Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tal-Konferenza ta’ Tampere tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin Ewromediterranji(mis-27 sat-28 ta’ Novembru 2006) - Il-Partenarjat Ewromediterranju: Wasal iż-żmien għall-fatti /* KUMM/2006/0620 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 25.10.2006 KUMM (2006)620 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar it-tħejjija tal-Konferenza ta’ Tampere tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin Ewromediterranji(mis-27 sat-28 ta’ Novembru 2006)Il-Partenarjat Ewromediterranju: Wasal iż-żmien għall-fatti KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONILILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar it-tħejjija tal-Konferenza ta’ Tampere tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin Ewromediterranji(mis-27 sat-28 ta’ Novembru 2006)Il-Partenarjat Ewromediterranju: Wasal iż-żmien għall-fatti 1. Għal aktar minn għaxar snin il-Partenarjat Ewromediterranju kien qafas ċentrali tar-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Imsieħba tan-Nofsinhar tal-Mediterran[1]. Fis-Sammit ta’ Barċellona ta’ l-2005, il-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern qablu dwar Programm ta’ Ħidma għal Ħames Snin imfassal biex, fost ħwejjeġ oħra: imexxi ’l quddiem id-djalogu politiku u r-riforma; jilqa’ għat-theddid reġjonali u globali għas-sigurtà u l-istabilità; jappoġġja l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli; jgħaġġel il-pass lejn żona ta’ kummerċ ħieles; isir xogħol biex jinqered in-tniġġis tal-Mediterran; tiżdied il-kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u l-kultura; u jindirizza l-flussi migratorji permezz ta’ approċċ gobali u integrat. 2. Fiċ-ċirkustanzi eżistenti diffiċli fil-Lvant Nofsani, il-Partenarjat Ewromediterranju jassumi importanza anki ikbar bħala struttura inklużiva ta’ kooperazzjoni reġjonali. Il-vjolenza u t-tbatija li seħħew fit-territorji Palestinjani, fil-Libanu u fit-tramuntana ta’ l-Iżrael matul is-sajf ta' l-2006, enfasizzaw l-importanza biex il-Proċess tal-Paċi jingħata ħajja ġdida. Il-kontribuzzjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ l-UNSCR 1701 hija kbira, bħalma kienet ir-reazzjoni rapida għall-ħtiġiet umanitarji u ambjentali matul u wara l-konflitt. Huwa sinifikanti wkoll l-impenn ta’ l-UE biex tgħin lill-gvern tal-Libanu jimplimenta r-riformi politiċi, ekonomiċi, soċjali u dawk relatati mas-sigurtà, u dan l-impenn jipprovdi l-kuntest għal għajnuna mill-UE fl-oqsma tar-rikostruzzjoni u riabilitazzjoni. Il-Kunsill esprima r-rieda qawwija tiegħu biex jara lill-partijiet kollha fir-reġjun jieħdu rwol kostruttiv biex jgħinu fl-implimentazzjoni ta' l-UNSCR 1701. 3. L-avvenimenti li seħħew fit-territorji Palestinjani jenfasizzaw l-importanza ta’ l-għajnuna mill-UE permezz ta’ l-għoti ta’ servizzi essenzjali lill-popolazzjoni Palestinjana kif ukoll il-ħtieġa li jinżamm l-impenn dwar kwistjonijiet ta’ moviment u aċċess. L-UE mmobilizzat aktar riżorsi minn qatt qabel biex tissodisfa l-ħtiġijiet urġenti tal-poplu Palestinjan, b’mod partikolari permezz tal-Mekkaniżmu Internazzjonali Temporali (it-TIM). Dan il-mekkaniżmu ppermetta li riżorsi sostanzjali jkunu kanalizzati direttament lill-poplu Palestinjan matul dawn l-aħħar ftit xhur, u dan se jibqa’ jseħħ matul perjodu ta’ żmien estiż. Żviluppi drammatiċi riċenti wkoll swew biex jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti ta’ ċaqliqa mill-vjolenza u l-mibegħda għall-paċi u l-fiduċja. L-UE tibqa’ konvinta li ma jeżistux soluzzjonijiet militari jew unilaterali għall-isfidi tal-Lvant Nofsani. Il-paċi u s-sigurtà dejjiema fir-reġjun jistgħu jkunu żgurati biss permezz ta’ ftehim globali dwar il-konflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina li jkun jinkludi soluzzjoni negozjata msejsa fuq il-koeżistenza taż-żewġ stati. 4. Il-Partenarjat Ewromediterranju dieħel f’fażi ġdida ta’ importanza kruċjali, fejn l-enfasi għandha tinxteħet fuq il-ksib ta’ l-għanijiet miftiehma fis-Samit ta’ Barċellona fi sforz biex jintlaħqu l-aspettattivi għoljin tal-gvernijiet u s-soċjetà ċivili. Il-prijorità tal-Proċess ta’ Barċellona hija l-iżvilupp tad-dimensjoni reġjonali ta’ Partenarjat globali bejn l-Ewropa u n-Nofsinhar tal-Mediterran ibbażat fuq Politika Ewropea ta’ Viċinat iffukata fuq ir-riżultati. B’ħidma f’sinerġija mal-Politika Ewropea ta' Viċinat, il-Partenarjat Ewromediterranju jibqa' l-uniku forum reġjonali fejn huwa possibbli d-djalogu politiku u dwar is-sigurtà fost l-imsieħba Ewromediterranji kollha; fejn tista’ tkun diskussa u maqbula l-integrazzjoni reġjonali bħala fattur ta’ stabilità u tkabbir; u fejn il-komponent reġjonali tal-kwistjonijiet strateġiċi bħal mhuma l-enerġija sostenibbli, il-politika ambjentali, it-trasport, it-trażżin tal-faqar, it-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà u l-migrazzjoni jista’ jkun indirizzat. 5. L-għan tal-komunikazzjoni preżenti jinqasam fi tlieta: a) il-valutazzjoni tal- ħidma mwettqa mis-Samit ta’ Barċellona ta’ l-2005 ’l hawn; b) it-tħejjija tal-Konferenza li jmiss tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin Ewromediterranji f’Tampere permezz ta’ proposta ta’ prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma għal Ħames Snin għall-2007 u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu; u c) it-tmexxija ’l quddiem tal-kwistjoni dwar il-metodi ta’ ħidma fl-ambitu tal-Partenarjat biex jittejjeb il-funzjonament tal-Proċess ta’ Barċellona f’konformità mas-suġġerimenti magħmula minn uħud mill-Istati Membri u l-Imsieħba Mediterranji. A) Ħidma mwettqa mis-samit ta’ barċellona 'l hawn 1. Il-35 imsieħeb tal-Proċess ta’ Barċellona u l-Kummissjoni Ewropea bdew jaħdmu biex jimplimentaw il-Programm ta' Ħidma għal Ħames Snin immedjatament wara s-Samit ta' Barċellona. Billi kienet l-ewwel sena ta’ l-implimentazzjoni, l-2006 kienet sena kritika. 2. Taħt il-Presidenza Awstrijaka, matul l-ewwel nofs tas-sena , l-Imsieħba organizzaw il-Konferenza Ministerjali dwar il- Kummerċ f’Marrakech fl-24 ta’ Marzu li fiha analizzaw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Palermo, ikkonfermaw sforzi ulterjuri ta’ liberalizzazzjoni kummerċjali b’mod partikolari bejn in-Nofsinhar u n-Nofsinhar u, l-aktar importanti, nidew negozjati dwar il-kwistjoni tas-servizzi u d-dritt ta’ l-istabiliment. Aktar tard matul is-sena, il-Konferenza tal-Ministri ta’ l-Ekonomija u l- Finanzi f’Tunes (25-26 ta’ Ġunju) iddiskutiet kif tista’ tittejjeb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, parti kruċjali minn aġenda twila li tkopri l-kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji. Mit-22 sat-23 ta' Mejju 2006 fi Vjenna, il-Presidenza u l-Kummissjoni organizzaw b'mod konġunt laqgħa importanti dwar il-‘ ksenofobija, ir-razziżmu u l-midja ’ fejn iltaqgħu flimkien professjonisti tal-midja mir-reġjun ta’ l-Ewromed biex jiddiskutu modi kif għandhom ikunu indirizzati l-problemi tar-razziżmu, il-ksenofobija u l-mibegħda u kif għandu jiġi inkuraġġit ir-rispett għar-reliġjonijiet u l-kulturi kollha. Din il-konferenza enfasizzat ir-rwol sinifikanti li jista’ jkollu l-Partenarjat biex itaffi l-firdiet kulturali li jeżistu fir-reġjun Mediterranju. Barra minn hekk, is-Seminar annwali dwar it- Tranżizzjoni Ekonomika sar fi Brussell bejn is-6 u s-7 ta’ Ġunju (bit-tema: “L-għoti lill-Imsieħba tal-possibbiltà li jipparteċipaw fis-Suq Intern”) u l-laqgħa ta’ tħejjija għall-Ewwel Konferenza Ewromediterranja dwar ir- rwol tan-nisa fis-soċjetà sar fir-Rabat bejn l-14 u s-16 ta' Ġunju. Id-djalogu dwar is- soċjetà ta' l-informazzjoni approvat mil-laqgħa Ministerjali ta' l-2005 li saret f'Dundalk beda f'April 2006, bl-organizzazzjoni ta' l-Ewwel Forum Ewromediterranju dwar is-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni. 3. Matul il-mixja lejn il-Konferenza ta’ Tampere , taħt il-Presidenza Finlandiża fit-tieni nofs tas-sena , l-Imsieħba jkomplu bil-ħidma tagħhom fl-oqsma ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi u r- rwol tan-nisa fis-soċjetà . L-ewwel laqgħa Ministerjali Ewromediterranja f'dan il-qasam se ssir f’Istanbul f’Novembru 2006. Wara s-Samit ta’ Barċellona li nieda l-inizjattiva għall-qirda tat-tniġġis fil-Mediterran (il- Horizon 2020 ) u d-diskussjonijiet sussegwenti mal-pajjiżi msieħba u partijiet interessati oħra fir-reġjun (is-soċjetà ċivili, l-impriżi, ir-reġjuni u l-bliet taż-żona tal-Mediterran), il-Kummissjoni ħejjiet Komunikazzjoni bi proposti għal skeda ta’ żmien għall-miżuri. Il-laqgħa tal-Ministri ta’ l- Ambjent Ewromediterranji li hija skedata għall-20 ta’ Novembru 2006 biex issir il-Kajr mistennija tiffinalizza u tadotta din l-iskeda li se tiffissa l-istadji għall-implimentazzjoni tal- Horizon 2020 . Il-Ministri ta’ l- Industrija Ewromediterranji se jiltaqgħu wkoll f’Rodi biex jiftehmu dwar l-oqsma ta’ prijorità għall-kooperazzjoni ekonomika taħt il-Politika Ewropea ta’ Viċinat u biex jirrinforzaw il-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward tal-kompetittività, l-aċċess għas-suq, l-innovazzjoni u l-investiment. L-imsieħba se jkomplu bil-ħidma tagħhom fit-tħejjija tal-laqgħa Ewromediterranja tal-Ministri responsabbli għall- Immigrazzjoni bl-organizzar ta’ laqgħa oħra għal Uffiċjali Għolja Speċjalizzati. Il-forum Ewromediterranju għall- Enerġija ltaqa' (fil-21 ta' Settembru 2006) fi Brussell fuq il-livell ta' Diretturi Ġenerali biex jiġi vvalutat il-progress fil-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-enerġija u biex jinbeda l-iżvilupp ta’ strateġija Ewromediterranja għall-enerġija għall-ġejjieni (għal bejn l-2007 u l-2010 u għas-snin ta’ wara). 4. Mill-parti tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji d- Dokumenti Nazzjonali u Reġjonali ta ’ Strateġija u tal-Programmi Indikattivi , li se jipprovdu l-qafas għall-kooperazzjoni finanzjarja nazzjonali Ewromediterranja mill-2007 ’l quddiem taħt l-Istrument il-ġdid Ewropew ta’ Viċinat u ta’ Partenarjat (l-ENPI). Mill-2007, suġġett għal approvazzjoni formali, l-Istrateġija Reġjonali u l-Programm Indikattiv se jiffukaw prinċipalment fuq il-finanzjament tal-prijoritajiet identifikati fil-Programm ta' Ħidma għal Ħames Snin li ntlaħaq ftehim dwaru fis-Samit ta' Barċellona. 5. Il-Kummissjoni Ewropea tagħti importanza kbira lir- rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ Barċellona. Il-Konferenza tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin Ewromediterranji f’Tampere se tagħti opportunità lir-rappreżentanti tal-Pjattaforma Non-Governattiva biex jippreżentaw ir-riżultati tal-Forum Ċivili ta' Marrakech (3-5 ta' Novembru), l-ewwel wieħed li qatt sar f'pajjiż imsieħeb. F’dan il-qafas, il-Ministri għandhom jappoġġjaw l-inizjattivi biex jissaħħaħ ir-rwol u l-post tas-soċjetà ċivili fil-Partenarjat b'mod speċjali l-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni fil-livelli kollha. Dan jista’ jinkludi l-ħolqien, fil-futur qrib, ta’ pjattaformi nazzjonali non-governattivi biex iservu ta’ strumenti għar-rinforz tal-Partenarjat Ewromediterranju. B) għaxar linji ta’ gwida għall-azzjoni matul it-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma għal ħames snin I. Djalogu politiku u dwar is-sigurtà 1. Sa mill-bidu tiegħu fl-1995, il-Proċess ta’ Barċellona għen biex irawwem kooperazzjoni fir-rigward ta ’ kwistjonijiet politiċi u dwar is-sigurtà , b’diversi miżuri importanti għat-tiswir ta' partenarjat diġà stabbiliti. Barra dan, l-imsieħba Ewromediterranji enfasizzaw b’mod regolari il-ħtieġa ta’ ħolqien ta’ kultura ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni bħala kontribuzzjoni għall-ksib ta’ l-iskop biex isaltnu l-paċi u l-istabilità fir-reġjun. Fl-istess ħin, hemm qbil ġenerali dwar il-fatt li mill-1995 ’l hawn, seħħet bidla sinifikanti fit-theddid għas-sigurtà ta’ l-imsieħba Ewromediterranji. Dan it-theddid illum huwa anqas prevedibbli u jieħu forom aktar diversi li jinkludu it-terroriżmu, il-proliferazzjoni ta’ l-armi ta’ qirda massiva, il-konflitti reġjonali u l-kriminalità organizzata. It-traffikar illeċtu u t-tixrid ta’ armi żgħar u ħfief huwa wieħed mill-fatturi ewlenin fid-destabilizzazzjoni ta’ l-istati, u huwa parti integrali mit-theddid kollu msemmi hawn fuq. Għalhekk huwa waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li jirrigwardaw is-sigurtà li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-imsieħba ta’ l-Ewromed. 2. Huwa komunement aċċettat li l-Proċess ta' Barċellona għandu l-potenzjal li jsaħħaħ il-paċi u s-sigurtà reġjonali , b'mod speċjali billi jippromwovi standards universali u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet multilaterali relevanti dwar id-diżarmament u n-non-proliferazzjoni. F’dan il-kuntest u bl-appoġġ tal-Presidenza u l-Kunsill, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Imsieħba kollha biex jaħdmu bil-għan li jorganizzaw kemm is-seminar reġjonali fuq il-majnijiet splussivi ta ’ kontra l-persunal u l-laqgħa Ewromed ad hoc fuq l-Armi ta ’ Qirda Massiva (id-WMD) u l-metodi ta ’ kunsinna tagħhom . Barra dan, il-Kummissjoni tipproponi li fl-2007 torganizza Seminar Ewromed fuq kwistjonijiet ta ’ sigurtà , li jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' għarfien komuni ta' kwistjonijiet ewlenin reġjonali dwar is-sigurtà. 3. Il-Proċess ta’ Barċellona jipprovdi qafas importanti għall-approfondiment tad-djalogu politiku, u b’hekk jgħin lill-imsieħba Ewromed iħabirku biex jistabbilixxu reġjun Ewromed fejn isaltnu l-paċi, is-sigurtà u l-istabilità, sostnuti mill-iżvilupp sostenibbli, l-Istat tad-Dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Fis-Samit ta’ Barċellona, l-imsieħba Ewromed qablu li jirriflettu fuq approfondiment tal-kooperazzjoni fil-qasam ta' 'standards maqbula internazzjonalment tat-tmexxija ta' l-elezzjonijiet'. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tipproponi li torganizza seminar Ewromed reġjonali fl-2007 fuq il-kooperazzjoni, l-aħjar prattika u l-iskambju ta ’ l-esperjenzi fil-qasam ta ’ l-elezzjonijiet . 4. Il-Kummissjoni hija sostenitriċi kbira ta’ l- Assemblea Parlamentari Ewromediterranja (l-EMPA), għaliex temmen bil-qawwa li l-Proċess ta' Barċellona huwa proċess misjuq mill-politika li fih l-organi leġiżlattivi, li huma l-pedament tas-sistemi demokratiċi kollha, huma kapaċi u għandhom ir-rieda li jassumu rwol attiv. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata b’mod sħiħ li tkompli tirrinforza l-iskambji ma' l-organu parlamentari tal-Proċess ta' Barċellona sabiex jinkisbu l-għanijiet ambizzjużi ffissati mis-Samit ta' Barċellona. F’dan il-kuntest, l-imsieħba għandhom ukoll jikkunsidraw l-awtorizzazzjoni ta’ kooperazzjoni teknika bejn il-parlamenti nazzjonali. II. Implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu 1. L-adozzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewromed għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu hija suċċess politiku kbir li jirrifletti għarfien komuni tar-rwol essenzjali li jista’ jkollu l-qafas reġjonali Ewromed fl-iskambju ta’ l-esperjenzi u l-provvediment ta’ pjattaforma xierqa għal kooperazzjoni msaħħa. Ġie rreġistrat progress fiż-żieda ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji, tal-pulizija u oħrajn, partikolarment permezz tal-programm reġjonali “JAI”. Dan l-aspett se jkompli jkun żviluppat matul it-tieni fażi tal-programm. L-imsieħba issa għandhom jikkonċentraw fuq x ’ miżuri prattiċi għandhom jittieħdu biex jimplimentaw il-Kodiċi ta Kondotta li qablu dwarhom b'mod konġunt . 2. Biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewromed għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, u f’konformità ma’ l-aħħar laqgħa ad hoc (tal-15 ta’ Mejju 2006) fl-ambitu tal-qafas Ewromed, il-Kummissjoni tipproponi li fl-2007 torganizza Seminar Ewromediterranju fuq ir-rwol tal-midja għall-prevenzjoni ta atti sedizzjużi permezz ta komunikazzjoni effettiva u professjonali . Il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-istrutturi ta’ djalogu u kooperazzjoni eżistenti f’dan il-qasam, bħal m’hija l-inizjattiva ‘L-Ewromed u l-Midja’, bħala punt ta’ tluq għas-seminar li qed jiġi ppjanat. L-għan hu li dawk li jfasslu l-politika u li jaħdmu fil-midja jiġu pprovduti b'forum li fih jaqsmu esperjenzi konkreti dwar ir-rwol tal-midja f'dan il-qasam. 3. Barra minn hekk, f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Pjani ta’ Azzjoni tal-Politika ta’ Viċinat u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, il-Kummissjoni qed tippjana wkoll biex fl-2007 torganizza Seminar reġjonali Ewromediterranju fuq metodi kif ikun żgurat ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu skond il-liġi internazzjonali . Is-Seminar se jlaqqa’ flimkien lil uffiċjali governattivi, mħallfin u avukati, u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, f’attentat biex titfassal sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet. III. Żona Ewromed għall-Kummerċ Ħieles u l-Investiment 1. Minbarra l-orjentamenti li kien intlaħaq qbil dwarhom fis-Samit ta’ Barċellona ta’ Novembru 2005, tnidew diversi inizjattivi fil-kuntest tal-partenarjat Ewromed biex jgħinu fil-ksib ta' l-iskop ta' żona ta' Kummerċ Ħieles Ewromed sa l-2010. Kif ġie kkonfermat fil-Konferenza Ewromediterranja li saret f'Marrakech aktar kmieni din is-sena, l-aġenda għall-2007 se tikkonċentra fuq l-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi, jiġifieri n-negozjati dwar il- liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi u d-dritt ta ’ istabiliment , in-negozjati dwar l-approfondiment tal-liberalizzazzjoni fil-qasam ta’ l-agrikoltura, il-ħolqien ta’ mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim u l-konverġenza tar-regolamentazzjoni. Ir-riżultati tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt fuq l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Kummerċ Ħieles Ewromediterranju mistennija għall-aħħar ta’ l-2006 se jitqiesu matul in-negozjati ġodda dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ. Biex jivvalutaw il-progress irreġistrat f’dawn l-oqsma, il-Ministri tal-Kummerċ Ewromediterranji jistgħu jaħsbu biex jorganizzaw laqgħa ministerjali fit-tieni nofs ta' l-2007 . 2. Fir-rigward ta s-servizzi u l-istabiliment , bdew taħditiet ma’ seba’ pajjiżi msieħba Mediterranji (l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana u t-Tuneżija). It-taħditiet qed isiru fuq livell reġjonali fi sforz biex titfassal definizzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-liberalizzazzjoni li jkunu komuni għall-imsieħba Mediterranji kollha. Isegwu fi żmien opportun negozjati bilaterali dwar impenji speċifiċi ma’ kull wieħed mill-imsieħba Mediterranji. 3. Dwar prodotti agroalimentari u prodotti tas-sajd , in-negozjati dwar il-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ ibbażata fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tar-Rabat (2005) bdew ma’ għadd ta’ msieħba Mediterranji bil-għan li jiġu konklużi ftehimiet u li tibda l-implimentazzjoni tagħhom, possibbilment sa l-2007. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta’ progress fir-rigward ta’ miżuri ta’ akkumpanjament relatati ma’ l-aspetti mhux tariffarji tal-kummerċ agrikolu u ma’ kwistjonijiet oħra, bħall-iżvilupp rurali, bħala premessa għas-suċċess u l-effikaċja ta’ l-implimentazzjoni għall-benefiċċju tal-partijiet kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq implimentazzjoni f’waqtha ta’ l-azzjonijiet relatati kif stabbilit fil-Pjani ta’ Azzjoni tal-Politika tal-Viċinat. 4. Sabiex jissolva t-tilwim fil-qasam tal-kummerċ, tnidew negozjati konġunti ma’ l-imsieħba Mediterranji kollha biex jintaħaq ftehim dwar il-ħolqien ta' Mekkaniżmu għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim li jkun jinkludi regoli ta’ proċedura speċifiċi għal dan l-effett. 5. Il-programm ta’ ħidma 2007-2008 dwar il- kooperazzjoni Industrijali Ewromediterranja li l-Ministri ta’ Industrija adottaw fil-Konferenza Ewromediterranja ta’ Settembru ta’ l-2006 li saret f’Rodi jikkonsisti f’ħames taqsimiet: il-kompetittività ta’ l-intrapriżi, l-innovazzjoni, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-prodotti industrijali, id-djalogu dwar il-ġejjieni ta’ l-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ u l-investiment. 6. Il-proposti għall-2007-2008 imfassla biex jirrinforzaw il-kompetittività ta ’ l-intraprizi huma għall-kisba ta’ appoġġ ulterjuri fil-pajjiżi msieħba Mediterranji għall-Karta Ewromediterranja għall-Intrapriżi fis-setturi relevanti kollha fuq il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li jfittxu b’mod partikolari li jinvolvu lis-settur privat, inklużi l-organizzazzjonijiet kummerċjali, aktar mill-qrib fil-proċess deċiżjonali tal-Karta u l-implimentazzjoni tiegħu. Barra dan, għadd ta’ programmi u attivitajiet attwati fl-UE biex jippromwovu l-innovazzjoni se jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ l-imsieħba Mediterranji. 7. Fis-setturi fejn il-leġiżlazzjoni hija armonizzata fuq il-livell ta’ l-UE, il-pajjiżi msieħba Mediterranji se jitħeġġu aktar biex il-leġiżlazzjoni, l-istandards u l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità tagħhom iġibuhom jaqblu mas-sistema ta’ l-UE bil-għan li jitneħħew il-barrieri tekniċi għall-kummerċ ġejjin minn regoli u standards tekniċi diverġenti. Il-pajjiżi msieħba Mediterranji se jirċievu għajnuna sabiex iħaffu r-riformi u l-konverġenza tar-regolamentazzjoni , u jistabbilixxu, jew itejbu, l-infrastruttura u l-leġiżlazzjoni meħtieġa fejn tidħol kwalità, bil-ħsieb li jkunu konklużi l-Ftehimiet dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali (l-ACAA) fis-setturi ta' interess komuni hekk kif jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet. 8. Il-Programm ta’ Ħidma għal Ħames Snin jipprovdi għat-twaqqif ta’ grupp ad hoc biex jeżamina modi kif ikunu stimulati l-flussi ta ’ l-investiment fil-reġjun Mediterranju kollu . Matul l-ewwel nofs ta ’ l-2007, il-Kummissjoni bi ħsiebha torganizza l-ewwel laqgħa tal-grupp ad hoc f'konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet Ewromediterranji relevanti. L-għan ta’ dan il-grupp ad hoc għandu jkun li jidentifika l-ostakli strutturali u regolatorji għall-investimenti minn barra fil-pajjiżi u r-reġjun, jipproponi miżuri biex ikunu indirizzati dawn l-ostakli inkluża l-konverġenza lejn l-aħjar prattika, u jagħmel enfasi fuq l-attivitajiet ta’ promozzjoni ta’ l-investimenti. B’rispons għall-prijorità għolja li l-Imsieħba Mediterranji jagħtu lill-investiment bħala settur ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni bi ħsiebha tinkludi programm ta’ kooperazzjoni dwar l-investiment fil-Programm Indikattiv Reġjonali għall-2007-2009. 9. Skond id-deċiżjoni tal-Kunsill ECOFIN ta’ Novembru 2003, li rrikkmandat li jsir eżami tal-faċilità FEMIP qabel l-aħħar ta’ l-2006, u filwaqt li tibni fuq it-tieni Konferenza Ministerjali Ewromed ECOFIN/FEMIP li kient saret Tunis bejn il-25 u s-26 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni u l-BEI se jissottomettu rapport ta’ valutazzjoni konġunt lill-Kunsill ECOFIN li mbagħad f ’ Novembru ta ’ l-2006 jieħu deċiżjoni dwar il-ġejjieni ta ’ FEMIP. Il-Konferenza Ministerjali Ewromed ECOFIN/FEMIP li jmiss hija ppjanata għal Mejju 2007 f ’ Ċipru . IV. Enerġija u Trasport 1. Il-kwistjonijiet dwar l-Enerġija u t-Trasport, li r-“rwol ċentrali” tiegħu fid-dimenzjoni ekonomika tal-Partenarjat Ewromediterranju diġà ġiet rikonoxxuta mill-Konferenza ta’ Barċellona ta’ l-1995, huma ta’ importanza dejjem tikber għall-imsieħba ta’ l-Ewromed. Dan kien ukoll enfasizzat mill-Konklużjonijiet Presidenzjali tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2006 li jappellaw għall-"iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika esterna ta' l-enerġija" għall-UE, speċjalment permezz ta' "l-estensjoni tas-suq intern ta’ l-enerġija ta' l-UE għall-ġirien tagħha”. 2. L-adozzjoni tal-prijoritajiet għall- kooperazzjoni Ewromediterranja fil-qasam ta ’ l-enerġija li ġiet deċiża waqt il-Konferenzi Ministerjali dwar l-Enerġija f’Ateni u Ruma fl-2003, u l-implimentazzjoni tagħhom matul il-perjodu 2003-2006, kienet pass importanti ’l quddiem lejn il-ħolqien ta’ suq ta’ l-enerġija Ewromediterranju interkonness u integrat b’mod sħiħ. Il-Forum ta ’ l-Enerġija Ewromediterranju li sar fi Brussell f ’ Settembru 2006 qabel dwar ir-rakkomandazzjonijiet għall-perjodu li jmiss, jiġifieri: l-eżaminar tal-possibbiltà li l-inizjattiva sub-reġjonali ta' l-elettriku fil-Magħreb tkun estiża għall-gass naturali, u l-estenzjoni ta' l-inizjattiva sub-reġjonali tal-gass fil-Maxrek biex tkun tkopri l-elettriku, sakemm il-kondizzjonijiet ikunu jippermettu; l-integrazzjoni tas-swieq ta’ l-enerġija fir-reġjuni Ewromediterranji u s-Sub-Saħħara; u t-tlestija tal-proġetti ta' infrastrutturi meħtieġa ta' l-enerġija. Barra dan, il-Forum innota l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2006 li enfasizzaw l-importanza ta’ l-aspetti esterni tal-politika ta’ l-enerġija ta’ l-UE, speċjalment l-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Interkonnessjoni Prijoritarja għan-netwerks ta’ l-elettriku u l-gass. Il-Forum iddiskuta wkoll l-iżvilupp sostenibbli tas-settur ta’ l-enerġija u l-ħtieġa tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista ta’ l-enerġija, jippromwovi l-iżvilupp ta’ l-enerġiji renovabbli u jagħmel użu aktar effiċjenti ta' l-enerġija. Il-Konferenza Ewromediterranja ta ’ l-Enerġija li jmiss se ssir fl-2007 bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar il-prijoritajiet għall-kooperazzjoni dwar l-enerġija fil-perjodu li ġej. 3. L-adozzjoni tal-prijoritajiet għall- kooperazzjoni tat-Trasport Ewromediterranju li ġiet deċiża waqt il-Konferenza Ministerjali dwar it-Trasport li saret il-Marrakech fl-2006 u l-implimentazzjoni tagħhom matul il-perjodu 2007-2012 tirrappreżenta pass importanti ’l quddiem lejn il-ħolqien ta’ netwerk ta’ Trasport Ewromediterranju integrat multinodali u l-implimentazzjoni tal-linji strateġiċi ewlenin għall-kooperazzjoni Ewromediterranja ġejjiena fis-settur tat-Trasport, b’mod speċjali l-modernizzazzjoni u r-riforma tat-Trasport bil-baħar u l-ajru, it-tisħiħ tat-Trasport multinodali, kif ukoll il-promozzjoni tal-Programm GNSS fir-reġjun. Dawn il-prijoritajiet huma msejsa fuq il- Blue Paper dwar it-Trasport fir-reġjun Mediterranju, dokument konġunt imfassal fil-qafas tal-Forum dwar it-Trasport Ewromediterran. Din il- paper tidentifika l-orjentazzjonijiet prinċipali għall-iżvilupp ta’ sistema ta’ Trasport integrata Ewromediterranja għall-perjodu li ġej u fuq ir-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-estenzjoni ta’ l-assi prijoritarji tat-Trasport Tranż-Ewropew għall-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari l-implikazzjonijiet ta’ din l-estenzjoni għar-reġjun tal-Mediterran. Il-Kummissjoni aċċettat dawn l-isfidi b’mod deċiż billi fl-aħħar tnax-il xahar nidiet proġetti fl-oqsma tar-riforma ta’ l-avjazzjoni ċivili, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ Awtostradi Mediterranji tal-Baħar. Barra dan, il-Forum dwar it-Trasport Ewromediterranju segwa wkoll il-għan tal-Programm ta’ Ħidma għal Ħames Snin li huwa l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-Mediterran billi nieda proġett ta’ tliet snin, is-SAFEMED, kontra t-tniġġis marittimu fir-reġjun. Fix-xhur li ġejjin huwa mistenni li l-Forum dwar it-Trasport Ewromediterranju jadotta Pjan ta ’ Azzjoni Reġjonali għat-Trasport għall-ħames snin li ġejjin biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet inklużi fil-Blue Paper u r-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli. V. L-Ambjent 1. Fl-2007, tibda l-implimentazzjoni ta’ l- inizjattiva Horizon 2020 għall-qirda tat-tniġġis tal-Mediterran bl-identifikazzjoni ta’ proġetti prijoritarji għat-tnaqqis tat-tniġġis, u bil-miżuri ta’ rinfurzar tal-kapaċitajiet prijoritarji fil-pajjiżi msieħba. Dan ix-xogħol isir b’koordinazzjoni mill-qrib bejn il-pajjiżi msieħba, donaturi bħall-BEI u l-Bank Dinji, u l-partijiet u n-netwerks interessati fis-settur ta' l-ambjent bħall-UNEP/MAP u l-Kumitat Mediterranju għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-attenzjoni se tkun ukoll fuq l-identifikar tal-ħtiġiet prijoritarji fir-riċerka relatata ma’ l-ambjent. Se jitwaqqaf grupp ta ’ tmexxija biex imexxi l-inizjattiva Horizon 2020 , fuq il-bażi ta’ l-indikaturi u ta’ ‘skeda ta’ valutazzjoni’ li jkunu żviluppati b’mod konġunt mill-Aġenzija Ewropea ta’ l-Ambjent, il-Pjan ta’ Azzjoni Mediterranju u l-Kummissjoni Ewropea, bl-involviment attiv tal-pajjiżi fir-reġjun. 2. Il-kooperazzjoni bejn l-imsieħba Komunitarji u dawk Mediterranji għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran se tkun intensifikata, b'mod partikolari fl-entitajiet reġjonali kompetenti (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta' l-Atlantiku), f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tas-Sajd fil-Mediterran li kienet saret f’Venezja (Novembru 2003). Barra minn hekk, fil-qafas tal-proċess ta' konsultazzjoni miftuħ dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni "Lejn Politika Marittima Ġejjiena għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra", l-imsieħba huma mistiedna jikkontribwixxu għall-proċess ta' diskussjoni li jinsab għaddej bħalissa dwar approċċi ġodda għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-ekonomija marittima, il-ġestjoni tajba u l-ġestjoni tar-riżorsi speċjalment fil-Baħar Mediterran. VI. Edukazzjoni u Żvilupp Soċjali 1. L-Edukazzjoni u l-Edukazzjoni Vokazzjonali u t-Taħriġ (il-VET) kienu ’l fuq ħafna fl-aġenda tas-Samit ta’ Barċellona. Il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern Ewromediterranji ftehmu li jżidu l-finanzjament ta’ l-edukazzjoni b’mod sinifikanti biex jgħollu r-rati tar-reġistrazzjoni, jespandu u jtejbu l-ġlieda kontra l-analfabetiżmu, speċjalment fost il-bniet u n-nisa, u biex jirrinfurzaw il-kapaċitajiet ta' l-universitajiet, partikolarment bl-inkuraġġiment ta' netwerkjar bejniethom u bl-introduzzjoni ta’ standard għall-edukazzjoni universitarja. Wħud minn dawn l-għanijiet ġew indirizzati b’suċċess mill-programmi Tempus u Erasmus Mundus tal-Kummissjoni kif ukoll permezz ta' programmi edukattivi bilaterali. Il-kooperazzjoni bilaterali u l-programmi Komunitarji se jibqgħu għaddejjin matul il-perjodu li ġej. Barra minn hekk, fuq livell reġjonali, il-Kummissjoni se tniedi skema ta' boroż ta' studju għal matul l-2007 għall-istudenti universitarji mill-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, u se tipproponi li fl-2007 torganizza Konferenza Ewromediterranja dwar l-Edukazzjoni Għolja u r-Riċerka biex jiġu diskussi l-kooperazzjoni fis-settur ta' l-edukazzjoni għolja u l-istandards ta' l-edukazzjoni universitarja. Barra dan, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-isforzi Mediterranji fil-qasam ta' l-Edukazzjoni Vokazzjonali u t-Taħriġ fuq livelli reġjonali (il-MEDA - il-proġett ta' l-edukazzjoni u t-Taħriġ għall-Impjieg) u bilaterali. 2. F’konformità mal-Programm ta’ Ħidma għal Ħames Snin, il-prijoritajiet marbuta ma’ l-iżvilupp u r-riformi soċjoekonomiċi sostenibbli , il-Kummissjoni bi ħsiebha tiżviluppa metodu aktar sistematiku għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam, li jikkostitwixxi settur maġġuri għar-rinfurzar ta' koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku. Il-qafas Ewromed jista’ jkollu rwol fil-qsim ta’ l-esperjenzi u provcediment ta’ pjattaforma xierqa għar-rinfurzar tal-kooperazzjoni. L-imsieħba issa għandhom jiffukaw fuq kif jieħdu miżuri prattiċi sabiex jimplimentaw il-prijoritajiet soċjali marbuta ma’ l-iżvilupp kif stipulat fil-Pjani ta’ Azzjoni tal-Politika tal-Viċinat. il-Kummissjoni tipproponi li fl-2007 torganizza werkxop Ewromed dwar il-politika ta ’ l-impjieg u dwar miżuri prattiċi għall-ħolqien ta’ l-opportunitajiet għax-xogħol. F’dan il-kuntest, għandu jsir skambju strutturat li jimmira għall-valutazzjoni ta’ l-aħjar prattika u l-ippjanar dettaljat ta’ appoġġ xieraq għall-miżuri ta’ riforma mal-partijiet interessati u l-imsieħba soċjali relevanti. Il-Werkxop le qed jiġi propost jista’ jwitti t-triq għal Konferenza Ministerjali Ewromed dwar l-Impjieg għall-2008 . 3. Bħala parti mill-Programm ta’ Ħidma għal Ħames Snin, il-Kummissjoni bi ħsiebha tiżviluppa metodu aktar sistematiku għall-kooperazzjoni fejn tidħol is-saħħa , li hija wieħed mis-setturi prinċipali fejn il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku jistgħu jittejbu. Il-Kummissjoni tipproponi li fl-2007 torganizza werkxop dwar is-sorveljanza u l-kontroll ta ’ mard li jittieħed . Kooperazzjoni bħal din tista’ taqdi interessi reċiproċi ċari billi trażżan theddid kontra s-saħħa għall-benefiċċju tal-popolazzjonijiet kollha fuq bażi reġjonali. F’dan il-kuntest, skambju strutturat ta’ esperjenzi u ta’ l-aħjar prattika fil-qasam tal-kooperazzjoni esterna jista’ jgħin biex wieħed jitgħallem mill-programmi ta’ kooperazzjoni u sforzi nazzjonali, biex jiġi żviluppat għarfien komuni ta’ l-għanijet, l-objettivi u t-terminoloġija u biex jingħata appoġġ xieraq lill-miżuri ta’ riforma. Il-werkxop li qed jiġi propost jista’ jwitti triq għal Konferenza Ministerjali Ewromed dwar is-Saħħa għall-2008 li tista’ fost ħwejjeġ oħra tittratta dwar sistemi tas-saħħa u miżuri u attivitajiet prattiċi għar-rikonċiljazzjoni tal-kwalità, is-sostenibilità u l-ekwità tal-kura tas-saħħa. VII. Tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà L-ewwel Konferenza Ministerjali Ewromed dwar it-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà, li se ssir f'Istanbul bejn l-14 u l-15 ta' Novembru 2006 għandha tadotta Pjan ta' Azzjoni għal Ħames Snin (2007-2011) għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-ħajja ekonomika, politika u soċjali tar-reġjun Ewromediterranju. L-imsieħba Ewromed kollha għandhom jikkommettu rwieħhom biex jimmobilizzaw ir-riżorsi finanzjarji bħala appoġġ għall-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni (il-finanzjament nazzjonali, l-ENPI, il-kontribuzzjonijiet bilaterali mingħand l-Istati Membri, l-FEMIP u strumenti finanzjarji relevanti oħrajn). Il-Kummissjoni se taħdem biex jintlaħqu l-għanijiet miġbura fil-Pjan ta' Azzjoni matul il-ħames snin li ġejjin u fl-2007 se tħejji programm reġjonali ġdid (bħala segwitu għall-programm reġjonali Ewromed "Inkabbru l-opportunitajiet għan-nisa fil-ħajja ekonomika") li jkun fih proposti konkreti għal inizjattivi u proġetti strutturati madwar tliet assi prinċipali: id-drittijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni politika, l-integrazzjoni soċjo-ekonomika; It-tibdil ta' l-isterjotipar assoċjat mal-mara permezz ta' l-edukazzjoni u l-midja. Bħala riżultat tal-konferenza ta' Istanbul se jitwaqqaf grupp indipendenti ta' livell għoli biex jiżviluppaw sett ta' indikaturi sabiex tkun sorveljata u vvalutata l-implimentazzjoni ġenerali tal-Pjan ta' Azzjoni. Il-grupp ta' livell għoli jħejji l-ewwel rapport tiegħu fl-2007 u dan jippreżentah lill-Kumitat Ewromed u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jkunu sottomessi fil-Konferenza tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin Ewromed. Konferenza Ministerjali Ewromed ta' segwitu biex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati ma' l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ser issir fl-2009 . VIII. Soċjetà ta' l-Informazzjoni L-Ewwel Konferenza Ewromediterranja dwar is-Soċjetà ta' l-Informazzjoni li saret f'Dundalk (l-Irlanda) f'April ta' l-2005 stabilixxiet id-Djalogu Ewromed dwar l-iżvilupp tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni inkluż ir-regolament tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-Kummissjoni tipproponi li torganizza t-Tieni Konferenza Ewromediterranja dwar is-Soċjetà ta' l-Informazzjoni fl-2007 , preferibbilment f'pajjiż Mediterranju msieħeb, biex jiġi vvalutat il-progress miksub fil-qasam ta' l-armonizzazzjoni tar-regolamentazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji, il-ftuħ tas-swieq tat-telekomunikazzjoni, u l-iskambju ta' l-esperjenzi fis-setturi ta' l-edukazzjoni diġitali u s-servizzi pubbliċi diġitali. Din it-tieni Konferenza dwar is-Soċjetà ta' l-Informazzjoni Ewromed se tkun opportunità biex ikun ivvalutat il-progress miksub fl-implimentazzjoni ta' l-għanijet stabbiliti fil-Pjani ta' Azzjoni tal-Politika Nazzjonali tal-Viċinat. F'dan ir-rigward, il-Ministri jistgħu jkunu jixtiequ jirrevedu l-passi mittieħda għal-liberalizzazzjoni tas-swieq tat-telekomunikazzjoni, l-iżvilupp ta' l-istrutturi armonizzati regolatorji, u l-promozzjoni tas-soċjetà ta' l-informazzjoni permezz tal-penetrazzjoni ta' l-Internet, apparti mezzi oħra. IX. Djalogu Kulturali 1. Fir-rigward ta' djalogu interkulturali il-Proċess ta' Barċellona għandu jkun jista' jforni sensiela ta' azzjonijiet ġodda mfassla biex iservu bħala punt ta' attrazzjoni u biex jiġġieldu kontra attentati biex jifirdu l-kulturi tagħna mis-soċjetajiet. F'dan ir-rigward il-Programm Euromed Heritage u l-Fondazzjoni Anna Lindh – l-ALF – ikomplu jikkontribwixxu għal dan il-għan. Il-35 netwerk ta' l-ALF (li bħalissa jinkludu 'l fuq minn 1000 organizzazzjoni) għandu jkollhom rwol importanti bit-tnedija ta' sensiela ta' inizjattivi għal għarfien reċiproku aħjar fir-reġjun Ewromediterranju. Il-Ministri f'Tampere jistgħu jieħdu nota ta' l-ideat/proposti mressqa fil-laqgħa tal-Kapijiet tan-Netwerks qabel il-laqgħa ta' Tampere. L-ALF għandha wkoll tkun mistiedna biex tikkontribwixxi għat-tħejjijiet tas-'Sena Ewropea 2008 tad-Djalogu Interkulturali'. Fl-2007 tista' ssir Laqgħa tal-Ministri Ewromed tal-Kultura biex tiddiskuti l-aġenda interkulturali tal-Proċess ta' Barċellona, teżamina r-riżultati ta' l-ewwel 3 snin ta' l-ALF u tipproponi rbit ma' inizjattivi oħra bħal mhuma s-segwitu għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali jew l-Alleanza taċ-Ċivilizzazzjonijiet. 2. Wara d-diskussjonijiet tal-Kumitat Ewromed dwar il-kwistjoni tal-kartuns, ingħataw appoġġ sħiħ il-proposti mressqa mill-Kummissjoni ('Dekalogu' DS 29/06) dwar kif isir użu aħjar tad-diversi strumenti Ewromed għall-promozzjoni ta' djalogu interkulturali, b'mod speċjali billi jittejjeb l-involviment tal-midja u l-opinjonisti u billi tintlaħaq is-soċjetà ċivili. Il-Ministri għandhom japprovaw dawn is-suġġerimenti u jagħtu mandat lill-Kumitat Ewromed biex isegwi billi jesegwixxi d-Dekalogu. X. Immigrazzjoni 1. Il-migrazzjoni, l-integrazzoni soċjali, il-ġustizzja u s-sigurtà saru kwistjonijiet politiċi maġġuri fil-Proċess ta' Barċellona. L-impenji politiċi meħuda fis-Samit ta' Barċellona jrid jkunu tradotti f'miżuri u azzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati dawn il-fenomeni permezz ta' metodu komprensiv u integrat. L-adozzjoni f'Valenzja fl-2002 tad-dokument qafas reġjonali u l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-programm reġjonali "MEDIA-JAI" irrappreżentaw pass importanti 'l quddiem, kif ukoll servew biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni fuq livell bilaterali. Is-sorveljanza tal-Pjani ta' Azzjoni ENP fis-sottokumitati "Ġustizzja u Sigurtà" u fil-gruppi ta' ħidma "Immigrazzjoni u affarijiet soċjali" tipprovdi bażi soda għall-eżekuzzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u l-Pjani ta' Azzjoni ENP. 2. Filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-immigrazzjoni fuq livell reġjonali, il-qafas Ewromed, b'mod speċjali permezz ta' l-istrumenti legali u finanzjarji tiegħu, jippermetti approċċ strateġiku mfassal biex il-benefiċċji ta' l-immigrazzjoni jkunu sfruttati għall-ġid ta' l-Imsieħba kollha. F'konformità mal-Kapitolu IV tal-Programm ta' Ħidma għal Ħames Snin adottat fis-Samit ta' Barċellona u bħala segwitu għas-suċċess miksub fil-laqgħa ta' l-Uffiċjali Għolja speċjalisti li kienet saret fl-20 ta' Ġunju 2006, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ id-djalogu reġjonali fuq l- immigrazzjoni permezz ta' kooperazzjoni operattiva. 3. F'konsultazzjoni ma' l-Imsieħba Ewromed kollha, il-Kummissjoni tipproponi programm ta' ħidma dettaljat u ffukat li jkun fih proposti konkreti dwar inizjattivi u proġetti strutturati madwar tliet assi: l-immigrazzjoni legali, l-immigrazzjoni u l-iżvilupp, u l-immigrazzjoni illegali. F'dan il-kuntest, għandhom ikunu kkunsidrati wkoll il-kontribuzzjonijiet minn inizjattivi internazzjonali oħra bħal ma hija l-laqgħa Ministerjali Ewro-Afrikana tar-Rabat dwar l-immigrazzjoni. Biex ikun żviluppat għarfien komuni ta' l-attivitajiet attwali relatati ma' l-immigrazzjoni, għandha ssir analiżi globali tal-proġetti bilaterali eżistenti b'finanzjament Komunitarju fl-oqsma ta' l-immigrazzjoni u l-iżvilupp, u l-immigrazzjoni legali u illegali, fuq il-bażi ta' informazzjoni pprovduta mill-Imsieħba kollha. Wara li jkun tħejja, dan il-Programm ta' Ħidma jservi bħala bażi għal- laqgħa Ministerjali Euromed dwar l-immigrazzjoni li mistennija ssir fl-2007 bil-għan li tkun approvata sensiela ta' miżuri ulterjuri għall-promozzjoni ta' kooperazzjoni fuq il-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-immigrazzjoni. C) Metodi ta' ħidma 1. Il-Partenarjat Ewromediterranju rnexxielu jistabbilixxi rabtiet politiċi u istituzzjonali għat-tul bejn l-Ewropa u l-Imsieħba Mediterranji tiegħu f'żewġ dimensjonijiet kumplimentari: a) dimensjoni multilaterali mal-Konferenzi tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin Ewromediterranji u l-Konferenzi Ewromediterranji f'varjetà kbira ta' setturi; u b) dimensjoni bilaterali mal-konklużjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni rinfurzati bl-ENP u l–Pjani ta' Azzjoni nazzjonali. Madankollu, jeżisti qbil ġenerali li d-dimensjonijiet reġjonali u multilaterali tal-Proċess ta' Barċellona jridu jitjiebu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali kumplessi li qegħdin jinħolqu u li jinvolvu 35 imsieħeb u l-Kummissjoni Ewropea. Huwa meħtieġ li l-Partenarjat jikkomunika aħjar , irid itejjeb ir-responsabbiltà komuni tal-partijiet interessati u l-parteċipanti kollha, u jrid ikun aktar operattiv, effiċjenti u orjentat lejn ir-riżultati. 2. Il-Kummissjoni ser tappoġġja lill-Imsieħba tagħha fl-isforzi li jagħmlu biex itejbu l-viżibilità u r-responsabbiltà komuni tal-proċess, u biex jiżguraw eżekuzzjoni effiċjenti u effettiva ta' l-impenji miftiehma adottati mis-Samit ta' Barċellona għall-ħames snin li ġejjin. Il-Kummissjoni tappella għal koordinazzjoni akbar bejn il-Ministri kompetenti , involviment aktar intimu min-naħa tas-soċjetà ċivili , speċjalment fir-rigward tar-rappreżentanti tas-settur privat u sforzi akbar biex jittejbu l-metodi ta' ħidma tal-Partenarjat bħala pass essenzjali lejn it-tiswir ta' qafas reġjonali aktar effiċjenti u operattiv. L-għan huwa li jkun żgurat li l-Konferenzi tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin jitħejjew aħjar u jkollhom struttura aktar soda. It-tħejjija aħjar tal-Konferenzi tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tinkludi l-adozzjoni tad-dokument dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni qabel sewwa ma tibda l-Konferenza, kif ukoll il-konsultazzjoni u l-konsiderazzjoni tal-prijoritajiet espressi mill-Imsieħba kollha. Il-Ministri Ewromediterranji jistgħu wkoll juru x-xewqa li jiltaqgħu kull sena, matul it-tieni nofs tas-sena, biex jilħqu ftehim dwar il-prijoritajiet fl-eżekuzzjoni tal-Programm ta' Ħidma għal Ħames Snin għas-sena ta' wara. Dan it-titjib operattiv, flimkien ma' proposti aktar dettaljati li se jkunu ppreżentati mill-Kumitat ta' Studju ad hoc , se jwittu t-triq għal aktar progress fir-rigward ta' l-istruttura istituzzjonali tal-Partenarjat jekk kemm-il darba ċ-ċirkostanzi politiċi jippermettu dan. [1] L-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Libanu, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, is-Sirja, it-Tuneżija u t-Turkija.