52006DC0795

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 19(1) tad-direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (derogi reġjonali) /* KUMM/2007/0795 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.12.2006

KUMM(2007) 795 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (derogi reġjonali)

1. Daħla

Skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE[1] li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (minn hawn ‘il quddiem “Id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija” jew “id-Direttiva”) flimkien mad-dispożizzjonijiet previsti fid-Direttiva, b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru (li jkun talab dan) biex jintroduċi iktar eżenżjonijiet fiskali jew tnaqqis fiskali għall-kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

Il-Kummissjoni għandha teżamina r-rikjesta. Wara, għandha jew tippreżenta proposta lill-Kunsill jew inkella għandha tinforma lill-Kunsill bir-raġunijiet għalxiex ma pproponietx l-awtorizzazzjoni ta’ tali miżura.

Fi ħdan qafas usa’ tar-reviżjoni tad-derogi fid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija li jiskadu sa tmiem l-2006, l-Italja ssottomettiet tliet rikjesti għal awtorizzazzjoni biex tidderoga mill-2007 ‘l quddiem mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija u biex tapplika rati differenti ta’ tassazzjoni skond ir-reġjun għal prodotti ta’ l-enerġija magħżula f’ċerti żoni ġeografiċi. Dawn ir-rikjesti ġew irreġistrati mad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali[2].

L-iskop ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tgħarraf lill-Kunsill bir-raġunijiet għalxiex il-Kummissjoni ma tipproponix l-awtorizzazzjonijiet mitluba.

2. Sommarju tar-rikjesti

1. L-Italja tixtieq tapplika eżenzjoni sħiħa mit-taxxa fi ħdan kwota annwali għal ċerti prodotti ta’ l-enerġija li jiġu kkonsmati fit-territorju tar-reġjun tal-Val d’Aosta.

Il-kwota annwali eżentata mit-taxxa tiġi stabbilita fuq livell reġjonali. Il-miżura tapplika għall-fjuwils tal-magni (petrol u diżil) kif ukoll għal ċerti fjuwils użati għat-tisħin (LPG għat-tisħin domestiku). Għal kull grupp ta’ prodotti ta’ l-enerġija, il-benefiċjarji potenzjali huma identifikati b’mod ċar u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn huma individwi privati residenti fir-reġjun partikolari.

Skond l-awtoritajiet Taljani, l-għan tal-miżura huwa li tevita l-hekk imsejjaħ turiżmu tat-tank, jiġifieri, l-imġiba li jadottaw iċ-ċittadini li jaqsmu l-fruntieri biex japprofittaw minn prezzijiet orħos tal-fjuwil. L-Italja tirreferi għall-pożizzjoni tar-reġjun fuq il-fruntiera esterna ta’ l-UE. Il-miżura hija mmirata wkoll biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi ta’ l-iskadenza tad-deroga li hemm fl-Anness II tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija li tista’ twassal għal telf ta’ ġid.

L-Italja tikkunsidra li l-miżura tista’ tkun iġġustifikata fuq bażi ta’ l-aspetti ġeografiċi u ta’ infrastruttura tar-reġjun – żona muntanjuża li tiddependi ħafna fuq il-mezzi tat-trasport bit-triq. Barra minn hekk, l-Italja tirreferi għall-istatus Kostituzzjonali speċifiku tar-reġjun u għall-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità li tattribwixxi attenzjoni speċjali liż-żoni muntanjużi. Fejn huwa kkonċernat l-LPG użat għal skopijiet ta’ tisħin, l-Italja tirreferi għall-kundizzjonijiet klimatiċi ħorox tar-reġjun.

2. L-Italja tixtieq tapplika eżenzjoni sħiħa mit-taxxa fi ħdan kwota annwali għal ċerti prodotti ta’ l-enerġija li jiġu kkonsmati fit-territorju tal-provinċja tal-Gorizia.

Il-kwota annwali eżentata mit-taxxa tiġi stabbilita fuq livell reġjonali. Il-miżura tapplika għall-fjuwils tal-magni (petrol u diżil) kif ukoll għal ċerti fjuwils użati għat-tisħin (gass naturali għat-tisħin domestiku, żjut minerali għat-tisħin kummerċjali). Għal kull grupp ta’ prodotti ta’ l-enerġija, il-benefiċjarji potenzjali huma identifikati b’mod ċar. Bl-eċċezzjoni taż-żjut għat-tisħin, il-benefiċjarji huma individwi privati residenti fil-provinċja.

Skond l-awtoritajiet Taljani, hemm raġunijiet tradizzjonali għall-miżura li huma ġġustifikati mid-dgħjufija soċjoekonomika tat-territorju, li hija kkawżata, b’mod partikolari, mill-pożizzjoni ġeografika speċifika taż-żona. Skond l-Italja, l-iskadenza tad-deroga se twassal għal tnaqqis fid-domanda għall-prodotti ta’ l-enerġija (minħabba t-turiżmu tat-tank barrani), tnaqqis fil-ġid u fl-attività ekonomika relatata.

L-awtoritajiet Taljani huma ta’ l-opinjoni li minħabba l-livell insuffiċjenti ta’ armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa fi ħdan l-UE, l-applikazzjoni tar-rata fiskali standard wara l-iskadenza tad-deroga fl-Anness II tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija kieku ma twassal għall-ebda żieda fid-dħul fiskali peress li hu mistenni li d-domanda sħiħa toħroġ barra l-pajjiż. Fl-aħħarnett, rigward il-gass naturali, l-Italja tiġbed l-attenzjoni dwar il-vantaġġi ambjentali ta’ dan il-fjuwil fuq iż-żjut minerali, u tenfasizza l-esperjenza pożittiva li din il-miżura kellha għall-użu tan-netwerk tal-gass fil-provinċja.

L-Italja tikkunsidra li l-miżura tista’ tkun kompatibbli mal-politiki Komunitarji rilevanti abbażi tal-pożizzjoni ġeografika partikolari u d-dgħjufijiet soċjoekonomiċi taż-żona, li taqa’ fit-termini ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE u hija ammissibbli fil-Fondi Strutturali ta’ l-UE.

3. L-Italja tixtieq tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għaż-żjut minerali kkonsmati fil-provinċji ta’ Udine u Trieste sakemm ir-rati huma skond l-obbligi stipulati fid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

Il-miżura tiġi applikata taħt forma ta’ kwota annwali eżentata mit-taxxa għall-petrol u għad-diżil u l-ambitu ġeografiku tagħha huwa ristrett għall-provinċja ta’ Trieste u xi ftit distretti fil-parti tal-Lvant tal-provinċja ta’ Udine. Il-benefiċjarji huma individwi privati, l-iktar residenti fiż-żoni.

L-għan tal-miżura huwa li tevita l-hekk imsejjaħ turiżmu tat-tank. L-Italja tagħmel enfasi fuq il-fatt li, kieku, l-iskadenza tad-deroga fl-Anness II tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija jkollha impatt soċjoekonomiku negattiv, ma tirriżulta fl-ebda żieda fid-dħul tat-taxxa u twassal għall-għeluq ta’ stazzjonijiet/pompi tas-servizz fiż-żona.

It-tliet rikjesti kollha jipprevedu l-31 ta’ Diċembru 2012 bħala d-data tat-tmiem.

3. L-isfond tar-rikjesti

Fil-passat, l-Istati Membri, u b’mod partikolari l-Italja, kienu awtorizzati, skond proċedura li tissemma fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE[3], japplikaw rati ta’ tassazzjoni mnaqqsa jew eżenzjonijiet mit-tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi f’ċerti żoni ġeografiċi jew reġjuni, marbuta jew ma’ l-iżvilupp ekonomiku jew mal-partikolaritajiet ġeografiċi (klima, pożizzjoni) ta’ żoni bħal dawn. Barra minn hekk, ċerti skemi reġjonali ġew implimentati bil-għan li jiskoraġġixxu l-hekk imsejjaħ turiżmu tat-tank.

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2006, Reviżjoni tad-derogi fl-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li jiskadu sa l-aħħar ta’ l-2006 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Komunikazzjoni ta’ l-2006”)[4], il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għal żewġ problemi ewlenin relatati ma’ dan it-tip ta’ derogi, jiġifieri, l-ewwel, kemm huma adattati d-dazji tas-sisa bħala strument biex jiġu indirizzati l-ispeċifiċitajiet reġjonali ta’ natura soċjoekonomika u t-tieni, l-interess biex jinħoloq suq intern ta’ kompetizzjoni bla tfixkil. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-kunċett tar-rati minimi jservi l-interess tas-suq intern u li, jekk meħtieġ, ir-rati minimi jistgħu jiġu aġġustati.

Madankollu, il-Komunikazzjoni kkonkludiet li huwa l-Istat Membru kkonċernat li jrid jiddeċiedi jikkunsidrax jekk, għall-kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi, deroga mid-Direttiva għadhiex meħtieġa u, jekk iva, jekk tkunx kompatibbli ma’ l-għanijiet tad-Direttiva, jiġifieri, bl-interessi u l-politiki stipulati fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19 (1) tagħha.

4. Evalwazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tixtieq tfakkar mill-ewwel il-kliem ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE li huwa l-bażi għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta. Jeħtieġ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxi fuq il-bejgħ gross, sal-punt li din l-armonizzazzjoni hija meħtieġa biex tiżgura l-ħolqien u t-tħaddim ta’ suq intern.

Għal dan il-għan, jiġu stipulati livelli minimi ta’ tassazzjoni fiż-żoni kkonċernati mill-armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa, inklużi fid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija. Filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-Istati Membri jistgħu jiffissaw ir-rati nazzjonali tagħhom stess f’konformità mal-minima, u skond dak li huma jikkunsidraw xieraq fil-kuntest taċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, livelli minimi ta’ tassazzjoni jiġu stipulati f’livell li l-leġiżlatur tal-Komunità jikkunsidra li hu meħtieġ biex ix-xkiel potenzjali għall-kompetizzjoni jinżamm f’marġni aċċettabbli.

In-nuqqas ta’ rati kompletament armonizzati jimplika li jista’ jkun li jeżistu differenzi fir-rati nazzjonali u li dawn jistgħu jwasslu għal ċertu ammont ta’ xiri transkonfinali kkaġunat mit-taxxa fi ħdan is-suq intern u l-limiti preskritti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12/KEE, fejn applikabbli. Madankollu, f’każ li x-xkiel li jirriżulta jaqbeż il-fruntieri, u dan m’għadux ikkunsidrat aċċettabbli u skond il-loġika ta’ l-armonizzazzjoni stipulata iktar ‘il fuq, kieku r-rimedju adattat ikun li tinstab approssimazzjoni effettiva iktar mill-qrib bejn ir-rati nazzjonali abbażi ta’ l-Artikolu 93 KE, kemm jekk permezz ta’ reviżjoni ‘il fuq tal-livelli minimi jew permezz ta’ mezzi oħra li l-leġiżlatur tal-Komunità jista’ jagħżel.

Għalhekk, il-Kummissjoni tirrifjuta l-opinjoni ta’ l-Italja li skond din, l-insuffiċjenza ta’ l-armonizzazzjoni tad-dazju tas-sisa setgħet tiġġustifika, skond l-Artikolu 19, rikjesta għal deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija. Din il-ġustifikazzjoni ma tikkorrispondix ma’ “kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika” fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 19. Fil-fatt, il-livelli minimi ta’ tassazzjoni magħżula fid-Direttiva jikkostitwixxu l-element ewlieni li ġie kkunsidrat mil-leġiżlatur tal-Komunità. Fuq il-bażi tal-livelli magħżula, il-leġiżlatur tal-Komunità kkonkluda li l-Istati Membri m’għad għandhom l-ebda raġuni valida biex ibiddlu r-rati tagħhom fuq livell nazzjonali sabiex jirreaġixxu għal-livelli stipulati fi Stati Membri oħra, barra l-mekkaniżmi previsti fid-Direttiva nnifisha. Li kieku kien mod ieħor, ir-rati għall-fjuwil tal-magni fuq il-fruntieri bejn l-Istati Membri kieku jirriskjaw li jkunu stipulati permezz ta’ mekkaniżmu bilaterali u progressiv ta’ adattament ‘l isfel għall-minima armonizzati, li mhuwiex previst fid-Direttiva.

L-ebda element tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija ma jippermetti interpretazzjoni differenti.

Safejn huma kkonċernati l-argumenti orizzontali li qajmet l-Italja f’kull waħda mill-erba’ rikjesti tagħha:

L-ewwelnett, rigward l-argument, li skond dan, ir-reġjuni kkonċernati jibbenefikaw minn status kostituzzjonali speċifiku skond il-liġi Taljana, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni li dan l-argument mhuwiex biżżejjed għall-iskopijiet ta’ l-Artiklu 19. Filwaqt illi mhuwiex eskluż il-fatt li ċerti kunsiderazzjonijiet li jippreżentaw punt ta’ referenza reġjonali jistgħu jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika skond l-Artikolu 19, l-istatus tar-reġjun skond il-liġi kostituzzjonali nazzjonali ma jikkorrispondix, bħala tali, ma’ din l-idea.

It-tieninett, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argumenti ġenerali mressqa mill-Italja rigward il-pożizzjoni soċjoekonomika ta’ ċerti reġjuni (jew minħabba l-kompetizzjoni ekonomika esterna, jew il-pożizzjoni ġeografika partikolari tagħha jew aspetti ġeografiċi oħra taż-żoni). Dawn l-argumenti jaslu biex jgħidu li r-reġjuni in kwistjoni għandhom bżonn ta’ l-appoġġ pubbliku. Madankollu, id-derogi mogħtija s’issa qatt ma ġew ikkunsidrati formalment bħala strument ta’ politiki li ngħataw għal dan il-għan, u għalhekk, kwalunkwe “titwil” skond din l-intestatura ma tistax tiġi aċċettata skond l-Artikolu 19. Barra minn hekk, hemm ħafna iktar strumenti u politiki mmirati disponibbli[5] biex jindirizzaw tali problemi u li ma jbaxxux l-effett utli ta’ l-armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa fil-qasam tal-prodotti ta’ l-enerġija.

It-tieletnett, safejn hija kkonċernata l-pożizzjoni ġeografika speċifika ta’ xi wħud miż-żoni, jiġifieri viċin il-fruntieri Taljani, il-Kummissjoni tirreferi għal dak li ġie stipulat hawn fuq. Jirriżulta wkoll li l-viċinanzi ma’ Stat Membru ieħor b’livell ta’ taxxa differenti ma jistgħux ikunu aċċettati bħala raġuni suffiċjenti għall-għotja ta’ awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija. B’mod partikolari, id-derogi ġġustifikati mill-fatt li, dak iż-żmien, l-Istat fil-viċinanzi kien pajjiż terz, issa ma jistgħux jiġu mtawwla skond l-Artikolu 19, wara l-adeżjoni ta’ l-Istat in kwistjoni mal-Komunità u fid-dawl ta’ l-obbligi ta’ dan l-Istat li jirriżultaw skond id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija. Rigward l-aspetti dwar il-fruntieri esterni li qajmet l-Italja f’każ partikolari (Val d’Aosta), il-Kummissjoni tinnota li d-deroga rikjesta ma tikkostitwixxix rispons proporzjonat għall-problema allegata tat-turiżmu tat-tank. Fil-fatt, hemm ċans li toħloq hi stess xkiel fl-immudellar tal-konsum fl-Italja u f’partijiet oħra tal-Komunità, peress li l-konsum tar-residenti jinġibed lejn ir-reġjun in kwistjoni b’mod artifiċjali, meta dan ikun jista’ jsir ukoll barra. F’dan ir-rigward, wieħed irid iżomm f’moħħu li l-fruntieri ta’ Val d’Aosta huma wkoll fruntieri mhux biss ta’ l-Iżvizzera iżda wkoll ta’ Franza.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tixtieq terġa’ tfakkar li l-konsegwenzi negattivi ta’ l-iskadenza tad-deroga bħala tali ma tikkwalifikax bħala kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19.

Barra minn hekk, huwa xieraq li l-iktar sitwazzjonijiet u argumenti speċifiċi msemmija fir-rikjesti jitqiesu separatament.

Safejn hija kkonċernata d-dipendenza allegata fuq it-trasport bit-triq fir-reġjun tal-Val d’Aosta, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax il-miżura prevista, jiġifieri l-eżenzjoni ġenerali mid-dazji tas-sisa fuq il-fjuwils tal-magni, bħala rispons proporzjonat għall-problema u li kieku tiġġustifika awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 19. Il-Kummissjoni tinnota li l-Italja ma ġġustifikatx l-eżenzjoni in kwistjoni skond il-kunsiderazzjoni ta’ politika kkwotata, meta mqabbla mat-trattament ta’ partijiet oħra ta’ l-Italja li huma daqstant rurali (jiġifieri, b’popolazzjoni baxxa) u/jew muntanjużi u fejn suppost għandha tapplika r-rata nazzjonali sħiħa. M’hemm l-ebda indikazzjoni li hemm xi relazzjoni objettiva bl-ispejjeż żejda involuti, jiġu kif jiġu kkalkulati. Fl-aħħarnett, kieku l-eżenzjoni totali tal-fjuwils tal-magni tkun inkompatibbli mal-politiki ta’ l-enerġija, it-trasport u l-ambjent imsemmija fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19 (1) tad-Direttiva. Paragun mat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva jsaħħaħ din il-konklużjoni. Filwaqt li tirrifletti l-politiki msemmija, din id-dispożizzjoni turi li t-trasport pubbliku lokali tal-passiġġieri għalkemm x’iktarx ikun privileġġjat mill-Istati Membri meta mqabbel mat-trasport privat (li huwa involut hawnhekk), jibqa’ suġġett għal-livelli minimi ta’ tassazzjoni. Fiċ-ċirkostanzi l-iktar speċifiċi msemmija fl-Artikoli 15(1)(e) jew 15(1)(i) tad-Direttiva biss tibqa’ possibbli tassazzjoni taħt dawn il-livelli.

Safejn huwa kkonċernat l-argument li jirreferi għall-prodotti ta’ l-enerġija użati għal skopijiet ta’ tisħin, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija kif ġej:

L-ewwelnett, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li l-intenzjoni li jiġi applikat trattament fiskali favorevoli għaż-żjut minerali użat għal skopijiet ta’ tisħin kummerċjali setgħet tkun iġġustifikata. L-iskop tal-miżura huwa li tissussidja l-intrapriżi li jinsabu f’ċerta żona. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-2006, il-Kummissjoni enfasizzat li d-Direttiva diġà tqis b’mod xieraq il-konsum kummerċjali u r-restrizzjonijiet ta’ kompetittività potenzjali li jistgħu jinħolqu minħabba taxxa fuq l-enerġija. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu skond proċedura stipulata fl-Artikolu 93 tat-Trattat, diġa stabbiliet bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika li jistgħu jkunu favur trattament fiskali iktar favorevoli għall-użu kummerċjali. L-għażliet stipulati fid-Direttiva rigward l-użu kummerċjali, partikolarment l-Artikoli 5 u 17 tagħha, jirriflettu l-grad ta’ flessibbiltà li l-leġiżlatur tal-Komunità kkunsidra bħala adatt u suffiċjenti f’dan il-kuntest. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet ta’ dan it-tip li qajmet l-Italja ma jikkwalifikawx bħala kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 19. Barra minn hekk, l-għażliet imsemmija fid-Direttiva jirriflettu wkoll l-interessi stipulati fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, u jinkludu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, il-ħtieġa li tkun żgurata l-kompetizzjoni leali u l-politiki Komunitarji tas-saħħa, ta’ l-ambjent, ta’ l-enerġija u tat-trasport. Dawn l-istess interessi kieku jopponu l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni rikjesta skond l-aspett attwali.

Safejn l-Italja tirrikjedi awtorizzazzjoni biex ikun eżentat il-konsum tal-gass naturali bħala fjuwil għat-tisħin, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni li d-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija fil-fatt tqis b’mod xieraq il-vantaġġi potenzjali tal-gass naturali. Għalhekk, ir-rikjesta ta’ l-Italja ma turi l-ebda kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika f’dan il-kuntest (li huwa pjuttost separat mill-fatt li l-vantaġġi tal-gass naturali li tirreferi għalihom l-Italja m’humiex differenti bejn ir-reġjuni) Il-kunsiderazzjonijiet stipulati hawn fuq fir-rigward tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(1), u l-politika Komunitarja ta’ l-ambjent, ta’ l-enerġija u tat-trasport japplikaw hawnhekk ukoll u bl-istess mod huma kontra l-għoti tad-deroga.

Fl-aħħarnett, b’referenza għat-trattament fiskali favorevoli ta’ l-LPG użat għat-tisħin domestiku fir-reġjun muntanjuż tal-Val d’Aosta, il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-miżura tikkoinċidi ma’ miżura oħra li l-Italja ssottomettiet lill-Kummissjoni biex tiġi kkunsidrata skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-taxxa fuq l-Enerġija. F’dan ir-rigward, l-Italja tippjana li tipprevedi vantaġġi fiskali differenti għal-LPG bħala fjuwil għat-tisħin skond is-sitwazzjoni klimatika ta’ ċerti reġjuni. Madankollu, l-awtorizzazzjoni mitluba għall-Val d’Aosta tmur lil hinn mill-iskema l-oħra li ġiet sottomessa. Il-Kummissjoni tikkonkludi li, fl-opinjoni ta’ l-Italja stess, il-kundizzjonijiet klimatiċi msemmija ma jiġġustifikawx is-sistema partikolari ddedikata lill-Val d’Aosta. Ir-rikjesta l-oħra li l-Italja ssottomettiet, se tiġi kkunsidrata separatament.

5. Konklużjoni

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, m’għandhiex tingħata l-awtorizzazzjoni rikjesta mill-Italja. L-ewwelnett, rigward l-argument ewlieni mressaq mill-Italja sabiex tiġġustifika r-rikjesti, ta’ min jenfasizza li n-nuqqas allegat ta’ armonizzazzjoni suffiċjenti fis-suq intern jista’ ma jkunx irrimedjat permezz ta’ awtorizzazzjonijiet skond l-Artikolu 19. Il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kienu jiffurmaw parti mill-elementi ewlenin li l-leġiżlatur tal-Komunità kkunsidra meta ġiet adottata d-Direttiva.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas tikkunsidra aċċettabbli kwalunkwe argument addizzjonali li ppreżentat l-Italja rigward ċerti partijiet speċifiċi tar-rikjesti tagħha.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tipproponix l-awtorizzazzjonijiet mitluba.

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003 p. 51); Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttivi 2004/74/KE u 2004/75/KE (ĠU L 157, 30 ta’ April 04, p. 87 u p.100).

[2] Nhar is-17 ta’ Ottubru 2006.

[3] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, 31.10.1992); Id-Direttiva rrevokata flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali mill-31 ta’ Diċembru 2003 permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

[4] COM(2006) 342 tat-30 ta’ Ġunju 2006 Reviżjoni tad-derogi fl-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li jiskadu sa l-aħħar ta’ l-2006.

[5] Meta jagħżlu li jużaw tali strumenti u politiki, ovvjament l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, partikolarment fil-qasam ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat.