52006DC0421




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.8.2006

KUMM(2006) 421 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-governanza u l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp Lejn approċċ armonizzat fl-Unjoni Ewropea {SEC(2006) 1020}{SEC(2006) 1021}{SEC(2006) 1022}

WERREJ

Introduzzjoni 3

1. Strateġija innovattiva aktar b’saħħitha lejn governanza demokratika 5

1.1. Id-diversi lati tal-governanza 5

1.2. Il-proprjetà, id-djalogu u l-kejl tal-progress 6

1.3. Rispons għall-problema doppja tal-leġittimità politika u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet 8

1.4. Armonizzazzjoni tal-metodi fi ħdan l-UE u flimkien ma’ atturi internazzjonali oħrajn 10

2. Governanza ta’ inizjattiva: Il-pajjiżi AKP u l-istrateġija għall-Afrika 10

2.1. Il-pajjiżi AKP: djalogu dwar il-governanza u l-programmazzjoni ta’ l-għajnuna 10

2.2. Il-pajjiżi AKP: prijoritajiet u programmi fil-qasam tal-governanza 13

2.3. L-Afrika: appoġġ għall-mekkaniżmi Afrikani 13

2.4. Minn livell Komunitarju għal wieħed Ewropew 14

3. Djalogu u programmi fil-qasam tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni oħrajn 15

3.1. Il-governanza u l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) 16

3.2. L-Amerika Latina 17

3.3. Il-governanza fl-Asja 18

Konklużjonijiet 20

INTRODUZZJONI

It-tnaqqis tal-faqar u l-Għanijiet tal-Millenju dwar l-Iżvilupp ma jistgħux jintlaħqu mingħajr progressi deċiżivi fil-qasam tal-governanza, fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u politiċi tagħha. L-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi u s-sigurtà huma inseparabbli u jissaħħu b’mod reċiproku. F’dinja dejjem aktar globalizzata u interdipendenti, il-paċi u s-sigurtà jiddependu l-aktar mill-volontà politika u mill-kapaċità ta’ l-Istati u ta’ l-istituzzjonijiet pubbliċi li jwettqu l-linji ta’ politika mmirati lejn l-Istat ta’ dritt, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza demokratika, l-eradikazzjoni tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis ta’ l-inugwaljanzi li qegħdin fil-qalba ta’ l-isfidi ewlenin li d-dinja trid tegħleb.

Fi ħdan il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, l-UE ddefinixxiet l-istrateġija u l-metodi ta’ azzjoni tagħha biex tikkontribwixxi lejn dawn l-għanijiet billi identifikat b’mod partikolari l-governanza, id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bħala elementi integrali għall-proċess ta’ żvilupp sostenibbli u bħala għanijiet importanti tal-politika ta’ żvilupp ta’ l-UE. Iż-żieda sostanzjali fil-volum ta’ għajnuna mistennija għas-snin li ġejjin tirrikjedi li tiġi stabbilita governanza li tippermetti l-aċċertament ta’ l-effikaċja u l-effettività ta’ dan l-isforz ġdid ta’ għajnuna Ewropea. Biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, madankollu, il-mezzi finanzjarji mhumiex biżżejjed. Il-linji ta’ politika tal-Komunità, li kull waħda minnhom għandha dimensjoni esterna, għandhom ukoll jikkontribwixxu lejn governanza tajba. L-għodod li għandha l-UE huma diversi, u jinkludu d-djalogu politiku, il-miżuri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-kooperazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, il-programmi tematiċi, l-osservazzjoni elettorali, kif ukoll il-programmi nazzjonali ta’ għajnuna għall-iżvilupp, li jsiru bi programmazzjoni konġunta pluri-annwali.

Id-djalogu politiku u l-programmazzjoni ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp, li jiffurmaw l-iskop ta’ din il-komunikazzjoni, jikkostitwixxu żewġ mumenti ewlenin fir-relazzjonijiet ta' l-UE mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Huma opportunità biex flimkien jevalwaw is-sitwazzjoni u l-bżonnijiet ta’ riforma, titħeġġeġ il-bidla u jittieħdu l-miżuri ta’ appoġġ meħtieġa. Iservu wkoll biex jagħtu importanza lil kwistjonijiet ta’ governanza b’implikazzjonijiet internazzjonali.

Il-prinċipji dwar l-effettività ta’ l-għajnuna adottati f’Marzu 2005 fil-qafas tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi u mill-Kunsill f’April 2006 għandhom jiġu applikati bis-sħiħ f’dan il-qasam. Għalhekk, il-Komunità u l-Istati Membru għandhom jaħdmu bejniethom u ma’ donaturi oħrajn u organizzazzjonijiet internazzjonali fi spirtu ta' armonizzazzjoni u kumplimentarjetà biex jappoġġjaw l-isforzi tal-pajjiżi msieħba f’dan il-qasam.

F’din il-perspettiva, il-Kummissjoni tipproponi li l-Komunità u l-Istati Membri jaqblu dwar il-metodi u l-prinċipji li għandhom ikunu applikati biex iwasslu għal djalogu u kooperazzjoni mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-qasam tal-governanza. L-għan huwa li progressivament jiġi żviluppat approċċ komuni u koerenti lejn il-promozzjoni tal-governanza demokratika fid-dimensjonijiet kollha tagħha. Dan isaħħaħ il-kunċett ta’ governanza, li kien is-suġġett ta’ komunikazzjoni u konklużjonijiet tal-Kunsill fl-2003[1], u jtih importanza ġdida fil-politika ta’ l-iżvilupp. Il-Kummissjoni qegħda tipproponi wkoll arranġamenti ta’ implimentazzjoni innovattivi fil-qafas tal-kooperazzjoni ma’ l-Istati AKP, u tisħaq fuq ċerti prijoritajiet għall-Karibew u l-Paċifiku u tniedi inizjattiva speċifika għall-Afrika, kif imħabbar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2005 “L-UE u l-Afrika: lejn partenarjat strateġiku”, li l-Istati Membri huma mistiedna li jadottaw.

Il-komunikazzjoni preżenti hija strutturata fi tliet partijiet. L-ewwel parti tippreżenta l-modi kif għandha tiġi trattata l-governanza u jiġu megħjuna l-proċessi ta’ governanza demokratika fil-qafas ta’ kooperazzjoni dwar l-iżvilupp. It-tieni parti tippreżenta l-applikazzjoni ta' dawn il-modi fl-Afrika u l-pajjiżi AKP. It-tielet parti tiddeskrivi l-metodu Komunitarju fil-qasam tal-governanza demokratika fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni oħrajn.

Din il-komunikazzjoni tqis il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, li tlesta f’Marzu 2006, dwar l-appoġġ tal-Komunità Ewropea għal governanza tajba[2], li ħaqqhom diskussjoni wiesgħa mmirata lejn it-titjib ta’ l-azzjoni Komunitarja f’dan il-qasam.

Din il-komunikazzjoni tikkompleta l-ħidma li għaddejja, ngħidu aħna dik rigward l-approċċ ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-promozzjoni tad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni u tista’ tiġi segwita minn inizjattivi oħrajn bħalma hu qafas ta’ azzjoni għall-governanza finanzjarja, fiskali u ġudizzjarja soda fl-azzjoni esterna ta’ l-UE.

1. Strateġija innovattiva aktar b’saħħitha lejn governanza demokratika

1.1. Id-diversi lati tal-governanza

Il-gorvernanza saret prijorità fil-politika ta’ l-iżvilupp u l-programmi ta’ kooperazzjoni ta’ diversi donaturi. Din tifforma parti minn numru kbir ta’ strateġiji ta’ żvilupp tal-pajjiżi msieħba. Il-kisba ta’ l-Għanijiet tal-Millenju dwar l-Iżvilupp tirrikjedi l-għoti ta’ servizzi pubbliċi b’mod adegwat u tkabbir ekonomiku sostenibbli bbażat fuq l-iżvilupp tas-settur privat. Dan ma jkunx jista’ jinkiseb mingħajr klima ta' governanza tajba. F’kuntest fejn il-baġit ta’ l-għajnuna qiegħed dejjem jiżdied, fejn ittieħdu impenji biex tiġi żgurata l-effettività ta' l-għajnuna internazzjonali, u l-interdipendenza ekonomika u finanzjarja qegħda dejjem tikber, issa t-tiswir ta’ governanza proporzjonata ma’ l-aspettazzjonijiet taċ-ċittadini fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw qiegħed jingħata prijorità fl-aġenda.

Fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp hemm konsensus dejjem akbar dwar ir-relevanza ta’ approċċ lejn il-governanza li jkun ibbażat fuq il-prinċipji universali[3] u fuq l-għanijiet u l-aspirazzjonijiet komuni li għandhom jiġu applikati fil-funzjonijiet ewlenin tat-tmexxija u fl-oqsma kollha fejn jintervjeni l-Istat u fl-interazzjoni ma' l-istituzzjonijiet pubbliċi u maċ-ċittadini.

Strateġija wiesgħa

Governanza demokratika ma timplikax mudell istituzzjonali uniku, iżda sempliċiment tafferma d-drittijiet taċ-ċittadini kollha fit-triq lejn żvilupp sostenibbli. Dan jinkludi: ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali (li jinkludu l-libertà ta’ l-espressjoni, ta’ l-informazzjoni u ta’ assoċjazzjoni); appoġġ għall-proċessi ta’ demokratizzazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini fl-għażla u l-kontroll ta’ min jiggvernahom; ir-rispett lejn l-Istat ta’ dritt u l-aċċess għal kulħadd għal sistema ta’ ġustizzja indipendenti; l-aċċess għall-informazzjoni; gvern li jmexxi bi trasparenza u li jagħti kont lill-istituzzjonijiet relevanti u lill-eletturi; is-sigurtà umana; il-ġestjoni tal-flussi migratorji; istituzzjonijiet effettivi, aċċess għas-servizzi soċjali bażiċi, ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, ta’ l-enerġija u ambjentali, u l-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli u ta' koeżjoni soċjali fi klima li tiffavorixxi l-investiment privat.

Kull livell differenti ta’ governanza huwa importanti (lokali, nazzjonali, internazzjonali). Ta’ min isemmi b'mod partikolari r-rwol essenzjali li jista' jkollhom l-awtoritajiet lokali fit-twettiq ta' l-Għanijiet tal-Millenju dwar l-Iżvilupp. Iżda ta' min iqis ukoll il-kooperazzjoni li hija mistennija fuq livell internazzjonali jew reġjonali biex jissolvew problemi globali.

Il-governanza tmur lilhinn mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Governanza tajba ma tistax tkun limitata biss għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Minkejja li l-UE tieħu pożizzjoni ferma f’dan il-qasam, fejn tħares lejn il-korruzzjoni bħala ostaklu ewlieni fil-kisba ta’ l-għanijiet ta' l-iżvilupp, hija tqis ukoll li l-korruzzjoni hija sintomu tal-prattiċi ta’ governanza ħżiena u tan-nuqqas ta’ sistemi ta’ tmexxija u ta’ kontroll trasparenti u li jagħtu kont ta’ għemilhom. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni għalhekk m’għandhiex titqies waħedha iżda trid tkun integrata fl-istrateġiji ta' l-iżvilupp u tat-tnaqqis tal-faqar, u fl-appoġġ li jingħata għall-proċessi ta’ governanza demokratika. Dan jinvolvi b’mod speċjali t-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili u tal-midja, il-ħarsien tal-pluraliżmu politiku u tal-konkorrenza elettorali, sistema trasparenti tal-finanzjament tal-partiti politiċi u appoġġ għall-kontroll parlamentari u għal istituzzjonijiet pubbliċi u ġudizzjarji oħrajn.

In-natura multidimensjonali tal-governanza fil-programmi ta’ kooperazzjoni

Wieħed għandu jħares lejn il-governanza demokratika b’mod sħiħ billi jqis id-dimensjonijiet kollha tagħha (politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali, ambjentali...). Din in-natura multidimensjonali għandha tkun riflessa fil-prattika fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Ngħidu aħna, il-kunċett ta’ governanza demokratika għandu jkun integrat f’kull programm settorjali[4].

Għandu jiġi evitat li kwistjonijiet ta' governanza jiġu indirizzati b'mod distint u iżolat skond kategoriji differenti għaliex ħafna drabi fatturi politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali jkunu minsuġa ġo xulxin. Ngħidu aħna, governanza tajba ta’ l-istituzzjonijiet ta' l-Istat, b'mod partikolari dawk responsabbli mill-finanzi pubbliċi, u r-rispett ta' l-Istat ta' dritt, tgħin biex jinħoloq ambjent favorevoli għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u għall-investiment privat. Governanza ħażina tar-riżorsi naturali u ta’ l-enerġija f’pajjiżi b’riżorsi bħalma huma d-djamanti, iż-żejt, l-injam u l-ħut tista’ twassal għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ l-Istat ta’ dritt, u fl-aħħar mill-aħħar għal kunflitt bl-armi. Il-promozzjoni ta’ xogħol diċenti, speċjalment permezz tad-djalogu soċjali u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet ta’ l-ILO, spiss ikunu akkumpanjati b’miżuri li jħaffu l-aċċess għas-servizzi soċjali essenzjali u jkollhom impatt pożittiv fuq il-koeżjoni soċjali, il-prestazzjoni ekonomika u t-tnaqqis tal-faqar.

Id-dokument ta’ ħidma tas-servizzi jinkludi eżempji konkreti ta’ programmi ta’ għajnuna għall-governanza[5]: appoġġ fil-proċessi elettorali, lis-soċjetà ċivili, lill-parlamenti, għad-deċentralizzazzjoni, għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja, għas-settur tas-sigurtà, għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, eċċ.

1.2. Il-proprjetà, id-djalogu u l-kejl tal-progress

Il-Komunità Ewropea tappoġġja l-proċessi ta’ governanza demokratika fil-forma ta’ partenarjat, permezz tad-djalogu ma’ l-awtoritajiet tal-pajjiżi msieħba u, bħala donatur, permezz ta' l-istrumenti finanzjarji varji tagħha. Biex tħalli l-akbar impatt possibbli, din għandha tgħaqqad aħjar il-mezzi ta’ azzjoni disponibbli għaliha biex issaħħaħ ir-rwol tagħha bħala aġent li jippromwovi l-bidla, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tal-partenarjat u tal-proprjetà.

Opportunitajiet ġodda għal djalogu aħjar dwar il-governanza

Fid-djalogu bejn il-partijiet fl-iżvilupp ħarġu opportunitajiet ġodda. Fil-fatt, issa hemm il-volontà politika għal bidla f’diversi pajjiżi.

Min-naħa l-oħra, hemm ukoll kuxjenza dejjem akbar min-naħa tad-donaturi dwar il-ħtieġa li dawn jippromwovu metodi ta' kooperazzjoni innovattivi u aktar effettivi, anke fi Stati fraġli, u koordinazzjoni aħjar ta’ dawn il-metodi. L-importanza mogħtija lill-governanza demokratika f’sens wiesgħa tirrikjedi metodi u prattiċi ġodda, u bidliet fil-“governanza ta’ l-għajnuna”, ibbażati fuq il-kunċett ta’ impenji reċiproċi.

Fl-aħħarnett, hekk kif l-Istati jsiru aktar interdipendenti, id-djalogu dwar il-konsegwenzi u r-responsabbiltajiet li joħorġu mill-interdipendenza għandu jgħinhom jidentifikaw l-impatt li l-linji ta’ politika ta' pajjiż iħallu fuq il-partners tiegħu, ngħidu aħna fl-isferi finanzjarji u fiskali, fejn il-grad ta' interdipendenza huwa għoli.

Proprjetà aktar milli kundizzjonalità

Il-proċessi ta’ governanza demokratika bbażati fuq il-prinċipji universali msemmija hawn fuq ma jistgħux ikunu imposti minn barra. Fil-kuntest tar-rapporti bejn il-pajjiżi msieħba u d-donaturi, huwa essenzjali li tiġi rrispettata l-proprjetà tal-proċessi ta’ riforma. Huma biss il-pajjiżi kkonċernati li jistgħu jiddeċiedu dwar ir-riformi tagħhom u jimplimentawhom. Appoġġ estern mingħajr il-volontà politika interna x’aktarx ftit li xejn tħalli riżultati. Id-donaturi madankollu għandhom rwol importanti x'iwettqu fl-iżvilupp ta' metodi bbażati fuq l-inċentiv.

Ir-rispett lejn din il-proprjetà jfisser ukoll rispett lejn ir-rittmu u l-kalendarju tal-proċessi ta’ riforma, li fid-definizzjoni tagħhom huma kumplessi u jieħdu żmien twil, għaliex jolqtu l-qalba ta' l-organizzazzjoni ta' stat u ta' soċjetà. Madankollu, dan ma jista’ qatt jiġġustifika n-nuqqas ta’ konformità ma’ ftehimiet u atti internazzjonali ratifikati rigward “elementi essenzjali” jew nuqqas ta’ ambizzjoni jew ta’ kredibbiltà fil-kisba tar-riformi mistennija.

Djalogu aktar milli sanzjonijiet

Id-djalogu għandu jkun il-mezz preferut biex il-pajjiżi jiġu mħeġġa jwettqu r-riformi. L-impożizzjoni unilaterali ta’ kundizzjonalitajiet ġodda għandha tiġi evitata. Id-djalogu għandu jkollu dimensjoni preventiva sostanzjali u jippermetti d-diskussjoni ta’ kwistjonijiet li spiss ikunu politikament sensittivi bħalma huma r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-Istat ta’ dritt, ir-riforma tas-sistemi tas-sigurtà, il-governanza ekonomika u finanzjarja, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u ta’ l-enerġija, u wkoll kwistjonijiet li jikkonċernaw il-governanza soċjali. Minkejja kollox, is-sanzjonijiet jistgħu jkunu neċessarji f’każijiet gravi. Fejn dan ikun il-każ, għandhom jiġu żviluppati wkoll metodi bbażati fuq l-inċentiv sabiex jiġu rrimedjati l-problemi identifikati.

L-UE għandha ttejjeb id-diversi mekkaniżmi u l-linji gwida ta’ djalogu tagħha billi tgħaqqad aktar flimkien ir-relazzjoni operattiva tagħhom ma' l-ipprogrammar, il-monitoraġġ u d-djalogu dwar il-programmi ta' kooperazzjoni[6].

L-evalwazzjoni tal-governanza

Fil-qafas tad-djalogu, għandha tiġi indirizzata l-evalwazzjoni tal-governanza u tal-progress miksub flimkien ma' l-azzjoni xierqa f'każ ta' governanza ħażina. L-għan ewlieni ta’ l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-governanza f’pajjiż m’huwiex li tinħoloq klassifika, iżda primarjament li din tgħin biex jiġu identifikati r-riformi u l-miżuri ta' appoġġ l-aktar xierqa.

L-imsieħba kollha fl-iżvilupp għandhom ikunu kapaċi jivvalutaw il-kwalità tal-governanza f’pajjiż u jkejlu l-ambizzjoni, ir-relevanza u l-kredibbiltà ta’ l-impenji ta’ riforma meħuda mill-gvernijiet fuq il-bażi ta’ indikaturi xierqa. Dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu adattati għal sitwazzjonijiet partikolari ta’ Stati fraġli u stati li jkunu ħerġin minn kunflitt. Din l-analiżi fil-fond tal-kuntest lokali, tas-sistemi politiċi kif ukoll il-fatturi u l-mezzi tal-bidla identifikati hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-appoġġ ikun effettiv.

Din l-analiżi kif ukoll l-indikaturi utilizzati għandhom ikunu sottoposti għal djalogu regolari u trasparenti sabiex jiġu identifikati t-tendenzi u l-iżviluppi.

Riċentement il-kejl tal-progress tal-governanza demokratika sar jitqies vijabbli. Dan l-iżvilupp, li m'għandux iwassal għal approċċ mekkaniku, huwa politikament importanti għaliex jippermetti li minn naħa waħda jiġu żviluppati l-indikaturi utli biex jgħinu fl-indikazzjoni tar-riformi meħtieġa u min-naħa l-oħra jikkontribwixxi fit-tqabbil bejn il-pajjiżi fuq livell internazzjonali. Huwa utli li jkun hemm indikaturi kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali u globali għaliex dawn ikollhom skopijiet differenti. L-indikaturi internazzjonali jippermettu paraguni fuq livell globali. L-indikaturi nazzjonali jiffaċilitaw it-twaqqif ta’ standards nazzjonali skond il-prijoritajiet tal-pajjiż biex titjieb il-governanza. L-indikaturi żviluppati minn pajjiż imsieħeb innifsu għandhom effett ta’ inċentiv akbar għaliex iħeġġu lill-politiċi biex jagħtu kont ta’ ħidmiethom liċ-ċittadini u lill-istituzzjonijiet, u jippermettu lis-soċjetà ċivili u lil-midja li jinvolvu ruħhom fi proċessi ta’ monitoraġġ. Dawn it-tipi differenti ta’ indikaturi m’għandhomx ikunu perċepiti bħala fatturi li jikkompetu bejniethom iżda bħala sett ta' għodod kumplimentari li l-użu tagħhom jiddpendi mis-sitwazzjonijiet u l-problemi partikolari.

Promozzjoni ta’ evalwazzjonijiet parteċipattivi

Huwa importanti li l-gvernijiet, il-politiċi, l-entitajiet pubbliċi indipendenti u s-soċjetà ċivili jkunu mħeġġa jiżviluppaw l-għodod u l-kapaċitajiet tagħhom stess biex jidentifikaw ir-riformi meħtieġa u jevalwaw is-sitwazzjoni u l-progress miksub. Dawn l-indikaturi fuq livell nazzjonali għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-proprjetà, il-parteċipazzjoni, it-trasparenza, u jippermettu li jiġu identifikati r-riformi meħtieġa[7]. Dan l-approċċ għandu jistimula d-domanda għar-riformi u b'hekk isaħħaħ il-proċessi ta' governanza demokratika.

Approċċ gradwali

L-appoġġ għall-governanza għandu jkun adattat għas-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż. Meta jkollu jindirizza problemi ta’ governanza ħażina jew studji li juru l-ħtieġa ta’ riforma, l-approċċ ta’ l-UE għandu jkun gradwali, proporzjonat, trasparenti u bbażat fuq id-djalogu, bil-għan li gradwalment jgħolli l-istandards. Dan japplika mhux biss għall-elementi politiċi u istituzzjonali[8], iżda wkoll għall-aspetti soċjali, ambjentali jew ekonomiċi tal-governanza.

1.3. Rispons għall-problema doppja tal-leġittimità politika u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet

F’diversi pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jeħtieġ li tinstab soluzzjoni dewwiema għad-diskrepanza bejn il-legalità ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat u l-leġittimità tagħhom f’għajnejn iċ-ċittadini. Jekk il-legalità demokratika tinkiseb permezz ta’ elezzjonijiet ħielsa, il-leġittimità tiddependi essenzjalment mill-ħila tal-gvern li jżomm il-wegħdiet tiegħu u li jwieġeb għall-bżonnijiet taċ-ċittadini. F'dan il-kuntest, il-proċessi interni tad-djalogu u l-interazzjoni bejn partijiet interessati differenti tal-pajjiżi msieħba għandhom importanza kruċjali. L-UE tappoġġja l-iżvilupp gradwali ta' approċċi li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni mill-gvernijiet huma u jfasslu l-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom. Il-promozzjoni ta’ l-involviment ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati fis-soċjetà ċivili (assoċjazzjonijiet, għaqdiet, organizzazzjonijiet non-governattivi, il-midja, imsieħba soċjali u ekonomiċi), tal-movimenti politiċi kif ukoll ta' l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini (parlamenti, awtoritajiet lokali u deċentralizzati) tikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipji ta’ governanza demokratika u tiffavorixxi l-vijabbiltà tal-programmi ta’ riforma.

Għajnuna baġitarja, modalità preferenzjali

Tista’ tintuża firxa estensiva mhux ħażin ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp biex jingħata rispons xieraq u l-appoġġ neċessarju għall-isforzi ta’ riforma tal-pajjiżi msieħba. It-tendenza dejjem akbar li jintużaw strumenti bbażati fuq id-djalogu u misjuqa mill-bżonnijiet tal-pajjiżi msieħba (approċċ skond programm/SWAP, għajnuna baġitarja ġenerali jew settorjali) tiftaħ opportunitajiet reali għall-promozzjoni tal-governanza demokratika.

L-allinjament ma’ l-istrateġiji ta’ żvilupp tal-pajjiżi msieħba u l-użu dejjem akbar ta’ għajnuna baġitarja jsaħħu r-rwol ta’ l-istituzzjonijiet demokratiċi nazzjonali bħall-parlamenti, involuti direttament fil-proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet relevanti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti għandhom jitqiesu wkoll l-istrateġiji ta’ deċentralizzazzjoni, inkella dawn jistgħu jwasslu għal ċentralizzazzjoni ulterjuri.

Il-komunità internazzjonali għandha tirrifletti aktar fil-fond dwar il-mekkaniżmi ta’ l-għajnuna l-aktar prevedibbli, partikolarment importanti f’dan il-kuntest, u tippermetti għajnuna għall-bidla fuq perjodu twil. Il-monitoraġġ regolari u koordinat ta' l-iżvilupp tal-proċessi ta' governanza għandu jkun ibbażat fuq il-qsim ta' l-informazzjoni, l-evalwazzjonijiet u l-analiżi, li minnhom infushom għandhom jirriflettu djalogu trasparenti bejn l-imsieħba dwar ir-riformi ta' prijorità. Il-proċessi u l-kriterji ta’ allokazzjoni ta' l-għajnuna skond l-iżviluppi tas-sitwazzjoni ta' governanza għandhom ikunu trasparenti għall-pajjiżi msieħba.

Approċċ preventiv għal Stati fraġli

Minkejja kollox, għandhom ikunu esplorati metodi kumplimentari ġodda, speċjalment fi Stati fraġli.

F’dawn l-Istati, u b’mod partikolari f'partenarjati diffiċli, il-problema tan-nuqqas ta' leġittimità politika tingħaqad ma’ dik ta' kapaċitajiet limitati ferm. Biex tiġi indirizzata l-governanza f’dawn l-Istati hemm bżonn li dan isir fil-qafas ta’ approċċ gradwali mmirat lejn it-titjib ta’ l-istandards pass wara pass. Numru ta’ pajjiżi għandhom qabel xejn jiksbu l-istabbiltà bażika u żvilupp istituzzjonali minimu qabel ma jkunu jistgħu jibdew jimplimentaw politika ta' żvilupp fuq żmien twil. Biex titjieb l-effikaċja ta’ l-għajnuna ta’ l-UE lill-Istati fraġli huwa essenzjali li jittieħdu lezzjonijiet mill-iżbalji li saru fil-passat, b'mod partikolari: deċizjonijiet dwar finanzjament “stop-go” ibbażati fuq il-prestazzjoni ta’ gvern fuq żmien qasir li twassal għal volatilità fil-flussi ta’ għajnuna u inċertezza dwar finanzjament fil-ġejjieni; l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet marbuta mal-prestazzjoni passata fil-qasam tal-governanza; in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni bejn id-donaturi; il-marġinalizzazzjoni ta’ ċerti Stati fraġli; l-assenza ta’ azzjonijiet esterni koerenti fil-qasam tal-governanza, tas-sigurtà u ta’ l-iżvilupp.

Is-sitwazzjonijiet ta’ wara kriżi wkoll jirrikjedu strateġiji ta’ tranżizzjoni integrati maħsuba biex jibnu mill-ġdid il-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi, l-infrastrutturi u s-servizzi soċjali essenzjali, it-titjib tas-sigurtà ta' l-ikel u s-sejbien ta' soluzzjonijiet dewwiema għar-refuġjati u l-persuni spustati u, b'mod aktar ġenerali, is-sigurtà taċ-ċittadini. Il-bżonn li jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn Stati jsiru fraġli u attenzjoni biex il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli ma jiġux marġinalizzati huma parti integrali mill-approċċ ta’ l-Unjoni, kemm fl-interess tas-solidarjetà kif ukoll tas-sigurtà internazzjonali u l-effettività ta’ l-għajnuna.

1.4. Armonizzazzjoni tal-metodi fi ħdan l-UE u flimkien ma’ atturi internazzjonali oħrajn

Il-parti l-kbira tad-donaturi llum jikkunsidraw il-governanza bħala prijorità. Huwa importanti li kulħadd jaqsam l-għodod ta’ analiżi tiegħu u jevita li jidħol fi djalogi individwali mal-pajjiżi msieħba f’appoġġ unilaterali u mhux koordinat ta’ ċerti riformi. Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-effettività ta’ l-għajnuna u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istess suġġett[9] għandhom japplikaw fl-intier tagħhom fil-qasam tal-governanza. L-Istati Membri u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom b’mod partikolari biex jagħmlu progress fir-rigward ta' programmazzjoni komuni, jiżviluppaw prinċipji operattivi fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kumplimentarjetà u l-qsim tax-xogħol u jiffaċilitaw operazzjonijiet ta’ kofinanzjament.

L-għan m’huwiex li jimponu metodi uniformi. Dan la huwa realistiku u lanqas mixtieq. Madankollu, id-donaturi kollha għandhom ikunu involuti fi djalogu miftuħ mal-pajjiż, u jiftehmu dwar l-azzjonijiet u l-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ prijorità tal-governanza. L-appoġġ estern għandu jkun ibbażat fuq il-prijoritajiet u l-programmi nazzjonali, u għandu jagħmel użu mill-istrutturi nazzjonali jew reġjonali eżistenti. Il-proċessi ta’ elaborazzjoni ta’ l-istrateġiji biex jitnaqqas il-faqar, l-“Istrateġiji ta’ Għajnuna Konġunta” kif ukoll il-Mekkaniżmu Afrikan ta’ Evalwazzjoni minn Pajjiżi Pari jistgħu jservu bħala punt tat-tluq f’diversi pajjiżi.

Atturi emerġenti

Għandu jkun hemm ukoll djalogu dwar il-governanza fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma' l-atturi politiċi u finanzjarji emerġenti[10]. Din il-kwistjoni tista’ tkun proposta fil-qafas tad-djalogu bilaterali bejn l-UE u dawn il-pajjiżi. Għandu jkollha wkoll post prominenti fil-qafas ta’ l-isforzi biex dawn ikunu involuti fl-aġenda multilaterali dwar l-effettività ta’ l-għajnuna fl-organizzazzjonijiet u l-fora xierqa[11].

2. Governanza ta’ inizjattiva: Il-pajjiżi AKP u l-istrateġija għall-Afrika

2.1. Il-pajjiżi AKP: djalogu dwar il-governanza u l-programmazzjoni ta’ l-għajnuna

L-UE tistenna li l-imsieħba AKP jimpenjaw ruħhom bit-twettiq tar-riformi meħtieġa biex jiżguraw l-impatt pożittiv u dewwiem ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp u tal-kooperazzjoni internazzjonali. Minkejja li l-governanza diġà hija b'mod sistematiku parti mid-djalogu politiku regolari mal-pajjiżi AKP, din ser ikollha rwol aktar strateġiku fil-ġejjieni, b'mod speċjali fil-programmazzjoni ta’ l-10 EDF (Fond Ewropew għall-Iżvilupp). Minn hemm isegwi approċċ ġdid ibbażat fuq l-inċentiv. Ser ikun hemm djalogu fil-fond, strutturat fuq parametri li jkejlu l-progress u l-prestazzjoni, u jinkludi l-Istati Membri u donaturi oħrajn. L-għodod żviluppati għall-analiżi u d-djalogu fil-qafas tal-programmazzjoni, li jintegraw id-dimensjoni politika tal-partenarjat filwaqt li jindirizzaw id-diversi lati tal-governanza, għandhom ifornu d-djalogu politiku taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou.

€3 biljuni għall-governanza

Fil-qafas tat-tħejjija ta’ strateġiji ta’ kooperazzjoni ġodda ma’ l-Istati AKP, il-Kummissjoni ser tipproponi l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju addizzjonali lil pajjiżi li jadottaw jew li jimpenjaw ruħhom dwar pjan ambizzjuż u kredibbli ta’ azzjonijiet konkreti u riformi.

Dan il-metodu innovattiv, li jpoġġi fil-prattika l-prinċipji żviluppati fl-ewwel parti u li huwa bbażat fuq id-djalogu u l-inċentiv, huwa mmirat lejn bidliet reali u progressi deċiżivi fil-qasam tal-governanza demokratika.

F’termini finanzjarji, parti mill-ammont allokat għall-pajjiżi AKP taħt l-10 EDF ser ikun riżervat għall-inċentivi. Għal dan l-għan ġie identifikat ammont ta’ €2.7 biljun[12] għall-allokazzjonijiet nazzjonali, li miegħu jiżdiedu fondi reġjonali. L-aċċess għal dawn il-fondi ta’ inċentiv ser ikun jiddependi mir-riżultati ta' djalogu fil-fond bejn il-Kummissjoni u kull pajjiż dwar il-pjan ta' governanza ta’ dawn ta' l-aħħar.

Il-profil ta’ governanza ppreżentat fid-dokument ta’ ħidma tas-servizzi[13] huwa maħsub biex jiffaċilita dan id-djalogu u l-evalwazzjoni dettaljata. Fuq il-bażi ta’ serje ta’ mistoqsijiet sempliċi, dan jipprovdi veduta ġenerali tas-sitwazzjoni f'pajjiż imsieħeb bil-għan li tiggwida d-djalogu dwar ir-riformi li jkunu għaddejjin u dawk ippjanati, tidentifika l-limitazzjonijiet jew nuqqasijiet prinċipali u tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ l-oqsma fejn jista’ jkun hemm kooperazzjoni. Il-governanza tiġi indirizzata fid-dimensjoni politika, ekonomika u istituzzjonali, soċjali finanzjarja, fiskali u ġudizzjarja kif ukoll f’termini ta’ ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-ġestjoni tal-flussi migratorji. Konxja mill-ħtieġa kemm li kemm jista’ jkun il-metodi tad-donaturi jkunu armonizzati kif ukoll li jiġi evitat li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ għajnuna ġodda, fl-interessi ovvji ta' l-effettività, il-Kummissjoni Ewropea rabtet il-profil ma’ indikaturi u studji eżistenti[14], u żiedet magħhom ċerti komponenti speċifiċi għall-politika ta’ l-UE, u partikolarment komponenti msejsa fuq id-djalogu politiku mal-pajjiżi msieħba dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u suġġetti bħas-sigurtà u l-migrazzjoni.

Filwaqt li tikkunsidra l-valur u l-importanza tal-proċessi ta’ evalwazzjoni li jsiru mill-pajjiżi nfushom skond metodi parteċipattivi u trasparenti, il-Kummissjoni ser tqis kull “awto-evalwazzjoni” li teżisti. Fejn, ngħidu aħna, fil-pajjizi fejn saru evalwazzjonijiet minn pajjiżi pari, ir-rapporti li jirriżultaw jintużaw bħala bażi għall-profil.

Sitt passi biex jiġi ddeterminat l-aċċess għall-fondi ta’ riżerva ta’ inċentiv u biex jitkejlu r-riżultati

1. L-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ governanza u tat-tendenzi

L-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ssir skond indikaturi identifikati fil-profil u skond it-tendenza tagħhom matul iż-żmien, kif ukoll indikaturi internazzjonali. Dawn iż-żewġ settijiet ta’ indikaturi jfornu d-diskjussjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri preżenti f’pajjiż imsieħeb partikolari sabiex issir valutazzjoni kwantitattiva tas-sitwazzjoni ta’ governanza tal-pajjiż u t-tendenza. L-indikaturi internazzjonali jintużaw bħala standard ta’ referenza fejn kull devjazzjoni sinifikanti mill-profil għandha twassal għal diskussjoni fil-fond bil-għan li tingħata spjegazzjoni u ġustifikazzjoni għad-devjazzjoni osservata. M’hemm l-ebda importanza partikolari mogħtija minn qabel lill-indikaturi utilizzati; għandhom jitqiesu d-disa’ kategoriji identifikati fil-profil.

2. Evalwazzjoni tan-nuqqasijiet ewlenin

Fuq il-bażi tal-profil, il-Kummissjoni u l-Istati Membri preżenti fil-pajjiż jużaw l-indikaturi kollha pprovduti biex jidentifikaw l-oqsma fejn hemm nuqqasijiet li jirrikjedu riforma. Jiġi vvalutat ukoll il-grad ta’ importanza li tali nuqqasijiet jippreżentaw.

3. Djalogu ta’ programmazzjoni u identifikazzjoni ta’ l-impenji ta’ riforma governattivi ewlenin (il-pjan ta’ governanza tal-pajjiż)

Fid-djalogu, il-gvern huwa mistieden li jippreżenta l-pjan tiegħu tar-riformi li jkunu għaddejjin jew dawk ippjanati. Dan il-pjan jiġi diskuss fid-dawl tan-nuqqasijiet identifikati fil-profil maqbul mal-gvern. L-għan ewlieni tad-djalogu huwa li jħeġġeġ lill-gvern jimpenja ruħu li jieħu l-miżuri neċessarji biex jirrimedja n-nuqqasijiet identifikati. Il-lista ta’ impenji meħuda mill-gvern b’riżultat tad-djalogu tkun annessa mas-CSP.

4. Evalwazzjoni ta’ l-impenji governattivi relevanza, ambizzjoni, kredibbiltà

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jevalwaw kemm l-impenji meħuda mill-gvern jindirizzaw in-nuqqasijiet ewlenin identifikati u kemm huma relevanti, ambizzjużi u kredibbli. L-idea hija li jiġu evitati wegħdiet mhux realistiċi jew miżuri parzjali li ma jindirizzawx il-problemi identifikati.

5. Deċiżjoni dwar l-aċċess għal porzjon ta’ inċentiv

Id-deċiżjoni li jingħata aċċess għal porzjon ta’ inċentiv u l-parti ta’ dak il-porzjon mill-allokazzjoni inizjali tittieħed fuq il-bażi ta’ l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u ta’ l-impenji ta’ riforma meħuda fil-qafas tad-djalogu. L-aspett ta' inċentiv u l-inkoraġġiment għar-riformi jingħataw l-akbar importanza, mingħajr ma jintesew (f'termini relattivi) dawk il-pajjiżi li jkunu diġà laħqu standards ta’ governanza sodisfaċenti. Jitqiesu wkoll, bħala fatturi korrettivi, il-kapaċità ta’ assorbiment tal-pajjiż jew sitwazzjonijiet ta’ pajjiżi li jkunu ħerġin minn kunflitt jew li jkunu għaddejin minn tranżizzjoni.

6. Monitoraġġ tar-riżultati

Il-profil ta’ governanza u l-impenji jiġu segwiti b’mod regolari u r-riżultati effettivi tar-riformi mwettqa jiġu analizzati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-post u fil-pajjiż imsieħeb. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi u skond il-Ftehim rivedut ta' Cotonou, l-ammont ta’ allokazzjonijiet jista’ jiġi rivedut kull sena fejn ikun hemm riżultati eċċezzjonali. Barra minn hekk, l-allokazzjonijiet jistgħu jiżdiedu jew jitnaqqsu fl-evalwazzjonijiet ta’ nofs (2010) u tmiem il-pejodu (2012). Il-profil ta’ governanza u l-impenji meħuda, li huma l-bażi ta’ l-approċċ kuntrattwali l-ġdid, imbagħad jitqiesu f’kull stadju taċ-ċiklu ta’ programmazzjoni.

Bl-esperjenza, il-profil ta’ governanza, li ser ikun ippruvat fil-fażi inizjali ta’ l-10 EDF għall-pajjiżi AKP, jista’ jittejjeb u jiġi adattat.

2.2. Il-pajjiżi AKP: prijoritajiet u programmi fil-qasam tal-governanza

Fil-programmi ta’ kooperazzjoni komunitarji għal kull pajjiż, il-governanza tista’ tiġi identifikata bħala qasam ċentrali jew le, b'mod partikolari għal appoġġ għar-riformi istituzzjonali, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet jew biex jintlaħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal appoġġ baġitarju. Fil-pajjiżi kollha l-governanza ser tkun integrata bħala tema orizzontali, fl-oqsma ċentrali u mhux.

Il-Komunità diġà hija preżenti f’firxa wiesgħa ta’ oqsma[15] bil-għan li tippromwovi l-proċessi ta’ governanza demokratika permezz tad-djalogu u l-appoġġ finanzjarju. Għall-pajjiżi AKP, meta ġie pprogrammat id-9 EDF, il-governanza kienet identifikata bħala settur ċentrali f'madwar għoxrin programm indikattiv, li jlaħħqu €870 miljun jew 10% ta’ l-ammont totali tal-fondi programmabbli, inkluża għajnuna lil atturi mhux ta’ l-istat ta' ftit aktar minn €200 miljun. Ta’ min jikkunsidra wkoll li parti mill-għajnuna baġitarja ġenerali tikkostitwixxi appoġġ għall-governanza u b’mod partikolari għar-riformi ekonomiċi u istituzzjonali.

Dawn l-attivitajiet kollha swe ikunu segwiti u intensifikati. Ser jiġu żviluppati u implimentati wkoll prattiċi ġodda skond il-prinċipji ta’ l-approċċ imtejjeb imsemmi hawn fuq, li jinkorporaw il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, u li jqisu d-dispożizzjonijiet ġodda tal-Ftehim ta' Cotonou (l-Anness VII il-ġdid, l-emendi tad-dispożizzjonijiet dwar id-djalogu politiku rigward elementi essenzjali) u l-istrateġiji reġjonali adottati riċentement għall-Afrika[16], il-Karibew[17] u l-Paċifiku[18], li jagħtu importanza konsiderevoli lill-governanza.

Il-prijorità għall-Afrika ser tkun li jiġu megħjuna l-isforzi ta' bidla u implimentazzjoni tal-governanza fuq il-livelli lokali, nazzjonali u reġjonali u li l-pajjiżi Afrikani jkunu mħeġġa jipparteċipaw fil-proċessi ta' evalwazzjoni bejn pajjiżi pari. It-tisħiħ tad-dinamiċi soċjo-ekonomiċi fuq livell lokali huwa determinanti għat-tkabbir ekonomiku u fattur fl-iżvilupp sostenibbli, meta jitqies ir-rwol ta’ l-awtoritajiet lokali li jiżguraw aċċess għas-servizzi marbuta direttament ma’ l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (l-ilma u s-sanità, ...). L-appoġġ lil istituzzjonijiet demokratiċi oħrajn bħall-parlamenti nazzjonali, u l-miżuri għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Parlament Pan-Afrikan ukoll ser ikunu fost il-prijoritajiet. Għall-Karibew u l-Paċifiku, il-Komunità ser tara li tippromwovi bħala prijorità l-governanza finanzjarja, fiskali u ġudizzjarja. Huwa meħtieġ it-twettiq rapidu ta’ l-istandards ta’ l-OECD għat-trasparenza u l-iskambju effettiv ta' l-informazzjoni fil-qasam fiskali, kif ukoll l-eliminazzjoni ta’ prattiċi fiskali ta' dannu. Ser tingħata attenzjoni speċjali għal problemi bħall-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata u l-finanzjament tat-terroriżmu.

2.3. L-Afrika: appoġġ għall-mekkaniżmi Afrikani

Il-volontà politika għar-riformi u l-progress lejn governanza tajba qegħda tiġi kkultivata fost l-imsieħba Afrikani. L-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tappoġġja l-programmi ta’ governanza tajba fil-pajjiżi u li tikkontribwixxi fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-Unjoni Afrikana u ta’ l-istituzzjonijiet Afrikani reġjonali u nazzjonali, u li tappoġġja - permezz tad-djalogu u l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba Afrikani - l-isforzi Afrikani għat-titjib u l-monitoraġġ tal-governanza[19]. Il-governanza issa hija integrata fid-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Pan-Afrikani u l-UE.

F’dan il-kuntest, il-Mekkaniżmu Afrikan ta’ Evalwazzjoni bejn Pajjiżi Pari joffri potenzjal ta’ inċentiv reali għar-riformi u t-tagħlim reċiproku. Hemm propost appoġġ speċifiku mill-UE għal dan il-mekkaniżmu fuq tliet livelli:

- fuq il-livell Pan-Afrikan: appoġġ għas-segretarjat ta’ l-APRM, fil-ħidma tiegħu ta’ reviżjoni u missjonijiet;

- fuq il-livell reġjonali: appoġġ biex ikunu involuti organizzazzjonijiet reġjonali fit-tixrid tar-riżultati tal-proċessi ta’ reviżjoni (diskussjoni dwar ir-rapporti tal-pajjiż, skambji u tixrid ta’ prattiċi tajba, promozzjoni ta’ l-adeżjoni fl-APRM, eċċ.);

- fuq il-livell tal-pajjiżi: integrazzjoni ta’ l-għajnuna fir-riformi identifikati fil-qafas tal-proċessi ta’ reviżjoni fl-istrumenti ta’ kooperazzjoni eżistenti (partikolarment il-programmi indikattivi nazzjonali). Il-komponent nazzjonali ta’ appoġġ speċifiku lill-APRM huwa maħsub unikament biex jappoġġja u jiffaċilita l-proċessi fil-pajjiżi (l-involviment tas-soċjetà ċivili, mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u monitoraġġ), sakemm il-pajjiż ikkonċernat jitlob dan.

Il-kontribuzzjoni Komunitarja lill-APRM għandha tiġi minn riżorsi intra-AKP u għandha tkun supplimentata bil-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri. L-UE għandha tkun lesta twieġeb għall-bżonnijiet ta' finanzjament u tkopri parti mill-baġit ta' l-APRM, biex b'hekk turi appoġġ politiku sod għall-proċess (u li jirrispetta l-prinċipju tal-proprjetà). Il-kontribut Komunitarju għandu jkun maħsub biex ikopri l-proċessi ta’ reviżjoni fuq it-tliet livelli msemmija hawn fuq (irrispettivament mill-appoġġ għar-riforma fil-pajjiżi permezz tal-programmi indikattivi nazzjonali tagħhom).

Għall-pajjiżi Afrikani li m’humiex fl-AKP, l-approċċ tal-Komunità jifforma parti mill-Politika ta’ Viċinat (ara t-taqima 3 hawn taħt).

2.4. Minn livell Komunitarju għal wieħed Ewropew

L-importanza mogħtija lill-governanza fil-qafas tal-politika ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp l-UE għandha għandha tiġi tradotta f’ (1) approċċ politiku armonizzat fuq il-livell ta’ l-UE u (2) appoġġ koordinat addizzjonali għall-isforzi ta’ riforma tal-pajjiżi msieħba, skond ir-riżultati miksuba u l-kredibbiltà ta' l-impenji għall-futur.

Bi qbil mal-prinċipju ta’ l-armonizzazzjoni, l-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ ma tistax titħalla kompletament f’idejn il-Kummissjoni. Jeħtieġ li l-implimentazzjoni ssir fuq il-livell ta’ l-Unjoni Ewropea, li tippresupponi analiżi konġunta u djalogu fil-pajjiżi msieħba, u li l-ħidma titwettaq fi ħdan il-qafas ta’ programmazzjoni komuni. Ovvjament, dan l-isforz ta’ armonizzazzjoni m'huwiex limitat għall-UE: għandu jinvolvi lid-donaturi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha preżenti f’pajjiż partikolari.

Għalhekk, fuq il-livell ta’ l-UE, il-profil ta’ governanza għandu jiġi stabbilit b’mod konġunt, u fil-pajjiżi fejn hija maħsuba programmazzjoni komuni, dan għandu jservi bħala bażi għal analiżi konġunta tal-kwistjonijiet ta' governanza. Sa fejn ikun possibbli, dan il-profil jista’ jkun użat ukoll mill-Istati Membri fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-pajjiżi AKP.

Fuq il-livell ta’ l-appoġġ finanzjarju, l-UE għandha żżid l-appoġġ tagħha għall-proċessi ta’ riforma fil-qasam tal-governanza fil-pajjiż b’mod kollettiv. Hemm numru ta’ formuli li mhux bilfors jeskludu lil xulxin:

(a) żieda fil-programmi bilaterali, jiġifieri fl-allokazzjonijiet tal-pajjiżi, koordinati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri (analiżi konġunta, kriterji maqsuma).

Barra minn hekk, għandhom jiġu żviluppati formuli ta’ kofinanzjament u/jew fondi fi trusts minn diversi donaturi sabiex iwasslu dawn ir-riżorsi addizzjonali f’appoġġ għal programmi ta’ rifroma.

(b) fondi addizzjonali (miż-żieda fl-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali) li jiżdiedu mal-programmi indikattivi nazzjonali u li jintefqu fil-qafas ta’ dawn il-programmi ġestiti mill-Kummissjoni.

Tkun xi tkun l-għażla, dawn iż-żidiet jiġu deċiżi kemm meta jiġu stabbiliti l-allokazzjonijiet għall-pajjiżi kif ukoll fir-reviżjonijiet annwali jew ta' nofs il-perjodu.

Fuq livell reġjonali u kontinentali, l-UE għandha tikkunsidra kontribut f'fondi fi trusts biex tiffaċilita approċċ koordinat għall-mekkaniżmi u inċentivi ta' governanza, speċjalment l-APRM deskritt hawn fuq.

3. Djalogu u programmi fil-qasam tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni oħrajn

Il-qasam tal-governanza huwa prijorità fir-relazzjonijiet ta’ l-UE ma’ reġjuni oħrajn, fid-djalogu politiku u fil-programmazzjoni ta’ l-għajnuna. L-approċċi għall-promozzjoni tal-governanza demokratika jvarjaw skond ir-reġjuni u l-pajjiżi, skond il-partikolaritajiet tagħhom u l-istorja tar-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-UE, iżda kollha huma olistiċi u jikkunsidraw id-dimensjonijiet varji tal-governanza. Dan huwa evidenti fil-Politika Ewropea tal-Viċinat, ir-relazzjonijiet ma’ l-Amerika Latina u ma’ l-Asja deskritti hawn taħt.

Għad-djalogu politiku, ngħidu aħna, jeżistu diversi strutturi għal djalogu privileġġjat fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem[20]. L-użu ta’ strumenti ta’ inċentiv diġà ġie ppruvat ma’ l-imsieħba Mediterranji, inklużi pajjiżi mhux ta’ l-AKP. Il-politika tal-viċinat ġiet imfassla partikolarment bħala sett integrat ta' strumenti ta' inċentiv maħsuba biex jippromwovu r-riforma u progressivament iżidu l-firxa ta’ kooperazzjoni. Rigward l-assistenza finanzjarja għall-perspettivi finanzjarji li jmiss, il-programmazzjoni ta’ l-għajnuna tinsab f’fażi avvanzata għall-pajjiżi ta’ l-Amerika Latina u ta’ l-Asja, kif ukoll għall-pajjiżi li jagħmlu parti mill-politika tal-viċinat. Il-programmazzjoni hija bbażata fuq analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni ta’ pajjiż, u tindirizza, inter alia, kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, eċċ. Minkejja li l-għajnuna m’hijiex destinata għall-governanza mill-bidu, jekk il-governanza demokratika tkunx settur ċentrali jew le jiddependi mill-pajjiż ikkonċernat. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ governanza, bħal ġestjoni pubblika soda, hija kwistjoni orizzontali li tiddetermina l-approċċ lejn il-kooperazzjoni fis-setturi kollha.

Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tintwera b’modi differenti, mhux biss fuq il-livell tad-djalogu politiku istituzzjonalizzat, iżda wkoll per eżempju fil-qafas tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali ta’ l-UE. Il-koordinazzjoi tiġi żgurata fil-proċess ta’ programmazzjoni u tkompli fl-istadju ta’ identifikazzjoni fiċ-ċiklu tal-proġett, b’mod speċjali fir-rigward ta’ riformi tas-settur tas-sigurtà jew dak ġudizzjarju, li jibqgħu prerogattivi ta' l-Istat. Jeżistu wkoll arranġamenti ta' koordinazzjoni u armonizzazzjoni bejn id-donaturi li jakkumpanjaw il-programm ta' appoġġ baġitarju.

3.1. Il-governanza u l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)

Ir-relazzjoni privileġġjata mal-pajjiżi ġirien ta’ l-UE (koperti bil-Politika Ewropea tal-Viċinat) tibni fuq impenn reċiproku favur il-valuri komuni, l-aktar fl-oqsma ta’ l-Istat tad-dritt, governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment id-drittijiet tal-minoranzi u n-normi fundamentali rigward ix-xogħol, il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet tajba mal-viċinat u l-prinċipji ta’ l-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli. Il-livell ta’ ambizzjoni tar-relazzjonijiet ta’ l-UE mal-ġirien tagħha ser iqis kemm dawn il-valuri jistgħu jkunu maqsuma b’mod effettiv. Waħda mill-prerekwiżiti, ngħidu aħna, hija li għandu jkun hemm fis-seħħ ftehim ta' assoċjazzjoni jew ta' partenarjat.

Il-prijoritajiet tal-pajjiżi msieħba jiġu riflessi fil- pjanijiet ta’ azzjonijiet adottati b’mod konġunt . Il-governanza f’sens wiesa’ hija fil-qalba ta’ dawn il-pjanijiet, li jinkludu seba’ kapitoli u jiffukaw fuq:

- it-tisħiħ tad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-Istat tad-dritt, kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

- il-ħolqien ta’ tmexxija soda ta’ l-ekonomija bbażata fuq il-prinċipji ta' l-ekonomija tas-suq u tat-trasparenza, kif ukoll linji ta' politika attiva immirata lejn il-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli , inkluż il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi u d-djalogu fil-qasam tax-xogħol u l-politika soċjali ;

- l-introduzzjoni ta’ riformi fil-qasam tal-kummerċ, is-suq intern u r-regolamentazzjoni, inklużi riformi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, il-proprjetà intellettwali, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u l-ġlieda kontra l-frodi doganali;

- il-kooperazzjoni fil-qasam fiskali, il-kooperazzjoni fil-qasam ġudizzjarju u tal-pulizija u l-ġestjoni tal-fruntieri, bil-għan li jiġu indirizzati l-frodi u l-evażjoni fiskali, il-ħasil tal-flus, l-immigrazzjoni illegali u t-terroriżmu.

- il-kooperazzjoni f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni tal-flussi migratorji, l-immigrazzjoni illegali u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni hija prijorità.

- l-introduzzjoni ta’ riformi settorjali (trasport, enerġija, soċjeta ta' l-informatika, ambjent, eċċ.) sabiex titjieb il-ġestjoni u l-awtoritajiet ikunu mħeġġa jagħtu kont tad-deċiżjonijiet li jieħdu lil dawk li jamministraw;

- l-iżvilupp tal-kuntatti bejn il-komunitajiet, l-iżvilupp tar-riżorsi umani u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili.

L-Istati Membri u d-donaturi l-oħrajn diġà qegħdin jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni ma’ seba’ pajjiżi koperti mill-PEV, li joffru qafas ta’ politika ta’ referenza għall-kooperazzjoni bilaterali. L-implimentazzjoni hija sostnuta b'monitoraġġ regolari tal-progress milħuq f'diversi oqsma tal-governanza. Ġie stabbilit djalogu mal-pajjiżi msieħba permezz ta’ sottokumitati (demokrazija u drittijiet umani, sistema ġuridika, ekonomija u kummerċ, eċċ.) u l-progress jitkejjel fil-laqgħat tal-kumitati ta’ assoċjazzjoni jew ta’ partenarjat. Ta’ min jgħid li l-progress jitkejjel meta mqabbel ma’ l-għanijiet stipulati fil-pjanijiet ta’ azzjoni, u mhux imqabbla ma’ indiċi internazzjonali.

L-għażla ta’ l-oqsma prijoritarji għall-għajnuna finanzjarja mill-KE, identifikati fid-dokument ta’ strateġija tal-pajjiżi, jintgħażlu skond il-pjanijiet ta’ azzjoni bil-għan li jappoġġjaw titjib fil-governanza f'sens wiesa': it-tisħiħ tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-titjib tal-ġestjoni ekonomika u settorjali, it-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja, kif ukoll inkoraġġiment lill-awtoritajiet lokali biex jagħtu kont tad-deċiżjonijiet tagħhom lil min jamministraw. Il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bħalma huwa l-ġemellaġġ, TAIEX u SIGMA[21], li ġew żviluppati għall-iskopijiet tat-tkabbir u ġew estiżi għall-pajjiżi tal-PEV, huma mmirati partikolarment lejn il-governanza u jippermettu, inter alia, li l-Istati Membri jkunu involuti fil-kooperazzjoni u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni.

Fattur ieħor li jitqies biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ appoġġ finanzjarju allokat għal kull pajjiż huwa l-grad ta’ impenn u implimentazzjoni tar-riformi previsti fil-pjan ta’ azzjoni tal-pajjiż imsieħeb. Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2003 dwar it-tisħiħ ta’ l-azzjoni ta’ l-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija mal-partners Mediterranji, fl-2006 iddaħlet “Faċilità għad-demokrazija MEDA”. Din, f’fażi ta’ proġett pilota, kienet maħsuba biex tappoġġja lill-imsieħba li jagħmlu l-akbar progress fir-rigward tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Sussegwentement, fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-Kummissjoni qegħda tippjana “ Faċilità għall-Governanza ” li tkun maħsuba biex tippromwovi r-riformi politiċi u ekonomiċi fil-pajjiżi koperti bil-PEV. Il-“Faċilità għall-Governanza” tista’ tieħu l-forma ta’ appoġġ finanzjarju kumplimentari għall-pajjiżi ġirien li jkunu għamlu progressi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-"pjan ta' azzjoni". F’dan il-qasam jitqies ukoll l-APRM.

3.2. L-Amerika Latina

Ibbażata fuq passat komuni, valuri maqsuma u qbil ġenerali dwar l-isfidi tal-ġejjieni, ir-relazzjoni privileġġjata bejn l-UE u l-Amerika Latina naturalment tagħti importanza konsiderevoli lill-governanza. Din hija espressa b'mod speċjali permezz ta' l-għanijiet fundamentali tal- koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni reġjonali stabbiliti mill-Kapijiet ta’ Stat taż-żewġ reġjuni fis-samit ta’ Guadelajara fl-2004 u f’dak ta’ Vjenna fl-2006. Kull wieħed minn dawn l-għanijiet għandu dimensjoni essenzjali ta’ governanza, li fil-fatt ingħatat attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew[22].

Il-persistenza ta’ l-inugwaljanzi soċjali partikolarment numerużi, li jolqtu 'l maġġoranza tal-pajjiżi ta' l-Amerika t'Isfel iħassru l-leġittimità demokratika u huma ta’ dannu għall-prestazzjoni ekonomika ta’ dawn il-pajjiżi emerġenti. Mingħajr progress soċjali tanġibbli, id-diżillużjoni demokratika li tirrenja fir-reġjun iġġib magħha instabilità politika. Hija u tipprova tilħaq dan l-għan, il-Kummissjoni tixtieq tissokta bl-integrazzjoni tal-mira tal-koerżjoni soċjali fl-azzjonijiet kollha li twettaq f’partenarjat mal-pajjiżi ta’ l-Amerika Latina.

Il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u l-governanza tajba hija preżenza kostanti fid-djalogi politiċi differenti miftuħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina, kemm jekk taħt ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-Messiku u ċ-Ċilì, id-djalogu politiku u l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ l-Amerika Ċentrali u l-Komunità ta’ l-Andi jew il-ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Mercosur.

Fl-istess spirtu, l-Unjoni Ewropea tipprova tgħin lill-istituzzjonijiet demokratiċi jsibu għeruqhom u jakkwistaw il-kredibbiltà billi tibgħat missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali kif u fejn neċessarju (in-Nikaragwa, il-Messiku, il-Bolivja, il-Venezwela, eċċ.).

Għall-kooperazzjoni ma' l-Amerika Latina, il-Kummissjoni bi ħsiebha ssegwi politika ta' appoġġ attiv għall-governanza fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, billi tikkontribwixxi bl-appoġġ tagħha fil- modernizzazzjoni ta' l-Istat , b'mod speċjali fl-oqsma li ġejjin: ir-rappreżentanza taċ-ċittadini kollha fil-ħajja politika, il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, il-promozzjoni tad-djalogu bejn l-imsieħba soċjali, l-aċċess għall-ġustizzja, it-tisħiħ tal-ġudikatura, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà, l-aderenza tas-settur tas-sigurtà ma’ l-Istat tad-dritt, id-deċentralizzazzjoni u l-governanza tajba, il-ġestjoni responsabbli tar-riżorsi naturali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-impunità. Il-programmi ta’ appoġġ baġitarju settorjali, li huma l-għażla ppreferuta f'numru ta' pajjiżi fir-reġjun, huma wkoll effettivi biex iwasslu għal governanza tajba (billi jirrikjedu nfiq pubbliku vijabbli, it-tisħiħ ta' l-amministrazzjoni fiskali u l-implimentazzjoni ta' linji ta' politika pubblika fuq perjodu ta' żmien twil).

Ovvjament, l-approċċ lejn il-governanza jvarja skond il-pajjiż: din hija kwistjoni ċentrali fit-relazzjonijiet mal-Kolumbja u l-parti l-kbira tal-pajjiżi ta' l-Amerika Ċentrali, li huma strutturalment fraġli, għandhom soċjetajiet b'inugwaljanzi kbar u f'ħafna każi jinsabu ħerġin minn kunflitti ċivili twal. F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tisħiħ ta' l-Istat tad-dritt, l-istrutturi interni ta' djalogu jew ta' rikonċiljazzjoni u l-promozzjoni tad-demokrazija parteċipattiva jikkostitwixxu oqsma kruċjali tal-kooperazzjoni. Għall-kuntrarju, f'pajjiżi b'saħħithom bħall-Messiku jew il-Brażil, l-appoġġ għall-governanza qiegħed jieħu dejjem aktar il-forma ta' djalogu komprensiv u partenarjat f'numru ta' setturi ta' interess reċiproku, inkluża r-riforma ta' l-Istat.

Minħabba li tinvolvi l-ħolqien ta’ u l-konformità ma’ regoli komuni u oqfsa legali internazzjonali, l-integrazzjoni reġjonali hija wkoll mezz b’saħħtu ta’ governanza tajba (speċjalment fi kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali), u għalhekk tirrappreżenta punt importanti fil-politika tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Amerika Latina.

3.3. Il-governanza fl-Asja

B’aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja, li żewġ terzi minnhom huma foqra, l-Asja hija kkaratterizzata minn diversità kbira politika, ekonomika, soċjali u kulturali, li tirrifletti fir-relazzjonijiet differenti tal-pajjiżi tagħha ma' l-UE. Il-qafas politiku tal-kooperazzjoni ta’ l-UE ma’ l-Asja jirrifletti impenn ġenerali lejn l-appoġġ lid-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem. Jintużaw diversi strumenti biex jiġu żviluppati dawn l-għanijiet. Dawn jinkludu d-djalogu politiku kif ukoll inizjattivi oħrajn użati biex jindirizzaw id-drittijiet tal-bniedem: il-ftehimiet kollha ma' pajjiżi mhux membri jinkludu klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem. F’ċerti pajjiżi twaqqfu gruppi ta’ ħidma dwar il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem, fil-qafas tal-kumitati konġunti ma' l-UE biex jiżguraw djalogu politiku ġenwin u kooperazzjoni f'dan il-qasam. Id-djalogu huwa l-bażi tar-relazzjonijiet maċ-Ċina u l-Indja, iż-żewġ pajjiżi l-aktar popolati tad-dinja. Maċ-Ċina, minbarra d-djalogu politiku strutturat, ir-relazzjonijiet jieħdu l-forma ta’ aktar minn għoxrin djalogu settorjali li jikkonċernaw il-governanza u l-kooperazzjoni ekonomika, is-suq intern, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-ambjent eċċ. Ma’ l-Indja, minbarra d-djalogi fil-linji ta’ politika settorjali, il-kwisjonijiet li jikkaratterizzaw id-djalogu huma l-governanza globali, il-kooperazzjoni multilaterali u kwistjonijiet tal-paċi u s-sigurtà. “IDEAS”[23] hija inizjattiva partikolari li tippermetti kooperazzjoni ma’ l-Indja bħala donatur emerġenti li tittratta l-governanza.

Għall-pajjiżi ta’ l-Asja ċentrali, id-djalogu politiku jsir fuq livell reġjonali kif ukoll fuq livell bilaterali fil-qafas tad-diversi strutturi tal-Ftehimiet ta’ partenarjat u ta' kooperazzjoni għall-pajjiżi li jkunu rratifikawhom jew aktar ad hoc mar-rappreżentanti ta’ l-UE fil-post (fil-każ tat-Turkmenistan u t-Taġikistan). Fl-Asja ċentrali d-djalogu dwar kwistjonijiet ta’ governanza demokratika u tad-drittijiet tal-bniedem issaħħaħ bil-preżenza ta’ rapporteur speċjali għar-reġjun. Mal-pajjiżi tax-Xlokk ta’ l-Asja, l-UE wkoll żviluppat djalogu fuq livell reġjonali. il-governanza tagħmel parti mill-kooperazzjoni mal-korpi reġjonali bħall-ASEAN (“APRIS II” - ASEAN Programme for Regional Integration Support) kif ukoll fil-qafas tad-djalogi informali ASEM (Asia-Europe meeting). Il-Forum Reġjonali ASEAN jippermetti wkoll il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni trilaterali.

Fil-programmazzjoni tal-kooperazzjoni 2007-2013, il-governanza, l-Istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jiffurmaw settur fokali għal diversi pajjiżi, adattati skond il-ħtiġijiet tagħhom li huma tant differenti. Il-kooperazzjoni ma’ l-Afganistan tirrappreżenta każ partikolari, li jiddistingwi ruħu mill-firxa ta’ impenn mill-UE, l-importanza tal-qafas multilaterali u n-nuqqasijiet enormi fil-qasam tal-governanza demokratika u l-proprjetà fil-pajjiż. Il-governanza demokratika hija element essenzjali fil-ħidma tal-KE f’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitt oħrajn, speċjalment fl-Indoneżja (Aceh). Barra minn hekk, il-governanza ser tkun tema trażversali fl-attivitajiet kollha ta’ kooperazzjoni fil-pajjiżi ta’ l-Asja, miċ-Ċina sal-pjan ta’ azzjoni konġunt bejn l-UE u l-Indja. Fl-Asja ċentrali, il-governanza demokratika u l-ekonomija huma settur prijoritarju, li jvarja minn appoġġ għas-soċjetà ċivili sar-riforma ġudizzjarja u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

Il- proġetti speċifiċi fil-qasam tal-governanza u l-iżvilupp ta’ l-istituzzjonijiet demokratiċi jirriflettu d-diversità kbira li hemm fil-pajjjiżi tar-reġjun. Nistgħu nsemmu, per eżempju, ir-riforma u l-ħolqien ta' kapaċitajiet fl-entitajiet pubbliċi (ġudizzjarji, penitenzjarji, elettorali); il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet demokratiċi ġodda (per eżempju l-Kummissjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem) jew l-iżvilupp ta’ awtoritajiet lokali. F’ċerti pajjiżi huwa maħsub it-tisħiħ aktar dirett tal-proċessi demokratiċi b’attenzjoni partikolari fuq il-partiti politiċi u l-proċessi elettorali, kif ukoll azzjonijiet biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja minn gruppi vulnerabbli, speċjalment in-nisa, it-tfal u l-minoranzi. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili huwa ta’ tħassib kostanti, kemm jekk fil-forma ta’ edukazzjoni ġenerali u kampanji ta’ informazzjoni u kemm fil-forma ta’ kampanji speċifiċi, ngħidu aħna l-impjieg tat-tfal. Huma maħsuba, skond il-pajjiż, appoġġ għar-riforma amministrativa, il-ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi inkluż it-trasparenza fiskali u l-ġestjoni tajba tar-riżotsi naturali, ir-riforma tas-sigurtà soċjali, kif ukoll miżuri speċifiċi kontra l-korruzzjoni.

Bħal f’reġjuni oħrajn, fl-Asja - inkluż fil-pajjiżi ta’ l-Asja ċentrali - ix-xejra lejn programmi ta' appoġġ baġitarju settorjali u globali qiegħed isir mezz kif jissaħħu l-governanza u l-istituzzjonijiet kemm fuq livelli ċentrali kif ukoll deċentralizzati. Dawn il-programmi jirrikjedu kundizzjonijiet xierqa ta’ kontroll demokratiku, ġestjoni finanzjarja u żvilupp istituzzjonali, biex b’hekk jiżdiedu t-trasparenza u l-għoti ta’ kont lura lill-partijiet interessati.

Minħabba li jeżistu diversi “ partenarjati diffiċli ” fir-reġjun, ir-rwol ta’ l-istrumenti tematiċi (speċjalment l-EIDHR), li jistgħu jintużaw mingħajr ma jkunu jiddependu minn qbil mal-gvern, jibqgħu jżommu r-rwol importanti tagħhom fl-appoġġ għal proġetti tas-soċjetà ċivili lejn id-demokratizzazzjoni u d-drittijiet umani. F’dawn il-każi, l-UE tista’ wkoll isserraħ fuq l-istandards ta’ referenza fil-qasam tal-governanza, bħal per eżempju l-impenji ta’ l-OSCE. Kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni pubblika f’setturi bħall-ilma, fil-kuntest tal-bidla fil-klima, ukoll jistgħu jipprovdu opportunità għad-djalogu dwar il-governanza, kif juri l-eżempju tal-konferenza bejn l-UE u l-Asja ċentrali f’April 2006 f’Almaty.

Konklużjonijiet

Huwa biss permezz ta’ strateġija komuni li l-Unjoni Ewropea tista' ssemma leħinha fid-dibattitu dwar il-governanza. L-UE għandha tieħu pożizzjoni dwar din it-tema ċentrali għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp billi tibbaża fuq il-ħarsien tal-prinċipji li ġejjin:

- Filwaqt li l-governanza u l-ħolqien tal-kapaċitajiet għandhom ikunu fuq quddiem ta’ l-aġenda tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju jibqgħu l-għanijiet ta' prijorità tal-politika ta’ l-iżvilupp ta’ l-UE, kif stabbilit fil-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp. Il-governanza tajba, minkejja li hija għan kumplimentari, hija bażikament mezz strumentali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet ta’ prijorità.

- L-UE tibbaża l-istrateġija tagħha fuq definizzjoni wiesgħa ta’ governanza, li tittieħed bħala proċessi ta’ bidla fuq perjodu ta’ żmien twil, ibbażati fuq għanijiet u prinċipji universali u aspirazzjonijiet komuni li għandhom jiġu applikati fil-funzjonijiet ewlenin tat-tmexxija u fl-oqsma kollha fejn jintervjeni l-Istat u fl-interazzjoni ma' l-istituzzjonijiet pubbliċi u maċ-ċittadini. Governanza demokratika tpoġġi fuq quddiem l-affermazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha, irġiel u nisa, u lanqas ma tista’ tiġi ridotta biss għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

- Wieħed għandu jħares lejn il-governanza demokratika b’mod sħiħ billi jqis id-dimensjonijiet kollha tagħha (politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali, ambjentali...). Il-proċessi ta’ governanza demokratika ser ikunu sostnuti b'mod aktar effettiv bid-djalogu aktar milli sanzjonijiet u kundizzjonijiet.

- Il-proprjetà tar-riformi minn pajjiżi msieħba u strateġija bbażata fuq id-djalogu, li tinkludi l-ħolqien tal-kapaċitajiet u l-prevenzjoni tal-fraġilità ta’ l-Istati, isaħħu l-proċessi ta' governanza demokratika u jgħinu biex l-istituzzjonijiet jsiru leġittimi f'għajnejn iċ-ċittadin.

Biex tiżdied l-effettività ta’ l-appoġġ għall-governanza u biex jiġu promossi l-proċessi lejn governanza demokratika b’mod armonizzat, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar il-modalitajiet f’dan il-qasam:

- Id-djalogu ma’ kull wieħed mill-pajjiżi msieħba dwar ir-riformi fil-qasam tal-governanza għandu jsir b'mod konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri preżenti fuq il-post. Dan id-djalogu għandu jiġi tradott fi prattiċi koerenti għall-programmazzjoni ta’ l-għajnuna u appoġġ koordinat għal programmi ta’ riforma tal-gvernijiet.

- Permezz ta’ l-inizjattiva “Governanza għall-pajjiżi AKP u l-Afrika”, l-Unjoni Ewropea qegħda toħloq mekkaniżmu li jagħti aċċess lill-pajjiżi msieħba għal aktar fondi skond l-impenji governattivi tagħhom. Għal dawn l-inċentivi hemm fond ta’ riżerva ta’ madwar €3 biljun. L-UE ser tipprovdi wkoll appoġġ politiku u finanzjarju għall-Mekkaniżmu Afrikan ta’ Evalwazzjoni bejn Pajjiżi Pari, dejjem fir-rispett tal-proprjetà tal-proċess tal-pajjiżi Afrikani.

Dan il-kontribut biex tissawwar strateġija komuni ta’ l-UE dwar il-governanza demokratika għandu jittieħed fil-kuntest usa tal-politika esterna ta’ l-UE, il-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli, u b’qies lejn iż-żieda sostanzjali probabbli fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u x-xewqa li tiġi żgurata l-effettività ta' l-għajnuna, Dan jiġġustifika bis-sħiħ dibattitu aktar fil-fond dwar il-governanza fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

[1] COM(2003) 615 “Governanza u Żvilupp”. Il-governanza tikkonċerna l-abbiltà ta’ Stat li jservi liċ-ċittadini tiegħu. Il-governanza tikkonċerna r-regoli, proċessi u mġiba li permezz tagħhom l-interessi jiġu organizzati, ir-riżorsi ġestiti u l-poter eżerċitat fis-soċjetà. Il-mod kif jiffunzjonaw is-servizzi pubbliċi, il-mod kif jiġu ġestiti r-riżorsi pubbliċi u l-poteri ta’ regolamentazzjoni pubbliċi jikkostitwixxi l-problema prinċipali li għandha tiġi indirizzata f'dan il-kuntest. Il-governanza hija miżura bażi ta’ l-istabilità u tal-prestazzjoni ta’ soċjetà. Hekk kif il-kunċetti tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokratizzazzjoni, id-demokrazija, l-istat ta’ dritt, is-soċjetà ċivili, id-deċedntralizzazzjoni u l-qsim tal-poter, u l-amministrazzjoni pubblika soda jieħdu aktar importanza u relevanza, is-soċjetà tieħu l-forma ta’ sistema politika aktar kumplessa u tiżviluppa f’governanza tajba.

[2] Ara l-valutazzjoni ta’ l-impatt SEC(2006) 1021.

[3] Dawn il-prinċipji ġew żviluppati bl-adozzjoni mill-komunità internazzjonali ta’ numru konsiderevoli ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u atti normativi.

[4] Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp jistabbilixxi l-prinċipju ta’ “mainstreaming” tal-governanza, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem.

[5] SEC(2006) 1020.

[6] Il-linji gwida ta’ l-UE fil-qasam tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem adottati mill-Kunsill f’Diċembru 2004 (dok. 15810/104). Djalogi strutturati (maċ-Ċina u l-Iran), djalogi bbażati fuq il-Ftehim ta’ Cotonou (l-Artikoli 8, 96/97), dwar il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-pajjiżi tal-Mediterran, u dwar il-ftehimiet dwar kummerċ u kooperazzjoni (eż. il-Filippini, il-pajjiżi tal-Kawkażu u ta’ l-Asja Ċentrali), id-djalogi fuq deċiżjonijiet ad hoc (eż. ir-Russja, il-Vjetnam, il-Pakistan, l-Indja).

[7] Il-proġett METAGORA deskritt fid-dokument ta’ ħidma jispjega dawn il-proċessi.

[8] Id-djalogu dwar l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou huwa deskritt fl-Anness 1 tad-dokument ta’ ħidma.

[9] CAGRE 11 ta’ April 2006

[10] BRICS: Il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t’Isfel.

[11] Ara b’mod partikolari d-dokument CAD "Options for differentiated engagement with non-DAC donors", DCD/DAC(2006)31/rev1.

[12] L-ammont totali ta’ l-10 EDF ilaħħaq €22.6 biljun għall-perjodu 2008-2013.

[13] SEC(2006) 1020 Anness 2

[14] B’mod partikolari l-indikaturi tal-governanza segwiti mill-Istitut tal-Bank Dinji għal 204 pajjiż sa mill-1996.

[15] Għal aktar informazzjoni dwar il-programmi u l-proġetti, l-evalwazzjonijiet u r-rapporti ta’ implimentazzjoni ta’ l-għajnuna komunitarja għall-iżvilupp, arahttp://europa.eu.int/comm/europeaid/projects/index_en.htmhttp://europa.eu.int/comm/europeaid/evaluation/index.htmhttp://europa.eu.int/comm/europeaid/reports/index_en.htm

[16] L-UE u l-Afrika: lejn partenarjat strateġiku - il-Kunsill ta’ l-UE - dok. 15961/05 – 19.12.2005.

[17] Sħubija UE - Karibew għat-tkabbir, l-istabilità u l-iżvilupp - COM (2006) 86 finali, 2.3.2006.

[18] Ir-Relazzjonijiet ta’ l-UE mal-Gżejjer tal-Paċifiku - Strateġija għal Partenarjat Imsaħħaħ - COM(2006) 248 finali, 29.5.2006.

[19] L-UE u l-Afrika: lejn partenarjat strateġiku - il-Kunsill ta’ l-UE - dok. 15961/05 – 19.12.2005.

[20] Ara n-nota tal-qiegħ 8.

[21] Ara http://ec.europa.eu/comm/enlargement/institution_building/twinning_en.htm; http://taiex.cec.eu.int; http://www.sigmaweb.org

[22] “Partenarjat imsaħħaħ bejn l-UE u l-Amerika Latina”, COM(2005) finali 636 tat-8.12.2005.

[23] Indian Development and Economic Assistance Scheme