Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta’ ħsara rrelatata ma’ l-alkoħol {SEG(2006) 1358} {SEG(2006) 1360} {SEG(2006) 1411} /* KUMM/2006/0625 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 24.10.2006 KUMM(2006) 625 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta’ ħsara rrelatata ma’ l-alkoħol {SEG(2006) 1358}{SEG(2006) 1360}{SEG(2006) 1411} WERREJ 1. Introduzzjoni 4 2. Mandat għall-azzjoni 4 3. Każ favur l-Azzjoni 6 4. Il-proċess ta’ konsultazzjoni u ta’ l-istima ta’ l-impatt 8 . Ħames temi ta' prijorità u prassi tajba rilevanti 8 5.1. Ipproteġi liż-żgħażagħ, lit-tfal u lit-tarbija fil-ġuf 8 5.1.1. Raġunament għall-azzjoni 8 5.1.2. Prassi tajba 9 5.2. Naqqas il-korrimenti u l-imwiet mill-inċidenti tat-traffiku relatati ma’ l-alkoħol; 9 5.2.1. Raġunament għall-azzjoni 9 4.2.2. Prassi tajba 10 5.3. Ħares lill-adulti mill-ħsara relatata ma’ l-alkoħol u naqqas l-impatt negattiv fuq il-post tax-xogħol; 10 5.3.1. Raġunament għall-azzjoni 11 5.3.2. Prassi tajba 11 5.4. Għarraf, eduka u qajjem għarfien dwar l-impatt tal-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol, u dwar modi xierqa ta' konsum; 11 5.4.1. Raġunament għall-azzjoni 11 5.4.2. Prassi tajba 12 5.5. Żviluppa, appoġġja u żomm bażi ta’ evidenza komuni 12 5.5.1. Raġunament għall-azzjoni 12 5.5.2. X' hemm bżonn li jsir 12 6. Tliet livelli ta’ azzjonijiet 13 6.1. Azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea 13 6.2. Is-sussidjarjetà L-ippjanar ta' azzjonijiet implimentati mill-Istati Membri 15 6.2.1. Azzjoni nazzjonali 15 6.2.2. Azzjoni lokali 16 6.3. Il-koordinazzjoni ta' l-azzjonijiet f'livell ta' l-UE 17 6.3.1. Il-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa 17 6.3.2. Is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb 17 6.3.3. Il-komunikazzjoni kummerċjali 17 7. Konklużjonijiet 18 1. INTRODUZZJONI Din il-Komunikazzjoni tindirizza l-effetti ħżiena fuq is-saħħa li għandhom x'jaqsmu mal-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol[1], kif ukoll il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi relatati, u tirrispondi għat-talbiet tal-Kunsill biex il-Kummissjoni ssegwi, tevalwa u tissorvelja l-iżviluppi u l-miżuri meħuda f'dan il-qasam u biex tirrapporta lura dwar il-ħtieġa għal aktar azzjoni. Tiffoka fuq il-prevenzjoni u u l-eliminazzjoni ta' xorb eċċessiv u estrem, kif ukoll fuq ix-xorb minn persuni taħt l-età, u xi wħud mill-konsegwenzi l-aktar perikolużi bħall-inċidenti tat-triq relatati ma' l-alkoħol u s-Sindrome Alkoħolika tal-Fetu ('Foetal Alcohol Syndrome'). Din il-Komunikazzjoni għalhekk mhijiex fiha nnifisha riflessjoni dwar l-alkoħol, iżda dwar l-użu ħażin tiegħu u l-konsegwenzi tiegħu ta' ħsara. Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi li hemm użanzi kulturali differenti relatati mal-konsum ta' l-alkoħol fl-Istati Membri varji. L-intenzjoni mhijiex li tbiddel l-azzjoni Komunitarja b'politiki nazzjonali, li diġà ġew stipulati f' ħafna mill-Istati Membri u jirrelataw mal-kompetenzi nazzjonali skond il-prinċipji ta' sussidjarjetà u l-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KE. B'mod partikolari, il-Kummissjoni mhijiex bi ħsiebha, minħabba f'din il-Komunikazzjoni, li tipproponi l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni armonizzata fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħsara rrelatata ma' l-alkoħol. Il-Komunikazzjoni timmira lejn l-ippjanar ta' azzjonijiet li diġà ġew stipulati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, u tidentifika fuq naħa waħda prassi tajba li wasslet għal riżultati pożittivi, u fuq in-naħa l-oħra, oqsma ta' importanza soċjo-ekonomika u rilevanza Komunitarja fejn jista' jsir aktar progress. Il-Komunikazzjoni tispjega wkoll kif il-Kummissjoni tista' tappoġġja u tikkumplementa l-politiki nazzjonali tas-saħħa pubblika implimentati mill-Istati Membri f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati[2], filwaqt li tikkunsidra li l-modi u l-kulturi tax-xorb ivarjaw madwar l-UE. Dan l-impenn mill-Kummissjoni biex tkompli ssegwi u tiżviluppa azzjonijiet taħt il-kompetenzi tagħha flimkien ma' lista ta' prassi tajba ġew implementati fl-Istati Membri differenti, u l-istabbiliment ta' Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa li għandu jgħin fit-tixrid tagħhom, se jkun is-sinsla ta' strateġija komprensiva biex tnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol fl-Ewropa. 2. MANDAT GħALL-AZZJONI L-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza u r-responsabilità li tindirizza l-problemi tas-saħħa pubblika bħall-użu perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol permezz ta' azzjonijiet nazzjonali komplementari f'dan il-qasam, kif imniżżel fl-Artikolu 152 tat-Trattat. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ikkonfermat ripetutament li l-ġlieda kontra l-ħsara relatata ma’ l-alkoħol hija mira għas-saħħa pubblika importanti u valida[3]. Fl-2001, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar ix-xorb ta’ l-alkoħol miż-żgħażagħ, b’mod partikolari mit-tfal u l-adoloxxenti[4] li tistieden lill-Kummissjoni biex issegwi, tevalwa u tissorvelja l-iżviluppi u l-miżuri meħuda u biex tirrapporta lura dwar il-ħtieġa għal aktar azzjoni [5] . Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2001, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposti għal strateġija Komunitarja komprensiva mmirata lejn it-tnaqqis ta’ ħsara relatata ma’ l-alkoħol li għandu jikkomplementa l-politiki nazzjonali. Fil-Konklużjonijiet dwar l-Alkoħol u ż-żgħażagħ ta’ Ġunju 2004, il-Kunsill tenna din l-istedina[6]. Bosta Stati Membri ħadu azzjonijiet biex inaqqsu l-ħsara relatata ma' l-alkoħol, u ħafna minnhom għandhom politiki estensivi f'dan il-qasam. Minkejja l-implimentazzjoni ta' politiki tas-saħħa kemm f'livell Komunitarju u f'dak nazzjonali, il-livell ta' ħsara, speċjalment fost iż-żgħażagħ, fit-toroq u fuq il-postijiet tax-xogħol huwa għoli ż-żejjed fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, studji li saru f’livell nazzjonali u f’livell[7] ta’ l-UE juru li f'xi każijiet, fejn hemm element transkonfinali, tista' tinħtieġ koordinazzjoni aħjar, u sinerġiji stabbiliti mal-livelli ta' l-UE. Eżempji jinkludu l-promozzjoni ta' bejgħ transkonfinali ta' l-alkoħol li għandu mnejn jattira persuni ta' età żgħira li jixorbu jew ir-reklami transkonfinali fuq it-TV dwar xorb alkoħoliku li jista' jkunu f'konflitt mar-restrizzjonijiet nazzjonali. Dan x'aktarx juri li xi problemi jinħassu fl-Istati Membri kollha (jiġifieri x-xorb ta' taħt l-età jew inċidenti tat-triq relatati ma' l-alkoħol), li l-politiki li tfasslu biex jittrattawhom ma kinux ta' suċċess bis-sħiħ billi l-problemi jew baqgħu hemm jew f'xi każijiet marru għall-agħar, u li xi kwistjonijiet huma ta' rilevanza Komunitarja minħabba f'element transkonfinali. Dan jenfasizza l-ħtieġa għal aktar azzjonijiet u kooperazzjoni f’livell ta’ l-UE u f'dak nazzjonali. Din il-Komuniiazzjoni tistipula strateġija ta' l-Unjoni Ewropea biex tappoġġja u ssostni strateġija koordinata biex tnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol, li għandha tistrieħ fuq l-impenji mill-Kummissjoni biex tkompli ssegwi u tiżviluppa azzjonijiet taħt il-kompetenzi tagħha u t-tixrid ta' prassi tajba li ġiet implimentata fl-Istati Membri differenti. L-azzjoni ta’ l-UE biex titnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol se tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ għanijiet ta’ politiki rilevanti oħra diġà miftehmin f’livell ta’ l-UE, eż. dwar is-Sikurezza fit-Toroq[8], is-Saħħa u s-Sikurezza fuq ix-xogħol, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Tfal[9][10]. 3. KAż FAVUR L-AZZJONI Il-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol għandu impatt prinċipali fuq is-saħħa pubblika u jiġġenera wkoll spejjeż relatati mal-kura tas-saħħa, ma’ l-assigurazzjoni tas-saħħa, ma’ l-infurzar tal-liġi u l-ordni pubblika, u mal-postijiet tax-xogħol, u għalhekk għandu impatt negattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku u fuq is-soċjetà in ġenerali. Il-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol huwa determinant ewlieni tas-saħħa u wieħed mill-kawżi prinċipali ta’ mewt qabel il-waqt u ta' mard inevitabbli. Huwa kawża netta ta’ 7.4%[11] tal-ħsarat kollha għas-saħħa u l-mewt qabel il-waqt fl-UE, u għandu impatt negattiv fuq ix-xogħol u l-produzzjoni. Politiki mmirati lejn il-prevenzjoni u t-trattament ta’ konsum perikoluż u ta’ ħsara kif ukoll tagħrif xieraq dwar modi responsabbli ta' konsum għandhom benefiċċji importanti għall-individwi u l-familji, iżda jindirizzaw ukoll l-ispejjeż soċjali u s-suq tax-xogħol, u se jikkontribwixxu għat-trawwim tal-kompetittività f’konformità ma’ l-għanijiet ta’ Liżbona u ma’ l-għan ta’ aktar Snin ta’ Ħajja fis-Saħħa għal kulħadd. Għalhekk għandhom jitrawwmu inizjattivi bbażati fuq il-post tax-xogħol. Il-partijiet interessati rilevanti (l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ, it-trejdjunjins) għandhom responsabilità partikolari f’dan ir-rigward. Iż-żgħażagħ fl-UE jinsabu b' mod partikolari f'riskju, billi 'l fuq minn 10% tal-mortalità fost in-nisa u madwar 25% tal-mortalità fost l-irġiel fil-grupp ta’ età 15-29 hija relatata mal-konsum perikoluż ta’ l-alkoħol[12]. Il-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta ' l-alkoħol għandu effetti mhux biss fuq dawk li jixorbu, iżda wkoll fuq oħrajn u fuq is-soċjetà. L-effetti perikolużi ta’ l-alkoħol huma pjuttost akbar fi gruppi soċjali inqas vantaġġjati, u għalhekk jikkontribwixxu għall-inugwaljanzi fis-saħħa. Filwaqt li l-konsum medju ta’ l-alkoħol fl-UE qiegħed jonqos, il-proporzjon ta’ żgħażagħ u ta’ adulti żgħar b’modi ta’ konsum perikolużi u ta’ ħsara qed jiżdied f’ħafna mill-Istati Membri f’dawn l-aħħar għaxar snin[13]. Il-modi ta' xorb f'ħafna mill-partijiet ta' l-UE, u b'mod partikolari x-xejriet rappurtati li qed jiżdiedu fix-"xorb bla rażan" ('binge drinking')[14] taħt l-età u l-frekwenza għolja ta’ xorb taħt l-età f’ħafna pajjiżi Ewropej[15], jistgħu jkollhom effetti negattivi fuq is-saħħa fit-terminu t-twil u jistgħu jżidu r-riskju ta’ ħsara soċjali. L-inċidenti tat-traffiku relatati ma’ l-alkoħol huma wkoll kawża prinċipali ta’ tħassib. Madwar inċident wieħed f’erbgħa jista’ jiġi marbut mal-konsum ta’ l-alkoħol, u mill-inqas 10 000 persuni fl-UE jinqatlu kull sena f’inċidenti tat-traffiku relatati ma' l-alkoħol. L-UE qed timmira li tnaqqas bin-nofs in-numru ta' persuni maqtula fit-toroq Ewropej minn 50 000 fis-sena 2000 għal 25 000 sa l-2010[16], u sforzi biex jitrażżan is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jistgħu jkunu ta’ kontribut sostanzjali għall-kisba ta’ dan il-għan. L-esponiment għall-alkoħol waqt it-tqala jista’ jfixkel l-iżvilupp tal-moħħ tal-fetu u huwa assoċjat ma' nuqqasijiet intelletwali li jsiru evidenti aktar 'il quddiem fit-tfulija[17]. Billi l-konsum ta’ riskju għoli qed jiżdied fost in-nisa żgħażagħ fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri u billi l-konsum ta' l-alkoħol jaffettwa l-fetu diġà fil-bidu tat-tqala, l-intervenzjonijiet għat-tkattir ta’ l-għarfien dwar din il-kwistjoni huma ta’ importanza prinċipali. Sabiex il-preokkupazzjonijiet li ssemmew hawn fuq jiġu indirizzati, u fuq il-bażi ta’ l-eżitu tal-proċess ta’ l-istima ta’ l-impatt, il-Kummissjoni identifikat il-ħames temi prijoritarji li ġejjin, li huma rilevanti fl-Istati Membri kollha u li għalihom l-azzjoni Komunitarja kkomplementata bil-politiki nazzjonali u l-koordinazzjoni ta' azzjonijiet nazzjonali għandha valur miżjud: - Ipproteġi liż-żgħażagħ, lit-tfal u lit-tarbija fil-ġuf; - Naqqas il-korrimenti u l-imwiet mill-inċidenti tat-traffiku relatati ma’ l-alkoħol; - Ħares lill-adulti mill-ħsara relatata ma’ l-alkoħol u naqqas l-impatt negattiv fuq il-post tax-xogħol; - Għarraf, eduka u qajjem għarfien dwar l-impatt tal-konsum perikoluż u ta’ ħsara, u dwar modi xierqa ta' konsum; - Żviluppa u żomm bażi ta' evidenza komuni f'livell ta' l-UE. Dawn it-temi jinkludu l-livell nazzjonali, lokali u dak ta’ l-UE, u jirrikjedu azzjoni minn bosta partijiet interessati u minn diversi setturi. Din l-istrateġija għalhekk tipproponi li tenfasizza dak li l-Kummissjoni u l-Istati Membri diġà wettqu, u aktar azzjoni jew kontinwazzjoni ta' l-azzjonijiet eżistenti mill-Kummissjoni. Tippreżenta wkoll prassi tajba implimentata fl-Istati Membri, u li tista' tispira azzjonijiet u sinerġiji simili f'livell nazzjonali. 4. IL-PROċESS TA’ KONSULTAZZJONI U TA’ L-ISTIMA TA’ L-IMPATT Sa mill-2004 is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom konsultazzjonijiet estensivi ma’ esperti ta' l-Istati Membri, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ma' riċerkaturi u ma' partijiet interessati[18]. Barra dan, il-Kummissjoni ħadet sehem f’taħdidiet organizzati mal-partijiet interessati magħżula ewlenin taħt il-patroċinju taċ-Ċentru tal-Politika Ewropea (ĊPE)[19].Permezz ta’ sejħa miftuħa għal-offerti il-Kummissjoni kkuntrattat rapport espert dwar is-saħħa pubblika mill-Istitut ta’ l-Istudji Alkoħoliċi[20]. Il-Kummissjoni mexxiet Stima ta’ l-Impatt sabiex tanalizza l-problemi ta' saħħa, soċjali, ekonomiċi u ta' l-ambjent relatati ma' l-alkoħol u l-għażliet differenti ta' politika[21], . Iktar minn hekk, il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkumentaw dwar konsultazzjoni miftuħa rigward it-tikkettjar fuq l-ikel u x-xorb imnedija mill-Kummissjoni[22]. 5. ĦAMES TEMI TA' PRIJORITÀ U PRASSI TAJBA RILEVANTI 5.1. Ipproteġi liż-żgħażagħ, lit-tfal u lit-tarbija fil-ġuf Għanijiet Għan 1: It-trażżin tax-xorb taħt l-età, it-tnaqqis ta' xorb perikoluż u ta' ħsara fost iż-żgħażagħ, b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha. Għan 2: It-tnaqqis ta’ ħsara lit-tfal f'familji bi problemi ta' l-alkoħol. Għan 3: It-tnaqqis sinifikanti ta’ esponiment għall-alkoħol waqt it-tqala, biex b’hekk jitnaqqas in-numru ta’ tfal imwielda b’Mard Fetali kkawżat mill-Alkoħol . 5.1.1. Raġunament għall-azzjoni Iż-żgħażagħ ta’ sikwit jidhru bħala l-awturi tal-problemi ta' l-alkoħol aktar milli l-vittmi. Huwa stmat li l-alkoħol huwa fattur kawżali f’16% ta’ l-abbuż u n-negliġenza tat-tfal[23]. Il-konsum perikoluż ta’ l-alkoħol fost iż-żgħażagħ wera li għandu impatt negattiv mhux biss fuq il-benessri soċjali u ta' saħħa, iżda wkoll fuq il-livell edukattiv milħuq[24]. Għad hemm xejra li qed tikber ta’ “xorb bal rażan” minn żgħazagħ f'ħafna partijiet mill-UE. Din qed tiggrava minħabba d-disponibilità kontinwa ta’ xorb alkoħoliku lil konsumaturi taħt l-età. Għalhekk jeħtieġu li jiġu kkunsidrati aktar azzjonijiet biex jitrażżan ix-xorb taħt l-età u l-modi ta' ħsara tax-xorb fost iż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, atturi fil-katina tax-xorb alkoħoliku kienu involuti b’mod attiv fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri fl-infurzar tar-regolamenti nazzjonali, u ddikjaraw ir-rieda tagħhom li jsiru aktar pro-attivi fl-infurzar ta' miżuri regolatorji u miżuri awto-regolatorji. Xi wħud mill-Istati Membri żiedu wkoll it-taxxi fuq il-prodotti li huma jqisu bħala partikolarment attraenti għaż-żgħażagħ taħt l-età li jixorbu[25]. 5.1.2. Prassi tajba Xejriet ta’ tħassib rigward ix-xorb fost iż-żgħażagħ jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv permezz tal-politika pubblika. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ l-2001 ikkontribwiet għall-iżvilupp ta’ politiki bħal dawn. Eżempji ta' miżuri effettivi implimentati mill-Istati Membri huma: infurzar ta’ restrizzjonijiet fuq il-bejgħ, id-disponibilità u t-tqegħid fis-suq li x’aktarx jinfluwenzaw liż-żgħażagħ, azzjoni wiesgħa msejsa fuq il-Komunità biex tħares mill-ħsara u mill-imġieba ta’ riskju, bl-involviment ta’ l-għalliema u l-ġenituri, tal-partijiet interessati u taż-żgħażagħ infushom[26], u appoġġ mill-messaġġi tal-mezzi tax-xandir u mill-programmi ta’ taħriġ tal-ħiliet għall-ħajja.L-industrija tax-xorb alkoħoliku u l-bejjiegħa bl-imnut jista’ jkollhom rwol importanti biex jiżguraw li l-alkoħol qed jiġi kkunsmat b’mod responsabbli. 5.2. Naqqas il-korrimenti u l-imwiet mill-inċidenti tat-traffiku relatati ma’ l-alkoħol[27]; Għanijiet Għan 4: Kontribut għan-nuqqas ta' korrimenti u inċidenti fatali tat-traffiku relatati ma’ l-alkoħol. 5.2.1. Raġunament għall-azzjoni Madwar inċident wieħed f’erbgħa jista’ jiġi marbut mal-konsum ta’ l-alkoħol, u mill-inqas 10 000 persuni fl-UE jinqatlu kull sena f’inċidenti tat-traffiku relatati ma' l-alkoħol. Żgħażagħ fl-etajiet ta' 18 sa 24 huma partikolarment fil-periklu li jkollhom inċident. Minn 35% sa 45% tal-imwiet f'dan il-grupp ta' età iseħħu minħabba f'inċidenti tat-traffiku. L-inċidenti tat-traffiku huma l-iżjed kawża komuni ta' mewt fost iż-żgħażagħ (47% skond bosta sorsi). Għall-inċidenti kkawżati minħabba x-xorb, żewġ terżi mill-persjuni involuti kienu bejn il-15 u l-34, u 96% kienu rġiel. 5.2.2. Prassi tajba Għadd ta’ studji wrew li r-riskju ta’ l-inċidenti tat-traffiku rrelatati ma’ l-alkoħol jiżdied mal-konċentrazzjoni ta’ l-alkoħol fid-demm (KAD) tas-sewwieq. L-Istati Membri kollha ħadu miżuri biex jintroduċu limiti tal-KAD. L-istudji x'aktarx juru li huwa mixtieq limitu massimu infurzat ta’ 0.5 mg/ml jew inqas[28]. L-infurzar effettiv ta’ kontromiżuri ta' sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jista’ jnaqqas sostanzjalment l-imwiet mill-inċidenti tat-traffiku (sa 25% fil-każ ta’ l-irġiel, u 10% fil-każ tan-nisa), il-korrimenti u d-diżabilità. Eżempji ta' politiki nazzjonali effiċjenti jiddependu mill-introduzzjoni u l-infurzar ta' testijiet tan-nifs ( 'breath testing' ) każwali, frekwenti u sistematiċi appoġġjati minn kampanji ta’ edukazzjoni u ta’ għarfien li jinvolvu l-partijiet interessati kollha. Taħlita ta' infurzar strett u għarfien attiv hija s-sigriet li jwassal għat-triq tas-suċċess. Sewwieqa żgħar u ġodda huma aktar involuti f’inċidenti tat-traffiku relatati ma’ l-alkoħol. Eżempju ieħor ta' politika effiċjenti hija l-introduzzjoni ta’ limitu ta' KAD ta’ żero għal dawn is-sewwieqa u, għar-raġunijiet ta’ sikurezza, ukoll għas-sewwieqa tat-trasport pubbliku kif ukoll għas-sewwieqa ta' vetturi kummerċjali, b’mod partikolari dawk li jġorru merkanzija perikoluża. 5.3. Ħares lill-adulti mill-ħsara relatata ma’ l-alkoħol u naqqas l-impatt negattiv fuq il-post tax-xogħol; Għanijiet Għan 5: It-tnaqqis ta’ disturbi kroniċi mentali u fiżiċi relatati ma’ l-alkoħol. Għan 6: It-tnaqqis ta’ l-għadd ta’ mwiet relatati ma’ l-alkoħol. Għan 7: Il-provvediment ta’ tagħrif lill-konsumaturi sabiex jagħmlu għażliet infurmati. Għan 8: Il-kontribut għat-tnaqqis ta’ ħsara relatata ma’ l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol, u l-promozzjoni ta’ azzjonijiet relatati mal-post tax-xogħol. 5.3.1. Raġunament għall-azzjoni Għalkemm 85% ta’ individwi adulti jikkunsmaw l-alkoħol b’mod moderat u responsabbli fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol huwa wieħed mill-kawżi ewlenin ta’ mewt qabel il-waqt u ta' mard li jista' jiġi evitat u barra minn hekk għandu impatt negattiv fuq il-kapaċità tax-xogħol[29]. L-assenza relatata ma’ l-alkoħol jew ix-xorb waqt il-ħinijiet tax-xogħol għandhom impatt negattiv fuq ir-rendiment tax-xogħol, u għalhekk fuq il-kompetittività u l-produttività[30]. Filwaqt li 266 miljun adult jixorbu l-alkoħol sa 20g (għan-nisa) jew 40g (għall-irġiel) kuljum, 'il fuq minn 58 miljun adult (15%) jikkunsmaw 'il fuq minn dan il-livell, b'20 miljun minn dawn (6%) li jikkunsmaw aktar minn 40g (nisa) jew 60g (irġiel) kuljum. Meta wieħed iħares lejn id-dipendenza aktar milli l-livelli tax-xorb, huwa wkoll stmat li 23 miljun Ewropej (5% mill-irġiel, 1% min-nisa) huma dipendenti fuq l-alkoħol fi kwalunkwe sena waħda. 5.3.2. Prassi tajba L-esperjenza miksuba fl-Istati Membri x'aktarx turi li titjib fl-infurzar tar-regolamenti, tal-kodiċi u ta' l-istandards attwali huwa essenzjali għat-tnaqqis ta’ l-impatt negattiv tal-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol. L-infurzar tal-liċenzji, it-taħriġ tas-servers, l-interventi komunitarji u dawk fuq il-post tax-xogħol, il-politika tal-prezzijiet (eż. it-tnaqqis ta' l-offerti ta' "żewġ xarbiet għal waħda"), il-koordinazzjoni tat-trasport pubbliku u l-ħinijiet ta' l-għeluq, pariri mingħand it-tobba u l-infermiera fil-kura tas-saħħa primarja lill-persuni f'riskju, u t-trattament, huma intervenzjonijiet li jidhru effettivi biex iħarsu mill-ħsara rrelatata ma' l-alkoħol fost l-adulti u biex inaqqsu l-impatt negattiv fuq il-post tax-xogħol. L-edukazzjoni, l-attivitajiet u l-kampanji ta’ tagħrif li jippromwovu l-konsum moderat, jew l-indirizzar tas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, l-alkoħol waqt it-tqala u x-xorb taħt l-età jistgħu jintużaw biex jimmobilizzaw l-appoġġ pubbliku għall-intervenzjonijiet. 5.4. Għarraf, eduka u qajjem għarfien dwar l-impatt tal-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol, u dwar modi xierqa ta' konsum; Għanijiet Għan 9: Iż-żieda fl-għarfien taċ-ċittadini ta’ l-UE dwar l-impatt tal-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol fuq is-saħħa, speċjalment l-impatt ta’ l-alkoħol fuq il-fetu, fuq dawk li huma taħt l-età, fuq il-qadi tax-xogħol u s-sewqan. 5.4.1. Raġunament għall-azzjoni Iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jiksbu tagħrif rilevanti dwar l-impatt fuq is-saħħa, u b’mod partikolari dwar ir-riskji u l-konsegwenzi relatati mal-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol, u li jiksbu tagħrif aktar dettaljat dwar ingredjenti miżjuda li jistgħu jkunu ta’ periklu għas-saħħa ta ċerti gruppi ta' konsumaturi. Il-konsum moderat ta' l-alkoħol jidher li joffri xi protezzjoni kontra l-mard tal-qalb f'persuni mdaħħla fl-età (45 u 'il fuq jiddependi mis-sess u d-differenzi individwali). 5.4.2. Prassi tajba Għażliet ta’ l-istil ta’ ħajja f’età żgħira jippredeterminaw is-saħħa fil-ħajja adulta. Dan jirrendi lit-tfal u liż-żgħażagħ – kif ukoll lill-ġenituri tagħhom – bħala grupp ta’ mira importanti għall-edukazzjoni tas-saħħa u l-interventi ta’ għarfien fit-trobbija. Programmi wiesgħa u implimentati bl-attenzjoni rigward l-edukazzjoni dwar is-saħħa u l-ħiliet għall-ħajja, li jibdew fl-età bikrija tat-tfulija u idealment ikomplu matul l-adoloxxenza, jistgħu jżidu l-għarfien u jkollhom impatt fuq l-imġieba ta' riskju. Interventi bħal dawn għandhom jindirizzaw kemm il-fatturi ta' riskju bħall-alkoħol u l-perjodi ta' riskju, bħall-adoloxxenza, kif ukoll il-fatturi ta' ħarsien, jiġifieri bidliet fl-istili ta' ħajja u l-imġieba. Jistgħu jintużaw kampanji fuq il-mezzi tax-xandir – bħall-"Euro-Bob" iffinanzjata mill-Komunità bl-għan li tipprevjeni s-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb- biex jinfurmaw u jżidu l-għarfien fost iċ-ċittadini u jappoġġjaw l-interventi ta’ politika. 5.5. Żviluppa, appoġġja u żomm bażi ta’ evidenza komuni Għanijiet Għan 10: Il-kisba ta' informazzjoni komparabbli dwar il-konsum ta' alkoħol, speċjalment fuq iż-żgħażagħ; definizzjonijiet dwar l-impatt tal-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol, dwar modi ta' konsum, dwar l-effetti soċjali u ta' saħħa ta' l-alkoħol; u informazzjoni dwar l-impatt ta' mizuri ta' politika dwar l-alkoħol u dwar il-konsum ta' l-alkoħol fuq il-produttività u l-iżvilupp ekonomiku. Għan 11: Il-valutazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-inizjattivi meħuda fuq il-bażi ta’ din il-Komunikazzjoni. 5.5.1. Raġunament għall-azzjoni Ir-riċerka u s-sistemi ta’ informazzjoni huma kruċjali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet effettivi f’livelli ta' l-UE, f'dawk nazzjonali u lokali biex ikunu jistgħu jħarsu mill-konsum perikoluż u ta' ħsara kif ukoll għal valutazzjoni aħjar ta' l-effetti tal-konsum moderat ta' l-alkoħol. Hemm ukoll ħtieġa qawwija għal definizzjonijiet komuni ta’ xorb bla rażan, u ta' konsum perikoluż u ta’ ħsara, b’mod partikolari biex jiġu segwiti x-xejriet fid-drawwiet tax-xorb taż-żgħażagħ. 5.5.2. X' hemm bżonn li jsir Flimkien max-xogħol li huwa għaddej dwar l-Indikaturi tas-Saħħa tal-Komunità Ewropea, is-servizzi tal-Kummissjoni identifikaw il-ħtieġa li tiġi żviluppata definizzjoni standardizzata għal data dwar l-użu ta' l-alkoħol u l-ħsara relatata ma' l-alkoħol; li jingħata bidu għar-riċerka biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-għażliet ta' politika; li jitwettaq stħarriġ Ewropew regolari u komparattiv; u li jimtela l-vojt li jeżisti fir-riċerka dwar il-ħsara għas-saħħa u l-ħsara soċjali relatati ma’ l-alkoħol, dwar il-kawżi tal-konsum perikoluż u ta’ ħsara ta’ l-alkoħol, u dwar ir-rwol tiegħu fit-tkabbir ta’ differenzi fis-saħħa bejn il-gruppi soċjo-ekonomiċi. Barra minn hekk, jeħtieġ li ssir valutazzjoni tad-divrenzjar tal-modi ta’ xorb skond il-pajjiż, l-età u s-sess. Jeħtieġ ukoll aktar studju li jivvaluta l-effettività ta’ l-azzjonijiet u l-interventi, kif propost f'din il-Komunikazzjoni. 6. TLIET LIVELLI TA’ AZZJONIJIET L-Istati Membri għandhom ir-responsabilità ewlenija għall-politika nazzjonali dwar l-alkoħol. Flimkien ma' dan, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, u tipprovdi appoġġ għall-azzjoni tagħhom. Bħala komplement għal dawn l-inizjattivi nazzjonali, il-Kummissjoni timplimenta politiki fil-qasam tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol, b'mod partikolari permezz tal-Programm ta' Saħħa Pubblika u l-Programm ta' Qafas ta' Riċerka. Hemm għalhekk tliet livelli ta' azzjonijiet, il-livell nazzjonali, il-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali f'livell Komunitarju u azzjonijiet mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-prerogattivi tagħha. Ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni f'dan il-kuntest huwa: (1) li tgħarraf u tqajjem l-għarfien dwar it-tħassib ewlieni relatat mas-saħħa pubblika f’livell ta’ l-UE u ta' l-Istat Membru, u li tikkoopera ma’ l-Istati Membri fl-indirizzar ta’ dawn; (2) li tniedi azzjoni f'livell ta' l-UE f'dak li jirrelata mat-taqsima ta' kompetenza tagħha, b'mod partikolari permezz ta' programmi settorjali u (3) li tappoġġja u tgħin fil-koordinazzjoni ta' l-azzjonijiet nazzjonali, b'mod partikolari billi tiddefinixxi u xxerred il-prassi tajba madwar l-UE. 6.1. Azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea Ir-rwol-tal-Komunità fis-saħħa pubblika huwa li tikkumplementa l-isforzi ta' l-Istati Membri, li żżid il-valur għall-azzjonijiet tagħhom, u b’mod partikolari, li tittratta kwistjonijiet li l-Istati Membri ma jistgħux jimmaniġġaw effettivament weħidhom. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tipprijoritizza l-azzjonijiet biex: - Tagħti appoġġ, permezz tal-Programm tas-Saħħa Pubblika, permezz tal-proġetti li jikkontribwixxu lejn it-tnaqqis ta’ ħsara relatata ma’ alkoħol fl-UE, speċjalment il-ħsara li jsofru t-tfal u ż-żgħażagħ, u tissorvelja u tivvaluta l-effettività ta’ l-intervenzjonijiet. jirreferi għall-għanijiet 1-11 f’taqsima 5) - Tagħti appoġġ, permezz tal-Programm tas-Saħħa Pubblika u strutturi oħra eżistenti, lill-ħolqien ta' sistema għal definizzjonijiet flessibbli iżda standardizzati għad- data dwar l-alkoħol, lit-tmexxija ta’ stħarriġ ripetut u komparattiv dwar il-konsum ta’ l-alkoħol, b’mod partikolari bl-Istħarriġ Ewropea dwar is-Saħħa permezz ta’ Intervisti u permezz ta’ stħarriġ komplementarju (li għandu jiġi zviluppat fil-qafas tas-Sistema Ewropea ta' Starriġ dwar is-Saħħa u s-Sistema Ewropea ta' l-Istatistika), u lill-iżvilupp ta’ indikaturi tas-saħħa għas-sorveljanza u l-valutazzjoni ta’ l-iżviluppi. Se jkun disponibbli tagħrif komparabbli dwar l-alkoħol fuq l-Europa websajt marbut mal-Portal tas-Saħħa. (għanijiet 9-11) - Appoġġ għas-sorveljanza tal-modi ta’ xorb taż-żgħażagħ, u tal-ħsara li jbatu, b’attenzjoni partikolari ffukata fuq iż-żieda fil-konsum ta’ l-alkoħol fost it-tfajliet u ż-żieda fix-"xorb bla rażan”. (għanijiet 1, 3, 4, 6, 7, 9) - L-iżvilupp, f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri u mal-partijiet interessati, ta' strateġiji mmirati lejn it-trażżin tax-xorb minn persuni taħt l-età. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ skambji ta’ prassi tajba biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħalma huma l-bejgħ u t-tqassim, it-tqegħid irresponsabbli fis-suq, u l-immaġni pubblika ta' użu eċċessiv ta' l-alkoħol imwassla permezz tal-mezzi tax-xandir u ta’ mudelli għall-oħrajn, u li tista’ possibbilment titmexxa 'l quddiem fil-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa li għalih hemm referenza f’taqsima 6.3.1. u fl-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew taż-Żgħażagħ[31] ( għanijiet 1, 2, 4, 5, 6, 7, 8 ) - Tagħti appoġġ lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw programmi ta' tagħrif u ta' edukazzjoni dwar l-effett tax-xorb perikoluż u dwar il-modi responsabbli tal-konsum. (għanijiet 1- 9) - L-esplorazzjoni, f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri u ma’ l-organizzazzjonijiet kummerċjali, tal-possibilità li jiġu żviluppati kampanji speċifiċi ta' tagħrif u ta' edukazzjoni jew inizjattivi simili li jittrattaw il-ħsara relatata ma’ l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol. F'dan il-kuntest, għandu jissegwa l-iskambju ta' l-aħjar prassi speċifika, possibbilment flimkien ma' inizjattivi oħra mmexxija mill-Kummissjoni bħalma huma dawk dwar eż. ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva. (għanijiet 1-9) - Appoġġ lill-involviment ta’ organizzazzjonijiet rilevanti kompetenti fil-qasam tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, eż l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol billi hemm rilevanza f’xi wħud mill-inizjattivi tagħha bħal l-‘Inizjattiva tal-Post tax-Xogħol b'Saħħtu’ li l-għan tagħha huwa li tipprovdi kemm lil min iħaddem kif ukoll lill-impjegati b'aċċess faċli għat-tagħrif dwar kif jistgħu jtejbu l-ambjent ta' xogħol tagħhom billi jkunu aktar b’saħħithom u aktar produttivi. (għanijiet 1-9) - L-esplorazzjoni, f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati, l-utilità ta’ l-iżvilupp ta’ strateġiji effiċjenti komuni madwar il-Komunità kollha li jipprovdu tagħrif xieraq lill-konsumatur; Riflessjonijiet bħal dawn huma ta’ importanza partikolari billi xi wħud mill-Istati Membri qed jippjanaw li jintroduċu tikketti ta' twissija (eż. dwar l-alkoħol u t-tqala), u billi b'mod aktar ġenerali għaddejja diskussjoni dwar l-aħjar prassi fl-edukazzjoni tal-konsumatur. (għanijiet 1, 3, 4, 6, 7 9) - Ir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri biex jittrattaw il-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol, kif deskritt f'din il-Komunikazzjoni, imsejsa wkoll fuq il-informazzjoni mill-Istati Membri, u fuq l-impatt ta' l-istrateġija ta' l-UE stipulata f'din il-Komunikazzjoni. (għan 11) Barra minn hekk, permezz tas-7 Programm ta’ Qafas għar-Riċerka (2007-2013), b'mod partikolari taħt it-Tema dwar is-Saħħa tal-Programm Speċifiku propost "Kooperazzjoni", se jkun hemm opportunitajiet li jeżaminaw kif ir-riċerka f’livell Ewropew twassal għall-kisba ta' valur għal strateġija ta' l-UE biex tappoġġja lill-Istati Membri fit-tnaqqis tal-ħsara relatata ma’ l-alkoħol. Biex ikun hemm aktar evidenza għall-aħjar miżuri ta' saħħa pubblika u għall-iggwidar tat-tfassil ta' politika integrata għall-ħarsien mill-abbuż ta' l-alkoħol, l-oqsma tar-riċerka jistgħu jinkludu: - ħidma dwar il-modi tax-xorb taż-żgħażagħ (xejriet, determinanti); - Ir-rabta bejn il-konsum perikoluż ta' l-alkoħol/modi ta' xorb u s-saħħa relatata, il-ħsara soċjali u ekonomika (tirreferi għall-għanijiet 1-10 f'taqsima 5); - Fatturi oħra li għandhom x'jaqsmu ma' l-impatt fuq is-soċjetà (tirreferi għall-għanijiet 1-10 fit-taqsima 5). 6.2. Is-sussidjarjetà L-ippjanar ta' azzjonijiet implimentati mill-Istati Membri 6.2.1. Azzjoni nazzjonali Il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri ħolqu leġiżlazzjoni u politika li għandhom x'jaqsmu mal-konsum perikoluż u ta' ħsara tax-xorb alkoħoliku. Barra minn hekk, fl-2005 ħmistax-il Stat Membru rrapportaw li kienu adottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali jew li kienu waqqfu korpi ta' koordinament għall-politika dwar l-alkoħol. Il-firxa ta' miżuri implimentati mill-Istati Membri hija kbira ħafna u tinkludi kwistjonijiet bħall-edukazzjoni, it-tagħrif tal-konsumatur, u l-infurzar tal-kontrolli tat-traffiku jew tal-bejgħ ta' liċenzji għax-xorb alkoħoliku kif ukoll l-iffissar ta' livelli ta' tassazzjoni fuq l-alkoħol[32]. Il-miżuri speċifiċi adottati mill-Istati Membri għat-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol bil-ħsieb li jipproteġu s-saħħa pubblika huma msejsa fuq il-kuntesti kulturali partikolari tagħhom. L-ippjanar ta' ċerti azzjonijiet meħuda fi ħdan il-qafas ta' politiki nazzjonali jistgħu jħaffu t-tixrid ta' prassi tajba. Kull miżura għandha titqies fuq il-bażi ta' każ-b'każ; fil-każijiet kollha, huma għandhom ikunu msejsa fuq l-evidenza, proporzjonati u implimentati fuq bażi mhux diskriminatorja. Eżempji ta' miżuri nazzjonali implimentati attwalment mill-Istati Membri huma dawn li ġejjin: - Azzjoni għat-titjib tat-tagħrif tal-konsumatur, fil-mument tal-bejgħ jew dwar prodotti, fuq l-impatt ta' l-abbuż ta' l-alkoħol fuq is-saħħa u l-qadi tax-xogħol. Bħala parti mit-tagħrif tal-konsumatur, xi wħud mill-Istati Membri introduċew, jew qed jikkunsidraw li jintroduċu t-tikkettjar biex jipproteġu n-nisa tqal u t-tarbija fil-ġuf. Azzjonijiet oħra jimmiraw lejn id-disponibilità ta' tagħrif li jinftiehem faċilment dwar il-kontenut ta' alkoħol u x-xorb moderat. (għanijiet 1-9) - Azzjonijiet li jinfurzaw aħjar il-limiti ta' l-età għall-bejgħ u t-tqassim ta' l-alkoħol. Azzjonijiet bħal dawn jidhru aktar effiċjenti jekk jinvolvu l-partijiet interessati kollha, il-ġenituri, u ż-żgħażagħ. Billi l-alkoħol mhuwiex metabolizzat tajjeb f'età żgħira, jidher li l-eżami mill-ġdid tar-rekwiżiti ta' l-età minima għall-bejgħ u t-tqassim ta' xorb alkoħoliku, b'mod partikolari fejn l-età minima tinsab attwalment taħt it-18-il sena, qed titqies minn xi Stati Membri bħala soluzzjoni. (għanijiet 1, 4, 6, 7 8) - Ġie ppruvat li l-intervenzjonijiet u l-programmi edukattivi jżidu l-abbiltà taż-żagħżagħ, u tal-ġenituri tagħhom, biex jittrattaw il-problemi ta' l-alkoħol u l-imġiba riskjuża. Dawn l-intervenzjonijiet jistgħu jimmiraw kemm il-fatturi ta' riskju kif ukoll dawk ta' ħarsien, bl-għan li jippromwovu bidla effettiva fl-imġiba fost it-tfal u l-adoloxxenti, u jistgħu jitwettqu fl-iskejjel u f'ambjenti xierqa oħrajn. Għal aktar effiċjenza, din għandha tinvolvi b'mod attiv liż-żgħażagħ u lill-partijiet interessati rilevanti oħrajn. (għanijiet 1, 2, 4, 6 -9) - L-introduzzjoni u l-infurzar tar-regoli kontra t-tqassim ta' alkoħol lil persuni xurbana, kif ukoll sistemi ta' liċenzjar effettivi għall-bejgħ u t-tqassim responsabbli tal-prodotti ta' l-alkoħol, skond il-kuntesti tagħhom partikolari u l-ordni legali nazzjonali. (għanijiet 1-7, 9) - L-introduzzjoni ta’ limitu ta' KAD ta’ żero għas-sewwieqa żgħar u mingħajr esperjenza, u għas-sewwieqa tat-trasport pubbliku kif ukoll għas-sewwieqa ta' vetturi kummerċjali, b’mod partikolari dawk li jittrasportaw merkanzija perikoluża. (għanijiet 4-6) - L-iżvilupp ta' qafas li jippermetti l-ittestjar (każwali) tan-nifs mingħajr restrizzjonijiet għas-sewwieqa kollha, l-infurzar tal-kontromiżuri ta' sewqan taħt l-influwenza tax-xorb u l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet dissważivi kontra kull min jinstab li qed jaqbeż il-limitu ta' KAD, u b'mod partikolari għal sewwieqa xurbana reċidivi. (għanijiet 4-7, 9) - Azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn l-indirizzar tal-problemi kkawżati minħabba l-konsum ta' l-alkoħol fi u madwar il-post tax-xogħol. (għanijiet 2-6) - L-allokazzjoni tar-riżorsi meħtieġa fil-kura tas-saħħa primarja, għal pariri u t-trattament li jikkonċernaw il-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol, il-provvediment ta' taħriġ għal professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-ipprijoritizzar tal-prevenzjoni ta' l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol, il-konsulenza għat-tfal f'familji bi problemi alkoħoliċi u l-edukazzjoni u azzjonijiet li jqajmu l-għarfien għall-ħarsien tat-tarbija fil-ġuf. (għanijiet 2-9) - L-istabbiliment ta' riċerka dwar l-alkoħol iffinanzjata mill-pubbliku u programmi ta' sorveljanza. (għanijiet 7-11) 6.2.2. Azzjoni lokali L-istrateġiji nazzjonali jistgħu jkunu aktar effettivi jekk ikunu appoġġjati minn attivitajiet lokali u msejsa fuq il-komunità. Barra minn hekk, l-azzjoni lokali tad-diversi partijiet interessati tidher li hija essenzjali biex issostni l-istrateġija stipulata f'din il-Komunikazzjoni. Pereżempju: - Jistgħu jintużaw metodi attivi ta' tagħlim biex jiskoraġġixxu l-adoloxxenti milli jibdew jesperimentaw bil-konsum perikoluż ta' l-alkoħol. (għanijiet 1, 6, 7, 9) - Fuq il-postijiet tax-xogħol kollha, jista' jkun hemm politika li tipprevjeni l-ħsara relatata ma' l-alkoħol, inkluż tagħrif u/jew kampanji ta' edukazzjoni, u li tipprovdi l-għajnuna u l-kura speċjalizzata għall-impjegati bi problemi relatati ma' l-alkoħol. (għanijiet 5-9) - Iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jirriflettu fuq kif jistgħu jikkontribwixxu biex inaqqsu l-ħsara relatata ma' l-alkoħol. (għanijiet 1-9) - Il-komunitajiet lokali jistgħu jikkontribwixxu biex jipprevjenu u jippromwovu strateġiji għall-ħarsien taċ-ċittadini mill-ħsara relatata ma' l-alkoħol. (għanijiet 1-9) 6.3. Il-koordinazzjoni ta' l-azzjonijiet f'livell ta' l-UE Il-kompetenza ta' l-UE fis-saħħa mhijiex limitata għall-azzjonijiet speċifiċi tas-saħħa pubblika. Fejn possibbli, il-Kummissjoni se tfittex li ttejjeb il-koerenza bejn il-politiki li għandhom impatt fuq il-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Jeżistu għadd ta’ mekkaniżmi attwalment sabiex ikun żgurat li s-saħħa titqies f’oqsma oħra ta’ politika Komunitarja, skond l-Artikolu 152(1) tat-Trattat tal-KE. 6.3.1. Il-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa Bl-użu tal-Pjattaforma ta' l-UE għal Azzjoni fuq id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa bħala mudell, il-Kummissjoni se twaqqaf Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa sa Ġunju 2007, li se jlaqqa' flimkien esperti minn organizzazzjonijiet differenti tal-partijiet interessati mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet oħrajn ta' l-UE u mill-aġenziji. L-għan globali ta' dan il-Forum se jkun li jappoġġja, jipprovdi l- input u jissorvelja l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija mfassla f'din il-Komunikazzjoni. Il-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa jista' meta xieraq, jistabbilixxi sotto-gruppi dwar temi speċjali bħar-riċerka, t-tagħrif u l-ġbir ta' data, u l-edukazzjoni. (għanijiet 1-11) 6.3.2. Is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb Sabiex tikkoordina aħjar l-attivitajiet biex tnaqqas l-inċidenti tat-triq relatati ma' l-alkoħol, u bil-ħsieb partikolari biex tiġġieled is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, il-Kummissjoni se ttejjeb il-koordinazzjoni bejn is-sewqan taħt l-influewenza tax-xorb u l-azzjonijiet ta' sikurezza fit-toroq, inklużi dawk appoġġjati mill-Programm dwar is-Saħħa Pubblika u l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Sikurezza fit-toroq. Dan għandu jindirizza b'mod partikolari l-kwistjoni ta' sewwieqa ġodda u żgħar. (għanijiet 4, 6, 7) 6.3.3. Il-komunikazzjoni kummerċjali Il-liġi Komunitarja diġà tirregola ċerti aspetti tal-komunikazzjoni kummerċjali, u xi instrumenti bħalissa qegħdin jiġu revisti u aġġornati. Flimkien ma' dan, hemm ċarezza li qed tikber dwar it-tipi ta' l-aħjar prassi awto-regolatorji li għandhom jgħinu fil-ħolqien ta' parametri effettivi għall-imġiba ta' dawk li jirriklamaw, u għalhekk jarmonizzaw il-prassi tar-reklamar ma' l-istennijiet soċjali[33]. Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jaħdmu mal-partijiet interessati biex joħolqu momentum sostnut għall-kooperazzjoni dwar il-komunikazzjoni kummerċjali responsabbli u dwar il-bejgħ, inkluża l-preżentazzjoni ta' mudell ta' konsum responsabbli ta' l-alkoħol. L-għan ewlieni se jkun l-appoġġ għall-azzjonijiet ta' l-UE u dawk nazzjonali/lokali li għandhom jipprevjenu t-tqegħid fis-suq irresponsabbli ta' xorb alkoħoliku, u jeżaminaw regolarment ix-xejriet fir-reklamar u l-kwistjonijiet ta' tħassib li għandhom x'jaqsmu mar-reklamar, pereżempju dwar l-alkoħol. Għan wieħed ta' dan l-isforz konġunt se jkun li jintlaħaq ftehim mar-rappreżentanti minn firxa ta' setturi (ta' l-ospitalità, tal-bejgħ bl-imnut, tal-produtturi, u tal-mezzi tax-xandir/reklamar) dwar kodiċi ta' komunikazzjoni kummerċjali implimentat fuq livell nazzjonali u livell ta' l-UE. Jista' jkun hemm ftehim ukoll dwar limiti għall-kodiċi/strateġiji f'livell nazzjonali. Bħala parti minn din l-istrateġija, l-impatt ta' kodiċi awto-regolatorji fuq ix-xorb taż-żgħażagħ u l-kompliċità ta' l-industrija ma' kodiċi bħal dawn se jkunu wkoll sorveljati. Se jkunu mistiedna partijiet indipendenti biex jivverifikaw l-eżekuzzjoni u r-riżultati tal-kodiċi awto-regolatorji vis à vis il-limiti miftehma, sabiex jippermettu l-Organizzazzjonijiet ta' Responsabilità Soċjali biex jaġġjustaw l-għanijiet kif xieraq. (għanijiet 1-9) 7. KONKLUżJONIJIET Flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni, fi tweġiba għall-istedina tal-Kunsill fl-2001, qed tressaq strateġija komprensiva biex tnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol fl-Ewropa sa l-aħħar ta' l-2012, u tispjega x'sar diġà fil-livell nazzjonali u f'dak Komunitarju, x'inhuma l-oqsma prijoritarji li ħaqqhom aktar azzjoni u kif il-Kummissjoni tista' tkompli tagħti sehemha biex tindirizza dan it-tħassib ewlieni għas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri u l-partijiet interessati jieħdu din il-Komunikazzjoni bħala bażi biex jaħdmu b'ħarsa 'l quddiem, b'mod partikolari fi ħdan il-qafas tal-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kontribut ewlieni tagħha għall-istrateġija għandu jkun imsejjes fuq l-istrateġija eżistenti biex tikkomplementa l-politiki nazzjonali u l-istrateġiji f'dan il-qasam u għalhekk, mhijiex bi ħsiebha timplimenta l-istrateġija permezz ta' proposti leġiżlattivi ġodda. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri biex jittrattaw il-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol, kif deskritt f'din il-Komunikazzjoni, kif wkoll fuq l-impatt ta' l-istrateġija ta' l-UE stipulata f'din il-Komunikazzjoni; dan se jkun imsejjes fuq ir-rappurtar regolari mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri rilevanti. Ċerti azzjonijiet eżistenti ta' l-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala eżempji ta' prassi tajba u taw prova ta' l-effetti tagħhom. B'rispett lejn il-prinċipji ta' sussidjarjetà u regolamentazzjoni mtejba, dawn l-azzjonijiet jeħtieġ li jissaħħu sabiex tintlaħaq il-mira ta' din l-istrateġija. Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi permezz tar-rwol tagħha li tikkomplementa l-isforzi ta' l-Istati Membri, billi żżid il-valur ma' l-azzjonijiet tagħhom u tittratta l-kwistjonijiet li l-Istati Membri ma jistgħux isolvu weħidhom b'mod effettiv. [1] IL-konsum riskjuż ta' l-alkoħol ġie identifikat bħala livell ta' konsum jew modi ta' xorb li x'aktarx jirriżultaw fi ħsara jekk il-vizzijiet ta' xorb attwali jippersistu (Babor, T., Campbell, R., Room, R. & Saunders, J., (1994) Lexicon of Alcohol and Drug Terms, World Health Organization, Geneva); madankollu, ma hemm l-ebda ftehim standardizzat dwar il-livell ta' konsum ta' alkoħol li għandu jitqies bħala xorb riskjuż. Ix-xorb perikoluż huwa ddefinit bala 'modi ta' xorb li jikkawżaw ħsara lis-saħħa, fiżikament (bħaċ-ċirrożi fil-fwied) jew mentalment (bħad-dipressjoni sekondarja għall-konsum ta' l-alkoħol)' ( The ICD-10 Classification of Mental and Behavioural Disorders : Clinical Descriptions and Diagnostic Guidelines. Ġinevra: L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)) [2] Dawn jinkludu atturi differenti bħall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi (NGOs) tas-saħħa u l-konsumatur, gruppi ta' għajnuna, produtturi u bejjiegħa bl-imnut ta' xorb alkoħoliku, is-settur ta' l-ospitalità, l-iskejjel, dawk li jħaddmu u t- trejdjunjins , l-industrija tar-riklami, u l-mezzi tax-xandir.. [3] Il-każ ta' Franzen (C-189/95), il-każ ta' Heinonen (C-394/97), il--każ ta' Gourmet (C-405/98), Catalunja (C-190 u C-179/90), Loi Evin (C-262/02 u C-429/02) [4] Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2001/458/EC – ĠU L 161/38 tas-16/06/2001 http://eur-lex.europa.eu/pri/en/oj/dat/2001/l_161/l_16120010616en00380041.pdf [5] Ir-rapport sħiħ huwa ppubblikat f' http://ec.europa.eu/comm/health [6] Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju dwar strateġija Komunitarja biex tnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol (2001/C 175/01 - http://eur-lex.europa.eu/pri/en/oj/dat/2001/c_175/c_17520010620en00010002.pdf), Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Alkoħol u ż-Zgħazagħ ta' l-1-2 ta' Ġunju 2004 (http://ue.eu.int/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/lsa/80729.pdf) [7] e. ż.: X'inhuma l-intervenzjonijiet l-aktar effettivi u li jrendu fl-alkoħol?, L-Uffiċċju Reġjonali għan-Netwerk ta' Evidenza għas-Saħħa (HEN) 2004; Alcohol Policy and the Public Good , Griffith Edwards 1994, Cochrane Library; EconLit and the Alcohol and Alcohol Problems Science Database (ETOH), National Institute on Alcohol Abuse and Alcoholism (NIAA) [8] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/345/EC tas-6 ta' April 2004 dwar l-infurzar fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, ĠU L 111, 17.04.2004, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/116/EC tas-17 ta' Jannar 2001 dwar il-livell massimu permess ta' alkoħol fid-demm (Blood Alcohol Content (BAC))għas-sewwieqa ta' vetturi b'mutur, ĠU L 43, 14.02.2001, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ĠU C 48, 14.02.2004 [9] Strateġija Komunitarja dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2002-2006- COM(2002) 118 finali [10] Reżoluzzjoni tan-NU 44/25 ta' l-20 ta' Novembru 1989 [11] L-Istudju tad-WHO rigward il-Piż Globali tal-Mard (Rehm et al 2003a u b, Rehm et al 2004 u Rehm 2005) [12] Alcohol in Europe A public health perspective , P Anderson and B Baumberg, Institute of Alcohol Studies, UK 2006 http://ec.europa.eu/health-eu/news_alcoholineurope_en.htm (imsejjes fuq il-Piż Globali tad-WHO dwar l-Istudju tal-Mard, Rehm et al 2003a u b, Rehm et al 2004 u Rehm 2005) [13] Xejriet li qed jiżdiedu huma rrappurtati l-aktar fost adulti żgħar ('il fuq minn l-età legali tax-xorb). Ix-xorb bla rażan ('binge drinking') fost iż-żgħażagħ taħt l-età sab il-livell tiegħu fl-UE-15 iżda żdied fl-UE-10. [14] "Ix-xorb bla rażan" jitqies normalment bħala aktar minn 5 unitajiet ta' xorb alkoħoliku f'okkazzjoni waħda. [15] Ir-Rapport 2003 ta' l-ESPAD, Alcohol and Other Drug Use Among Students in 35 European Countries , Björn Hibell et al, Stockholm 2004 http://www.espad.org/reports.asp [16] COM(2001) 370 finali "Politika Ewropea tat-trasport għall-2010: iż-żmien li niddeċiedu". [17] Fi Franza pereżempju, aktar minn 700 tifel u tifla twieldu bis-Sindrome Alkoħolika tal-Fetu (Foetal Alcohol Syndrome) fl-2001, u aktar minn 60 000 persuni huma stmati li jgħixu b'din il-kundizzjoni ( data kkalkulata mill-INSERM – "Expertise collective" f'Settembru 2001 – wara żewġ studji epidemjoloġiċi li saru fi Franza ta' Fuq u f' La Réunion. [18] Inklużi l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGOs dwar is-saħħa u l-konsumatur, gruppi ta' għajnuna...) u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-produtturi ta' xorb alkoħoliku. [19] Ir-Rapport taċ-ĊPE tad-diskussjoni dwar l-alkoħol huwa ppubblikat fuq www.theepc.be [20] Ippubblikat fuq il-portal tas-Saħħa ta' l-UE u fuq il-websajt flimkien ma' rapport dwar il-laqgħa ta' reviżjoni bejn il-pari, kummenti mill-panel tar-reviżjoni bejn il-pari, il-fehmiet tal-partijiet interessati dwar il-politika ta' l-alkoħol u l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (http://ec.europa.eu/health-eu/news_alcoholineurope_en.htm) [21] Barra minn hekk, twettqet analiżi ekonomika aktar dettaljata dwar l-impatt ta' l-alkoħol fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' l-UE bħala parti mill-proċedura ta' l-istima ta' l-impatt minn kuntrattur estern. “ RAND Report ”, huwa ppubblikat f' http://ec.europa.eu/comm/health [22] L-istudju ta' sfond użat għal konsultazzjoni huwa disponibbli f' http://ec.europa.eu/food/food/labellingnutrition/betterregulation/index_en.htm [23] English et al. 1995, Single et al, 1999, Ridolfo and Stevenson 2001, minn Alcohol in Europe – a public health perspecitve , http://ec.europa.eu/health-eu/news_alcoholineurope_en.htm [24] RAND: Analiżi ekonomika ta' l-impatt ta' l-alkoħol fuq l-iżvilupp ekonomiku fl-UE (Horlings, Scoggins 2006) [25] Din ġiet indirizzata billi ġiet imposta taxxa speċjali jew tikkettjar obbligatorju għal prodotti bħal "alcopops" (fid-Danimarka, Franza, l-Ġermanja, l-Irlanda, u l-Lussemburgu) [26] Il-Kummissjoni involviet iż-żgħażagħ fil-proċess ta' konsultazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni, fi proġetti ko-finanzjati permezz tal-Programm tas-Saħħa Pubblika. Il-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej waqqaf grupp ta' ħidma biex jikkontribwixxi għax-xogħol li għaddej bħalissa. [27] Barra mir-traffiku fit-triq, u f'konformità mat-tħassib ġenerali rigward l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol kif deskritt f'taqsima 5.3, hemm ovvjament ukoll il-ħtieġa li jiġi ċċekkjat il-konsum ta' l-alkoħol f'setturi oħra tat-trasport, bħalma huma dawk tal-baħar, tal-ferrovija u ta' l-ajru. Iżda dawn mhumiex indirizzati b'mod speċifiku fil-Komunikazzjoni preżenti. [28] Reviżjoni ta' 112-il studju ipprovdiet evidenza qawwija li l-ħsara fil-ħiliet tas-sewqan tibda b' rata żero ta' konċentrazzjoni ta' l-alkoħol fid-demm (Moskowitz and Fiorentino 2000). Studju li qabbel il-konċentrazzjonijiet ta' l-alkoħol fid-demm (KAD) tas-sewwieqa f'inċidenti mal-KAD ta' sewwieqa mhux involuti f'inċidenti wera li s-sewwieqa rġiel u s-sewwieqa nisa ta' kull età li kellhom KAD bejn iż-0.2 g/l u ż-0.49 g/l kellhom mill-inqas riskju tliet darbiet aktar li jmutu f'ħabta waħda b' vettura. Ir-riskju żdied mill-inqas b' 6 darbiet aktar b'KAD bejn iż-0.5 g/l u ż-0.79 g/l u bi 11-il darba b'KAD bejn iż-0.8 g/l u ż-0.99 g/l (Zador et al 2000). L-istudji kollha jikkonfermaw li l-effett pożittiv tal-leġiżlazzjoni l-ġdida biex tnaqqas il-limiti tal-KAD huwa ogħla meta segwit minn diskussjonijiet pubbliċi, minn kampanji tal-mezzi tax-xandir u mill-infurzar tal-liġijiet il-ġodda. [29] Alcohol in Europe A public health perspective , P Anderson and B Baumberg, Institute of Alcohol Studies, UK 2006 http://ec.europa.eu/health-eu/news_alcoholineurope_en.htm [30] RAND: Analiżi ekonomika fuq l-impatt ta' l-alkoħol fuq l-iżvilupp ekonomiku fl-UE (Horlings, Scoggins 2006). [31] Fil-Komunikazzjoni tagħha "Politiki Ewropej li jikkonċernaw liż-żgħażagħ: L-indirizzar tat-tħassib taż-żgħażagħ fl-Ewropa – l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew taż-Żgħażagħ u l-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva" tat-30 ta' Mejju 2005 il-Kummissjoni tikkonferma l-importanza li wieħed jieħu ħsieb is-saħħa taż-żgħażagħ. Waħda mill-oqsma għallħazzjoni hija l-użu ta' l-alkoħol miż-żgħażagħ.. [32] Rati minimi għad-dazji tas-sisa huma stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku. Barra dawn il-minimi l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu r-rati nazzjonali tagħhom f' livelli li jikkunsidraw xierqa u li jistgħu jinkorporaw politiki oħra bħas-saħħa. [33] Ir-riklamar fuq it-televiżjoni għax-xorb alkoħoliku huwa rregolat mid-Direttiva tat-Televiżjoni mingħajr Fruntieri (Direttiva tal-Kunsill89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’Regolament jew b’Azzjoni Amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni; ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23). Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 li tikkonċerna l-kummerċ inġust lejn il-prassi kummerċjali tal-konsumatur tindirizza prassi qarrieqa u aggressiva, u prassi li tuża l-forza bħala mezz għall-bejgħ. (ĠU L 149/22 tal-11 ta' Ġunju 2005). Safejn għandhom x'jaqsmu l-istrateġiji li jirregolaw lilhom infushom, id-Diskussjoni dwar ir-Reklamar tad-diversi partijiet interessati u d-diversi setturi stabbiliti mis-servizzi tal-Kummissjoni, identifikat xi elementi prinċipali għall-awto-regolamentazzjoni, li huma preżenti fir-rapport disponibbli f' http://ec.europa.eu/consumers/overview/report_advertising_en.pdf