Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Użbekistan
Official Journal 313 E , 20/12/2006 P. 0466 - 0468
P6_TA(2006)0467 Użbekistan Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Użbekistan Il-Parlament Ewropew, - wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubbliki ta' l-Asja Ċentrali u l-Użbekistan, u b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad- 9 ta' Ġunju 2005 [1] u tas- 27 ta' Ottubru 2005 [2], - wara li kkunsidra d-Dokument Strateġiku tal-Kummissjoni dwar l-Asja Ċentrali 2002-2006, - wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika ta' l-Użbekistan, fuq in-naħa l-oħra, li daħlet fis-seħħ fl- 1 ta' Lulju 1999, - wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat- 18 ta' Lulju u tat- 3 ta' Ottubru 2005, - wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Presidenza ta' l-UE dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan fl-2005 u fl-2006, - wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat jew Involontarju ppubblikat fis- 27 ta' Diċembru 2005, - wara li kkunsidra r-rapport ta' monitoraġġ bi prova mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u għad-Drittijet tal-Bniedem ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurta' u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE/ODIHR) tat- 3 ta' Marzu 2006; - wara li kkunsidra r-rapport ta' Manfred Novak, Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura, dwar iddrittijiet ċivili u politiċi, inkluża l-kwistjoni ta' tortura u ta' detenzjoni, ippubblikat fil- 21 ta' Marzu 2006, - wara li kkunsidra l-ittra tar-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika ta' l-Użbekistan fin-NU tas- 26 ta' Ġunju 2006, indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl- Użbekistan, - wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, A. billi l-laqgħa li jmiss tal-Kunsill għall-Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Użbekistan hija ppjanata għat- 8 ta' Novembru 2006; B. billi fit- 13 ta' Novembru 2006 il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni huwa mistenni li jikkunsidra jekk jestendix is-sanzjonijiet adottati s-sena l-oħra wara l-ġrajjiet f'Mejju 2005 f'Andijan; C. billi l-gvern ta' l-Użbekistan għadu ma ssodisfax il-kundizzjonijiet li stipula l-Kunsill meta ġew applikati s-sanzjonijiet; D. billi l-gvern ta' l-Użbekistan għadu ma ppermetta l-ebda inkjesta indipendenti dwar il-ġrajjiet ta' Andijan tat- 13 ta' Mejju 2005, minkejja talbiet kostanti u ripetuti magħmulin matul l-aħħar sena minn diversi korpi internazzjonali, E. billi wara l-massakru ta' Andijan ta' l-2005, l-awtoritajiet Użbeki wettqu kampanja ta' trażżin fuq dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, fuq ġurnalisti indipendenti u fuq istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ressqu l-qorti mijiet ta' nies suspettati li kienu mdaħħlin fir-rewwixta, F. billi skond organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem matul l-aħħar sena ma kien hemm l-ebda aħbarijiet dwar eluf ta' persuni li ġew arrestati fit-tentattiv sabiex tinħeba l-verità; billi hemm riskju serju li persuni ddetenuti jkunu suġġetti għal tortura u trattament ħażin ieħor; u billi lebda osservaturi ma tħallew isegwu l-kawżi ta' ħafna minn dawk li ġew akkużati f'reati kapitali, G. billi, skond ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU fuq it-Tortura, ippubblikat f'Marzu 2006, ma kien hemm l-ebda bidla fundamentali fl-użu mifrux tat-tortura jew f'linji politiċi u prattiki li jistgħu b'mod effettiv jikkumbattuha, billi l-ebda passi reali ma ttieħdu mill-gvern Użbek sabiex itemm il-kultura ta' impunità, H. billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) f'Tashkent ingħalaq fis- 17 ta' Marzu 2006, I. billi, wara l-ġrajjiet ta' Andijan, mijiet ta' ċittadini Użbeki ġew imġiegħla jaħarbu lejn ir-Repubblika Kirgiża u lejn pajjiżi oħra ġirien; u billi refuġjati Użbeki ġew estraditi lejn l-Użbekistan bi vjolazzjoni skandaluża tal-Konvenzjoni tan-NU ta' l-1951 dwar l-Istejtus tar-Refuġjati; J. billi s-soċjetà Użbeka hija fil-parti l-kbira tagħha sekulari u l-estremiżmu reliġjuż limitat huwa kkawżat mill-inġustizzja soċjali; u billi l-ġlieda kontra l-estremiżmu reliġjuż tista' titwettaq biss permezz ta' mezzi legali u mhux permezz ta' moħqrija, K. billi s-soċjetà ċivili fl-Asja Ċentrali, inkluża dik fl-Użbekistan qiegħda dejjem aktar tappella għal soċjetà aktar miftuħa li fiha l-libertajiet individwali u d-drittijiet tal-bniedem jiġu mħarsa bis-sħiħ, kif ukoll għall-bidla demokratika, 1. Itenni l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Użbekistan u jirrikonoxxi l-irwol kruċjali ta' l-Użbekistan fir-reġjun ta' l-Asja Ċentrali, iżda jenfasizza li dawn ir-relazzjonijiet iridu jkunu bbażati fuq rispett reċiproku għall-prinċipji tad-demokrazija, ta' l-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, kif huwa stipulat b'mod ċar fil-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Użbekistan; 2. Jitlob lill-Kunsill sabiex fit- 13 ta' Novembru 2006 jagħmel deċiżjoni maħsuba sew sabiex ijtejjeb irrelazzjonijiet futuri dwar l-estensjonijiet possibbli tas-sanzjonijiet, ibbażata fuq l-impenji min-naħa ta' l- Uzbekistan waqt il-Kunsill ta' Koperazzjoni bejn l-UE u l-Uzbekistan fit- 8 ta' Novembru 2006 u dwar informazzjoni miksuba mid-diplomatiċi Ewropej ibbażati fiz-zona; 3. Jirrimarka li l-politika ta' sanzjonijiet b'miri speċifiċi ma ħallietx riżultati pożittivi s'issa, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jirrevedu s-sitwazzjoni bir-reqqa sabiex isibu modi u mezzi li permezz tagħhom ikun possibbli li jinkisbu l-objettivi politiċi dikjarati; 4. Jinsisti dwar il-kontinwazzjoni ta' l-embargo fuq il-bejgħ ta' l-armi u t-trasferimenti militari; 5. Jitlob lill-Użbekistan sabiex jikkopera bis-sħiħ ma' l-OSCE u man-NU, speċjalment fir-rigward ta' lappell għal inkjesta indipendenti li tkun kredibbli u trasparenti, u sabiex jikkonforma mal-liġi internazzjonali u jaċċetta kwalunkwe proċeduri speċjali tan-NU li għalihom diġà ntalbu inviti u sabiex jinfetaħ għall-osservaturi ta' l-OSCE u għal osservaturi indipendenti; 6. Jitlob lill-Kunsill sabiex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan- NU sabiex jiżgura li l-proċedura kunfidenzjali "1503" ma tkomplix tapplika għall-Użbekistan u sabiex iqiegħed lil dan il-pajjiż taħt mekkaniżmu pubbliku ta' skrutinju, kif irrakkomandat minn Louise Arbour, il- Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, fir-rapport tagħha ta' Lulju 2005 dwar il-massakru ta' Andijan; 7. Iħeġġeġ lill-Gvern ta' l-Użbekistan sabiex jeħles lil dawk kollha li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, lillġurnalisti u lill-membri ta' l-oppożizzjoni politika li għadhom iddetenuti u sabiex iħallihom jaħdmu fillibertà u mingħajr biżà ta' persekuzzjoni, u sabiex itemm il-persekuzzjoni ta' l-NGOs; 8. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' l-Użbekistan sabiex jippermettu l-ftuħ mill-ġdid ta' l-Uffiċċju tal-UNHCR f'Tashkent; 9. Jitlob lir-Repubblika Kirgiża u lill-pajjiżi l-oħrajn ġirien sabiex jirrispettaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni tan- NU ta' l-1951 dwar l-Istejtus tar-Refuġjati li tistipula li l-ebda refuġjat m'għandu jiġi sfurzat li jirritorna filpajjiż oriġinarju tiegħu, u għalhekk sabiex ma testradix refuġjati Użbeki lejn l-Użbekistan; iħeġġeġ, f'dan irrigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex isegwu mill-qrib il-qagħda tar-refuġjati Użbeki kollha li ġew estraditi lura lejn l-Użbekistan; 10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għall-Asja Ċentrali, lill-Presidenti, Gvernijiet u Parlamenti ta' l-Użbekistan u tal-Kirgiżstan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali ta' l- OSCE. [1] ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 560. [2] Testi adottati, P6_TA(2005)0415. --------------------------------------------------