Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa /* KUMM/2006/0552 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 26.9.2006 KUMM(2006) 552 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa 1. Introduzzjoni 3 2. Sfond għall-IHR 4 2.1. Deskrizzjoni qasira 4 2.2. Kompetenza ġuridika 4 3. Riżervi 5 3.1. Riżervi tal-KE u ta’ l-SM 5 3.2. Reazzjonijiet ta’ l-UE għal riżervi ta’ pajjiżi terzi 5 4. Applikazzjoni bikrija volontarja ta’ aspetti relatati ma’ l-influwenza 6 4.1. Aspetti speċifiċi identifikati għal applikazzjoni bikrija - il-kuntest ta’ l-UE 6 4.2. Bżonn għal approċċ komuni ta’ l-UE għal applikazzjoni bikrija volontarja 7 5. Implimentazzjoni Sħiħa - Ir-rwol ta’ l-UE 7 5.1. Memorandum ta’ ftehim bejn il-Komunità u d-WHO 7 5.2. Ir-rwol tan-netwerks ta’ l-UE eżistenti, l-EWRS u l-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa 7 5.3. Ir-rwol ta’ l-ECDC 9 5.4. Roster ta’ Esperti, Kumitati ta’ Emerġenza u Reviżjoni 11 6. Restrizzjonijiet dwar risponsi politiċi li jaffettwaw it-traffiku internazzjonali 11 6.1. Miżuri tal-fruntieri 11 6.2. Traċċjar tal-kuntatti 12 6.3. Kwistjonijiet partikolari li għandhom x’jaqsmu ma’ l-influwenza pandemika 13 7. Konklużjonijiet Operattivi 13 ANNESS - Taqsira u Lista ta’ l-Akronimi 15 Bank Line. 1. I NTRODUZZJONI Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) riveduti - l-IHR[1]. Hija maħsuba li tippromwovi diskussjoni strutturata mal-Kunsill u l-Parlament. L-IHR huma strument legali internazzjonali li għandu l-għan li jipprevjeni, iħares minn u jikkontrolla t-tixrid tal-mard, u li jipprovdi rispons tas-saħħa pubblika proporzjonat mar-riskji, imma jevita interferenzi li m’hemmx bżonnhom għat-traffiku u l-kummerċ. L-IHR jidħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2007, u jeħtieġu implimentazzjoni gradwali sa mhux aktar tard mill-2016. L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa (WHA) ta’ Mejju 2006 adottat riżoluzzjoni[2] li ssejjaħ għal applikazzjoni volontarja bikrija ta’ ċerti aspetti ta’ l-IHR li għandhom x’jaqsmu ma’ l-influwenza pandemika. Biex l-IHR jaħdmu fil-prattika se jeħtieġu koordinament mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri (SM). Permezz ta’ ħidma flimkien, l-Unjoni Ewropea (UE) u l-SM jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni, u jħarsu aħjar liċ-ċittadini ta’ l-UE minn emerġenzi ta’ saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali (PHEICs). B’mod partikolari ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC[3]), u s-Sistema ta’ Twissija Bikrija u Rispons għal theddid għas-saħħa pubblika (EWRS[4]), jista’ jgħinna nimplimentaw l-IHR b’mod iżjed b’saħħtu u koerenti. Fil-qosor, din il-Komunikazzjoni: - tistabbilixxi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni legali ta’ l-UE fir-rigward ta’ riżervi ta’ l-IHR u implimentazzjoni bikrija ta’ l-aspetti relatati ma’ l-influwenza; - tiċċara r-rwol ta’ l-UE fl-implimentazzjoni ta’ l-IHR, partikolarment permezz ta’ l-ECDC u l-EWRS; - tfakkar lill-SM bir-restrizzjonijiet li jimponu l-IHR fuq il-miżuri nazzjonali li jistgħu jittieħdu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, partikolarment fuq it-tipi ta’ miżuri ta’ fruntieri internazzjonali li jistgħu jittieħdu b’rispons għall-influwenza pandemika; - tistimula lill-SM biex jiżviluppaw u jaqsmu l-pjanijiet tagħhom stess għall-implimetazzjoni ta’ l-IHR. Taqsira u lista ta’ akronimi huma annessi ma’ din il-Komunikazzjoni. 2. SFOND GħALL-IHR 2.1. Deskrizzjoni qasira[5] Fl-1951 l-Istati Membri ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) adottaw l-ewwel Regolamenti Sanitarji Internazzjonali. Dawn ingħataw l-isem ġdid ta’ Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa fl-1969; minn dak in-nhar ġew emendati u mmodifikati erba’ darbiet, l-iżjed reċenti u l-iżjed komprensiva tkun fl-2005. L-IHR huma strument legali internazzjonali li jorbot legalment lill-Istati Partijiet kollha. Huma ma jeħtiġux ratifika mill-istati individwali, imma kwalunkwe stat jista’ jirrufjuta lill-IHR jew jagħmel riżervi fuq aspetti speċifiċi. 192 stat huma membri tad-WHO, fosthom il-25 SM ta’ l-UE, il-Bulgarija u r-Rumanija. L-UE mhix parti fl-IHR, imma l-IHR jirrikonoxxu r-rwol ta’ “organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika” bħall-UE. Speċifikatament, l-Artikolu 57(3) ta’ l-IHR jiddikjara li “Bla ħsara għall-obbligi tagħhom taħt dawn ir-Regolamenti, Stati Partijiet li huma membri ta’ organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika għandhom japplikaw fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom ir-regoli komuni fis-seħħ f’dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika”. Dan ifisser, pereżempju, li jekk id-WHO tirrakkomanda lill-istati biex jirrifjutaw id-dħul jew it-tluq ta’ ċerti prodotti taħt l-IHR (l-Artikolu 18(2)), l-UE jkollha taġixxi kollettivament, b’inizjattiva tal-Kummissjoni, peress li l-leġiżlazzjoni tas-suq waħdieni ta’ l-UE ma jħallix lill-SM jieħdu azzjonijiet unilaterali. 2.2. Kompetenza ġuridika L-IHR huma strument internazzjonali li jinvolvi kwistjonijiet ta’ kompetenza mħallta bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-Komunità Ewropea (KE)[6]. Ħafna artikoli ta’ l-IHR għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet koperti mil-liġi tal-KE. Skond il-liġi kkonċernata dawn jitqiesu jew bħala kwistjoni ta’ kompetenza Komunitarja esklussiva, jew bħala kompetenza maqsuma bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-Komunità. Pereżempju l-Artikolu 45 ta’ l-IHR ikopri l-ipproċessar ta’ data personali, li fl-UE hija indirizzata minn leġiżlazzjoni bil-bażi ġuridika tas-suq waħdieni[7], u għalhekk hija kwistjoni ta’ kompetenza Komunitarja esklussiva. Artikoli oħra ta’ l-IHR huma interament kwistjoni tal-gvernijiet nazzjonali, għax m’hemm l-ebda liġi tal-KE li għandha x’taqsam. Pereżempju l-Artikolu 41 ta’ l-IHR ikopri l-ispejjeż għall-applikazzjoni tal-miżuri tas-saħħa għall-mezzi tat-trasport (vapuri u ajruplani), li mhumiex ittrattati speċifikatament mil-liġi tal-KE u għalhekk mhumiex ta’ kompetenza Komunitarja. L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni mhux li telenka liema artikoli ta’ l-IHR huma suġġetti għal kompetenza nazzjonali, Komunitarja, jew maqsuma, iżda li tqis kif l-IHR għandhom jiġu implimentati b’mod koordinat madwar il-Komunità. 3. RIżERVI Skond l-Artikolu 62 ta’ l-IHR, huwa f’idejn l-Istati Partijiet li jinnotifikaw ir-riżervi lid-Direttorat-Ġenerali tad-WHO sal-15 ta’ Diċembru 2006 skond ċerti kundizzjonijiet. Ir-riżervi ġeneralment jintużaw biex jindikaw li l-istati ma jistgħux jew mhumiex se jimplimentaw aspetti partikolari ta’ l-IHR. L-SM u l-Kummissjoni ħadmu b’kooperazzjoni effettiva u mill-qrib matul in-negozjati ta’ l-IHR biex jiżguraw li l-IHR finali jkunu konsistenti mal-liġi nazzjonali u tal-KE, ħalli ma jkunux meħtieġa riżervi. 3.1. Riżervi tal-KE u ta’ l-SM Tgħarbil finali tal-liġi tal-KE fil-konfront ta’ l-IHR ma sab bżonn għal ebda riżerva fir-rigward ta’ l-aspetti ta’ l-IHR ta’ kompetenza Komunitarja. Sal-lum l-ebda SM ma identifika bżonn għal riżervi f’aspetti ta’ l-IHR ta’ kompetenza nazzjonali. Huwa possibbli li jistgħu jqumu diffikultajiet ma’ dispożizzjonijiet individwali matul it-tħejjijiet għall-implimentazzjoni. Jekk ikun hekk, ikun hemm bżonn ta’ approċċ komuni ta’ l-UE biex jiddaħħlu fomalment ir-riżervi mad-WHO, sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ l-unità tar-rappreżentanza internazzjonali, kif rikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-KE u li ġej mill-Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Il-Kummissjoni hija sodisfatta li m’hemm ebda bżonn ta’ riżerva għall-IHR fuq kwistjonijiet ta’ kompetenza Komunitarja. Fil-każ li Stat Membru jkun jixtieq jagħmel riżerva għall-IHR dwar kwistjoni ta’ kompetenza nazzjonali, ikun hemm bżonn ta’ koordinament ta’ l-UE. Sabiex dan jintlaħaq qabel l-iskadenza ta’ Diċembru 2006, SM li jixtieq idaħħal riżerva għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-SM l-oħra b’dan fl-istadju l-iżjed bikri possibbli ħalli jinstab qbil għal approċċ koordinat. 3.2. Reazzjonijiet ta’ l-UE għal riżervi ta’ pajjiżi terzi L-ebda pajjiż terz għadu ma ressaq riżerva għall-IHR, imma xi wħud jistgħu jkollhom ix-xewqa li jagħmlu dan. Jekk jew meta id-WHO tirċievi riżerva, l-Artikolu 62 ta’ l-IHR jeħtieġ lid-Direttur-Ġenerali tad-WHO li jinnotifika lil kull Stat Parti oħra tad-WHO li ma rrifjutatx l-IHR, u jħallilhom 6 xhur biex jirreaġixxu għal dik ir-riżerva. Jekk ta’ l-inqas terz ta’ dawk l-istati joġġezzjonaw għar-riżervi, id-WHO tistieden lill-istat li jkun qed jagħmel ir-riżerva biex jikkunsidra jirtira r-riżerva tiegħu fi żmien 3 xhur. Jekk l-istat ma jaqbilx, id-WHO titlob il-fehma tal-Kumitat Reviżorju ta’ l-IHR. Koordinament ta’ l-UE jkun meħtieġ ukoll sabiex jiġi stabbilit approċċ komuni għal kwalunkwe riżervi minn pajjiżi terzi. 4. APPLIKAZZJONI BIKRIJA VOLONTARJA TA’ ASPETTI RELATATI MA’ L-INFLUWENZA Ir-riżoluzzjoni 59.2 tad-WHA , adottata fis-26 ta’ Mejju 2006, issejjaħ lill-Istati Partijiet biex jikkonformaw immedjatament, fuq bażi volontarja, mad-dispożizzjonijiet ta’ l-IHR meqjusa rilevanti għar-riskju impost mill-influwenza pandemika tat-tjur u possibbilment tal-bnedmin. Importanti li jkun iċċarat li mill-15 ta’ Ġunju 2007, l-IHR jidħol fis-seħħ u jorbot lill-partijiet kollha. Wara dik id-data, dispożizzjonijiet differenti għandhom skedi differenti għall-implimentazzjoni, għalkemm il-konformità ma’ l-istrument kollu huwa mandatorju. 4.1. Aspetti speċifiċi identifikati għal applikazzjoni bikrija - il-kuntest ta’ l-UE Ir-riżoluzzjoni tad-WHA tħeġġeġ lill-istati biex 1. ifasslu punti fokali nazzjonali (NFPs) dwar l-IHR fi żmien 90 jum mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tad-WHA (qabel l-aħħar ta’ Awwissu 2006). Dan għandu jgħin biex jistabbilixxi linji ta’ komunikazzjoni ta’ l-IHR għall-istaġun ta’ l-influwenza li ġejja fl-UE. Aħna nemmnu li l-ECDC għandu jaħdem mill-qrib ma’ l-NFPs, speċjalment fil-każ ta’ tifqigħ ta’ mard li jiġru f’iktar minn SM ta’ l-UE wieħed. Ara t-taqsima 5 fuq ir-rwol ta’ l-ECDC. 2. isegwu mekkaniżmi u proċeduri fl-IHR li għandhom x’jaqsmu ma’ mard li jista’ jikkostitwixxi PHEIC . Fil-livell ta’ l-UE, dan diġà qiegħed jitqies. Pereżempju bil-parir għall-SM dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/38 dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-UE, "mard b’potenzjal epidemiku kif definit mill-istrumenti rilevanti tad-WHO" huwa definit b’relazzjoni ma’ l-Anness 2 ta’ l-IHR. 3. jinnotifikaw lid-WHO u sussegwentement jikkomunikaw magħhom dwar kwalunkwe każ uman probabbli jew ikkonfermat ta’ influwenza tat-tjur. L-ebda każ uman suspettat ma ġie identifikati s’issa fl-UE. 4. iqassmu tagħrif u materjali bijoloġiċi relatati ma’ l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u varjetajiet ġodda oħra ta’ l-influwenza. Kampjuni minn każijiet umani suspetti fit-Turkija ntbagħtu lil-laboratorji tad-WHO fir-Renju Unit għall-ittestjar iktar kmieni din is-sena. Ġie esperjenzat dewmien fl-ibgħit tal-kampjuni ma’ xi linji ta’ l-ajru ta’ l-UE; dan qiegħed jiġi segwit mid-Direttorat Ġenerali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili ta’ l-UE. 5. jiżviluppaw kapaċità domestika ta’ produzzjoni ta’ vaċċin ta’ l-influwenza jew jaħdmu ma’ l-istati ġirien biex jistabbilixxu kapaċità reġjonali. L-SM ta’ l-UE qegħdin jaħdmu fuq dan bħala prijorità għolja. Il-kapaċità tal-vaċċin ġiet diskussa fil-Kunsill, flimkien ma’ dokument dwar l-għażliet mhux obbligatorji tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ ħażna ta’ antivirali. 6. isaħħu l-kollaborazzjoni fuq influenzi umani u żoonotiċi fost organizzazzjonijiet nazzjonali. L-ECDC u s-sitt Programm ta’ Qafas tal-Kummissjoni għar-riċerka qegħdin, it-tnejn li huma, jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni xjentifika ta’ l-UE f’dan ir-rigward. 7. jirrispettaw il-ħinijiet ta’ l-IHR għall-attivitajiet u komunikazzjonijiet, partikolarment għar-raportaġ ta’ każijiet umani ta’ influwenza tat-tjur. L-esperjenza s’issa turi li l-ħinijiet ta’ l-IHR ma għandhomx ikunu problematiċi għall-SM ta’ l-UE, imma jista’ jkun hemm bżonn valutazzjoni ulterjuri tal-kapaċitajiet tal-SM. 8. jikkollaboraw, inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju, biex isaħħu s-sorveljanza u r-rispons għall-influwenza f’pajjiżi affettwati minn influwenza pandemika u tat-tjur. L-UE pprovdiet kontribuzzjonijiet finanzjarji għat-tisħiħ tas-sorveljanza u r-rispons għall-influwenza fl-UE, permezz ta’ l-ECDC u l-programm tas-saħħa pubblika (id-Deċiżjoni 1786/2002/KE), u fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, permezz tal-Konferenza tad-Donaturi ta’ Beijing ko-ospitata mill-Kummissjoni f’Jannar 2006. 4.2. Bżonn għal approċċ komuni ta’ l-UE għal applikazzjoni bikrija volontarja Sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ l-unità ta’ rappreżentanza internazzjonali fit-Trattat tal-KE, hemm bżonn ta’ approċċ komuni. L-istess aspetti ta’ l-IHR għandhom jiġu implimentati għall-istess skeda madwar l-Istati Membri ta’ l-UE. Dan se jirrikjedi koordinament fil-livell ta’ l-UE. Il-Kummissjoni se tieħu kwalunkwe inizjattiva xierqa li jista' jkun hemm bżonn sabiex tiġi ffaċilitata din l-implimentazzjoni. 5. IMPLIMENTAZZJONI SħIħA - IR-RWOL TA’ L-UE L-IHR għandhom implikazzjonijiet ċari fuq il-politika ta’ l-UE, partikolarment fuq il-kummerċ, it-trasport u l-politiki tal-fruntiera fis-suq waħdieni, fejn fil-każ ta’ PHEIC, il-liġi tal-KE tipprovdi l-mekkaniżmi ta’ rispons għall-emerġenzi. Kif diġà ġie nnotat waqt in-negozjati, il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta’ l-IHR jikkonċernaw kemm l-UE kif ukoll l-SM, għalhekk hemm bżonn li jkun hemm koordinament mill-qrib sabiex tintlaħaq l-aħjar implimentazzjoni . L-UE, l-istituzzjonijiet u n-netwerks tagħha jistgħu għalhekk ikollhom rwol pożittiv fl-implimentazzjoni ta’ l-IHR, biex jiżdied il-valur u jiġu evitati sforzi ripetuti fil-livell nazzjonali. 5.1. Memorandum ta’ ftehim bejn il-Komunità u d-WHO Abbażi tal-proposti dwar il-prattiki tax-xogħol u r-rwol ta’ l-istituzzjonijiet u n-netwerks ta’ l-UE stabbiliti hawn taħt, tkun ħaġa mixtieqa li jiġi adottat memorandum ta’ ftehim bejn il-Komunità u d-WHO biex jiġi żgurat li l-arranġamenti huma definiti b'mod ċar fir-rigward ta' l-IHR. Il-Kummissjoni se tkun responsabbli għall-abbozzar, negozjar u ffirmar ta' dan il-memorandum. 5.2. Ir-rwol tan-netwerks ta’ l-UE eżistenti, l-EWRS u l-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa Id-Deċiżjoni 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill waqqfet netwerk għas-sorveljanza epidemjoloġika u l-kontroll ta’ mard li jittieħed fl-UE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/57 tistabbilixxi kriterji għall-użu ta’ EWRS għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li jittieħed. Ir-rwol ewlieni ta’ l-EWRS huwa li jirrapporta mard li jittieħed li jaffettwa, jew b’riskju potenzjali ta’ propagazzjoni għal, iktar minn SM wieħed. Id-Deċiżjoni 2119/98/KE titlob ukoll lill-SM li jirrapportaw il-miżuri meħuda bħala rispons, li jikkonsultaw lil xulxin flimkien mal-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġu kkoordinati l-isforzi għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li jittieħed. L-ambitu ta’ l-EWRS huwa limitat għal mard li jittieħed, inklużi dawk ta’ oriġini mhux magħrufa. Għalhekk mhux wiesa’ daqs l-IHR, li jinkludi każijiet ta’ sors jew kawża mhux magħrufa, u t-tixrid ta’ materjali tossiċi, infettużi jew perikolużi b’mod ieħor , bħala PHEICs potenzjali. Dan qiegħed stipulat fl-Anness 2 ta’ l-IHR. Imma meta wieħed jiftakar li ħafna mill-PHEICs potenzjali x’aktarx li jiġu minn mard li jittieħed, huwa ċar li hemm ħafna xebh bejn il-bżonnijiet ta’ tagħrif u komunikazzjoni li l-SM jiffaċċjaw fir-rigward ta’ l-EWRS u l-IHR. Għal PHEICs potenzjali kkawżati minn sorsi li mhumiex mard li jittieħed, jista’ jkun hemm rwol komplementarju għall-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa (HSC) ta’ l-UE, li twaqqaf fl-2001 biex jippromwovi l-kooperazzjoni fit-trattament tal-bijoterroriżmu. Rappreżentanti ta’ l-HSC qegħdin jikkoordinaw risponsi multi-settorjali għat-theddid tas-saħħa fi Stati Membri, li huma ta’ importanza partikolari fit-trattament tat-theddid ħlief għal tifqigħ ta’ mard li jittieħed, Membri ta’ l-HSC jikomunikaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni żgura (RAS-BICHAT), li tippermetti twissija bikrija ta' każijiet bħal dawn, 24 siegħa kuljum, 7t ijiem fil-ġimgħa. Ir-Regolament tat-Twaqqif ta’ l-ECDC jgħid li għandhom jgħinu lill-Kummissjoni billi jħaddmu l-EWRS. Bħalissa qegħdin jistħarrġu dwar il-ħtiġijiet ta’ l-utenti bil-ħsieb li jtejbu s-sistema, b’tagħlim mill-eżerċizzji reċenti ta’ similuzzjoni ta’ kriżi ta’ l-UE fuq il-ġidri u l-influwenza, organizzati mill-Kummissjoni biex tittestja l-proċeduri ta’ l-UE u l-SM. Sabiex timmassimizza l-effiċjenza l-Kummissjoni tipproponi l-prattiki tax-xogħol li ġejjin: 9. Nomina ta’ l-istess punti fokali nazzjonali għall-EWRS u l-IHR. L-SM jaf ikollhom bżonn jagħmlu xi aġġustamenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti taż-żewġ sistemi, imma l-koinċidenza tal-funzjonijiet jiġġustifikaw dan l-approċċ, speċjalment peress li kwalunkwe marda li tittieħed notifikabbli taħt l-IHR tkun notifikabbli wkoll taħt l-EWRS. Komplementarjetajiet mas-Sistema ta’ Twissija Rapida għal Attakki u Theddid Bijoloġiċi u Kimiċi jistgħu jiġu esplorati wkoll biex jiġi definit l-aħjar mod għat-trattament tan-notifiki ta’ l-IHR fuq sorsi mhux magħrufa jew materjali perikolużi. 10. Tagħrif fl-istess waqt lill-EWRS u lid-WHO dwar każijiet ġot-territorju tagħhom li jeħtieġu notifika taħt l-IHR imma li mhumiex PHEICs potenzjali. Din l-għażla hija diġà disponibbli, u użata regolarment, sempliċiment bl-attivazzjoni ta’ għażla fl- interface ta’ l-EWRS biex tintbagħat kopja lid-WHO. Din tista’ ssir il-prattika standard, ħalli l-partijiet interessati kollha jkunu informati f’daqqa. 11. Tagħrif lin-Netwerk tal-Mard li Jittieħed ta’ l-UE qabel ma ssir notifika ta’ l-IHR formali ta’ PHEIC potenzjali. Dan iħalli lill-SM jikkoordinaw in-notifiki, pereżempju fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda li tittieħed li tiġri fl-istess ħin f’iktar minn SM wieħed (tifqigħa multi-statali) 12. Partikolarment għat-tifqigħ multi-statali, l-użu ta’ l-EWRS u / jew il-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa biex jgħin il-koordinament tal-ġestjoni u r-rispons għar-riskju tas-saħħa qabel ma jkun hemm komunikazzjoni mad-WHO. Id-Deċiżjoni 2119/98/KE diġà titlob lill-SM biex jikkonsultaw lil xulxin bil-ħsieb li jikkoordinaw ir-rispons tagħhom fil-każ ta’ tifqigħa. Rispons koordinat għall-PHEICs taħt l-IHR jista’ jitħejja permezz ta’ l-EWRS u / jew il-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa, skond in-natura tat-theddida. Dan ir-rispons jista’ mbagħad jiġi kkomunikat u kkoordinat mad-WHO fil-livell ta’ l-UE, mill-Presidenza jew mill-Kummissjoni. Dan jagħti lill-UE leħen wieħed, inaqqas sforzi li m’hemmx bżonnhom u jiżgura koordinament politiku iżjed effiċjenti. Dan il-proċess jista’ jiġi definit abbażi tal-mekkaniżmi eżistenti. 5.3. Ir-rwol ta’ l-ECDC L-ECDC hu aġenzija indipendenti inkarigata mill-identifikazzjoni, valutazzjoni, u komunikazzjoni ta’ theddid attwali u emerġenti għas-saħħa pubblika minn mard li jittieħed. L-ECDC jiġbor u tipproċessa data teknika u xjentifika rilevanti, jipprovdi opinjonijiet xjentifiċi u għajnuna teknika, u jikkoordina netwerking Ewropew. L-ECDC qed jaħdem ukoll mal-Kummissjoni u l-SM biex isir il-punt ta’ referenza ta’ l-UE għas-sorveljanza tal-mard li jittieħed; hu qed jivvaluta u jgħin lill-SM sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza nazzjonali. L-attivitajiet ta’ sorveljanza li jagħmel l-ECDC se jkunu rilevanti ħafna fil-każ ta’ theddida għas-saħħa pubblika li teħtieġ notifika ta’ l-IHR. L-ECDC jista’ wkoll jgħin lill-SM fl-implimentazzjoni nazzjonali ta’ l-IHR. L-ECDC bħalissa qed iħejji linji gwida għad-detezzjoni u l-valutazzjoni tat-theddid fl-UE li jkun utli fil-kuntest ta’ l-Anness I ta’ l-IHR dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapaċità Korali. L-ECDC jista’ jipprovdi gwida fuq kif tuża l-Anness 2 ta’ l-IHR, li tistabbilixxi l-istrument ta’ deċiżjoni biex jiġi ddeterminat liema każijiet jikkostitwixxu PHEIC. L-ECDC jista’ jiffaċilita skambju ta’ tagħrif u l-aħjar prassi bejn lill-SM ta’ l-UE, possibbilment billi jospita laqgħat u gruppi ta’ ħidma. L-ECDC jista’ jimmobilizza kompetenzi, billi jibgħat esperti epidemjoloġiċi f’żoni affettwati ġewwa l-UE u pajjiżi ġirien, biex jgħinu fl-istima tar-riskju u jagħtu pariri fuq ir-rispons l-iżjed effettiv għas-saħħa pubblika. Dan jikkomplementa mekkaniżmi eżistenti tad-WHO għal għajnuna internazzjonali. Kollaborazzjoni bejn l-ECDC u d-WHO diġà qiegħda taħdem sew u se tkun żviluppata iżjed sabiex tiġi żgurata effiċjenza massima fl-UE u l-Ewropa usa’. Fl-aħħarnett, minħabba t-termini ta’ referenza għall-NFPs ta’ l-IHR proposti mid-WHO[8], il-Kummissjoni temmen li l-ECDC jista’ jkollu u għandu jkollu rwol komplementarju fil-livell ta’ l-UE. Formalment, it-test ta’ l-IHR jgħid biss li "Kull Stat Parti għandu jiddesinja jew iwaqqaf Punt Fokali Nazzjonali ta’ l-IHR". Fil-prattika, madankollu, peress li l-ECDC se jkun qed jopera l-EWRS u jiġbor data dwar l-istima tar-riskju, se tkun qed tagħmel ħafna mill-istess funzjonijiet fil-livell ta’ l-UE li huma attribwiti lill-NFPs fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni tipproponi li r-rwol ta’ l-ECDC fl-IHR għandu jkun ifformalizzat, partikolarment fir-rigward tal-ġbir tad-data dwar kwistjonijiet fi ħdan il-mandat tiegħu. Ir-rwol tiegħu għandu jinkludi l-elementi li ġejjin imsemmija fil-gwida tad-WHO dwar l-NFPs ta’ l-IHR: 13. Li tibqa’ aċċessibbli l-ħin kollu għal komunikazzjonijiet mal-Punti ta’ Kuntatt ta’ l-IHR tad-WHO (bl- email , bit-telefon, bil-faks). 14. Li taqsam tagħrif waqt każijiet ta’ saħħa pubblika mhux mistennija u mhux tas-soltu (l-Artikolu 7 ta’ l-IHR): li tipprovdi tagħrif lill-Punti ta’ Kuntatt ta’ l-IHR tad-WHO dwar każijiet fl-UE li jistgħu jikkostitwixxu PHEIC (bil-kundizzjoni ta’ qbil ma’ l-SM) 15. Konsultazzjoni (l-Artikolu 8): li tavża lid-WHO b’każijiet fl-UE li ma jeħtiġux notifika ta’ l-IHR. Dan ġeneralment isir billi jiġu kkupjati u mgħoddija l-messaġġi ta’ l-EWRS lid-WHO, bil-kundizzjoni tal-ftehim ta’ l-SM. 16. Rapporti oħra (l-Artikolu 9): li twieġeb għat-talbiet tad-WHO għall-konsultazzjonijiet, jew tipprova tikseb verifika tar-rapporti tal-każijiet li jiġru fl-UE; u tinforma lid-WHO bi kwalunkwe evidenza ta’ riskju ta’ saħħa pubblika identifikat barra mill-UE li jista’ jikkawża tixrid internazzjonali tal-marda. 17. Verifika (l-Artikolu 10): li twieġeb għat-talbiet tad-WHO għall-verifika tar-rapporti minn sorsi barra min-notifiki jew il-konsultazzjonijiet ta’ każijiet li jistgħu jikkostitwixxu PHEIC li allegatament jiġru fl-UE. 18. Forniment tat-tagħrif mid-WHO (l-Artikolu 11): li tilqa’ tagħrif b’mod kunfidenzjali, dwar in-notifiki, il-konsultazzjonijiet u r-rapporti dwar PHEICs potenzjali mressqa lid-WHO skond l-Artikoli 5 - 10 inklussivi. Id-WHO tista’ tibgħat dan it-tagħrif permezz ta’ l-EWRS. 19. Li tqassam it-tagħrif lil, u tikkonsolida l-kontribuzzjoni minn, setturi rilevanti ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-UE, inklużi dawk responsabbli għas-sorveljanza u r-rapportaġ. il-punti tad-dħul, is-saħħa pubblika, u dipartimenti oħra. Ir-rwol ta’ l-ECDC għandu jkun illimitat għall-istima tar-riskju. Dwar il-ġestjoni tar-riskju, il-Kummissjoni tmexxi hi, partikolarment permezz tad-Direttorati Ġenerali tal-Ħarsien tas-Saħħa u tal-Konsumatur; tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà; u l-Enerġija u t-Trasport. 5.4. Roster ta’ Esperti, Kumitati ta’ Emerġenza u Reviżjoni L-Artikolu 47 ta’ l-IHR jipprevedi Roster ta’ Esperti, li jrid jinħatar mid-Direttorat Ġenerali tad-WHO, u li jrid jinkludi “membru wieħed fuq talba ta’ kull Stat Parti u, fejn xieraq, esperti proposti minn organizzazzjonijiet rilevanti ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali u intergovernattiva”. Il-Kummissjoni reċentement kitbet lid-WHO biex tipproponi esperti tal-Kummissjoni u l-ECDC għar-roster ta’ l-IHR. L-Artikoli 48 sa 53 ta’ l-IHR għandhom x’jaqsmu mal-Kumitati ta’ Emerġenza u Reviżjoni. Il-Kumitat ta’ Emerġenza se jagħti pariri lid-WHO dwar jekk każ partikolari jkunx jikkostitwixxi PHEIC jew le, u se jintalab ukoll jagħti l-fehmiet tiegħu dwar ir-rispons politiku xieraq, permezz ta’ rakkomandazzjonijiet temporanji tad-WHO. Il-Kumitat ta’ Reviżjoni se jagħti pariri lid-WHO dwar riżervazzjonijiet, rakkomandazzjonijiet permanenti, rakkomandazzjonijiet tekniċi dwar emendi possibbli għall-IHR u t-tħaddim ġenerali ta’ l-IHR. Iż-żewġ kumitati se jitlaqqgħu fuq bażi ad hoc fuq talba tad-WHO, u se jkunu magħmula minn esperti magħżula mir-Roster ta’ l-IHR, abbażi ta’ kompetenza, esperjenza, u rappreżentanza ġeografika ekwa. Ta’ l-inqas membru wieħed tal-Kumitat ta’ Emerġenza għandu jkun espert mill-istat fejn inqala’ l-każ. Fil-każ ta’ PHEIC potenzjali fit-territorju ta’ l-UE, ikun xieraq għad-WHO li tistieden lill-espert tal-Kummissjoni u / jew ta’ l-ECDC fuq ir-roster ta’ l-IHR biex jagħmel parti mill-Kumitat ta’ Emerġenza. 6. RESTRIZZJONIJIET DWAR RISPONSI POLITIċI LI JAFFETTWAW IT-TRAFFIKU INTERNAZZJONALI L-Artikolu 43 ta’ l-IHR jiċċara li filwaqt li l-istati jistgħu jieħdu l-miżuri tagħhom stess li jilħqu l-istess livell jew ogħla ta’ ħarsien tas-saħħa mir-rakkomandazzjonijiet tad-WHO, “miżuri bħal dawn ma għandhomx ikunu iżjed ristrettivi fuq it-traffiku internazzjonali u iżjed invażivi jew intrussivi għall-persuni minn alternattivi disponibbli raġjonevolment li jilħqu l-livell adatt ta’ ħarsien tas-saħħa”. L-IHR tqiegħed iżjed restrizzjonijiet fuq il-miżuri nazzjonali li “jinterferixxu b’mod sinjifikanti" mat-traffiku internazzjonali. Dan huwa definit bħala rifjut, jew dewmien ta’ iktar minn 24 siegħa, tad-dħul jew it-tluq ta’ vjaġġaturi, bagalji jew merkanzija internazzjonali - eż billi tingħalaq fruntiera jew tiġi imposta kwarantina. F’każijiet bħal dawn l-istati jintalbu juru t-tagħrif xjentifiku u r-raġuni ta’ saħħa pubblika li wasslu għall-miżura. Kwalunkwe stat li jintlaqat minn miżura bħal din jista’ wkoll jitlob lill-parti li timplimenta biex tikkonsultaha. Jekk it-tilwim jinqala’ fuq miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ, jista’ jintalab lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex tiddeċiedi t-tilwima. 6.1. Miżuri tal-fruntieri Għan ewleni ta’ l-IHR riveduti, partikolarment il-Parti V, huwa li jibbilanċjaw il-bżonn għal restrizzjonijiet ta’ miżuri tal-fruntiera arbitrarji mad-dritt ta’ l-istati li jwettqu kontrolli neċessarji fuq vjaġġaturi. Il-liġi Ewropea tirrestrinġi iżjed il-miżuri unilaterali: fi fruntieri intra-Komunitarji, permezz tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen[9]; u fil-fruntieri kollha, permezz tad-Direttiva 2004/38 dwar il-moviment ħieles[10], u l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem[11]. L-Artikolu 31 ta’ l-IHR jippermetti lill-Istati Partijiet li jeħtieġu eżami mediku, tilqim jew profilassi tal-vjaġġaturi bħala kundizzjoni għad-dħul. Dan hu suġġett għal ċerti kondizzjonijiet, inkluż li kwalunkwe eżami jkun l-inqas invażiv u intrussiv meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tas-saħħa pubblika. Skond id-Direttiva 2004/38, l-SM jistgħu jiċħdu d-dħul għaċ-ċittadini ta’ l-UE u l-membri tal-familja tagħhom jekk jitqiesu bħala theddida għas-saħħa pubblika, imma biss jekk dan ikun proporzjonat u jilħaq salvagwardji materjali u proċedurali. Skond il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu wkoll jiġu mċaħħda d-dħul jekk jitqiesu bħala theddida għas-saħħa pubblika. Sabiex tiġi ddefinita n-nozzjoni ta’ “theddida għas-saħħa pubblika”, iż-żewġ dokumenti jirreferu għall-istrumenti rilevanti tad-WHO. Filwaqt li li l-Artikolu 43 ta’ l-IHR jippermetti lill-Istati Partijiet li jieħdu l-miżuri tagħhom b’rispons għal emerġenzi ta’ saħħa internazzjonali, suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, fil-miżuri tal-fruntieri ta’ l-UE huma kwistjoni ta’ kompetenza Komunitarja li jeħtieġu koordinament ma’ l-UE. Barra minn hekk, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tan-Netwerk 2119/1998, fejn SM jkunu bi ħsiebhom jadottaw miżuri għall-kontroll ta’ mard li jittieħed, huma għandhom jinformaw, u meta jista’ jkun jikkonsultaw, ma’ l-SM l-oħra u mal-Kummissjoni bil-quddiem. Din hija kwistjoni importanti li teħtieġ diskussjoni fil-Kunsill. 6.2. Traċċjar tal-kuntatti Skond l-Artikolu 23 ta’ l-IHR, l-istati jistgħu jeħtieġu lill-vjaġġaturi li jipprovdu tagħrif dwar id-destinazzjoni tagħhom ħalli jkunu jistgħu jiġu kkuntattjati għal finijiet ta’ saħħa pubblika. Bħalissa m’hemm l-ebda approċċ internazzjonali standard għat-traċċjar tal-kuntatti, imma sakemm ir-regoli dwar il-ħarsien tad- data personali ikunu rispettati, jista’ jkun għodda politika utli għas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ma’ l-industrija ta’ l-avjazzjoni u d-Diretturi Ġenerali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili biex jiddiskutu l-possibilità ta’ approċċ ta’ l-UE għar-rintraċċ tal-kuntatti. Dan jista’ jkun ibbażat fuq karta ta’ lokalizzazzjoni tal-passiġġier standard li trid timtela mill-passiġġieri abbord; id-WHO diġà qiegħda taħdem fuq mudell għall-użu waqt PHEICs. 6.3. Kwistjonijiet partikolari li għandhom x’jaqsmu ma’ l-influwenza pandemika Il-miżuri għall-kontroll tat-traffiku internazzjonali deskritti hawn fuq huma għodod tradizzjonali tal-politika tas-saħħa, indirizzati mill-Parti V ta’ l-IHR, imma hemm dubju dwar kemm huma effettivi fejn tidħol l-influwenza, li tista’ tiġi trasmessa qabel ma jibdew jidhru s-sintomi, u li tinxtered malajr ħafna fil-fażi pandemika. Miżuri nazzjonali u lokali għal tbegħid soċjali, bħall-għeluq ta’ l-iskejjel u r-restrizzjonijiet fuq il-vjaġġi interni, jistgħu jkunu iżjed effettivi, kif ukoll iżjed prattiċi u inqas għaljin. Skond il-parir ta’ l-ECDC, il-monitoraġġ ta’ passiġġiera internazzjonali mat-tluq jew mal-wasla jkun ta’ użu limitat ħafna f’influwenza pandemika, ħlief fil-fażi tal-bidu, meta d-WHO indikat monitoraġġ mal-ħruġ jista’ jkun ta’ min jikkunsidrah. Xorta waħda biex tkun prattika u effettiva fl-infiq, din it-tip ta’ miżura tal-fruntieri tibbenefika minn koordinament politiku bejn il-pajjiżi tal-wasla u tat-tluq. 7. KONKLUżJONIJIET OPERATTIVI Din il-Komunikazzjoni tipproponi għadd ta’ prattiki tax-xogħol għall-implimentazzjoni ta’ l-UE ta’ l-IHR. Wara li tqiesu l-fehmiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni se tiżviluppa iżjed dawn il-proposti, b’ħidma ma’ l-Istati Membri u l-ECDC. Speċifikatament, il-Kummissjoni se: - tiżviluppa pożizzjonijiet ta’ l-UE kkoordinati fuq kwalunkwe riżervi ta’ l-IHR minn pajjiżi terzi, għal diskussjoni fil-Kunsill; - tabbozza, tinnegozja u tiffirma Memorandum ta’ Ftehim fuq l-IHR bejn il-Komunità u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li tiċċara r-rwol ta’ l-EWRS u l-ECDC fl-implimentazzjoni ta’ l-IHR; - fuq talba ta’ SM, toffri kwalunkwe kjarifika neċessarja fuq kwistjonijiet ta' kompetenza ġuridika ta' l-IHR. L-ECDC se: - iħejji linji gwida għad-detezzjoni u l-valutazzjoni tat-theddid fl-UE, li jista’ jkun utli fil-kuntest ta’ l-Anness I ta’ l-IHR dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapaċità Korali; - jekk ikun mixtieq, jiżviluppa gwida fuq kif tuża l-Anness 2 ta’ l-IHR, li tistabbilixxi l-istrument ta’ deċiżjoni biex jiġi ddeterminat liema każijiet jikkostitwixxu PHEIC; - jiffaċilita skambju ta’ tagħrif u l-aħjar prassi bejn l-SM ta’ l-UE dwar l-implimentazzjoni ta’ l-IHR, inkluż billi jospita laqgħat u gruppi ta’ ħidma jekk ikun mixtieq. L-IHR tistabbilixxi skadenzi għall-implimentazzjoni għall-Istati Partijiet biex jivvalutaw u jiżviluppaw kapaċitajiet korali biex jilħqu r-rekwiżiti fejn jidħlu s-sprveljanza u r-rispons. Fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ l-IHR f’Ġunju 2007, Stati Partijiet huma mitluba li jkunu żviluppaw u implimentaw pjanijiet biex jiżguraw li dawn il-kapaċitajiet korali huma preżenti u qegħdin jiffunzjonaw fi ħdan it-territorju tagħhom. Il-Kummissjoni temmen għalhekk li jkun utli li jiġi rivedut il-progress bl-implimentazzjoni ta’ l-IHR sa l-2012. ANNESS - Taqsira u Lista ta’ l-Akronimi BLANK LINE. Riżervi: Il-Kummissjoni hija sodisfatta li m’hemm l-ebda bżonn għal ebda riżerva ta’ l-IHR dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-KE. L-ebda SM għadu ma identifika bżonn għal riżervi dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza nazzjonali. Fil-każ li jkun hemm bżonn ta’ kwalunkwe riżervi, ikun jinħtieġ koordinament ma’ l-UE. Se jkun hemm bżonn ukoll ta’ koordinament ma’ l-UE b’reazzjoni għal kwalunkwe riżervi minn pajjiżi terzi. Applikazzjoni bikrija volontarja. Importanti li l-istess aspetti ta’ l-IHR ikunu implimentati għall-istess skeda madwar l-Istati Membri ta’ l-UE. Dan se jeħtieġ koordinament fil-livell ta’ l-UE. Netwerks ta’ l-UE eżistenti, inkluża l-EWRS. Il-Kummissjoni tipproponi erba’ prattiki għax-xogħol ta’ l-IHR: nomina ta’ l-istess punti fokali nazzjonali għall-EWRS u l-IHR; tagħrif fl-istess waqt lill-EWRS u lid-WHO dwar każijiet ta’ saħħa pubblika fit-territorju tagħhom li ma jikkostitwixxux PHEIC; tagħrif lin-netwerk tal-mard li jittieħed ta’ l-UE qabel ma ssir notifika ta’ l-IHR formali ta’ każ li jista’ jikkostitwixxi PHEIC; u l-użu ta’ EWRS u/jew il-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa biex jgħinu għall-koordinament tal-ġestjoni u r-rispons għar-riskju qabel ma ssir komunikazzjoni mad-WHO. Ir-rwol ta’ l-ECDC. L-ECDC diġà qiegħed iħejju linji gwida għall-ippjanar tal-kapaċità ta’ sorveljanza nazzjonali, li għandu jkun utli fil-kuntest ta’ l-Anness 1 ta’ l-IHR. Jekk ikun mixtieq, jistgħu jiżviluppaw ukoll gwida għal kif tuża l-istrument ta’ deċiżjoni fl-Anness 2 ta’ l-IHR, u tiffaċilita l-iskambju tat-tagħrif għall-implimentazzjoni ta’ l-IHR, possibbilment billi tospita laqgħat u gruppi ta’ ħidma. Ir-rwol ta’ l-ECDC fir-relazzjoni ma’ l-IHR għandu jkun formalizzat, biex jirrifletti ċerti aspetti tar-rwol ta’ l-NFPs, inkluż it-twassil tat-tagħrif mid-WHO dwar notifiki u konsultazzjonijiet (permezz ta’ l-EWRS). Roster ta’ Esperti ta’ l-IHR, Kumitati ta’ Emerġenza u Reviżjoni. Il-Kummissjoni reċentement ipproponiet esperti tal-Kummissjoni u ta’ l-ECDC lid-WHO, biex jinħatru fir-roster ta’ l-IHR. Fil-każ ta’ PHEIC potenzjali fit-territorju ta’ SM ta’ l-UE, ikun xieraq għall-espert tal-Kummissjoni u / jew ta’ l-ECDC li jintgħażel biex jingħaqad mal-Kumitat ta’ Emerġenza. Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Komunità u d-WHO Abbażi tal-proposti dwar il-prattiki tax-xogħol stabbiliti hawn fuq, ikun mixtieq li jitħejja memorandum ta’ ftehim bejn il-Komunità u d-WHO biex jiżgura li l-arranġamenti fir-rigward ta’ l-IHR ikunu definiti b’mod ċar. Il-Kummissjoni tkun responsabbli għall-abbozzar, negozjati u l-iffirmar ta’ memorandum bħal dan. Limiti ta’ l-IHR dwar risponsi politiċi unilaterali, fosthom il-miżuri tal-fruntieri. L-IHR tiċċara li “miżuri bħal dawn ma għandhomx ikunu iżjed ristrettivi fuq it-traffiku internazzjonali u iżjed invażivi jew intrussivi għall-persuni minn alternattivi disponibbli raġjonevolment li jilħqu l-livell adatt ta ħarsien tas-saħħa”. Miżuri li jirrigwardaw il-fruntieri huma kwistjoni ta’ kompetenza Komunitarja li teħtieġ koordinament ma’ l-UE. Barra minn hekk, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tan-Netwerk 2119/1998, fejn SM jkunu bi ħsiebhom jadottaw miżuri għall-kontroll ta’ mard li jittieħed, huma għandhom jinformaw, u meta jista’ jkun jikkonsultaw, ma’ SM oħrajn u mal-Kummissjoni bil-quddiem. Kwistjonijiet partikolari li għandhom x’jaqsmu ma’ l-influwenza pandemika. Il-miżuri fuq il-fruntieri internazzjonali huma għodod tradizzjonali tal-politika tas-saħħa, imma hemm dubju dwar kemm dawn huma effettivi fejn tidħol l-influwenza, li tista’ tiġi trażmessa qabel ma jibdew jidhru s-sintomi, u li tinxtered malajr ħafna fil-fażi pandemika. KE: Komunità Ewropea; ECDC : Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard; PE : Parlament Ewropew; UE : Unjoni Ewropea; EWRS : Sistema ta’ Twissija Bikrija u Rispons ; IHR : Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa; SM : Stat Membru; NFP: Punt Fokali Nazzjonali; PHEIC : Emerġenzi ta’ Saħħa Pubblika ta’ Tħassib Internazzjonali; WHO : Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; WHA : Assemblea Dinjija tas-Saħħa. [1] Rapport tad-WHA 58, b’test ta’ l-IHR. [2] Riżoluzzjoni WHA59.2. [3] Stabbilit mir-Regolament 851/2004 tal-PE u tal-Kunsill. [4] Stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament 2119/98 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/57/KE. [5] Għal iktar tagħrif ara dawn il-Mistoqsijiet Magħmula Spiss. [6] Il-KE hija l-ewwel pilastru ta’ l-UE, u hija l-parti li għandha identità ġuridika. Il-pilastri 2 u 3 għandhom x’jaqsmu mal-kooperazzjoni politika fil-politika barranija u l-ġustizzja. [7] Id-Direttiva 95/46/KE tal-PE u tal-Kunsill, dwar il-protezzjoni tad- data . [8] Il-Gwida tal-Punti Fokali ta’ l-IHR Nazzjonali tad-WHO ta’ Lulju 2006 dwar id-desinjazzjoni u r-rwol ta’ l-NFPs. [9] Ir-Regolament 562/2006 tal-PE u tal-Kunsill, dwar il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. [10] Id-Direttiva 2004/38 tal-PE u tal-Kunsill, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-UE u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fl-UE. [11] Ir-raba’ Protokoll tal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.