52006PC0081

Opinjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 251 (2), it-tielet sub-paragrafu, punt (c) tat-Trattat tal-KE, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill rigward il- proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-ke jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b’mod konformi ma’ l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE /* KUMM/2006/0081 finali - COD 2003/0242 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.02.2006

KUMM(2006) 81 finali

2003/0242 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skond l-Artikolu 251 (2), it-tielet sub-paragrafu, punt (c) tat-Trattat tal-KE, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill rigward il- proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-KE

JEM ENDA L-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONIb’mod konformi ma’ l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE

2003/0242 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skond l-Artikolu 251 (2), it-tielet sub-paragrafu, punt (c) tat-Trattat tal-KE, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill rigward il- proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-KE

1. Introduzzjoni

L-Artikolu 251(2), it-tielet subparagrafu, punt (c) tat-Trattat tal-KE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari. Il-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha hawn taħt dwar il-25 emenda proposta mill-Parlament.

2. Sfond

- Fl-24 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-KE (COM(2003) 622 finali) għall-adozzjoni permezz tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni kif stabbilit fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE.

- Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) ta Opinjoni favorevoli rigward il-proposta fid-29 ta' April 2004.

- Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu ma’ l-ewwel qari fil-31 ta' Marzu 2004.

- Il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu fit-18 ta' Lulju 2005.

- Il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar il-Pożizzjoni Komuni tagħha fil-31 ta’ Awissu 2005.

- Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu mat-tieni qari fis-18 ta' Jannar 2006.

3. L-għan tal-proposta

Il-proposta għandha l-għan li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali) – li l-Komunità ilha Parti tagħha mill-2005[1] - lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità. Bħala regola, tkopri kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija pubblika stabbilita bit-Trattat jew ibbażata fuqu. Fejn rilevanti, ir-Regolament propost iżid fuq id-dispożizzjonijiet eżistenti.

- Rigward l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali (Titolu II), l-element prinċipali tal-proposta hu li jiġi applikat ir-Regolament Nru 1049/2001 lill-istituzzjonijiet u l-korpi komunitarji kollha. Barra minn hekk, hemm dispożizzjonijiet marbuta ma’ l-organizzazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ l-informazzjoni ambjentali.

- Ir-Regolament propost jirrikjedi li l-istituzzjonijiet u l-korpi komunitarji jagħmlu arranġamenti għall-parteċipazzjoni pubblika fil-preparazzjoni ta’ ‘pjanijiet u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent’, billi jinfurmaw lill-pubbliku minn kmieni u jipprovdu opportunitajiet għall-kummenti (Titolu III). Dan jikkonċerna pjanijiet u programmi li jikkontribwixxu għall-kisbiet ta’ l-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Komunità jew li hemm ċans iħallu effetti sinifikanti fuqhom.

- Fl-aħħar, il-proposta tipprovdi lill-NGOs li jissodisfaw numru ta' kriterji b’possibbiltà li jirrikjedu ‘reviżjoni interna’ mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ kwalunkwe “azzjoni amministrattiva” fid-dawl tal-ksur tal-liġi ambjentali allegat (Titolu IV). L-aċċess għal reviżjoni ġudizzjarja mill-Qorti tal-Ġustizzja hu possibbli skond l-Artikoli 230 u 232 tat-Trattat tal-KE.

Id-Direttiva 2003/4 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u d-Direttiva 2003/35 dwar il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali diġà japplikaw id-dispożizzjonijiet rispettivi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-livell ta’ l-Istati Membri. Proposta relatata għal direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali għadha pendenti fil-Kunsill.

4. L-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi mill-Parlament Ewropew

4.1. L-emendi aċċettati mill-Kummissjoni jew aċċettati minnha parzjalment jew fil-prinċipju

Il-Kummissjoni taċċetta l-emenda 16. Din l-emenda tistipola limitu ta’ żmien massimu ta’ 15-il ġurnata tax-xogħol biex tingħata risposta lill-applikant fejn l-informazzjoni mhix miżmuma minn istituzzjoni jew korp Komunitarju.

Il-Kummissjoni taċċetta fil-prinċipju l-emenda 1, li tinkludi “il-promozzjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli” fost il-finalitajiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ l-ambjent. Madankollu, peress li fl-abbozz il-kliem attwali huwa mpoġġi b’mod li jixbaħ il-mod kif inhu mpoġġi l-kliem ta' l-Artikolu 174 tat-Trattat, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi fformulat kif ġej: "Il-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta' l-ambjent għandha l-għan li tikkontribwixxi lejn, inter alia, il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b'hekk tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-għanijiet marbuta ma’ l-iżvilupp sostenibbli.”

Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment l-emenda 19 fir-rigward ta' l-aħħar paragrafu. Il-kliem fl-abbozz tal-pożizzjoni komuni li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni pubblika fil-preparazzjoni ta’ pjanijiet u programmi relatati ma’ l-ambjent huwa mfassal b’mod li jixbaħ ħafna l-kliem tad-dispożizzjonijiet relatati tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u l-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-ewwel parti ta’ l-emenda li timmodifika dan l-abbozz. L-estensjoni tal-limitu ta’ żmien li fih għandhom jintlaqgħu l-kummenti f’konsultazzjonijiet bil-miktub minn erba’ għall-tmien ġimgħat hija aċċettabbli peress li hija konformi mal-prattika ta’ konsultazzjoni attwali tal-Kummissjoni. Madankollu, għall-organizzazzjoni tal-laqgħat, avviż minn qabel ta’ tmien ġimgħat, minflok erba’, ma jidhirx li huwa meħtieġ, u jista’ jkun ukoll kontro-produttiv f'każijiet fejn l-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta' konsultazzjoni addizzjonali tkun ta’ benefiċċju. Għalhekk, din il-parti ma tistax tiġi aċċettata.

L-emenda 20 rigward “ir-riżultat tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku” tista’ tiġi aċċettata parzjalment u fil-prinċipju. L-inklużjoni ta’ “politika” mhix aċċettabbli. Il-bqija ta’ l-emenda tista' tkun aċċettata fil-prinċipju, biex tiġi miżjuda bħala l-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 9 tal-Pożizzjoni Komuni. Ir-rekwiżit li għandu jitqies għar-riżultati tal-parteċipazzjoni pubblika kien rifless fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni u ġej mill-Konvenzjoni ta' Aarhus (l-Artikolu 7 ma' l-Artikolu 6(8)). Ir-rekwiżit li jitlob li tingħata informazzjoni dwar il-pjanijiet u l-programmi adottati u l-konsiderazzjonijiet warajhom huwa ispirat mill-Artikolu 6(9) tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, l-għoti ta’ feedback (rispons) dwar il-konsultazzjoni jikkorrispondi ma’ l-istandards ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni u għalhekk tista’ tiġi aċċettata fil-prinċipju. Madankollu, il-mod kif jitpoġġa l-kliem għandu jkun adattat biex jirriffletti l-kliem ta' Aarhus u biex ikun koerenti mal-bqija ta’ l-Artikolu. Għandu jkun kif ġej: “Fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-pjan jew il-programm relatat ma’ l-ambjent, l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji għandhom iqisu sew ir-riżultat tal-parteċipazzjoni pubblika. Għandhom jinfurmaw lill-pubbliku msemmi fil-paragrafu 2 dwar il-pjan jew il-programm adottat, inkluż it-test tiegħu, u dwar ir-raġunijiet u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat, inkluża informazzjoni dwar il-proċess tal-parteċipazzjoni pubblika.”

L-emendi 26 u 27 dwar iż-żmien għall-adattament tar-regoli ta’ proċedura u d-data ta’ l-applikazzjoni jistgħu jkunu aċċettati fil-prinċipju mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni taċċetta li data ta’ l-għeluq għal dawk l-avvenimenti għandha tiġi stabbilita, mid-data tad-dħul fis-seħħ, li mhix inkluża fil-Pożizzjoni Komuni. Madankollu, il-limitu ta’ żmien mogħti mill-emendi tal-PE huwa qasir wisq biex jippermetti l-adattament intensiv meħtieġ tal-proċeduri amministrattivi u r-regoli ta’ l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Komunità. Barra minn hekk, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-adattamenti tar-regoli ta’ proċedura (emenda 26) għandha tkun l-istess bħad-data ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (emenda 27). Għalhekk, l-emenda 26 għandu jsirilha bdil fil-kliem użat b’mod li jkun hemm riferiment għad- "data ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament", u l-emenda 27 għandha tipprevedi data ta' l-applikazzjoni li tqis ir-rekwiżiti u l-proċeduri prattiċi għall-adattament tal-proċeduri u r-regoli amministrattivi fl-istituzzjonijiet u l-korpi msemmija. Dewmien ta' tnax-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament jidher realistiku biex jaqdi din il-ħtieġa.

4.2. Emendi rrifjutati mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-emendi 2 u 7, li għandhom l-għan li jinkludu informazzjoni dwar “fl-liema stadju qiegħed il-progress tal-proċeduri għall-ksur tal-liġi Komunitarja” fid-definizzjoni ta’ informazzjoni ambjentali. Bl-istess mod, ma tistax taċċetta l-emenda 12 li tiddikjara li tali informazzjoni għandha tkun inkluża fid- databases u r-reġistri ta' l-informazzjoni ambjentali. Filwaqt li, fil-prattika, il-websajts tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja, per eżempju, jipprovdu informazzjoni dwar deċiżjonijiet marbuta ma’ proċedimenti għall-ksur, dan isir bħala mod ta' trasparenza u b'mod orizzontali, u ebda trattament speċifiku ta' dan ma hi "informazzjoni ambjentali". Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ “informazzjoni ambjentali” skond il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma ssemmix tali kategorija.

L-emenda 3 dwar id-definizzjoni ta’ ‘pjanijiet u programmi relatati ma’ l-ambjent’ mhix aċċettabbli għax tirreferi fi premessa għall-“prijoritajiet tal-politika ambjentali Komunitarja” li mhumiex imsemmija fid-definizzjoni (l-Artikolu 2(1)(e)) nnifisha.

L-emendi 4, 14, 15 ma jistgħux jiġu aċċettati. Dawn l-emendi għandhom l-għan li japplikaw ir-reġim ta’ eċċezzjonijiet tad-Direttiva 2003/4 dwar l-aċċess għat-tagħrif ambjentali għal talbiet għall-aċċess għall-informazzjoni ambjentali mill-istituzzjonijiet tal-Komunità. Il-Pożizzjoni Komuni tibni fuq ir-Regolament Nru° 1049/2001 dwar l-aċċess għal dokumenti, li hu estiż għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Komunità. L-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/4 għall-eċċezzjonijiet twassal għal żewġ reġimi differenti, li jikkoinċidu parzjalment, dwar l-aċċess għal dokumenti in ġenerali u għall-informazzjoni ambjentali b'mod partikolari. Fil-prattika, dan jirriżulta f’sistema li mhix trasparenti.

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-emenda 5 u partijiet relatati f’emendi oħra, li għandha l-għan li testendi r-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni pubblika għall-preparazzjoni ta’ “politiki”. F’dan ir-rigward, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus talloka xi ftit marġini lill-Partijiet. L-Artikolu 7, ir-raba’ sentenza tgħid li sa fejn huwa xieraq, il-Partijiet għandhom “jistinkaw biex jipprovdu opportunitajiet għall-parteċipazzjoni pubblika fil-preparazzjoni tal-politiki relatati ma’ l-ambjent”. Peress li l-kunċett ta’ ‘politiki’ huwa wkoll diffiċli biex jiġi ċċirkoskrivat, mhux konċepibbli li tali obbligu jkun previst b’mod li jorbot legalment f’Regolament.

L-emenda 8 li tirrikjedi l-partiċipazzjoni tal-pubbliku wkoll fil-preparazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi ffinanzjati mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità mhix aċċettabbli. Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tirreferi għall-parteċipazzjoni pubblika meta l-pjanijiet u l-programmi jiġu ppreparati mill-awtoritajiet pubbliċi. Bl-istess mod, rigward il- proġetti ambjentali sinifikanti skond l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika hija meħtieġa fid-deċiżjoni rigward il- ħruġ tal-permess tagħhom, m'hemmx tali ħtieġa rigward deċiżjonijiet dwar l-iffinanzjar. Peress li l-ħruġ tal-permess isir fil-livell ta’ l-Istat Membru, għandhom isiru provvedimenti għal parteċipazzjoni pubblika f’dan il-livell. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-emenda 9 li telimina l-esklużjoni speċifika tal-pjanijiet ' bankarji' mid-definizzjoni ta' 'pjanijiet u programmi relatati ma' l-ambjent'. Il-Kummissjoni qablet ma’ din il-kjarifika li issa ġiet inkluża fil-Pożizzjoni Komuni.

L-emenda 10 ma tistax tiġi aċċettata. Fid-definizzjoni ta' 'liġi ambjentali' u rigward il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali, din iżżid li dawn ukoll għandhom l-għan li jittrattaw il-problemi ambjentali “lokali”. F’dan ir-rigward, id-definizzjoni preżenti tieħu l-kliem ta’ l-Artikolu 174 (1) b’mod litterali, li jirreferi għall-problema ambjentali “reġjonali jew madwar id-dinja” u għalhekk m’għandhiex tinbidel.

L-emenda 11 fiha obbligu li tingħata informazzjoni lill-pubbliku dwar fejn tinsab l-informazzjoni kollha li mhix disponibbli fuq il-mezzi elettroniċi, u bil-mod kif din tista’ tinkiseb. L-emenda b’rekwiżit tant wiesa’ u ġenerali mhix aċċettabbli għall-Kummissjoni. Fil-prattika, ir-reġistri ta' l-istituzzjonijiet jinkludu wkoll referenzi għal dokumenti li mhumiex disponibbli fuq mezzi elettroniċi, u għas-servizzi responsabbli mingħand min dawn id-dokumenti jistgħu jinkisbu.

L-emenda 13 mhix aċċettabbli. Teħtieġ li l-istituzzjonijiet Komunitarji jiżguraw li mhux biss l-informazzjoni mħejjija minnhom, imma wkoll dik miġbura f'isimhom, tkun aġġornata, preċiża u komparabbli. M’hemm l-ebda obbligu korrispondenti fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

L-emenda 17 ma tistax tiġi aċċettata. Din tintroduċi Artikolu ġdid li jippermetti li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità li mhumiex koperti bir-Regolament Nru° 1049/2001 jitolbu "ħlas raġjonevoli" għall-informazzjoni li jipprovdu. L-emenda mhix pertinenti, għax skond l-Artikolu 3 tal-pożizzjoni komuni, ir-Regolament Nru° 1049/2001 japplika għall-‘istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità’ fir-rigward ta’ l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar ħlas.

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-emenda 18, li tikkonsisti fiż-żieda ta’ “theddida għall-ħajja", u bil-bdil ta’ “inaqqas” ma’ “jimminimizza” l-ħsara li tirriżulta mit-theddida. Il-mod kif jitpoġġa l-kliem fil-Pożizzjoni Komuni hu skond il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u d-Direttiva 2003/4/KE, u ma jidhirx li hemm motivazzjoni għal kliem differenti.

L-emenda 21 għandha l-għan li testendi l-limitu ta’ żmien għat-talba għal reviżjoni interna ta’ azzjoni amministrattiva minn erba’ ġimgħat wara l-adozzjoni għal tmien ġimgħat. Din mhix aċċettabbli għall-Kummissjoni, għax tali dewmien jista' jwassal biex il-proċeduri jdumu iktar u jista' joħloq perjodu ta' inċertezza legali. L-‘iskadenza ta’ erba’ ġimgħat’ hija wkoll skond il-proposta għad-Direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-emendi 28 u 29, li jżidu rekwiżit addizzjonali li jitlob li l-NGOs ikunu ammessi fir-reviżjoni interna, biex tkun torbot legalment. Huwa diffiċli tivverifika tali rekwiżit għall-istituzzjoni jew il-korp Komunitarju in kwistjoni u ma jidhirx iġġustifikat fid-dawl ta’ l-għanijiet tar-Regolament. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ma taċċettax l-emenda 23 li għandha l-għan li żżid ma' l-NGOs li jistgħu jitolbu reviżjoni amministrattiva, ma' dawk li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jippromwovu il-protezzjoni ta' l-ambjent, dawk li "jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli" wkoll. Dan il-kriterju huwa potenzjalment wiesa’ ħafna, u se jkun diffiċli biex jiġu llimitati l-organizzazzjonijiet koperti.

5. Konklużjoni

Skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni temenda l-proposta tagħha kif stipulat hawn fuq.

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, ĠU L 124, tas-17.5.2005, p.1