiet tal-forniment, il-bini, it-tqegħid flimkien tal-partijiet, l-ittestjar u l-ikkummissjunar, flimkien mal-pjan korrispondenti tar-rekwiżiti ta' riżorsi umani u finanzjarji, kif ukoll

(iv) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-komponenti biex ikunu jistgħu jsiru s-sejħiet għall-offerti għall-forniment ta' ħwejjeġ meħtieġa għall-bidu tal-kostruzzjoni;

(b) l-istabbiliment tar-rekwiżiti tas-sit għall-IFMIF, u t-twettiq ta' l-analiżijiet meħtieġa dwar is-sikurezza u l-ambjent;

(c) proposta tal-programm u l-ispiża korrispondenti, ir-riżorsi umani u l-iskeda għall-operat, l-isfruttament u d-dekommissjonar ta' l-IFMIF; kif ukoll

(d) il-ħidma ta' validazzjoni u żvilupp meħtieġa għat-twettiq ta' l-attivitajiet deskritti fis-subparagrafi (a) sa (c), inklużi:

(i) id-disinn, il-kostruzzjoni u t-tagħqid flimkien tal-prototip tal-parti ta' l-enerġija baxxa ta' wieħed miż-żewġ aċċeleraturi, inklużi l-apparati għall-forniment ta' l-enerġija bi frekwenza tar-radju u l-awżiljari tagħhom, u t-twettiq ta' l-operat ta' l-ittestjar integrat tar-raġġi tagħha;

(ii) id-disinn, il-manufattura u l-ittestjar ta' mudelli skalabbli biex tiġi żgurata l-fattibbiltà tal-faċilità ta' mira u ta' dik ta' l-ittestjar; kif ukoll

(iii) il-kostruzzjoni tal-binjiet li se jilqgħu fihom il-prototip ta' l-aċċeleratur u s-sistemi awżiljari tiegħu.

2. L-implimentazzjoni tal-ħidmiet li jidhru fil-paragrafu 1 għandhom jiġu speċifikati ulterjorment fil-Pjan tal-Proġett u fil-Programmi ta' Ħidma.

Artikolu 3

Is-Sit tax-Xogħol

Is-sit tax-xogħol għall-IFMIF/VEDA għandu jkun f'Rokkasho, fil-Prefettura ta' Aomori.

Artikolu 4

Ir-Riżorsi

Il-Partijiet għandhom jagħmlu disponibbli r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġett IFMIF/EVEDA, kif imsemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta [ ta' Brussell ] u fl-annessi tagħha.

Artikolu 5

It-Tul ta’ Żmien

It-tul tal-proġett IFMIF/EVEDA għandu jkun ta' sitt snin, u jista' jittawwal permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

Artikolu 6

Il-Proprjetà tal-Komponenti ta' l-Aċċeleraturi

Minkejja l-Artikolu 14(3) ta' dan il-Ftehim, l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni ta' l-Ewropa għandha żżomm il-proprjetà tal-komponenti tal-prototip ta' l-aċċeleratur speċifikati f'dan l-Artikolu li hija tikkontribwixxihom bħala kontribut in natura, u għandha terfa' r-responsabbiltà għat-trasportazzjoni lura ta' dawn il-komponenti wara li jiżżarma l-prototip ta' l-aċċeleratur:

(a) l-injettur;

(b) it-tagħmir għall-forniment ta' l-enerġija bi frekwenza tar-radju, il-ġeneraturi u l-awżiljari tagħhom; kif ukoll

(c) is-sistema ta’ kontroll.

ANNESS II IFERC

Artikolu 1

L-Għan

Suġġetti għal dan il-Ftehim kif ukoll għal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, il-Partijiet għandhom iwettqu attivitajiet ta' riċerka u żvilupp fl-IFERC bil-għan li jikkontribwixxu għall-Proġett ta' l-ITER u li jippromwovu r-realizzazzjoni bikrija ta' reattur ta' dimostrazzjoni tal-ġejjieni għall-produzzjoni ta' l-enerġija (minn hawn 'il quddiem "DEMO").

Artikolu 2

L-Ambitu

Għall-ilħiq ta' l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dan l-Anness, għandhom isiru l-ħidmiet li ġejjin:

(a) attivitajiet taċ-Ċentru għall-Koordinament tar-Riċerka dwar id-Disinn u l-Iżvilupp ta' DEMO bil-għan li tiġi stabbilita bażi soda għal disinn ta' DEMO, inklużi:

(i) iż-żamma ta' seminars u laqgħat oħra;

(ii) il-provvista u l-iskambju ta' informazzjoni xjentifika u teknika;

(iii) attivitajiet ta' disinn konċettwali għal DEMO; kif ukoll

(iv) attivitajiet ta' riċerka u żvilupp dwar it-teknoloġiji ta' DEMO;

(b) attivitajiet taċ-Ċentru għas-Simulazzjoni Komputazzjonali, inklużi l-provvista u l-isfruttament ta' superkompjuter għal attivitajiet ta' simulazzjoni fuq skala kbira għall-analiżi tad- data sperimentali dwar il-plażmi tal-fużjoni, it-tħejjija ta' xenarji għall-operat ta' l-ITER, it-tbassir tal-prestazzjonijiet tal-faċilitajiet ta' l-ITER u l-kontribut għal disinn ta' DEMO; kif ukoll

(c) attivitajiet taċ-Ċentru għall-Isperimentazzjoni Remota ta' l-ITER biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni wiesgħa ta' xjenzati fl-esperimenti ta' l-ITER, inklużi l-iżvilupp ta' metodi għall-isperimentazzjoni remota għall-ħruq ta' plażmi tat-tokamak, li għandhom jiġu ttestjati fuq magni ezistenti, pereżempju t-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat, kif jipprovdi l-Artikolu 1 ta' l-Anness III.

Artikolu 3

Is-Sit tax-Xogħol

Is-sit tax-xogħol għall-IFERC għandu jkun f'Rokkasho, fil-Prefettura ta' Aomori.

Artikolu 4

Ir-riżorsi

Il-Partijiet għandhom jagħmlu disponibbli r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-IFERC, kif imsemmi fid-Dikjarazzjoni Konġunta [ ta' Brussell ] u fl-annessi tagħha.

Artikolu 5

It-Tul ta’ Żmien

It-tul ta' l-attivitajiet ta' l-IFERC għandu jkun ta' għaxar snin, u jista' jittawwal permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

Artikolu 6

Id-Dettalji tat-Twassil u t-Trasferiment possibbli tal-Proprjetà ta' Sistemi ta' Superkompjuter

Minkejja l-Artikolu 14(3) ta' dan il-Ftehim, id-dettalji tat-twassil u t-trasferiment possibbli tal-proprjetà ta' sistemi ta' superkompjuter għandhom jiġu ddeterminati mill-Kumitat ta' Tmexxija skond il-Pjan tal-Proġett.

Anness III Il-Programm ta' Tokamak Anċillari

Artikolu 1

L-għan

1. Suġġetti għal dan il-ftehim kif ukoll għal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, il-Partijiet għandhom iwettqu l-programm ta' tokamak anċillari (minn hawn 'il quddiem "il-Programm ta' Tokamak Anċillari"). Dan il-programm jinkludi:

(a) il-parteċipazzjoni fit-titjib tat-tagħmir sperimentali tat-tokamak li huwa l-proprjetà ta' l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għal tokamak superkonduċenti avvanzat (minn hawn 'il quddiem "it-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat"); kif ukoll

(b) il-parteċipazzjoni fl-isfruttament tiegħu, b'appoġġ ta' l-isfruttament ta' l-ITER u r-riċerka lejn DEMO bl-indirizzar ta' kwistjonijiet tal-fiżika ta' importanza ewlenija għal ITER u DEMO.

2. Il-bini u l-isfruttament tat-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat għandu jitwettaq taħt il-Programm tat-Tokamak Anċillari u l-programm nazzjonali tal-Ġappun. L-opportunitajiet ta' l-isfruttament tat-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat għandhom jinqasmu ugwalment bejn il-programm nazzjonali u l-Programm tat-Tokamak Anċillari.

Artikolu 2

L-ambitu

1. Għall-ilħiq ta' l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dan l-Anness, għandhom isiru l-ħidmiet li ġejjin:

(a) Il-fażi tal-kostruzzjoni: id-disinn, il-manufattura tal-komponenti u s-sistemi, u t-tagħqid flimkien tat-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat; kif ukoll

(b) Il-fażi ta' l-isfruttament: l-ippjanar u t-twettiq ta' l-esperimenti tal-Programm tat-Tokamak Anċillari.

2. L-implimentazzjoni tal-ħidmiet li jidhru fil-paragrafu 1 għandhom jiġu speċifikati ulterjorment fil-Pjan tal-Proġett u fil-Programmi ta' Ħidma fuq il-bażi li ġejja:

(a) ir-rapport dwar disinn konċettwali, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tal-komponenti li għandhom jiġu fornuti mill-Partijiet għall-implimentazzjoni tal-Programm tat-Tokamak Anċillari, għandha tipprovdih l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun, u għandu jiġi eżaminat u aċċettat mill-Partijiet;

(b) kull Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni għandha tiżviluppa disinn dettaljat tal-komponenti li għandha tfornihom bħala l-kontribut in natura tagħha;

(c) l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni tal-Ġappun għandha tkun responsabbli għall-integrazzjoni tal-komponenti tat-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat u għat-tagħqid flimkien ġenerali u l-operat tat-tagħmir; kif ukoll

(d) l-EURATOM għandha tkun intitolata li tieħu sehem fl-isfruttament tat-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat, fuq bażi ġusta.

Artikolu 3

Is-Sit tax-Xogħol

Is-sit tax-xogħol għall-Programm tat-Tokamak Anċillari għandu jkun f'Naka, fil-Prefettura ta' Ibaraki.

Artikolu 4

Ir-riżorsi

Il-Partijiet għandhom jagħmlu disponibbli r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Programm tat-Tokamak Anċillari, kif imsemmi fid-Dikjarazzjoni Konġunta [ ta' Brussell ] u fl-annessi tagħha.

Artikolu 5

It-Tul ta’ Żmien

It-tul tal-Programm tat-Tokamak Anċillari għandu jkun ta' għaxar snin, inklużi tliet snin għall-kummissjonar u l-operat, u jista' jittawwal permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

[1] 15085/04 RISTRETT.

[2] Kif emendat wara mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2002 u tas-26 ta' Novembru 2003.

[3] COM(2006) 458 finali.

[4] SEC(1991) 2535 finali.

[5] COM(2006) 458 finali.

[6] ĠU L 232, 29.8.2002, p. 34.

[7] ĠU L 294, 29.10.2002, p. 86.

[8] COM(2006) xxx finali.