52006DC0482




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 07.09.2006

KUMM(2006) 482 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Reġjun Amministrattiv Speċjali (SAR) ta' Ħong Kong: Rapport Annwali 2005 {SEG(2006) 1098}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Reġjun Amministrattiv Speċjali (SAR) ta' Ħong Kong: Rapport Annwali 2005

L-2005 kienet sena importanti għal Ħong Kong:

- Ħong Kong kompla jgawdi livell għoli ta' awtonomija kif stabbilit fil-Liġi Bażika u l-prinċipju ta' “pajjiż wieħed b'żewġ sistemi”. Madankollu, iż-żewġ żviluppi politiċi u kostituzzjonali l-aktar sinifikanti ta’ l-2005 qajmu xi preokkupazzjonijiet;

- L-ekonomija ta’ Ħong Kong uriet tkabbir ekonomiku b’saħħtu, u kien hemm ritorn għall-bilanċ fiskali għall-ewwel darba mill-1997;

- Fl-2005 kien hemm ukoll it-tisħiħ u l-approfondiment tar-relazzjoni bilaterali ta’ Ħong Kong ma’ l-UE. Il-President Barroso żar Ħong Kong f’Lulju.

Żviluppi politiċi u kostituzzjonali

Fl-10 ta’ Marzu 2005, is-Sur CH Tung issottometta r-riżenja tiegħu mill-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv tal-Gvern ta’ l-SAR u kien sostitwit mill-ex-Segretarju Ewlieni, Donald Tsang. Is-Sur Tung kellu sehem importanti bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv ta' Ħong Kong. Il-Kummissjoni Ewropea kellha relazzjoni operattiva tajba miegħu u ma' l-amministrazzjoni tiegħu u tesprimi r-ringrazzjament tagħha. Is-Sur Tsang kien elett bħala t-tieni Kap Eżekuttiv ta' Ħong Kong fil-21 ta’ Ġunju. Il-Kummissjoni tifraħ lis-Sur Tsang u tantiċipa kollaborazzjoni miegħu sabiex titkompla u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u Ħong Kong.

Kien hemm dibattitu f'Ħong Kong dwar jekk il-Kap Eżekuttiv il-ġdid kellux iservi għal mandat sħiħ ta' ħames snin jew għall-bqija tal-mandat tal-Kap Eżekuttiv preċedenti. Is-Sur Tsang ħabbar – kontra l-pożizzjoni preċedenti tal-Gvern ta’ l-SAR – li l-Kap Eżekuttiv il-ġdid kien se jservi għal mandat ta’ sentejn biss, il-bqija tal-mandat tas-Sur Tung. Is-Sur Tsang wara talab interpretazzjoni mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu (NPC), li kkonferma din il-pożizzjoni. Kien hemm oġġezzjonijiet sinifikanti għad-deċiżjoni inizjali tas-Sur Tsang, u għar-rikors għall-interpretazzjoni ta’ l-NPC, li xi pan-demokratiċi u assoċjazzjonijiet legali qiesu bħala tnaqqir tal-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed b’żewġ sistemi” u l-livell għoli ta’ awtonomija ta’ Ħong Kong.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-poter tal-Kumitat Permanenti ta' l-NPC li jinterpreta l-Liġi Bażika. Iżda l-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-poter għandu jiġi eżerċitat b'kawtela u b'mod bilanċjat li jkun konsistenti mal-livell għoli ta' awtonomija u ta’ indipendenza ġudizzjarja ta’ Ħong Kong.

It-tieni żvilupp kostituzzjonali importanti ta’ l-2005 kien ir-rifjut mill-Kunsill Leġiżlattiv ta’ proposti (bbażati fuq ir-rapport finali tat-Task force għall-Iżvilupp Kostituzzjonali) għal proċeduri ġodda għall-għażla tal-Kap Eżekuttiv fl-2007 u tal-Kunsill Leġiżlattiv fl-2008. Il-proposti kienu diskussi b’mod wiesa’ u fil-pubbliku fl-aħħar xhur ta’ l-2005. Leġiżlaturi pan-demokratiċi u oħrajn ikkritikaw l-assenza ta’ skeda għall-għoti tad-dritt tal-vot għal kulħadd; iż-żieda fin-numru ta’ Kunsilliera Distrettwali appuntati; u l-parteċipazzjoni ta’ Kunsilliera appuntati fl-elezzjoni tal-Kap Eżekuttiv. Bħala riżultat, il-proposti ma kisbux l-40 vot pożittiv meħtieġa għall-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill Leġiżlattiv.

Il-Kummissjoni segwit dan id-dibattitu mill-qrib. Il-Kummissjoni tesprimi t-tama tagħha li l-Gvern ta’ l-SAR u l-membri tal-kamp ta’ favur id-demokrazija jkomplu u jsaħħu d-djalogu tagħhom, u jkomplu l-isforzi tagħhom sabiex isibu soluzzjoni għall-progress lejn id-dritt tal-vot għal kulħadd. Il-Kummissjoni tkompli tappoġġja progress bikri u sostanzjali lejn l-għan aħħari tad-dritt tal-vot għal kulħadd f’Ħong Kong, kif stabbilit mil-Liġi Bażika u f’konformità max-xewqa tan-nies ta’ Ħong Kong.

Il-kummerċ u l-ekonomija

It-tkabbir ekonomiku ta’ Ħong Kong li aċċellera matul l-2005 kien aktar għoli milli kien imbassar, bi tkabbir fil-PGD li laħaq is-7.3 fil-mija. Kumulattivament, Ħong Kong issa gawda momentum sostenut fl-espansjoni ekonomika tiegħu għal għaxar perjodi konsekuttivi ta’ tliet xhur. Bħala riżultat, il-bilanċ fiskali kien stabbilit mill-ġdid għall-ewwel darba minn meta Ħong Kong kienet trasferita liċ-Ċina, b'bilanċ pożittiv żgħir ikun irreġistrat għall-kontijiet operattivi u konsolidati. L-UE u Ħong Kong għandhom relazzjoni kummerċjali importanti u li qed tikber: il-kummerċ bilaterali żdied b’6.8% fil-mija fl-2005 laħaq 31 biljun euro (ċifri ta’ l-Eurostat).

Il-proċess ta’ l-integrazzjoni ekonomika ta' Ħong Kong mal-bqija taċ-Ċina kompla jintensfika ruħu. It-tielet fażi tal-Ftehim ta’ Partenarjat Ekonomiku Eqreb (CEPA III) bejn iż-żewġ naħat kien iffirmat f’Ottubru 2005. CEPA III kabbar t-trattament ħieles mit-tariffi sabiex ikopri prodotti li bħalissa huma klassifikati bħala li joriġinaw f'Ħong Kong, u jinkludi ftehim dwar aktar liberalizzazzjoni tas-servizzi. Madankollu, il-volum tal-kummerċ taħt is-CEPA baqa’ relattivament baxx (madwar ħamsa fil-mija ta’ l-esportazzjonijiet kollha ta’ Ħong Kong lejn iċ-Ċina). Il-prospetti ekonomiċi ta’ Ħong Kong jiddependu dejjem aktar fuq il-pożizzjonament u involviment effettiv fir-reġjun, mal-bqija taċ-Ċina u b’mod partikolari maċ-Ċina tan-Nofsinhar u l-Pearl River Delta.

Il-Kummissjoni tilqa’ t-twaqqif mill-Gvern ta' l-SAR ta' Kumitat ta' l-Evalwazzjoni tal-Politika tal-Kompetizzjoni (li hija mistennija li tlesti l-ħidma tagħha sa nofs l-2006). Il-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ lill-Gvern ta’ l-SAR sabiex jikkunsidra l-liġi tal-kompetizzjoni ġenerali appoġġjata minn awtorità indipendenti tal-kompetizzjoni, li għandha tiżgura ugwaljanza ta’ l-aċċess għal dawk li jidħlu fis-swieq ta' Ħong Kong għall-ewwel darba jew li jinsabu hemm diġà. Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll l-impenn tal-Gvern ta' l-SAR għall-ħarsien tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali. Miżuri riċenti fil-ġlieda kontra l-produzzjoni lokali ta’ prodotti kkupjati illegalment kienu effettivi. Iżda l-Kummissjoni tibqa’ kkonċernata dwar it-trasport ta’ prodotti kkupjati illegalment u prodotti foloz minn Ħong Kong lejn l-UE, in-nuqqas ta’ protezzjoni adegwata ta’ brevetti farmaċewtiċi taħt is-sistemi kurrenti tar-reġistrazzjoni, u l-prattika ta’ kumpaniji Ċiniżi li jirreġistraw ruħhom f’Ħong Kong taħt ismijiet li huma identiċi jew simili għal dawk ta’ kumpaniji barranin.

Relazzjonijiet bejn Ħong Kong u l-UE

Kien hemm numru ta’ kuntatti importanti uffiċjali u ta’ livell għoli fl-2005, li wrew l-appoġġ ċar u l-impenn tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali. Il-Kummissarji Mandelson u Kovacs żaru Ħong Kong għal laqgħat bilaterali (f’April u Novembru rispettivament), u l-Kummissarji Mandelson u Fischer-Boel mexxew delegazzjoni ta’ l-UE ta’ 150 ruħ, inklużi uffiċjali tal-Parlament Ewropew, sabiex jipparteċipaw fis-sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Diċembru, li b'suċċess mexxiet 'il quddiem in-negozjati kurrenti ta' l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp.

Il-President Barroso żar Ħong Kong fit-18 ta’ Lulju 2005. Fid-dikjarazzjoni konġunta li ħareġ mas-Sur Tsang, huma qablu li “Ħong Kong u l-Unjoni Ewropea għandhom jiżviluppaw, iwessgħu u japprofondixxu l-kooperazzjoni fl-oqsma ta’ interess komuni”. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tippreżenta aktar suġġerimenti prattiċi sabiex jinkiseb dan permezz ta’ Komunikazzjoni fl-2006.

L-anness għal dan ir-rapport jagħti d-dettalji kollha ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni, li tkopri l-iżviluppi politiċi, l-iżvilupp kostituzzjonali, l-ekonomija, il-kummerċ u r-relazzjonijiet ta' bejn l-UE u Ħong Kong (Dokument ta’ Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni SEG(2006) 1098).