Green Paper dwar titjib fl-effiċjenza ta’ l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru ta’ kontijiet bankarji {SEG(2006) 1341} /* KUMM/2006/0618 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 24.10.2006 KUMM(2006) 618 finali GREEN PAPER DWAR TITJIB FL-EFFIĊJENZA TA’ L-INFURZAR TAS-SENTENZI FL-UNJONI EWROPEA: IS-SEKWESTRU TA’ KONTIJIET BANKARJI (preżentat mill-Kummissjoni){SEG(2006) 1341} GREEN PAPER DWAR TITJIB FL-EFFIĊJENZA TA’ L-INFURZAR TAS-SENTENZI FL-UNJONI EWROPEA: IS-SEKWESTRU TA’ KONTIJIET BANKARJI l-għan ta' din il-Green Paper hu li titnieda konsultazzjoni wiesgħa fost il-partijiet interessati dwar kif għandu jitjieb l-infurzar ta' talbiet ta' krediti monetarji fl-Ewropa. Il-Green Paper tiddeskrivi l-problemi tas-sitwazzjoni preżenti u tipproponi l-ħolqien ta’ sistema Ewropea għas-sekwestru ta’ kontijiet bankarji bħala soluzzjoni possibbli. Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom qabel il- 31 ta’ Marzu 2007 u jibagħtuhom f’dan l-indirizz: Il-Kummissjoni EwropeaId- Direttorat-Ġenerali għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-SigurtàUnità C1 - Ġustizzja ĊiviliB - 1049 BrussellFaks: +32-2/299 64 57E-mail: jls-coop-jud-civil@cec.eu.int Il-partijiet interessati huma mitluba jsemmu b'mod speċifiku jekk jixtiqux li l-kummenti tagħhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni bi ħsiebha torganizza seduta pubblika dwar is-suġġett tal-Green Paper. Dawk kollha li jkunu bagħtu rispons huma mistiedna jattendu. 1. INTRODUZZJONI 1.1. Dgħufijiet tas-sitwazzjoni preżenti Il-liġi ta’ l-infurzar ġieli tissejjaħ l-“Għarqub ta’ Akille” taż-Żona Ġudizzjarja fil-qasam Civili. Filwaqt li numru ta’ strumenti Komunitarji jipprovdu għal ġurisdizzjoni tal-qrati, għal proċedura biex is-sentenzi jiġu rikonoxxuti u ddikjarati infurzabbli u għal mekkaniżmi għall-kooperazzjoni tal-qrati fi proċeduri ċivili, l-ebda proposta leġiżlattiva għadha ma ntgħamlet għall-miżuri attwali ta’ l-infurzar. Sallum, l-eżekuzzjoni ta’ ordni tal-qorti wara li tkun ġiet iddikjarata infurzabbli fi Stat Membru ieħor għadha kompletament affari tal-liġi nazzjonali. Il-frammentazzjoni preżenti tar-regoli nazzjonali dwar l-infurzar ixxekkel il-ġbir tad-djun bejn il-fruntieri b’mod drastiku. Il-kredituri li jfittxu li jinfurzaw ordni fi Stat Membru ieħor jiġu f’konfront ma’ sistemi legali differenti, rekwiżiti proċedurali u xkiel minħabba l-lingwa li jinvolvu spejjeż u dewmien ulterjuri fil-proċeduri ta’ l-infurzar. Fil-prattika, kreditur li jfittex li jirkupra talba monetarja fl-Ewropa ġeneralment jipprova jagħmel dan bil-ksib ta' sekwestru[1] tal-kont(ijiet) banjarju/i tad-debitur tiegħu. Proċeduri bħal dawn jeżistu fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri u, jekk ikunu jaħdmu b’mod effiċjenti, jistgħu jkunu arma qawwija kontra debituri diżubbidjenti stinati jew qarrieqa. Madankollu, filwaqt li llum id-debituri jistgħu jċaqalqu flushom kważi b’mod istantanju, minn kontijiet magħrufa mill-kredituri tagħhom għal kontijiet oħra fl-istess Stat Membru jew Stat Membru ieħor, il-kredituri ma jistgħux jibblukkaw dawn il-flus bl-istess għaġla. Taħt l-istrumenti Komunitarji eżistenti, mhux possibbli tikseb sekwestru bankarju li jista’ jiġi infurzat fl-Unjoni Ewropea kollha. B’mod partikolari, ir-Regolament 44/2001 (Brussell I)[2] ma jiggarantix li rimedju protettiv bħal mhu sekwestru bankarju miksub ex parte jkun rikonoxxut u infurzat fi Stat Membru ieħor għajr f’dak li jkun ħareġ ir-rimedju[3]. Il-Kummissjoni diġà nnutat id-diffikultajiet fl-irkupru tad-djun minn pajjż għall-ieħor fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-1998 'Lejn effiċjenza akbar fil-ksib u l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea[4]. Minħabba d-diversità fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri u l-komplessità tas-suġġett, il-Kummissjoni pproponiet li għall-bidu tillimita r-riflessjonijiet tagħha fuq il-problema tal-qbid bankarju[5]. Sentejn wara, il-Programm għar-Rikonoxximent Reċiproku sejjaħ lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-miżuri tas-sekwestri fejn jidħlu l-banek[6]. Fl-2002, il-Kummissjoni ħarġet sejħa għall-offerti għal studju dwar iż-żieda fl-effiċjenza ta’ l-infurzar tad-deċiżjonijiet ġuridiċi fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport ta’ l-istudju janalizza s-sitwazzjoni fil-15-il Stat Membru ta' dak iż-żmien u jipproponi diversi miżuri biex jittejjeb l-infurzar tad-deċiżjonijiet ġuridiċi fl-Unjoni Ewropea, notevolment il-ħolqien ta’ ordni Ewropea għas-sekwestru ta’ kontijiet bankarji, ordni protettiva Ewropea għall-istess għan u għadd ta’ miżuri għat-tkabbir tat-trasparenza ta’ l-assi tad-debitur[7]. Din l-aħħar kwistjoni se tkun ittrattata fi Green Paper li se tiġi ppubblikata fl-2007. Il-problemi ta’ l-irkupru tad-djun bejn il-fruntieri jistgħu jkunu ta’ periklu billi joħolqu ostaklu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ ordnijiet ta’ ħlasijiet monetarji fl-Unjoni Ewropea u impediment għall-funzjonament xieraq tas-Suq Intern. Ħlasijiet tard u ħlasijiet mhux onorati jipperikolaw l-interessi kemm ta' l-impriżi kif ukoll tal-konsumaturi. Id-differenzi fl-effiċjenza fl-irkupru tad-djun fl-Unjoni Ewropea wkoll jistgħu jkunu ta’ periklu billi joħolqu tfixkil fil-kompetizzjoni fost l-impriżi li joperaw fl-Istati Membri kif ukoll bejn sistemi effiċjenti għall-infurzar ta’ l-ordnijiet tal-ħlasijiet monetarji u dawk fejn dan mhux il-każ. Għaldaqstant jinħtieġ li tiġi kkunsidrata azzjoni dwar dan is-suġġett. 2. SOLUZZJONI POSSIBBLI: SISTEMA EWROPEA GħAS-SEKWESTRU TA' KONTIJIET BANKARJI Soluzzjoni possibbli tista’ tkun il-ħolqien ta’ ordni Ewropea għas-sekwestru ta’ kontijiet bankarji li tippermetti lill-kreditur jiżgura somma flus dovuta lilu jew mitluba minnu billi ma jħallix li jsiru caqliq jew trasferimenti ta' fondi miżmuma bħala kreditu tad-debitur tiegħu f'wieħed mill-kontijiet bankarji jew aktar fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea.[8] Ordni bħal din ikollha effett protettiv biss, jiġifieri tibblokka l-fondi ta’ debitur f’kont bankarju mingħajr ma dawn jiġu trasferiti lill-kreditur. Il-proċedura tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet ta’ l-għoti ta’ l-ordni inkluż livell xieraq ta’ ħarsien tad-debitur. Ordni għal sekwestru maħruġa f’wieħed mill-Istati Membri tkun rikonoxxuta u infurzabbli fl-Unjoni Ewropea kollha mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzabilità. Sistema bħal din tista’ tiġi stabbilita billi tkun imfassla proċedura Ewropea ġdida u awtonoma, li tkun disponibbli flimkien mal-miżuri eżestenti taħt il-liġi nazzjonali, jew billi jiġu armonizzati r-regoli nazzjonali ta’ l-Istati Membri għas-sekwestru ta’ kontijiet bankarji permezz ta’ direttiva. F’dan il-każ ta’ l-aħħar, ikun hemm il-ħtieġa li jsiru dispożizzjonijiet ulterjuri biex ikunu żgurati r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ l-ordni ta’ sekwestru maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea kollha. Id-deċiżjoni dwar jekk titteħidx inizjattiva leġiżlattiva jew le f’dan il-qasam tiddependi minn valutazzjoni ta’ l-impatt li fiha ssir analiżi tal-kobor tal-problemi fl-irkupru tad-djun bejn il-fruntieri u minn kemm huma effettivi l-alternattivi possibbli għar-regoli Ewropej. Is-suġġerimenti indikati f’din il-Paper ma jippreġudikawx dak li joħroġ mill-valutazzjoni ta’ l-impatt. Mistoqsija 1: Inti tara ħtieġa ta’ strument Komunitarju għal sekwestru ta’ kontijiet bankarji biex jittejjeb l-irkupru tad-djun fl-UE? Jekk iva, għandha tinħoloq proċedura Ewropea awtonoma jew issir armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri dwar is-sekwestru tal-kontijiet bankarji? Mistoqsija 2: Inti taqbel li strument Komunitarju għandu jkun limitat għal ordnijiet protettivi li jżommu l-ġbid u t-trasferiment ta’ flus li jidhru bħala kreditu fil-kontijiet bankarji? 3. PROċEDURA GħALL-KSIB TA’ ORDNI TA’ SEKWESTRU 3.1. Ċirkustanzi li fihom kreditur jista’ japplika għal Ordni ta’ Sekwestru Tqum il-mistoqsija dwar f’liema stadju l-kreditur, fil-proċess ta' l-insegwiment ta' talba monetarja, ikun jista' japplika għal ordni ta' sekwestru taħt is-sistema Ewropea. Potenzjalment hemm erba' mumenti meta l-kreditur jista' japplika għal ordni protettiva bħal din biex jissalvagwardja drittijietu. - qabel il-bidu ta’ proċeduri legali fuq il-merti tat-talba, - kontestwalment mal-preżentazzjoni tal-kawża ewlwnija, - f’kull stadju aktar tard hu u għaddej il-proċediment ġudizzjarju u - waqt il-perjodu bejn il-ħruġ ta’ ordni f’wieħed mill-Istati Membri u ta' dikjarazzjoni ta' inforzabilità ta' l-ordni fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-kont tad-debitur. Hemm l-argument li l-kreditur għandu jingħata flessibilità massima billi jitħalla japplika għal ordni ta’ sekwestru f’kull stadju tal-proċedura. Fuq din il-bażi, għandha ssir riflessjoni bir-reqqa dwar il-protezzjoni xierqa li trid tingħata lill-interessi tad-debitur, b’mod partikolari meta tkun qed tiġi kkunsidrata applikazzjoni għal miżuri proviżorji qabel ma’ jibdew il-proċedimenti prinċipali. Ordni ta’ sekwestru fis-sistema Ewropea tkun tikkumplimenta u tikkonforma ma’ l-istrumenti Ewropej eżistenti fil-qasam tal-ġustizzja ċivili. Mistoqsija 3: L-ordni ta’ sekwestru għandha tkun disponibbli f’kull waħda mill-erba’ ċirkostanzi deskritti hawn fuq fil-paragrafu 3.1 jew f'xi wħud minnhom biss? 3.2. Kondizzjonijiet tal-ħruġ Ordni ta’ sekwestru tista’ tingħata mill-qorti fi proċeduri sommarji meta l-kreditur jixħet applikazzjoni u juża formola ta’ applikazzjoni li hija disponibbli fil-lingwi Komunitarji kollha. Il-kreditur irid l-ewwel jikkonvinċi lill-qorti li t-tabla tiegħu hija ġustifikabbli fil-mertu kontra d-debitur (" fumus boni iuris "). Dritt infurzabbli – ordni tal-qorti jew strument awtentiku – għandu jkun prova biżżejjed tat-talba. Kreditur li jitlob ordni ta’ sekwestru qabel jikseb dritt infurzabbli jrid jipprovdi xiehda li tappoġġjalu t-talba. Mbagħad il-kreditur irid juri l-urġenza tal-każ, bħal pereżempju billi juri li jeżisti riskju reali li l-infurzar tat-talba jista’ ma jirnexxix jekk il-miżura ma tingħatax (" periculum in mora "). Il-varjazzjonijiet fis-sistemi legali ta' l-Istati Membri jinħtieġ li jiġu kkunsidrati bir-reqqa fir-rigward tan-natura preċiża ta’ din il-kondizzjoni billi titqies in-neċessità ta’ bbilanċjar xieraq bejn l-interessi tal-kredituri u dawk tad-debituri. Fl-aħħarnett, il-qorti għandha tkun tista’ tesiġi li l-kreditur jipprovdi sigurtà jew prudenza fir-rigward tal-protezzjoni tad-debitur kontra kull telf jew ħsara kieku l-miżura kellha titwarrab fil-proċeduri prinċipali. Hawnhekk iqumu l-mistoqsijiet dwar jekk l-ammont ta’ sigurtà għandux jitħalla għad-diskrezzjoni tal-qorti jew għal-liġi nazzjonali u wkoll jekk obbligu biex tkun ipprovduta sigurtà jistax ikun stabbilit mingħajr armonizzazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-kreditur għal kwalunkwe telf li d-debitur jista’ jġarrab minn użu ħażin tas-sekwestru jekk fl-aħħar mill-aħħar il-kreditur ma jirnexxilux jistabbilixxi t-talba tiegħu. Mistoqsija 4: X’piż jaqa’ fuq il-kreditur biex jikkonvinċi lill-qorti li t-talba tiegħu kontra d-debitur hija bizzejjed biex tiġġustifika l-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru? Mistoqsija 5 : L-urġenza għandha tkun kondizzjoni għall-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru qabel ma jinkiseb titolu infurzabbli? Jekk iva, x’inhi d-definizzjoni ta’ din il-kondizzjoni? Mistoqsija 6: Il-qorti għandu jkollha diskrezzjoni fl-għoti ta’ Ordni ta’ sekwestru biex tesiġi li l-kreditur jipprovdi depożitu ta’ sigurtà jew garanzija bankarja? Kif għandu jiġi kkalkulat dan l-ammont ta’ depożitu ta’ sigurtà jew garanzija? 3.3. Is-smigħ tad-debitur F’konformità mal-prattika kurrenti f’uħud mill-Istati Membri, jista’ jiġi argumentat li m’għandu jkun hemm l-ebda smigħ dwar l-applikazzjoni jew in-notifika fil-konfront tad-debitur qabel l-eżekuzzjoni tal-qbid bankarju għaliex inkella dan ikun kontro-produttiv għall-iskop li il-flus ma jitħallewx jiċċaqalqu b’detriment potenzjali għall-kreditur u wkoll biex ikun imħares l-“effett tas-sorpriża” tal-miżura. F’dan il-każ, id-debitur għandu jkun notifikat dwar is-sekwestru fl-istess ħin ta' l-eżekuzzjoni tiegħu u jingħata l-possibbiltà li jikkontesta l-infurzar ta' l-azzjoni. Mistoqsija 7: Id-debitur għandu jinstema’ jew jiġi notifikat qabel l-għoti ta’ permess għal qbid bankarju? 3.4. Dettalji meħtieġa dwar tagħrif fuq il-kont(ijiet) Tqum il-mistoqsija dwar it-tip u l-kwantità ta’ tagħrif fuq il-kont(ijiet) tad-debitur li l-kreditur għandu jipprovdi meta japplika għal ordni ta’ sekwestru. Filwaqt li huwa ċar li għandu jiddikjara l-isem preċiż tad-debitur, huwa aktar diffiċli li jiġi determinat il-grad ta’ dettall li huwa meħtieġ dwar il-kont. Partikolarment kontroversjali hija l-kwistjoni dwar jekk il-kreditur għandux jipprovdi n-numru (numri) preċiż(i) tal-kont(ijiet). Billi s-sekwestri bankarji jitħallew isiru f’uħud mill-Istati Membri mingħajr din l-informazzjoni u billi din kultant tkun ostaklu insormontabbli għall-kreditur biex jiskopriha, jista’ jiġi argumentat li n-numru (numri) preċiż(i) tal-kont(ijiet) m’għandux ikun rekwiżit indispensabbli. Madankollu t-tagħrif mogħti mill-kreditur għandu jkun dettaljat biżżejjed biex il-bank ikun jista’ jidentifika lill-klijent tiegħu u biex tkun minimizzata l-inċidenza ta’ qbid bi żball imħabba identitajiet żbaljati. Għandu jitqies jekk, flimkien ma’ l-isem preċiż tad-debitur, ikunx biżżejjed li jintalbu d-dettalji tal-fergħa tal-bank fejn jinsab(u) l-kont(ijiet). Mistoqsija 8 : X’għandu jkun l-anqas ammont ta’ tagħrif fuq il-kont(ijiet) meħtieġ għall-ħruġ ta' Ordni ta' Sekwestru? 3.5. Kwistjonijiet ġurisdizzjonali Billi fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri l-qrati li jiddeċiedu l-proċeduri prinċipali għandhom il-kompetenza għall-miżuri protettivi, jista’ jiġi argumentat li qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq il-merti taħt ir-regoli relevanti tal-liġi Komunitarja għandha tkun kompetenti wkoll għal ordni protettiva taħt is-sistema Ewropea. Barra mill-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fl-azzjoni ewlenija, l-ordni tas-sekwestru tista' tingħata mill-qrati ta' l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, jekk differenti; u/jew il-qrati ta’ kwalunkwe Stat Membru fejn jinżamm kont bankarju li jkun se jinqabad. Billi l-għan ta’ l-istrument Ewropew huwa li jirrimedja s-sitwazzjoni preżenti li fiha l-kreditur irid imur fl-Istat Membru fejn jinżamm il-kont, jista’ jkun ġustifikat li l-kreditur jitħalla jagħżel bejn id-diversi fora li ssemmew hawn fuq. Mistoqsija 9: Inti taqbel li l-qrati li jgawdu ġuriżdizzjoni għall-merti tal-każ taħt liġi Komunitarja relevanti u/jew il-qrati fejn jinżamm il-kont għandhom ikunu kompetenti għall-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru? Il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut dejjem għandu jkollha ġuriżdizzjoni għall-ħruġ ta’ sekwestru, anke jekk ma jkollhiex ġuriżdizzjoni taħt ir-Regolament 44/2001? 4. AMMONT U LIMITI TA’ ORDNI TA’ SEKWESTRU FIS-SISTEMA EWROPEA 4.1 . Ammont li għandu jiġi garantit Il-limitar tas-sekwestru għal ammont speċifiku, aktar milli jkun permess l-ibblukkar tal-bilanċ sħiħ ta’ kreditu favur id-debitur fil-kont(ijiet) maqbud(a) jiskuraġġixxi l-abbuż u jkun proporzjonat. Dan l-ammont għandu jkun ibbażat fuq is-somma mitluba mill-kreditur (inklużi l-ħlasijiet ta' l-imgħax u l-ispejjeż ġudizzjarji dovuti lill-kreditur). Jinħtieġ li jkun ikkunsidrat sa liema limitu għandhom ikunu garantiti l-ammonti ulterjuri, l-aktar il-pagamenti futuri ta' mgħax u l-spejjeż tal-kreditur biex japplika għas-sekwestru u biex jimplimentah (l-ispejjeż ta’ l-avukati, ta' l-uffiċjali ta' l-infurzar u tal-bank (banek). Mistoqsija 10: Inti taqbel li s-sekwestru għandu jkun limitat għal ammont speċifiku? Jekk iva, kif għandu jiġi determinat dan l-ammont? 4.2. Spejjeż tal-banek Wieħed jista’ jargumenta li l-eżekuzzjoni ta’ sewkwestru bankarju u s-sorveljar ta’ l-ammonti li jidhru bħala kreditu fil-kont ta’ debitur joħolqu certi spejjeż għall-banek. Wieħed jista’ wkoll jargumenta li l-banek għandhom jesegwixxu s-sekwestri bħala dmir pubbliku u jassorbu l-ispejjeż kollha li jinqalgħu bħala parti mill-ispejjeż operattivi tagħhom. Minn żmien għal żmien il-banek ikunu wkoll kredituri huma stess, jew ikollhom kredituri bħala klijenti tagħhom, u għalhekk għandhom interess fis-suċċess ta’ l-irkupru tat-talbiet. Għaldaqstant tqum il-mistoqsija dwar jekk il-banek għandhomx jitħallsu għal xogħolhom fl-eżekuzzjoni tas-sekwestri u, jekk iva, jekk l-ammont li għalih huma intitolati għandux ikun limitat skond livell nazzjonali jew Ewropew. Irid ukoll jiġi kkunsidrat jekk kreditur għandux jinġiegħel iħallas lill-bank qabel l-eżekuzzjoni tas-sekwestru jew jekk il-bank għandux inaqqas l-ammont pagabbli mill-kont maqbud. Mistoqsija 11: Inti jidhirlek li l-banek għandhom jitħallsu għall-eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Sekwestru? Jekk iva, l-ammont li għalih huma intitolati għandu jiġi limitat? Il-kreditur għandu jħallas lill-bank bil-quddiem jew l-ammont dovut għandu jitnaqqas mill-bilanċ ta’ kreditu fil-kont maqbud? 4.3. Sekwestri ta’ kontijiet diversi, konġunti u f’isem persuni nominati Jekk kreditur ikun irid jibblokka għadd ta’ kontijiet f’daqqa li jkunu qegħdin fi Stat Membru jew f’diversi Stati Membri għaliex l-ammont f’kont wieħed jista’ ma jkunx biżżejjed biex ikopri t-talba, tinqala’ l-mistoqsija jekk u kif l-ammonti sekwestrati f’kull wieħed minn dawn il-kontijiet jistgħu jkunu limitati biex jiġi evitat is-sekwestru tad-doppju jew it-tripplu ta’ l-ammont dovut. Din il-problema hija simili għas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’uħud mill-ġurisdizzjonijiet fejn sekwestru notifikat lill-uffiċċju ċentrali ta' bank jissekwestra l-kontijiet kollha fil-fergħat lokali tal-bank. Waħda mill-possibbiltajiet kif tiġi indirizzata l-problema tista’ tkun il-provvediment għat-trasferiment ta’ l-ammont dovut għal kont separat u l-iżblukkar tal-kontijiet maqbuda. Għandha titqies il-kwistjoni dwar kif sistema bħal din tista’ topera ma’ banek differenti u fi Stati Membri differenti. Iqumu mistoqsijiet ukoll dwar is-sekwestru ta' kontijiet konġunti, pereżempju kontijiet f'isem żewġ miżżewġin, u kontijiet f'isem persuni nominati, jiġifieri li fihom sid il-kont qed iżomm flus f’isem id-debitur. Mistoqsija 12: Jekk ordni ta’ sekwestru tkun estiża għal diversi kontijiet, kif għandha s-somma li trid tiġi sekwestrata tkun allokata bejn kull wieħed mill-kontijiet? Mistoqsija 13 : Kif għandu jkun ittrattat is-sekwestru ta’ kontijiet konġunti u dawk f’isem persuni nominati? 4.4. Ammonti eżentati mill-eżekuzzjoni Biex jitħarsu d-dinjità tad-debitur u l-ħajja familjari tiegħu, ċerti somom iridu jkunu eżentati mill-eżekuzzjoni, partikolarment dik is-somma li d-debitur jitħalla jżomm għall-ħtiġiet alimentari tiegħu u tal-familja. Għandu jitqies għaldaqstant f’liema ħin din is-somma tiġi determinata u kif, jekk hux mill-imħallef li jkun ħareġ is-sekwestru, mill-awtorità ta' l-infurzar li tkun se tesegwixxi s-sekwestru jew mill-bank li fih ikun hemm il-kont. Din il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata ex officio jew biss fuq talba tad-debitur? Fl-aħħarnett, kif għandu jiġi definit u kkalkulat dan l-ammont - skond il-liġi ta’ l-Istat Membru mnejn tkun ħarġet l-ordni, skond il-liġi ta' l-Istat Membru fejn ikun jinsab il-kont jew skond sistema Ewropea armonizzata li tkun meħtieġa tispeċifika l-ammonti b'mod xieraq pereżempju permezz ta’ regola ġenerika jew indiċizzata? Mistoqsija 14: Il-kwistjoni dwar jekk l-ammonti humiex eżentati mill-eżekuzzjoni għandha tkun ittrattata ex officio meta jinħareġ/jiġi eżegwit is-sekwestru jew ir-responsabbiltà għandha taqa’ fuq id-debitur biex joġġezzjona fuq din il-bażi? Kif u minn min għandu jkun ikkalkulat l-ammont eżentat mill-eżekuzzjoni u fuq liema bażi? 5. EFFETTI TA’ ORDNI TA’ SEKWESTRU 5.1 Eżekuzzjoni Hekk kif ordni ta’ sekwestru tinħareġ minn qorti ta’ Stat Membru, tqum il-mistoqsija dwar kif għandha tiġi eżegwita. Mħabba l-ħtieġa ta' azzjoni ta' malajr u n-natura purament protettiva ta' l-istrument, huwa ssuġġerit li s-sekwestru għandu jidħol fis-seħħ direttament fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi mingħajr il-ħtieġa ta’ proċedura intermedjarja (bħal mhi dikjarazzjoni ta’ infurzabilità) fl-Istat Membru li jkun irċieva t-talba. Għandhom jitqiesu l-modi tat-trażmissjoni tas-sekwestru mill-qorti li toħorġu għall-bank fejn ikun qiegħed il-kont li jrid jinqabad. Il-proċedura għandha tibbilanċja bejn l-interess tal-kreditur biex titwettaq trażmissjoni ta’ malajr u l-interessi tad-debitur u l-bank biex jiġu minimizzati qabdiet li ma jkunux ġustifikati. It-trażmissjoni tad-dokumenti bejn pajjiż u ieħor hija rregolata mir-Regolament 1348/2000[9] li jipprovdi għat-trażmissjoni diretta ta’ ordni ta’ sekwestru mill-qorti għall-bank permezz tas-servizzi postali. Filwaqt li dan il-metodu diġà jippermetti li jkun hemm servizz relattivament mgħaġġel ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-kwistjoni dwar jekk tistax tintuża komunikazzjoni elettronika biex tkompli tħaffef il-proċess tat-trażmissjoni għandha tingħata aktar konsiderazzjoni. Sabiex jintlaħaq l-għan politiku li l-iffriżar tal-kontijiet ikun aktar effikaċi, huwa ssuġġerit li qbid bankarju għandu jopera b’mod elettroniku fl-istadji kollha tal-proċedura jew fil-parti l-kbira tagħhom, jiġifieri mill-qorti li tikkonċedih sal-bank li fih ikun jinsab il-kont. Jeħtieġ li jiġi valutat liema mekkaniżmi għandhom jinħolqu biex jipprovdu għal grad xieraq ta’ sigurtà fil-proċess tat-trażmissjoni u jekk l-użu ta’ firma elettronika tkunx biżżejjed biex tiċċertifika l-identità u l-kompetenza ta’ l-awtorità tar-rilaxx u biex tiggarantixxi l-eżattezza tad- data trażmessa. Għandu wkoll jitqies x’limitu ta’ żmien għandu jiġi rrispettat mill-bank għall-eżekuzzjoni tas-sekwestru, jiġifieri jekk il-kont għandux jiġi bblukkat immedjatament malli l-bank jirċievi l-ordni ta’ sekwestru jew għandux jagħmel dan f’perjodu ta’ żmien speċifikat wara li jirċievi l-ordni, u kif għandhom jiġu ttrattati tranżazzjonijiet mibdija qabel ma s-servizz ta’ l-ordni ta’ sekwestru jkun daħal fis-seħħ għall-bank. Il-banek għandhom jintalbu jinfurmaw lill-awtorità kompetenti ta' l-infurzar dwar jekk is-sekwestru jkunx 'qabad' fondi li jidhru bħala kreditu fil-kont tad-debitur fil-kont(ijiet) sekwestrat(i). Idealment, dan it-tagħrif ukoll ikun trażmess elettronikament. F’dan il-kuntest, irid jiġi kkunsidrat kif livell xieraq ta’ protezzjoni tad- data u segretezza bankarja jistgħu jkunu garantiti matul dan il-proċess. Mistoqsija 15: Int taqbel li l-proċedura ta’ l-exequatur għandha titneħħa għall-ordni ta' sekwestru? Mistoqsija 16 : Kif tista’ tiġi trażmessa ordni ta’ sekwestru mill-qorti tar-rilaxx għall-bank fejn ikun jinsab il-kont? X’limitu ta’ żmien għandu jirrispetta l-bank fl-eżekuzzjoni ta’ sekwestru? X’għandu jkun l-effett ta’ ordni ta’ sekwestru fuq operazzjonijiet eżistenti? Mistoqsija 17: Inti taqbel li hekk kif il-banek jirċievu ordni ta’ sekwestru ikun dmirhom li jinfurmaw lill-awtorità ta’ l-infurzar dwar jekk u sa liema limitu sekwestru jkun qabad b’suċċess il-flus dovuti lill-kreditur mingħand id-debitur? 5.2. Il-protezzjoni tad-debitur Ladarba ordni ta’ sekwestru tkun daħlet fis-seħħ, id-debitur għandu jiġi infurmat li l-kont tiegħu safa bblukkat u għandu jingħata d-dritt li jikkontesta s-sekwestru jew li jara li l-ammont tiegħu jiġi llimitat. Għandu jitqies min għandu jwassal din l-informazzjoni lid-debitur. Huwa ssuġġerit li d-debitur għandu jkun notifikat formalment mill-qorti jew l-awtorità ta’ l-infurzament li jkunu responsabbli għall-applikar tas-sekwestru. Huwa mistenni li, barra dan, bħala kwistjoni ta’ relazzjonijiet kummerċjali bejn il-banek u l-klijenti tagħhom, il-banek jinfurmaw lid-debitur hekk kif jiġi eżegwit is-sekwestru. Huwa ċar li d-debitur irid ikollu d-dritt li jikkontesta s-sekwestru, imma għandu jitqies liema awtorità jkollha kompetenza biex tisma’ l-oġġezzjoni tiegħu, jekk hux il-qorti li tkun ħarġet il-qbid bankarju jew il-qorti fil-post fejn ikun jinsab il-kont. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll jekk ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni (pereżempju pagament ta’ dejn, preskrizzjoni ta’ talba) għandhomx ikunu armonizzati fuq livell Ewropew sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta’ l-istrument previst. Huwa ssuġġerit li r-raġunijiet permissibbli għal oġġezzjoni jkunu jvarjaw skond jekk is-sekwestru jingħatax fuq il-bażi ta’ dritt infurzabbli eżistenti jew indipendentement minn kwalunkwe dritt bħal dan. Barra minn hekk qed jiġi ssuġġerit ukoll li, meta joħroġ qabel il-bidu ta’ proċeduri ġudizzjarji fl-azzjoni ewlenija, is-sekwestru ma jkunx konfermat jekk il-kreditur ma jressaqx l-azzjoni ewlenija f’perjodu ta’ żmien stipulat (pereżempju fi żmien xahar). Fl-aħħarnett, tqum il-mistoqsija dwar sa liema limitu l-kreditur għandu jkun responsabbli jekk jinstab li sekwestru jkun mingħajr bażi u jekk ir-responsabbiltà tiegħu għandhiex tkun armonizzata fuq livell Ewropew jew titħalliex għal-liġi nazzjonali. Mistoqsija 18: Meta u minn min għandu d-debitur ikun notifikat formalment li jkun ħareġ sekwestru u li dan ikun daħal fis-seħħ? Mistoqsija 19: Is-sekwestru għandu jkun revokabbli jew jaqa’ awtomatikament jekk il-kreditur ma jressaqx l-azzjoni ewlenija f’perjodu ta’ żmien speċifikat? Mistoqsija 20: Għal liema raġunijiet u sa liema limitu għandu d-debitur ikun intitolat joġġezzjona kontra l-ordni ta’ sekwestru? Liema qorti għandu jkollha l-kompetenza biex tisma’ l-oġġezzjoni tad-debitur kontra s-sekwestru? Mistoqsija 21: F’każ li s-sekwestru jinstab li jkun mingħajr bażi, ir-responsabbiltà tal-kreditur għandha tiġi armonizzata fuq livell Ewropew u, jekk iva, kif? 5.3. Klassifikar ta’ kredituri konkorrenti Jekk diversi kredituri jikkompetu għall-ammonti li jidhru bħala kreditu fil-kont bankarju tad-debitur, tqum il-mistoqsija dwar kif għandhom jiġu kklasifikati d-diversi kredituri 'l barra mill-proċeduri ta’ insolvenza. Filwaqt li wħud mill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-ewwel kreditur li jressaq l-ordni protettiva mal-bank, oħrajn japplikaw prinċipju tal-grupp simili għat-tqassim tal-flus f’każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat jekk din il-kwistjoni għandhiex tiġi armonizzata fuq livell Ewropew jew titħalliex għal-liġi ta' l-Istat Membru fejn iseħħ l-infurzar. Mistoqsija simili tqum fir-rigward tal-klassifikar ta’ ordni għall-iffrizar fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jew amministrattivi. Mistoqsija 22: Għandu jkun hemm regoli Ewropej li jiddeterminaw il-klassifikar tal-kredituri konkorrenti? Jekk iva, liema prinċipju għandu jiġi applikat? 5.4 . “Trasformazzjoni” f’att eżekutorju Kreditur li jkun ibblokka l-kont tad-debitur tiegħu permezz ta’ ordni ta’ sekwestru jista’ eventwalment jikseb ordni fl-azzjoni ewlenija li hija infurzabbli fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-kont, jew permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzabilità taħt ir-Regulament 44/2001 jew billi jippreżenta ċetifikat maħruġ taħt ir-regoli tal-proċeduri Ewropej il-ġodda għal talbiet żgħar jew li ma jkunux kontestati. Jista’ jkun li dan il-kreditur ikun irid li l-fondi maqbuda jiġu trasferiti għall-kont tiegħu jew li jirċievi l-flus b’mezzi oħra. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat kif sekwestru jista' f'dan il-każ jiġi trasformat f'att eżekutorju li jeżegwixxi t-trasferiment ta' l-ammont maqbud għal għand il-kreditur. Mistoqsija 23: Kif tista’ ordni ta’ sekwestru tiġi trasformata f’att eżekutorju ladarba l-kreditur ikun kiseb ordni li hija infurzabbli fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-kont? [1] Nota fuq it-terminoloġija: It-terminu “sekwestru” f’din il-Green Paper ifisser proċedura li taqbad jew tiffriża l-proprjetà mobbli ta’ debitur li tkun f’idejn parti terza u ma tħallix lill-parti terza titlaq din il-proprjeta’ minn taħt idejha. [2] Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000, ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. [3] Is-sentenza ECJ tal-21.5.1980, C-125/79 ( Denilauer ) [4] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew ĠU C 33, 31.1.1998 p. 3. [5] Ara l-Komunikazzjoni (Fn 1), p. 14s. [6] Il-Programm ta’ miżuri għall-eżekuzzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1, 5. [7] L-Istudju Nru JAI/A3/2002/02. Ir-rapport finali jinstab f'http://europa.eu.int/comm/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm. [8] Ordni Ewropea tista’ wkoll tintuża fir-rigward ta’ talba ċivili li tirriżulta minn attività qarrieqa jew kriminali. [9] Ir-Regolament tal-Kunsill 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi ħwejjeġ ċivili u kummerċjali; ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37.