52006PC0509

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar projbizzjoni provviżorja ta' l-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta' qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L. linja MON 810) skond id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku) /* KUMM/2006/0509 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 9.10.2006

KUMM(2006) 509 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar projbizzjoni provviżorja ta' l-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta' qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L. linja MON 810) skond id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. It-tqegħid fis-suq ta' varjetà ġenetikament modifikata ta' Zea mays L. linja MON 810 ġie awtorizzat skond id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-Parti C tad-Direttiva 90/220/KEE u l-awtoritajiet Franċiżi taw il-kunsens għat-tqegħid fuq is-suq ta' dan l-organiżmu ġenetikament modifikat (OĠM).

2. Skond l-Artikolu 16 (klawżola ta' salvagwardja) tad-Direttiva 90/220/KEE, l-Awstrija sussegwentement informat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li tipprojbixxi jew tirrestrinġi provviżjorjament it-tqegħid fuq is-suq taż- Zea mays L. linja MON 810 u tat ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

3. Il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti ġie kkonsultat u fl-opinjonijiet tiegħu kkonkluda li l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija ma kkostitwietx prova xjentifika ġdida rilevanti li ma tqisitx matul il-valutazzjonijiet tar-riskju oriġinali għall-OĠM u li jkunu jeħtieġu reviżjoni ta' l-opinjoni xjentifika oriġinali dwar is-sikurezza taż- Zea mays L. linja MON 810.

4. Id-Direttiva 90/220/KEE ġiet revokata mid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament[1].

5. F'Jannar 2004, il-Kummissjoni talbet lill-Awstrija biex tqis mill-ġdid il-klawżola ta' salvagwardja tagħha fid-dawl tal-qafas regolatorju ġdid u jekk xieraq, biex tinnotifikaha mill-ġdid skond id-Direttiva 2001/18/KE.

6. Skond l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Awstrija ressqet aktar informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni bħala appoġġ għall-miżura tal-klawżola ta' salvagwardja fis-seħħ.

7. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE jirrikjedi li l-Kummissjoni tieħu deċiżjonijiet skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva li għandhom japplikaw għaliha l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li tikkunsidra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

8. Skond l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA) ġiet ikkonsultata, hekk kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2], li bih issostiwixxiet il-kumitati xjentifiċi rilevanti u kkonkludiet, fl-opinjonijiet tagħha tat-8 ta' Lulju 2004[3], li l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija ma kkostitwewx prova xjentifika ġdida li tinvalida l-valutazzjoni ta' riskju ambjentali taż- Zea mays L. linja MON 810 u tkun tiġġustifika projbizzjoni ta' dan l-OĠM fl-Awstrija.

9. Għaldaqstant, tressaq għal opinjoni abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li talab lill-Awstrija tirrevoka l-klawżola ta' salvagwardja nazzjonali tagħha, skond l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, lill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE.

10. Il-Kumitat ġie kkonsultat fid-29 ta' Novembru 2004 iżda ma ta ebda opinjoni dwar il-miżura tal-klawżola ta' salvagwardja li tirrikjedi li l-Kummissjoni, skond l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, għandha, mingħajr dewmien, tressaq quddiem il-Kunsill proposti rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew.

11. Skond l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kunsill "Ambjent", fl-24 ta' Ġunju 2005, indika l-oppożizzjoni tiegħu b'maġġoranza kwalifikata, għall-proposta li tirrikjedi lill-Awstrija tirrevoka l-miżura ta' salvagwardja tagħha, u li tirrikjedi li l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-proposti tagħha.

12. Il-Kunsill, fid-dikjarazzjoni tiegħu, stqarr li għad hemm xi grad ta’ inċertezza fir-rigward tal-miżuri nazzjonali ta’ salvagwardja fis-suq tal-varjetà ta' qamħirrum MON 810 modifikat ġenetikament, u sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tiġbor provi oħra dwar il-OĠM inkwistjoni u sabiex tivvaluta ulterjorment jekk il-miżura meħuda mill-Awstrija mmirata biex tissospendi bħala miżura temporanja ta’ prekawzjoni t-tqegħid fuq is-suq tiegħu hijiex ġustifikata u, jekk l-awtorizzazzjoni ta’ organiżmu bħal dan għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti tas-sikurezza tad-Direttiva 2001/18/KE.

13. F’Novembru ta’ l-2005, l-EFSA ġiet ikkonsultata dwar jekk kienx hemm xi raġuni xjentifika biex wieħed jemmen li t-tqegħid fis-suq kontinwat taż- Zea mays L. linja MON 810 jista' jikkawża effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent taħt il-kundizzjonijiet tal-kunsens u partikolarment, intalbet tqis kull informazzjoni xjentifika ulterjuri li tkun ħarġet wara l-opinjoni xjentifika preċedenti li vvalutat is-sikurezza ta’ dan l-OĠM.

14. Fl-opinjoni tagħha tad-29 ta’ Marzu 2006 (ippubblikata fil-11 ta’ April 2006)[4], l-EFSA, wara investigazzjoni tal-provi mressqa fis-sottomissjoni Awstrijaka, qieset li l-provi xjentifiċi disponibbli attwalment ma jreġux l-argumenti mogħtija mill-Awstrija u kkonkludiet li m'hemm l-ebda raġuni għala t-tqegħid fis-suq kontinwat taż- Zea mays L. linja MON 810 jista' jikkawża effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem jew ta’ annimali jew għall-ambjent taħt il-kundizzjonijiet tal-kunsensi rispettivi tagħhom.

15. Skond l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kummissjoni għaldaqstant tista' tressaq proposta emendata lill-Kunsill, tressaq mill-ġdid il-proposti tagħha jew tippreżenta proposta leġiżlattiva fuq il-bażi tat-Trattat.

16. Wara li ġiet ikkunsidrata d-dikjarazzjoni tal-Kunsill ta' l-20 ta' Ġunju 2005 u konsultazzjoni oħra ma' l-EFSA, jidher li, għat-tielet darba, il-valutazzjoni xjentifika taż- Zea mays L. linja MON 810 tikkonferma li dan il-prodott aktarx ma jikkawża ebda effett avvers għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali jew għall-ambjent. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-proposta għandha tiġi emendata u tressaq mill-ġdid il-proposta tagħha lill-Kunsill skond l-Arikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar projbizzjoni provviżorja ta' l-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta' qamħirrum ġenetikament modifikat ( Zea mays L. linja MON 810) skond id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 23(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE tat-22 ta' April 1998 rigward it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament ( Zea mays L. linja MON 810), skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[6] ġie deċiż li jingħata l-kunsens għat-tqegħid fis-suq ta’ dak il-prodott.

(2) Fit-3 ta’ Awissu 1998 l-awtoritajiet Franċiżi taw dan il-kunsens.

(3) Skond l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2001/18/KE li ssostitwixxiet id-Direttiva 90/220/KEE[7], proċeduri rigward notifiki dwar it-tqegħid fis-suq ta' organiżmi ġenetikament modifikati li għadhom ma ġewx kompletati sas-17 ta' Ottubru 2002 huma suġġetti għad-Direttiva 2001/18/KE.

(4) Fit-8 ta' Ġunju 1999 l-Awstrija infurmat il-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li tipprojbixxi provviżorjament l-użu u l-bejgħ taż- Zea mays L. linja MON 810 u tat raġunijiet għal dik id-deċiżjoni skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 90/220/KEE.

(5) Il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti kkonkluda fl-24 ta' Settembru 1999 li l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija ma kkostitwietx prova xjentifika ġdida rilevanti li ma kenitx tqieset matul il-valutazzjoni oriġinali tal-fajl u li kieku kienet tagħti lok għal reviżjoni ta' dik l-opinjoni oriġinali tal-Kumitat dwar dan il-prodott.

(6) Fid-9 ta' Jannar 2004, kif ukoll fid-9 u s-17 ta' Frar 2004, l-Awstrija ppreżentat lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali biex issostni l-miżuri nazzjonali dwar il-linja tal-qamħirrum MON 810.

(7) Skond l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-Kummissjoni kkonsultat ma' l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA), kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8], li bih issostitwixxa l-kumitati xjentifiċi rilevanti.

(8) Fit-8 ta’ Lulju 2004[9], l-EFSA kkonkludiet li l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija ma tikkostitwix prova xjentifika ġdida suffiċjenti biex tinvalida l-valutazzjoni tar-riskji għall-ambjent tal-linja tal-qamħirrum MON 810 u li għalhekk tiġġustifika l-projbizzjoni ta' l-użu u l-bejgħ ta' dan il-prodott fl-Awstrija.

(9) Billi, taħt iċ-ċirkostanzi, m'hemm l-ebda raġuni sabiex il-prodott jitqies bħala riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, il-Kummissjoni, fid-29 ta' Novembru 2004, ressqet abbozz ta' Deċiżjoni, li tirrikjedi lill-Awstrija biex tirrevoka l-miżura ta' salvagwardja provviżorja, sabiex titqies mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) ta’ dik id-Direttiva.

(10) Madankollu, dak il-Kumitat ma tax opinjoni u, skond l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[10], il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

(11) Fl-24 ta' Ġunju 2005, skond l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, ma laqax din il-proposta.

(12) Il-Kunsill, fid-dikjarazzjoni tiegħu, stqarr li għad hemm xi grad ta’ inċertezza fir-rigward tal-miżuri nazzjonali ta’ salvagwardja fis-suq tal-varjetà ta' qamħirrum MON 810 modifikat ġenetikament, u sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tiġbor provi oħra dwar l-OĠM ikkonċernat u sabiex tivvaluta ulterjorment jekk il-miżura meħuda mill-Awstrija mmirata biex tissospendi bħala miżura temporanja ta’ prekawzjoni t-tqegħid fuq is-suq tiegħu hijiex ġustifikata u, jekk l-awtorizzazzjoni ta’ organiżmu bħal dan għadux jilħaq ir-rekwiżiti tas-sikurezza tad-Direttiva 2001/18/KE.

(13) F'Novembru 2005, l-EFSA ġiet ikkonsultata għal darb'oħra mill-Kummissjoni dwar jekk hemmx xi raġuni għala t-tqegħid fis-suq kontinwat tal-qamħirrum MON 810 jista' jikkawża effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent taħt il-kundizzjonijiet tal-kunsens[11]. L-EFSA ntalbet, partikolarment, biex tqis kwalunkwe informazzjoni xjentifika oħra li ħarġet sussegwentement għall-opinjonijiet xjentifiċi preċendenti dwar is-sikurezza ta' dan l-OĠM.

(14) Fl-opinjoni tagħha tad-29 ta’ Marzu, l-EFSA kkonkludiet li m’hemm ebda raġuni għala t-tqegħid fis-suq kontinwat tal-qamħirrum MON 810 jista' jikkawża effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem jew ta’ l-annimali jew għall-ambjent taħt il-kundizzjonijiet tal-kunsens tagħha.

(15) L-Awstrija għalhekk għandha tirrevoka l-miżuri ta' salvagwardja dwar iż- Zea mays L. linja MON 810.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri meħuda mill-Awstrija biex jipprojbixxu l-użu u l-bejgħ tal-qamħirrum ġenetikament modifikat, Zea mays L. linja MON 810, awtorizzati għat-tqegħid fuq is-suq mid-Deċiżjoni 98/294/KE mhumiex ġustifikati skond l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE.

Artikolu 2

L-Awstrija għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni mhux aktar tard minn 20 ġurnata min-notifika ta għha..

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' l-Awstrija.

Magħmula fi Brussell, […].

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1

[2] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).

[3] Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar it-talba mill-Kummissjoni rigward l-invokazzjoni Awstrijaka ta' l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE, Il-Ġurnal ta' l-EFSA (2004) 78, 1-13.

[4] Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar it-talba mill-Kummissjoni rigward għelejjel modifikati ġenetikament (Bt176 qamħirrum, MON810 qamħirrum, T25 qamħirrum, Topas 19/2 żrieragħ tal-lift u Ms1xRf1 żrieragħ tal-lift) suġġetta għall-klawżoli ta' salvagwardja invokati skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 90/220/KEE, il-Ġurnal ta' l-EFSA (2006) 338, 1-15.

[5] ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1

[6] ĠU L 131, 5.5.1998, p. 32

[7] ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15

[8] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).

[9] Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar it-talba mill-Kummissjoni rigward l-invokazzjoni Awstrijaka ta' l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE, Il-Ġurnal ta' l-EFSA (2004) 78, 1-13.

[10] ĠU L 184, 17.7. 1999, p. 23.

[11] Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar it-talba mill-Kummissjoni rigward għelejjel modifikati ġenetikament (Bt176 qamħirrum, MON810 qamħirrum, T25 qamħirrum, Topas 19/2 żrieragħ tal-lift u Ms1xRf1 żrieragħ tal-lift) suġġetta għall-klawżoli ta' salvagwardja invokati skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 90/220/KEE, il-Ġurnal ta' l-EFSA (2006) 338, 1-15.