52006PC0566




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.9.2006

KUMM(2006) 566 finali

2003/0168 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE li tikkonċerna

pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“Ruma II”)

2003/0168 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE li tikkonċerna

pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“Ruma II”)

1. SFOND

Data ta' trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2003) 427 finali - 2003/0168 (COD) | 22.7.2003 |

Data ta’ l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | 2.6.2004 |

Data ta’ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | 6.7.2005 |

Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata: | 21.2.2006 |

Data ta' l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni (b’vot mill-maġġoranza kkwalifikata) | 25.9.2006 |

2. IL-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

Il-ġurisdizzjoni internazzjonali, l-għarfien u l-infurzar fi Stat Membru tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor huma trattati mir-Regolament Nru. 44/2001, li japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali kemm fir-rigward ta' obbligi kuntratrattwali kif ukoll fir-rigward ta' obbligi mhux kuntrattwali. Fir-rigward tal-liġi applikabbli, ir-regoli dwar il-kuntratti kienu armonizzati bejn l-Istati Membri bil- Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali. Madankollu, m’hemm l-ebda regoli ġenerali armonizzati fil-Komunità biex jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali. Il-proposta tal-Kummissjoni hi intiża biex jingħeleb dan in-nuqqas.

Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tarmonizza r-regoli legali applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali ta’ natura ċivili u kummerċjali (inċidenti tat-traffiku, responsabilità tal-prodotti, kompetizzjoni mhux ġusta eċċ.) u tkun adottata regola fl-UE kollha biex tiddetermina l-liġi applikabbli għal dawn l-obbligi.

L-għanijiet ta’ l-armonizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli huma li toffri livell ogħla ta’ ċertezza legali lill-individwi u l-operaturi ekonomiċi u tevita “xiri f’forum” li jwassal għal riżultati sostantivi potenzjalment differenti għall-partijiet li jiddependu fuq liema qorti se tisma’ l-kwistjoni.

3. KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI

3.1. Kummenti ġenerali

Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill iżżomm l-essenza tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni kif modifikata mill-proposta emendata li rriflettiet numru ta' emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu.

Id-differenzi sostantivi fil-pożizzjoni komuni meta mqabbla mal-proposta emnedata tal-Kummissjoni u l-emenda tal-Parlament huma kkummentati f’aktar dettal hawn taħt.

3.2. Tluq sostantiv mill-proposta emendata tal-Kummissjoni

L-Artikolu 1(2)(g) jirrifletti l-proposta emendata tal-Kummissjoni (l-Artikolu 1(2)(h) fejn il-Kummissjoni ssuġġeriet l-esklużjoni mill-ambitu tal-ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità meta jitwettaq mill-midja . Madankollu l-pożizzjoni komuni tagħmel aktar minn hekk. Ma tillimitax din l-esklużjoni biss għall-obbligi mhux kuntrattwali aċċettati mill-midja, imma testendiha wkoll għal kollha u għal kwalunkwe obbligu mhux kuntrattwali. Ir-raġuni ewlenija għal din l-istrateġija kienet l-inabilità aħħarija ta’ ftehim dwar l-ambitu (definizzjoni) tal- midja f’dan il-kuntest.

Din l-esklużjoni tittaffa bil-kliem tal-klawsola tar-reviżjoni (l-Artikolu 30) li tiffoka fuq l-attenzjoni fuq dan il-qasam speċifiku ta’ obbligu mhux kuntrattwali bħala suġġett speċifiku tar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament futur.

L-Artikolu 5 dwar ir-responsabbiltà tal-prodott, fl-istrateġija ta’ abbozzar tiegħu, jitbiegħed b’mod konsiderevoli mill-proposta tal-Kummissjoni (l-Artikolu 6 tal-proposta emendata), għalkemm mhux mill-intenzjoni tagħha. Il-pożizzjoni komuni tirrifletti l-bżonn għal regola speċifika dwar ir-responsabbiltà tal-prodotti li ġġib bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-vittma u l-persuna responsabbli.

Il-Kummissjoni tkompli jiddispjaċiha bl-approċċ fil-pożizzjoni komuni li jipprovdi sistema kemmxejn kumplessa ta’ serje ta’ applikazzjoni tal-fatturi li jgħaqqdu. Tibqa’ persważa li s-soluzzjoni oriġinali tagħha toffri soluzzjoni bilanċjata bl-istess mod għall-interessi involuti, filwaqt li hija espressa f’abbozz aktar sempliċi.

L-Artikolu 6 jestendi wkoll l-applikazzjoni tar-regola dwar il-kompetizzjoni mhux ġusta għal atti li jirristrinġu l-kompetizzjoni mhux ħielsa, filwaqt li fl-Artikolu 7 tal-proposta emendata tal-Kummisjsoni tapplika biss għal prattiċi kummerċjali mhux ġusti. segwi mill-Memorandum ta’ Spjega għall-proposta emendata (punt 3.4., Emenda 29) in-nuqqas ta’ regola espliċita għall-kazijiet ta' kompetizzjoni fil-proposta emendata kienet minħabba l-konsultazzjoni pubblika pendenti ta’ dak iż-żmien dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar “Azzjonijiet ta’ dannu għal ksur ta’ regoli tal-KE dwar l- antitrust ". Verament, il-Kummissjoni ma riditx tantiċipa dik il-konsultazzjoni billi tinkludi mill-ewwel fil-proposta emendata tagħha regola legali applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali li ġejjin minn ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Madankollu l-Kummissjoni stipulat fil-Memorandum ta’ Spjega li fil-proċess tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni, tista’ tappoġġja soluzzjoni differenti għall-każijiet tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni żżomm id-dritt li tagħmel dan partikularment sabiex tippreserva l-effettività tad-dritt tal-persuni naturali u legali li jfittxu kumpens għat-telf kawżat minn ksur ta’ regoli dwar il-kompetizzjoni. Wara li kkunsidrat il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill, il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni tagħha li tista’ tappoġġja soluzzjoni differenti għall-każijiet tal-kompetizzjoni fil-proċess ta’ kodeċiżjoni.

L-Artikolu 9 jintroduċi regola speċifika dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali li ġejjin minn azzjoni industrijali. Id-dispożizzjoni fuq dawn il-linji kienet parti mill-emendi tal-Parlament li l-Kummisjsoni m’aċċettatx u per konsegwenza ma kinitx inkluża fil-proposta emendata tagħha.

It-test tad-dispożizzjoni fil-pożizzjoni komuni hu abboz ġdid li jipprova jagħti effett lill-oġġezzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni waqt id-diskussjonijiet fil-Kunsill. L-ambitu huwa definit b'mod aktar preċiż u hu, b'mod partikulari, limitat għall-kwistjoni ta' responsabbiltà ta' min iħaddem, ħaddiema u/jew trejd unjons fil-kuntest ta' azzjoni industrijali. Madankollu t-test għadu mhux ċar dwar jekk għandux ikun estiż għal relazzjonijiet vis-à-vis partijiet terzi u l-Kummissjoni tiddeplora dan in-nuqqas ta’ ċarezza.

L-Artikolu 16 jitbiegħed mill-Artikolu 13 tal-proposta emendata tal-Kummissjoni li fiha paragrafu addizzjonali li jittratta l-possibilità għall-qorti li ġġib fis-seħħ ir-regoli mandatorji aktar vasti ta’ pajjiż ieħor u mhux tal-pajjiż li l-liġi tiegħu hi applikabbli skond ir-regoli ta’ l-istrument. Id-dispożizzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni ma tirriflettix xi interess partikulari tal-Komunità; l-għan tagħha kienet il-konsistenza li kienet ispirata minn dispożizzjoni simili fil- Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali. Il-Kummissjoni aċċettat dan it-tħassir.

L-Artikolu 26 dwar il-politika pubblika ma tirriflettix il-kliem ta’ l-Artikolu 23 tal-proposta emendata tal-Kummissjoni, li min-naħa l-oħra kienet ir-riżultat ta' diskussjonijiet li saru qabel fil-Kunsill fejn il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal artikolu speċifiku li jittratta d-danni mhux kompensatorji kienet miċħuda. Wara d-diskussjonijiet dwar il-proposta emendata, l-idea riflessa fl-emenda tmexxiet fi premessa u fl-aħħar tneħħiet kompletament meta ma setax jintlaħaq ftehim dwar il-kontenut, filwaqt ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil li l-klawsola dwar il-politika pubblika ma kinitx toffri garanzija suffiċjenti u protezzjoni kontra effetti negattivi potenzjali tal-kumpens għal danni estremi mhux kompensatorji.

L-Artikolu 27 jitbiegħed mill-Artikolu 23 tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni (l-Artikolu 3 tal-proposta emendata) li kien fiha regola ħafna aktar dettaljata li tispjega r-relazzjoni bejn sorsi differenti tal-liġi Komunitarja (b'mod partikulari fir-rigward tar-relazzjoni ma' strumenti speċifiċi li jippromovu l-operat xieraq tas-suq intern). In vista ta’ l-iżviluppi reċenti fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-kuntest tan-negozjati dwar proposti oħra, dispożizzjoni bħal din, imfassla b'mod speċifiku f’dan l-istrument, jidher li m’hemmx bżonnha aktar.

L-Artikolu 28 dwar ir-relazzjoni ma’ konvenzjonijiet internazzjonali oħra hu differenti mill-proposta emendata tal-Kummissjoni għaliex

a) ma jillimitax l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għall-konvenzjonijiet multilaterali biss u għal dawk li huma konklużi fi “kwistjonijiet partikulari”,

b) fih regola speċifika fil-paragrafu 2 għall-prijorità tar-Regolament dwar il-konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn l-Istati Membri,

c) bħala konsegwenza ta’ dan hawn fuq, id-dispożizzjoni tagħti prijorità lill-Konvenzjoni ta' l-Aja ta' l-1971 dwar l-Inċidenti tat-Traffiku u l-Konvenzjoni ta' l-1973 dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodotti fiċ-ċirkostanzi kollha, anke meta l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni huma fil-Komunità.

Fil-waqt li t-tluq ta’ l-ewwel tnejn t’hawn fuq, li jitbiegħdu mit-test emendat tal-proposta, fil-prinċipju ma jiġġenerax diffikultajiet għall-Kummissjoni, il-Kummissjoni tkompli turi dispjaċir għall-approċċ adottat fil-pożizzjoni komuni għaliex tagħti prijorità ġenerali lill-konvenzjonijiet multilaterali anke meta l-aspetti relevanti kollha tas-sitwazzjoni huma lokalizzati biss fil-Komunità. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Parlament Ewropew xtaq jagħti prijorità lir-regolament il-ġdid dwar il-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar l-Inċidenti tat-Traffiku. L-approċċ fil-Pożizzjoni Komuni xxekkel il-ġlidiet għal soluzzjonijiet armonizzati fil-Komunità.

Anke jekk dan l-aspett hu daqsxejn imtaffi bir-referenza speċifika għall-kwistjonijiet ta’ l-inċidenti tat-traffiku fil-Klawsola tar-Reviżjoni (l-Artikolu 30 fil-pożizzjoni komuni), li hi intiża biex tagħti attenzjoni speċjali lill-kwistjoni ta' l-inċidenti tat-traffiku fir-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament sabiex ikunu valutati l-effetti ta' l-assenza ta' regoli armonizzati bis-sħiħ dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku fil-Komunità, il-Kummissjoni xorta tippreferi t-test propost fil-proposta emendata tagħha (l-Artikolu 24(2) ta’ dik il-proposta).

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li d-dikjarazzjoni li għamlet matul l-aħħar stadju tan-negozjati fil-Kunsill[1] mhix riflessa b’mod preċiż fil-premessa 33 tal-pożizzjoni komuni.

3.3. L-emendi tal-Parlament

B’mod ġenerali, il-pożizzjoni komuni tinkorpora, jew b’mod sħiħ jew fl-ispirtu, ħafna mill-emendi tal-Parlament dwar id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-proposta li kienu aċċettati mill-Kummisjsoni u riflessi fil-proposta emendata tagħha.

Madankollu hemm xi diverġenzi bejn il-proposta emendata u l-pożizzjoni komuni fir-rigward l-emendi tal-Parlament li għalihom diġà saret referenza fil-punt 3.2 hawn, bħalma huma:

L-Artikolu 9, fil-pożizzjoni komuni jiffirfletti l-emenda 31 tal-Parlament Ewropew li l-Kummisjsoni m’aċċettatx u ma kinitx inkluża fil-proposta emendata tagħha.

L-Artikolu 27, fil-pożizzjoni komuni ma jinkorporax b’mod sħiħ l-Artikolu 3 tal-proposta emendata li rriflettiet l-emenda 24 tal-Parlament;

L-Artikolu 28 fil-pożizzjoni komuni hu bbażat fuq perspettiva differenti meta mqabbel ma' l-Artikolu 24 tal-proposta emendata fir-rigward, b'mod partikulari, ir-relazzjoni mal-Konvenzjoni ta' l-Aja ta' l-1971 dwar l-Inċidenti tat-Traffiku kif ssuġġerit mill-emenda 53 tal-Palrament.

3.4. Dispożizzjonijiet ġodda introdotti mill-Kunsill:

L-Artikolu 2 hu dispożizzjoni ta’ natura teknika li għandu l-intenzjoni li jipprovdi definizzjoni ta’ ċerti kunċetti użati fir-Regolament kollu bl-intenzjoni li jkun ssimplifikat l-abbozz tad-dispożizzjonijiet individwali tiegħu.

L-Artikolu 12 jintroduċi proposta speċifika dwar l-obbligi mhux kuntrattwali qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt. Dispożizzjoni speċifika bħal din ma kinitx inkluża fil-proposta tal-Kummissjoni, anke jekk l-intenzjoni kienet dejjem biex tkopri dan it-tip ta’ obbligi b’dan l-istrument. Din irriflettiet il-linja meħuda fil-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ta’ l-1968 (mibdula bir-Regolament 44/2001), li biha dan it-tip ta’ obbligi għandu jitqies bħala mhux kuntrattwali[2]. Oriġinarjament il-Kummisjsoni għażlet soluzzjoni aktar flessibbli fl-Artikolu 5(3) tal-proposta emendata filwaqt li l-Kunsill jidher li jippreferi dispożizzjoni aktar dettaljata dwar il-kwistjoni. Il-kontenut tad-dispożizzjoni proposta twassal, fil-prinċipju, għall-istess riżultat maħsub mill-Kummissjoni, i.e. għall-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż li hija l-aktar konnessa ma’ l-obbligu mhux kuntrattwali.

4. KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni komuni fid-dawl tal-fatt li tinkludi l-elementi ewlenin inklużi fil-proposta inizjali tagħha u l-emendi tal-Parlament kif inkoroporati fil-proposta emendata tiegħu.

[1] Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-JHA fil-Lussemburgu (fis-27 u t-28 ta' April, 2006) il-Kummissjoni għamlet id-dikjarazzjoni li ġejja: "Il-Kummissjoni hija lesta, fil-każi fejn ikun xieraq, li tara jekk ikunx possibbli li ssir proposta lill-Kunsill biex l-Istati Membri jiġu awtorizzati jaslu għal ftehimiet internazzjonali dwar materji settorjali speċifiċi li jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali. Dan jibqa’ mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Komunità tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet internazzjonali bħal dawn skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 300 tal-KE."

[2] F’konformità ma’ l-istess raġunament, dan it-tip ta’ obbligi huma esklużi mill-ambitu tal-proposta tla-Kummisjsoni għal Regolament dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi Kuntrattwali (“Ruma I”) adottat fil-15 ta’ Diċembru 2005 - COM(2005) 650 finali, 2005/0261 (COD)