Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru /* KUMM/2006/0064 finali - CNS 2006/0016 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 17.02.2006 KUMM(2006) 64 finali 2006/0016 (CNS) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru (preżentati mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI Ir-relazzjonijiet fil-qasam ta’ l-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tradizzjonalment jiġu rregolamentati permezz ta' ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, l-Annessi għat-tali ftehimiet u arranġamenti oħra bilaterali jew multilaterali b’rabta ma' dan. Wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-kawżi C-466/98, C-467/98, C468/98, C-471/98, C-472/98, C-475/98 u C-476/98, il-Komunità għandha l-kompetenza esklussiva f'dak li għandu x'jaqsam ma' aspetti varji ta' l-avjazzjoni esterna. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll il-jedd tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji li jibbenefikaw mid-dritt ta' l-istabbiliment fi ħdan il-Komunità, inkluż id-dritt ta' aċċess mhux diskriminatorju għas-suq. Il-klawżoli tradizzjonali ta’ deżinjazzjoni fil-ftehimiet ta’ l-ajru bilaterali ta’ l-Istati Membri jiksru l-liġi Komunitarja. Jagħtu l-lok lill-pajjiż terz li jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta' trasportatur ta' l-ajru li jkun ġie nnominat minn Stat Membru iżda li mhux proprjetà sostanzjali ta’ u kkontrollat effettivament minn Stat Membru jew miċ-ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra l-kumpaniji ta' l-ajru li, filwaqt li jkunu stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru, jkunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru ieħor u kkontrollati minnhom. Dan imur kontra l-Artikolu 43 tat-Trattat li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jistabbilixxu ruħhom b'mod ħieles, l-istess trattament fl-Istat Membru li jilqagħhom bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru. Wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni f'Ġunju ta' l-2003 biex tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju[1]. Fi qbil mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj li jieħu post ċerti dispożizzjonijiet fi ftehim bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru eżistenti bejn l-Istati Membri u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj. L-Artikolu 2 tal-Ftehim jieħu post il-klawżoli ta' deżinjazzjoni tradizzjonali bi klawżola ta' deżinjazzjoni Komunitarja, li tippermetti lill-kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità li jibbenefikaw mid-dritt ta' stabbiliment. L-Artikoli 4 u 5 tal-Ftehim jirrisolvu żewġ tipi ta' klawżoli li jikkonċernaw kwistjonijiet tal-kompetenza Komunitarja. L-Artikolu 4 jittratta t-tassazzjoni tal-fjuwil ta’ l-avjazzjoni, li hija kwistjoni li ġiet armonizzata mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti ta’ l-enerġija u l-elettriku, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 (2) tagħha. L-Artikolu 5 (Tariffi) isolvi kunflitti bejn ftehimiet bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru eżistenti u r-Regolament tal-Kunsill Nru 2409/92 dwar tariffi u rati għas-servizzi ta' l-ajru li jipprojbixxu kumpaniji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi milli jkollhom pożizzjoni dominanti fuq il-prezzijiet tas-servizzi ta' l-ajru għall-ġarr magħmul kollu kemm hu fil-Komunità. Il-Kunsill huwa mitlub japprova d-deċiżjonijiet dwar il-firma u l-applikazzjoni provviżorja u dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru u jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f'isem il-Komunità. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80 (2), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2], Billi: (1) Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju. (2) Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità Ftehim mar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju; (3) Suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar 'il quddiem, il-Ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament. IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: L–uniku Artikolu 1. Suġġett għal konklużjoni tiegħu f'data aktar ’il quddiem, il-President tal-Kunsill b’dan qed jiġi awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f'isem il-Komunità l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru. 2. Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Ftehim ser ikun applikat b'mod provviżorju mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan. Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Ftehim. 3. It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni. Magħmula fi Brussell, [...] Għall-Kunsill Il-President 2006/0016 (CNS) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4], Billi: (1) Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju. (2) Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità Ftehim mar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju. (3) Il-Ftehim ġie ffirmat f'isem il-Komunità fi [...] suġġett għal konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar tard, konformi mad-Deċiżjoni .../.../KE tal-Kunsill ta’ [...][5], (4) Il-Ftehim għandu jiġi approvat, (4) Il-Ftehim għandu jiġi approvat, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 1. Il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru huwa approvat f'isem il-Komunità. 2. It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li tagħmel jew jagħmlu n-notifika prevista fl-Artikolu 9(1) tal-Ftehim. Magħmula fi Brussell, [...] Għall-Kunsill Il-President ANNESS FTEHIM bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru IL-KOMUNITÀ EWROPEA min-naħa waħda, u IR-REPUBBLIKA ORJENTALI TA’ L-URUGWAJ min-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem imsejħa 'il-Partijiet') FILWAQT LI JINNUTAW li ġew iffirmati ftehimiet ta' servizzi bilaterali ta' l-ajru bejn bosta Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi Komunitarja Ewropea, FILWAQT LI JINNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta' bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet ta' servizzi bilaterali ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi, FILWAQT LI JINNUTAW li skond il-liġi tal-Komunità Ewropea t-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji stabbiliti f’xi wieħed mill-Istati Membri għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi. WARA LI KKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u ċerti stati terzi li jipprovdu l-possibiltà għaċ-ċittadini ta' dawn l-istati terzi li jiksbu sehem f'kumpaniji ta' l-ajru liċenzjati f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea, FILWAQT LI JAGĦRFU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim għal servizzi bilaterali ta' l-ajru bejn Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj, li huma kontra l-liġi Komunitarja Ewropea, iridu jinġiebu f’konformità sħiħa ma' dawn sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj u biex tiġi ppreżervata t-tkomplija ta’ servizzi ta' l-ajru bħal dawn, FILWAQT LI JINNUTAW li skond il-liġi Komunitarja Ewropea t-trasportaturi ta' l-ajru ma jistgħux, fil-prinċipju, jikkonkludu ftehimiet li jkollhom imnejn jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u li jkollhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorzjoni tal-kompetizzjoni, FILWAQT LI JAGĦRFU li, fid-dawl ta’ dak li jidher hawn fuq, id-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj li i) jeħtieġu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta' ftehimiet bejn il-kumpaniji, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ kumpaniji jew prattiki konċertati li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru fuq ir-rotot rilevanti; jew ii) isaħħu l-effetti ta’ kull ftehim, deċiżjoni jew prattika kkonċertata bħal dawn; jew iii) jiddelegaw lit-trasportaturi ta’ l-ajru jew operaturi ekonomiċi privati oħra r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru fuq ir-rotot rilevanti jistgħu jagħmlu ineffettivi r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-kumpaniji, FILWAQT LI JINNUTAW li mhuwiex għan il-Komunità Ewropea li taffettwa l-bilanċ bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji u t-trasportaturi ta’ l-ajru tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj, jew li tinnegozja emendi għad-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet eżistenti dwar servizzi ta' l-ajru bilaterali li jikkonċernaw id-drittijiet tat-traffiku. FTEHMU KIF ĠEJ: ARTIKOLU 1Dispożizzjonijiet Ġenerali 1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, ‘Stati Membri’ tfisser l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea. 'Stat Membru LACAC' ifisser Stat Membru tal-Kummissjoni ta' l-Avvjazzjoni Ċivili Latino-Amerikana. 2. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 liċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim jinftiehmu bħala li qed jirreferu għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea. 3. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għall-kumpaniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ta' l-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim jinftiehmu bħala li qed jirreferu għall-kumpaniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru nnominata minn dak l-Istat Membru. ARTIKOLU 2Id-Deżinjazzjoni u l-Limitazzjoni ta’ l-Awtorizzazzjonijiet 1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2 (a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni tat-trasportaturi ta' l-ajru mill-Istati Membri kkonċernati, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi mogħtija mir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tat-trasportaturi ta' l-ajru, rispettivament. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu ser jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2 (a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni tal-kumpaniji ta' l-ajru tar-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj, l-awtorizzazzjonijiet u permessi mogħtija mill-Istati Membri, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew permessi tal-kumpaniji ta' l-ajru, rispettivament. 2. Malli tirċievi deżinjazzjoni mingħand Stat Membru, ir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj ser tagħti l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa u permessi bl-anqas dewmien proċedurali, pprovdut li: i. it-trasportatur ta' l-ajru jkun stabbilit fit-territorju ta' l-Istat Membru li qed jinnomina skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u jkollu Liċenzja Operattiva valida fi qbil mal-liġi Komunitarja Ewropea; ii. jiġi eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu u l-awtorità ajrunawtika rilevanti tkun identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; u iii. it-trasportatur ta' l-ajru jkun proprjetà, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, u kkontrollat effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta' dawn l-istati l-oħra. 3. Ir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj tista' tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta' trasportatur ta' l-ajru nnominat minn Stat Membru f'każ li: i. it-trasportatur ta’ l-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun qed jinnominah skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew ma jkollux Liċenzja Operattiva valida skond il-liġi tal-Komunità Ewropea; jew ii. ma jkunx eżerċitat jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu, jew l-awtorità ajrunawtika relevanti ma tkunx identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; jew iii. it-trasportatur ta’ l-ajru ma jkunx ippossedut u kkontrollat b'mod effettiv, direttament jew permezz ta' sidien maġġoritarji, mill-Istati Membri u/jew ċittadini ta’ Stati Membri, jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew ċittadini tat-tali stati oħra; jew iv. ir-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj turi li, billi teżerċita d-drittijiet tat-traffiku skond dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi xi punt fi Stat Membru ieħor, il-linja ta' l-ajru tkun qed tevita r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti mill-ftehim bilaterali bejn ir-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj u dak l-Istat Membru l-ieħor; jew v. il-linja ta' l-ajru jkollha Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru maħruġ minn Stat Membru u m'hemmx ftehim bilaterali ta' servizzi ta' l-ajru bejn ir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj u dak l-Istat Membru, u drittijiet tat-traffiku lejn dak l-Istat Membru ġew miċħuda lit-trasportatur ta' l-ajru nnominat mir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj. Waqt li qed teżerċizza d-dritt tagħha taħt dan il-paragrafu, ir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj mhux ser tiddiskrimina bejn kumpaniji ta' l-ajru fuq il-bażi ta' nazzjonalità. 4. Malli jirċievi deżinjazzjoni mingħand ir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj, Stat Membru għandu jagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi meħtieġa bl-anqas dewmien proċedurali, sakemm: i. it-trasportatur ta’ l-ajru jkun stabbilit fit-territorju tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj ; u ii. ir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj għandha u żżomm kontroll regolatorju effettiv tal-linja ta' l-ajru u hija responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru; u iii. it-trasportatur ta’ l-ajru jkun il-propjetà ta’ l-Istati Membri LACAC u/jew ċittadini ta’ Stati Membri LACAC, u jkun effettivament ikkontrollat minnhom sew direttament inkella permezz ta’ sehem azzjonarju maġġoritarju, sakemm ma jkunx sar qbil fuq dispożizzjonijiet aktar favorevoli fil-ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istat Membru inkwistjoni u r-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj. 5. Stat Membru jista' jirrifjuta, jirrevoka, jissospendi jew jillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta' trasportatur ta' l-ajru nnominat mir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj fejn: i. it-trasportatur ta’ l-ajru jkun stabbilit fit-territorju tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj; jew ii. il-kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx eżerċitat jew miżmum mir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj jew ir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj ma tkunx responsabbli mill-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta’ l-Ajru tiegħu; jew iii. it-trasportatur ta’ l-ajru ma jkunx il-propjetà ta’ l-Istati Membri LACAC u/jew ċittadini ta’ Stati Membri LACAC, u ma jkunx effettivament ikkontrollat minnhom sew direttament inkella permezz ta’ pussess maġġoritarju, sakemm ma jkunx sar qbil fuq dispożizzjonijiet aktar favorevoli fil-ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istat Membru inkwistjoni u r-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj; jew iv. it-trasportatur ta' l-ajru jkun diġà awtorizzat biex jopera skond ftehim bilaterali bejn l-Istat Membru u Stat Membru ieħor tal-LACAC u l-Istat Membru juri li, billi jeżerċita d-drittijiet tat-traffiku skond dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi punt fl-Istat Membru tal-LACAC l-ieħor, tkun qed tevita restrizzjonijiet fuq drittijiet tat-traffiku imposti minn dak il-ftehim l-ieħor. ARTIKOLU 3Drittijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll regolatorju 1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplimentaw l-artikoli elenkati fl-Anness 2 (c). 2. Fejn Stat Membru jkun innomina trasportatur ta' l-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu jkun eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj skond id-dispożizzjonijiet ta' sigurtà tal-ftehim bejn l-Istat Membru li nnomina l-kumpanija ta' l-ajru u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj għandu japplika b'mod ugwali fir-rispett ta' l-adozzjoni, l-eżerċizzju jew il-manteniment ta' standards ta' sigurtà mill-Istat Membru l-ieħor u b'rispett ta' l-awtorizzazzjonijiet għall-operazzjoni ta' dak it-trasportatur ta' l-ajru. ARTIKOLU 4It-tassazzjoni tal-fjuwil ta’ l-avjazzjoni 1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jikkomplimentaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-artikoli elenkati fl-Anness 2 (d). 2. Minkejja kull dispożizzjoni oħra kontra dan, xejn f'kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 2 (d) m'għandu jżomm Stat Membru milli jimponi fuq bażi mhux deskriminatorja taxxi, imposti, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq fjuwil li jiġi fornut fit-territorju tiegħu għall-użu f'vettura ta' l-ajru ta' trasportatur ta' l-ajru nnominat tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj li jopera bejn punt fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u punt ieħor fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. 3. Minkejja kull dispożizzjoni oħra kontra dan, xejn f'kull ftehim elenkat fl-Anness 2 (d) ser jipprevjeni r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj milli jimponu fuq bażi mhux diskriminatorja taxxi , levies, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq il-kombustibbli li jiġi fornut fit-territorju tiegħu għall-użu fi vettura ta' l-ajru tat-trasportatur ta' l-ajru nnominat ta' Stat Membru li jopera bejn punt fit-territorju tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj u punt ieħor fit-territorju tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor tal-LACAC. ARTIKOLU 5Tariffi għall-ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea 1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw l-artikoli elenkati fl-Anness 2 (e). 2. It-tariffi li ser jiġu ddebitati mill-kumpanija(kumpaniji) ta' l-ajru nnominata mir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj permezz ta' ftehim elenkat fl-Anness 1 li fih dispożizzjoni elenkata fl-Anness 2 (e) għal ġarr għalkollox fi ħdan il-Komunità Ewropea ser jiġi suġġett għal-liġi Komunitarja Ewropea. Il-liġi tal-Komunità Ewropea hija applikata b’mod li ma jiddiskriminax. ARTIKOLU 6 Kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni 1. Il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru konklużi bejn l-Istati Membri u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj m'għandhomx i) jirrikjedu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta' ftehimiet bejn il-kumpaniji, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ kumpaniji jew prattiki konċertati li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru fuq ir-rotot rilevanti; jew ii) isaħħu l-effetti ta’ kull ftehim, deċiżjoni jew prattika kkonċertata bħal dawn; jew iii) jiddelegaw lit-trasportaturi ta’ l-ajru jew operaturi ekonomiċi privati oħra r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru fuq ir-rotot rilevanti. 2. Id-dispożizzjonijet elenkati fl-Anness 2 (f) m’għandhomx japplikaw b’mod li jkun inkompatibbli mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. ARTIKOLU 7Annessi għal dan il-Ftehim L-Annessi għal dan il-Ftehim jifformaw parti integrali minnu. ARTIKOLU 8Reviżjoni jew emendar Il-Partijiet jistgħu, f’kull waqt, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim b’kunsens reċiproku. ARTIKOLU 9Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja 1. Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri rispettivi interni tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu tlestew. 2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet kontraenti qablu biex japplikaw b'mod provviżorju dan il-Ftehim mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-temm tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan. 3. Il-ftehimiet bejn l-Istati Membri u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj li, dakinhar tal-firma ta' dan il-Ftehim, ma kinux daħlu fis-seħħ u li mhumiex qed jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness 1(b). Dan il-Ftehim japplika għal kull Ftehim u arranġament ta' dan it-tip mad-dħul fis-seħħ jew applikazzjoni provviżorja tagħhom. ARTIKOLU 10 Terminazzjoni 1. Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness 1 jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Ftehim li għandhom x'jaqsmu mal-ftehim elenkat fl-Anness 1 ikkonċernat jiġu tterminati fl-istess ħin. 2. Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness 1 jiġu tterminati, dan il-Ftehim jiġi tterminat fl-istess ħin. B'XIEHDA TA' DAN, il-firmatarji hawn taħt, bl-awtorizzazzjoni meħtieġa, iffirmaw dan il-Ftehim. Magħmul fi [....] b'żewġ kopji, fi [...] jum ta' [..., ...] fil-lingwa Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Ungeriża, Taljana u Żvediża. F'każ ta' diverġenza, it-test Spanjol għandu jipprevali fuq it-testi bil-lingwi l-oħra. GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA: GĦAR-REPUBBLIKA ORJENTALI TA’ L-URUGWAJ: Anness 1 Lista ta' ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim (a) Ftehim dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn ir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati provviżorjament - Ftehim bejn ir-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f'Montevideo nhar il-31 ta' Awissu 1957, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim Urugwaj - Ġermanja" fl-Anness 2; Li kien ġie mmodifikat l-aħħar permezz ta' l- Agreed Record ta' Bonn fid-9 ta' Lulju 1997. - Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj u l-Gvern tar-Renju tal-Belġju dwar servizzi ta’ l-ajru, iffirmat f’Montevideo fil-5 ta’ Ottubru 1972, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Urugwaj - Belġju" fl-Anness 2; - Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj u l-Gvern tar-Renju tad-Danimarka dwar is-servizzi ta’ l-ajru, iffirmat f’Montevideo fit-18 ta’ Diċembru 1981, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Urugwaj - Danimarka" fl-Anness 2; - Ftehim bejn ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj dwar it-trasport kummerċjali bl-ajru, iffirmat f'Montevideo nhar it-13 ta' Awissu 1979, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim Urugwaj - Spanja" fl-Anness 2; Li kien ġie mmodifikat l-aħħar permezz ta' l- Agreed Record iffirmat f’Madrid fil-21 ta' Ottubru 2005; - Ftehim bejn ir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj u r-Repubblika Portugiża dwar it-trasport bl-ajru, kif previst fl-Anness 2 għall-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat f’Liżbona nhar id-9 ta’ Settembru 1998, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim Urugwaj - Portugall" fl-Anness 2; - Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif previst fl-Anness B għall- Agreed Record iffirmat f’Londra nhar is-6 ta’ Frar 1998, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim Urugwaj - Renju Unit" fl-Anness 2; - Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj u l-Gvern tar-Renju ta’ l-Iżvezja dwar is-servizzi ta’ l-ajru, iffirmat f’Montevideo fit-18 ta’ Diċembru 1981, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Urugwaj - Żvezja" fl-Anness 2. (b) Ftehimiet dwar is-servizzi ta' l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn ir-Repubblika Orjentali ta' l-Urugwaj u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu għadhom ma' daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati provviżorjament - Abbozz ta’ Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj u l-Gvern Federali ta’ l-Awtrija dwar it-trasport bl-ajru, kif previst fl-Anness B għall-Protokoll iffirmat f’Montevideo nhar it-28 ta’ Frar 1996, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "l-Abbozz ta' Ftehim Urugwaj - Awstrija" fl-Anness 2; - Abbozz ta’ Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj, kif previst fl-Anness għall- Agreed Record iffirmat f’Madrid nhar il-21 ta’ Ottubru 2005, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Abbozz ta’ Ftehim Revedut Urugwaj – Spanja” fl-Anness 2. Anness 2 Lista ta' artikoli fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 5 ta' dan il-Ftehim (a) Id-Deżinjazzjoni: - L-Artikolu 3 tal-Ftehim Urugwaj - Ġermanja; - L-Artikolu 3 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Urugwaj - Awstrija; - L-Artikolu 3 tal-Ftehim Urugwaj - Belġju; - L-Artikolu 3 tal-Ftehim Urugwaj - Danimarka; - L-Artikolu 3 tal-Ftehim Urugwaj - Spanja; - L-Artikolu 3 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Revedut Urugwaj - Spanja; - L-Artikolu 3 tal-Ftehim Urugwaj - Portugall; - L-Artikolu 4 tal-Ftehim Urugwaj – Renju Unit; - L-Artikolu 3 tal-Ftehim Urugwaj - Żvezja; (b) Ir-Rifjut, Revoka, Sospensjoni jew Limitazzjoni ta' Awtorizzazzjonijiet jew Permessi: - L-Artikolu 4 tal-Ftehim Urugwaj - Ġermanja; - L-Artikolu 4 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Urugwaj - Awstrija; - L-Artikolu 3 tal-Ftehim Urugwaj - Belġju; - L-Artikolu 4 tal-Ftehim Urugwaj - Danimarka; - L-Artikolu 4 tal-Ftehim Urugwaj - Spanja; - L-Artikolu 4 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Revedut Urugwaj - Spanja; - L-Artikolu 4 tal-Ftehim Urugwaj - Portugall; - L-Artikolu 5 tal-Ftehim Urugwaj – Renju Unit; - L-Artikolu 4 tal-Ftehim Urugwaj - Żvezja; (c) Is-sigurtà: - L-Artikolu dwar is-sigurtà kif previst fl-Anness 3 ta’ l- Agreed Record iffirmat f’Bonn nhar id-9 ta’ Ġunju 1997 b’konnessjoni mal-Ftehim Urugwaj—Ġermanja; - L-Artikolu 17 tal-Ftehim Urugwaj - Portugall; - L-Artikolu 14 tal-Ftehim Urugwaj – Renju Unit; (d) It-Tassazzjoni tal-Fjuwil ta’ l-Avjazzjoni: - L-Artikolu 6 tal-Ftehim Urugwaj - Ġermanja; - L-Artikolu 7 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Urugwaj - Awstrija; - L-Artikolu 4 tal-Ftehim Urugwaj - Belġju; - L-Artikolu 9 tal-Ftehim Urugwaj - Danimarka; - L-Artikolu 6 tal-Ftehim Urugwaj - Spanja; - L-Artikolu 5 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Revedut Urugwaj - Spanja; - L-Artikolu 6 tal-Ftehim Urugwaj - Portugall; - L-Artikolu 8 tal-Ftehim Urugwaj – Renju Unit; - L-Artikolu 9 tal-Ftehim Urugwaj - Żvezja; (e) Tariffi għall-Ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea: - L-Artikolu 9 tal-Ftehim Urugwaj - Ġermanja; - L-Artikolu 11 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Urugwaj - Awstrija; - L-Artikolu 9 tal-Ftehim Urugwaj - Belġju; - L-Artikolu 6 tal-Ftehim Urugwaj - Danimarka; - L-Artikolu 7 tal-Ftehim Urugwaj - Spanja; - L-Artikolu 16 tal-Ftehim Urugwaj - Portugall; - L-Artikolu 7 tal-Ftehim Urugwaj – Renju Unit; - L-Artikolu 6 tal-Ftehim Urugwaj - Żvezja; (f) Kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni: - L-Artikolu 9 tal-Ftehim Urugwaj - Ġermanja; - L-Artikolu 11 tal-Ftehim Urugwaj - Awstrija; - L-Artikolu 9 tal-Ftehim Urugwaj - Belġju; - L-Artikolu 6 tal-Ftehim Urugwaj - Danimarka; - L-Artikolu 7 tal-Ftehim Urugwaj - Spanja; - L-Artikolu 16 tal-Ftehim Urugwaj - Portugall; - L-Artikolu 6 tal-Ftehim Urugwaj - Żvezja; Anness 3 Lista ta’ stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim 1. Ir-Repubblika ta l-Iżlanda (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); 2. Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); 3. Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea); 4. Il-Konfederazzjoni Żvizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera). [1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 11323/03 tal-5 ta' Ġunju 2003 (dokument ristrett) [2] ĠU C [...], [...], p. [...]. [3] ĠU C [...], [...], p. [...]. [4] ĠU C [...], [...], p. [...]. [5] ĠU C [...], [...], p. [...].