52006PC0038




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 06.02.2006

KUMM(2006) 38 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda l-Annessi A u C tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 fir-rigward ta’ Franza

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. Il-kuntest tal-proposta

- Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Hemm bżonn li jkunu emendati l-Annessi A u C tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza.

- Il-kuntest ġenerali

L-Anness A tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 jelenka l-proċedimenti ta’ insolvenza msemmija fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament. L-Anness C jelenka l-istralċjarji msemmija fl-Artikolu 2(b).

L-annessi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 kienu emendati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 603/2005 tat-12 ta’ April 2005.

Franza nnotifikat lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2005 dwar iktar emendi għal-listi stipulati fl-Annessi A u C.

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta.

Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 għandu jiġi emendat kif xieraq b’din il-Proposta.

- Konsistenza ma’ oqsma ta’ politika oħra

Dan ir-Regolament huwa konsistenti ma’ oqsma ta’ politika oħra tal-Komunità.

2. Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-valutazzjoni ta’ l-impatt

- Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati

Il-konsultazzjoni esterna ma kinitx rilevanti.

- Il-ġbir u l-użu tal-kompetenza

Ma kienx hemm bżonn ta' għarfien espert estern.

- Valutazzjoni ta’ l-impatt

L-emenda tar-Regolament jista’ jkollha effett pożittiv fuq ir-riorganizzazzjoni tan-negozji.

X’aktarx għandu jkollha impatt pożittiv jew newtrali fuq l-impjieg.

X’aktarx għandu jkollha impatt pożittiv jew newtrali fuq l-ambjent.

3. L-elementi legali tal-proposta

- Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

Il-proposta għandha l-għan li temenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 sabiex jieħdu kont ta’ l-emendi għal-liġi ta’ l-insolvenza domestika ta’ l-Istati Membri.

- Il-bażi legali

Il-proposta tibbaża fuq l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) 1346/2000.

- Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

- Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tħares il-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-Proposta tal-Kummissjoni tieħu post il-listi ta’ Franza fl-Annessi A u C tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 bil-listi l-ġodda li jieħdu f’kunsiderazzjoni l-informazzjoni notifikata minn Franza.

Ir-Regolament japplika direttament fl-Istati Membri u ma jeħtieġ l-ebda miżuri ta’ implimentazzjoni. Huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, għalhekk il-kontenut tiegħu huwa aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha.

- L-għażla ta’ l-istrumenti

L-istrument propost huwa Regolament.

Mezzi oħra mhumiex tajba biżżejjed għar-raġunijiet li ġejjin:

Skond l-Artikolu 45 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, l-Annessi tar-Regolament jistgħu jkunu emendati biss mill-Kunsill fuq l-inizjattiva ta’ l-Istati Membri jew bi proposta mill-Kummissjoni. Din l-inizjattiva komuni kienet possibbli għall-perjodu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam (ART. 67(1) KE), madankollu mid-dħul fis-seħħ tat-Tratt ta’ Nizza ’l hawn (ART. 67(2) KE), l-inizjattiva tappartjeni biss għall-Kummissjoni. Għalhekk, huwa f’idejn il-Kummissjoni li tipproponi emendi lill-Kunsill għall-Annessi tar-Regolament skond l-Artikolu 45 tar-Regolament.

4. Implikazzjonijiet baġitarji

Il-proposta m’għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.

5. Simplifikazzjoni

Il-proposta tipprevdi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (UE jew nazzjonali), u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-partijiet pubbliċi privati.

Il-Qrati ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu infurmati fil-ħin dwar proċedimenti ta’ insolvenza li għandhom ikunu rikonoxxuti.

Il-kredituri, id-debituri u l-prattikanti ta’ l-insolvenza għandhom ikunu informati dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza fl-ambitu tar-Regolament.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda l-Annessi A u C tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 fir-rigward ta’ Franza

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 45 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[2],

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 jelenka l-għażliet tal-proċedimenti u l-istralċjarji fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri.

(2) Franza nnotifikat lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2005, skond l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000, l-emendi għal-listi stabbiliti fl-Annessi A u C għal dak ir-Regolament.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 għandu jkun emendat skond iċ-ċirkostanzi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Anness A, il-proċedimenti li ġejjin se jieħdu post il-proċedimenti relatati ma’ Franza:

“FRANZA

- Sauvegarde

- Redressement judiciaire

- Liquidation judiciaire” ;

(2) Fl-Anness C, il-proċedimenti li ġejjin se jieħdu post l-għażliet ta’ l-istralċjari relatati ma’ Franza:

“FRANZA

- Mandataire judiciaire

- Liquidateur

- Administrateur judiciaire

- Commissaire à l’exécution du plan”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 160, ta’ l-30.6.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 603/2005 (ĠU Nru L 100, ta’ l-20.04.2003, pġ. 1-8).

[2] ĠU C , , p. .