Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku /* KUMM/2006/0486 finali - CNS 2006/0165 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 8.9.2006 KUMM(2006) 486 finali 2006/0165 (CNS) Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1) IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA - Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb, tistabilixxi r-rati minimi tad-dazji fuq kull kategorija ta’ prodotti. Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva, hu meħtieġ li l-Kummissjoni twettaq reviżjonijiet regolari u ttella’ rapport, u fejn ikun xieraq tressaq proposta, u fuq dawn il-Kunsill jeżamina r-rati tad-dazju mniżżla fid-Direttiva. Ir-rapport tal-Kummissjoni, ippreżentat fis-26 ta Mejju 2004, ikkonkluda li hija meħtieġa aktar konverġenza fir-rati tat-taxxi tas-sisa fl-Istati Membri differenti, biex tassigura li s-suq intern jiffunzjona kif xieraq, bmod partikolari fir-rigward tal-potenzjal għat-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u l-frodi. Madanakollu, dan ma kienx jinkludi proposta, imma minflok kien intenzjonat li jistimola dibattitu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali. Wara dawn it-taħdidiet, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni, fit-12 ta’ April 2005, “biex tressaq proposta biex tbiddel ir-rati minimi tat-taxxa tas-sisa sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-valur reali tar-rati minimi tal-Komunità, u tipprovdi perjodi ta’ tranżizzjoni u derogi għal dawk l-Istati Membri li jista’ jkollhom diffikultajiet biex iżidu r-rati tagħhom; il-Kummissjoni għandha wkoll tikkunsidra kif xieraq is-sensitività ġenerika politika ta’ dil-kwistjoni speċjali.” Wara li studjat is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni pproponiet li temenda d-Direttiva 92/84/KEE billi: - tirrivalorizza r-rati minimi fuq l-alkoħol, il-prodotti intermedji u l-birra skond l-inflazzjoni bejn l-1993 u l-2005, li tlaħħaq il-31%, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008; - tipprovdi, b’derogi, perjodi ta’ tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2010 għal dawk l-Istati Membri li jista' jkollhom diffikultajiet biex iżidu r-rati nazzjonali tagħhom sa l-1 ta' Jannar 2008, sabiex tintlaħaq ir-rata minima rivalorizzata, liema perjodi ta’ tranżizzjoni jkunu determinati skond l-impenn meħtieġ mill-Istati Membri kkonċernati; - tagħmel aktar flessibli u anqas kumplikata l-proċedura ta' reviżjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva, u li ttawwal il-perjodu tar-reviżjoni minn sentejn għal 4 snin. L-għan ewlieni tar-rivalorizzar tar-rati minimi huwa li jiġu jaqblu mal-valur reali tagħhom fl-1992. Li jitgħollew r-rati minimi biex jagħmlu tajjeb għall-inflazzjoni, mhux bilfors se jirriżulta f’żiediet fil-valur reali. Minn naħa l-oħra, in-nuqqas li jinżammu r-rati minimi speċifiċi skond l-inflazzjoni, jirriżulta fit-tnaqqir tal-valur reali tagħhom. Għaldaqstant, dawn iż-żidiet fir-rati minimi huma meħtieġa sabiex jinżamm il-livell tar-rati li qabel magħhom il-Kunsill fl-1992, bħala rekwiżit biex jassigura l-funzjoni tas-Suq Intern mingħajr fruntieri fiskali. Ta’ min jinnota li l-kategoriji tax-xorb alkoħoliku li għalihom fl-1992 kienu approvati rati minimi pożittivi tat-taxxa tas-sisa, u li għalhekk huma suġġetti għar-rivalorizzazzjoni, huma l-birra, l-prodotti intermedji u l-alkoħol. Ir-rata minimi għall-inbid hija xejn u għalhekk ma japplikax ir-rivalorizzar ta' dir-rata. - Il-kuntest ġenerali Il-qafas tal-Komunità dwar it-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u xarbiet alkoħoliċi jinsab fżewġ Direttivi. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, tistabilixxi definizzjonijiet komuni għall-prodotti suġġetti għat-taxxa, tispeċifika l-metodu ta' kalkolu tat-taxxa u l-kriterji li jiddeterminaw jekk ċerti prodotti jistgħux jikkwalifikaw għal eżenzjonijiet jew rati mnaqqsa. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb, tistabilixxi r-rati minimi tad-dazji fuq kull kategorija ta’ prodotti. Din il-proposta tikkonċerna biss id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb. Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE, għandha ssir proċedura ta' reviżjoni regolari. Skond din id-dispożizzjoni l-ewwel rapport tal-Kummissjoni ħareġ fit-13 ta’ Settembru 1995. Iżda, miegħu ma kien hemm l-ebda proposta, imma biss ġibed l-attenzjoni għal ċertu diffikultajiet. It-tieni rapport tal-Kummissjoni ġie ppreżentat fis-26 ta' Mejju 2004, u sar bkonsultazzjoni wiesgħa ma l-awtoritajiet nazzjonali, rappreżentanti tan-negozju u gruppi interessati. Ir-rapport ikkonkluda li hi meħtieġa aktar konverġenza tar-rati tat-taxxa tas-sisa fid-diversi Stati Membri sabiex jitnaqqsu t-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u l-frodi. Madankollu, minħabba d-differenzi kbar ta’ kif jaħsbuha l-Istati Membri dwar l-livelli xierqa tar-rati minimi, u minħabba li kull bidla tkun teħtieġ il-qbil unanimu, dak iż-żmien il-Kummissjoni ma ressqitx proposta. Minflok, il-Kummissjoni wriet x-xewqa li tniedi dibattitu wiesgħa fil-Kunsill, fil-Parlament Ewropew u fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u li skond dak li joħroġ minn dan id-dibattitu, il-Kummmissjoni imbagħad tiddeċiedi jekk tissottomettix jew le proposti dwar il-kwistjonijiet kollha msemmija fir-rapport jew inkella dwar parti minnhom. Sussegwentement, saru t-taħdidiet. B’riżultat tagħhom, il-Kunsill ġibed l-attentzjoni partikolarment lejn konverġenza ta’ ħsieb li r-rati minimi tat-taxxa tas-sisa għandhom jiġu aġġustati sabiex jikkumpensaw għall-inflazzjoni u b’hekk jilħqu il-valur reali tagħhom. Il-Kummissjoni kkalkulat li, skond id-dejta mill-Eurostat dwar ir-rata annwali ta' tibdil fil-IAPK (Indiċi Armonizzat tal-Prezzjiet għall-Konsumatur) bejn l-1993 u l-2005, ir-rata sħiħa ta' l-inflazzjoni għall-UE kollha bħall perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 1993, u l-31 ta' Diċembru 2005, tlaħħaq il-31%[1]. - Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, li tistabilixxi r-rati minimi tad-dazji, iffissati fl-1992 u applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1993, għal kull kategorija ta’ prodotti, kif ġej: Il-prodotti | Kejl tar-rata skond | Ir-rata minima tal-lum | L-inbid (gassat u mhux) | El | 0 € | Il-birra | El grad Plato jew El grad ta’ alkoħol* | 0.748 € jew 1.87 € | Il-prodotti intermedji | El | 45 € | L-alkoħol | El ta’ alkoħol pur* | 550 € | *Id-Direttiva toffri lill-Istati Membri l-għażla li jiġbru t-taxxa tas-sisa jew b’digriet ta’ Plato jew b’digriet tal-volum ta’ alkoħol. - Il-konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta' l-Unjoni Dil-proposta hija konformi mal-politiki u l-għanijiet ewlenin ta' l-Unjoni. Iż-żidiet proposti fir-rati minimi huma meħtieġa sabiex jinżamm il-livell tar-rati li qabel magħhom il-Kunsill fl-1992, bħala rekwiżit minimu biex jassigura l-funzjoni tas-Suq Intern mingħajr fruntieri fiskali. Bl-istess mod, l-iffissar biss tar-rati minimi jippermetti li l-Istati Membri jiffissaw ir-rati nazzjonali tagħhom fil-livelli li huma jikkunsidraw li jgħoddu għaċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom u għall-integrazzjoni tal-politiki nazzjonali tagħhom, inkluż jekk jixraq, l-għanijiet fil-qasam tas-saħħa. 2) IL-KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT - Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati Ir-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2004, kien maħsub biex jagħti l-opportunità lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali li jiddiskutu l-kwistjonijiet imqajma. Wara d-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri fi ħdanu, f’April 2005 il-Kunsill ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu dwar ir-rapport tal-Kummissjoni, li huma dawn: - Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri jemmnu li titjib fl-approssimazzjoni tgħin biex tnaqqas it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u l-frodi, imma kien hemm riżervi dwar il-livell u d-direzzjoni ta' approssimazzjonijiet bħal dawn. - Ma ntlaħaq l-ebda qbil unanimu dwar l-introduzzjoni ta’ rata minima pożittiva għax-xarbiet alkoħoliċi kollha. Tnax-il Stat Membru huma assolutament kontra kwalunkwe proposta ta’ introduzzjoni ta’ rata minima pożittiva fuq l-inbid. - Hemm konverġenza ta’ ħsieb wiesgħa li r-rati minimi tat-taxxa tas-sisa għandhom jiġu aġġustati sabiex jikkumpensaw għall-inflazzjoni u b’hekk jilħqu il-valur reali tagħhom. - Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri ma jaħsbux li s-saħħa u l-aspetti soċjali għandhom ikunu determinanti prinċipali fl-iffissar tar-rati. Għalhekk, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni, “biex tressaq proposta biex tbiddel ir-rati minimi tat-taxxa tas-sisa sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-valur reali tar-rati minimi tal-Komunità, u tipprovdi perjodi ta’ tranżizzjoni u derogi għal dawk l-Istati Membri li jista’ jkollhom diffikultajiet biex iżidu r-rati tagħhom; il-Kummissjoni għandha wkoll tikkunsidra kif xieraq is-sensitività ġenerika politika ta’ dil-kwistjoni speċjali.” - Il-ġbir u l-użu ta' l-għarfien espert Minħabba l-ambitu limitat ta’ din il-proposta, ma kienx meħtieġ il-ġbir u l-uzu ta' għarfien espert partikolari. - Il-valutazzjoni ta' l-impatt L-għan ta’ din il-proposta huwa li taġġorna d-Direttiva eżistenti 92/84/KEE biż-żieda fir-rati minimi sabiex jerġa’ jinlaħaq il-valur reali tagħhom li qabel miegħu l-Kunsill fl-1992, bħala rekwiżit minimu biex jassigura l-funzjoni xierqa tas-Suq Intern mingħajr fruntieri fiskali. L-indaġni tal-Kummissjoni biex tħejji ir-rapport tagħha ta' l-2004, ma rnexxilhiex tikxef xi żviluppi ġodda li, kif jidhru l-affarijiet llum il-gurnata, kien mistenni li jkun hemm oppożizzjoni qawwija għal aġġustament bħal dan. Madankollu, dan l-aġġustament jista’ joħloq diffikultajiet f’uħud mill-Istati Membri li huma meħtieġa li jżidu sostanzjalment ir-rati nazzjonali tagħhom u fperjodu relattivament qasir sabiex jintlaħqu r-rati minimi rivalorizzati – ara t-Tabelli 2, 3 u 4 hawn taħt. Biex jiġu mmitigati dawn id-diffikultajiet, il-proposta tinkludi derogi li jippermettu perjodi ta tranżizzjoni sa l-1 ta Jannar 2010, li jkunu determinati skond l-impenn meħtieġ mill-Istati Membri kkonċernati. F’dar-rigward, qed jiġi propost li jintuża kriterju oġġettiv, f’termini tal-persentaġġ li bih għandhom jiżdiedu r-rati nazzjonali eżistenti biex jilħqu l-minimi l-ġodda. Għal dawk il-pajjiżi li huma meħtieġa li jżidu r-rati nazzjonali tagħhom b’aktar minn 10% imma anqas minn 20%, qed jiġi propost perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2009; għal dawk il-pajjiżi li huma meħtieġa li jżidu r-rati nazzjonali tagħhom baktar minn 20%, qed jiġi propost perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2010 (ara hawn taħt, sub Sommarju ta' l-azzjoni proposta). L-impatt ekonomiku u soċjali tal-proposta jista’ jitqies bħala minimu. Pereżempju, fil-każ tal-birra, konsegwenza ta’ dan Malta, il-Latvja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, ir-Repubblika Ċeka u l-Litwanja kien ikollhom iżidu r-rati nazzjonali tat-taxxa tas-sisa b’€ 0.01 (ċenteżmu) fuq nofs litru birra li tkun 5% atv, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2010. Barra minn hekk, fil-każ ta’ l-SMEs, diġà jeżistu provvedimenti li bihom in-nogozji iż-żgħar (birreriji u distillaturi) jistgħu jibbenifikaw minn tnaqqis fir-rati[2], iżda, dak huwa suġġett għad-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri kkonċernati. Għall-konsumatur, u abbażi ta’ l-aġġustamenti sussegwenti fil-prezz bl-imnut, din iż-żieda jidher li se tkun anqas mir-rata tipika ta' l-inflazzjoni ta' l-UE. 3) ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA - Sommarju ta' l-azzjoni proposta Il-Kummissjoni tipproponi: - li jiġu rivalorizzati r-rati minimi fuq l-alkoħol, il-prodotti intermedji u l-birra skond l-inflazzjoni bejn l-1993 u l-2005, li tlaħħaq il-31%, b’effett mill-1 ta’ Jannar, 2008; Skond id-dejta mill-Eurostat dwar ir-rata annwali ta' tibdil fil-IAPK (Indiċi Armonizzat tal-Prezzjiet għall-Konsumatur) bejn l-1993 u l-2005, ir-rata sħiħa ta' l-inflazzjoni għall-UE kollha għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 1993, u l-31 ta' Diċembru 2005, tlaħħaq il-31%. Għalhekk, l-użu ta’ dan il-persentaġġ fir-rivalorizzar tar-rati minimi jagħti dawn ir-riżultati: TABELLA 1 Il-prodotti | Kejl tar-rata skond | Ir-rata minima tal-lum | Ir-rata minima ta’ l-indiċi fil- 31/12/2005 (ir-rata tal-lum X 1.31) | L-inbid (gassat u mhux) | El | 0 € | 0 € | Il-birra | El grad Plato jew El grad ta’ alkoħol | 0.748 € jew 1.87 € | 0.98 € jew 2.45 € | Il-prodotti intermedji | El | 45 € | 59 € | L-alkoħol | El ta’ alkoħol pur* | 550 € | 720 € | Qed jiġi propost li t-tibdil isir b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008. Dan jagħti biżżejjed żmien lil dawk l-Istati Membri li se jkunu affetwati biex jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa tul il-proċess annwali tal-bàġit tagħhom. - li jiġu pprovduti b’derogi, perjodi ta’ tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar, 2010 għal dawk l-Istati Membri li jista' jkollhom diffikultajiet biex iżidu r-rati nazzjonali tagħhom sa l-1 ta' Jannar, 2008, sabiex tintlaħaq ir-rata minima rivalorizzata. Ir-rati nazzjonali li huma diġà fis-seħħ fil-maġġoranza ta’ l-Istati Membri huma ogħla mir-rata minima rivalorizzata proposta, u għalhekk m’hi mistennija l-ebda azzjoni min-naħa tagħhom. Madankollu, ir-rati nazzjonali li huma fis-seħħ illum f’bosta Stati Membri huma anqas mir-rata minima rivalorizzata proposta, u għalhekk huma meħtieġa li jżidu r-rati nazzjonali tagħhom kif ġej: TABELLA 2 – IL-BIRRA L-Istat Membru | Ir-rata nazzjonali kurrenti € (1) (2) | Iż-żieda f’% meħtieġa biex tintlaħaq ir-rata minima 0.98 € Plato jew 2.45 € atv | Plato | Atv | Malta | 0.746 | 31.3% | Il-Latvija | 1.87 | 31% | Il-Ġermanja | 0.787 | 24.5% | Il-Lussemburgu | 0.7933 | 23.5% | Ir-Repubblika Ċeka | 0.81 | 20.9% | Il-Litwanja | 2.03 | 20.6% | Spanja | 0.91 | 7.7% | TABELLA 3 – Il-PRODOTTI INTERMEDJARJI L-Istat Membru | Ir-rata nazzjonali kurrenti € (1) (2) | Iż-żieda f’% meħtieġa biex tintlaħaq ir-rata minima - 59€ | Il-Greċja | 45.00 | 31% | Ċipru | 45.89 | 28.5% | Malta | 46.57 | 26.6% | Il-Portugall | 54.57 | 8.1% | Spanja | 55.53 | 6.2% | TABELLA 4 – L-ALKOĦOL L-Istat Membru | Ir-rata nazzjonali kurrenti € (1) (2) | Iż-żieda f’% meħtieġa biex tintlaħaq ir-rata minima l-ġdida - 720€ | Ċipru | 610.71 | 17.9% | Is-Slovenja | 695.14 | 3.6% | Noti f’qiegħ il-paġna: (1) Għall-Istati Membri li mhumiex fiż-Żona ta’ l-Ewro, ir-rati ta’ l-iskambju wżati huma dawk pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea – C 244 ta’ l-4/10/2005. (2) Ir-rati nazzjonali ta’ l-Istati Membri huma dawk kif notifikati f’Jannar 2006. Iżda ta’ min jinnota li mhux bilfors li dawn l-Istati Membri kollha se jkollhom diffikultajiet biex iżidu r-rati n-nazzjonali tagħhom sabiex tintlaħaq ir-rata minima rivalorizzata fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-istess rata, l-1 ta’ Jannar 2008. Għalhekk, mhux qed jiġi propost li jkunu provduti perjodi ta' tranżizzjoni fejn iż-żidiet meħtieġa biex jintlaħqu r-rati minimi rivalorizzati huma anqas minn 10% u li diġà ngħataw biżżejjed żmien, i.e. bejn l-adozzjoni tal-proposta u d-dħul fis-seħħ tagħha. Għaldaqstant, għall-Istati Membri kkonċernati (Spanja, il-Portugal, u s-Slovenja) iż-żidiet meħtiega fir-rati nazzjonali għandhom jidħlu fis-seħħ qabel jew fl-1 ta’ Jannar 2008. Iżda, għal dawk il-pajjiżi li huma meħtieġa li jżidu r-rati nazzjonali tagħhom b’aktar minn 10%, qed jiġi propost perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2010. Speċifikament, għal dawk il-pajjiżi li huma meħtieġa li jżidu r-rati nazzjonali tagħhom b’aktar minn 10% imma anqas minn 20%, qed jiġi propost perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2009; għal dawk il-pajjiżi li huma meħtieġa li jżidu r-rati nazzjonali tagħhom b’aktar minn 20%, qed jiġi propost perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2010. - tagħmel aktar flessibli u anqas kumplikata l-proċedura ta' reviżjoni skond l-Artikolu 8, u li ttawwal il-perjodu tar-reviżjoni minn sentejn għal 4 snin. Huwa xieraq li l-proċedura tar-reviżjoni ssir aktar flessibli u anqas kumplikata, b’mod partikolari billi tippermetti l-Kummissjoni tiġġudika hi jekk rapport hux ġustifikat jew le. Aktar minn hekk, perjodu ta’ sentejn huwa qasir wisq biex isir l-istudju dettaljat meħtieġ ta' l-operat tas-Suq Intern u ta' aspetti oħrajn li jkunu jridu jiġu inklużi fir-rapport tal-Kummissjoni, u biex ikun hemm perspettiva xierqa għall-evalwazzjoni tat-tibdil fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri. Bil-għan li jiġu evalwati dawn l-aspetti kollha, perjodu ta’ erba’ snin jkun aktar xieraq minn, kif inhu fis-seħħ preżentement, perjodu ta’ sentejn. - Il-bażi ġuridika It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu. - Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza maqsuma bejn il-Komunità u l-Istat Membru. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika. Fid-dawl ta’ l-għan tal-proposta għal Direttiva li temenda, li għandha żżid ir-rati minimi sabiex jerġa’ jintlaħaq il-valur reali tagħhom li qabel miegħu l-Kunsill fl-1992, bħala rekwiżit minimu biex jassigura l-funzjoni xierqa tas-Suq Intern mingħajr fruntieri fiskali, hija meħtieġa strateġija Komunitarja. - Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Id-Direttiva żżid ir-rati minimi sabiex jerġa’ jintlaħaq il-valur reali tagħhom li kien qabel miegħu il-Kunsill fl-1992, bħala rekwiżit minimu biex jassigura l-funzjoni xierqa tas-Suq Intern mingħajr fruntieri fiskali. Għalħekk, strateġija Komunitarja hija meħtieġa. 'Il fuq mir-rati minimi, l-Istati Membri jżommu s-sovranità li jiffissaw rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u xarbiet alkoħoliċi f’livelli li huma jaħsbu li jgħoddu għaċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom. - L-għażla ta' strumenti Strumenti proposti: Id-Direttiva Strumenti oħrajn ma jkunux adegwati minħabba li n-natura tal-proposta hi biex temenda ċerti Artikoli tad-Direttiva eżistenti 92/84/KEE. Għalhekk, ikun xieraq li l-istrument propost ikun Direttiva li temenda id-Direttiva 92/84/KEE. 4) IMPLIKAZZJONIJIET FUQ IL-BAĠIT L-adozzjoni tal-proposta mhijiex se jkollha implikazzjonijiet baġitarji. 5) TAGĦRIF ADDIZZJONALI - Ir-revoka ta' leġiżlazzjoni eżistenti L-adozzjoni tal-proposta se temenda u mhux tirrevoka l-leġiżlazzjoni eżistenti. - Tabella ta' korrelazzjoni Il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri m’huma meħtieġa jieħdu l-ebda azzjoni fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva, minħabba li r-rati nazzjonali tagħhom diġà jirrispettaw r-rati minimi valorizzati. Iżda, għal bosta Stati Membri huwa meħtieġ li jżidu r-rati nazzjonali biex jirrispettaw ir-rati minimi valorizzati. Madankollu, għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba, l-Istati Membri huma obbligati jinnotifikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva, biex tikkonferma li dawn jirrispettaw ir-rati minimi valorizzati. | 2006/0165 (CNS) Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[5], Billi: 1. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku[6], tispeċifika r-rati minimi tat-taxxa tas-sisa, li permezz tagħha l-Istati Membri huma ħielsa li jiffissaw ir-rati nazzjonali tagħhom f'livelli li huma jikkunsidraw li huma l-aktar xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika nazzjonali, inkluż dawk marbuta mas-saħħa. 2. Skond l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva, ir-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xarbiet alkoħoliċi ġew eżaminati. 3. L-ewwel rapport tal-Kummissjoni fuq is-suġġett, fit-13 ta’ Settembru 1995[7], ġibed l-attenzjoni għal ċerti diffikultajiet u b’riżultat ta’ dan tnieda proċess ta’ konsultazzjoni li jinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali, rappreżentanti tan-negozju u gruppi interessati. 4. Dawn il-konsultazzjonijiet wasslu għat-tieni rapport tal-Kummissjoni[8], ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2004. Ir-rapport ikkonkluda li hija meħtieġa aktar konverġenza fir-rati tat-taxxi tas-sisa fl-Istati Membri differenti, biex tassigura li s-suq intern jiffunzjona kif xieraq, b’mod partikolari fir-rigward tal-potenzjal għat- tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u l-frodi. 5. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jkun hemm kumpens għal waqgħa fil-valur reali tar-rati minimi tal-Komunità għat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xarbiet alkoħoliċi. Għalhekk ir-rati minimi għandhom jiġu miżjuda skond l-inflazzjoni. 6. Biex jittaffew id-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom dawk l-Istati Membri li jkunu meħtieġa li jżidu sostanzjalment ir-rati nazzjonali tagħhom biex jintlaħqu r-rati minimi l-ġodda, huwa xieraq li jkunu previsti perjodi ta' tranżizzjoni. 7. Huwa wkoll meħtieġ li l-proċedura ta’ evalwazzjoni regolari ssir aktar flessibbli u anqas ikkumplikata, u li tinbidel il-frekwenza ta’ kull kemm issir din l-evalwazzjoni. Il-perjodu preżenti ta’ sentejn huwa qasir wisq biex it-tibdil fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri tiġi evalwata kif jixraq. L-evalwazzjonijiet għandhom isiru kull erba’ snin. 8. Għalhekk, id-Direttiva 92/84/KEE għandha tiġi emendata biex taħseb għal dan. ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 92/84/KEE hi emendata kif ġej: (1) L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 1 Mhux iżjed tard mill-1 ta’ Jannar 2008, L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-rati minimi tat-taxxa tas-sisa skond ir-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva. (2) Fl-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu jinbidel f'dan li ġej: "Mill-1 ta’ Jannar 2008, ir-rata minima tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u l-alkoħol misjub f’ xarbiet oħrajn li m’humiex inklużi fl-Artikoli 4, 5 u 6, għandha tkun fissa ta’ EUR 720 kull ettolitru ta’ alkoħol pur. (3) L-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 4 Mill-1 ta’ Jannar 2008, ir-rata minima tat-taxxa tas-sisa fuq prodotti intermedji għandha tkun fissa ta’ EUR 59 kull ettolitru tal-prodott.” (4) L-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 6 Mill-1 ta’ Jannar 2008, ir-rata minima tat-taxxa tas-sisa fuq prodotti intermedji għandha tkun fissa ta’ EUR 59 kull ettolitru tal-prodott.” (a) EUR 0.98 kull ettolitru/grad Plato; (b) EUR 2.45 kull ettolitru/grad ta’ alkoħol.” (5) L. Jiddaħħal l-Artikolu 7a li ġej: “Artikolu 7a B’deroga mill-Artikolu 1, l-Istati Membri li sal-31 ta' Diċembru 2007 kienu jiġbru t-taxxa tas-sisa b’rata li tkun teħtieġ żieda ta’ 10% jew aktar biex tilħaq ir-rata minima stabilita fl-Artikoli 3, 4 u 6, jistgħu jipposponu d-dħul fis-seħħ tar-rata minima fuq it-taxxa tas-sisa sa l-1 ta’ Jannar 2009. Fejn tkun meħtieġa żieda ta’ 20% jew aktar, id-dħul fis-seħħ tar-rati minimi tat-taxxa tas-sisa jkun jista’ jiġi pospost sa l-1 ta’ Jannar 2010." (6) L-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 8 Kull erba’ snin, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tivverifika r-rati tat-taxxa tas-sisa stabbiliti minn din id-Direttiva. Fejn jixraq, għandha tadotta rapport jew proposta. Il-Kunsill, skond l-Artikolu 93 tat-Trattat, għandhu jadotta l-miżuri meħtieġa.” Artikolu 2 Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa' mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2007. Għandhom mingħajr dewmien jipprovdu lill-Kummissjoni bit-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella tal-korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-riferenza. 2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta ’ l-Unjoni Ewropea . Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, [...]. Għall-Kunsill Il-President [1] Is-sensiela proprja ta' l-IPAK tibda bl-indiċi għall-1997. Dejta ta’ qabel l-1997 hija bbażata fuq stima ta’ l-IPAK. Kienu ntużaw ir-rati annwali ta’ tibdil fl-IPAK li ġejjin: 1993: 3,4%; 1994: 2,8%; 1995: 2,8%; 1996: 2,4%; 1997: 1,7%; 1998: 1,3%; 1999: 1,2%; 2000: 1,9%; 2001: 2,2%; 2002: 2,1%; 2003: 2,0%; 2004: 2,0%; 2005: 2,1%. [2] ĠU L316, 31.10.1992, p.21. L-Artiklu 4 u 22 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku. [3] ĠU C [...], [...], p. [...]. [4] ĠU C [...], [...], p. [...]. [5] ĠU C [...], [...], p. [...]. [6] ĠU L 316, 31.10.1992, p.29. [7] COM(1995)285. [8] COM(2004)223