52006DC0595




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.10.2006

KUMM(2006) 595 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali (Id-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE)

{SEK(2006) 1293}

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali

(Id-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE) (Test b’relevanza għall–EEA)

L-IMPORTANZA TAS-SERVIZZI POSTALI U R-RWOL TAGħHOM LI QED JINBIDEL

Fl-2004, is-servizzi postali fl-UE qalgħu madwar 90 biljun EUR jew 0.9 fil-mija tal-prodott gross domestiku (PGD). Is-settur postali huwa għalhekk ta’ importanza sinifikanti għall-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea. Is-servizzi postali jirrikjedu ħafna ħaddiema u huma wkoll impjegaturi pubbliċi ewlenin fl-Ewropa. L-impjieġi fis-settur huma pjuttost stabbli b’madwar 17.1 miljun persuna fl-2004 impjegati ma’ provvedituri tas-servizz universali (USP) skond l-aktar stima reċenti minn WIK-Consult[1]. Madankollu, madwar 5 miljun impjieg huwa marbut ma’ l-attivitajiet postali, i.e. jiddependi direttament minn, jew huwa riżultat tas-settur tal-posta[2].

Is-servizzi postali huma veikolu essenzjali għall-komunikazzjoni u l-kummerċ u huma vitali għal bosta attivitajiet ekonomiċi u soċjali. Is-suq Intern, in-negozju internazzjonli u l-kummerċ, jaħdmu biss jekk ikun hemm kanali tajbin ta’ komunikazzjoni u distribuzzjoni. Bosta setturi ewlenin, bħall kummerċ elettroniku, il-pubblikazzjoni, il-bejgħ bil-posta, l-assigurazzjoni, il-banek u r-reklamar jiddependu mill-infrastruttura postali. Ta’ min jinnota wkoll li s-servizzi postali jġibu benefiċċji soċjali li mhux dejjem jistgħu jiġu kkwalifikati f’termini ekonomiċi (eż. billi jikkontribwixxu għall-koeżjoni reġjonali u soċjali). Barra minn hekk, bosta mill-USPs għandhom rwol importanti fl-għoti ta’ servizzi oħra (eż. servizzi finanzjarji) liċ-ċittadini ta’ l-UE.

Is-servizzi postali qed jinbidlu bil-ħeffa. Is-settur qiegħed f’salib it-toroq bejn tliet swieq li huma vitali għall-ekonomija Ewropea: il-komunikazzjonijiet, ir-reklamar u t-trasportazzjoni/il-loġistika. Il-fruntieri bejn settur u ieħor qegħdin kull ma jmur jiċċajpru, u jridu jitqiesu s-setturi biswithom, li huma miftuħin għal kollox għall-kompetizzjoni. Hemm għadd ta’ elementi li qed jixprunaw il-bidla fi ħdan is-settur postali, li l-aktar ħamsa importanti minnhom huma: il-bidla fit-talba tal-konsumatur, il-bidla organizzattiva, il-ftuħ tas-suq, l-awtomazzjoni/it-teknoloġiji l-ġodda u s-sostituzzjoni elettronika.

Is-servizzi postali huma element importanti tas-Suq Intern għas-Servizzi[3] u huma inklużi fil-qafas ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona (li fil-qofol reġgħet ġiet varata fl-2005[4]) bħala għajn ta’ tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ impjiegi Skond l-Istrateġija ta’ Liżbona, is-Suq Intern għandu jkun operattiv għal kollox[5], filwaqt li jiġi ppreżervat il-mudell soċjali Ewropew, li element minnu huwa l-għoti ta’ Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (SGEI) effettivi u ta' kwalità għolja. Dan huwa element importanti ta’ l-istat soċjali Ewropew. Is-servizzi postali huma element essenzjali sabiex wieħed jiżgura l-koeżjoni soċjali u territorjali u jikkontribwixxu għall-kompetittività[6]. Is-servizzi postali moderni jibqgħu jiċħdu assunzjonijiet persistenti li kienu saru xi snin ilu dwar li s-settur kien għoddu jibda jnaqqas minħabba l-introduzzjoni ta' teknoloġiji tal-komunikazzjoni ġodda u alternattivi. Il-provvedituri postali, minflok, ħadu vantaġġ mit-teknoloġija innovattiva biex iżidu l-produttività u joffru prodotti ġodda. Xi oqsma tas-servizzi postali bħall-posta diretta u x-xiri mid-dar għandhom potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir. Fl-istess ħin, is-sostituzzjoni (eż. oggetti postali ta' kontenut ta' tranżazzjoni) mhix qed timmaterjalizza bir-rata li tbassret xi snin ilu. Il-posta għadha rilevanti, imma sabiex dan ikompli, tenħtieġ aktar azzjoni. Fis-settur postali, il-gwadann li joħroġ mir-riforma jeħtieġ jitqabbel ukoll, bħal f’setturi oħra, ma’ kemm jiswa li ma taddattax jew li ma jsir xejn. Eżempji ta’ spejjeż bħal dawn jistgħu jkunu ż-żieda fis-sostituzzjoni, inqas użu ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi, inqas enfażi fuq il-ħtiġijiet tal-konsumatur u, b’mod ġenerali, dinamika tas-suq negattiva.

l-isfond u l-għan ta' dan ir-rapport

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2002/39 (minn hawn ‘il quddiem “id-Direttiva Postali”[7]) jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill "kull sentejn".

Il-Kummissjoni pprovdiet l-ewwel Rapport ta’ Applikazzjoni tagħha f’November [8] u t-tieni Rapport ta’ Applikazzjoni tagħha f’Marzu 2005[9]. Bħal fil-każ tar-Rapport ta’ Applikazzjoni 2005, dan ir-rapport jagħti valutazzjoni komprensiva tat-traspożizzjoni kumplessiva tad-Direttiva Postali fl-Istati Membri, inkluż l-applikazzjoni ta’ elementi ewlenin tad-Direttiva kif ukoll xejriet dettaljati tas-suq (fosthom aspetti ekonomiċi, tekniċi, soċjali, ta’ l-impjiegi, u tal-kwalità tas-servizzi). Valutazzjoni aktar dettaljata qiegħda ppreżentata f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva Postali jagħti l-qofol ta’ l-elementi u s-sejbiet tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.Minkejja l-perjodu relattivament qasir li għadda mill-aħħar Rapport ta’ Applikazzjoni/Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, kien hemm xi kisbiet importanti u seħħew bidliet sinifikanti fis-settur postali.

Fl-2005/2006, il-Kummisjoni bdiet sensiela ta’ ħidmiet ta’ tħejjija għad-Direttiva Postali l-ġdida; dawn huma deskritti fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż (ara b’mod partikolari l-Kapitlu 1.3). Barra minn hekk, il-Kummissjoni abbozzat Studju Prospettiv u Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva Postali li hemm bħalissa. Dawn id-dokumenti qed jitressqu lkoll fl-istess ħin quddiem il-leġiżlatur. Dan it-tielet Rapport ta’ Applikazzjoni u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah għandhom għalhekk jinqraw flimkien ma’ l-Istudju Prospettiv u l-proposta leġiżlattiva.

Fl-istess ħin, dan ir-Rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jista’ jingħażel mill-Istudju Prospettiv u l-proposta għal Direttiva ġdida minħabba li dan ir-rapport ta’ Applikazzjoni iħares lejn l-imgħoddi u jivvaluta l-impatt tad-Direttiva Postali tul is-snin 2004-2006 (minn issa' l quddiem: "il-perjodu tar-referenza"). L-evalwazzjonijiet ex-post huma l-kontroparti tal-valutazzjonijiet ta’ l-impatt u jistħarrġu, b’intervalli regolari, jekk il-politiki jew il-programi ta’ l-UE laħqux dawn l-għanijiet[10]. Dan huwa ta’ importanza partikolari fil-kuntest ta' l-inizjattivi msemmija fuq fis-settur postali li se jseħħu fl-2006.Dan ir-Rapport jikkonferma r-riforma tas-settur postali miexja sew. Sar titjib partikolarment fir-rigward tal-kwalità tas-servizzi, l-orjentazzjoni lejn il-klijent, l-effiċjenza tan-negozju, u s-separazzjoni tar-regolaturi mill-operaturi. Il-Kummissjoni temmen li s’issa nkisbu riżultati tajbin – u partikolarment fl-aħħar 5 snin. Dawn il-kisbiet huma mfissra fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni u biċ-ċar li jistgħu jsiru aktar kisbiet bis-saħħa tat-tkomplija tar-rifoma.

l-applikazzjoni tad-direttiva postali u l-iżviluppi regolatorji

Bħalissa kull Stat Membru nnotifika t-traspożizzjoni tad-Direttiva Postali, inklużi dawk li ngħaqdu mal-Komunità fl-2004. Ġie wkoll traspost fl-Istati Membri kollha t-tnaqqis ulterjuri taż-żona riżervata fl-1 ta’ Jannar 2006 (għal 50g).

Madankollu, it-traspożizzjoni hija biss l-ewwel pass fil-proċess ta' implimentazzjoni sħiħa tal-qafas tal-Komunità. Huwa ċar li l-implimentazzjoni leġiżlattiva kellha impatt pożittiv l-aktar fuq l-ilħiq ta’ l-għanijiet tal-qalba tad-Direttiva, bħalma huma titjib sostanzjali u li jista’ jitkejjel tal-kwalità tas-servizzi postali, it-twaqqif ta’ livell minimu armonizzat ta’ servizzi universali, u l-introduzzjoni ta’ ftuħ gradwali u kkontrollat għall-kompetizzjoni tas-suq postali. Ta’ min wieħed jisħaq, per eżempju, dwar il-fatt li tul il-perjodu ta’ referenza tar-rapport il-kwalità tas-servizz fost l-operaturi postali fl-Ewropa - imkejla bil-ħin tat-twassil - kompliet b’livell għoli u qabżet l-għanijiet ta’ rendiment ta’ l-UE għat-twassil b’85% tal-posta fi ħdan l-UE fi żmien tlett ijiem, u 97% fi żmien ħamest ijiem. Element importanti ieħor li wasslet id-Direttiva Postali kien l-indipendenza ta’ l-Awtoritajiet Regolatorji nazjzonali (ARN) mill-operaturi; l-indipendenza (mifhuma f’sens usa’) ta’ l-ARN ssaħħet aktar fil-perjodu ta’ referenza. Madankollu, meta wieħed jasal għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ wħud mill-elementi aktar kumplessi tad-Direttiva Postali, bħal ma huma l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni/liċenzjar, il-kontrol tal-prezzijiet u l-kontabilità, tista’ tiġi osservata implimentazzjoni varjata ħafna mill-Istati Membri. Billi miżinterpretazzjoni possibbli ta’ dawn il-kundizzjonijiet tista’ tikkostitwixxi ostaklu għad-dħul fis-suq, għandha tiġi diskussa reviżjoni tal-prassi nazzjonali flimkien ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Il-kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ l-ipprezzar u t-trasparenza tal-kontijiet tidher li hi ta’ importanza partikolari.

F’bosta Stati Membri, seħħew ukoll żviluppi regolatorji sinifikanti. Dawn imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ mill-qafas regolaorju Ewropew. B’mod partikolari, fl-1 ta’ Jannar 2006, Stat Membru minnhom – ir-Renju Unit – fetaħ għal kollox is-suq postali tiegħu (u ngħaqad maż-żewġ Stati Membri li de jure diġà fetħu għal kollox is-settur postali tagħhom għall-kompetizzjoni: SE, FI). Bl-istess mod, il-Ġermanja u l-Olanda kkonfermaw il-pjanijiet tagħhom biex jipproċedu b’rata aktar mgħaġġla milli mbassar fid-Direttiva Postali Jekk jitqiesu dawn l-iżviluppi u jingħaqdu ma’ ta’ qabilhom, madwar 60% tal-posta ta’ l-ittri ta’ l-UE sejra effettivament tinfetaħ għall-kompetizzjoni sa tmiem l-2007. It-tneħħija għal kollox ta’ żona riżervata f’xi Stati Membri, it-tnaqqis sinifikanti f’xi wħud u t-tisħiħ tal-pjanijiet għal bosta oħrajn jagħtu impetu qawwi għal dawk l-Istati Membri li għadhom japplikaw żona riżervata biex jimxu ‘l quddiem fl-istess direzzjoni b’mod aktar rapidu.

ix-xejriet tas-suq

Waqt il-perjodu ta’ referenza, is-suq postali baqa' miexi lejn suq ta' distribuzzjoni li jaħdem lejn naħa waħda u lil hinnmill-mudell aktar tradizzjonali ta' komunikazzjoni miż-żewġ naħat. Illum, aktar minn 87.5% ta’ oġġetti tal-posta ta’ l-ittri (madwar l-UE) jintbagħtu min-negozji u l-organizzazzjonijiet aktar milli mill-individwi; il-parti tal-posta ta’ l-ittri li għandha x’taqsam mal-bgħid min-negozju lill-konsumatur (B2C) weħidha issa tissarraf f’62% tal-volum totali, b’żieda minn 60.5% fl-2004. Din ix-xejra mistennija tkompli tikber minħabba li r-rati ta’ tkabbir tal-prodotti konnessi (posta diretta indirizzata u mhux indirizzata) huma sostantivament ogħla minn dawk tal-posta ta’ l-ittri tradizzjonali. Hemm ukoll element partikolari ta' ottimiżmu għas-settur kollu kemm hu, iżda biss jekk tinżamm ir-rata li biha miexja r-riforma postali. Tqabbil ma’ ekonomiji dinjin oħra, bħal pereżempju ta’ l-Istati Uniti, juri li hemm potenzjali ta’ tkabbir sinfikanti fis-suq (partikolarment f’xi Stati Membri ta’ l-UE 10). Madankollu, huwa biss suq postali modern u dinamiku li jista’ jkun kapaċi jeħles il-potenzjal kollu ta’ dan is-settur. Dan il-potenzjal wieħed irid jarah fil-kuntest aktar miftuħ tas-suq usa' tal-komunikazzjonijiet li fih bosta prodtti u servizzi ġodda (xiri mid-dar, kummerċ elettroniku, posta ibrida[11] u servizzi ta' valur miżjud).

Is-settur postali għadda minn trasformazzjoni mill-kbarnett fl-aħħar deċennju. Għadd ta’ kumpaniji postali Ewropej laqggħu l-isfida. L-istrateġiji orjentati lejn it-tkabbir ekonomiku u l-prospett ta’ ftuħ gradwali tas-suq irriżultaw inter alia f’operaturi postali li daħlu f’setturi biswit is-settur ewlieni. Deċiżjonijiet politiċi fid-Disgħinijiet bdew proċess li issa qabad sew. L-iżviluppi fis-settur postali mhumiex uniċi. Setturi oħrajn diġà għaddew minn bidliet li bl-istess mod kellhom konsegwenzi wiesgħa. L-evoluzzjoni tas-suq postali mistennija tkompli u l-pass tal-bidla jiħfief.

It-tkabbir f’dak li għandu x’jaqsam mad-dħul kif ukoll fit-termini tal-marġni tal-qliegħ żdied fil-perjodu ta’ referenza. Skond l-informazzjoni disponibbli, ir-rati ta’ qliegħ li ntlaħqu fil-qasam tal-posta ta’ l-ittri kien bil-wisq ogħla mir-rati fil-qasam aktar kompetittiv tal-pakketti u t-twassil express. Fil-qasam tal-posta ta' l-ittri, il-marġni tal-qliegħ jistgħu jvarjaw bejn 10% u 20%, filwaqt li fil-qasam tal-pakketti u t-twassil express il-marġni tal-qliegħ jistgħu jvarjaw bejn 2.5% u 10%[12].

Għad trid tiżviluppa kompetizzjoni li tagħmel sens fis-suq tal-posta ta’ l-ittri. Analiżi oġettiva tas-sehem mis-suq tal-kompetituri kif ukoll il-perċezzjoni soġġettiva ta’ protagonisti ewlenin jikkonfermaw it-tnejn li huma li anki f’każi fejn il-monopolju tneħħa għal kollox jew tnaqqas b’mod sostanzjali, għadha bilkemm nibtet il-kompetizzjoni vera. Dan jikkonċerna partikolarment il-posta ta’ l-ittri, oġġetti ta’ korrispondenza kif ukoll – b’xi eċċezzjonijiet partikolari - il-posta diretta. Bejn l-2000 u l-2005 jidher li ma kien hemm l-ebda tkabbir sinifikanti fil-kompetizzjoni f’dan il-qasam tas-servizzi postali u wieħed irid jara dan il-fatt bħala li jista’ jwassal għal xi tħassib.

Madankollu, is-sempliċi prospett tal-ftuħ tas-suq ħoloq momentum konsiderevoli fi ħdan is-settur postali u x’aktarx ikompli jiġġenera l-bidla (eż. operattiva u ffukata fuq il-konsumatur). Jidher li hemm qbil wiesa’ li s-servizzi postali ma jikkostitwux monopolji naturali. Il-kompetizzjoni mhix għan fiha nnifisha, iżda mezz li jħeġġeġ l-innovazzjoni, l-investiment u l-benessri tal-konsumatur. Bħala konsegwenza, aktar kompetizzjoni tista' twassal kemm benefiċċji statiċi, i.e. l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-oġġetti kapitali f’ħin partikolari – u benefiċċji dinamiċi, i.e. il-possibbiltà ta’ użi ġodda u aktar effiċjenti tar-riżorsi u ta’ l-oġġetti kapitali tul iż-żmien.

Il-ftuħ tas-suq ta’ l-industriji-xibka, fosthom is-settur postali, issemiet espliċitament fir-Rapport Kok[13] bħala parti importanti mill-aġenda ta’ Liżbona. Biex jintlaħaq Suq Intern fis-servizzi postali, tinħtieġ pluralità ta' azzjonijiet mill-atturi differenti fuq il-livell nazzjonali u tal-Komunità. Dan huwa konformi mal-fehim li l-Istati Membri għandhom rwol kruċjali u li għandhom jieħdu f’idejhom għal kollox is-suq Intern.[14].

L-impatt tad-direttiva postali fuq is-suq

Il-perjodu ta’ referenza huwa partikolarment illustrattiv tal-kisbiet pożittivi tad-Direttiva Postali; l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu kellhom impatt ewlieni regolatorju u fuq is-suq. Fil-perjodu ta’ referenza, it-tnaqqis ulterjuri taż-żona riżervata għal 50g (għall-ittri) sa l-1 ta’ Jannar 2006 fetaħ volum addizzjonali ta’ 7% tal-volum għall-kompetizzjoni. Il-proċess ippjanat u gradwali tal-ftuħ totali tas-suq u l-prospetti ġġenerati mid-data ta’ mira ta’ l-2009 għall-kisba tal-ftuħ totali tas-suq xprunaw proċess ta' riforma dinamiku, effiċjenza akbar u żvilupp tas-suq mitfugħ aktar lejn l-interessi tal-klijenti.

Il-ftuħ tas-suq huwa biss element wieħed li rriżulta mid-Direttiva Postali. Fl-istess ħin, id-disponibbiltà ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi universali ta’ kwalità għolja disponibbli madwar il-Komunità ġiet ikkonfermata fil-perjodu ta’ referenza. Filwaqt li jikkostitwixxu minimu, ir-rekwiżiti tad-Direttiva Postali kienu punt ta’ referenza importanti għall-partijiet interessati kollha.

B’mod ġenerali, hemm evidenza li l-effetti pożittivi tar-riforma postali jinkludu aktar servizzi ffukati lejn il-konsumatur. Is-sodisfazzjon tal-klijent fejn jidħlu servizzi postali huwa minn ta' l-ewwel[15] meta mqabbel ma' servizzi oħrajn ta' interess ġenerali.

Is-settur postali, li joffri infrastruttura kruċjali ta’ komunikazzjonijiet ta’ importanza ekonomika u soċjali kbira, jeħtieġ ukoll li jiżviluppa f’armonija mal-bidliet ewlenin li qed iseħħu fis-swieq tal-komunikazzjoni, ir-reklamar u t-trasportazzjoni/il-loġistika, jew inkella jispiċċa jibqa’ lura. S’issa, id-Direttiva Postali żgurat li dan ma seħħx iżda wieħed għandu jżomm mal-pass tal-bidla fis-swieq usa’ tal-komunikazzjoni.

Id-Direttiva Postali kienet waħda minn bosta forzi li kkontribwiet għar-riforma postali fl-Ewropa. Bir-riżultati pożittivi sa issa bħala bażi – kif deskritti fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – jinħtieġu passi ulterjuri f’dan il-mument kruċjali ta’ żvilupp.

Konklużjoni

Konferma tal-kalendarju fid-Direttiva Postali: inlestu l-bini

Sa llum, intlaħqu r-riżultati politiċi intermedji kollha tad-Direttiva Postali; l-ewwel, tnaqqsu progressivament il-monopolji jew permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-kalendarju għall-ftuħ gradwali tas-suq kif imniżżel fid-Direttiva Postali (eż. it-tnaqqis taż-żona riżervata għal 50g fl-1 ta’ Jannar 2006) jew ukoll permezz tal-ftuħ ta' oqsma importanti (eż. il-posta diretta) jew il-ftuħ totali tas-suq postali (UK, SE, FI). It-tieni, kibret il-kompetizzjoni u fl-Istati Membri li avvanzaw l-aktar, is-sehem tas-suq tal-kumpaniji l-antiki tnaqqas għal madwar 90% u l-grad perċepit ta’ kompetizzjoni ġeneralment kiber bejn l-2000 u l-2005[16]. Xorta waħda, il-kompetizzjoni ma kibritx daqs kemm wieħed kien jittama. It-tielet, il-provvedituri tas-servizz universali rristrutturaw u adattaw b’suċċess għall-iżviluppi regolatorji u tas-suq. Dan huwa mirfud mix-xejra ġeneralment pożittiva fir-rigward tad-dħul u t-tkabbir fil-profittabilità kumplessivi[17]. Ir-raba’ – kif diġà ntwera – tjiebet il-kwalità tas-servizz, hemm sodisfazzjoni kbir mill-konsumatur u nżamm is-servizz universali.

Żviluppi sal-lum ma jipprovdux evidenza li tappoġġa l-bżonn għal bidla ta’ l-iskadenza ta’ l-2009 kif imniżżla fid-Direttiva Postali; Anzi, l-iżviluppi regolatorji importanti fil-perjodu ta’ referenza ta’ dan ir-rapport jipprovdu impetu qawwi biex dawk l-Istati membri li ma fetħux għal kollox is-swieq postali tagħhom, jagħmlu dan ukoll. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tas-suq kienu favorevoli u ta' min wieħed juża l-opportunitajiet li dawn qed jipprovdu.

L-enfasi ewlenija: Livell għoli ta' servizz universali u l-ħtiġijiet tal-konsumatur

Id-Direttiva Postali preżenti tissejjes fuq il-prinċipju ta’ l-armonizzazzjoni minima. Diġà tat numru ta’ possibbiltajiet lill-Istati Membri biex jadattaw għas-servizz universali għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiż in kwistjoni. Il-perjodu ta’ referenza ta xi eżempji fejn prodotti orjenati lejn in-negozju – li jappellaw kummerċjalment- ma kellhomx jibqgħu jitqiesu bħala parti mis-servizz universali billi s-suq jiżgura għal kollox l-għoti tagħhom.

Min-naħa l-oħra, il-bżonn li jiġu assigurati drittijiet tas-servizz universali għall-konsumaturi u n-negozji ż-żgħar ġeneralment mhuwiex ikkontestat. Il-konsumaturi indiviwali (inklużi l-SMEs) u ċ-ċittadini jridu jgawdu mill-istess kwalità ta' servizz - jekk mhux aħjar -wara l-ftuħ totali tas-suq. Il-linja ta’ gwida trid tkun il-ħtiġijiet tagħhom, inklużi dawk tal-ġejjieni. Dan jeħtieġ ukoll li jissaħħu d-drittijiet tagħhom Barra minn hekk, kooperazzjoni akbar bejn l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali tista' wkoll ittejjeb il-prassi t-tajba. Dan għandu mnejn jikkonċerna l-iffissar ta’ livelli u l-iskambju ta’ l-informazzjoni fir-rigward ta’ l-ilmenti tal-konsumaturi (i.e. billi wieħed igawdi mill-prassi ta’ l-Istati Membri li għandhom aktar esperjenza fit-trattament ta’ l-ilmenti) jew fir-rigward tal-kontabilità u ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni.

[1] WIK Consult, Main Developments in the Postal Sector (2002-2004), 2006.

[2] Pls Rambøll, Employment trends in the EU postal sector, October 2002.

[3] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għas-Suq Intern u l-prijoritajiet bejn l-2003 u l-2006 [traduzzjoni mhux disponibbli,] COM(2003) 238 finali, p. 13.

[4] Konklużjonijiet tal-Presidenza – il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell, 22/23 ta' Marzu 2005.

[5] Konklużjonijiet tal-Presidenza – il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell, 23/24 ta' Marzu 2006.

[6] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni,- Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi : Il-Programm Komunitarju ta’ Liżbona”, COM (2005) 330 finali.

[7] Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar ir-regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz; Id-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji

[8] Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali [traduzzjoni mhux disponibbli, (97/67/KE), COM (2002) 632 finali.

[9] Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali (Id-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE), COM(2005) 102 finali, SEC(2005) 388

[10] Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2006, COM (2005) 531 finali

[11] Dan jinvolvi t-trażmissjoni ta’ xbiha elettronika ta’ dokument jew il-konverżjoni tiegħu f’format diġitali u t-trażmissjoni lejn punt imbiegħed, fejn ix-xbiha tiġi stampata, imdaħħla f’envelowp u mibgħuta lid-destinatarju [traduzzjoni mhux disponibbli] – COM(91) 476 finali, p. 46.

[12] Partikolarment il-figura 4.2.19 f’WIK, Main Developments, 2006.

[13] Rapport mill-Grupp ta’ Livell Għoli ppresedut minn Wim Kok, Facing the challenge , 2004, p. 23.

[14] Il-Kummissarju McCreevy, Diskors fit-2 ta’ Frar 2005 fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Legali; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - It-Tieni Rapport ta’ Implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija tas-Suq Intern 2003-2006, COM (2005)0011 finali

[15] Special Eurobarometer, Services of General Interest, 2006

[16] Ara l-kapitlu 4.1 u 4.6 tad-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni

[17] Ara l-kapitlu 44 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.