[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 25.9.2006 KUMM(2006) 551 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tiegħu Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tiegħu Introduzzjoni Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta’ April dwar skema skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni[1] (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament tal-Linja l-Ħadra) jistipula fl-Artikolu 11(1) li “ il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill fuq il-bażi ta' kull sena, li tibda mhux iktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tiegħu, filwaqt li tehmeż ma' dan ir-rapport proposti xierqa għal emendi jekk meħtieġ”. Ir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra ilu jitħaddem sa mill-1 ta’ Mejju 2004. Jiddefinixxi t-termini li fuqhom id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet ta’ l-UE japplikaw fir-rigward tal-moviment tal-prodotti u l-persuni bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru għandu kontroll effettiv u ż-żoni li fihom m’għandux. Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2005 sat-30 ta’ April 2006. 1. MIżURI TA’ IMPLIMENTAZZJONI Fit-3 ta’ Awissu 2005, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament 1283/2005 li jemenda l-Anness I tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra. Fuq din il-bażi, il-lista tal-postijiet tal-qsim tal-linja ġiet estiża bi tliet punti ta’ qsim tal-linja oħra: Kato Pyrgos - Karavostasi, Kato Pyrgos – Kokkina and Kokkina – Pachyammos[2] Fl-4 ta’ Ottubru 2005 il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1624/2005 li jħalli frott taċ-ċitru jaqsam il-Linja l-Ħadra mingħajr ma jkunu jridu jitħallsu dazji jew spejjeż li jkollhom effett ekwivalenti[3]. Fis-27 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 389/2006 li jistabbilixxi strument ta' appoġġ finanzjarju biex jitħajjar l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka[4]. Dan jipprovdi l-bażi legali għall-iffinanzjar tax-xogħol li jagħmlu l-esperti fitosanitarji u biex ikunu koperti l-ispejjeż ta' attivitajiet oħra li jiffaċilitaw il-kummerċ min naħa għal oħra tal-Linja l-Ħadra. Bħalissa l-Kummissjoni qed tfassal Deċiżjoni li biha jitneħħew il-projbizzjonijiet u jitqiegħdu kundizzjonijiet applikabbli għall-kummerċ ta' ċerti prodotti ġejjin mill-annimali fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 866/2004, li għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kummerċ fil-għasel u fil-ħut min naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. 2. PERSUNI LI JAQSMU L-LINJA Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra, ir-Repubblika ta’ Ċipru “għandha twettaq kontrolli fuq il-persuni kollha li jaqsmu l-linja bil-għan li tikkumbatti l-immigrazzjoni illegali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u biex tikxef u tipprevjieni kull theddida għas-sigurtà pubblika u l-politika pubblika” , fil-waqt li l-Artikolu 3 jistipula li “sorveljanza effettiva għandha titwettaq mir-Repubblika ta' Ċipru matul il-linja [l-Ħadra] kollha, hekk illi tiskoraġġixxi lill-persuni milli jaħarbu mill-kontrolli fil-punti tal-qsim.” Ir-Regolament jistipula li għandu jkun hemm qafas legali stabbli għall-moviment ħieles ta' ċittadini Ċiprijotti u ta' l-UE oħrajn li ta' kuljum jaqsmu l-linja fil-postijiet tal-qsim. Skond iċ-ċifri disponibbli ġew reġistrati b’kollox 3,375,409 qasma minn Ċiprijotti Griegi u Torok fil-perjodu kopert mir-rapport (1,195,594 minn Ċiprijotti Griegi u 2,179,815 Ċiprijotti Griegi rispettivament). Ma kienu rappurtati l-ebda inċidenti għal dak li għandu x’jaqsam mal-qsim ta’ kuljum ta' persuni fil-punti tal-qsim. L-għadd dejjem jiżdied ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi (li ħafna minnhom għandhom viża mit-Turkija) li qed jaqsmu l-Linja l-Ħadra b’mod illegali qed ikun ta’ tħassib kbir. Skond id- data sottomessa mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru l-għadd ta’ immigranti illegali miżmuma wara li jkunu qasmu l-Linja l-Ħadra żdied minn 725 fl-2002 u laħaq il-livell ta’ 3,796 fl-2003, 5,287 fl-2004 u 4,748 fl-ewwel disa' xhur ta' l-2005. Skond l-istess sors, il-biċċa l-kbira ta' l-immigranti illegali aktar tard japplikaw għall-ażil (l-għadd ta' dawk li qed ifittxu ażil tela' minn 950 fl-2002 għal 4,410 fl-2003 u 9,860 fl-2004). Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li s-sorveljanza tal-linja kif qed issir mir-Repubblika ta’ Ċipru skond l-Artikolu 3 tar-Regolament trid tissaħħaħ aktar. Il-Kummissjoni se tkompli teżamina aspetti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-oriġini ta’ dawn ix-xejriet illegali fl-immigrazzjoni. Biex din il-problema tkun indirizzata s-servizzi tal-Kummissjoni nedew djalogu ma’ l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru fuq livell ta’ ħidma. Fi ħdan dan il-qafas, ġie organizzat workshop iffokat fuq il-problema tal-migrazzjoni illegali min naħa għal oħra tal-Linja l-Ħadra fi Brussells f'Diċembru 2005 u dan kien ta' opportunità għal skambju ta’ informazzjoni u ta’ diskussjoni ta’ miżuri li għandhom jittieħdu fil-futur qarib. Bħal ma wrew ir-rappreżentanti tar-Repubblika ta’ Ċipru, dawn jistgħu jinkludu żieda fl-għadd ta’ uffiċjali li jkollhom x’jaqsmu mal-flussi migratorji (inklużi pulizija), it-twaqqif ta’ ċentri ta’ detenzjoni ġodda għal immigranti illegali, ix-xiri ta’ tagħmir addizjonali għas-sorveljanza tal-Linja l-Ħadra, l-introduzzjoni ta’ regoli aktar restrittivi għall-ħruġ ta’ viżi u drittijiet ta’ dawk li jkunu qed jitolbu ażil, kif ukoll it-tnedija ta' kampanja ta' informazzjoni li jkollha l-għan li tiskoraġġixxi immigranti illegali potenzjali u lil dawk li jkunu qed ifittxu ażil milli jidħlu fl-imkejjen li qegħdin taħt il-kontroll effetiv tal-Gvern tar-Repubblika. Fil-waqt li deċiżjoni dwar iż-żieda fl-għadd ta’ uffiċjali u ta’ ċentri ta’ detenzjoni diġà ttieħdet, il-ftehim dwar dawk li baqgħu (fiż-żmien meta saret il-laqgħa) kien għadu pendenti u kien jinħtieġ aktar diskussjoni fi ħdan il-Gvern. Il-Kummissjoni irrakkomandat li l-awtoritajiet tar-Repubblika għandhom jieħdu passi konkreti biex ikunu jistgħu ikunu konformi skond ir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra, anki bil-ħsieb tal-parteċipazzjoni ta’ Ċipru fiż-żona ta’ Schengen. Anki jekk il-Linja l-Ħadra ma tikkostitwix fruntiera esterna l-obbligi ta’ sorvelja min-naħa tar-Repubblika ta' Ċipru għandhom jiġu rispettati b'mod effettiv fil-waqt li fl-istess ħin ma jixxekkilx il-kuntatt bejn iż-żewġ Komunitajiet. 3. MERKANZIJA LI TAQSAM IL-LINJA 3.1. Il-valur tal-kummerċ Skond l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni 1480/2004[5] il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka tat rendikont kull xahar dwar it-tip, il-volum u l-valur tal-prodotti li għalihom ħarġet dokumenti rilevanti. Għaldaqstant, l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru ikkomunikaw it-tip, il-volum u l-valur tal-prodotti f' rapporti ta' kull xahar lill-Kummissjoni. Dawk ir-rapporti jinkludu prodotti li kienu daħlu fiż-żoni li qegħdin taħt kontroll effettiv tal-Gvern mill-postijiet ta' qsim ta' Pergamos u Strovilia , li huma taħt l-awtorità taż-Żona tal-Bażi Sovrana tal-Lvant. Skond il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka, il-valur totali ta’ prodotti li għalihom inħarġu dokumenti rilevanti fil-perjodu kopert mir-rapport kien ta’ €2,237,869 fil-waqt li l-valur tal-kummerċ ta' prodotti kien ta' madwar €1,933,067.[6] Il-Kummissjoni kienet infurmata li minħabba l-kanċellazzjoni ta’ xi ordnijiet mhux l-applikazzjonijiet kollha sottomessi lill-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka inħarġulhom aktar tard id-dokumenti rilevanti. Barra minn dan, peress li d-dokumenti kienu xi kultant maħruġa għal kwantità stmata u mhux eżatta ta’ prodotto (bħal p.eż. fil-każ tal-ħaxix), il-kwantità u għalhekk ukoll il-valur ta' prodotti li fl-aħħar mill-aħħar qasmu l-linja kien iżgħar miċ-ċifri msemmija fid-dokumenti rilevanti (raġuni oħra kienet ir-riżenja ta' klijent potenzjali). Barra minn dan, teżisti differenza bejn il-valur ta’ prodotti li jaqsmu l-linja kif rappurtat mill-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka u l-valur irrappurtat mir-Repubblika ta’ Ċipru.[7] Fil-waqt li ta’ l-ewwel kien €1,933,067, ta’ l-aħħar kien €1,734,770[8]. Il-Kummissjoni ġiet infurmata li d-dokumenti rilevanti mhux dejjem ġew ippreżentati jew verifikati fil-mument meta l-prodotti jkunu qed jaqsmu l-linja. Meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel, iċ-ċifri juru żieda fil-valur totali ta’ prodotti li qasmu l-Linja l-Ħadra. Skond ir-rapporti pprovduti mill-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka, il-valur totali ta’ prodotti li fil-fatt qasmu l-linja kien ta’ madwar €1,933,067, imqabbel ma’ €1,000,617 fl-aħħar perjodu ta’ rappurtar (madankollu wieħed għadu jżomm f'moħħu li l-perjodu ta' rappurtar ta' qabel kien iqsar peress li r-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra beda jitħaddem kollu kemm hu minn Awissu 2004). Il-medja ta’ kull xahar tal-valur ta’ prodotti kkummerċjati żdiedet b’mod sinifikanti minn €99,000 fl-aħħar perjodu ta’ rappurtar, għal €161,089. 3.2. Tip ta’ prodotti Iċ-ċifri dwar it-tip ta’ prodotti kkumerċjati juru li hemm għadd limitat ta’ prodotti ġodda li qasmu l-linja (p.eż. apparat elettroniku u tal-kċina), madankollu d-dħul tagħhom ikkontribwixxa għal żieda sinifikanti (anki jekk temporanja) fil-valur tal-kummerċ ta’ kull xahar[9]. Bħal fil-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel, prodotti ta’ l-injam, għamara, ħaxix, apparat elettroniku, prodotti tal-plastik u tal-karta iffurmaw il-gruppi ewlenin ta' prodotti kkummerċjati.[10] Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Linja l-Ħadra, l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru applikaw tip ta' dazji tal-merkanzija agrikola li hi eliġibbli għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni jew miżuri ta’ intervent. Il-kummerċ min naħa għal oħra tal-Linja l-Ħadra kien biss għall-iskop ta’ kummerċ fi ħdan il-gżira b’eċċezzjoni waħda: f’okkażjoni waħda prodotti qasmu l-Linja l-Ħadra b’destinazzjoni finali li kienet barra r-Repubblika ta’ Ċipru. Kunsinna ta’ 1,112 kg ta’ Cyprus Delights (ħlewwiet) b'valur ta' 1,112 CYP ġiet ikkummerċjata mill-Port ta' Limassol lejn ir-Renju Unit fit-30 ta' Diċembru 2005. 3.3. Irregolaritajiet rappurtati Minn Novembru 2005 ġew rappurtati seba' każi ta' irregolaritajiet li fihom prodotti ma tħallewx jaqsmu l-linja. F’erbgħa minnhom (dwar għamara, għamara tal-kċina, apparat ta’ tisħin u ikel ta’ l-annimal) ma nġabx dokument rilevanti. Fost il-każijiet l-oħra kien hemm każ wieħed (dwar tappijiet tal-plastik għall-fliexken) li fih ma nġabux iċ-ċertifikati meħtieġa, każ wieħed li fih l-ittikkettjar tal-prodott ma kienx skond dak li hu mitlub u każ wieħed ta' prodott ta' oriġini mill-annimali li skond l-Artikolu 4(9) tar-Regolament ma jistax jitħalla jiġi kkummerċjat min naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. 3.4. Ostakoli u diffikultajiet fil-moviment tal-prodotti Għadhom jeżistu ħafna ostakoli għall-kummerċ min naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. Vetturi kummerċjali Torok Ċiprijotti bħal xarabankijiet, trakkijiet, taxis, xarabankijiet żgħar u karrozzi mikrija ma jistgħux jiċċirkolaw b’mod ħieles fi ħdan il-ġżira. Ir-Repubbika ta’ Ċipru ma taċċettax iċ-ċertifikati tekniċi ta’ vetturi kummerċjali u l-liċenżji tas-sewqan professjonali maħruġa mill-awtoritajiet Torok Ċiprijotti. Ir-Repubblika ta’ Ċipru bdiet xogħol preparatorju dwar il-leġiżlazzjoni bil-għan li jkun aktar faċli li trakkijiet Ċiprijotti Torok iwasslu merkanzija min naħa għal-oħra tal-Linja l-Ħadra. Madankollu ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet dwar din il-kwistjoni tul il-perjodu ta’ rappurtar. F’diversi każi ġew organizzati protesti minn sewwieqa tat-trakkijiet Ċiprijotti Griegi biex dawn juru l-oppożizzjoni tagħhom kontra li trakkijiet Ċiprijotti Torok ikunu jistgħu jintużaw għal kummerċ bejn naħa u oħra tal-Linja l-Ħadra. Id-diffikultajiet li ġarrbu negozjanti Ċiprijotti Torok biex jirreklamaw f’sezzjonijiet ta’ l-istampa fir-Repubblika ta’ Ċipru kien rappurtat bħala eżempju ta’ xkiel li jista’ jillimita l-kummerċ min naħa għall-oħra tal-linja. Il-Kummissjoni rċeviet xi lmenti minn negozjanti Ċiprijotti Torok dwar dewmien fl-għoti tal-permess biex prodotti jkunu jistgħu jaqsmu l-linja, inkluż dawk li jkunu qed jaqsmu l-linja b'mod temporanju biex ikunu eżibiti f' trade fairs fl-oqsma kkontrollati mill-gvern. Dan id-dewmien kien spjegat mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru bħala riżultat ta’ obbligi dwar is-sigurtà ta’ l-ikel jew tal-bżonn li jiġi vverifikat jekk il-prodotti jkunx fihom xi ingredjenti soġġetti għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jew miżuri ta' intervent (p. eż. iz-zokkor) li għalihom (skond ir-Regolament tal-Linja l-Ħadra) iridu jitħallsu d-dazji. F’każ wieħed il-Kummissjoni ġiet notifikata mir-Repubblika ta' Ċipru b'suspetti li t-tadam li kien qed jgħaddi mil-Linja l-Ħadra kien ġej mit-Turkija. Il-Kummissjoni ezaminat il-kwistjoni u waslet għal konklużjoni li ma kienx il-każ. Fil-31 ta’ Marzu 2006 kunsinna ta’ 22 tunellata frott taċ-ċitru li kellha tintbagħat, wara li tkun qasmet il-Linja l-Ħadra permezz tal-Port ta' Limassol (li qiegħed ħdejn l-oqsma kkontrollati mill-Gvern) lejn Stat Membru ta’ l-UE, kellha taqsam il-linja. Madankollu, fid-29 ta' Marzu, il-fornitur ħassar it-tranżazzjoni wara li kien hemm protesti minn ħaddiema tal-port kif ukoll minn sewwieqa ta' trakkijiet fil-port ta’ Famagusta u fil-postazzjoni ta’ kontroll fejn kellu jingħata l-permess biex il-kunsinna tgħaddi. In-negozjant ilmenta dwar diversi modi ta’ pressjoni eżerċitata fuqu minn ħdan il-komunità Ċiprjotta Torka biex iħassar it-tranżazzjoni. Rappreżentanti tar-Renju Unit infurmaw lill-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet prattiċi, ġejjin minn nuqqas ta’ faċilitajiet tekniċi għas-servizzi tal-Bażi Sovrana tal-Lvant biex jipproċessaw prodotti li jkunu jinħtieġu ċertifikat fitosanitarju. Ta’ min wieħed jinnota li l-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn in-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru kellu valur ta' €442,408 fil-perjodu ta' rappurtar skond ċifri mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta' Ċipru, li hu anqas minn wieħed minn erbgħa tal-kummerċ fid-direzżjoni opposta. 3.5. Merkanzija li taqsam il-linja għal żmien temporanju Kien hemm xi diffikultajiet fejn jidħol il-qsim ta’ merkanzija għal żmien temporanju. Hemm tliet kategorji ewlenin ta’ prodotti fejn tinqala’ din il-kwistjoni: - il-qsim għal żmien temporanju ta’ prodotti li jkunu meħtieġa biex jingħata servizz (per eżempju: strumenti mużikali ta’ grupp tar-rokk Ċiprijott Tork li kellu kunċert fiż-żoni kkontrollati mill-gvern; apparat għall-interpretazzjoni ta' kumpanija ta' l-interpretazzjoni Ċiprijotta Torka li kienet qed tagħti servizz fiż-żoni kkontrollati mill-gvern) - il-qsim temporanju ta’ prodotti Ċiprijotti Torok biex ikunu eżebiti f’wirja fiż-żoni kkontrollati mill-gvern - il-qsim temporanju ta’ apparat tekniku Ċiprijott Torok biex jissewwa fiż-żoni kkontrollati mill-gvern Ir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra ma jagħtix soluzzjoni ċara u mhux ambigwa għal din il-problema. Ir-Repubblika ta’ Ċipru qed tuża sistema ta’ deċiżjonijiet ad hoc li ma jidhirx li hija trasparenti biżżejjed. De lege ferenda din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata meta jsiru aktar emendi għar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra. 3.6. L-iffaċilitar tal-kummerċ Ittieħdu l-miżuri li ġejjin biex ikun iffaċilitat il-kummerċ ta' ċerti prodotti: Frott taċ-ċitru Kif ingħad qabel, fl-4 ta’ Ottubru 2005 il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1624/2005 li jħalli frott taċ-ċitru jaqsam il-Linja l-Ħadra mingħajr ma jkunu jridu jitħallsu dazji jew spejjeż lil jkollhom effett ekwivalenti[11]. Esperti indipendenti minn għadd ta’ Stati Membri maħtura mill-Kummissjoni wettqu spezzjoni annwali ta’ qabel il-ħsad fil-Ħarifa ta’ l-2005. Dawn ikkonfermaw ir-riżultati ta’ verifiki preċedenti li kienu saru fl-2003 u fl-2004, li ma hemmx organiżmi li jagħmlu l-ħsara fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Il-Kummissjoni tipprevedi li tkompli bil-ħidma ta’ stħarriġ bħala attività ta’ monitoraġġ kollaterali apparti l-ispezzjonijiet u l-kontrolli ta’ meded ta’ siġar tal-frott u ta’ kunsinni ta’ frott taċ-ċitru intenzjonati għall-kummerċ lejn in-naħa l-oħra tal-Linja l-Ħadra. Il-patata Esperti fitosanitarji indipendenti wettqu stħarriġ ibbażat fuq il-kampjuni tul żewġ staġunijiet ta' trobbija biex jivverifikaw jekk ir-rekwiżiti u l-livelli ta' l-UE kinux qed jitħarsu. Dan kien jinkludi testijiet fil-laboratorju. Wara li tlestew il-proċeduri, is-servizz kompetenti tal-Kummisjoni ta l-permess biex ikun jista’ jsir kummerċ ta' patata fil-parti bikrija ta' l-2006. Dawk kollha involuti ġew mgħarrfa bl-opportunità li setgħu jbiegħu il-patata fin-naħa l-oħra tal-Linja l-Ħadra. Il-Kummissjoni tkompli l-attivitajiet tagħha ta’ monitoraġġ biex il-kummerċ ikun jista' jibqa' jsir. Fuq il-patata mhemmx tariffi. Matul il-perjodu ta’ rappurtar ma sar l-ebda kummerċ ta' patata[12]. Għasel u ħut Bħalissa l-Kummissjoni qed tfassal Deċiżjoni li biha jitneħħew il-projbizzjonijiet u jitqiegħdu kundizzjonijiet applikabbli għall-kummerċ ta' ċerti prodotti ġejjin mill-annimali fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 866/2004, għall-kummerċ fil-għasel u fil-ħut min naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. 3.7. Kwistjonijiet dwar il-VAT Ir-Repubblika ta' Ċipru ġeddedt it-talba tagħha lill-Kummissjoni biex tipproponi emendi lir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra u/jew is-Sitt Direttiva tal-VAT biex jiġu ssimplifikati ċerti dispożizzjonijiet tal-VAT dwar il-kummerċ min naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. Il-proposti jinkludu talba biex jiġi applikat mekkaniżmu ta’ ħlas riversibbi għall-fornimenti li jsiru minn persuni taxxabbli li jkunu stabbiliti fiż-żoni[13] lil persuni taxxabbli fiż-żoni kkontrollati mill-gvern, talba biex ikunu applikati proċeduri simplifikati għall-ġbir ta’ taxxa fuq prodotti fornuti minn persuni taxxabbli stabbiliti fiż-żoni meta dawn ikunu fornuti lil persuni mhux taxxabbli fiż-żoni kkontrollati mill-gvern, talba biex fornimenti li jitħallew isiru lejn iż-żoni jitqiesu bħala tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni (billi jiġi emendat l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra) u t-talba biex ikun hemm proċeduri simplifikati meta jaqsmu l-linja prodotti bil-ħsieb li dawn jintbagħtu lejn Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni fliet bir-reqqa dawn il-proposti u kkomunikat fit-tul lir-Repubblika ta’ Ċipru r-raġunijiet li minħabba fihom il-biċċa l-kbira tal-proposti jkunu lil hinn wisq mill- acquis biex il-Kummissjoni tkun tista’ taċċettahom, anki jekk xi wħud minnhom jistgħu jitqiesu attraenti meta wieħed jikkunsidra l-kwistjoni tas-simplifikazzjoni. Jista’ jingħata eżempju wieħed bħala illustrazzjoni: Ir-Repubblika ta' Ċipru talbet li l-fornimenti magħmula liż-żoni għandhom ikunu meqjusa bħala tranżazzjonijiet ta' esportazzjoni (billi jiġi emendat l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra). Din il-proposta ta' miżura mhix konformi mad-dispożizzjonijiet u l-filosofija tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra fejn issir is-suppożizzjoni (fuq talba tar-Repubblika ta' Ċipru) li ma tkun qed issir l-ebda importazzjoni meta jaslu prodotti miż-żoni. Għaldaqstant, it-tranżazzjoni bil-kontra ma tistax titqies bħala esportazzjoni. Fi kliem ieħor: forniment b’rata żero li jsir miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn iż-żoni jistgħu jkunu ġġustifikati biss jekk dawn jitqiesu bħala esportazzjoni. Dan ikun il-każ irrispettivament jekk dawn il-fornimenti jissejħux esportazzjoni. Jekk prodotti li jkunu se jitwasslu lejn iż-żoni jitqiesu bħala esportazzjoni, prodotti ġejjin miż-żoni għandhom jitqiesu bl-istess mod bħala importazzjoni. Ikun biss taħt dawk iċ-ċirkostanzi li l-bidla proposta tkun aċċettabbli. 4. KONKLUżJONIJIET Ir-Regolament għadu jipprovdi qafas legali stabbli għall-moviment ħieles ta' ċittadini Ċiprijotti u ta' l-UE oħrajn li ta' kuljum jaqsmu l-linja fil-postijiet tal-qsim. Madankollu ċ-ċifri dejjem jiżdiedu ta' migrazzjoni illegali mil-Linja l-Ħadra jagħtu lok għal tħassib kbir. Meta wieħed jikkunsidra x-xejriet li ġew reġistrati dwar l-għadd ta’ persunu li qed jaqsmu l-linja b’mod illegali, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li s-sorveljanza tal-linja kif qed issir mir-Repubblika ta’ Ċipru skond l-Artikolu 3 tar-Regolament trid tissaħħaħ aktar. Ċifri rrappurtati juru li meta mqabbla ma’ l-ewwel perjodu ta’ rappurtar, iċ-ċifri juru żieda fil-valur totali ta’ prodotti li qasmu l-Linja l-Ħadra. Madankollu, l-iskala globali ta’ kummerċ minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra (bejn wieħed u ieħor €2 miljuni fis-sena) għadha limitata ħafna. Fil-perjodu ta’ rappurtar ġew introdotti xi prodotti oħra, u dan kien ta’ kontribut għal żieda sinifikanti (għalkemm temporanja) fil-valur ta' kummerċ ta' kull xahar. Kien biss f’każ wieħed li fih prodotti qasmu l-Linja l-Ħadra li kienu ddestinati ’l barra mill-gżira. Għadd ta’ każi rrappurtati jikkonfermaw li għad hemm ħafna xkiel quddiem aktar żvilupp tal-kummerċ min naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. Ir-Repubbika ta’ Ċipru għadha ma taċċettax iċ-ċertifikati tekniċi ta’ vetturi kummerċjali u l-liċenżji tas-sewqan professjonali maħruġa mill-awtoritajiet Torok Ċiprijotti. Il-leġiżlazzjoni li hemm pendenti quddiem il-Parlament tar-Repubblika tista’ tkun ta’ pass lejn titjib tas-sitwazzjoni preżenti. Fuq iż-żewġ naħat tal-Linja l-Ħadra hemm gruppi ta’ ċittadini li qed jagħmlu pressjoni biex għal diversi raġunijiet il-kummerċ bejn iż-żewġ naħat ma jiżviluppax. Fattur ġdid negattiv huwa pressjoni diretta fuq negozjanti minn ħdan il-komunità Ċiprijotta Torka. Il-kwistjoni ta’ qsim b’mod temporanju ta’ prodotti trid tiġi indirizzata minn de lege ferenda. Il-konklużjoni ġenerali hi li r-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra għadu jipprovdi bażi legali li wieħed jista' jaħdem biha biex prodotti u persuni jitħallew jaqsmu minn u lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern tar-Repubblika ta' Ċipru għalkemm il-passaġġ tal-prodotti għadu limitat. Il-Kummissjoni għandha tibqa’ żżomm għajnejha fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament. Anness I Tabella ġenerali li tiġbor fil-qosor dak li ġie rappurtat mill-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka skond l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni 1480/2004 (EUR) Ġunju | € 128.795 | Lulju | € 128.014 | Awissu | € 135.837 | Settembru | € 121.712 | Ottubru | € 163.555 | Novembru | € 146.785 | Diċembru | € 120.685 | Jannar | € 129.137 | Frar | € 203.019 | Marzu | € 226.283 | April | € 148.630 | Total | € 1.734.770 | 1 EUR=0.58 CYP L-ANNESS III: Il-valuri ta’ prodotti li qasmu l-Linja l-Ħadra u l-valuri ta’ prodotti li għalihom inħarġu dokumenti rilevanti mill-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka [pic] L-Anness IV: Il-valur tal-prodotti li qasmu l-Linja l-Ħadra skond l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru imqabbel maċ-ċifri mogħtija mill-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka [pic] Valur totali mogħti mir-Repubblika ta’ Ċipru: | € 1.734.770 | Valur totali mogħti mill-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka: | € 1.933.067 | L-Anness V: Il-prodotti li fihom sar l-aktar kummerċ [pic] Prodotti ta’ l-injam/għamara: | € 347.975 | Ħaxix: | € 325.628 | Apparat elettroniku: | € 244.447 | Prodotti tal-plastik: | € 227.507 | Prodotti tal-karti: | € 190.661 | Oħrajn: | € 596.849 | Total: | € 1.933.072 | L-ANNESS VI: Kif żviluppa l-kummerċ ta' l-aktar prodotti mibjugħa [pic][pic] [1] ĠU L 161 tat-30 ta’ April 2004, p. 128 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 293/2005 tas-17 ta’ Frar 2005, ĠU L 50, 23.2.2005, p. 1. [2] Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1283/2005 tat-3 ta’ Awissu, 2005, ĠU L 203, 4.08.2005, p. 8 [3] Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1624/2005 ta’ l-4 ta’ Ottubru 2005, ĠU L 259, 5.10.2005, p. 17 [4] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar, 2006, ĠU L 65, 7.03.2006, p. 5 [5] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004 ta’ l-10 ta’ Awissu 2004 ,ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3. [6] Ara l-Anness III. [7] Ara l-Anness IV. [8] Ara l-Anness II [9] Anness VI (ara l-valuri għal Frar u Marzu 2006) [10] Anness V [11] Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1624/2005 ta’ l-4 ta’ Ottubru 2005, ĠU L 259, 5.10.2005, p. 17 [12] F’Lulju 2006 tħassru fl-aħħar minuta żewġ kunsinni ewlenin ta’ patata li kellhom jintbagħtu mill-Port ta’ Limassol lejn Stati Membri ta’ l-EU, wara li saret pressjoni mmotivata politikament fuq negozjanti Ċiprijotti Torok. Madankollu f’Awissu 2006 xi trakkijiet mgħobbija bil-patata maħsuba għall-konsum fil-gżira rnexxielhom jaqsmu l-linja mingħajr xkiel kbir. [13] Għall-iskop ta’ din il-parti tar-rapport, it-terminu “żoni” għandu jkun ifisser dawk iż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv.