52006PC0225

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsillskond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2007 min-naħa tas-Slovenja /* KUMM/2006/0225 finali - CNS 2006/0077 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.5.2006

KUMM(2006) 225 finali

2006/0077 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2007 min-naħa tas-Slovenja

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2)

Fit-3 ta' Mejju 1998, il-Kunsill iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, l-Awstrija u l-Finlandja kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 1999. Id-Danimarka u r-Renju Unit utilizzaw il-klawsoli "opt-out" tagħhom, u għaldaqstant ma ġewx evalwati mill-Kunsill. Il-Kunsill qies il-Greċja u l-Iżvezja bħala Stati Membri b'deroga. Fid-19 ta' Ġunju 2000, il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2001. Fl-1 ta' Mejju 2004, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja saru Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea. Skond l-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni, dawn il-pajjiżi huma Stati Membri b'deroga.

L-Artikolu 122(2) jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir ta' derogi. Dawn il-proċeduri għandhom jinbdew talanqas darba kull sentejn jew inkella fuq talba ta' Stat Membru b'deroga. Skond dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jeħtiġilhom jirrappurtaw lill-Kunsill skond l-Artikolu 121(1) fuq il-progress li jkun sar fit-twettiq, min-naħa ta' Stati membri b'deroga, ta' l-obbligi tagħhom dwar l-ilħiq ta' l-unjoni ekonomika u monetarja. Abbażi tar-rapport tagħha stess u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni tista' tressaq lill-Kunsill proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tħassar id-deroga lill-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa.

Ġaladarba l-aħħar rapporti dwar is-sodisfar tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-munita unika kienu tressqu f'Ottubru 2004, l-Istati Membri b'deroga għandhom jerġgħu jiġu eżaminati fl-2006. Kmieni fl-2006, il-Kummissjoni u l-BĊE ftiehmu li jippreparaw rapport komprensiv f'Ottubru 2006, li fih jevalwaw il-progress li jkun sar lejn il-konverġenza min-naħa ta' l-Istati Membri b'deroga. Fit-2 ta' Marzu, is-Slovenja ressqet talba għal evalwazzjoni aktar bikrija tal-konverġenza, sabiex ikollha biżżejjed żmien għall-aħħar tħejjijiet biex tintroduċi l-euro fl-1 ta' Jannar 2007 fil-każ li d-deroga kellha titneħħa. B'risposta għal din it-talba, il-Kummissjoni u l-BĊE ħejjew rapporti dwar il-konverġenza għas-Slovenja.

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-konverġenza għas-Slovenja ġie adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji fis-16 ta' Mejju 2006. Il-BĊE adotta r-rapport tiegħu fil-15 ta' Mejju. Ir-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta' kull Stat Membru, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali tiegħu, u l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ). Ir-rapporti jeżaminaw ukoll l-ilħiq ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli b'referenza għas-sodisfar tal-kriterji ta' konverġenza min-naħa ta' kull Stat Membru, u jqisu bosta fatturi oħra li jissemmew fl-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 121(1).

Fir-rapport ta' konverġenza tagħha, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li fis-Slovenja ntlaħaq grad għoli ta' konverġenza sostenibbli.

Abbażi tar-rapport tagħha u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni adottat il-proposta annessa għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex tħassar id-deroga tas-Slovenja b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

2006/0077 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2007 min-naħa tas-Slovenja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 122(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

War li kkunsidra d-diskussjoni tal-Kunsill, imlaqqa' fil-kompożizzjoni ta' Kapijiet ta' Stati jew ta' Gvernijiet,

Billi:

1. It-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) bdiet fl-1 ta' Jannar 1999. Il-Kunsill, imlaqqa' fi Brussell fit-3 ta' Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tiegħu ta' Kapijiet ta' Stati jew ta' Gvernijiet, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 1999[3].

2. Il-Kunsill iddeċieda fid-19 ta' Ġunju 2000 li l-Ġreċja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2001[4].

3. Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq anness mat-Trattat, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma kienx biħsiebu jgħaddi għat-tielet fażi ta' l-UEM fl-1 ta' Jannar 1999. Din in-notifika ma tbiddlitx. Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta' Stat jew Gvernijiet f'Edinburgh f'Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kenitx sejra tieħu sehem fit-tielet fażi ta' l-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 122(2) tat-Trattat.

4. Permezz tad-Deċiżjoni 1998/317/KE, l-Iżvezja għandha deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni[5], ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja għandhom deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

5. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ġie stabbilit fl-1 ta' Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu għar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja tas-16 ta' Ġunju 1997[6]. Il-proċeduri għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja ( ERM II ) ġew stabbiliti fil-Ftehim ta' l-1 ta' Settembru 1998 bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri barra ż-żona ta' l-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja[7].

6. L-Artikolu 122(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir tad-derogi ta' l-Istati Membri kkonċernati. Skond dak l-Artikolu, talanqas darba kull sentejn, jew inkella fuq talba ta' Stat Membru b'deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat. Fit-2 ta' Marzu 2006, is-Slovenja ressqet talba formali għal evalwazzjoni tal-konverġenza.

7. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, għandhom jiġu adattati skond il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ. Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jagħtu evalwazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tas-Slovenja ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u u l-Istatut tas-SEBĊ.

8. Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet li jssemma fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun għandu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, li tkun ġiet osservata matul perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma jkunx jaqbeż b'iktar minn punt perċentwali u nofs dik ta', l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjonijiet f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni għandha titkejjel permezz ta' l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur ( HICPs ) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95[8]. Għall-evalwazzjoni tal-kriterju ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta' Stat Memrbu titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika tat-12-il indiċi ta' kull xahar f'relazzjoni mal-medja aritmetika tat-12-il indiċi ta' kull xahar tal-perjodu ta' qabel. Fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2006, it-tliet Stati Membri li laħqu l-aqwa riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet kienu l-Iżvezja, il-Finlandja u l-Polonja, b'rati rispettivi ta' inflazzjoni ta' 0.9%, 1.0% u 1.5%. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, tqies valur ta' referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta' inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' 1.5 punti perċentwali. Abbażi ta' dan, il-valur ta' referenza fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2006 kien 2.6%.

9. Skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern li jissemma fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat għandu jfisser li fil-waqt ta' l-eżami, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta' Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(6) tat-Trattat dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv.

10. Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu għar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni għall-varjazzjonijiet normali li dwarhom jiddisponi l-mekkaniżmu għar-rati tal-kambju ( ERM ) tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonjiet gravi għal talanqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-munita ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, fuq inizjattiva tiegħu stess, matul l-istess perjodu. Mill-1 ta' Jannar 1999, l- ERM II jipprovdi l-qafas għall-evalwazzjoni tas-sodisfar tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta' dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perjodu ta' sentejn li ntemm f'April 2006.

11. Skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-interessi li jssemma fir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta' sena qabel l-eżami, Stat Membru jkun kellu medja nominali fit-tul tar-rati ta' l-interessi li ma jaqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta', l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterji dwar il-konverġenza tar-rati ta'l-interessi, intużaw rati komparabbli ta' l-interess fuq bonds ta' riferiment ta' 10 snin maħruġa mill-gvern. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi evalwat is-sodisfar tal-kriterju tar-rati ta' interess, tqies valur ta' referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta' interessi tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' żewġ punti perċentwali. Abbażi ta' dan, il-valur ta' referenza fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2006 kien 5.9%.

12. Skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza li jissemmew fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id- data użati fl-evalwazzjoni tal-preżent tas-sodisfar tal-kriterji ta' konverġenza jiġu pprovduti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet data għat-tħejija ta' din il-proposta. Id- data finanzjarji ġew ipprovduti mill-Kummissjoni wara li l-Istati Membri rrappurtaw sa l-1 ta' April 2006, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura rigward id-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[9].

13. Abbażi tar-rapporti mressqa mil-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar fis-sodisfar min-naħa tas-Slovenja ta' l-obbligi tagħha rigward l-ilħiq ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li:

Fis-Slovenja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u ma' l-Istatut tas-SEBĊ;

Rigward is-sodisfar min-naħa tas-Slovenja tal-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-erba' inċiżi ta' l-Artikolu 122(1) tat-Trattat:

- Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fis-Slovenja, fis-sena li ntemmet f'Marzu 2006, kienet ta' 2.3%, li hija aktar baxxa mill-valur ta' referenza, u x'aktarx tkompli hekk fix-xhur li ġejjin;

- Is-Slovenja mhijiex is-suġġett ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv tal-gvern;

- Is-Slovenja ilha membru ta' l- ERM II mit-28 ta' Ġunju 2004; fil-perjodu ta' sentejn li ntemm f'April 2006, it-tolar Sloven (SIT) ma kienx soġġett għal tensjonijiet gravi, u s-Slovenja ma żvalutatx, b'inizjattiva tagħha stess, ir-rata ċentrali bilaterali tas-SIT kontra l-euro;

- Fis-sena li ntemmet f'Marzu 2006, ir-rata ta' l-interessi fit-tul fis-Slovenja kienet, fil-medja, 3.8%, li jiġi taħt il-valur ta' referenza.

B'referenza għal dawn il-kriterji, is-Slovenja laħqet livell għoli ta' konverġenza sostenibbli.

Għaldaqstant, is-Slovenja tissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika.

14. Il-Kunsill, permezz ta' maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema Stati Membri b'deroga jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika, u jħassar id-derogi ta' l-Istati Membri kkonċernati.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Slovenja tissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika. Id-deroga favur is-Slovenja msemmija fl-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003 qiegħda titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Magħmula fi

Għall-Kunsill

Il-President[pic][pic][pic]

[1] KUMM(2006) 224, adottat fis-16 ta' Mejju 2006.

[2] Adottat fil-15 ta' Mejju 2006.

[3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1998/317/KE tat-3 ta' Mejju 1998 (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30).

[4] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/427/KE tad-19 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 167, 7.7.2000, p. 19).

[5] ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

[6] ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

[7] ĠU C 345, 13.11.1998, p. 6 , kif emendat mill-Ftehim ta' l-14 ta' Settembru 2000 (ĠU C 362, 16.12.2000, p. 11).

[8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1) kif emendat mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[9] ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).