52006PC0188(01)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra /* KUMM/2006/0188 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.4.2006

KUMM(2006) 188 finali

2006/0062 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

I. SFOND POLITIKU U LEGALI

L-UE u r-Russja ftiehmu fil-Laqgħa Għolja ta’ St. Petersburg sabiex jikkonkludu negozjati f’waqthom dwar il-ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid u sabiex jippromwovu użu aħjar ta' flessibbiltajiet eżistenti fil-ftehim ta' Schengen dwar il-viża.

Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Lulju 2004, in-negozjati mal-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra nfetħu fi Brussell fl-20-21 t'Ottubru 2004, flimkien mal-kontinwazzjoni tan-negozjati dwar ftehim ta' ammissjoni mill-ġdid. Saru sitt fażijiet ta’ negozjati u erba’ laqgħat tekniċi. It-testi finali tal-ftehimiet ta' l-ammissjoni mill-ġdid u l-iffaċilitar tal-viża tniżżlu fuqhom l-inizjali (fl-ewwel u l-aħħar faċċati) mill-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Franco Frattini, u l-Ajjutant Presidenzjali, is-Sur Viktor Ivanov, fl-okkażjoni tal-laqgħa PPC JHA Troika bejn il-Federazzjoni Russa u l-UE fit-13 t’Ottubru 2005 fil-Lussemburgu. It-tniżżil ta’ l-inizjali tat-testi kompleti taż-żewġ ftehimiet seħħ f’Moska fl-4 t’April 2006.

L-Istati Membri ġew regolarment mgħarrfa u kkonsultati fi gruppi relevanti ta’ Ħidma tal-Kunsill u kumitati fl-istadji kollha tan-negozjati.

Min-naħa tal-Komunità, il-bażi legali għall-Ftehim hi l-Artikolu 62 par. 2 lit. B), flimkien ma’ l-Artikolu 300 TEC.

Il-proposti mehmuża jikkostitwixxu l-istrumenti legali għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata. Il-Parlament Ewropew ikollu jkun konsultat formalment dwar il-konklużjoni tal-Ftehim, skond l-Art. 300 par. 3 Trattat tal-KE.

Id-deċiżjoni proposta dwar il-konklużjoni tistabbilixxi l-arranġamenti interni neċessarji għall-applikazzjoni prattika tal-Ftehim. Partikolarment, tispeċifika li l-Kummissjoni Ewropea, mgħejuna minn esperti mill-Istati Membri, tirrappreżenta l-Komunità fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Artikolu 13 tal-Ftehim.

Taħt l-Artikolu 13(4), il-Kumitat Konġunt għall-iffaċilitar tal-viża jista’ jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess. Il-pożizzjoni tal-Komunità f’dan ir-rigward għandha tkun stabbilita mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni ma’ Kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

II. RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-oġġettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati nkisbu u li l-abbozz ta’ ftehim ta’ l-iffaċilitar tal-viża hu aċċettabbli għall-Komunità.

Il-kontenut aħħari tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

- fil-prinċipju, għall-applikanti kollha tal-viża, ikollha tittieħed deċiżjoni dwar jekk tinħariġx il-viża jew le fi żmien għaxart ijiem. Dan il-perjodu jista’ jkun estiż sa 30 jum metta jkun jinħtieġ aktar skrutinju. F’każijiet urġenti, il-perjodu għat-teħid ta’ deċiżjoni jista’ jitnaqqas għal 3 ijiem jew inqas;

- il-ħlas tal-viża applikat mir-Russja tnaqqassostanzjalment billi ġie allinjat għal 35 € (il-ħlas kurrenti għall-viża ta’ Schengen). Dan il-ħlas ikun applikat għaċ-ċittadini kollha ta’ l-UE u tar-Russja (inklużi t-turisti) u jirrigwarda kemm viżi għal dħul ta' darba kif ukoll viżi għal dħul aktar minn darba. Jista' jintalab ħlas ogħla, ta' 70 €, f’każ ta’ talbiet urġenti, fejn l-applikazzjoni għall-viża u d-dokumenti li jappoġġjawha jittressqu mill-applikant għall-viża tlett ijiem biss jew inqas qabel it-tluq tiegħu/tagħha, bla ebda ġustifikazzjoni. Dan ma japplikax għal każi marbuta ma’ raġunijiet umanitarji, ta’saħħa jew il-mewt ta’ qraba. Barra minn hekk, ċerti kategoriji ta’ persuni jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-ħlas tal-viża: qraba, uffiċjali li jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet ta' gvern, studenti, persuni li jkunu qed jieħdu sehem fi programmi ta’ bdil kulturali u edukattiv jew avvenimenti sportivi u każijiet umanitarji;

- id-dokumenti li jkunu ppreżentati ġew simplifikati għal xi kategoriji ta’ persuni: qraba, nies fin-negozju, membri ta’ delegazzjonijiet uffiċċjali, studenti, parteċipanti f’avvenimenti xjentifiċi, kulturali u sportivi, ġurnalisti, persuni li jkunu ser iżuru ċimiterji militari u ċivili, sewwieqa li jsuqu f’servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ tagħbija u passiġġieri. qraba, nies fin-negozju, membri ta’ delegazzjonijiet uffiċċjali, studenti, parteċipanti f’avvenimenti xjentifiċi, kulturali u sportivi, ġurnalisti, persuni li jkunu ser iżuru ċimiterji militari u ċivili, sewwieqa li jsuqu f’servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ tagħbija u passiġġieri. Ma tinħtieġ l-ebda ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni oħra prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet;

- jeżistu wkoll kriterji simplifikati għall-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul aktar minn darba għal dawn il-kategoriji ta' persuni:

a) għal membri ta’ gvernijiet u parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Supremi u Kostituzzjonali, u konjugi u tfal li jkunu qegħdin iżuru ċittadini ta’ l-UE jew il-Federazzjoni Russa legalment residenti fil-Parti l-oħra: viża valida sa ħames snin (jew inqas, limitata għall-perjodu ta’ validità tal-mandat tagħhom jew l-awtorizzazzjoni għal residenza legali, rispettivament).

b) għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċċjali, nies tan-negozju, parteċipanti f’avvenimenti xjentifiċi, kulturali u sportivi, ġurnalisti u xufiera u ekwipaġġ tal-ferroviji, jekk kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu użaw tajjeb il-viżi ta’ sena għal dħul aktar minn darba u r-raġunijiet għat-talba għal dħul aktar minn darba jkunu għadhom validi: jinħarġu validi għal minimu ta' sentejn u massimu ta' ħames snin;

- titulari ta’ passaporti diplomatiċi huma eżentati mill-ħtieġa tal-viżi għal żjajjar qosra. Dikjarazzjoni Konġunta tistqarr li kull Parti tista’ tinvoka sospensjoni tad-dispożizzjoni marbuta ma’ l-eżenzjoni mill-viża għal titulari ta’ passaporti diplomatiċi (l-artikolu 11), jekk l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun abbużata mill-Parti l-oħra jew twassal għal theddida għas-sigurtà pubblika.

- dwar il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, iż-żewġ Partijiet jaqblu li jwettqu miżuri mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li jissimplifikawhom. Fi bdil ta’ ittri bejn il-Presidenza tar-Renju Unit u l-Ambaxxatur Russu għall-UE datata s-6 ta’ Ottubru 2005, ġie miftiehem li din il-kwistjoni tkun kunsidrata regolarment fil-qafas tal-laqgħa relatata JHA bejn l-UE u r-Russja. Il-Kunsill ta’ Sħubija Permanenti UE-Russja (JHA), li ltaqa’ fil-Lussemburgu fit-13 ta’ Ottubru 2005, offra l-ewwel opportunità għal skambju pożittiv ta’ perspettivi dwar il-kwistjoni.

- intlaħaq protokoll, u skond dan il-Komunità Ewropea se tieħu miżuri biex tissimplifika ċ-ċaqliq ta' titulari tal-viża ta' Schengen jew ta' permessi ta' residenza ta' Schengen fit-territorju ta' l-Istati Membri li s’issa għadhom ma japplikawx l- acquis ta’ Schengen bis-sħiħ. Fit-22 ta' Awwissu 2005 l-Kummissjoni ppreżentat proposta għal reġim simplifikat ta' kontroll ta' persuni fil-fruntieri esterni bbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali, min-naħa ta’ l-Istati Membri l-ġodda, ta' ċerti dokumenti maħruġa mill-Istati ta' Schengen. In-negozjati fuq din il-proposta mixjin u għandhom jingħalqu fix-xhur li ġejjin.

Is-sitwazzjonijiet speċifiċi tad-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda huma riflessi fil-preambolu u f’żewġ dikjarazzjonijiet konġunti mehmuża mal-Ftehim. L-assoċjazzjoni mill-qrib tan-Norveġja u l-Iżlanda ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen hi bl-istess mod riflessa f’dikjarazzjoni konġunta mal-Ftehim.

Ladarba ż-żewġ ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viża u l-ammissjoni mill-ġdid huma marbuta, iż-żewġ ftehimiet għandhom ikunu ffirmati, konklużi u jidħlu fis-seħħ flimkien.

III. KONKLUŻJONIJIET

Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

- jiddeċiedi li l-Ftehim ikun iffirmat f’isem il-Komunità u jawtorizza lill-President tal-Kunsill sabiex jaħtar persuna(persuni) bis-setgħa li jiffirmaw f’isem il-Komunità;

- japprova, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, il-Ftehim mehmuż bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi għal żjajjar qosra.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 62 (2)(b)(i) u (ii), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Billi:

(1) Bid-deċiżjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra.

(2) In-negozjati dwar il-ftehim infetħu fl-20-21 ta’ Ottubru 2004 u ngħalqu fit-12 ta’ Ottubru 2005.

(3) Soġġett għall-possibbiltà tal-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard, huwa mixtieq li l-ftehim li ġie inizjalat f’Moska fl-4 ta' April 2006 ikun iffirmat.

(4) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jipparteċipawx fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk m’humiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(5) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat ta’ Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Soġġett għal konklużjoni possibbli f’data aktar tard, il-President tal-Kunsill hu hawnhekk awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna(persuni) bis-setgħa li jiffirmaw, f’isem il-Komunità Ewropea, il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra u d-dokumenti relatati li jikkonsistu fit-test tal-ftehim, Protokoll u seba’ dikjarazzjonijiet konġunti.

Magħmula fi Brussell, il-............ta’...........2006.

Għall-Kunsill

Il-President

2006/0062 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b)(i) u (ii), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3]

Billi:

(1) Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità Ewropea Ftehim mal-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra;

(2) Dan il-Ftehim ġie iffirmat, f'isem il-Komunità Ewropea, fil-.........2006, soġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu aktar tard, skond id-Deċiżjoni ........./........./KE tal-Kunsill tal-[................]

(3) Dan il-Ftehim għandu jkun approvat,

(4) Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim, li jista jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Hu xieraq li tkun prevista proċedura simplifikata sabiex tkun stabbilita l-pożizzjoni tal-Komunità f’dan il-każ.

(5) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jipparteċipawx fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk m’humiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(6) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat ta’ Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra hu hawnhekk approvat f’isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 15 paragrafu 1 tal-Ftehim[4].

Artikolu 3

Il-Kummissjoni, megħjuna minn esperti mill-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt ta’ esperti stabbilit mill-Artikolu 13 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Il-pożizzjoni tal-Komunità fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ esperti rigward l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu kif meħtieġ taħt l-Artikolu 13 (4) tal-Ftehim ser tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ta' kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

Magħmula fi Brussell, il-............ta’...........2006.

Għall-Kunsill

Il-President

Anness

FTEHIM

bejn

il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa

dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi

għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa

IL-PARTIJIET

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Komunità”, u L-FEDERAZZJONI RUSSA,

Bix-xewqa li jiffaċilitaw il-kuntatti bejn persuni bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp sod ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn, billi jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa fuq il-bażi ta’ reċiproċità;

Wara li kkunsidraw l-Istqarrija Konġunta miftiehma fl-okkażjoni tal-Laqgħa Għolja ta’ St Petersburg li saret fil-31 ta' Mejju, li stqarret li l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa jaqblu li jeżaminaw il-kundizzjonijiet għal vjaġġar mingħajr viża bħala perspettiva fit-tul;

Filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-intenzjoni li tkun stabbilita sistema ta’ vvjaġġar mingħajr viża bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea;

Filwaqt li jqisu l-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni ta’ l-24 ta’ Ġunju 1994 li stabbilixxa Sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Federazzjoni Russa, fuq in-naħa l-oħra;

Wara li kkunsidraw l-Istqarrija Konġunta dwar it-Tkabbir ta’ l-UE u r-Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja miftiehma fis-27 ta' April 2004 li tikkonferma l-intenzjoni ta' l-UE u l-Federazzjoni Russa li jiffaċilitaw il-ħruġ tal-viża għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa fuq bażi reċiproka u sabiex iniedu negozjati bil-ħsieb li jilħqu ftehim;

Filwaqt li jgħarfu li dan l-iffaċilitar m’għandux iwassal għal migrazzjoni illegali u jagħtu attenzjoni speċjali lis-sigurtà u l-ammissjoni mill-ġdid;

Filwaqt li jqisu l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta' Unjoni Ewropea tas-7 ta' Frar 1992 u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-25 ta' Marzu 1957 u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda;

Filwaqt li jqisu l-protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat ta’ Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Frar 1992 u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-25 ta’ Marzu 1957 u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1 – Għan u firxa ta’ applikazzjoni

L-għan ta’ dan il-Ftehim hu sabiex jiffaċilita, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal żjar intiża għal mhux aktar minn 90 jum kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa.

Artikolu 2 – Klawsola Ġenerali

1. L-iffaċilitar tal-viża previst f’dan il-Ftehim għandu japplika għal ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropew u tal-Federazzjoni Russa biss sakemm ma jkunux eżenti mill-ħtieġa tal-viża bil-liġijiet u r-regolamenti tal-Federazzjoni Russa, tal-Komunità jew ta’ l-Istati Membri, tal-ftehim preżenti jew ftehimiet internazzjonali oħra.

2. Il-liġi nazzjonali tal-Federazzjoni Russa, jew ta’ l-Istati Membri jew il-liġi Komunitarja għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, bħaċ-ċaħda milli tinħareġ viża, rikonoxximent ta' dokumenti ta' vvjaġġar, prova ta' mezzi ta’ għixien suffiċjenti u ċ-ċaħda tad-dħul u miżuri ta’ espulsjoni.

Artikolu 3- Definizzjonijiet

Għall-iskop ta' dan il-Ftehim:

a) “ Stat Membru ” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;

b) “ Ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea ” tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt (a);

c) “ Ċittadin tal-Federazzjoni Russa ” tfisser persuna, li għandha jew kisbet ċittadinanza tal-Federazzjoni Russa skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha.

d) “Viża” tfisser awtorizzazzjoni/permess maħruġ jew deċiżjoni meħuda minn Stat Membru jew mill-Federazzjoni Russa li tkun meħtieġa bil-ħsieb ta’:

- dħul għal żjara intiża ta’ mhux aktar minn 90 jum b'kollox f'dak l-Istat Membru jew f'diversi Stati Membri jew fil-Federazzjoni Russa,

- dħul għal ċaqliq fit-territorju ta’ dak l-Istat Memru jew diversi Stati Membri jew tal-Federazzjoni Russa.

e) "persuna legalment resident" tfisser:

- għall-Federazzjoni Russa, ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li kiseb permess ta’ residenza temporanja, permess ta’ residenza jew viża edukattiva jew ta’ xogħol għal perjodu ta’ aktar minn 90 jum fil-Federazzjoni Russa;

- għall-Unjoni Ewropea, ċittadin tal-Fdereazzjoni Russa awtorizzat jew intitolat li joqgħod għal aktar minn 90 jum fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali.

Artikolu 4- Xiehda ċertifikata dwar l-għan tal-vjaġġ

1. Għal dawn il-kategoriji ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, id-dokumenti li ġejjin huma suffiċjenti sabiex ikun ġustifikat l-għan tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra:

a) għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew il-Fdereazzjoni Russa, jieħdu sehem f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew f’wieħed mill-Istati Membri:

- ittra maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew tal-Federazzjoni Russa, jew minn istituzzjoni Ewropea li tikkonferma li l-applikant hu membru tad-delegazzjoni tagħha li qed jivvjaġġa fit-territorju tal-Parti l-oħra sabiex jipparteċipa fl-avvenimenti msemmija qabel, flimkien ma’ kopja ta’ l-istedina uffiċċjali;

b) għal nies ta’ negozju jew rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet ta' negozju:

- talba bil-miktub minn persuna legali, organizzazzjoni jew kumpanija li qed tospita, jew uffiċċju jew il-fergħat tagħhom, awtoritajiet statali u lokali tal-Federazzjoni Russa u l-Istati Membri jew kumitati organizzattivi ta’ wirjiet ta’ kummerċ u industrija, konferenzi u simpożja li jsiru fit-territorji tal-Federazzjoni Russa jew f'wieħed mill-Istati Membri;

c) għal xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bejn it-territorji tal-Federazzjoni Russa u l-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fil-Federazzjoni Russa:

- talba bil-miktub mill-assoċjazzjoni nazzjonali (unjoni) ta' min iġorr fil-Federazzjoni Russa jew assoċjazzjonijiet nazzjonali oħra ta' min iġorr fl-Istati Membri li jfornu trasport internazzjonali bit-triq, li tagħti l-iskop, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

d) għal membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa:

- talba bil-miktub mill-kumpanija ferrovjarja kompetenti tal-Federazzjoni Russa jew l-Istati Membri, li tistqarr l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

e) għall-ġurnalisti:

- ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali li jixhed li l-persuna konċernata hi ġurnalist/a kwalifikat u dokument maħruġ minn min iħaddmu/iħaddimha li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu li jitwettaq xogħol ġurnalistiku;

f) għal persuni li jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil:

- talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dawk l-attivitajiet;

g) għal studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkompanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta’ programmi ta’ bdil kif ukoll attivitajiet oħra marbuta ma’ l-iskola:

- talba bil-miktub jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-università, akkademja, istitut, kulleġġ jew skola li tospita, jew karti ta’ l-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li jkunu ser jattendu.

h) għal parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:

- talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tospita: awtoritajiet kompetenti, Federazzjonijiet sportivi nazzjonali ta’ l-Istati Membri jew il-Federazzjoni Russa u l-Kumitat Olimpiku Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa jew Kumitati Olimpiċi Nazzjonali ta’ l-Istati Membri;

i) għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati:għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati:

- talba bil-miktub mill-Kap ta’ Tmexxija/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet.

j) għal qraba – konjugi, tfal (inklużi dawk adottati), ġenituri (inkludi kustodji), nanniet u neputijiet – li jkunu qed iżuru ċittadini ta’ l-Unjoni Eropew jew tal-Federazzjoni Russa legalment residenti fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew ta’ l-Istati Membri:

- talba bil-miktub mill-persuna li tospita:

k) għal żjajjar ta’ mkejjen ta’ difna militari u ċivili:

- dokument uffiċċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll tar-relazzjoni familjari jew oħra bejn l-applikant u l-midfun.

2. It-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha jkollha l-elementi li ġejjin:

a) għall-persuna mistiedna – isem u kunjom, data tat-twelid, sess, ċittadinanza, numru tad-dokument ta’ identità, ħin u għan tal-vjaġġ, għadd ta’ daħliet u isem ta’ tfal minuri li qed jakkumpanjaw il-persuna mistiedna;

b) għall-persuna li tistieden – isem, kunjom u indirizz jew

c) għall-persuna legali, kumpanija jew organizzazzjoni li jkunu qed jistiednu - isem sħiħ u indirizz u

- jekk it-talba ssir minn organizzazzjoni, l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna li tiddirma t-talba;

- jekk il-persuna li tistieden hi persuna legali jew kumpanija jew uffiċċju jew il-fergħa tagħhom li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, jinħtieġ in-numru tar-reġistrazzjoni kif mitlub mil-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru in kwistjoni;

- jekk il-persuna li tistieden tkun persuna legali jew kumpanija jew uffiċċju jew il-fergħa tagħhom stabbilita fit-territorju tal-Federazzjoni Russa, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa.

3. Għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kategoriji kollha tal-viżi jinħarġu skond il-proċedura simplifikata mingħajr ma tkun tinħtieġ aktar ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni dwar l-għan tal-vjaġġ, previst mil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet.

Artikolu 5 – Ħruġ ta’ viżi għal dħul aktar minn darba

1. Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa għandhom joħorġu viżi b’terminu ta’ validità sa massimu ta’ ħames snin għal dawn il-kategoriji ta' ċittadini:

a) membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti, fil-qadi ta’ dmirijiethom, b’terminu ta’ validità limitat għal—mandat tagħhom jekk dan iknu inqas minn 5 snin;

b) konjugi u tfal (inklużi dawk adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 jew ikunu dipendenti, u li jkunu qed iżuru ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa li jkunu legalment residenti fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew l-Istati Membri, bit-terminu ta’ validità limitat għat-tul tal-validità ta’ l-awtorizzazzjoni tagħhom għal residenza legali.

2. Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa għandhom joħorġu viżi ta’ dħul aktar minn darba bit-terminu ta’ validità sa massimu ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta' ċittadini, jekk kemm-il darba matul is-sena ta' qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skond il-liġijiet ta' dħul u residenza fit-territorju ta' l-Istat li żaru u jekk ikun hemm raġunijiet għall-ħtieġa ta' viża ta' dħul aktar minn darba:

a) għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew il-Fdereazzjoni Russa, jieħdu sehem f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew f’wieħed mill-Istati Membri:

b) nies fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li jivvjaġġaw regolarment fil-Federazzjoni Russa jew fl-Istati Membri;

c) għal xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bejn it-territorji tal-Federazzjoni Russa u l-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fil-Federazzjoni Russa:

d) għal membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa;

e) għal persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil, li jivvjaġġaw regolarment fil-Federazzjoni Russa jew fl-Istati Membri;

f) għal parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:

g) għal ġurnalisti;

h) għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati.

3. Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa għandhom joħorġu viżi għal dħul aktar minn darba bit-terminu ta’ validità ta’ minimu ta’ sentejn u massimu ta’ 5 snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel uikunu wżaw tajjeb il-viżi ta’ dħul aktar minn darba għal sena, skond il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju ta’ l-Istat li żaru u li r-raġunijiet għall-ħtieġa ta’ viża għal dħul aktar minn darba jkunu għadhom validi.

4. Il-perjodu totali ta’ residenza ta’ persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux jaqbeż id-90 jum għal kull perjodu ta’ 180 fit-territorju ta' l-Istati Membri jew fil-Federazzjoni Russa.

Artikolu 6 – Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża

1. Il-ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet tal-viża jammonta għal 35€.

L-ammont imsemmi qabel jista’ jkun rivedut skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 15(4).

2. Il-Partijiet għandhom jitolbu ħlas ta' 70€ għall-ipproċessar ta' viżi f'każijiet fejn l-applikazzjoni tal-viża u d-dokumenti ta' appoġġ ikunu tressqu mill-applikant tal-viża fi żmien tlett ijiem qabel id-data maħsuba għat-tluq tiegħu/tagħha. Dan ma japplikax għal każijiet skond l-Artikolu 6(3), (b), (e) u (f) u l-Artikolu 7(3).

3. Il-ħlasijiet għall-ipproċessar ta' l-applikazzjoni għall-viża jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta' persuni:

a) għal qraba – konjugi, tfal (inklużi dawk adottati), ġenituri (inkludi kustodji), nanniet u neputijiet – li jkunu qed iżuru ċittadini ta’ l-Unjoni Eropew jew tal-Federazzjoni Russa legalment residenti fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew ta’ l-Istati Membri:

b) għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew il-Fdereazzjoni Russa, jieħdu sehem f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew f’wieħed mill-Istati Membri:

c) membri ta Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti;

d) studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom u li jivvjaġġaw għal għanijiet ta' studju jew taħriġ vokazzjonali;

e) persuni b’diżabilità u l-persuna li takkumpanjahom, jekk meħtieġ;

f) persuni li jkunu ppreżentaw dokumenti li jixhdu għall-ħtieġa ta’ l-ivvjaġġar tagħhom għal skopijiet umanitarji, inkluża l-ħtieġa li jirċievu trattament mediku urġentii, u l-persuna li takkumpanja lil dawn il-persuni, jew sabiex jattendu funeral ta' qarib/a, jew biex iżuru qarib/a morda serjament;

g) parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali għaż-żgħażagħ u persuni li jakkumpanjawhom.

h) għal persuni li jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil;

i) għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati:għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati.

Artikolu 7 – Tul tal-proċeduri għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża

1. Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa għandhom jieħdu deċiżjoni fuq it-talba li tinħareġ viża fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-ħruġ tal-viża.

2. Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jkun estiż sa 30 jum f’każijiet individwali, notevolment meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju ta’ l-applikazzjoni.

3. Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jitnaqqas għal tlett ijiem jew inqas f’każijiet urġenti.

Artikolu 8 – Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew mistruqa

Ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa li jkunu tilfu d-dokumenti ta’ identità tagħhom, jew li jkun nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt iż-żjara tagħhom fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew l-Istati Membri, jistgħu jħallu dak it-territorju fuq il-bażi ta' dokumenti ta' identità validi li jippermettu l-qsim tal-fruntiera, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri jew tal-Federazzjoni Russa mingħajr viża jew awtorizzazzjoni oħra.

Artikolu 9 – Estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni

Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa li m’għandhomx il-possibblità li jħallu t-territorju tal-Federazzjoni Russa u ta’ l-Istati Membri fiż-żmien stabbilit fil-viżi tagħhom minħabba raġunijiet ta’ force majeure għandhom ikollhom it-terminu tal-viżi tagħhom estiż mingħajr ħlas skond il-leġiżlazzjoni applikata mill-Istat li qed jilqa’ għall-perjodu meħtieġ għar-ritorn tagħhom lejn l-Istat ta’ residenza tagħhom.

Artikolu 10 – Proċeduri ta’ reġistrazzjoni

Il-Partijiet jaqblu li jieħdu miżuri mill-aktar fis possibbli sabiex jissimplifikaw il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, bil-ħsieb li jintitolaw liċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa u liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea għal trattament ugwali fir-rigward ta’ proċeduri ta’ reġistrazzjoni meta jkunu jinsabu fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew ta’ l-Istati Membri, rispettivament.

Artikolu 11 – Passaporti diplomatiċi

1. Ċittadini tal-Federazzjoni Russa jew ta’ l-Istati Membri, titulari ta’ passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu, jħallu jew jiċċaqilqu fit-territorji ta’ l-Istati Membri jew tal-Federazzjoni Russa mingħajr viżi.

2. !ittadini msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu joqogħdu fit-territorji tal-Federazzjoni Russa jew ta’ l-Istati Membri għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum għal kull perjodu ta’ 180 jum.

Artikolu 12 – Validità territorjali tal-viżi -{}-

Soġġetti għar-regoli u regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Federazzjoni Russa u ta’ l-Istati Membri u soġġetti għar-regoli ta’ l-UE dwar viżi b’validità territorjali limitata, iċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa u ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu intitolati għal vjaġġar fit-territorju ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa fuq bażi ugwali ma’ l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini Russi.

Artikolu 13 – Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim-{}-

1. Il-Partijiet għandhom iwaqqfu Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u tal-Federazzjoni Russa. Il-Komunità għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, assistita minn esperti mill-Istati Membri.

2. Il-Kumitat għandu jkollu, b'mod partikolari, dawn l-impenji:

(a) li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim preżenti; (b) li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għall-Ftehim preżenti;

(c) li jeżamina u, jekk iqis meħtieġ, jipproponi emendi għal dan il-ftehim fil-każ ta' adeżjonijiet ġodda fl-Unjoni Ewropea.

3. Il-Kumitat għandu jiltaqa kullmeta jkun meħtieġ bit-talba ta’ waħda mill-Partijiet u mill-anqas darba fis-sena

4. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 14 - Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ Ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri u l-Federazzjoni Russa

Sa mid-dħul tiegħu fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew multilaterali mwettqa bejn l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa, safejn id-dispożizzjonijiet ta' dawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet li huma indirizzati mill-Ftehim preżenti.

Artikolu 15 – Klawsoli Finali

1. Dan il-Ftehim għandu jkun ratifikat jew approvat mill-Partijiet skond il-proċeduri rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet javżaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq tlestew.

2. Permezz ta’ deroga għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Ftehim preżenti għandu jidħol fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn il-Federazzjoni Russa u l-Komunità Ewropea b’ammissjoni mill-ġdid jekk din id-data tkun wara d-data prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3. Dan il-Ftehim hu magħluq għal perjodu ta’ żmien indefinit, sakemm ma jkunx terminat skond il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

4. Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu avżaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan l-għan.

5. Kull Parti tista’ tissospendi dan il-Ftehim parzjalment jew bis-sħiħ għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun notifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra immedjatament ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar.

6. Kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jieqaf iseħħ 90 jum wara d-data tal-wasla ta' dan l-avviż. Dan il-Ftehim għandu jieqaf iseħħ 90 jum wara d-data tal-wasla ta' dan l-avviż.

Magħmul f’XXX f’XXX, b’żewġ kopji kull waħda fiċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonu, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż u r-Russu, u kull wieħed minn dawn it-testi hu ugwalment awtentiku.

Għall-Komunità Ewropea | Għall-Federazzjoni Russa |

PROTOKOLL GĦALL-FTEHIM DWAR L-ISTATI MEMBRI LI MA JAPPLIKAWX BIS-SĦIĦ L-ACQUIS TA’ SCHENGEN

Dawk l-Istati Membri li huma marbuta bl-acquis ta’ Schengen imma li għadhom ma joħorġux viżi ta' Schengen, filwaqt li jistennew id-deċiżjoni relevanti tal-Kunsill għal dak l-għan, għandhom joħorġu viżi nazzjonali li l-validità tagħhom tkun limitata għat-territorju tagħhom.

Il-Komunità Ewropea se tieħu miżuri mill-aktar fis possibbli sabiex tħaffef iċ-ċaqliq ta’ titulari tal-viża jew ta’ permessi ta’ residenza ta’ Schengen fit-territorju ta’ l-Istati membri li għadhom ma japplikawx l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 6(2) TAL-FTEHIM DWAR ĦLAS GĦALL-IPPROĊESSAR TA’ APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-VIŻA

Il-Partijiet għandhom jeżaminaw l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 6(2) ta’ dan il-Ftehim fil-qafas tal-Kumitat imwaqqaf bil-Ftehim.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 11 TAL-FTEHIM DWAR PASSAPORTI DIPLOMATIĊI

Kull Parti tista’ tinvoka sospensjoni parzjali tal-ftehim u partikolarment ta’ l-Artikolu 11, skond il-proċedura mwaqqfa bl-Artikolu 15 (5) ta’ dan il-Ftehim, jekk l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 11 tkun abbużata mill-Parti l-oħra jew twassal għal theddida għas-sigurtà pubblika.

Jekk l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 11 tkun sospiża, iż-żewġ Partijiet għandhom jibdew konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kumitat imwaqqaf bil-Ftehim bil-ħsieb li jsolvi problemi li jwasslu għal sospensjoni.

Bħala priorità, iż-żewġ Partijiet jiddikjaraw l-impenn tagħhom sabiex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà għal passaporti diplomatiċi, partikolarment billi jintegraw identifikanti biometriċi. Għan-naħa ta’ l-Unjoni Ewropea, dan ikun żgurat b’konformità mall-ħtiġijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) 2252/2004.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IL-ĦRUĠ TA’ VIŻI GĦAL ŻJAJJAR QOSRA f’ĊIMITERJI MILITARI U ĊIVILI

Il-Partijiet jaqblu li, bħala regola, viżi għal żjajjar qosra għal persuni li jżuru ċimiterji ċivili u militari għandhom jinħarġu għal perjodu massimu ta' 14-il ġurnata.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARMONIZZAZZJNI TA' INFORMAZZJONI DWAR PROĊEDURI GĦALL-ĦRUĠ TA' VIŻA GĦAL ŻJARA QASIRA U DOKUMENTI LI GĦANDHOM JITRESSQU MEA SSIR L-APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻI GĦAL ŻJAJJAR QOSRA

Filwaqt li jagħrfu l-importanza tat-trasparenza għall-applikanti għall-viża, il-Partijiet fil-Ftehim preżenti jqisu li għandhom jittieħdu miżuri xierqa:

- B’mod ġenerali, sabiex jitfassal tagħrif bażiku għall-applikanti dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għal viżi, il-viżi u dwar il-validità tal-viżi maħruġa.

- Kull Parti, waħedha, tfassal lista ta’ ħtiġijiet minimi sabiex tiżgura li l-applikanti jingħataw informazzjoni bażika koerenti u uniformi u jkun jinħtieġ li jressqu, fil-prinċipju, l-istess dokumenti ta' appoġġ.

It-tagħrif imsemmi hawn fuq għandu jinfirex ħafna (fuq it-tabella ta' tagħrif ta' konsulati, f'fuljetti, fuq siti ta' l-Internet eċċ.).

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-RENJU TAD-DANIMARKA

Il-Partijiet jinnotaw li l-Ftehim preżenti ma japplikax għall-proċeduri għall-ħruġ ta’ viżi mill-missjonijiet diplomatiċi u l-pożizzjonijiet konsulari tar-Renju tad-Danimarka.

F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Renju tad-Danimarka u tal-Federazzjoni Russa jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f#termini simili għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ U L-IRLANDA

Il-Partijiet jinnotaw li l-Ftehim preżenti ma japplikax għat-territorju tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda.

F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajuet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-Irlanda u l-Federazzjoni Russa, jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-REPUBBLIKA TA’ L-IŻLANDA U R-RENJU TAN-NORVEĠJA

Il-Partijiet jinnutaw ir-rabta mill-qrib bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja, partikolarment permezz tal-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen.

F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ l-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja u l-Federazzjoni Russa jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f’termini simili għal dan il-Ftehim.

[1] ĠU C , p. .

[2] ĠU C….

[3] ĠU C….

[4] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tkun ippublikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea [mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill].