52006PC0218

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar Pożizzjoni tal-Komunità rigward id-Deċiżjoni Nru [2/2006] tal-Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Komunità/Żvizzera stabbilit skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, li temenda l-Anness għall-Ftehim /* KUMM/2006/0218 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 19.5.2006

KUMM(2006) 218 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar Pożizzjoni tal-Komunità rigward id-Deċiżjoni Nru [2/2006] tal-Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Komunità/Żvizzera stabbilit skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, li temenda l-Anness għall-Ftehim

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fl-1 ta’ Ġunju 2002, daħal fis-seħħ il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru. L-Artikolu 21 tal-Ftehim iwaqqaf Kumitat Konġunt dwar it-Trasport bl-Ajru Komunità/Żvizzera li huwa responsabbli għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tajba tal-Ftehim.

Leġiżlazzjoni komunitarja ġdida li għandha tiġi inkluża fl-anness tal-ftehim

L-Artikolu 1, Paragrafu 2, tal-Ftehim jipprovdi għall-applikazzjoni fl-Iżvizzera tal-leġiżlazzjoni Komunitarja speċifikata fl-Anness għal dan il-Ftehim. L-Artikolu 23, paragrafu 4 tal-Ftehim jistipula li l-Kumitat Konġunt dwar it-Trasport bl-Ajru Komunità/Żvizzera għandu jew jadotta deċiżjoni li tirrevedi l-Anness jew, jekk meħtieġ, jipproponi reviżjoni għad-dispożizzjonjiet tal-Ftehim, sabiex jintegra ġo fih, jekk meħtieġ fuq bażi ta’ reċiproċità, l-emendi magħmula lil-leġiżlazzjoni in kwistjoni.

Mindu ġie ffirmat il-Ftehim fl-1999, firxa ta’ leġiżlazzjoni ġdida ġiet introdotta fi ħdan il-Komunità fis-settur tal-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru. Fl-okkażjoni tar-raba’ laqgħa tal-Kumitat Konġunt dwar it-Trasport bl-Ajru Komunità/Żvizzera, li saret fi Brussell fil-25 ta’ Novembru 2005, intlaħaq qbil fil-prinċipju li l-Iżvizzera għandha tinkorpora l- acquis relatat ma' l-Ajru Uniku Ewropew ( SES ): Ir-Regolament 549/2004 (ir-Regolament ta’ qafas), ir-Regolament 550/2004 (ir-Regolament tal-forniment ta’ servizz), ir-Regolament 551/2004 (ir-Regolament ta' l-ispazju ta’ l-arja) u r-Regolament 552/2004 (ir-Regolament ta' interoperabilità), kif ukoll l-ewwel atti ta’ implimentazzjoni ta' l- SES : ir-Regolament 2096/2005 (ir-rekwiżiti komuni għall-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni ta’ l-ajru) u r-Regolament 2150/2005 (l-użu flessibbli ta’ l-ispazju ta’ l-ajru).

Minħabba li l-Iżvizzera aċċettat li l-Istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom awtorità diretta fuq it-territorju tagħha f'dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni dwar l- SES (l-approċċ ta' pilastru waħdieni), l-Iżvizzera tista' tieħu sehem fil-Kumitat dwar l-Ajru Uniku Ewropew bħala osservatur, permezz ta' Dikjarazzjoni unilaterali tal-Kunsill (li tixbah id-Dikjarazzjoni unilaterali li l-Kunsill adotta fl-2002 dwa il-parteċipazzjoi Żvizzera fil-Kumitat dwar il-kompetizzjoni fl-Avjazzjoni u fil-Kumitat dwar l-aċċess għas-suq, u simili wkoll għas-soluzzjoni li nstabet għar-Regolament EASA 1592/2002).

Il-Pożizzjoni tal-Komunità dwar id-Deċiżjoni 2/2006

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (2002/309/KE, Euratom) rigward il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika ta' l-4 ta' April 2002 dwar il-konklużjoni ta' seba' Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera, fl-Artikolu 3 tagħha tipprovdi li l-Kummissjoni għandha tadotta l-pożizzjoni li jkun għandha tieħu l-Komunità rigward deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt dwar it-Trasport bl-Ajru Komunità/Żvizzera li sempliċement jestendu għall-Iżvizzera atti leġiżlattivi Komunitarji, soġġetti għal kwalunkwe aġġustamenti tekniċi li jkunu meħtieġa.[1]

Għad-deċiżjonijiet l-oħra kollha tal-Kumitat Konġunt dwar it-Trasport bl-Ajru Komunità/Żvizzera, il-pożizzjoni tal-Komunità għandha tiġi adottata mill-Kunsill, li għandu jieħu azzjoni permezz ta' maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni[2].

Minħabba li s-soluzzjoni li ntlaħqet ma tistax tiġi definita bħala aġġustament tekniku sempliċi, huwa kompitu tal-Kunsill li jadotta l-pożizzjoni tal-Komunità dwar din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Komunità/Żvizzera, fuq il-bażi ta' din il-Proposta tal-Kummissjoni.

Ġaladarba tkun ġiet adottata din il-Pożizzjoni tal-Komunità, il-Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt permezz tal-proċedura bil-miktub prevista mir-Regoli tal-Proċedura tiegħu.

Il-Kummissjoni mistiedna tadotta d-Deċiżjoni annessa.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar Pożizzjoni tal-Komunità rigward id-Deċiżjoni Nru [2/2006] tal-Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Komunità/Żvizzera stabbilit skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, li temenda l-Anness għall-Ftehim

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni rigward il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, ta' l-4 ta' April 2002, dwar il-konklużjoni ta' seba' Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera (2002/309/KE, Euratom), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1) Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2002.

(2) L-Artikolu 21 tal-Ftehim iwaqqaf Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Komunità/Żvizzera li huwa responsabbli għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tajba tal-Ftehim.

(3) Mindu ġie ffirmat il-Ftehim, ġiet adotatta leġiżlazzjoni ġdida tal-Komunità li hija rilevanti għall-Ftehim.

(4) L-Artikolu 23, paragrafu 4 tal-Ftehim jobbliga lill-Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Komunità/Żvizzera li jadotta deċiżjonijiet li jirrevedu l-Anness għall-Ftehim.

(5) L-Artikolu 3, paragrafu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni rigward il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, ta' l-4 ta' April 2002, dwar il-konklużjoni ta' seba' Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera (2002/309/KE, Euratom) jipprovdi li l-pożizzjoni tal-Komunità rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Komunità/Żvizzera li ma jissemmewx fil-paragrafu 2 tiegħu (l-inkorporazzjoni ta' acquis ġdid soġġett għal aġġustamenti tekniċi sempliċi) għandha tiġi adottata mill-Kunsill, li għandu jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni Minħabba li l-adattamenti li bihom se tiġi inkorporata fil-Ftehim il-leġiżlazzjoni l-ġdida jmorru lil hinn minn aġġustamenti tekniċi sempliċi, huwa kompitu tal-Kunsill li japprova l-pożizzjoni tal-Komunità dwar dan l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Komunità/Żvizzera, maħluq mill-Artikolu 21 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, rigward emendi ta' l-Anness għall-Ftehim, għandha tissejjes fuq l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni dwar l-attendenza Żvizzera fil-Kumitati li tinsab fl-Att Finali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera ffirmat fil-21 ta' Ġunju 1999 u adottat mill-Kunsill fl-4 ta' April 2002, hija ssupplimentata minn Dikjarazzjoni dwar il-parteċipazzjoni Żvizzera fil-Kumitat dwar l-Ajru Uniku Ewropew. Din id-Dikjarazzjoni sejra tiġi ppubblikata fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

Proposta għal

DIKJARAZZJONI TAL-KUNSILL

li takkompanja l-adozzjoni tal-Pożizzjoni tal-Komunità rigward id-Deċiżjoni Nru [2/2006] tal-Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Komunità/Żvizzera stabbilit skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, li temenda l-Anness għall-Ftehim

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jaqbel li d-Dikjarazzjoni dwar l-attendenza Żvizzera fil-Kumitati, li tinsab fl-att finali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, iffirmat fil-21 ta' Ġunju 1999 u adottat mill-Kunsill fl-4 ta' April 2002, minn issa 'l quddiem jista' jinqara b'inċiż addizzjonali li jgħid: "Il-Kumitat stabbilit skond ir-Regolament 549/2004 (il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku Ewropew)"

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT DWAR L-AVJAZZJONI KOMUNITÀ/ŻVIZZERA Nru [2/2006] ta’ […] 2006

li temenda l-Anness għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru

IL-KUMITAT KONĠUNT DWAR L-AVJAZZJONI KOMUNITÀ/ŻVIZZERA

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikolu 23(4) tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF GEJ:

Artikolu 1

1. Dan li ġej għandu jidħol wara t-tmiem tal-punt 5 (Sigurtà fl-Ajru) ta' l-Anness għall-Ftehim, kif imdaħħal mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/2005 tal-Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Komunità/Żvizzera tat-12 ta' Lulju 2005[3].

“ 6. Il-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru"

2. In-numerazzjoni tal-punt 6 (Oħrajn) ta' l-Anness għall-Ftehim għandha tinbidel għal 7.

Artikolu 2

1. Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-inklużjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) ta' din id-Deċiżjoni:

“Nru 549/2004

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 549/2004 ta' l-10 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi qafas għall-ħolqien ta' l-Ajru Uniku Ewropew (ir-regolament ta' Qafas)

Fl-Iżvizzera, il-Kummissjoni għandha tgawdi l-poteri mogħtija lilha skond l-Artikoli 6, 8(1), 10, 11 u 12.

Minkejja l-adattament orizzontali pprovdut fl-ewwel inċiż ta' l-Anness għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, ir-referenzi għall-"Istati Membri" li jinsabu fl-Artikolu 5 tar-Regolament 549/2004 jew fid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 1999/468/KE msemmija f'dak il-provvediment ma għandhomx jinftiehmu li japplikaw għall-Iżvizzera."

2. Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-inklużjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' din id-Deċiżjoni:

“Nru 550/2004

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 550/2004 ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizzi)

Rigward l-Iżvizzera, il-Kummissjoni għandha tgawdi l-poteri mogħtija lilha skond l-Artikolu 16, kif emendat aktar 'l isfel.

Għall-finijiet tal-Ftehim, it-test tar-Regolament għandu jinqara bl-adattamenti li ġejjin:

a) L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 2, għandhom jiddaħħlu l-kelmiet "u l-Iżvizzera" wara l-kelma "il-Komunità".

b) L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 6, għandhom jiddaħħlu l-kelmiet "u l-Iżvizzera" wara l-kelma "l-Komunità".

c) L-Artikolu 8 għandu jiġi emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 1, għandhom jiddaħħlu l-kelmiet "u l-Iżvizzera" wara l-kelmiet "fil-Komunità".

d) L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 1, għandhom jiddaħħlu l-kelmiet "u l-Iżvizzera" wara l-kelmiet "fil-Komunità".

e) L-Artikolu 16, il-paragrafu 3, għandu jitbiddel b'dan li ġej:

“3. Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri, u tgħarraf b'dan lill-fornitur tas-servizz, fil-grad li dan huwa kkonċernat fil-liġi."

3. Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-inklużjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) ta' din id-Deċiżjoni:

“Nru 551/2004

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 551/2004 ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu ta’ l-ispazju ta’ l-arja fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament ta' l-ispazju ta' l-arja)"

Fl-Iżvizzera, il-Kummissjoni għandha tgawdi l-poteri mogħtija lilha skond l-Artikoli 2, 3(5) u 10."

4. Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-inklużjoni msemmija fl-Artikolu 2(3) ta' din id-Deċiżjoni:

“Nru 552/2004

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 552/2004 ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni tat-Traffiku ta’ l-Ajru (ir-Regolament ta' l-interoperabilità)"

Fl-Iżvizzera, l-Kummissjoni għandha tgawdi l-poteri mogħtija lilha skond l-Artikoli 4, 7 u 10(3).

Għall-finijiet tal-Ftehim, it-test tar-Regolament għandu jinqara bl-adattamenti li ġejjin:

a) L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 2, għandhom jiddaħħlu l-kelmiet "jew l-Iżvizzera" wara l-kelmiet "fil-Komunità".

b) L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 4, għandhom jiddaħħlu l-kelmiet "jew l-Iżvizzera" wara l-kelmiet "fil-Komunità".

c) L-Anness III għandu jiġi emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 3, it-tieni inċiż u dak ta' l-aħħar, għandhom jiddaħħlu l-kelmiet "jew l-Iżvizzera" wara l-kelma "Komunità"."

5. Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-inklużjoni msemmija fl-Artikolu 2(4) ta' din id-Deċiżjoni:

“Nru 2096/2005

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1096/2005 ta' l-20 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-provvista ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru"

Fl-Iżvizzera, il-Kummissjoni għandha tgawdi l-poteri mogħtija lilha skond l-Artikolu 9."

6. Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-inklużjoni msemmija fl-Artikolu 2(5) ta' din id-Deċiżjoni:

“Nru 2150/2005

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2150/2005 tat-23 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi regoli komuni għall-użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru."

Artikolu 3

1. Fil-punt 3 (Armonizzazzjoni Teknika) ta' l-Anness għall-Ftehim, għandu jitħassar dan li ġej:

“Nru 65/93

Id-Direttiva tal-Kunsill dwar id-definizzjoni u l-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali kompatibbli għall-ksib ta' tagħmir u sistemi għall-amministrazzjoni tat-traffiku fl-ajru

(l-Artikoli 1-5, 7-10)

Nru 15/97

Id-Direttiva tal-Kummissjoni (KE) 15/1997 tal-25 ta' Marzu 1997 li tadotta l-istandards tal-Eurocontrol u temenda d-Direttiva 93/65/KEE dwar id-definizzjoni u l-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali kompatibbli għall-ksib ta' tagħmir u sistemi għall-amministrazzjoni tat-traffiku fl-ajru

(l-Artikoli 1-4, 6)"

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea , u fil- Kompendju Uffiċjali tal-Liġi Federali Żvizzera. Tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara dak ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Komunità

Il-Kap tad-Delegazzjoni Żvizzera

[1] Ara, għal eżempju preċedenti, id-Deċiżjoni Nru 1/2004 tal-Kumitat dwar it-Trasport bl-Ajru Komunità/Żvizzera tas-6 ta' April 2004 li temenda l-Anness għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, ĠU L 151, 30.04.2004, p. 1, b' corrigendum , ĠU L 208, 10.06.2004, p. 1.

[2] Ara, għal eżempju preċedenti, id-Deċiżjoni Nru 3/2004 tal-Kumitat dwar it-Trasport bl-Ajru Komunità/Żvizzera tat-22 ta' April 2004 li temenda l-Anness għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, ĠU L 151, 30.04.2004, p. 9, b' corrigendum , ĠU L 208, 10.06.2004, p. 7.

[3] ĠU L 210, 12.08.2000, p. 46.