52006IP0528

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Wasal iż-żmien li ningranaw - Noħolqu Ewropa ta' imprenditorija u tkabbir (2006/2138(INI))

Official Journal 316 E , 22/12/2006 P. 0378 - 387


P6_TA(2006)0528

Wasal iż-żmien li ningranaw — Noħolqu Ewropa ta' imprenditorija u tkabbir

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Wasal iż-żmien li ningranaw — Noħolqu Ewropa ta' imprenditorija u tkabbir (2006/2138(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: politika moderna ta' l-SMEs għat-tkabbir u l-impjiegi" (COM(2005)0551),

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Wasal iż-żmien li ningranaw — Is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi" (COM(2006)0030),

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Trasferiment tan-negozju — Kontinwità bis-saħħa ta' bidu ġdid" (COM(2006)0117),

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat- 23 u l- 24 ta' Marzu 2000, tal-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma tat- 23 u l- 24 ta' Marzu 2001, tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal- 15 u s- 16 ta' Marzu 2002, u tal-Kunsilli Ewropej ta' Brussell tat- 22 u t- 23 ta' Marzu 2005, tal- 15 u s- 16 ta' Diċembru 2005, u tat- 23 u l- 24 ta' Marzu 2006,

- wara li kkunsidra l-Kunsill Ewropew ta' Göteborg tal- 15 u s- 16 ta' Ġunju 2001 li kien iddeċieda li jinkorpora l-Istrateġija ta' Liżbona ma' strateġija ta' żvilupp sostenibbli,

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat ta' Hampton Court tas- 27 ta' Ottubru 2005,

- wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2005/601/KE tat- 12 ta' Lulju 2005 dwar il-linji gwida wiesgħa għall-politiki ekonomiċi ta' l-Istati Membri u tal-Komunità (2005 sa l-2008) [1],

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi — Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona" (COM(2005)0024),

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Linji gwida Integrati għat-Tkabbir u għax-Xogħol (2005-2008)" (COM(2005)0141),

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l- Impjiegi: Il-Programm Komunitarju ta' Liżbona" (COM(2005)0330),

- wara li kkunsidra il-25 programm nazzjonali ta' riforma (NRPs) kif ippreżentati mill-Istati Membri u lvalutazzjoni ta' dawn l-NRPs mill-Kummissjoni fit-tieni Parti tal-komunikazzjoni tagħha hawn fuq imsemmija bit-titolu "Wasal iż-żmien li ningranaw — Is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi",

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal- 11 ta' Lulju 2006 li jistabilixxi ddispożizzjonijiet ġenerali tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni [2], u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Politika ta' Koeżjoni bħala Appoġġ għat- Tkabbir u għall-Impjiegi: Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji, 2007-2013" (COM(2005)0299),

- wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-seba' programm ta' qafas tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007 sa l-2013) (COM(2005)0119) u l-pożizzjoni tal-Parlament dwar din tal- 15 ta' Ġunju 2006 [3],

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Iktar Riċerka u Innovazzjoni — Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Strateġija Komuni" (COM(2005)0488) u d-Dokumenti ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha (SEC(2005)1253 u SEC(2005)1289),

- wara li kkunsidra l-"Iscoreboard" Ewropew ta' l-Innovazzjoni 2005 — Analiżi Komparattiva tal-Prestazzjoni ta' l-Innovazzjoni,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-grupp ta' esperti indipendenti dwar Riċerka u Żvilupp (R&D) u innovazzjoni li kien maħtur wara s-Samit ta' Hampton Court, bit-titolu "Noħolqu Ewropa Innovattiva", "irrapport Aho" ta' Jannar 2006,

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għallinnovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-UE" (COM(2006)0502),

- wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 94/1069/KE tas- 7 ta' Diċembru 1994 dwar ittrasferiment ta' l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) [4],

- wara li kkunsidra r-rapport finali ta' Mejju 2002 tal-grupp ta' esperti tal-proċedura BEST dwar it-trasferiment ta' SMEs,

- wara li kkunsidra l-Flash Eurobarometer Nru 160: Stħarriġ dwar l-intraprenditorija u rapport analitiku ta' April u Ġunju 2004, rispettivament,

- wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' ħidma dwar kapital ta' riskju li jinkludi d-Dipartiment tal-Kummerċ ta' l-Istati Uniti, l-Amministrazzjoni tal-Kummerċ Internazzjonali u d-Direttorat-Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija tal-Kummissjoni Ewropea, ta' Ottubru 2005,

- wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013) (COM(2005)0121) u l-pożizzjoni tal-Parlament dwar din ta' l- 1 ta' Ġunju 2006 [5],

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-Programm ta' Liżbona tal-Komunità: Strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju" (COM(2005)0535),

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim" (COM(2006)0033),

- wara li kkunsidra l-"Green Paper" tal-Kummissjoni dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija jew li jsir aktar b'inqas (COM(2005)0265) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar din ta' l- 1 ta' Ġunju 2006 [6],

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Bijomassa — pjan ta' azzjoni" (COM (2005)0628),

- wara li kkunsidra l-inizjattiva i2010, b'mod partikulari l-Pjan ta' Azzjoni i2010 ta' l-eGovernment: Ngħaġġlu l-eGovernment fl-Ewropa għall-benefiċċju ta' kulħadd (COM(2006)0173),

- wara li kkunsidra l-"Green Paper" tal-Kummissjoni dwar strateġija Ewropea għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura (COM(2006)0105),

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad- 29 ta' Settembru 2005 dwar il-parti ta' l-enerġija li tista' tiġġedded fl-UE u l-proposti għal azzjonijiet konkreti [7],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad- 19 ta' Jannar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar [8],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l- 14 ta' Marzu 2006 dwar soċjetà ta' informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi [9],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal- 15 ta' Marzu 2006 dwar il-kontribuzzjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006 rigward l-Istrateġija ta' Liżbona [10],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat- 23 ta' Marzu 2006 dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea [11],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Liżbona tal-Komunità: iktar riċerka u innovazzjoni — investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: Approċċ komuni [12],

- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, u tal-Kumitat għall- Affarijiet Legali (A6-0384/2006),

A. billi l-UE trid taġġusta l-pożizzjoni tagħha b'mod strateġiku bħala reazzjoni għar-regoli li qegħdin jinbidlu ta' l-ekonomija dinjija ġdida u għall-pass tas-swieq dinjin li qed jiżdied sabiex jiġi evitat li t-tkabbir ekonomiku fit-tul ta' żmien jinħonoq aktar,

B. billi, sabiex ikun żgurat tkabbir ekonomiku fit-tul, l-UE u l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-firda li teżisti bejn ir-riċerka u s-swieq fl-UE,

C. billi l-aċċess għas-suq dinji joffri lill-SMEs irkejjen ġodda ta' swieq, spejjeż aktar baxxi għar-riċerka u liżvilupp, aċċess imtejjeb għall-iffinanzjar, ekonomiji ta' skala u vantaġġi ta' teknoloġija, u opportunitajiet li r-riskju jinfirex,

D. billi l-progress biex jintlaħqu l-miri ta' l-Istrateġija ta' Liżbona m'huwiex uniformi fl-UE kollha u jeżistu differenzi kbar fil-livell ġenerali ta' l-iżvilupp teknoloġiku u fil-livelli ta' prestazzjoni ta' l-Istati Membri,

E. billi l-proċess tas-simplifikazzjoni tar-regolamenti joħloq problemi kbar f'termini ta' emendi legali, u għaldaqstant jeħtieġ li jkunu pprovduti mekkaniżmi jew dispożizzjonijiet bil-għan li jkunu awtentikati dawn l-emendi,

F. billi n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni importanti ta' l-UE u l-frammentazzjoni sussegwenti tas-suq ifixklu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' kompetizzjoni li jwasslu għall-ekonomija ta' skala meħtieġa għal ekonomija tassew kompetittiva fl-UE;

G. billi l-UE trid tbiddel lilha nnifisha f'ekonomija avvanzata bbażata fuq l-għarfien, peress li l-ħolqien, ittrasferiment u l-applikazzjoni ta' għarfien ġdid huwa sors prinċipali tat-tkabbir ekonomiku u tal-vantaġġ kompetittiv sostenibbli,

H. billi l-Istati Membri jridu jkomplu jiffaċċjaw jegħlbu l-isfidi konnessi mal-bidla soċjali demografika u mudelli soċjali sostenibbli, u jieħdu din l-opportunità biex jiżviluppaw proċessi, servizzi u prodotti innovattivi,

I. billi R&D iffinanzjat tajjeb iwassal għall-innovazzjoni, tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta' impjiegi u riċerka bbażata fuq l-eċċellenza,

J. billi l-UE trid tiżgura kultura tan-negozju dinamika billi tinkoraġġixxi politiki attivi bħal tagħlim tul ilħajja kollha, taħriġ ta' ħiliet, "coaching" fil-karrieri personali, impjegar taż-żgħażagħ u formazzjoni vokazzjonali,

K. billi l-ispazju Ewropew għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni jrid jippromwovi b'mod aktar viżibbli u aktar attiv l-imprenditorija u l-kultura tat-tagħlim,

L. billi l-SMEs jikkontribwixxu għas-70 % ta' l-impjieg kollu u billi 44 % biss ta' l-SMEs jiġġeddu fil-post,

M. billi l-SMEs huma l-pedament tal-koeżjoni ekonomika u soċjali minħabba li dawn jimpjegaw aktar minn 75 miljun persuna madwar l-UE, u jikkontribwixxu sa 80 % ta' l-impjiegi f'ċerti setturi industrijali; billi, meta jitqies l-irwol li dawn għandhom fl-iżvilupp ekonomiku u fl-innovazzjoni, u l-proporzjon tas-suq li jirrapreżentaw, huwa assolutament meħtieġ li l-SMEs jirċievu appoġġ komprensiv,

N. billi l-Istati Membri jridu jipprovdu ambjent li jiffaċilita l-iżvilupp tas-settur privat u jridu jindirizzaw ilbżonnijiet speċifiċi ta' l-SMEs inklużi ambjent li jgħin in-negozju u regolamenti, servizzi bażiċi ta' linfrastruttura adegwati, aċċess għall-finanzjamenti għal perjodu qasir jew twil b'rati raġjonevoli, kapitali permezz ta' sigurtajiet u dawk ta' riskju, asssistenza ta' konsulenza, u tagħrif dwar l-opportunitajiet tassuq,

O. billi sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) huma għodda prezzjuża sabiex tintlaħaq kwalità u sostenibilità finanzjarja għas-servizz pubbliku,

P. billi l-SMEs jistgħu jsofru minn ħiliet imprenditorjali dgħajfa kif ukoll minn nuqqasijiet fl-użu ta' teknoloġiji ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni u fil-kontabbiltà, u jistgħu jkollhom problemi minħabba llimitazzjonijiet lingwistiċi, il-ġestjoni tal-produzzjoni, l-ippjanar tan-negozju, nuqqas ta' riżorsi u l-kapaċità li jilħqu l-massa kritika,

Q. billi l-appoġġ għal organizzazzjonijiet intermedjarji li jirrappreżentaw lill-SMEs huwa indispensabbli, meta wieħed iqis in-natura fundamentali ta' l-azzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' l-informazzjoni, lappoġġ u s-segwitu għall-SMEs, b'mod partikulari għall-iżgħar fosthom;

R. billi l-SMEs huma involuti fi swieq transkonfinali u dinjin u dan sar fatt strateġiku biex jiżviluppaw aktar,

S. billi wieħed mill-ostakoli prinċipali għall-intraprenditorija b'suċċess, għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp tal-prodott jiġi minn nuqqas ta' varjetà ta' forom ta' finanzjamenti disponibbli tul il-katina ta' kapital,

T. billi l-UE għandha tappoġġja l-inkubazzjoni u l-pre-inkubazzjoni ta' proġetti ġodda f'ambjent akkademiku orjentat lejn is-suq sabiex tgħin lil dawn il-proġetti jiksbu massa kritika akbar, valutazzjonijiet ogħla u investimenti inizjali akbar permezz ta' kumpaniji ta' kapital ta' riskju,

U. billi l-ksib tal-privattivi huwa għali wisq fl-UE — EUR 46700 pparagunat ma' l-Istati Uniti b'EUR 10250 u l-Ġappun b'EUR 5460 — u billi hemm bżonn urgenti ta' privattiva tal-Komunità,

V. billi l-NRPs iridu jindirizzaw il-bżonnijiet ta' l-SMEs u ta' l-impriżi kbar b'mod sostenibbli,

W. billi t-23 miljun SME fl-Ewropa fil-fatt jirriflettu diversità kbira ħafna ta' sitwazzjonijiet intraprenditorjali li għandhom jitqiesu fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' politiki Komunitarji, b'mod partikulari filkuntest tal-qafas ta' l-NRPs u partikularment fir-rigward ta' l-ispeċifiċitajiet tal-mikrointrapriżi u xxogħol mid-dar (cottage industry) li jammontaw għal aktar minn 95 % ta' l-SMEs Ewropej,

X. billi regoli ċari dwar l-għajnuna ta' l-Istat jistgħu jgħinu l-iżvilupp ekonomiku u l-innovazzjoni ta' limpriżi f'komunitajiet u reġjuni żvantaġġjati,

Y. billi ditti tal-familji jikkontribwixxu għal, bejn wieħed u ieħor, żewġ terzi ta' l-impjiegi fl-UE,

Z. billi l-irwol u l-iżvilupp ta' programmi UE eżistenti bħal ngħidu aħna Leonardo da Vinci, li jippromwovu l-mobilità, l-innovazzjoni u l-kwalità tat-taħriġ permezz ta' sħubijiet transnazzjonali (intrapriżi, stabbilimenti tat-taħriġ, korpi ta' kollegament ...) jridu jkunu enfasizzati,

L-UE tikkompeti b'suċċess f'suq dinji

1. Ifakkar lill-Istati Membri li l-uniku mod biex jikkompetu b'suċċess fis-suq dinji huwa li joħolqu soċjetà Ewropea ta' eċċellenza bbażata fuq l-għarfien;

2. Jirrikonoxxi l-importanza li titħeġġeġ kultura favur l-innovazzjoni u l-bżonn li din tippenetra fl-oqsma kollha ta' l-istrateġiji nazzjonali tal-kompetittività;

3. Jenfasizza l-fatt li, dejjem aktar, il-qawwa organizzattiva tinstab mhux f'kompetenzi ewlenin iżda, pjuttost, f'individwi kompetenti ewlenin;

4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu spirtu intraprenditorjali mill-istadji l-aktar bikrin ta' ledukazzjoni u sabiex iżidu l-appoġġ tagħhom għat-tagħlim matul il-ħajja;

5. Iqis it-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ għall-mobilizzazzjoni effettiva tar-riżorsi meħtieġa, b'mod partikolari b'finanzjament aktar mill-qrib fl-edukazzjoni ogħla u fittaħriġ kontinwu;

6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex jitneħħa n-nuqqas ta' uniformità legali bejn il-liġijiet kummerċjali tal-pajjiżi biex jiġi żgurat suq miftuħ u kompetittiv;

7. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koperazzjoni, fuq naħa waħda bejn ir-reġjuni li jiffaċċjaw l-istess problemi u sfidi, billi jiġi inkorraġut l-istabbiliment ta' netwerks bejn intrapriżi li jinsabu f'dawn ir-reġjuni, u fuq in-naħa l-oħra, bejn reġjuni transkonfinali bil-għan li jiġi inkoraġġut l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' politiki li jaħdmu għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom; jenfasizza l-importanza ta' raggruppamenti ta' SMEs madwar zoni industrijali teknoloġiċi, laboratorji u universitajiet pubbliċi li joħolqu ambjenti dinamiċi fl-Ewropa, li huma kapaċi jisfruttaw l-għarfien xjentifiku u li joħolqu impjiegi msejsa fuq l-għarfien;

8. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rrikonoxxuta s-sitwazzjoni partikulari u li jiġi inkoraġġut l-iżvilupp ta' raggruppamenti u zoni industrijali, permezz ta' programmi Ewropej, li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u jipprovdulhom appoġġ xieraq; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi l-iskambju ta' prattika tajba bejn l-Istati Membri dwar l-istabbiliment ta' "raggruppamenti" ta' l-intrapriża u dwar kif għandhom jitjiebu r-rabtiet bejn in-negozji u l-universitajiet, it-tnejn li huma kkunsidrati ta' valur fl-inkoraġġiment ta' l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' l-intrapriża;

9. Iħeġġeġ it-titjib tar-relazzjonijiet ekonomiċi transatlantiċi bl-iskop li tinħoloq zona ta' kummerċ ħieles akbar minn dik tas-suq wieħed Ewropew;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiftħu s-swieq tagħhom aktar u biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni pendenti maħsuba għal dan l-iskop, li ttejjeb il-koerenza u l-kompetittività Ewropea globalment;

11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu u jintegraw is-settur tas-servizzi u b'hekk jagħtu spinta lirrata tat-tkabbir tagħhom tal-produttività tax-xogħol;

12. Jagħraf li l-Ewropa għandha bżonn politika dwar l-enerġija verament integrata li tiggarantixxi sigurtà ta' provvista u l-anqas ħsara għall-ambjent;

13. Jenfasizza li regolazzjoni aktar sempliċi tikkostitwixxi objettiv essenzjali, iżda wieħed diffiċli biex jintlaħaq, u li f'xi aspetti u sa ċertu punt tixbah lill-kodifikazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi s-simplifikazzjoni billi tfassal proposta li tistipula mekkaniżmu sempliċi għall-awtentikar tal-bidliet legali ta' l-emendi magħmula għar-regolamenti Ewropej bil-għan li jkunu ssimplifikati, u sabiex tissuġġerixxi li l-Istati Membri individwali jistabbilixxu mekkaniżmi simili għalihom, peress li b'hekk kull wieħed minnhom jkun imħeġġeġ li jieħu azzjoni;

Inħallu lill-kreattività ta' l-Ewropej toħroġ

14. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jagħtu ħajja ġdida lill-oqsma ta' l-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni; jikkunsidra li r-riċerka hija prerekwiżit vitali għall-innovazzjoni b'suċċess u t-tkabbir ekonomiku; jemmen li huwa importanti li tinħoloq soċjetà Ewropea bbażata fuq l-għarfien, billi jintuża t-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ fil-lingwi u Teknoloġiji ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni (ICT) sabiex jitnaqqsu d-differenzi filħiliet, jitnaqqas il-qgħad, u b'hekk titjieb il-mobilità tal-ħaddiema fl-UE;

15. Jisħaq li l-ICT, l-e-learning u l-e-business huma elementi kruċjali fit-titjib tal-kompetittività ta' l-SMEs; jemmen li għaldaqstant għandha tingħata spinta ulterjuri lil proġetti li jippromwovu dawn l-opportunitajiet lill-SMEs;

16. Jappoġġja l-użu l-aktar wiesa' tal-Kompetenza Ewlenija għat-Tagħlim tul il-Ħajja sabiex jintlaħqu lħtiġijiet ta' studenti Ewropej billi jiġu żgurati l-ugwaljanza u b'mod partikulari l-aċċess għal dawk il-gruppi li jeħtieġu l-appoġġ biex jilħqu l-potenzjal edukazzjonali tagħhom, bħalma huma persuni b'ħiliet bażiċi baxxi, li ħallew l-iskola kmieni, li huma qegħda għal żmien twil, migranti u persuni b'diżabilitajiet;

17. Jenfasizza l-fatt li l-uniku mod kif jista' jkollna suq għall-SMEs u l-industrija Ewropej huwa li titnaqqas il-firda li teżisti fl-UE bejn ir-riċerka u t-tqegħid fis-suq ta' proċessi, servizzi u prodotti innovattivi;

18. Jenfasizza l-bżonn ta' mudelli ta' innovazzjoni miftuħa li jkunu anqas lineari u aktar dinamiċi u li jġibu valur miżjud għall-kumpaniji;

19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu mhux biss l-użu ta' PCs iżda wkoll ta' pakketti ta' softwer, għax dawn l-estensjonijiet tal-kapaċità tal-ħsieb jistgħu jtejbu l-effiċjenza ta' diversi xogħlijiet amministrattivi;

20. Jenfasizza l-bżonn ta' privattiva tal-Komunità li tkun faċli li tintuża u ta' reċiproċità mtejba bejn issistemi ta' privattivi Ewropej, Amerikani u Ġappuniżi sabiex jitħarsu bl-aħjar mod l-intrapriża u l-ideat Ewropej u b'mod partikulari l-promozzjoni ta' l-użu tagħhom mill-SMEs;

21. Ifaħħar l-għanijiet ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Aċċess għas-Suq u jappella lill-UE biex tagħmel aktar biex tippromwovi d-"database" tagħha fil-komunità ta' l-SMEs u biex iżżommha aġġornata; jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali joħolqu "one-stop shops" komuni ta' tagħrif u jinkoraġġixxi lid-dipartiment governattivi sabiex joffru parti akbar mis-servizzi tagħhom bl-internet (e-government);

22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, permezz ta' l-Euro Info Centre Network, sabiex jippromwovi aċċess akbar għas-swieq internazzjonali;

23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirriforma u tkabbar dan in-netwerk, billi tinkorpora aġenziji varji ta' appoġġ għan-negozji li jeżistu f'netwerks nazzjonali u li huma kapaċi jipprovdu servizzi komprensivi u affidabbli lill-SMEs;

24. Jenfasizza li għalhekk hu importanti li n-netwerk tal-Euro Info Centre (EIC) ikun evalwat, imtejjeb u organizzat mill-ġdid, kemm fir-rigward ta' l-effiċjenza operattiva u kemm ta' l-effettività ta' l-azzjoni tiegħu, sabiex dan ikun jista' jaħdem b'mod iktar iffukat u b'iktar ħeffa; jemmen li l-EICs għandhom ikunu mibdula f'one-stop trouble-shooting shops identifikabbli għall-SMEs li qed jiffaċċaw ostakli fis-suq intern u għandhom ikunu medjaturi ġenwini bejn l-SMEs u l-Istati Membri, u jaffrontaw kull problema billi japplikaw il-liġi Komunitarja b'mod kemm jista' jkun prattiku u pragmatiku; jirrikonoxxi li biex jintlaħqu dawn l-obbjettivi, l-EICs ser ikollhom bżonn ta' aktar fondi;

25. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi attivament aktar viżibilità għall-EICs u jenfasizza li l-SMEs kollha għandu jkollhom aċċess faċli u bla ħlas għall-informazzjoni, is-servizzi u l-pariri offruti mill-EICs, kemm jekk huma membri, u anke jekk mhumiex, ta' l-organizzazzjonijiet li jaqdu l-funzjoni ta' EIC; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li panels ta' SMEs magħżula mill-EICs jinkludu SMEs li mhumiex membri ta' lorganizzazzjoni ospitanti; jikkunsidra li huwa vitali li l-Kummissjoni tistabbilixxi miri ambizzjużi biex tippromwovi l-użu u l-viżibilità ta' l-EICs fost l-SMEs kollha, mhux biss l-SMEs li huma membri ta' l-organizzazzjoni ospitanti;

26. Jikkunsidra li għandhom isiru sforzi biex jinġabru fi gruppi n-netwerks kollha mħaddma mill-Komunità u mmirati għall-bżonnijiet ta' l-SMEs (pereżempju il-Euro Info u ċ-Ċentri ta' Kollegament għall-Innovazzjoni); jikkunsidra li dawn l-istabbilimenti jistgħu jkunu, pereżempju, inkorporati f'assoċjazzjonijiet professjonali għall-SMEs;

L-ispinta tal-kompetizzjoni: Il-prerekwiżiti għal suċċess tal-kompetizzjoni u l-SMEs

27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex kull meta jkun possibbli japplikaw il-prinċipju ta' "aħseb fiż-żgħar l-ewwel" ibbażat fuq il-Karta Ewropea dwar Intrapriżi Żgħar sabiex jippermettu li mikrointrapriżi u negozji mid-dar b'mod partikulari jilħqu bis-sħiħ il-potenzjal ta' tkabbir u żvilupp tagħhom kemm fuq livell lokali kif ukoll fis-swieq ta' l-esportazzjoni;

28. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jgħollu l-profil ta' l-intraprenditorija u tar-responsabiltà individwali billi jippremjaw l-isforz u jinkoraġġixxu l-valuri soċjali tat-teħid tar-riskju u ta' l-intraprenditorija;

29. Jinnota li t-titjib teknoloġiku u l-eċċellenza huma l-qalba tal-vantaġġ kompetittiv f'soċjetà mmexxija mill-għarfien;

30. Iqis li huwa importanti li jingħata rwol aktar prominenti mhux biss lill-għoti ta' l-informazzjoni, imma wkoll lit-trasferiment ta' l-aħjar prattiki, għall-SMEs u għall— mikrointrapriżi; għal dak il-għan, iqis it-tagħlim ta' l-għarfien marbut man-negozju, inkluż l-għarfien li wieħed għandu bżonn għall-proċeduri għas-sejħa ta' l-offerti, bħala qasam ta' prijorità;

31. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu mudelli ta' suċċess ta' "e-business" biex jiġi ffaċilitat l-użu ta' l-ICT;

32. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu standards komuni jew ftehimiet volontarji f'oqsma fejn innuqqas ta' dawn qed ikun ta' ħsara għat-tkabbir ta' l-SMEs;

33. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lin-negozji Ewropej billi jnaqqsu l-burokrazija, itejbu l-kwalità tar-regolamentazzjoni, itaffu l-piżijiet amministrattivi, itejbu l-parteċipazzjoni ta' l-SMEs filproċess ta' konsultazzjoni, jissimplifikaw il-proċeduri tal-konformità fiskali favur tagħhom u jtejbu l-proċessi amministrattivi u skemi ta' sigurtà soċjali għall-ħaddiema u l-impjegati; jitlob lill-Istati Membri biex ineħħu llimiti amministrattivi fuq il-koperazzjoni transkonfinali bejn l-SMEs, l-industrija, l-istituti ta' riċerka u l-universitajiet;

34. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex joffru aktar għajnuna biex titranġa s-sitwazzjoni ta' numru mhux suffiċjenti ta' impriżi ġodda u biex jikkunsidraw u japplikaw inċentivi xierqa u jintroduċu arranġamenti ta' assistenza speċjali li għandhom jinkoraġġixxu t-tkabbir f'termini ta' daqs u impjieg; jinnota l-importanza tattrasferimenti tan-negozji biex jinżammu l-impjiegi u l-kapital, jilqa' b'sodisfazzjoni il-komunikazzjoni ġdida dwar it-trasferiment tan-negozji: L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Trasferiment tan-negozji — Kontinwità bis-saħħa ta' bidu ġdid, marbuta ma' l-objettiv li jitnaqqas ir-riskju intrinsiku assoċjat ma' l-intraprenditorija; jinnota li trasferimenti tan-negozju li jkollhom suċċess qed isiru dejjem aktar importanti meta wieħed iqis li l-popolazzjoni Ewropea qed tixjieħ u l-fatt li aktar minn terz ta' l-intraprendituri Ewropej se jirtiraw fl-għaxar snin li ġejjin; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu l-istess attenzjoni politika lill-impriżi ġodda u jinkorporaw miżuri prattiċi fil-politiki nazzjonali għallimplimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u jadottaw kalendarji speċifiċi;

35. Japprova l-proposti sabiex jiffaċilitaw it-tnedija ta' negozji ġodda u jnaqqsu ż-żmien u l-ispejjeż meħtieġa sabiex kumpaniji ġodda jibdew joperaw, iżda jinnota li filwaqt li l-inċentivi fiskali ma joħolqu l-ebda problemi, il-kunċett ta' self b'interessi baxxi ma jikkonformax awtomatikament mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, li, għall-kuntrarju, tipprova toħloq kundizzjonijiet indaqs; jipproponi l-promozzjoni ta' miżuri rilevanti, bħal inċentivi fiskali u arranġamenti flessibbli għal-liġi korporattiva sabiex tiġi ffaċilitata t-tkomplija ta' intrapriżi u b'mod partikulari t-trasferiment ta' intrapriżi tal-familja għal partijiet terzi jew għall-impjegati;

Sistema għall-protezzjoni soċjali u suq ta' l-impjiegi moderni

36. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrevedu il-mudelli soċjali mhux effiċjenti fid-dawl tas-sostenibilità finanzjarja tagħhom, billi jbiddlu l-mudelli dinamiċi u demografiċi globali biex dawn isiru aktar sostenibbli;

37. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu deċiżjonijiet politiki pragmatiċi biex jagħmlu tajjeb kemm għallpopolazzjoni tagħhom li qed tixjieħ kif ukoll għar-rata tat-twelid li qed tonqos, bħalma huma politiki li jgħollu l-età ta' l-irtirar mix-xogħol skond l-istandards li qed jogħlew tal-kura tas-saħħa, u billi jintroduċu politiki li huma aktar ffukati fuq il-familja b'inċentivi għat-twelid u għall-kura tat-tfal;

38. Jenfasizza l-bżonn li jiġu appoġġjati intraprendituri nisa, l-iktar fl-aċċess għal netwerks finanzjarji u intraprenditorjali;

39. Jenfasizza l-bżonn li l-Istati Membri jaħdmu għal "e-inclusion" sħiħa fl-Ewropa kollha;

40. Jenfasizza l-bżonn ta' flessibilità fis-suq tax-xogħol biex jiġu ttrattati mudelli soċjali li qed jinbidlu u kwistjonijiet tas-soċjetà li qed tixjiħ;

41. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li spejjeż mhux ta' pagi huma wieħed mill-ostakoli ewlenin li jiffaċċjaw intrapriżi magħmulin minn persuna waħda u li ma jħalluhomx jimpjegaw ħaddiema addizzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-prinċipju ta' proporzjonalità u flessibilità meta jikkunsidraw leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-impjiegi minħabba l-livelli għoljin ta' qgħad fl-Ewropa, b'mod partikulari fost iż-żgħażagħ;

42. Jikkunsidra essenzjali ż-żieda fl-investiment ta' l-SMEs fil-kapital uman sabiex tiżdied l-impjegabilità tal-ħaddiema u tissaħħaħ il-produttività; jirrikonoxxi l-bżonn ta' programmi u attivitajiet ta' taħriġ li huma speċifikament immirati lejn l-attivitajiet imprenditorjali ta' l-SMEs, inkluż taħriġ fil-post; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi offrut taħriġ vokazzjonali xieraq (taħriġ f'teknoloġiji ġodda) lill-ħaddiema aktar anzjani u lill-persuni b'diżabilità sabiex ikunu jistgħu jibqgħu fl-impjieg jew isibu impjieġ aktar faċilment u sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' min iħaddem u tal-persuni b'diżabilità;

43. Jipproponi t-tagħlim ta' ħiliet essenzjali tan-negozju fil-kurrikuli ta' l-iskejjel sekondarji u jinkoraġġixxi l-involviment ta' l-SMEs f'oqsma ta' l-edukazzjoni fejn jistgħu jipprovdu informazzjoni u pariri prattiċi komplementari; jappoġġja l-politika ta' l-universitajiet li fil-programmi tat-tagħlim tagħhom jinkludu kontenut li jissodisfa l-ħtiġijiet ta' l-ekonomija;

44. Jenfasizza l-bżonn ta' inkoraġġiment għall-SMEs li jaħdmu b'mod li jagħmilx ħsara lill-ambjent filqafas tar-responsabilità soċjali korporattiva u l-istrateġija ta' l-UE għall-iżvilupp sostenibbli;

45. Japprezza t-tentattiv tal-Kummissjoni biex ikun hemm djalogu u l-promozzjoni ta' konsultazzjoni regolari ma' l-SMEs u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u jitlob li dan il-metodu jiġi pprattikat b'mod sistematiku billi jiġu involuti l-intrapriżi Ewropej, inkluż permezz ta' l-assoċjazzjonijiet kummerċjali, mhux biss fl-implimentazzjoni ta' programmi Komunitarji iżda wkoll fl-iżvilupp ta' dawk il-programmi; jinnota li l-proċess ta' konsultazzjoni kif inhu bħalissa hu problematiku għall-SMEs, peress li l-limitu ta' żmien ta' tmien ġimgħat ma jippermettix li organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SME's li jkollhom ħin biżżejjed biex jiġbru l-fehmiet u jippreżentawhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrivedi b'mod urġenti din irrestrizzjoni;

46. Isostni li l-miżuri kollha li jappoġġjaw lill-SMEs għandhom ikunu applikabbli għal dawk li jaħdmu għal rashom l-aktar dawk li jikkonċernaw il-forom differenti ta' sistemi ta' sigurtà soċjali, u l-benefiċċji pprovduti taħt dawn is-sistemi u l-prevenzjoni ta' perikli fuq ix-xogħol;

47. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu tentattiv, kemm jista' jkun possibbli, li joħolqu ambjent leġiżlattiv li jiggarantixxi flessibilità fl-impjiegi għall-SMEs bla ħsara għal aspetti tas-sigurtà soċjali;

48. Jirrimarka dwar il-ħtieġa li s-suq intern jiġi komplut u jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu l-għajnuna tagħhom biex jintlaħaq dak l-objettiv komuni billi jinkoraġġixxu l-moviment ħieles tal-ħaddiema;

49. Ifakkar kemm huwa vitali l-inkoraġġiment ta' l-intraprenditorija, b'mod partikulari fil-kuntest tal-bidla demografika fejn l-Ewropa se tara terz mill-intraprendituri tagħha jirtiraw fl-għaxar snin li ġejjin; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju ta' l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam, billi jiġu kkunsidrati pereżempju skemi ta' "Silver-entrepreneurship" għal persuni aktar anzjani, kif l-aħjar għandhom jiġu inkoraġġuti ż-żgħażagħ biex jiftħu negozju, u b'mod partikulari l-promozzjoni ta' intraprendituri nisa, li jista' jinkludi l-istudju ta' miżuri li jirrikonċiljaw aħjar il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

Sostenibilità finanzjarja

50. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-prinċipji tad-dixxiplina baġitarja biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi b'saħħithom;

51. Jinkoraġġixxi r-reviżjoni tal-mudelli tas-servizz pubbliku, l-iffinanzjar u l-immaniġġjar tagħhom u jiġu diskussi wkoll l-irwoli u l-benefiċċji tal-PPPs;

52. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu l-PPPs bħala l-mudell l-iktar xieraq biex SMEs jiġu pprovduti b'servizzi ta' appoġġ għan-negozju, inkluż il-ħolqien ta' fondi ta' kapital ta' riskju u sabiex b'hekk jinħoloq effett ta' spinta biżżejjed għal aktar involviment mis-settur privat;

53. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu l-aċċess ta' l-SMEs għall-proċeduri ta' akkwisti pubbliċi, li jirrappreżentaw ostakolu sinifikanti għat-tkabbir; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar effetti perversi li kultant jiġru bħala riżultat tad-direttivi dwar l-akkwisti pubbliċi li wasslu, pereżempju, biex xi entitajiet li kienu qed joffru kuntratti pubbliċi jitolbu ħlasijiet minn fornituri prospettivi talli jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-offerta tagħhom; jinnota li ħlasijiet bħal dawn jistgħu jkunu ta' piż qawwi għal negozji żgħar u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra dan il-punt meta tipproduċi d-dokument ta' gwida tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar l-akkwisti pubbliċi rriveduti aktar tard din is-sena;

54. Jaħseb li l-innovazzjoni ekoloġika tista' tiġi stimulata permezz ta' l-użu tal-kapaċità għall-infiq talbaġits pubbliċi, peress li akkwisti pubbliċi aktar ekoloġiċi jistgħu jgħinu fil-ħolqien ta' massa kritika sabiex negozji li jirrispettaw l-ambjent jistgħu jidħlu fis-suq fuq skala usa', fatt li għandu jibbenefika lill-SMEs Ewropej li huma attivi ħafna f'dan il-qasam;

55. Iħeġġeġ l-użu ta' inċentivi fiskali li jinkoraġġixxu l-investiment fil-kapital ta' riskju u l-użu ta' riżorsi disponibbli permezz tal-Fond ta' Investiment Ewropew u l-fondi strutturali li jistgħu jikkontribwixxu lejn ilbini ta' bażi domestika tal-kapital ta' riskju għall-investitur;

56. Jikkunsidra li huwa assolutament meħtieġ, fir-rigward tar-riskji ta' l-iffinanzjar u dawk marbuta mannegozju, li l-SMEs jirċievu informazzjoni komprensiva u affidabbli dwar modi possibbli ta' qsim ta' riskju;

57. Jaħseb li l-SMEs jagħmlu parti essenzjali mill-ekonomija Ewropea u li sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tagħhom fil-kamp ta' l-R&D, is-Seba' Programm ta' Qafas għandu jiġi mtejjeb sabiex jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' korpi ta' riċerka iżgħar billi jiġi assenjat l-iffinanzjar ta' l-SMEs u ta' raggruppamenti ta' kumpaniji u laboratorji żgħar;

58. Ifaħħar l-approċċ li ħa l-Kunsill Ewropew ta' Brussell ta' Marzu 2006 li jiffaċilita u jwessa' l-aċċess tan-negozju għal tislif mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, b'mod partikulari għall-SMEs;

NRPs fl-Azzjoni

59. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex, fl-NRPs tagħhom, jagħtu attenzjoni partikulari għal miżuri dwar l-SMEs, bil-ħsieb li s-suċċess se jiddependi fuq l-involviment qawwi ta', u l-konsultazzjoni ma', organizzazzjonijiet ta' SMEs, biex jivverifikaw l-effiċjenza tagħhom;

60. Jiddispjaċih dwar it-telf tad-dimensjoni konkreta li kienet tkun preżenti fir-rappurtar dwar il-Karta Ewropea għal Negozji Żgħar u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toffri l-possibilità lill-Istati Memrbi biex ikollhom laqgħat bilaterali (anke mal-partijiet interessati nazzjonali) dwar il-progress li qed isir fir-rigward ta' miżuri konkreti dwar SMEs fit-tħejjija għar-rapporti annwali dwar l-NRP;

61. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-NRPs ta' l-Istati Membri;

62. Jenfasizza l-valur li jiġu rrappurtati u kkomunikati s-suċċessi ta' l-NRPs u n-nuqqasijiet tagħhom;

63. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiċċaraw kif bi ħsiebhom jipproċedu biex jimplimentaw l-objettivi li huma nfushom jiffissaw fl-NRPs;

*

* *

64. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

[1] ĠU L 205, 6.8.2005, p. 28.

[2] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

[3] Testi Adottati, P6_TA(2006)0265.

[4] ĠU L 385, 31.12.1994, p.14.

[5] Testi Adottati, P6_TA(2006)0230.

[6] Testi Adottati, P6_TA(2006)0243.

[7] ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 599.

[8] Testi Adottati, P6_TA(2006)0022.

[9] Testi Adottati, P6_TA(2006)0079.

[10] Testi Adottati, P6_TA(2006)0092.

[11] Testi Adottati, P6_TA(2006)0110.

[12] Testi Adottati, P6_TA(2006)0301.

--------------------------------------------------