Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER, ta’ l-Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER /* KUMM/2006/0240 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 19.5.2006 KUMM(2006)240 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER, ta’ l-Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI L-Isfond u Daħla 1. Il-fużjoni nukleari toffri l-prospettiva ta' provvista, kważi mingħajr limitu, ta' enerġija nadifa fit-tul. Wara l-iżviluppi b'suċċess ta' dawn l-aħħar snin, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) dwar l-enerġija mill-fużjoni laħaq il-punt fejn jista’ jkun previst il-progress effikaċi lejn id-dimostrazzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija sostenibbli mill-fużjoni nukleari. ITER, faċilità sperimentali ewlenija li hija mmirata biex turi l-vijabbiltà xjentifika u teknika ta' l-enerġija mill-fużjoni, hija l-pass kruċjali li jmiss li hu meħtieġ biex jindirizza l-għanijiet prinċipali tal-Programm Ewropew dwar il-fużjoni u programmi oħra dwarha madwar id-dinja. 2. Sa mill-bidu tiegħu, il-proġett ITER twettaq f’qafas ta’ kollaborazzjoni internazzjonali bejn il-programmi ewlenin dwar il-fużjoni madwar id-dinja. Ix-xogħol immexxi taħt l-awspiċji ta’ l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) mill-erba' Partijiet (EURATOM, il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti ta' l-Amerika) fil-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-Attivitajiet ta’ Tfassil/Disinn ta’ l-Inġinerija (EDA) għall-ITER wassal għal disinn ta’ l-inġinerija dettaljat, komplut u għal kollox integrat ta’ l-ITER, u d-data teknika kollha meħtieġa għal deċiżjonijiet fil-ġejjieni dwar il-kostruzzjoni ta' l-ITER. Ir-riżultati ġenerali tal-kooperazzjoni huma mogħtija fir-Rapport Finali ta' l-ITER EDA [1]. 3. Wara li tlestew b’suċċess l- EDA , f’Novembru 2001 bdew negozjati intergovernattivi dwar il-possibbiltà ta’ l-implimentazzjoni konġunta ta’ l-ITER bejn erba’ Parteċipanti – Il-Kanada, l-EURATOM, il-Ġappun u l-Federazzjoni Russa. Iċ-Ċina u l-Istati Uniti ta' l-Amerika ngħaqdu mal-parteċipanti oriġinali fi Frar 2003, filwaqt li l-Korea ngħaqdet f’Ġunju 2003. F’Diċembru 2003, il-Kanada rtirat min-negozjati. L-Indja ngħaqdet f’Diċembru 2005, biex b’hekk l-għadd ta’ Partijiet fil-Ftehim prospettiv tela’ għal sebgħa. 4. Il-Kummissjoni Ewropea mexxiet negozjati għall-EURATOM skond id-direttivi mogħtija skond l-Artikolu 101, paragrafu 2 tat-Trattat ta’ l-EURATOM mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2000 u emendata sussegwentement mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2002, is-26 ta' Novembru 2003 u s-26 ta’ Novembru 2004. 5. Sa Diċembru 2003, in-negożjati dwar l-għażla tas-sit ta’ l-ITER ikkulminaw fi sfida bejn is-sit kandidat Ewropew f’Cadarache u s-sit kandidat Ġappuniż f’Rokkasho, il-Ġappun. Wara diskussjonijiet tekniċi intensivi li kellha l-Kummissjoni mal-Partijiet l-oħra kollha skond id-Direttivi tal-Kunsill, fl-aħħar intlaħaq kunsens fil-Laqgħa Ministerjali għall-ITER fit-28 ta' Ġunju 2005 f'Moska, fejn il-Partijiet ftehmu li l-proġett ITER u l-Kwartieri Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni kellhom ikunu fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri f’Cadarache. Konverġenza ta’ opinjonijiet bejn l-EURATOM u l-Ġappun rigward ir-rwoli relattivi ta' kull wieħed minnhom bħala Parti “Ospitanti” jew “mhux Ospitanti” u l-arranġamenti korrispondenti bejniethom li għalihom l-EURATOM u l-Ġappun kellhom jagħtu kontribuzzjoni kull wieħed ta’ ¥46 b/€339 m għal attivitajiet konġunti ta’ approċċ usa’ fit-territorju tal-Ġappun, kienet strumentali għal din ir-riżoluzzjoni. Flimkien ma' dan, l-EURATOM impenjat ruħha li tikkonċedi pożizzjoni speċjali lill-Ġappun fl-implimentazzjoni ta' l-ITER, per eżempju billi tappoġġja n-nomina Ġappuniża għall-kariga ta' Direttur Ġenerali, billi tittrasferixxi responsabbiltà lis-sorsi Ġappuniżi għal proporzjon tal-kontribuzzjonijiet li l-EURATOM impenjat ruħha li tipprovdi għall-proġett (ekwivalenti għal madwar 10% ta’ l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni) u billi taċċetta rappreżentanza proporzjonali ikbar ta' membri Ġappuniżi tat-tim b’rabta mal-kontribuzzjoni komprensiva tal-Ġappun ta' 10%. Id-dettalji tal-parteċipazzjoni Ewropea fl-attivitajiet ta’ l-Approċċ Usa’ huma stipolati fi Ftehim bilaterali speċifiku bejn EURATOM u l-Ġappun li għandu jkun propost lill-Kunsill fl-istess ħin ma' l-Ftehim ITER. 6. Fl-1 ta’ April 2006, ir-Rappreżentanti tas-seba’ Partijiet fin-negozjati ta’ l-ITER adottaw ir-Rapport Finali tan-Negozjati dwar l-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (“Ir-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER”), li jikkonferma t-tlestija tal-proċess ta’ negozjati, jirreferi għal dikjarazzjonijiet ta’ rieda ta’ kull Parti biex tipproċedi lejn konklużjoni tal-Ftehim, u jirreġistra l-fehmiet komuni bejn il-Partijiet fi tmiem in-negozjati u l-abbozz ta’ Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim. Fl-istess okkażżjoni, ir-Rapport Final tan-Negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER ġie adottat mir-Rappreżentanti ta’ l-EURATOM, il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa. 7. Ir-riżultati sostantivi mill-proċess ta’ negozjati jinkludu: 7.1. test tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (Il-Ftehim ITER), inklużi l-Annessi dwar l-Informazzjoni u l-Proprjetà Intelletwali u l-Appoġġ tas-Sit, għall-konklużjoni mill-Partijiet fin-negozjati; 7.2. test ta’ l-Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim; 7.3. test tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet), għal konklużjoni mill-EURATOM, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea u r-Russja; 7.4. dokumenti tekniċi miftiehma msemmija fil-Ftehim ITER u l-ftehimiet komuni li l-Partijiet iddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li japplikaw matul l-implimentazzjoni tal-Proġett ITER: a) Stimi tal-Valur għall-fażijiet tal-Kostruzzjoni, l-Operat, id-Diżattivazzjoni u d-Dekommisjonar ta’ l-ITER u l-Forma ta’ Kontribuzzjoni tal-Partijiet; b) Il-qsim ta’ l-ispejjeż għal fażijiet kollha tal-Proġett ITER; c) L-Allokazzjoni għall-Kuntratti; d) Skeda Komprensiva tal-Proġett; e) Il-Ġestjoni u l-Kuntratti ta' ITER; f) L-Operazzjonijiet; 7.5. abbozzi ta’ dokumenti sussidjarji li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill ta’ l-ITER mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u li l-Partijiet japprovaw fl-istat preżenti ta’ żvilupp waqt li jirrikonoxxu li dawn jistgħu jiġu rfinati u elaborati aktar b’mod konġunt sakemm jiġu adottati fil-ġejjieni: a) Ir-Regoli ta’ Proċeduta tal-Kunsill ta’ l-ITER; b) Ir-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Proġett; c) Ir-Regolamenti ta’ l-Istaff; d) Id-Dispożizzjonijiet Ewlenin tal-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali; e) Il-Ftehim dwar l-Appoġġ tas-Sit; 7.6. it-testi tad-Dikjarazzjonijiet konġunti li bihom il-Partijiet jaffermaw l-intenzjonijiet politiċi tagħhom fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-proġett ITER u għall-għotja ta’ Privileġġi u Immunitajiet lill-Organizzazzjoni prospettiva ta’ l-ITER. Spjegazzjoni tal-Ftehim ITER u l-Istrumenti Relatati 8. Il-Ftehim ITER huwa magħmul minn Preambolu, 29 Artikolu sostantiv u żewġ Annessi. 9. Il-Preambolu jelenka l-EURATOM, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern ta’ l-Istati Unitit ta’ l-Amerika, is-seba’ Partijiet fundaturi tal-Ftehim ITER u l-Membri ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (l-Organizzazzjoni ITER). Rigward l-EURATOM, il-Ftehim ITER japplika wkoll għar-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tar-Rumanija u l-Konfederazzjoni Żvizzera, li jipparteċipaw fil-programm dwar il-fużjoni ta’ EURATOM bħala Stati terzi assoċjati bis-sħiħ (l-Artikolu 21 tal-Ftehim ITER). 10. Il-Ftehim ITER jistabbilixxi l-Organizzazzjoni ITER (l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim ITER) u jipprovdiha (i) b’personalità legali internazzjonali u (ii) bil-kapaċità legali li teħtieġ fit-territorji tal-Membri tagħha biex tikkonkludi kuntratti, takkwista, iżżomm u tiddisponi mill-propjetà, biex takkwista liċenzji u biex tistitwixxi proċeduri legali (l-Artikolu 5 tal-Ftehim ITER). 11. Il-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni ITER huma stabbiliti f’St Paul-lez-Durance, Bouches-du-Rhône, fi Franza, li hija l-unità amministrattiva li fiha jaqa’ s-sit ta’ Cadarache. B’konsegwenza, Franza hija ddefinita bħala l-"Istat Ospitanti" u l-EURATOM bħala l-"Parti Ospitanti" (l-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ITER). 12. L-iskop ta’ l-Organizzazzjoni ITER huwa li tipprovdi għal kooperazzjoni bejn il-Membri fil-Proġett ITER u tippromwoviha. Il-Proġett ITER huwa deskritt bħala proġett internazzjonali li jimmira li juri l-vijabbiltà xjentifika u teknoloġika tal-enerġija mill-fużjoni għal skopijiet paċifiċi (l-Artikolu 2 tal-Ftehim ITER). Biex dan l-iskop jintlaħaq, il-funzjonijiet prinċipali ta’ l-Organizzazzjoni ITER huma (i) li tibni, topera, tisfrutta u tidiżattiva l-faċilitajiet ITER u (ii) tinkuraġġixxi lil-laboratorji, l-istituzzjonijiet oħra u l-istaff li jipparteċipa fi programmi tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ l-enerġija mill-fużjoni biex jisfruttawhom (l-Artikolu 3 tal-Ftehim ITER) (iii) li tippromwovi ftehim u aċċettazzjoni ta’ l-enerġija mill-fużjoni. Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, l-Organizzazzjoni ITER għandha tagħti attenzjoni xierqa biex jinżammu relazzjonijiet tajba mal-komunitajiet lokali. 12.1. Il-funzjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni ITER jagħtu lok għal distinzjoni tal-fażijiet differenti tal-proġett li huma speċifikati fil-Ftehim Komuni dwar l-Iskeda Ġenerali tal-Proġett[2]: (i) il-fażi ta’ kostruzzjoni, (ii) il-fażi ta’ l-operat, (iii) il-fażi tad-diżattivazzjoni u (iv) il-fażi tad-dekommissjonar. Il-prinċipji ġenerali dwar il-fażi ta' l-operat huma stipolati fil-Ftehim Komuni dwar l-Operat[3]. 12.2. Biex iġġib 'il quddiem l-iskop tagħha u fuq deċiżjoni unanima mill-Kunsill ta’ l-ITER, l-Organizzazzjoni tista’ tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali oħra, dawk li mhumiex Partijiet, u ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet ta’ dawk li mhumiex Partijiet (l-Artikolu 19 tal-Ftehim ITER). 13. Il-Ftehim ITER jipprevedi l-istrutturi istituzzjonali u maniġerjali għall-Organizzazzjoni ta' l-ITER li ġejjin: 13.1. Il-Partijiet fil-Ftehim għandhom ikunu l-Membri ta’ l-Organizzazzjoni. 13.2. Il-Kunsill, magħmul minn rappreżentanti tal-Membri ta’ l-Organizzazzjoni ITER, huwa l-organu prinċipali tagħha. Huwa responsabbli għall-promozzjoni, id-direzzjoni ġenerali u s-sorveljanza ta’ l-attivitajiet ta’ l-Organizzazzjoni ITER. Il-Kunsill jista’ jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe mistoqsija, suġġett jew kwistjoni skond il-Ftehim ITER (l-Artikoli 6(1) u 6(7) tal-Ftehim ITER). F’għadd ta’ każijiet speċifiċi, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill jeħtieġu l-unanimità (l-Artikolu 6(8) tal-Ftehim ITER). Fil-każijiet l-oħra kollha, il-Membri ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jilħqu kunsens. F'każ li ma jintlaħaqx kunsens, il-Kunsill jiddeċiedi skond is-sistema ta' votazzjoni stabbilita fl-Abbozz tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill[4] (l-Artikolu 6(9) u 6(10) tal-Ftehim ITER). Is-sistema ta’ votazzjoni tista' tkun adottata u, jekk meħtieġ, emendata biss minn deċiżjoni unanima tal-Kunsill (l-Artikolu 6(8) tal-Ftehim ITER). Is-sistema ta’ votazzjoni tirrispetta l-kontribuzzjonijiet relattivi mill-Membri, mingħajr ma tagħti pożizzjoni predominanti lil Membru wieħed, kif ġej: - Il-Fażi ta' Kostruzzjoni ta’ l-ITER: l-EURATOM għandha 3 voti, kull Parti oħra għandha vot wieħed; għall-adozzjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet jeħtieġu sitt voti jew aktar favur. - Il-Fażi ta' l-Operat ta’ l-ITER: l-EURATOM għandha 6 voti, il-Ġappun u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika għandhom 3 voti kull wieħed, iċ-Ċina, l-Indja, l-Korea u r-Russja għandhom 2 voti kull wieħed; għall-adozzjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet jeħtieġu 11-il vot jew aktar favur, magħmula minn 4 Membri jew aktar ta' l-Organizzazzjoni ta' l-ITER. - Deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-konformità ma’ rekwiżiti regolatorji ta' l-Istat Ospitanti jeħtieġu l-qbil tal-Parti Ospitanti. 13.3. Id-Direttur Ġenerali huwa l-uffiċjal eżekuttiv prinċipali u r-rappreżentant legali ta’ l-Organizzazzjoni ITER. Id-Direttur Ġenerali għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-ġestjoni ta’ l-Organizzazzjoni ITER, it-twettiq ta’ l-attivitajiet tagħha, l-implimentazzjoni tal-politiki tagħha u biex tissodisfa l-iskop tagħha. Il-Kunsill jiddeċiedi l-istruttura prinċipali ta’ ġestjoni ta’ l-Organizzazzjoni ITER unanimament, fuq proposta mid-Direttur Ġenerali. Bħala rappreżentant legali, id-Direttur Ġenerali se jkun responsabbli wkoll għas-sikurezza nukleari skond it-termini u l-kundizzjonijiet li jiddeċiedu dwarhom l-awtoritajiet regolatorji Franċiżi meta joħorġu l-liċenzja biex il-proġett ITER ikun jista' jopera. 13.4. Kull sentejn, il-Kunsill se jaħtar Evalwatur tal-Ġestjoni indipendenti li se jewalva l-ġestjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-Organizzazzjoni ITER. L-iskop ta’ l-evalwazzjoni tal-ġestjoni hu li jkun iddeterminat jekk il-ġestjoni ta' l-Organizzazzjoni ta' l-ITER hix b'saħħitha, b'mod partikolari fejn tidħol l-effikaċja u l-effiċjenza tal-ġestjoni f’termini ta’ skala ta’ l-istaff. Id-Direttur Ġenerali jista’ wkoll jitlob li jsiru tali evalwazzjonijiet wara konsultazzjoni mal-Kunsill (l-Artikolu 18 tal-Ftehim ITER). 14. Id-Direttur Ġenerali se jkun megħjun mill-Istaff. L-Istaff jikkonsisti minn staff impjegat direttament u staff issekondat (l-Artikolu 7(2) tal-Ftehim ITER). Kundizzjonijiet dettaljati għall-Istaff, li jinkludu skema ta’ l-impjegar ta’ l-istaff u rimunerazzjoni bbażati fuq il-mudell ta’ l-Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, stipolati fl-abbozz tar-Regolamenti ta’ l-Istaff[5] li l-Kunsill għandu jadottata b’mod unanimu fuq proposta tad-Direttur Ġenerali (l-Artikolu 6(7) (b) u 6(8) tal-Ftehim ITER). L-abbozz tar-Regolamenti ta' l-Istaff jipprevedi li: - madwar 50% ta’ l-istaff ġenerali ta’ l-ITER għandu jkun impjegat direttament; - karigi li fir-rigward tagħhom l-aspetti regolatorji ta’ l-Istat Ospitanti jagħtu preferenza għas-servizzi kontinwi għandhom jiġu attribwiti lill-istaff impjegat direttament; - l-istaff impjegat direttament se jkollu kuntratti ta’ ħames snin, li jistgħu jiġġeddu; - id-drittijiet għall-pensjoni jkunu skema ta' kontribuzzjoni definita; - jingħataw kuntratti esterni għall-assigurazzjoni medika, u l-assigurazzjoni tal-ħajja u ta’ l-invalidità. 15. Ir-riżorsi ta’ l-Organizzazzjoni ITER jikkonsistu f’kontribuzzjonijiet in natura u finanzjarji mill-Membri. 15.1. Kull Membru se jipprovdi l-kontribuzzjonijiet tiegħu lill-Organizzazzjoni ITER permezz ta’ l-Aġenzija Domestika tiegħu. L-Aġenżija Domestika responsabbli għall-provvista ta’ kontribuzzjonijiet ta’ l-EURATOM se tkun Impriża Konġunta stabbilita skond il-Kapitolu V tat-Titolu II tat-Trattat ta’ l-EURATOM. 15.2. L-evalwazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-proġett ITER skond il-fażijiet tal-proġett hija stipolata fil-Ftehim Komuni "Stimi tal-Valur għall-Fażijiet ta' l-ITER"[6]. L-istimi tal-valur għall-fażijiet ta’ l-ITER huma bbażati fuq evalwazzjonijiet magħmula mit-Tim Ċentrali Konġunt Internazzjonali ta' l-ITER skond il-Ftehim ITER EDA. 15.3. Il-qsim ta’ l-ispejjeż bejn il-Partijiet huwa stipolat fil-Ftehim Komuni “Il-Qsim ta’ l-Ispejjeż għall-Fażijiet kollha tal-Proġett ITER”[7]. Rigward il-fażi ta' kostruzzjoni, il-Partijiet ftehmu li l-EURATOM, bħala l-Parti Ospitanti, għandha ġġorr 50% ta’ l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni filwaqt li kull Parti għandha ġġorr 10%. Fi ħdan il-kontribuzzjoni ta’ l-EURATOM, it-tariffa għall-baġit tal-Komunità mhux se tkun ikbar minn 40% ta' l-ispejjeż tal-kostruzzjoni. Fi ħdan il-qafas ġenerali ta’ hawn fuq, intlaħaq ftehim li, l-ewwelnett, (i) l-EURATOM se ġġorr 5/11 ta’ l-ispejjeż tal-kostruzzjoni u kull Parti oħra se ġġorr 1/11 imma li (ii), jekk meħtieġ u b’kundizzjoni ta' deċiżjoni unanima tal-Kunsill ta’ l-ITER, ammont addizjonali li jkun daqs 1/10 tal-valur ta’ l-ispejjeż tal-kostruzzjoni stmati fil-bidu jinqasam bejn il-Partijiet fuq il-bażi tal-formola tal-qsim ta’ l-istess nefqa. Għall-fażijiet ta' l-operat, id-diżattivazzjoni u d-dekommissjonar, huwa previst li l-EURATOM se ġġorr 34% ta’ l-ispejjeż totali, il-Ġappun u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika 13% kull wieħed, u l-erba’ Partijiet l-oħra 10% kull wieħed. Il-kontribuzzjoni tal-Komunità magħmula sa’ l-aħħar ta’ l-2006 se tirrispetta l-ammonti ta’ referenza li jidhru fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna is-Sitt Programm ta’ Qafas ta' l-EURATOM. Mill-2007 ‘l quddiem, din il-kontribuzzjoni għandha tkun kompatibbli ma’ l-ammonti li għandhom jiġu adottati għall-Programmi ta' Qafas sussegwenti għar-Riċerka. 15.4. Ir-riżorsi għall-fażi ta’ kostruzzjoni se jkunu pprovduti b’mod predominanti (iktar minn 80%) mill-kontribuzzjonijiet in natura, li jinkludu l-issekondar ta’ persuni kwalifikati mill-Membri bħala staff ta’ l-Organizzazzjoni ITER. Il-provvista tal-komponenti ta’ l-ITER inqasmet f’madwar 90 pakketti ta’ xiri kull wieħed deskritt bi speċifikazzjonijiet dettaljati u allokati lill-Membri prospettivi ta’ l-Organizzazzjoni ITER fil-Ftehim Komuni dwar l-Allokazzjoni għax-Xiri[8]. Ix-xiri ta’ komponenti li għandhom ikunu pprovduti in natura se jkun responsabbiltà tal-Membru li jipprovdi dak il-komponent, billi jaġixxi permezz ta’ l-Aġenzija Domestika tiegħu. L-allokazzjoni ta’ dawn il-komponenti bejn is-seba’ Membri kollha se tirriżulta fi grad għoli ta’ interdipendenza bejn l-Organizzazzjoni ITER u l-Membri tagħha matul il-kostruzzjoni tal-faċilitajiet ta’ l-ITER. Sabiex tkun tista’ tassumi r-responsabbiltajiet ġenerali tagħha tal-Proġett ITER, l-Organizzazzjoni ITER mhux se twettaq biss attivitajiet permezz tal-Kwartieri Ġenerali tagħha f’Cadarache iżda se tistabbilixxi Gruppi fuq il-Post fit-territorju ta’ kull Membru (l-Artikolu 13 tal-Ftehim ITER). It-Tim Ċentrali se jidderieġi l-proġett u se jassumi r-responsabbiltajiet għat-tfassil, l-integrazzjoni u l-immuntar tal-Faċilitajiet ta’ l-ITER u t-tħejjija għall-operat u l-isfruttament. Il-Gruppi fuq il-Post se jissorveljaw ix-xiri li għandu jsir mill-Aġenziji Domestiċi tal-Membru. Se jiżguraw assigurazzjoni tal-kwalità u se jimmaniġġjaw, f’konsultazzjoni ma’ l-Aġenziji Domestiċi, tibdil fl-iskedar u adattazzjonijiet oħra meħtieġa għall-kontribuzzjonijiet in natura. Linji ta' gwida għall-ġestjoni tal-kuntratti huma stipolati fil-Ftehim Komuni tal-Ġestjoni u l-Kuntratti ta’ l-ITER.[9] 15.5. Sabiex jizgura ġestjoni finanzjarja b’saħħitha ta’ l-Organizzazzjoni ITER, il-Ftehim ITER jipprevedi adozzjoni unanima mill-Kunsill dwar ir-Regolamenti tal-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Proġett (l-Artikolu 9 tal-Ftehim ITER), li l-abbozz tiegħu ġie elaborat mill-Partijiet[10]. Barra minn hekk, jipprevedi wkoll it-twaqqif ta' Bord tal-Verifika Finanzjarja biex iwettaq verifiki tal-kontijiet annwali ta’ l-Organizzazzjoni ITER (l-Artikolu 17 tal-Ftehim ITER). 16. Il-Ftehim ITER fih dispożizzjoni speċifika dwar l-Informazzjoni u l-Propjetà Intelletwali u Anness li jelabora dik id-dispożizzjoni. Dawn huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ l-iktar tixrid wiesa’ adattat ta’ l-informazzjoni u l-proprjetà intellettwali ġġenerata, u ta’ trattament ugwali u bla diskriminazzjoni bejn il-Membri ta’ l-Organizzazzjoni ITER. 17. Il-Ftehim ITER fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-appoġġ tas-sit mill-Parti Ospitanti EURATOM (l-Artikolu 11 tal-Ftehim ITER u l-Anness tiegħu dwar l-Appoġġ tas-Sit) skond liema l-EURATOM għandha tagħmel disponibbli jew tikkawża li jsir disponibbli għall-Organizzazzjoni ITER, l-appoġġ tas-sit meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Proġett ITER. L-EURATOM tista’ taħtar entità biex taġixxi f’isimha għall-iskop ta’ l-appoġġ tas-sit. Huwa previst li, fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-abbozz tal-ftehim dwar l-appoġġ tas-sit[11] se jiġi konkluż bejn l-Organizzazzjoni ITER u l-“Aġenzija ITER-France”, bl-entità ta’ l-aħħar taġixxi f’isem l-EURATOM għal dan l-iskop. 18. L-Organizzazzjoni ITER, id-Direttur Ġenerali u l-Istaff tagħha, u r-rappreżentanti tal-Membri tal-Kunsill għandhom igawdu fit-territorju ta' kull Membru tali privileġġi u immunitajiet kif ikun meħtieġ biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom (l-Artikolu 12(1) u 12(2) tal-Ftehim ITER). Kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet[12], l-Istati Uniti ta’ l-Amerika se tikkonċedi privileġġi u immunitajiet lill-Organizzazzjoni ta' l-ITER permezz ta' l-Att Internazzjonali tagħha dwar l-Immunitajiet ta' l-Organizzazzjonijiet u liġijiet u regolamenti domestiċi oħra rilevanti, filwaqt li l-Partijiet fundaturi l-oħra u kull Parti fil-ġejjieni se tikkonċedi l-privileġġi u l-immunitajiet lill-Organizzazzjoni ITER skond il-kundizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u Ftehimiet jew Arranġamenti dwar il-Gruppi fuq il-Post se jiġu konklużi bejn l-Organizzazzjoni ITER u l-Istat Ospitanti u l-ospitanti tal-Gruppi fuq il-Post rispettivament biex jiġu speċifikati dettalji ta’ l-applikazzjoni tal-privileġġi u l-immunitajiet. Id-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ l-abbozz tal-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali ġew żviluppati mill-Partijiet fin-negozjati[13] u se jiġu elaborati iktar sakemm titwaqqaf l-Organizzazzjoni ITER. Il-Ftehim ITER jeħtieġ li kull Parti tinnotifika lid-Depożitarju ladarba tagħti effett lill-privileġġi u l-Immunitajiet (l-Artikolu 12(5) tal-Ftehim ITER). Id-Depożitarju se jsejjaħ l-ewwel seduta tal-Kunsill ta' l-ITER sa mhux iktar tard minn tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ITER, basta jkunu waslu mingħand il-Partijiet kollha n-notifiki dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet (l-Artikolu 6(2) tal-Ftehim ITER). 19. Il-faċilitajiet ta’ l-ITER se jkunu “Installation nucléaire de base” (INB) skond il-liġi Franċiża. Il-kwalifika ta’ INB għandha konsegwenzi fuq is-sikurezza u l-aspetti ta’ ħruġ ta’ liċenzji għall-Istat Ospitanti. Konsegwentement, l-Organizzazzjoni ITER għandha tosserva l-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli ta’ l-Istat Ospitanti fl-oqsma tas-saħħa u s-sikurezza pubblika u fuq il-post tax-xogħol, is-sikurezza nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-ħruġ ta’ liċenzji, is-sustanzi nukleari, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-protezzjoni minn atti ta' ħsara (l-Artikolu 14 tal-Ftehim ITER). Il-privileġġi u l-immunitajiet konferiti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim m’għandhomx inaqqsu jew jaffetwaw id-dmir ta’ l-Organizzazzjoni ITER, id-Direttur Ġenerali jew l-Istaff milli jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti msemmija fl-Artikolu 14. 20. L-Artikolu 15 tal-Ftehim jistipola dispożizzjonijiet għar-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali ta' l-Organizzazzjoni ITER. Is-sħubija fl-Organizzazzjoni ITER m’għandhiex tirriżulta f’responsabbiltà għall-Membri għall-atti, l-ommissjonijiet jew l-obbligi ta’ l-Organizzazzjoni ITER. Fil-każ li l-ispejjeż tal-kumpens għad-danni, li għalihom hija responsabbli l-Organizzazzjoni ITER, jaqbżu l-fondi disponibbli ta’ l-Organizzazzjoni ITER, il-Membri kollha ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandhom jikkonsultaw sabiex jippermettu lill-Organizzazzjoni tilħaq ir-responsabbiltajiet tagħha. 21. Il-Ftehim ITER jipprevedi t-twaqqif ta’ fond biex jipprovdi għad-dekommissjonar tal-faċilitajiet ta’ l-ITER. Il-Membri ta’ l-Organizzazzjoni ITER se jikkontribwixxu għall-fond għad-dekommissjonar fi proporzjon għall-parti tagħhom tal-kontribuzzjoni għall-fażi ta’ l-operat tal-proġett ITER. Fi tmiem il-ħames sena tal-fażi ta’ diżattivazzjoni, l-Organizzazzjoni ITER se tgħaddi lill-Istat Ospitanti l-fond għad-dekommissjonar u l-faċilitajiet ta' l-ITER għad-dekommissjoni tagħhom, u mbagħad l-Istat Ospitanti se jieħu r-responsabbiltà tal-faċilitajiet ta' l-ITER u d-dekommissjonar tagħhom (l-Artikolu 16 tal-Ftehim ITER). 22. Il-proċess ta’ fużjoni ma jinvolvix materjali fissjonabbli u għalhekk it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni ma japplikax. Madankollu, xi wħud mit-teknoloġiji użati fl-implimentazzjoni tal-proġett ITER jistgħu jaqgħu f’kategoriji ta’ l-użu doppju possibbli. Għalhekk, il-Ftehim ITER fih dispożizzjoni dwar l-użi paċifiċi u n-nonproliferazzjoni u skond din, kwalunkwe materjal, tagħmir jew teknoloġija ġġenerata jew milqugħa skond din id-dispożizzjoni għandhom jintużaw biss għal skopijiet paċifiċi, u l-Kunsill ta' l-ITER għandu jingħaqad ma' fora internazzjonali adattati u jistabbilixxi politika li tappoġġja użi paċifiċi u n-nonproliferazzjoni. (l-Artikolu 20 tal-Ftehim ITER). 23. Il-Ftehim ITER u kwalunkwe emenda tiegħu jidħlu fis-seħħ 30 jum wara d-depożitu ta' l-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni u l-approvazzjoni tiegħu mill-Partijiet (l-Artikolu 22 u l-Artikolu 28 tal-Ftehim ITER). Id-Depożitarju huwa d-Direttur Ġenerali ta' l-IAEA, li għandu jinnotifika l-Istati firmatarji u li se jissieħbu u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bin-notifiki rilevanti mill-Partijiet u d-dati ta’ dħul fis-seħħ, irtirar jew terminazzjoni (l-Artikolu 29 tal-Ftehim ITER). 24. It-tul fiż-żmien tal-Ftehim ITER se jkun ta' 35 sena, bil-possibbiltà ta' estensjoni sa 10 snin b'deċiżjoni unanima tal-Kunsill ta' l-ITER mingħajr il-bżonn li l-Ftehim ITER jiġi emendat (l-Artikolu 24 tal-Ftehim ITER). Il-Kunsill ta’ l-ITER jista’ jiddeċiedi fuq tali estensjoni biss jekk din ma tibdilx in-natura ta’ l-Organizzazzjoni ITER jew il-qafas tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Membri. Il-Kunsill ta' l-ITER għandu jikkonferma t-tmiem previst tal-Ftehim talanqas sitt snin qabel l-iskadenza, u jkun iddeċieda l-arranġamenti għall-fażi ta’ diżattivazzjoni u tax-xoljiment ta’ l-Organizzazzjoni. 25. Il-Ftehim ITER jista’ jiġi tterminat bi ftehim bejn il-Partijiet kollha, li jippermetti ż-żmien meħtieġ għad-diżattivazzjoni u li jiżgura l-fondi meħtieġa għad-dekommissjonar (l-Artikolu 24(6) tal-Ftehim ITER). L-irtirar tal-Membri għajr il-Parti Ospitanti mill-Ftehim ITER huwa possibbli biss wara l-ewwel għaxar snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu. L-irtirar ma jaffetwax il-kontribuzzjoni ta’ min qed jirtira għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-faċilitajiet ta’ l-ITER (l-Artikolu 26 tal-Ftehim ITER). 26. Is-sħubija fil-Ftehim ITER, soġġetta għal deċiżjoni unanima tal-Kunsill ta’ l-ITER, hija miftuħa għal kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni internazzjonali (l-Artikolu 23 tal-Ftehim ITER), skond il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati mill-Kunsill ta’ l-ITER. 27. L-Artikolu 25 tal-Ftehim ITER jipprovdi għal medjazzjoni u proċeduri oħra li għandhom jiġu miftiehma bejn il-partijiet għal kull kunflitt bħala mezz tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti. 28. Sabiex ikun jista’ jagħti bidu għall-attivitajiet tal-proġett ITER qabel id-dħul fis-seħħ formali tal-Ftehim ITER, tħejja l-Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim ITER[14] biex jiġi ffirmat fl-istess ħin mal-Ftehim ITER. L-Implikazzjonijiet finanzjarji 29. Il-kontribuzzjonijiet ta’ l-EURATOM għall-Organizzazzjoni ITER se jkunu pprovduti permezz tal-Ftehim Konġunt li għandu jiġi stabbilit skond it-Titolu II, Kapitolu V tat-Trattat ta' l-EURATOM. L-implikazzjonijiet finanzjarji tal-konklużjoni tal-Ftehim ITER se jkunu inklużi fil-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta[15]. Id-Deċiżjoni Proposta 30. Huwa propost li - fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 101, paragrafu 2 tat-Trattat ta’ l-EURATOM, il-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni hawnhekk annessa dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER, ta’ l-Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER, ta’ l-Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 101 tiegħu, Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/668/Euratom[16] li tadotta is-sitt Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (Euratom) għall-attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ, li jikkontribwixxu wkoll għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta’ Riċerka (2002-2006) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/837/Euratom[17] li tadotta programm speċifiku (Euratom) għar-riċerka u t-taħriġ fil-qasam ta’ l-enerġija nukleari (2002-2006), Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,[18] Billi: (1) Skond id-Direttivi tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2000 kif emendati mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2002, is-26 ta’ Novembru 2003 u s-26 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni mexxiet negozjati mal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER, u ta’ l-Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim ITER. (2) Skond id-Direttivi tal-Kunsill, il-Kummissjoni mexxiet negozjati mal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar Ftehim assoċjat dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER. (3) Fl-1 ta’ April 2006, ir-Rappreżentanti tas-seba’ Partijiet fin-negozjati ta’ l-ITER adottaw ir-Rapport Finali tan-Negozjati dwar l-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER li jikkonferma t-tlestija tal-proċess ta’ negozjati, jirreferi għal dikjarazzjonijiet tar-rieda ta’ kull Parti biex tipproċedi lejn il-konklużjoni tal-Ftehim, u rreġistra l-fehmiet komuni bejn il-Partijiet fi tmiem in-negozjati u l-abbozz ta’ Arranġamenti dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim. Fl-istess okkażżjoni, ir-Rapport Finali tan-Negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER ġie adottat mir-Rappreżentanti ta’ l-EURATOM, il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa. (4) Fl-okkażżjoni tal-Laqgħa Ministerjali dwar l-ITER fl-24 ta’ Mejju 2006 fi Brussell, ir-Rapprezentanti tas-seba’ partijiet għan-negozjati ta’ l-ITER iffirmaw id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Implimentazzjoni, li biha kkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jimplimentaw l-ITER b’mod konġunt u li japplikaw il-Ftehim Komuni msemmi fir-Rapport Finali tan-Negozjati dwar l-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER hawn fuq. (5) Fl-okkażżjoni tal-Laqgħa Ministerjali dwar l-ITER fl-24 ta’ Mejju 2006 fi Brussell, ir-Rappreżentanti tas-seba’ partijiet għan-negozjati ta’ l-ITER iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet li biha l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tesprimi l-intenzjoni tagħha li tikkonċedi privileġġi u immunitajiet lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER skond l-Att Internazzjonali tagħha dwar l-Immunitajiet ta' l-Organizzazzjonijiet, u s-sitt partijiet l-oħra għan-negozjati jesprimu l-intenzjoni tagħhom li jikkonċedu privileġġi u immunitajiet lill-Organizzazzjoni ITER skond il-kundizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER. (6) Għandha tiġi approvata l-konklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER, ta’ l-Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 1. Il-konklużjoni min-naħa tal-Kummissjoni, għall-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u f’isimha, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern ta' l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (il-Ftehim ITER), b'dan hija approvata, 2. It-test tal-Ftehim ITER huwa anness ma' din id-Deċiżjoni bħala l-Anness I. Artikolu 2 1. Il-konklużjoni min-naħa tal-Kummissjoni, għall-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u f’isimha, ta’ l-Arranġament bejn il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern ta' l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER, b'dan hija approvata. 2. It-test ta' l-Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni bħala l-Anness II. Artikolu 3 1. Il-konklużjoni min-naħa tal-Kummissjoni, għall-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u f’isimha, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern ta' l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER, b'dan hija approvata. 2. It-test tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni bħala l-Anness III. Magħmula fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS I għall-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Abbozz Finali Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER Werrej Preambolu Artikolu 1 It-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni Artikolu 2 L-Iskop ta’ l-Organizzazzjoni ITER Artikolu 3 Il-Funzjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni ITER Artikolu 4 Il-Membri ta’ l-Organizzazzjoni ITER Artikolu 5 Personalità Ġuridika Artikolu 6 Il-Kunsill Artikolu 7 Id-Direttur-Ġenerali u l-Istaff Artikolu 8 Ir-Riżorsi ta’ l-Organizzazzjoni ITER Artikolu 9 Ir-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Progġett Artikolu 10 Informazzjoni u Proprjetà Intellettwali Artikolu 11 Appoġġ għas-Sit Artikolu 12 Il-Privileġġi u l-Immunitajiet Artikolu 13 Il- Field Teams Artikolu 14 Is-Saħħa Pubblika, is-Sikurezza, il-Liċenzjar u l-Ħarsien Ambjentali Artikolu 15 Ir-Responsabbiltà Artikolu 16 Id-Dekommissjonar Artikolu 17 Verifika Finanzjarja Artikolu 18 Evalwazzjoni tal-Ġestjoni Artikolu 19 Kooperazzjoni Internazzjonali Artikolu 20 L-Użi Paċifiċi u n-Non-Proliferazzjoni Artikolu 21 Applikazzjoni fir-rigward ta’ l-EURATOM Artikolu 22 Id-dħul fis-seħħ Artikolu 23 Adeżjoni Artikolu 24 Tul u Terminazzjoni Artikolu 25 Riżoluzzjoni tat-Tilwim Artikolu 26 Irtirar Artikolu 27 Annessi Artikolu 28 Emendi Artikolu 29 Depożitarju Preambolu Il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (minn hawn ’il quddiem “EURATOM”), il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u l-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, FILWAQT LI JFAKKRU li t-tlestija b’suċċess ta’ l-Attivitajiet ta’ Disinn ta’ l-Inġinerija għall-ITER taħt l-awspiċji ta’ l-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Enerġija Atomika (minn hawn ’il quddiem “l- IAEA ”) poġġiet għad-dispożizzjoni tal-Partijiet disinn ta’ l-inġinerija ddettaljat, komplut u integrat bis-sħiħ ta’ faċilità ta’ riċerka mmirata lejn id-dimostrazzjoni tal-fattibiltà tal-fużjoni bħala għajn ta’ l-enerġija; FILWAQT LI JENFASIZZAW il-potenzjal fit-tul ta’ l-enerġija mill-fużjoni bħala għajn ta’ l-enerġija li prattikament ma għandhiex limitu, hija ambjentalment aċċettabbli u eknomikament kompetittiva; FILWAQT LI KONVINTI li ITER huwa l-pass importanti li jmiss fit-triq biex tiġi żviluppata l-enerġija mill-fużjoni u li issa huwa l-ħin xieraq biex tinbeda l-implimentazzjoni tal-Proġett ITER fuq il-bażi tal-progress tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam ta’ l-enerġija mill-fużjoni; FILWAQT LI KKUNSIDRAW id-dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentanti tal-Partijiet għan-negozjati ITER, fl-okkażjoni tal-laqgħa ministerjali għal ITER fit-28 ta’ Ġunju 2005 f’Moska; FILWAQT LI GĦARFU li s-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-2002 sejjaħ lill-gvernijiet biex jippromwovu żieda fir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam ta' diversi teknoloġiji ta' l-enerġija, inkluża l-enerġija li tiġġedded, l-effiċjenza ta’ l-enerġija u teknoloġiji avvanzati ta’ l-enerġija;. FILWAQT LI ENFASIZZAW l-importanza ta’ l-implimentazzjoni konġunta tal-Proġett ITER għad-dimostrazzjoni tal-fattibilità xjentifika u teknoloġika ta’ l-enerġija mill-fużjoni għal skopijiet paċifiċi u biex tistimola l-interess tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ fil-fużjoni; FILWAQT LI DEĊIŻI li l-għan programmatiku globali tal-Proġett ITER se jiġi segwit mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni permezz ta’ programm komuni internazzjonali ta’ riċerka organizzat madwar għanijiet xjentifiċi u teknoloġiċi u żviluppat u mwettaq bis-sehem ta’ riċerkaturi ewlenin mill-Partijiet kollha; FILWAQT LI JENFASIZZAW l-importanza ta’ implimentazzjoni sikura u affidabbli tal-kostruzzjoni, l-operazzjoni, l-isfruttament, id-diżattivazzjoni u d-dekommissjonar tal-faċilitajiet ITER bil-ħsieb tad-dimostrazzjoni tas-sikurezza u l-promozzjoni ta' l-aċċettabbiltà soċjali tal-fużjoni bħala għajn ta’ l-enerġija; FILWAQT LI JAFFERMAW l-importanza ta’ sħubija ġenwina fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett fit-tul u fuq skala kbira għall-finijiet tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ l-enerġija mill-fużjoni; FILWAQT LI JAGĦRFU li filwaqt li l-benefiċċji xjentifiċi u teknoloġiċi se jinqasmu ndaqs fost il-Partijiet għall-finijiet tar-riċerka fl-enerġija mill-fużjoni, il-benefiċċji l-oħrajn assoċjati ma’ l-implimentazzjoni tal-Proġett se jinqasmu fuq bażi ġusta; FILWAQT LI JIXTIEQU jkomplu bil-kooperazzjoni produttiva ma’ l- IAEA f’din il-ħidma; FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 It-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni 1. L-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni (minn hawn ‘’il quddiem “l-Organizzazzjoni”) hija b'dan stabbilita. 2. Il-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni ITER (minn hawn ’il quddiem “il-Kwartieri Ġenerali”) għandhom ikunu f’St Paul-lez-Durance, Bouches-du-Rhône, Franza. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, EURATOM għandha tissejjaħ “il-Parti Ospitanti” u Franza “l-Istat Ospitanti”. Artikolu 2 L-Iskop ta’ l-Organizzazzjoni ITER L-iskop ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandu jkun li tipprovdi għal, u tippromwovi, il-kooperazzjoni fost il-Membri msemmija fl-Artikolu 4 (minn hawn ’il quddiem “il-Membri”) fil-Proġett ITER - proġett internazzjonali li l-għan tiegħu huwa d-dimostrazzjoni tal-fattibilità xjentifika u teknoloġika ta’ l-enerġija mill-fużjoni għal skopijiet paċifiċi, li karatteristika essenzjali tagħha tkun il-ksib ta’ ġenerazzjoni sostnuta ta’ l-enerġija mill-fużjoni. Artikolu 3 Il-Funzjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni ITER 1. L-Organizzazzjoni ITER għandha: a) tibni, topera, tisfrutta, u tiddiżattiva l-faċilitajiet ITER skond l-għanijiet tekniċi u d-disinn ġenerali ppreżentat fir-Rapport Finali ta’ l-Attivitajiet ta’ Disinn ta’ l-Inġinerija għall-ITER (Serje Dokumentazzjoni ITER EDA Nru 21) u kwalunkwe dokument tekniku supplimentari li jista’ jiġi adottat, kif meħtieġ, skond dan il-Ftehim, u tipprovdi għad-dekommissjonar tal-faċilitajiet ITER; b) tħeġġeġ l-isfruttament tal-faċilitajiet ITER mil-laboratorji, istituzzjonijiet oħra u staff li jkunu qed jieħdu seħem fi programmi ta’ riċerka u żvilupp ta’ l-enerġija mill-fużjoni ta’ l-Istati Membri; c) tippromwovi l-għarfien pubbliku u l-aċċettazzjoni ta’ l-enerġija mill-fużjoni; kif ukoll d) twettaq, skond dan il-Ftehim, kull attività oħra meħtieġa biex jinkiseb l-iskop tagħha. 2. Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, l-Organizzazzjoni ITER għandha tagħti attenzjoni speċjali liż-żamma ta’ relazzjonijiet tajba mal-komunitajiet lokali. Artikolu 4 Il-Membri ta’ l-Organizzazzjoni ITER Il-Partijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu l-Membri ta' l-Organizzazzjoni ITER. Artikolu 5 Personalità Ġuridika 1. L-Organizzazzjoni ITER għandu jkollha personalità ġuridika, inkluża l-kapaċità li tikkonkludi ftehimiet ma’ Stati u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali. 2. L-Organizzazzjoni ITER għandu jkollha personalità ġuridika u għandha tgawdi, fit-territorji tal-Membri, mill-kapaċità ġuridika li teħtieġ, fost oħrajn biex: a) tikkonkludi kuntratti; b) takkwista, tipposiedi u tiddisponi minn proprjetà; c) takkwista liċenzji; kif ukoll d) tibda proċedimenti ġuridiċi. Artikolu 6 Il-Kunsill 1. Il-Kunsill għandu jkun l-organu prinċipali ta’ l-Organizzazzjoni ITER u għandu jkun magħmul mir-Rappreżentanti tal-Membri. Kull Membru għandu jaħtar sa massimu ta’ erba’ Rappreżentanti fil-Kunsill. 2. Id-Depożitarju msemmi fl-Artikolu 29 (minn hawn ’il quddiem “id-Depożitarju”) għandu jsejjaħ l-ewwel seduta tal-Kunsill mhux iktar tard minn tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, sakemm in-notifiki msemmija fl-Artikolu 12(5) ikunu waslu mingħand il-Partijiet kollha. 3. Il-Kunsill għandu jaħtar President u Viċi-President minn fost il-membri tiegħu li kull wieħed għandu jservi terminu ta’ sena u jista’ jiġi elett mill-ġdid sa massimu ta’ tliet darbiet għal perjodu massimu ta’ erba’ snin. 4. Il-Kunsill għandu jaddotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu unanimament. 5. Il-Kunsill għandu jiltaqa’ darbtejn fis-sena, sakemm ma jiddeċidix mod ieħor. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jlaqqa' seduta straordinarja fuq talba ta’ Membru jew tad-Direttur Ġenerali. Is-seduti tal-Kunsill għandhom iseħħu fil-Kwartieri Ġenerali, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor. 6. Kull meta jkun xieraq, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jlaqqa' seduta fil-livell ministerjali. 7. Il-Kunsill għandu jkun responsabbli, skond dan il-Ftehim, għall-promozzjoni, id-direzzjoni globali u s-superviżjoni ta' l-attivitajiet ta' l-Organizzazzjoni ITER fit-twettiq ta' l-iskop tagħha. Il-Kunsill jista’ jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe mistoqsija jew kwistjoni skond dan il-Ftehim. B'mod partikolari, il-Kunsill għandu: a) jiddeċiedi dwar il-ħatra, is-sostituzzjoni u l-estensjoni tat-terminu tal-kariga tad-Direttur Ġenerali; b) jadotta u jemenda fejn meħtieġ, fuq proposta tad-Direttur Ġenerali, ir-Regolamenti ta’ l-Istaff u r-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Proġett ta’ l-Organizzazzjoni ITER; c) jiddeċiedi, wara proposta mid-Direttur Ġenerali, dwar l-istruttura ewlenija ta’ tmexxija ta’ l-Organizzazzjoni ITER u l-għadd ta' Staff; d) jaħtar Staff fi gradi għolja fuq proposta mid-Direttur Ġenerali; e) jaħtar il-membri tal-Bord għall-Verifika Finanzjarja kif imsemmi fl-Artikolu 17; f) jiddeċiedi, skond l-Artikolu 18, fuq it-termini ta' referenza għat-twettiq ta' evalwazzjoni tal-ġestjoni ta' l-Organizzazzjoni ITER u jaħtar Evalwatur tal-Ġestjoni għal dak il-għan; g) jiddeċiedi, fuq talba tad-Direttur Ġenerali, fuq il-baġit totali għall-fażijiet varji tal-Proġett ITER u l-limiti permessibbli ta' aġġustament għall-iskop ta’ l-aġġornamenti annwali msemmija fis-subparagrafu j), u japprova l-Pjan tal-Proġett ITER inizjali u l-Estimi tar-Riżorsi msemmija fl-Artikolu 9; h) japprova l-bidliet fit-tqassim globali tan-nefqa; i) japprova, bil-kunsens tal-Membri kkonċernati, il-modifiki lill-allokazzjoni tax-xiri mingħajr ma jinbidel it-tqassim globali tan-nefqa; j) japprova l-aġġornamenti annwali tal-Pjan tal-Proġett ITER u l-Estimi tar-Riżorsi u, b’mod korrispondenti, japprova l-programm annwali u jadotta l-baġit annwali ta’ l-Organizzazzjoni ITER; k) japprova l-kontijiet annwali ta’ l-Organizzazzjoni ITER; l) jadotta r-rapporti annwali; m) jadotta, skond kif ikun meħtieġ, id-dokumenti tekniċi supplimentari msemmija fl-Artikolu 3(1)(a); n) jistabbilixxi l-korpi sussidjarji tal-Kunsill skond kif ikun meħtieġ; o) japprova l-konklużjoni tal-ftehimiet jew l-arranġamenti għall-kooperazzjoni internazzjonali skond l-Artikolu 19; p) jiddeċiedi dwar l-akkwist, ix-xiri u l-ipoteka ta’ l-art u titli oħra ta’ proprjetà ta’ beni immobbli; q) jadotta r-regoli dwar il-ġestjoni tal-Proprjetà Intellettwali u t-tixrid ta’ informazzjoni skond l-Artikolu 10 fuq proposta tad-Direttur Ġenerali; r) japprova, fuq proposta tad-Direttur Ġenerali, id-dettalji tat-twaqqif tal- Field Teams bil-kunsens tal-Membri kkonċernati, skond l-Artikolu 13. Il-Kunsill għandu jirrevedi, fuq bażi perjodika, il-kontinwazzjoni ta’ kwalunkwe Field Team stabbilit; s) japprova, fuq proposta tad-Direttur Ġenerali, ftehimiet jew arranġamenti li jiggvernaw ir-relazzjonijiet bejn l-Organizzazzjoni ITER u l-Membri jew l-Istati li fuq it-territorju tagħhom jinsabu l-Kwartieri Ġenerali u l- Field Teams ta' l-Organizzazzjoni ITER; t) japprova, fuq proposta tad-Direttur Ġenerali, l-isforzi għall-promozzjoni tal-kollaborazzjoni fost il-programmi domestiċi rilevanti tal-Membri għar-riċerka dwar il-fużjoni, u bejn programmi bħal dawn u l-Organizzazzjoni ITER; u) jiddeċiedi dwar l-adeżjoni ta’ Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali ma' dan il-Ftehim skond l-Artikolu 23; v) jirrakkomanda lill-Partijiet, skond l-Artikolu 28, emendi għal dan il-Ftehim; w) jiddeċiedi dwar it-teħid jew l-għoti ta’ self, il-provvista ta' assikurazzjonijiet u garanziji u l-għoti ta' garanziji u sigurtajiet għalihom; x) jiddeċiedi dwar jekk jipproponix materjal, tagħmir u teknoloġija għall-kunsiderazzjoni minn fora internazzjonali tal-kontroll fuq l-esportazzjoni għall-inklużjoni fil-listi ta' kontroll tagħhom, u jistabbilixxi politika li tappoġġa l-użi paċifiċi u nonproliferazzjoni skond l-Artikolu 20; y) japprova l-arranġamenti ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 15; kif ukoll z) jiddeċiedi dwar rinunzji ta’ l-immunità skond l-Artikolu 12(3) u jkollu setgħat oħra bħal dawn skond kif jinħtieġ biex ikun sodisfatt l-iskop u jitwettqu l-funzjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni ITER, konsistentement ma’ dan il-Ftehim. 8. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt is-subparagrafi a), b), c), g), h), o), u), v), w), x), y) u z) tal-paragrafu 7, u dwar is-sistema ta’ votazzjoni b’piż differenzjat imsemmija fil-paragrafu 10, permezz ta’ l-unanimità. 9. Dwar kwistjonijiet oħra għajr kif speċifikat fil-paragrafu 8, il-Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jinkiseb kunsens. Jekk ma jintlaħaqx kunsens, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-kwistjoni bis-sistema ta' votazzjoni b’piż differenzjat imsemmija fil-paragrafu 10. Deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet marbuta ma’ l-Artikolu 14 għandhom jirrikjedu l-qbil tal-Parti Ospitanti. 10. Il-piż rispettiv tal-voti tal-Membri għandu jirrifletti l-kontributi tagħhom lill-Organizzazzjoni ITER. Is-sistema tal-votazzjoni b’piż differenzjat, li għandha tinkludi kemm id-distribuzzjoni tal-voti u r-regoli dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet, għandha tiġi stipulata fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill. Artikolu 7 Id-Direttur-Ġenerali u l-Istaff 1. Id-Direttur Ġenerali għandu jkun l-uffiċjal eżekuttiv ewlieni u r-rappreżentant ta’ l-Organizzazzjoni ITER fl-eżerċizzju tal-kapaċità ġuridika tagħha. Id-Direttur Ġenerali għandu jaġixxi b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill, u għandu jkun responsabbli lejn il-Kunsill għall-qadi tad-dmirijiet tiegħu/tagħha. 2. Id-Direttur Ġenerali għandu jiġi megħjun mill-Istaff. L-Istaff għandu jikkonsisti minn impjegati diretti ta’ l-Organizzazzjoni ITER u staff issekondat mill-Membri. 3. Id-Direttur Ġenerali għandu jinħatar għal terminu ta’ ħames snin. Il-ħatra tad-Direttur Ġenerali tista’ tiġi estiża darba għal perjodu addizzjonali ta’ mhux iktar minn ħames snin. 4. Id-Direttur Ġenerali għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għat-tmexxija ta' l-Organizzazzjoni ITER, l-eżekuzzjoni ta' l-attivitajiet tagħha, l-implimentazzjoni tal-politiki u t-twettiq ta' l-iskop tagħha. B'mod partikulari, id-Direttur Ġenerali għandu: a) iħejji u jressaq quddiem il-Kunsill: - il-baġit totali għall-fażijiet varji tal-Proġett ITER u l-limiti permessibbli ta’ aġġustament; - il-Pjan tal-Proġett ITER u l-Estimi tar-Riżorsi u l-aġġornamenti annwali tagħhom; - il-baġit annwali fi ħdan il-baġit totali maqbul, inkluż il-kontributi annwali, u l-kontijiet annwali; - proposti dwar ħatriet ta’ Staff fi gradi għolja u l-istruttura ewlenija tat-tmexxija ta’ l-Organizzazzjoni ITER; - ir-Regolamenti ta’ l-Istaff; - Ir-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Proġett; kif ukoll - ir-rapporti annwali; b) jaħtar, imexxi u jissorvelja l-Istaff; c) ikun responsabbli għas-sikurezza u jieħu l-miżuri organizzazzjonali kollha meħtieġa biex jiġu osservati l-liġijiet u r-regolamenti msemmija fl-Artikolu 14; d) jieħu f’idejħ, kull fejn meħtieġ flimkien ma’ l-Istat Ospitanti, li jikseb il-permessi u l-liċenzji meħtieġa għall-bini, it-tħaddim u l-użu tal-faċilitajiet ITER; e) jippromwovi l-kollaborazzjoni fost il-programmi domestiċi ta' riċerka rilevanti tal-Membri fil-qasam tal-fużjoni u bejn dawn il-programmi u l-Organizzazzjoni ITER; f) jżigura l-kwalità u l-qagħda tajba tal-komponenti u s-sistemi miksuba għall-użu mill-Organizzazzjoni ITER; g) iressaq quddiem il-Kunsill, skond kif ikun meħtieġ, id-dokumenti tekniċi supplimentari msemmija fl-Artikolu 3 (1) (a); h) jikkonkludi, soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill, ftehimiet jew arranġamenti għall-kooperazzjoni internazzjonali skond l-Artikolu 19 u jissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom; i) jagħmel arranġamenti għas-seduti kollha tal-Kunsill; j) kif mitlub mill-Kunsill, jgħin lill-korpi sussidjarji tal-Kunsill fit-twettiq ta’ ħidmiethom; kif ukoll k) jissorvelja u jikkontrolla l-eżekuzzjoni tal-programmi annwali fir-rigward ta’ l-iskedar, ir-riżultati u l-kwalità, u jaċċetta t-tlestija tal-komptiti. 5. Id-Direttur Ġenerali għandu jattendi l-laqgħat tal-Kunsill sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor. 6. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 14, ir-responsabbiltajiet tad-Direttur Ġenerali u l-Istaff fir-rigward ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandhom ikunu ta’ natura esklussivament internazzjonali. Fil-qadi ta’ dmirijiethom dawn ma għandhom jitolbu jew jirċievu struzzjonijiet mingħand l-ebda gvern jew awtorità esterna għall-Organizzazzjoni ITER. Kull Membru għandu jirrispetta n-natura internazzjonali tar-responsabbiltajiet tad-Direttur Ġenerali u ta’ l-Istaff, u ma għandux jipprova jinfluwenzahom fil-qadi ta’ dmirijiethom. 7. L-Istaff għandu jappoġġa lid-Direttur Ġenerali fil-qadi ta’ dmirijietu u għandu jkun taħt l-awtorità tiegħu. 8. Id-Direttur Ġenerali għandu jaħtar l-Istaff skond ir-Regolamenti ta’ l-Istaff. 9. It-terminu tal-ħatra ta’ kull membru ta’ l-Istaff għandu jkun ta’ massimu ta’ ħames snin. 10. L-Istaff ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandu jikkonsisti minn tali staff xjentifiku, tekniku u amministrattiv ikkwalifikat skond kif ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-Organizzazzjoni ITER. 11. L-Istaff għandu jinħatar fuq il-bażi tal-kwalifiki tiegħu, filwaqt li tingħata attenzjoni lil distribuzzjoni xierqa ta’ karigi fost il-Membri skond il-kontributi tagħhom. 12. Skond dan il-Ftehim u r-regolamenti rilevanti, il-Membri jistgħu jissekondaw staff u jibagħtu riċerkaturi temporanji lill-Organizzazzjoni ITER. Artikolu 8 Ir-Riżorsi ta’ l-Organizzazzjoni ITER 1. Ir-riżorsi ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandhom jinkludu: a) kontributi in natura , kif imsemmi fid-dokument “Estimi tal-Valur għall-Fażijiet ta’ Kostruzzjoni, Operat, Diżattivazzjoni u Dekommissjonar ta’ ITER u t-Tip ta’ Kontributi mill-Partijiet”, li jinkludu: i) komponenti speċifiċi, tagħmir, materjal u oġġetti u servizzi oħra skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi maqbula u ii) staff issekondat mill-Membri; b) kontributi finanzjarji għall-baġit ta’ l-Organizzazzjoni ITER mill-Membri (minn hawn 'il quddiem 'kontributi fi flus’), kif imsemmija fid-dokument “Estimi tal-Valur għall-Fażijiet ta’ Kostruzzjoni, Operat, Diżattivazzjoni u Dekommissjonar ta’ ITER u t-Tip ta’ Kontributi mill-Partijiet”; c) riżorsi addizzjonali li jingħataw sew jekk fi flus jew le fi ħdan il-limiti u skond it-termini approvati mill-Kunsill. 2. Il-kontributi rispettivi tal-Membri matul it-terminu ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu skond kif imsemmi fid-dokumenti “Estimi tal-Valur għall-Fażijiet ta’ Kostruzzjoni, Operat, Diżattivazzjoni u Dekommissjonar ta’ ITER u t-Tip ta’ Kontributi mill-Partijiet” u “Il-Qsim ta’ l-Ispiża għall-Fażijiet kollha tal-Proġett ITER” u jistgħu jiġu aġġornati permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill. 3. Ir-riżorsi ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandhom jintużaw biss għall-promozzjoni ta’ l-iskop ta’ l-Organizzazzjoni ITER u għall-qadi tal-funzjonijiet tagħha skond l-Artikoli 2 u 3. 4. Kull Membru għandu jagħti l-kontributi tiegħu lill-Organizzazzjoni ITER permezz ta’ entità ġuridika xierqa, minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija Domestika” ta’ dak il-Membru, għajr fejn ikun miftiehem mod ieħor mill-Kunsill. L-approvazzjoni tal-Kunsill ma għandhiex tinħtieġ biex il-Membri jagħtu kontributi fi flus direttament lill-Organizzazzjoni ITER. Artikolu 9 Ir-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Proġett 1. L-iskop tar-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Proġett huwa li tkun żgurata ġestjoni finanzjarja tajba ta' l-Organizzazzjoni ITER. Dawn ir-Regolamenti għandhom jinkludu, fost oħrajn, ir-regoli prinċipali marbuta ma’: a) is-Sena Finanzjarja; b) l-unità tal-kont u l-valuta li l-Organizzazzjoni ITER għandha tuża għal finijiet ta' kontijiet, baġit u evalwazzjoni tar-riżorsi; c) il-preżentazzjoni u l-istruttura tal-Pjan tal-Proġett ITER u l-Estimi tar-Riżorsi; d) il-proċedura għat-tħejjija u l-adozzjoni tal-baġit annwali, l-implimentazzjoni tal-baġit annwali u l-kontroll finanzjarju intern; e) il-kontributi mill-Membri; f) l-għoti ta’ kuntratti; g) il-ġestjoni tal-kontributi; kif ukoll h) il-ġestjoni tal-fond ta’ dekommissjonar. 2. Id-Direttur Ġenerali għandu jħejji kull sena, u jressaq quddiem il-Kunsill, aġġornament tal-Pjan tal-Proġett ITER u l-Estimi tar-Riżorsi. 3. Il-Pjan tal-Proġett ITER għandu jispeċifika l-pjan għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet kollha ta’ l-Organizzazzjoni ITER u għandu jkopri t-tul fiż-żmien ta’ dan il-Ftehim. Għandu: a) jiddeskrivi fil-qosor pjan globali li jinkludi l-iskeda ta' żmien u l-istadji ewlenin għall-ilħuq ta' l-iskop ta' l-Organizzazzjoni ITER, u jiġbor fil-qosor il-progress tal-Proġett ITER f'relazzjoni mal-pjan globali; b) jipreżenta l-għanijiet speċifiċi u l-iskedi tal-programm ta’ attivitajiet ta’ l-Organizzazzjoni ITER għall-ħames snin li ġejjin jew għall-perjodu ta’ kostruzzjoni, skond liema jdum l-iktar; kif ukoll c) jipprovdi kummentarji xierqa, inkluż evalwazzjoni tar-riskji għall-Proġetti ITER u deskrizzjonijiet ta' miżuri għall-evitar jew it-trażżin tar-riskju. 4. L-Estimi tar-Riżorsi ITER għandhom jipprovdu analiżi komprensiva tar-riżorsi li diġà ntużaw u li huma meħtieġa fil-ġejjieni biex isir il-Pjan tal-Proġett ITER, kif ukoll tal-pjanijiet għall-provvista tar-riżorsi. Artikolu 10 L-Informazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali 1. Soġġett għal dan il-Ftehim u l-Anness dwar l-Informazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali, l-Organizzazzjoni ITER u l-Membri għandhom jappoġġaw l-iktar tixrid wiesa’ xieraq ta’ informazzjoni u proprjetà intellettwali li jiġġeneraw fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-Ftehim. L-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-Anness dwar l-Informazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali għandha tkun indaqs u ma tiddiskriminax bejn il-Membri kollha u l-Organizzazzjoni ITER. 2. Fit-twettiq ta’ l-attivitajiet tagħha, l-Organizzazzjoni ITER għandha tiżgura li kull riżultat xjentifiku għandu jiġi ppubblikat jew isir disponibbli fil-wisa' b'mod ieħor wara perjodu raġonevoli ta' żmien sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex jinkiseb ħarsien xieraq. Kull dritt ta’ l-awtur fuq xogħlijiet ibbażati fuq dawk ir-riżultati għandhom ikunu l-proprjetà ta’ l-Organizzazzjoni ITER sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor fid-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan il-Ftehim u l-Anness dwar l-Informazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali. 3. Fl-għoti ta’ kuntratti għal xogħol li għandu jsir skond dan il-Ftehim, l-Organizzazzjoni ITER u l-Membri għandhom jinkludu dispożizzjonijiet f’dawn il-kuntratti dwar kull proprjetà intellettwali li tirriżulta. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jindirizzaw, fost oħrajn, id-drittijiet ta’ aċċess, kif ukoll ta’ kxif u użu, ta’ din il-proprjetà intellettwali, u għandhom ikunu konsistenti ma’ dan il-Ftehim u l-Anness dwar l-Informazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali. 4. Il-proprjetà intellettwali ġġenerata jew inkorporata skond dan il-Ftehim għandha tiġi ttrattata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness dwar l-Informazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali. Artikolu 11 Appoġġ għas-Sit 1. Il-Parti Ospitanti għandha tagħmel disponibbli jew tagħmel mod biex isir disponibbli lill-Organizzazzjoni ITER l-appoġġ għas-sit meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Proġett ITER kif miġbur fil-qosor fl-Anness dwar l-Appoġġ u skond it-termini msemmija fih. Il-Parti Ospitanti għandha taħtar entità biex taġixxi f’isimha għal dan il-għan. Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex taffettwa l-obbligi tal-Parti Ospitanti skond dan l-Artikolu. 2. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kunsill, id-dettalji u l-proċeduri għall-kooperazzjoni dwar l-appoġġ għas-sit bejn l-Organizzazzjoni ITER u l-Parti Ospitanti jew l-entità nnominata tagħha għandha tkun koperta minn Ftehim ta’ Appoġġ għas-Sit li għandu jiġi konkluż bejniethom. Artikolu 12 Il-Privileġġi u l-Immunitajiet 1. L-Organizzazzjoni ITER, il-proprjetà u l-assi tagħha, għandhom igawdu, fit-territorju ta’ kull Membru, il-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa għall-qadi tal-funzjonijiet tagħha. 2. Id-Direttur Ġenerali u l-Istaff ta’ l-Organizzazzjoni ITER u r-rappreżentanti tal-Membri fil-Kunsill u l-korpi sussidjarji, flimkien ma’ s-sostituti u l-esperti tagħhom, għandhom igawdu, fit-territorju ta’ kull Membru, il-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa għall-qadi tal-funzjonijiet tagħhom marbuta ma’ l-Organizzazzjoni ITER. 3. L-immunitajiet ipprovduti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu rrinunzjati f’kull każ fejn l-awtorità kompetenti li tirrinunzja l-immunità tqis li din l-immunità ma tħallix li ssir il-ġustizzja u jekk din ir-rinunzja ma tippreġudikax l-iskopijiet li għalihom kienet ingħatat u fejn, fil-każ ta' l-Organizzazzjoni ITER, id-Direttur Ġenerali, u l-Istaff, il-Kunsill jiddetermina li din ir-rinunzja ma tmurx kontra l-interessi ta' l-Organizzazzjoni ITER u l-Membri tagħha. 4. Il-privileġġi u l-immunitajiet li jingħataw skond dan il-Ftehim ma għandhomx inaqqsu jew jaffettwaw id-dmir ta’ l-Organizzazzjoni ITER, id-Direttur Ġenerali jew l-Istaff li jkunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti msemmija fl-Artikolu 14. 5. Kull Parti għandha tinnotifika lid-Depożitarju bil-miktub wara li tkun tat effett lill-paragrafi 1 u 2. 6. Id-Depożitarju għandu jinnotifika lill-Partijiet meta jkun irċieva n-notifiki mill-Partijiet kollha skond il-paragrafu 5. 7. Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali għandu jiġi konkluż bejn l-Organizzazzjoni ITER u l-Istat Ospitanti. Artikolu 13 Field Teams Kull Membru għandu jospita Field Team stabbilit u operat mill-Organizzazzjoni ITER kif rikjest għall-qadi tal-funzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni ITER u t-twettiq ta' l-iskop tagħha. Għandu jiġi konkluż Ftehim dwar il- Field Teams bejn l-Organizzazzjoni ITER u kull Membru. Artikolu 14 Is-Saħħa Pubblika, is-Sikurezza, il-Liċenzjar u l-Ħarsien Ambjentali L-Organizzazzjoni ITER għandha tosserva l-liġijiet u r-regolamenti applikabbli ta’ l-Istat Ospitanti fl-oqsma tas-saħħa u s-sikurezza pubblika u fuq ix-xogħol, is-sikurezza nukleari, il-ħarsien mir-radjazzjoni, il-liċenzjar, is-sustanzi nukleari, il-ħarsien ambjentali u l-ħarsien minn atti ta’ ħsara intenzjonali. Artikolu 15 Ir-Responsabbiltà 1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandha tiġi ggvernata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti, li għandhom jiġu interpretati skond il-liġi applikabbli għall-kuntratt. 2. Fil-każ ta’ responsabbiltà li mhijiex kuntrattwali, l-Organizzazzjoni ITER għandha tikkumpensa adegwatament jew tipprovdi rimedji oħrajn għal kwalunkwe dannu li tikkawża, safejn l-Organizzazzjoni ITER tkun soġġetta għal responsabbiltà ġuridika taħt il-liġi rilevanti, u d-dettalji ta' l-arranġamenti għall-kumpens għandhom jiġu approvati mill-Kunsill. Dan il-paragrafu ma għandux jiġi interpretat bħala rinunzja ta’ l-immunità mill-Organizzazzjoni ITER. 3. Kwalunkwe pagament mill-Organizzazzjoni ITER biex tikkumpensa għar-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u kwalunkwe spiża u nefqa mġarrba f’rabta magħha għandhom jitqiesu bħala 'spiża operattiva' kif definita fir-Regolamenti għall-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Proġett. 4. Fil-każ li l-ispejjeż tal-kumpens għal dannu msemmi fil-paragrafu 2 jisbqu l-fondi disponibbli ta’ l-Organizzazzjoni ITER fil-baġit annwali għall-operazzjonijiet u/jew permezz ta' l-assikurazzjoni, il-Membri għandhom jikkonsultaw, permezz tal-Kunsill, sabiex l-Organizzazzjoni ITER tkun tista' tikkumpensa, skond il-paragrafu 2 billi tipprova żżid il-baġit globali b'deċiżjoni unanima tal-Kunsill skond l-Artikolu 6 (8). 5. Is-sħubija fl-Organizzazzjoni ITER ma għandhiex tirriżulta fir-responsabbiltà tal-Membri għal atti, omissjonijiet jew obbligi ta’ l-Organizzazzjoni ITER. 6. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jfixkel, jew jiġi interpretat bħala rinunzjata ta’, l-immunità li l-Membri jgawdu fit-territorju ta’ Stati oħra jew fit-territorju tagħhom. Artikolu 16 Id-dekommissjonar 1. Matul il-perjodu ta’ operazzjoni ta’ ITER, l-Organizzazzjoni ITER għandha tiġġenera Fond (minn hawn ’il quddiem “il-Fond”) biex jipprovdi għad-dekommissjonar tal-faċilitajiet ITER. Il-modalitajiet għall-ġenerazzjoni tal-Fond, l-istima u l-aġġornar tiegħu, il-kundizzjonijiet għat-tibdil u għat-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Ospitanti għandhom jiġu stipulati fir-Regolamenti għall-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Proġett imsemmija fl-Artikolu 9. 2. Wara l-fażi finali ta’ l-operazzjonijiet sperimentali ta’ ITER, l-Organizzazzjoni ITER għandha, fi żmien perjodu ta’ ħames snin, jew inqas jekk maqbul hekk ma’ l-Istat Ospitanti, iġġib il-faċilitajiet ITER f’tali kundizzjonijiet li jiddeċiedu dwarhom u li jiġu aġġornati skond kif meħtieġ mill-Organizzazzjoni ITER u l-Istat Ospitanti. Wara li jsir dan l-Organizzazzjoni ITER tgħaddi lill-Istat Ospitanti l-Fond u l-faċilitajiet ITER għad-dekommissjonar tagħhom. 3. Wara li l-Istat Ospitanti jaċċetta l-Fond flimkien mal-faċilitajiet ITER, l-Organizzazzjoni ITER ma għandha terfa' l-ebda responsabbiltà għall-faċilitajiet ITER, għajr meta jkun deċiż mod ieħor bejn l-Organizzazzjoni ITER u l-Istat Ospitanti. 4. Id-drittijiet u l-obbligi rispettivi ta’ l-Organizzazzjoni ITER u l-Istat Ospitanti u l-modalitajiet ta’ l-interazzjonijiet tagħhom fir-rigward tad-dekommissjonar għandhom jiġu stipulati fil-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali msemmi fl-Artikolu 12, li taħthom l-Organizzazzjoni ITER u l-Istat Ospitanti għandhom, fost oħrajn, jaqblu li: a) wara li jingħaddulu l-faċilitajiet ITER, l-Istat Ospitanti għandu jibqa’ marbut mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20; kif ukoll b) l-Istat Ospitanti għandu jirrapporta regolarment lill-Membri kollha li kkontribwixxew għall-Fond dwar il-progress tad-dekommissjonar u għall-proċeduri u t-teknoloġiji li ntużaw jew ġew iġġenerati għad-dekommissjonar. Artikolu 17 Verika finanzjarja 1. Bord għall-Verifika Finanzjarja (minn hawn ’il quddiem “il-Bord”) għandu jiġi stabbilit biex iwettaq il-verifika tal-kontijiet annwali ta’ l-Organizzazzjoni ITER skond dan l-Artikolu u r-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Proġett. 2. Kull Membru għandu jiġi rrappreżentat fuq il-Bord minn membru wieħed. Il-membri tal-Bord għandhom jinħatru mill-Kunsill fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Membri rispettivi għal perjodu ta' tliet snin. Il-ħatra tista’ tiġi estiża darba għal perjodu addizzjonali ta’ tliet snin. Il-Kunsill għandu jaħtar il-President tal-Bord minn fost il-membri u għandu jservi għal perjodu ta’ sentejn. 3. Il-membri tal-Bord għandhom ikunu indipendenti u ma għandhom jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet mingħand l-ebda Membru jew persuna oħra, u għandhom jirrappurtaw biss lill-Kunsill. 4. L-iskopijiet tal-verifika għandhom ikunu: a) li jiddeterminaw jekk id-dħul/l-infiq kollu kienx miksub/imġarrab f’mod legali u regolari u li sar rendikont tiegħu; b) li jiddeterminaw jekk il-ġestjoni finanzjarja kinitx waħda tajba; c) li jipprovdu dikjarazzjoni ta’ assikurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet fl-isfond; d) li jiddeterminaw jekk l-infiq kienx f’konformità mal-baġit; kif ukoll e) li jeżaminaw kwalunkwe kwistjoni li għandha implikazzjonijiet finanzjarji għall-Organizzazzjoni ITER. 5. Il-verifika għandha tkun ibbażata fuq prinċipji u standards internazzjonali rikonoxxuti tal-kontabilità. Artikolu 18 Evalwazzjoni tat-tmexxija 1. Kull sentejn, il-Kunsill għandu jaħtar Evalwatur tal-Ġestjoni li għandu jevalwa l-ġestjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-Organizzazzjoni ITER. L-ambitu ta’ l-evalwazzjoni għandu jiġi deċiż mill-Kunsill. 2. Id-Direttur Ġenerali jista’ wkoll jitlob li jsiru evalwazzjonijiet bħal dawn wara li jikkonsulta mal-Kunsill. 3. L-Evalwatur tal-Ġestjoni għandu jkun indipendenti u ma għandu jitlob jew jieħu struzzjonijiet mingħand l-ebda Membru jew persuna oħra, u għandu jirrappurta biss lill-Kunsill. 4. L-iskop ta’ l-evalwazzjoni għandha tkun li jiġi determinat jekk it-tmexxija ta' l-Organizzazzjoni ITER kinitx waħda tajba, partikolarment fir-rigward ta' l-effikaċja u l-effiċjenza tal-ġestjoni f'termini ta’ l-għadd ta’ staff. 5. L-evalwazzjoni għandha tiġi bbażata fuq rekords ta’ l-Organizzazzjoni ITER. L-Evalwatur tal-Ġestjoni għandu jingħata aċċess sħiħ għall-istaff, id-dokumentazzjoni u r-rekords li jqis xieraq għal dan il-għan. 6. L-Organizzazzjoni ITER għandha tiżgura li l-Evalwatur tal-Ġestjoni jimxi mar-rekwiżiti tagħha fir-rigward tat-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali sensittiva u/jew kummerċjali, partikolarment il-politiki tagħha dwar il-Proprjetà Intellettwali, l-Użi Paċifiċi u n-Nonproliferazzjoni. Artikolu 19 Kooperazzjoni Internazzjonali Konsistentement ma’ dan il-Ftehim u wara deċiżjoni unanima tal-Kunsill, l-Organizzazzjoni ITER tista', biex tavvanza fl-iskop tagħha, tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali oħra, li mhumiex Partijiet, u ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet ta’ pajjiżi li mhumiex Partijiet, u tikkonkludi ftehimiet jew arranġamenti magħhom għal dan l-għan. L-arranġamenti dettaljati għal kooperazzjoni bħal din għandhom jiġu determinati mill-Kunsill f’kull każ. Artikolu 20 Użi Paċifiċi u n-Nonproliferazzjoni 1. L-Organizzazzjoni ITER u l-Membri għandhom jużaw kwalunkwe materjal, tagħmir jew teknoloġija ġġenerata jew akkwistata skond dan il-Ftehim għal skopijiet paċifiċi biss. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jiġi interpretat li jaffettwa d-drittijiet tal-Membri li jużaw materjal, tagħmir jew teknoloġija akkwistata jew żviluppata minnhom indipendentement minn dan il-Ftehim għall-iskopijiet tagħhom stess. 2. Materjal, tagħmir, jew teknoloġija akkwistati jew iġġenerati skond dan il-Ftehim mill-Organizzazzjoni ITER u l-Membri ma għandhomx jiġu ttrasferiti lil kwalunkwe parti terza biex jintużaw għall-manifattura ta' armi nukleari jew splussivi nukleari oħra jew għall-ksib tagħhom mod ieħor jew għal kwalunkwe skop mhux paċifiku ieħor. 3. L-Organizzazzjoni ITER u l-Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentaw dan l-Artikolu b’mod effiċjenti u trasparenti. Għal dan il-għan, il-Kunsill għandu jkollu kuntatti ma' fora internazzjonali xierqa u jistabbilixxi politika li tappoġġa l-użi paċifiċ u n-nonproliferazzjoni. 4. Sabiex jiġi appoġġat is-suċċess tal-Proġett ITER u l-politika ta’ nonproliferazzjoni tiegħu, il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw dwar kwalunkwe kwistjoni assoċjata ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. 5. Xejn f’dan il-Ftehim ma jobbliga lill-Membri li jittrasferixxu materjal, tagħmir jew teknoloġija b'mod li jmur kontra l-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali ta' kontroll ta' l-esportazzjonijiet jew dawk relatati. 6. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet li joħorġu minn ftehimiet internazzjonali oħra dwar in-nonproliferazzjoni ta’ l-armi nukleari jew splussivi nukleari oħra. Artikolu 21 Applikazzjoni fir-rigward ta’ l-EURATOM Skond it-Trattat li jistabbilixxi l-EURATOM, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorji koperti minn dak it-Trattat. Skond dak it-Trattat u ftehimiet rilevanti oħra, għandu japplika wkoll għar-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tar-Rumanija u l-Konfederazzjoni Żvizzera, li jipparteċipaw fil-programm tal-fużjoni ta’ l-EURATOM bħala Stati terzi assoċjati bis-sħiħ. Artikolu 22 Id-Dħul fis-Seħħ 1. Dan il-Ftehim huwa soġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni skond il-proċeduri ta’ kull Firmatarju. 2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-depożitu ta’ l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta’ dan il-Ftehim mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-EURATOM, ir-Repubblika ta' l-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti ta' l-Amerika. 3. Jekk dan il-Ftehim ma jkunx għadu daħal fis-seħħ fi żmien sena mid-data ta' l-iffirmar, id-Depożitarju jsejjaħ laqgħa tal-Firmatarji biex jiddeċiedu dwar x’azzjoni għandha tittieħed biex ikun iffaċilitat id-dħul fis-seħħ tiegħu. Artikolu 23 Adeżjoni 1. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, kull Stat jew organizzazzjoni internazzjonali jista’ jaċċedi u jsir Parti ta’ dan il-Ftehim wara deċiżjoni unanima tal-Kunsill. 2. Kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni internazzjonali li jixtieq jaderixxi ma’ dan il-Ftehim għandu jinnotifika lid-Direttur Ġenerali, li għandu jinforma lill-Membri b’din it-talba talanqas sitt xhur qabel tittressaq quddiem il-Kunsill biex tittieħed deċiżjoni. 3. Il-Kunsill għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni internazzjonali. 4. L-adeżjoni ta’ Stat jew organizzazzjoni ma’ dan il-Ftehim għandu jkollha effett 30 jum wara li d-Depożitarju jkun irċieva kemm l-istrument ta’ l-adeżjoni kif ukoll in-notifika msemmija fl-Artikolu 12(5). Artikolu 24 Tul u Terminazzjoni 1. Dan il-Ftehim għandu jkollu tul fiż-żmien ta' 35 sena. L-aħħar ħames snin ta’ dan il-perjodu, jew inqas jekk ikun maqbul hekk ma’ l-Istat Ospitanti, għandhom ikunu ddedikati lid-diżattivazzjoni tal-faċilitajiet ITER. 2. Il-Kunsill, talanqas tmien snin qabel l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim, għandu jistabbilixxi Kumitat Speċjali, ippresjedut mid-Direttur Ġenerali, li għandu jagħti pariri dwar jekk it-tul fiż-żmien ta’ dan il-Ftehim għandux jiġi estiż fid-dawl tal-progress tal-Proġett ITER. Il-Kumitat Speċjali għandu jevalwa l-qagħda teknika u xjentifika tal-faċilitajiet ITER u r-raġunijiet għall-estensjoni possibbli ta’ dan il-Ftehim u, qabel ma jirrakkomanda li dan il-Ftehim jiġi estiż, l-aspetti finanzjarji f’termini tal-baġit meħtieġ u l-impatt fuq l-ispejjeż tad-diżattivazzjoni u d-dekommissjonar. Il-Kumitat Speċjali għandu jressaq ir-rapport tiegħu quddiem il-Kunsill fi żmien sena mit-twaqqif tiegħu. 3. Fuq il-bażi tar-rapport, il-Kunsill għandu jiddeċiedi permezz ta' l-unanimità, talanqas sitt snin qabel l-iskadenza, jekk jestendix it-tul ta’ dan il-Ftehim. 4. Il-Kunsill ma jistax jestendi t-tul ta’ dan il-Ftehim għal perjodu ta' iktar minn għaxar snin b'kollox, u l-Kunsill lanqas ma jista' jestendi dan il-Ftehim jekk din l-estensjoni tbiddel in-natura ta' l-attivitajiet ta' l-Organizzazzjoni ITER jew il-qafas tal-kontribut finanzjarju tal-Membri. 5. Għallinqas sitt snin qabel jiskadi dan il-Ftehim, il-Kunsill għandu jikkonferma t-tmiem previst ta' dan il-Ftehim u jiddeċiedi dwar l-arranġamenti għall-fażi tad-diżattivazzjoni u x-xoljiment ta' l-Organizzazzjoni ITER. 6. Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat bil-qbil tal-Partijiet kollha, filwaqt li jitħalla l-ħin meħtieġ għad-diżattivazzjoni u li jkunu żgurati l-fondi meħtieġa għad-dekommissjonar. Artikolu 25 Riżoluzzjoni tat-Tilwim 1. Kwalunkwe kwistjoni li tinqala' fost il-Partijiet jew bejn wieħed jew iktar mill-partijiet u l-Organizzazzjoni ITER minħabba dan il-Ftehim jew b'konnessjoni miegħu għandha tiġi riżolta b'konsultazzjoni, medjazzjoni jew bi proċeduri oħra li jiġu maqbula, bħall-arbitraġġ. Il-partijiet ikkonċernati għandhom jiltaqgħu biex jiddiskutu n-natura ta’ kwalunkwe kwistjoni bil-ħsieb li tiġi riżolta malajr. 2. Jekk il-partijiet ikkonċernati ma jkunux jistgħu jirrisolvu t-tilwima b'konsultazzjoni, kwalunkwe Parti tista’ titlob lill-President tal-Kunsill (jew jekk il-President jkun ġie elett minn Membru li hija parti fit-tilwima, membru tal-Kunsill li jirrappreżenta Membru li mhuwiex parti fit-tilwima) biex jaġixxi bħala medjatur f’laqgħa f’tentattiv biex tiġi riżolta t-tilwima. Din il-laqgħa għandha ssir fi żmien tletin jum wara talba għall-medjazzjoni minn parti u konkluża fi żmien sittin jum wara, u immedjatament warajha l-medjatur għandu jipprovdi rapport tal-medjazzjoni, liema rapport għandu jitħejja f’konsultazzjoni mal-Membri li mhumiex partijiet fit-tilwima b’rakkomandazzjoni għar-riżoluzzjoni tat-tilwima. 3. Jekk il-partijiet ikkonċernati ma jkunux jistgħu jirrisolvu t-tilwima tagħhom permezz ta’ konsultazzjonijiet jew medjazzjoni, jistgħu jaqblu li jressqu t-tilwima quddiem forma maqbula ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim skond proċeduri li jaqblu dwarhom. Artikolu 26 Irtirar 1. Wara li dan il-Ftehim ikun ilu fis-seħħ għal għaxar snin, kwalunkwe Parti għajr il-Parti Ospitanti tista' tinnotifika lid-Depożitarju bil-ħsieb tagħha li tirtira minnu. 2. L-irtirar ma għandux jaffettwa l-kontribut lill-kostruzzjoni tal-faċilitajiet ITER tal-Parti li tkun qed tirtira . Jekk Parti tirtira matul il-perjodu ta' operazzjoni ta’ ITER, għandha tikkontribwixxi wkoll is-sehem maqbul tagħha ta' l-ispiża ta' dekommissjonar tal-faċilitajiet ITER. 3. L-irtirar ma għandu jaffettwa l-ebda dritt, obbligu, jew sitwazzjoni legali li jibqa' ta' Parti, maħluq permezz ta’ l-eżekuzzjoni ta’ dan il-Ftehim qabel l-irtirar tagħha. 4. L-irtirar għandu jieħu effett fi tmiem is-sena Finanzjarja wara s-sena li tingħata n-notifika msemmija fil-paragrafu 1. 5. Id-dettalji ta’ l-irtirar għandhom jiġu ddokumentati mill-Organizzazzjoni ITER b’konsultazzjoni mal-Parti li tkun qed tirtira. Artikolu 27 Annessi L-Anness dwar l-Informazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali u l-Anness dwar l-Appoġġ għas-Sit għandhom jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim. Artikolu 28 L-Emendi 1. Kull Parti tista’ tipproponi emenda għal dan il-Ftehim. 2. L-emendi proposti għandhom jitqiesu mill-Kunsill, għal rakkomandazzjoni lill-Partijiet permezz ta’ l-unanimità. 3. L-emendi huma soġġetti għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni skond il-proċeduri ta' kull Parti u għandhom jidħlu fis-seħħ tletin jum wara d-depożitu ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Partijiet kollha. Artikolu 29 Depożitarju 1. Id-Direttur Ġenerali ta’ l- IAEA għandu jkun id-Depożitarju ta’ dan il-Ftehim. 2. L-oriġinali ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi depożitat mad-Depożitarju, li għandu jibgħat kopji ċċertifikati tiegħu lill-Firmatarji, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għar-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. 3. Id-Depożitarju għandu jinnotifika lill-Firmatarji u lill-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li se jaderixxu: a) bid-data tad-depożitu ta' kull strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni; b) bid-data tad-depożitu ta’ kull notifika riċevuta skond l-Artikolu 12 (5); c) bid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u ta’ l-emendi kif ipprovdut skond l-Artikolu 28; d) b’kull notifika minn Parti dwar il-ħsieb tagħha li tirtira minn dan il-Ftehim; kif ukoll e) bit-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim. MAGĦMUL FI Abbozz Finali ANNESS dwar l-Informazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali Artikolu 1 Is-Suġġett u Definizzjonijiet 1.1 Dan l-Anness ikopri t-tixrid, l-iskambju, l-użu u l-protezzjoni ta' l-informazzjoni u l-proprjetà intellettwali marbutin ma' temi proteġġibbli fit-twettiq ta' dan il-Ftehim. Sakemm ma jingħadx bil-kontra, it-termini użati f'dan l-Anness għandu jkollhom l-istess tifsira bħal ma għandhom f'dan il-Ftehim. 1.2 L-informazzjoni għandha tfisser data , immaġni, disinji, komputazzjonijiet, rapporti u dokumenti oħra ppubblikati, data ddokumentati jew metodi tar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll id-deskrizzjoni ta' l-invenzjonijiet u l-iskoperti, sew jekk humiex proteġġibbli kif ukoll jekk mhumiex, li mhumiex koperti mit-terminu Proprjetà Intellettwali kif definita fil-paragrafu 1.3 aktar 'l isfel. 1.3 Il-Proprjetà Intellettwali għandu jkollha t-tifsira definita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li saret fi Stokkolma, fl-14 ta' Lulju 1967. Għall-finijiet ta' dan l-Anness, il-Proprjetà Intellettwali tista' tinkludi informazzjoni kunfidenzjali bħalma huma l-għarfien ta' metodi u proċeduri jew sigrieti kummerċjali, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux ġew ippubblikati, u li jkunu f'forma miktuba jew dokumentati b'mod ieħor, u a) l-proprjetarju tagħhom ikun żammhom kunfidenzjali, b) ma jkunux ġeneralment magħrufa jew disponibbli għall-pubbliku minn għejun oħra, u/jew ma jkunux ġeneralment disponibbli għall-pubbliku f'pubblikazzjonijiet stampati u/jew f'dokumenti oħra li jinqraw, c) il-proprjetarju tagħhom ma jkunx għamilhom disponibbli għal partijiet oħra mingħajr obbligu rigward il-kunfidenzjalità, u d) ma jkunux disponibbli għall-parti li tirċevihom mingħajr obbligu rigward il-kunfidenzjalità. 1.4 Il-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond għandha tfisser Proprjetà Intellettwali miksuba, żviluppata jew prodotta qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, jew lil hinn mill-ambitu ta' dan il-Ftehim. 1.5 Il-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata għandha tfisser Proprjetà Intellettwali li tiġi ġġenerata jew miksuba bi proprjetà sħiħa min-naħa ta' Membru, permezz ta' Aġenzija Domestika jew Entità, jew min-naħa ta' l-Organizzazzjoni ITER jew b'mod konġunt skond dan il-Ftehim u waqt it-twettiq tiegħu. 1.6 Titjibiet għandha tfisser kwalunkwe avvanz teknoloġiku fuq il-Proprjetà Intellettwali eżistenti, inklużi x-xogħliijet derivanti. 1.7 Entità jew Entitajiet għandha tfisser kwalunkwe entità li magħha Aġenzija Domestika jew l-Organizzazzjoni ITER tkun daħlet f'kuntratt għall-forniment ta' beni jew servizzi għall-finijiet ta' dan il-Ftehim. Artikolu 2 Dispożizzjonijiet Ġenerali 2.1. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness, il-Membri jappoġġaw l-usa' tixrid possibbli tal-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata. 2.2. Kull Membru għandu jiżgura li l-Membri l-oħra u l-Organizzazzjoni ITER jistgħu jiksbu d-drittijiet għall-Proprjetà Intellettwali allokata skond dan l-Anness. Il-kuntratti magħmula ma' kwalunkwe Entità min-naħa ta' kull Membru jew l-Organizzazzjoni ITER għandhom ikunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness. B'mod partikolari, jeħtieġ li l-Membri kollha u l-Organizzazzjoni ITER isegwu proċeduri xierqa ta' kuntratti pubbliċi sabiex jiżguraw il-konformità ma' dan l-Anness. L-Organizzazzjoni ITER għandha tagħmel identifikazzjoni sewwa u f'waqtha tal-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond ta' l-Entitajiet kontraenti, bil-għan li tikseb għall-Organizzazzjoni ITER u l-Membri l-aċċess għal din il-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond f'konformità ma' dan l-Anness. Kull Membru għandu jagħmel identifikazzjoni sewwa u f'waqtha tal-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond ta' l-Entitajiet kontraenti, bil-għan li jikseb għall-Organizzazzjoni ITER u l-Membri l-aċċess għal din il-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond f'konformità ma' dan l-Anness. Kull Membru u l-Organizzazzjoni ITER għandhom jiżguraw l-aċċess ta' l-Organizzazzjoni ITER u tal-Membri l-oħra għall-invenzjonijiet u l-Proprjetà Intellettwali ġġenerata jew inkorporata fit-twettiq tal-kuntratti, bil-kundizzjoni li jitħarsu d-drittijiet ta' l-inventuri, f'konformità ma' dan l-Anness. 2.3 Dan l-Anness la jibdel u lanqas jippreġudika l-allokazzjoni tad-drittijiet bejn Membru u ċ-ċittadini tiegħu. Jekk id-drittijiet rigward il-Proprjetà Intellettwali għandhomx jinżammu minn Membru jew inkella minn ċittadini tiegħu għandu jiġi deċiż bejniethom skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħhom. 2.4 Jekk Membru jiġġenera jew jikseb proprjetà sħiħa ta' Proprjetà Intellettwali matul it-twettiq ta' dan il-Ftehim, il-Membru għandu jagħti notifika f'waqtha lill-Membri kollha l-oħra u l-Organizzazzjoni ITER u jipprovdi dettalji ta' din il-Proprjetà Intellettwali. Artikolu 3 It-tixrid ta' l-Informazzjoni u l-Pubblikazzjonijiet Xjentifiċi, sew jekk koperti mid-Dritt ta' l-Awtur sew jekk mhumiex Kull Membru għandu jkun intitolat li, għal użi mhux kummerċjali, jittraduċi, jirriproduċi u jxerred fost il-pubbliku Informazzjoni li tqum direttament mit-twettiq ta' dan il-Ftehim. Il-kopji kollha distribwiti fost il-pubbliku ta' xogħol kopert mid-Dritt ta' l-Awtur imħejji taħt din id-dispożizzjoni għandu jindika l-ismijiet ta' l-awturi tax-xogħol, sakemm awtur ma jkunx għażel espliċitament li ma jissemmiex. Artikolu 4 Il-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata jew Inkorporata minn Membru, Aġenzija Domestika jew Entità 4.1. Il-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata: 4.1.1 Jekk, fit-twettiq ta' dan il-Ftehim, Membru, Aġenzija Domestika jew Entità jiġġenera/tiġġenera materja tematika proteġġibbli, il-Membru, l-Aġenzija Domestika jew l-Entità għandu jkun/tkun intitolat(a) jikseb/tikseb id-drittijiet, it-titoli u l-interessi kollha fil-pajjiżi kollha fi u għal din il-proprjetà intellettwali skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli. 4.1.2 Kwalunkwe Membru, permezz ta' Aġenzija Domestika jew Entità, li jkun iġġenera Proprjetà Intellettwali matul it-twettiq ta' dan il-Ftehim lill-Membri l-oħra u lill-Organizzazzjoni ITER għandu jagħtihom, fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja, liċenzja irrevokabbli, mhux esklussiva u mingħajr il-ħlas ta' drittijiet ta' l-awtur għal din il-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata, bid-dritt ta' l-Organizzazzjoni ITER li toħroġ sottoliċenzji, u d-dritt tal-Membri l-oħra li joħorġu sottoliċenzji fi ħdan it-territorji rispettivi tagħhom, għall-finijiet ta' programmi b'finanzjament pubbliku ta' riċerka u żvilupp dwar il-fużjoni. 4.1.3 Kwalunkwe Membru, permezz ta' Aġenzija Domestika jew Entità, li jkun iġġenera Proprjetà Intellettwali matul it-twettiq ta' dan il-Ftehim għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Membri l-oħra, fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja, liċenzja mhux esklussiva għal din il-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata għall-użu kummerċjali tal-fużjoni, bid-dritt tal-ħruġ ta' sottoliċenzji għal użu tali mill-partijiet terzi domestiċi ta' dawn il-Membri fit-territorji proprji ta' dawn il-Membri, b'kundizzjonijiet xejn anqas favorevoli mill-bażi li fuqu dan il-Membru joroġ liċenzji tali għal Proprjetà Intellettwali Ġġenerata lil partijiet terzi fi jew lil hinn mit-territorju proprju ta' dan il-Membru. Sakemm ikunu ġew offruti kundizzjonijiet tali, ma għandux jiġi miċħud il-ħruġ ta' liċenzja tali. Il-liċenzja hawn fuq imsemmija tista' titħassar biss jekk id-detentur tal-liċenzja ma jwettaqx l-obbligi kuntrattwali tiegħu. 4.1.4 Kwalunkwe Membru, permezz ta' Aġenzija Domestike jew Entità, li jkun iġġenera Proprjetà Intellettwali skond dan il-Ftehim, huwa mħeġġeġ jidħol f'arranġamenti kummerċjali mal-Membri, l-Aġenziji Dometsiċi u l-Entitajiet l-oħra u ma' partijiet terzi sabiex il-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata tkun tista' tintuża f'oqsma għajr il-fużjoni. 4.1.5. Il-Membri, kif ukoll l-Aġenziji Domestiċi jew l-Entitajiet tagħhom, li joħorġu liċenzji jew sottoliċenzji għall-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata jew ta' Sfond skond dan l-Anness għandhom iżommu reġistri ta' dan il-ħruġ ta' liċenzji, liema reġistri għandhom ikunu disponibbli għall-Membri l-oħra, pereżempju permezz ta' l-Organizzazzjoni ITER. 4.2. Il-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond: 4.2.1. Il-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond għandha tibqa' l-proprjetà tal-parti li tkun il-proprjetarja ta' din il-proprjetà intellettwali. 4.2.2. Kwalunkwe Membru, permezz ta' Aġenzija Domestika jew Entità, li f'dak li jkun ipprovda lill-Organizzazzjoni ITER ikun inkorpora Proprjetà Intellettwali ta' Sfond, għajr l-informazzjoni kunfidenzjali bħalma huma l-għarfien ta' metodi u proċeduri jew sigrieti kummerċjali, liema Proprjetà Intellettwali ta' Sfond tkun meħtieġa: - għall-bini, l-operat, l-użu jew l-integrazzjoni ta' teknoloġija għar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-faċilitajiet ta' l-ITER, - għall-manutenzjoni jew it-tiswija tal-materjal ipprovdut, jew - meta l-Kunsill jiddeċiedi li dan ikun meħtieġ, qabel kwalunkwe kuntratt pubbliku, lill-Membri l-oħra u lill-Organizzazzjoni ITER għandu jagħtihom, fuq bażi irrevokabbli, mhux esklussiva u mingħajr il-ħlas ta' drittijiet ta' l-awtur għal din il-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond, bid-dritt ta' l-Organizzazzjoni ITER li toħroġ sottoliċenzji, u d-dritt tal-Membri l-oħra li joħorġu sottoliċenzji lill-istituti ta' riċerka u l-istituti ta' l-edukazzjoni ogħla fi ħdan it-territorji rispettivi tagħhom, għall-finijiet ta' programmi b'finanzjament pubbliku ta' riċerka u żvilupp dwar il-fużjoni 4.2.3. (a) Kwalunkwe Membru, permezz ta' Aġenzija Domestika jew Entità, li f'dak li jkun ipprovda lill-Organizzazzjoni ITER ikun inkorpora Proprjetà Intellettwali ta' Sfond, liema Proprjetà Intellettwali ta' Sfond tkun meħtieġa: - għall-bini, l-operat, l-użu jew l-integrazzjoni ta' teknoloġija għar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-faċilitajiet ta' l-ITER, - għall-manutenzjoni jew it-tiswija tal-materjal ipprovdut, jew - meta l-Kunsill jiddeċiedi li dan ikun meħtieġ, qabel kwalunkwe kuntratt pubbliku, jew - għal raġunijiet ta' sikurezza, l-iżgurar tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità, kif ikunu jirrikjedu l-awtorijiet regolatorji, għandu jiżgura li l-Organizzazzjoni ITER ikollha għad-dispożizzjoni tagħha liċenzja irrevokabbli, mhux esklussiva u mingħajr il-ħlas ta' drittijiet ta' l-awtur għall-użu ta' tali informazzjoni kunfidenzjali ta' sfond inklużi manwali jew materjal ta' istruzzjoni u taħriġ għall-bini, l-operat, il-manutenzjoni u t-tiswija tal-faċilitajiet ta' l-ITER. (b) Meta l-informazzjoni kunfidenzjali titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-Organizzazzjoni ITER, għandha tkun immarkata hekk biċ-ċar, u tiġi trażmessa skond arranġament ta' kunfidenzjalità. Min jirċievi din l-informazzjoni għandu jużaha biss għall-finijiet imsemmija f'4.2.3 (a), u jħares il-kunfidenzjalità tagħha fil-grad li għalih jipprovdi dak l-arranġament. L-Organizzazzjoni ITER għandha tħallas kumpens għal danni kkawżati minn użu ħażin ta' tali informazzjoni kunfidenzjali ta' sfond min-naħa ta' l-Organizzazzjoni ITER. 4.2.4. Kwalunkwe Membru, permezz ta' Aġenzija Domestika jew Entità, li f'dak li jkun ipprovda lill-Organizzazzjoni ITER ikun inkorpora informazzjoni kunfidenzjali ta' sfond bħalma huma l-għarfien ta' metodi u proċeduri jew sigrieti kummerċjali, liema informazzjoni kunfidenzjali ta' sfond tkun meħtieġa: - għall-bini, l-operat, l-użu jew l-integrazzjoni ta' teknoloġija għar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-faċilitajiet ta' l-ITER, - għall-manutenzjoni jew it-tiswija tal-materjal ipprovdut, jew - meta l-Kunsill jiddeċiedi li dan ikun meħtieġ, qabel kwalunkwe kuntratt pubbliku, għandu jagħmel ħiltu kollha biex jew joħroġ liċenzja kummerċjali għal tali informazzjoni kunfidenzjali ta' sfond jew inkella lill-parti li tirċievi jipprovdilha l-istess materjal li jinkorpora l-informazzjoni kunfidenzjali ta' sfond permezz ta' kuntratti privati b'kumpens finanzjarju għal programmi ta' Membru għar-riċerka u l-iżvilupp dwar il-fużjoni b'finanzjament pubbliku, b'kundizzjonijiet xejn anqas favorevoli mill-bażi li fuqu dan il-Membru joħroġ liċenzji tali għal informazzjoni kunfidenzjali ta' sfond jew jipprovdi l-istess materjal lil partijiet terzi fi jew lil hinn mit-territorju proprju ta' dan il-Membru. Sakemm ikunu ġew offruti kundizzjonijiet tali, ma għandux jiġi miċħud il-ħruġ ta' liċenzja tali jew il-forniment ta' materjal tali. Il-liċenzja hawn fuq imsemmija, jekk tinħareġ, tista' titħassar biss jekk id-detentur tal-liċenzja ma jwettaqx l-obbligi kuntrattwali tiegħu. 4.2.5. Kwalunkwe Membru, permezz ta' Aġenzija Domestika jew Entità, li jkun inkorpora Proprjetà Intellettwali ta' Sfond, inkluża informazzjoni kunfidenzjali ta' sfond, fit-twettiq ta' dan il-Ftehim għandu jagħmel ħiltu kollha biex jiżgura li l-komponent li jkun jinkorpora l-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond ikun disponibbli fuq termini u taħt kundizzjonijiet raġonevoli, jew inkella jagħmel ħiltu biex joħroġ lill-Membri l-oħra, fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja, liċenzja mhux esklussiva għall-użu kummerċjali tal-fużjoni, bid-dritt tal-ħruġ ta' sottoliċenzji għal użu tali mill-partijiet terzi domestiċi ta' dawn il-Membri fit-territorji proprji ta' dawn il-Membri, b'kundizzjonijiet xejn anqas favorevoli mill-bażi li fuqu dan il-Membru joħroġ liċenzji tali għal Proprjetà Intellettwali ta' Sfond lil partijiet terzi fi jew lil hinn mit-territorju proprju ta' dan il-Membru. Sakemm ikunu ġew offruti kundizzjonijiet tali, ma għandux jiġi miċħud il-ħruġ ta' liċenzja tali. Il-liċenzja hawn fuq imsemmija tista' titħassar biss jekk id-detentur tal-liċenzja ma jwettaqx l-obbligi kuntrattwali tiegħu. 4.2.6. Kwalunkwe Membru, permezz ta' Aġenzija Domestika jew Entità, huwa mħeġġeġ iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Membri l-oħra, għal finijiet kummerċjali għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 4.2.5, kwalunkwe Proprjetà Intellettwali ta' Sfond inkorporata f'materjal ipprovdut lill-Organizzazzjoni ITER, liema Proprjetà Intellettwali ta' Sfond tkun meħtieġa: - għall-bini, l-operat, l-użu jew l-integrazzjoni ta' teknoloġija għar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-faċilitajiet ta' l-ITER, - għall-manutenzjoni jew it-tiswija tal-materjal ipprovdut, jew - meta l-Kunsill jiddeċiedi li dan ikun meħtieġ, qabel kwalunkwe kuntratt pubbliku, Din il-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond, jekk tkun liċenzjata lill-Membri min-naħa tal-proprjetarji, għandha tiġi liċenzjata fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja. 4.3. Il-liċenzjar lil Partijiet Terzi mhux tal-Membri: Kwalunkwe liċenzja fuq il-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata maħruġa mill-Membri lil partijiet terzi li mhumiex tal-Membri għandhom ikunu soġġetti għar-regoli dwar il-liċenzjar lil partijiet terzi li jiddeterminahom il-Kunsill. Dawn ir-regoli għandhom jiġu ddeterminati b'deċiżjoni unanima tal-Kunsill. Artikolu 5 Proprjetà Intellettwali Ġġenerata jew Inkorporata mill-Organizzazzjoni ITER 5.1 Il-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata: 5.1.1 Fejn, fit-twettiq ta' dan il-Ftehim, tiġi ġġenerata l-Proprjetà Intellettwali min-naħa ta' l-Organizzazzjoni ITER, għandha tkun il-proprjetà ta' l-Organizzazzjoni ITER. L-Organizzazzjoni ITER għandha tiżviluppa l-proċeduri adegwati għar-reġistrazzjoni, ir-rappurtar u l-protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali. 5.1.2 L-Organizzazzjoni ITER lill-Membri għandha toħroġilhom liċenzji għal din il-proprjetà intellettwali fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja, irrevokabbli, mhux esklussiva u mingħajr il-ħlas ta' drittijiet ta' awtur, bid-dritt tal-Membri li joħorġu sottoliċenzji fit-territorji proprji tagħhom għall-finijiet tar-riċerka u l-iżvilupp dwar il-fużjoni. 5.1.3 Il-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata li tkun ġiet żviluppata jew miksuba min-naħa ta' l-Organizzazzjoni ITER fit-twettiq ta' dan il-Ftehim għandha tinħareġ b'liċenzja lill-Membri fuq bażi ugwali, mhux diskriminatorja u mhux esklussiva għall-użu kummerċjali, bid-dritt tal-ħruġ ta' sottoliċenzji għal tali użu min-naħa tal-partijiet terzi domestiċi tal-Membri fi ħdan it-territorji proprji tagħhom, b'kundizzjonijiet xejn anqas favorevoli mill-bażi li fuqu l-Organizzazzjoni ITER toħroġ liċenzji tali għal Proprjetà Intellettwali Ġġenerata lil partijiet terzi. Sakemm ikunu ġew offruti kundizzjonijiet tali, ma għandux jiġi miċħud il-ħruġ ta' liċenzja tali. Il-liċenzja hawn fuq imsemmija tista' titħassar biss jekk id-detentur tal-liċenzja ma jwettaqx l-obbligi kuntrattwali tiegħu. 5.2. Il-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond: 5.2.1. Bil-kundizzjoni li l-Organizzazzjoni ITER ikollha d-drittijiet rilevanti, meta tinkorpora l-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond li tkun meħtieġa: - għall-bini, l-operat, l-użu jew l-integrazzjoni ta' teknoloġija għar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-faċilitajiet ta' l-ITER, - biex toħloq titjibiet u xogħlijiet derivanti, - għat-tiswija jew il-manutenzjoni tal-faċilitajiet ta' l-ITER, jew - meta l-Kunsill jiddeċiedi li dan ikun meħtieġ, qabel kwalunkwe kuntratt pubbliku, l-Organizzazzjoni ITER għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex lill-Membri toħroġilhom sottoliċenzja għal dik il-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja permezz tal-ħruġ lill-Membri ta' liċenzja irrevokabbli, mhux esklussiva u mingħajr il-ħlas tad-drittijiet ta' l-awtur, bid-dritt tal-Membri li joħorġu sottoliċenzji fi ħdan it-territorji rispettivi tagħhom għall-finijiet tar-riċerka u l-iżvilupp dwar il-fużjoni. L-Organizzazzjoni ITER għandha tagħmel ħilitha kollha biex takkwista d-drittijiet rilevanti. 5.2.2. Għall-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond, inkluża l-informazzjoni kunfidenzjali ta' sfond, li tkun ġiet inkorporata min-naħa ta' l-Organizzazzjoni ITER fit-twettiq ta' dan il-Ftehim, l-Organizzazzjoni ITER għandha tagħmel ħilitha kollha biex tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Membri, fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja, liċenzja mhux esklussiva għall-użu kummerċjali tal-fużjoni, bid-dritt tal-ħruġ ta' sottoliċenzji għal tali użu min-naħa tal-partijiet terzi domestiċi tal-Membri fi ħdan it-territorji proprji tagħhom, b'kundizzjonijiet xejn anqas favorevoli mill-bażi li fuqu l-Organizzazzjoni ITER toħroġ liċenzji tali għal Proprjetà Intellettwali ta' Sfond lil partijiet terzi. Sakemm ikunu ġew offruti kundizzjonijiet tali, ma għandux jiġi miċħud il-ħruġ ta' liċenzja tali. Il-liċenzja hawn fuq imsemmija tista' titħassar biss jekk id-detentur tal-liċenzja ma jwettaqx l-obbligi kuntrattwali tiegħu. 5.2.3. L-Organizzazzjoni ITER għandha tagħmel ħilitha kollha biex tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Membri kwalunkwe Proprjetà Intellettwali ta' Sfond, inkluża l-informazzjoni kunfidenzjali ta' sfond, għal finijiet għajr dawk mogħtija fl-Artikolu 5.2.2. Din il-Proprjetà Intellettwali ta' Sfond, jekk tkun liċenzjata lill-Membri min-naħa ta' l-Organizzazzjoni ITER, għandha tiġi liċenzjata fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja. 5.3 Il-liċenzjar lil partijiet terzi li mhumiex tal-Membri: Kwalunkwe liċenzja maħruġa mill-Organizzazzjoni ITER lil partijiet terzi li mhumiex tal-Membri għandha tkun soġġetta għar-regoli dwar il-liċenzjar lil partijiet terzi li jiddeterminahom il-Kunsill. Dawn ir-regoli għandhom jiġu ddeterminati b'deċiżjoni unanima tal-Kunsill. Artikolu 6 Il-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata mill-Istaff ta' l-Organizzazzjoni ITER u Riċerkaturi oħra 6.1. Il-Proprjetà Intellettwali li tkun ġiet iġġenerata mill-istaff direttament impjegat jew issekondat ma' l-Organizzazzjoni ITER għandu jkun il-proprjetà ta' l-Organizzazzjoni ITER u ttrattat f'kuntratti korrispondenti ta' impjieg jew f'regolamenti konsistenti mad-dispożizzjonijiet stipulati hawnhekk. 6.2. Il-Proprjetà Intellettwali li tkun ġiet iġġenerata minn riċerkaturi viżitanti li jkunu qed jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' l-Organizzazzjoni ITER permezz ta' arranġament ma' l-Organizzazzjoni ITER għat-twettiq ta' attivitajiet speċifiċi u li jkunu direttament involuti fi programmi ġenerali ta' l-Organizzazzjoni ITER, għandha tkun il-proprjetà ta' l-Organizzazzjoni ITER sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill. 6.3. Il-Proprjetà Intellettwali ġġenerata mir-riċerkaturi viżitanti li ma jkunux direttament involuti fil-programmi ġenerali ta' l-operat ta' l-Organizzazzjoni ITER għandha tkun is-suġġett ta' arranġament ma' l-Organizzazzjoni ITER skond kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill. Artikolu 7 Il-Protezzjoni ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali 7.1. Meta Membru jikseb jew ifittex il-protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata li tkun ġiet żviluppata jew miksuba minn dak il-Membru, dak il-Membru għandu jagħti lill-Membri l-oħra kollha u lill-Organizzazzjoni ITER notifika f'waqtha u jipprovdilhom dettalji ta' tali protezzjoni. Jekk Membru jiddeċiedi li ma jeżerċitax id-dritt tiegħu li jfittex il-protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata fi kwalunkwe pajjiż jew reġjun, għandu jagħti lill-Organizzazzjoni ITER notifika f'waqtha tad-deċiżjoni tiegħu, u l-Organizzazzjoni ITER tista' mbagħad tfittex li tikseb tali protezzjoni, jew direttament jew permezz tal-Membri. 7.2. Għall-Proprjetà Intellettwali Ġġenerata li tkun ġiet żviluppata jew miksuba min-naħa ta' l-Organizzazzjoni ITER, il-Kunsill għandu jadotta, malajr kemm jista' jkun, proċeduri adegwati għar-rappurtar, il-protezzjoni u r-reġistrar ta' tali Proprjetà Intellettwali, pereżempju permezz tal-ħolqien ta' database li għalih il-Membri jista' jkollhom aċċess. 7.3. Fil-każ ta' ħolqien konġunt, il-Membri parteċipanti u/jew l-Organizzazzjoni ITER għandu jkollhom id-dritt li jfittxu jiksbu l-koproprjetà fil-Proprjetà Intellettwali fi kwalunkwe Stat ta' l-għażla tagħhom. 7.4. Għandu jku hemm il-koproprjetà tal-Proprjetà Intellettwali meta din tkun inħolqot minn żewġ Membri jew aktar jew minn Membru wieħed jew aktar flimkien ma' l-Organizzazzjoni ITER, u meta l-karatteristiċi ta' din il-proprjetà intellettwali ma jkunux jistgħu jiġu sseparati għall-finijiet ta' l-applikazzjoni għal, il-ksib ta' u/jew iż-żamma fis-seħħ tal-protezzjoni tad-dritt rilevanti tal-proprjetà intellettwali. F'każ bħal dan, il-ħallieqa konġunti għandhom jiftiehmu bejniethom permezz ta' arranġament ta' koproprjetà dwar l-allokazzjoni tal-proprjetà fil-Proprjetà Intellettwali msemmija u t-termini ta' l-eżerċizzju tagħha. Artikolu 8 Id-Dekommissjonar 8.1. Għall-fażi tad-dekommissjonar wara t-trasferiment tal-faċilitajiet lill-Parti Ospitanti, l-Istat Ospitanti għandu jagħti lill-Membri l-oħra l-informazzjoni kollha rilevanti, sew jekk tkun ġiet ippubblikata jew le, li tkun ġiet iġġenerata jew użata fid-dekommissjonar tal-faċilitajiet ta' l-ITER. 8.2. Il-Proprjetà Intellettwali ġġenerata mill-Istat Ospitanti matul il-fażi tad-dekommissjonar ma għandhiex tintlaqat minn dan l-Anness. Artikolu 9 It-Terminazzjoni u l-Irtirar 9.1. Skond ma jkun meħtieġ, il-Kunsill għandu jindirizza kwalunkwe kwistjoni marbuta mat-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim jew l-irtirar ta' Parti, fil-grad li tkun relatata mal-Proprjetà Intellettwali, li ma tkunx għal kollox indirizzata f'dan il-Ftehim. 9.2. Id-drittijiet u l-obbligi tal-Proprjetà Intellettwali li d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness jikkonferixxu lil u jimponu fuq il-Membri u l-Organizzazzjoni ITER, partikolarment il-liċenzji kollha maħruġa, għandhom jibqgħu wara t-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim, jew wara l-irtirar ta' Parti. Artikolu 10 Il-ħlasijiet tad-drittijiet ta' l-awtur Il-ħlasijiet tad-dritt ta' l-awtur li jiddaħħlu mill-ħruġ ta' liċenzji għall-Proprjetà Intellettwali min-naħa ta' l-Organizzazzjoni ITER għandhom ikunu riżorsa ta' l-Organizzazzjoni ITER. Artikolu 11 Ir-riżoluzzjoni ta' kunflitti Kwalunkwe kunflitt li jqum minn dan il-Ftehim jew f'relazzjoni miegħu għandu jiġi riżolut f'konformità ma' l-Artikolu 25 ta' dan il-Ftehim. Artikolu 12 Għotjiet lill-Inventuri Il-Kunsill għandu jiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet adegwati għar-remunerazzjoni ta' membri ta' l-Istaff meta dawn jiġġeneraw il-Proprjetà Intellettwali. Artikolu 13 Ir-Responsabbiltà Meta tkun qed tinnegozja l-arranġamenti għal-liċenzjar, l-Organizzazzjoni ITER u l-Membri għandhom, skond ma jkun f'loku, jinkludu dispożizzjonijiet xierqa li jirregolaw ir-responsabbiltajiet, id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom li joħorġu mit-twettiq ta' dawk l-arranġamenti għal-liċenzjar. Abbozz FinaliANNESS dwar l-Appoġġ għas-Sit Artikolu 1 Ftehim dwar l-Appoġġ għas-Sit 1. Il-Parti li tospita għandha tqiegħed jew iġġiegħel li jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-Organizzazzjoni ITER artijiet, faċilitajiet, bini, beni u servizzi b'appoġġ għas-sit, kif jidher fil-qosor f'dan l-Anness. Il-Parti li tospita tista' tinnomina entità biex din taġixxi f'isimha għal dan il-għan. 2. Id-dettalji ta' appoġġ ta' dan it-tip, kif ukoll il-proċeduri għall-kooperaazzjoni bejn l-Organizzazzjoni ITER u l-Parti li tospita jew l-entità nnominata minnha (minn hawn 'il quddiem "l-Entità li tospita"), għandhom ikunu koperti minn ftehim (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim dwar l-Appoġġ għas-Sit") li għandu jiġi konkluż bejniethom. Artikolu 2 It-tul tal-Ftehim fiż-żmien L-Entità li tospita għandha tipprovdi l-appoġġ għas-sit lill-Organizzazzjoni ITER matul il-perjodu mill-istabbiliment ta' l-Organizzazzjoni ITER sa ma jiskadi jew jiġi tterminat dan il-Ftehim. Artikolu 3 Il-Kumitat ta' Kollegament L-Organizzazjoni ITER u l-Entità li tospita għandhom jistabbilixxu kumitat ta' kollegament biex jiżgura l-provvista effikaċi ta' l-appoġġ kopert minn dan l-Anness skond il-Ftehim dwar l-Appoġġ għas-Sit. Artikolu 4 Artijiet, Bini, Faċilitajiet u Aċċess L-Entità li tospita għandha, bi spiża tagħha stess, tipprovdi s-sit ta' l- ITER taħt il-kundizzjonijiet stipulati fir-Rekwiżiti tas-Sit u l-Preżunzjonjiet tad-Disinn tas-Sit ta' l- ITER kif adottati fl-2000 (minn hawn 'il quddiem "il-Kundizzjonijiet ta' Referenza") mill-Kunsill stabbilit skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar il-Kooperazzjoni fl-Attivitajiet tad-Disinn ta' l-Inġinjerija għar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (minn hawn 'il quddiem "l- ITER EDA " u faċilitajiet u servizzi speċifiċi oħra kif jidher hawn taħt: a) Artijiet li għandhom jitqiegħdu b'xejn għad-dispożizzjoni ta' l-Organizzazjoni ITER b'tali mod li jippermettu l-bini, l-użu u t-tkabbir possibbli tal-binjiet kollha u s-servizzi awżiljarji ta' l- ITER li jissemmew fir-Rapport Finali ta' l- ITER EDA ; b) Servizzi ewlenin li għandhom jitwasslu sal-perimetru tas-sit: l-ilma, l-elettriku, id-drenaġġ, is-sistemi ta' l-allarm; c) Toroq , Passaġġi u Pontijiet , inklużi adattamenti, skond il-ħtieġa, għar-rotta bejn il-Port Awtonomu ta' Marsilja u s-sit ta' l- ITER , biex jipprovdu aċċess għall-perimetru tas-sit għad-daqsijiet u piżijiet massimi tat-tagħmir li għandu jitwassal għall-Proġett ITER u għall-Istaff u l-viżitaturi; d) Servizzi ta' trasport ta' komponenti kkontribwiti mill-Partijiet mill-Port Awtonomu ta' Marsilja, jew, fil-każ tat-trasport bl-ajru, mill-ajruport ta' Marignane, lejn is-sit ta' l- ITER ; e) Akkommodazzoni temporanja kif ikun meħtieġ għall-Organizzazjoni ITER fis-sit ta' l- ITER jew viċin tiegħu, sa ma jkunu lesti biex jiġi okkupati l-binjiet u l-faċilitajiet ta' l-Organizzazjoni ITER ; f) Provvisti ta' l-enerġija: l-istallazzjoni u l-manutenzjoni sal-perimetru tas-sit ta' provvisti ta' enerġija li jkunu jistgħu jfornu sa 500 MW għal pulsed loads kif ukoll kapaċità li jieħdu mix-xibka 120 MW ta' enerġija elettrika kontinwa mingħajr interruzzjonijiet ikkawżati mill-manutenzjoni tal-konnessjoni; g) Provvista ta' ilmijiet għat-tberrid biex ixerrdu fl-ambjent medja ta' 450 MW ta' enerġija (termika); kif ukoll h) Konnessjoni mal-linji tan-netwerks tal-kompjuters u t-telekomunikazzjoni , ta' kapaċitajiet kbar. Artikolu 5 Is-servizzi Flimkien ma' dak li jissemma fl-Artikolu 4 ta' dan l-Anness, l-Entità li tospita għandha tforni, bi spejjeż tagħha jew inkella bit-talba tal-ħlas għall-ispejjeż bi prova ta' l-infiq, skond il-Ftehim ta' l-Appoġġ għas-Sit, is-servizzi tekniċi, amministrattivi u ġenerali li tkun teħtieġ l-Organizzazjoni ITER . Dawn is-servizzi għandhom jinkludu, iżda mhumiex limitati għal: a) staff ta' appoġġ, b'żieda fuq l-istaff assenjat mill-Entità li tospita lll-Organizzazzjoni ITER skond l-Artikolu 8 ta' dan il-Ftehim; b) faċilitajiet tas-servizzi mediċi; c) servizzi ta' emerġenza; d) sistema ta' l-allarm tas-sigurtà u l-faċilitajiet tagħha; e) kafetterija; f) appoġġ għall-proċess tal-liċenzjar; g) appoġġ għall-ġestjoni tas-sikurezza; h) appoġġ għall-korsijiet tal-lingwi; i) servizzi għall-ġestjoni u r-rimi ta' l-iskart radjoattiv iġġenerat mill-operat ta' l- ITER ; j) appoġġ għall-ġarr u l-issetiljar; k) servizz tal-kowċis minn u lejn ix-xogħol; l) faċilitajiet rikreattivi, soċjali u tal- welfare ; m) servizzi ta' utlità u forniment; n) servizzi bibljotekarji u multimedjali; o) monitoraġġ ambjentali, inkluż il-monitoraġġ radjoloġiku; kif ukoll p) servizzi tas-sit (l-iskart, it-tindif u l-ġardinaġġ). Artikolu 6 L-edukazzjoni L-Entità li tospita għandha, bi spiża tagħha stess, tistabbilixxi skola internazzjonali għall-edukazzjoni ta' l-Istaff u tipprovdi edukazzjoni preuniversitarja skond kurrikulu tal-qofol internazzjonali li għandu jiġi żviluppat f'konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet edukattivi tal-Partijiet mhux Ospitanti, u għandha tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' elementi addizzjonali tal-kurrikulu li jkunu speċifiċi għall-Partijiet mhux Ospitanti u li jkunu appoġġati minn dawn ta' l-aħħar. Il-Partijiet mhux Ospitanti għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jgħinu fl-iżvilupp ta' l-iskola u fl-akkreditament tal-kurrikulu tagħha min-naħa ta' l-awtoritajiet rispettivi tagħhom. ANNESS II għall-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Abbozz Finali Arranġament dwar l-Applikazzjoni Provviżorja tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER . Artikolu 1 Il-Partijiet ta’ dan l-Arranġament huma kollha firmatarji tal-Ftehim dwar it-Twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (minn hawn ‘il quddiem il-“Ftehim ITER ”) bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (minn hawn ‘il quddiem “EURATOM”), il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-India, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Artikolu 2 Skond il-kundizzjonijiet tiegħu, il-Ftehim ITER se jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-depożitu ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-EURATOM, ir-Repubblika ta' l-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Artikolu 3 Il-Partijiet għal dan l-Arranġament jixtiequ jfittxu kooperazzjoni kif jipprovdi l-Ftehim ITER sa l-ogħla grad possibbli, fl-istennija tat-tlestija min-naħa ta' kull wieħed minnhom ta' l-azzjonijiet domestiċi kollha meħtieġa qabel ir-ratifika, l-aċċettazzjoni u l-approvazzjoni tal-Ftehim ITER . Artikolu 4 Għalhekk, il-Partijiet għal dan l-arranġament jimpenjaw irwieħhom, fl-ogħla grad possibbli konsistenti mal-liġijiet u r-regolamenti domestiċi tagħhom, li jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-Ftehim ITER sakemm dan jidħol fis-seħħ. Artikolu 5 Parti tista’ tirtira minn dan l-Arranġament bl-avviż bil-miktub ta' 120 jum lill-partijiet l-oħra. Artikolu 6 Dan l-Arranġament se jidħol fis-seħħ ma' l-iffirmar tiegħu. Magħmul fi [post], [data]. ANNESS III għall-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ABBOZZ FINALI FTEHIM DWAR IL-PRIVILEĠĠI U L-IMMUNITAJIET TA’ L-ORGANIZZAZZJONI INTERNAZZJONALI ITER GĦALL-ENERĠIJA MILL-FUŻJONI FIR-RIGWARD TA’ L-IMPLIMENTAZZJONI KONĠUNTA TAL-PROĠETT ITER Il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (minn hawn ’il quddiem “EURATOM”), il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa (minn hawn ’il quddiem "il-Partijiet"), FILWAQT LI l-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar l-Istabbiliment ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni fir-rigward ta' l-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim ITER”) jobbliga lill-Partijiet ta’ dak il-Ftehim biex jagħtu effett lil privileġġi u immunitajiet; FILWAQT LI huwa l-iskop ta’ dan il-Ftehim li jiddefinixxi għall-Partijiet ta’ dan il-Ftehim il-kontenut u l-ambitu ta’ dawn il-privileġġi u l-immunitajiet skond l-Artikolu 12 tal-Ftehim ITER; FILWAQT LI l-Partijiet ikkonfermaw il-ħsieb tagħhom li jikkonkludu dan il-Ftehim fl-okkażjoni tal-Laqgħa Ministerjali għal ITER fi Brussell fl-24 ta’ Mejju 2006, FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 1. Skond l-Artikolu 5 tal-Ftehim ITER, l-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni (minn hawn ’il quddiem “l-Organizzazzjoni ITER”) għandu jkollha personalità ġuridika internazzjonali, li tinkludi l-kapaċità li tikkonkludi ftehimiet ma' Stati u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali. 2. L-Organizzazzjoni ITER għandu jkollha personalità ġuridika u għandha tgawdi, fit-territorji tal-Membri, il-kapaċità ġuridika li teħtieġ, fost oħrajn sabiex: a) tikkonkludi kuntratti; b) takkwista, tippossiedi u tiddisponi minn proprjetà; c) tikseb liċenzji; kif ukoll d) tibda proċedimenti ġuridiċi. Artikolu 2 Il-bini u l-artijiet ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandhom ikunu invjolabbli. Artikolu 3 L-arkivji u d-dokumenti ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandhom ikunu invjolabbli. Artikolu 4 1. L-Organizzazzjoni ITER għandha tgawdi minn immunità mill-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni għajr: a) safejn din tkun irrinunzjat espressament din l-immunità f’każ partikolari b) fir-rigward ta’ azzjoni ċivili minn parti terza għal ħsara li rriżultat minn inċident ikkawżat minn vettura motorizzata li hija l-proprjetà ta’ l-Organizzazzjoni ITER jew utilizzata f’isimha, jew fir-rigward ta’ offiża tat-traffiku li tinvolvi vettura bħal din; c) fir-rigward ta’ infurzar ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret skond l-Artikolu 23; kif ukoll d) fil-każ ta’ sekwestru ta’ salarju, infurzat għal dejn ta’ membru ta’ l-istaff ta’ l-Organizzazzjoni ITER, sakemm dan is-sekwestru jirriżulta minn deċiżjoni ġuridika finali u infurzabbli skond ir-regoli fis-seħħ fit-territorju fejn ikun qed isir l-infurzar. 2. Il-proprjetà u l-assi ta’ l-Organizzazzjoni ITER, ikunu fejn ikunu, għandu jkollhom immunità minn kwalunkwe għamla ta' rekwiżizzjoni, konfiska, esproprjazzjoni u sekwestru għajr: a) safejn tkun irrinunzjat espressament din l-immunità f’każ partikolari b) fir-rigward ta’ azzjoni ċivili provduta fil-paragrafu 1(b); kif ukoll c) fir-rigward ta’ infurzar ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret skond l-Artikolu 23; 3. L-Organizzazzjoni ITER għandu jkollha wkoll immunità minn kwalunkwe għamla ta' restrizzjoni ġudizzjarja amministrattiva jew proviżjorja, għajr safejn tkun irrinunzjat espressament din l-immunità f’każ partikolari u sal-punt meħtieġ f’rabta ma' jew fir-rigward ta’: a) il-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ inċidenti li jinvolvu vetturi motorizzati li huma l-proprjetà ta’ l-Organizzazzjoni ITER, jew utilizzati f’isimha; kif ukoll b) l-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret skond l-Artikolu 23; Artikolu 5 1. Fi ħdan l-ambitu ta’ l-attivitajiet uffiċjali tagħha, l-Organizzazzjoni ITER, il-proprjetà u d-dħul tagħha għandhom ikunu eżenti minn taxxi diretti. 2. Meta l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu strettament meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet uffiċjali ta’ l-Organizzazzjoni ITER jinxtraw jew jintużaw mill-Organizzazzjoni ITER jew f’isimha, u meta l-prezz ta’ dawn l-oġġetti jew is-servizzi jkun jinkludi taxxi jew dazji, il-Parti għanda tieħu miżuri xierqa, kull meta jkun possibbli, biex teżentahom minn dawn it-taxxi jew id-dazji jew biex tipprovdi għar-rimborż tagħhom. Artikolu 6 1. L-oġġetti impurtati jew esportati mill-Organizzazzjoni ITER, jew f’isimiha, għall-attivitajiet uffiċjali tagħha, għandhom ikunu eżentati mid-dazji u t-taxxi kollha. L-oġġetti impurtati jew esportati mill-Organizzazzjoni ITER għall-attivitajiet uffiċjali tagħha għandhom ikunu eżentati minn projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet għajr fejn dawn il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet ikunu konsistenti mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki msemmija fl-Artikoli 14 u 20 tal-Ftehim ITER. 2. L-oġġetti li gawdew mill-eżenzjoni prprovduti fl-Artikolu 15 jew li kienu impurtati skond il-paragrafu 1 ma għandhomx jinbiegħu jew jingħataw għajr jekk skond il-kundizzjonijiet stipulati mill-Partijiet li jkunu taw l-eżenzjonijiet. Artikolu 7 1. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6, l-attivitajiet uffiċjali ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandhom jinkludu l-attivitajiet amministrattivi tagħha, inklużi l-operazzjonijiet tagħha marbuta ma’ kwalunkwe skema ta’ sigurtà soċjali li tistabbilixxi, u attivitajiet li jsiru biex skond l-iskop ta’ l-Organizzazzjoni ITER kif definit fil-Ftehim ITER. 2. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6 ma għandhomx japplikaw għal taxxi u dazji li mhumiex għajr ħlasijiet għal servizzi ta’ utilità pubblika. Artikolu 8 Ma għandha tingħata l-ebda eżenzjoni skond l-Artikoli 5 u 6 fir-rigward ta' oġġetti mixtrija jew impurtati, jew servizzi fornuti għall-benefiċċju personali ta' l-istaff ta' l-Organizzazzjoni ITER. Artikolu 9 Mingħajr ħsara għal-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki msemmija fl-Artikoli 14 u 20 tal-Ftehim ITER, iċ-ċirkolazzjoni ta’ pubblikazzjonijiet jew materjal ieħor ta’ tagħrif mibgħut mill-Organizzazzjoni ITER jew lilha, ma għandha tkun imxekkla bl-ebda mod. Artikolu 10 1. L-Organizzazzjoni ITER tista’ tirċievi u tippossiedi kwalunkwe tip ta’ fond, valuta, flus jew garanziji; tista’ tiddisponi minnhom kif jidhrilha hi għal kwalunkwe skop provdut fil-Ftehim ITER u tista’ tippossiedi kontijiet fi kwalunkwe valuta sal-punt meħtieġ biex jiġu sodisfatti l-obbligi tagħha. 2. Fil-qadi tad-drittijiet tagħha msemmija fil-paragrafu 1, l-Organizzazzjoni ITER għandha tagħti attenzjoni xierqa lil kwalunkwe rappreżentazzjoni ta' kwalunkwe mill-Membri tagħha sal-punt fejn jitqies li jista' jingħata effett lil dawn ir-rappreżentazzjonijiet mingħajr ħsara lill-interessi ta' l-Organizzazzjoni ITER. Artikolu 11 1. Għall-komunikazzjonijiet uffiċjali u t-trasferiment tad-dokumenti kollha tagħha, l-Organizzazzjoni ITER għandha tgawdi minn trattament li mhuwiex inqas favorevoli minn dak li jingħata minn kull Parti lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. 2. Ma għandha tiġi applikata l-ebda ċensura lill-komunikazzjonijiet uffiċjali ta’ l-Organizzazzjoni ITER permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni. Artikolu 12 Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiffaċilitaw id-dħul fit-territorju tagħhom, il-permanenza fih jew it-tluq minnu ta’ staff ta’ l-Organizzazzjoni ITER. Artikolu 13 1. Ir-rappreżentanti tal-Partijiet, huma u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom bħala rappreżentanti u matul il-vjaġġi tagħhom lejn u lura mill-post tal-laqgħat li jiġu organizzati mill-Organizzazzjoni ITER, għandhom igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet li ġejjin: a) immunità mill-arrest u d-detenzjoni, u mis-sekwestru tal-bagalji personali tagħhom; b) immunità mill-ġuriżdizzjoni, anki wara t-terminazzjoni tal-missjoni tagħhom, fir-rigward ta’ atti, inklużi kliem mitkellma u miktuba, li wettqu fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom; din l-immunità ma għandhiex tapplika, madankollu, fil-każ ta’ offiża tat-traffiku mwettqa minn Rappreżentant ta’ Parti, u lanqas fil-każ ta’ ħsara kkawżata minn vettura motorizzata li hija proprjetà tiegħu jew misjuqa minnu; c) invjolabbiltà għall-karti u d-dokumenti uffiċjali kollha tagħhom; d) id-dritt li jirċievu dokumenti jew korrispondenza permezz ta’ kurrier speċjali jew bagalja ssiġillata; e) eżenzjoni għalihom u għall-konjuġi tagħhom minn miżuri li jirrestrinġu l-immigrazzjoni u minn formalitajiet ta’ reġistrazzjoni ta’ l-aljeni; f) l-istess faċilitajiet fil-qasam tal-kontroll tal-valuti u l-kambju li jingħataw lir-rappreżentanti ta' gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji; g) l-istess faċilitajiet ta’ dwana fir-rigward tal-bagalji personali tagħhom li jingħataw lill-aġenti diplomatiċi. 2. Il-privileġġi u l-immunitajiet jingħataw lir-Rappreżentanti ta’ Parti mhux għall-vantaġġ personali tagħhom, iżda sabiex tkun żgurata indipendenza sħiħa fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom marbuta ma’ l-Organizzazzjoni ITER. Skond l-Artikolu 12 tal-Ftehim ITER, kull Parti għandha tirrinunzja l-immunità tar-Rappreżentanti tagħha fi kwalunkwe każ fejn tqis li, jekk iżżommha, tkun qed tfixkel milli ssir il-ġustizzja u li tista’ tiġi rrinunzjata mingħajr ħsara għall-iskopijiet li għalihom kienet ingħatat. Artikolu 14 L-istaff ta’ l-Organizzazzjoni ITER għandhom igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet li ġejjin: a) immunità mill-ġuriżdizzjoni, anki wara li jkunu ħallew is-servizz ta’ l-Organizzazzjoni ITER, fir-rigward ta’ atti, inklużi kliem bit-taħdit u l-kitba, li wettqu fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom; din l-immunità ma għandhiex tapplika, madankollu, fil-każ ta’ offiża tat-traffiku mwettqa minn membru ta' l-istaff ta’ l-Organizzazzjoni ITER, u lanqas fil-każ ta’ ħsara kkawżata minn vettura motorizzata li hija proprjetà tiegħu jew misjuqa minnu; b) eżenzjoni fir-rigward ta’ l-obbligi kollha marbuta mas-servizz militari; c) invjolabbiltà għall-karti u d-dokumenti uffiċjali kollha tagħhom; d) l-istess faċilitajiet fir-rigward ta’ l-eżenzjoni minn miżuri li jirrestrinġu l-immigrazzjoni u li jiggvernaw ir-reġistrazzjoni ta’ aljeni li normalment jingħataw lill-membri ta’ l-staff ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, u membri tal-familji tagħhom li joqogħdu magħhom għandhom igawdu mill-istess faċilitajiet; e) l-istess privileġġi fir-rigward tar-regolamenti tal-kambju komparabbli ma' dawk li jingħataw lill-istaff ta' organizzazzjonijiet internazzjonali; f) fi żmien ta’ kriżi internazzjonali, l-istess faċilitajiet fir-rigward tar-ripatrijazzjoni bħall-aġenti diplomatiċi, u l-membri tal-familji tagħhom li joqogħdu magħhom għandhom igawdu mill-istess faċilitajiet; g) id-dritt li jimpurtaw għamara u affarijiet personali mingħajr dazju meta jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom fl-Istat ikkonċernat, u d-dritt, fit-terminazzjoni tal-funzjonijiet tagħhom f’dak l-Istat, li jesportaw mingħajr dazju l-għamara u l-affarijiet personali tagħhom, soġġetti, fiż-żewġ każijiet, għall-kundizzjonijiet li jitqiesu meħtieġa mill-Istati li fuq it-territorju tiegħu ikun qed jiġi eżerċitat id-dritt. Artikolu 15 Minbarra l-privileġġi u l-immunitajiet provduti fl-Artikolu 14, id-Direttur Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni ITER u, meta l-kariga tkun battala, il-persuna maħtura biex taġixxi f'postu, għandhom igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet li huma intitolati għalihom l-aġenti diplomatiċi ta' grad komparabbli. Artikolu 16 L-esperti, huma u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom marbuta ma' l-Organizzazzjoni ITER jew fit-twettiq ta’ missjonijiet għall-Organizzazzjoni ITER, għandhom igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet li ġejjin, safejn dawn ikunu meħtieġa għall-qadi tal-funzjonijiet tagħhom, inkluż matul vjaġġi li jsiru fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom u matul missjonijiet bħal dawn: a) immunità mill-ġuriżdizzjoni, anki wara li jieqfu jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom bħala espert għall-Organizzazzjoni ITER, fir-rigward ta’ atti, inklużi kliem bit-taħdit u l-kitba, li wettqu fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom. Din l-immunità ma għandhiex tapplika, madankollu, fil-każ ta' offiża tat-traffiku mwettqa minn espert, u lanqas fil-każ ta' ħsara kkawżata minn vettura motorizzata li hija proprjetà tiegħu jew misjuqa minnu; b) invjolabbiltà għall-karti u d-dokumenti uffiċjali kollha tagħhom; c) l-istess faċilitajiet fir-rigward tar-regolamenti monetarji u tal-kambju u fir-rigward tal-bagalji personali tagħhom li jingħataw lill-uffiċjali ta' gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji. Artikolu 17 1. Is-salarji u l-benefiċċji imħallsa mill-Organizzazzjoni ITER għandhom ikunu eżentati mit-taxxa fuq id-dħul safejn dawn ikunu soġġetti għal taxxa għall-benefiċċju ta' l-Organizzazzjoni ITER. Il-Partijiet għandhom iżommu d-dritt li jqisu dawn is-salarji u l-benefiċċji għall-iskop li jkejlu l-ammont ta’ tassazzjoni li għandha tiġi applikata lid-dħul minn sorsi oħrajn. 2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 hawn fuq ma għandhomx japplikaw għal annwalitajiet u pensjonijiet imħallsa mill-Organizzazzjoni ITER lil Diretturi Ġenerali u staff li rtiraw. Artikolu 18 L-Artikoli 14 u 17 għandhom japplikaw lill-kategoriji kollha ta’ staff li għalihom japplikaw ir-Regolament ta’ l-Istaff ta’ l-Organizzazzjoni ITER. Il-Kunsill ta’ l-Organizzazzjoni ITER (minn hawn ’il quddiem “il-Kunsill”) għandu jiddeċiedi għal liema kategoriji ta’ esperti għandu japplika l-Artikolu 16. L-ismijiet, it-titli u l-indirizzi ta’ l-istaff u l-esperti msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu kkomunikati perjodikament lill-Membri ta’ l-Organizzazzjoni ITER. Artikolu 19 Fil-każ li tistabbilixxi skema tagħha stess ta’ sigurtà soċjali, l-Organizzazzjoni ITER, id-Direttur Ġenerali u l-istaff għandhom ikunu eżentati mill-kontributi obbligatorji kollha lill-korpi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, soġġett għall-ftehimiet konklużi mal-Partijiet u/jew l-Istat li qed jospita. Artikolu 20 L-ebda Parti ma għandha tkun obbligata tagħti l-privileġġi u l-immunitajiet imsemmija fl-Artikoli 13, 14 b, d, e, f u g, 15, 16 c u 19 liċ-ċittadini tagħha stess jew lil persuni li, fil-waqt li jieħdu l-kariga bħala staff ta’ l-Organizzazzjoni ITER f’dik il-Parti, jkunu residenti permanenti tagħha. Artikolu 21 1. Il-privileġġi u l-immunitajiet provduti f’dan il-Ftehim ma jingħatawx lid-Direttur Ġenerali, l-istaff u l-esperti ta’ l-Organizzazzjoni ITER għall-vantaġġ personali tagħhom. Dawn jingħataw biss biex, fiċ-ċirkostanzi kollha, ikun żgurat it-tħaddim mingħajr xkiel ta’ l-Organizzazzjoni ITER u l-indipendenza sħiħa tal-persuni lil min jingħataw. 2. Skond l-Artikolu 12 tal-Ftehim ITER, il-Kunsill jista’ jneħħi kull immunità rilevanti f'kull każ fejn il-Kunsill jidhirlu li jekk tinżamm tista’ tfixkel milli ssir il-ġustizzja u jekk din it-tneħħija ta’ l-immunità ma tmurx kontra l-interessi ta’ l-Organizzazzjoni ITER u l-Membri tagħha. Artikolu 22 L-Organizzazzjoni ITER għandha tikkoopera f’kull waqt ma’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u ta’ l-Istat li qed jospita kif definit fl-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ITER sabiex tiffaċilita l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, tiżgura l-ħarsien tar-regolamenti tal-pulizija u regolamenti marbuta mas-saħħa u s-sikurezza pubblika, il-liċenzjar, il-ħarsien ambjentali, l-ispezzjoni tax-xogħol jew leġiżlazzjoni nazzjonali simili, u sabiex tħares mit-twettiq ta’ kwalunkwe abbuż tal-privileġġi u l-immunitajiet provduti f’dan il-Ftehim. Il-proċedura għall-kooperazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu tista’ tiġi stipulata fil-ftehimiet dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-Field Teams jew fi ftehimiet supplimentari. Artikolu 23 1. Huma u jiġu konklużi kuntratti bil-miktub, għajr dawk li ġew konklużi skond ir-Regolamenti ta’ l-Istaff, l-Organizzazzjoni ITER tista' tipprovdi għal arbitraġġ. Il-klawżola ta’ arbitraġġ jew il-ftehim speċjali ta’ arbitraġġ konkluż għal dan il-għan għandu jispeċifika l-liġi applikabbli u l-Istat fejn għandhom jiltaqgħu l-arbitri. 2. L-infurzar tad-deċiżjoni ta' l-arbitraġġ għandu jiġi ggvernat mir-regoli fis-seħħ fl-Istat li fit-territorju tiegħu għandha tiġi implimentata d-deċiżjoni. Artikolu 24 Skond it-Trattat li jistabbilixxi l-EURATOM, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorji koperti minn dak it-Trattat. Skond dak it-Trattat u ftehimiet rilevanti oħra, għandhu japplika wkoll għar-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tar-Rumanija u l-Konfederazzjoni Żvizzera, li jieħdu sehem fil-programm ta' fużjoni ta' l-EURATOM bħala Stati terzi assoċjati bis-sħiħ. Artikolu 25 1. Dan il-Ftehim huwa soġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni skond il-proċeduri ta' kull Firmatarju. 2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-depożitu ta’ l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta’ dan il-Ftehim mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-EURATOM, ir-Repubblika ta’ l-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea u l-Federazzjoni Russa. 3. Jekk dan il-Ftehim ma jkunx daħal fis-seħħ fi żmien sena wara l-iffirmar tiegħu, id-Depożitarju għandu jsejjaħ laqgħa tal-Firmatarji biex jiddeċiedu dwar liema azzjoni għandha tittieħed biex jiġi ffaċilitat id-dħul fis-seħħ tiegħu. Artikolu 26 1. Ladarba l-Kunsill adotta deċiżjoni skond l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ITER, l-Istat jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata tista’ taderixxi u ssir Parti ta’ dan dan il-Ftehim. 2. L-adeżjoni għandu jkollha effett mid-data tad-depożitu ta’ l-istrument ta’ adeżjoni mad-Depożitarju. Artikolu 27 Dan il-Ftehim għandu jkollu l-istess tul fiż-żmien daqs il-Ftehim ITER. L-iskadenza ta’ dan il-Ftehim ma għandhiex taffettwa l-immunità provduta fl-Artikolu 13(1) (b), l-Artikolu 14(a) u l-Artikolu 16(a). Artikolu 28 Kull kwistjoni li tinqala’ fost il-Partijiet jew bejn wieħed jew iktar mill-Partijiet u l-Organizzazzjoni ITER minħabba dan il-Ftehim, jew marbuta miegħu, għandha tiġi riżolta permezz ta’ konsultazzjoni, medjazzjoni jew proċeduri oħra li jkun hemm qbil dwarhom, bħall-arbitraġġ. Il-partjiet ikkonċernati għandhom jiltaqgħu biex jiddiskutu n-natura ta’ kwalunkwe kwistjoni bħal din bil-ħsieb ta’ riżoluzzjoni bikrija. Artikolu 29 1. Id-Direttur Ġenerali ta' l-IAEA għandu jkun id-Depożitarju ta’ dan il-Ftehim. 2. Il-Ftehim oriġinali għandu jiġi depożitat mad-Depożitarju, li għandu jibgħat kopji ċċertifikati tiegħu lill-Firmatarji, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għar-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. 3. Id-Depożitarju għandu jinnotifika kull Stat Firmatarju, kull Stat fil-proċess ta’ adeżjoni u kull organizzazzjoni: a) bid-depożitu ta' kull strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni; kif ukoll b) bid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim. MAGĦMULA FI [POST], [DATA] [1] Serje ta’ dokumentazzjoni IAEA ITER EDA Nru 21. [2] L-Anness 2(d) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [3] L-Anness 2(f) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [4] L-Anness 2(j) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [5] L-Anness 2(l) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [6] L-Anness 2(a) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [7] L-Anness 2(b) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [8] L-Anness 2(c) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [9] L-Anness 2(e) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [10] L-Anness 2(k) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [11] L-Anness 2(n) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [12] L-Anness 2(h) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [13] L-Anness 2(m) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [14] L-Anness 2(i) mar-Rapport Finali dwar in-Negozjati ta’ l-ITER. [15] Proposta tal-Kummissjoni li mistennija tiġi adottat fl-ewwel nofs ta' l-2006. [16] ĠU L 232, 29.8.2002, p. 34. [17] ĠU L 294, 29.10.2002, p. 86. [18] ĠU C …