52006DC0398




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.7.2006

KUMM(2006) 398finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis kimiku ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ fl-Unjoni Ewropea SEG(2006)947KUMM(2006)397

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis kimiku ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ fl-Unjoni Ewropea (Test b’relevanza għall–EEA)

1. L-ISKOP TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI

1.1. Introduzzjoni

Id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma (DQI)[1], adottata fl-2000, tistabbilixxi sistema ġdida għall-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis kimiku ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ u l-ilmijiet tal-pjan. Id-DQI tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tressaq proposti speċifiċi dwar sustanzi prijoritarji fl-ilmijiet tal-pjan.

Hemm bosta sustanzi li jniġġsu li jistgħu jbaxxu l-kwalità tax-xmajjar, il-lagi u l-ilmijiet kostali u ta' l-ibħra tagħna. In-tniġġis ta’ l-ilma jista’ jkun ikkawżat minn materja organika, nutrijenti u għadd kbir ta’ sustanzi kimiċi li jew huma prodotti għal użi apposta (bħall-pestiċidi) jew inkella jiġu ffurmati b’mod mhux intenzjonali fi proċessi ta’ produzzjoni (bħall-idrokarboni poliċikliċi aromatiċi li joħorġu mill-proċessi ta' kombustjoni). Hemm eluf ta’ sustanzi individwali traċċabbli fil-ilma ħelu tagħna u bosta minn dawn eventwalment jaslu fl-ilma baħar.

Għadd limitat ta’ sustanzi kimiċi li jniġġsu ġew identifikati bħala ta’ tħassib partikolari għall-ilmijiet tal-wiċċ madwar l-UE minħabba l-użu mxerred u l-konċentrazzjoniiet għolja tagħhom fix-xmajjar, il-lagi u l-ilmijiet kostali. Dawn huma definiti bħala “sustanzi prijoritarji”[2]. Hemm ukoll subsett ta’ "sustanzi prijoritarji perikolużi”, li japplikaw għalihom għanijiet ambjentali aktar stretti minħabba l-persistenza, il-bijoakkumulazzjoni u t-tossiċità għoljin tagħhom. Minbarra s-sustanzi prijoritarji, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw sustanzi kimiċi oħra li jniġġsu u li jkexxklu l-għanijiet tad-DQI.

L-approċċ sabiex jiġi affrontat it-tniġġis ta’ l-ilma tal-wiċċ jidħol fl-ambitu ta’ l-approċċ strateġiku usa’ stabbilit fis-snin Sebgħin. Id-DQI tinkorpora għal kollox u taġġorna l-politika għaż-żmien fit-tul f’rispons integrat, flessibbli u modern li jilqa’ għat-theddidiet persistenti li ġejjin mill-konċentrazzjonijiet eċċessivi tas-sustanzi kimiċi fl-ilmijiet ta' l-UE.

Din il-Komunikazzjoni, li hija akkumpanjata minn proposta għal Direttiva dwar standards tal-kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika dwar l-ilma[3], tippreżenta l-qafas kunċettwali usa’ u r-raġunament wara l-approċċ politiku magħżul mill-Kummissjoni.

1.2. X’inhu l-qafas kunċettwali kumplessiv?

Meta l-kimiċi jiġu estratti, manifatturati jew ipproċessati, jista’ jkun hemm emissjonijiet, skular jew skariki varji fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija. Ir-rimi ta’ l-iskart minn dawn l-attivitajiet jista’ wkoll jissarraf fid-dħul ta’ dawn is-sustanzi fl-ambjent. Skariku dirett fl-ilma mill-minjieri jew mill-fabbriki huwa kawża ovvja ta’ tniġġis. Inqas ovvji huma s-sustanzi ddepożitati mill-atmosfera. Sustanza, darba li tkun fis-suq, tista' tintuża fil-proċessi tal-manifattura sabiex tipproduċi oġġetti għall-konsum, u jista’ jkun hemm skariki, emissjoniiet varji u telf ieħor li jidħlu fl-ambjent Bl-istess mod, meta jintużaw prodotti bħal deterġenti, pestiċidi u materjal għall-bini, ikun hemm aktar telf. Fl-aħħarnett, iseħħ aktar telf meta l-materjali jintremew bħala skart solidu jew likwidu.

Il-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis kimiku ta’ l-ilma jeħtiġilhom iqisu dawn il-mogħdijiet varji. Il-kontrolli fuq il-proċessi u l-emissjonijiet jistgħu jnaqqsu t-telf li jinħoloq waqt il-produzzjoni tal-kimika u l-inkorporazzjoni sussegwenti tagħha fi prodotti oħra. Ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-kimika, inklużi l-proċeduri ta’ l-awtorizzazzjoni u ta’ l-approvazzjoni, jistgħu jkomplu jnaqqsu l-kontaminazzjoni potenzjali ta’ l-ambjent. Fl-aħħarnett, il-miżuri għat-trattament u r-rimi ta’ l-iskart huma wkoll effikaċi fit-tnaqqis tat-tniġġis.

Il-miżuri msemmija fil-paragrafi ta’ qabel għandhom x’jaqsmu mal-kontroll ta’ l-emissjonijiet varji, l-iskariki u t-telf, fost l-oħrajn, iżda jirrakkuntaw biss nofs il-ġrajja. L-Artikolu 10 tad-DQI jistipula “metodu kombinat” li jinvolvi l-użu ta’ standards ta’ kwalità ambjentali (SKA). Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni dwar it-tossiċità, il-persistenza u l-potenzjal tal-bijoakkumulazzjoni ta’ sustanza, flimkien ma’ l-informazzjoni dwar xi jsir mill-kimika fl-ambjent, huwa possibbli li jiġu ddeterminati limiti ta’ konċentrazzjoni sabiex jitħarsu n-nies, il-flora u l-fawna. Meta jiġu stabbiliti SKA għall-ilma, jew is-sedimenti jew it-tessuti tal-pjanti/l-annimali, jipprovdu kejl ta’ referenza li jiżgura l-integrità ekoloġika ta' l-ekosistemi akkwatiċi jew tal-ħarsien ta' saħħet il-bniedem meta jkun qed jintuża l-ilma (eż. għall-għawm jew għat-teħid ta’ l-ilma għax-xorb).

Fl-aħħarnett, biex il-miżuri tal-kontroll jew l-iSKA jkunu effettivi, għandhom jimxu ma’ sistema effettiva ta’ monitoraġġ li tiżgura li l-miżuri jitwettqu u li jiġu rrispettati l-valuri ta’ l-iSKA.

Dan il-qafas kunċettwali japplika għal kull tip ta’ tniġġis ta' l-ilma. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet sussegwenti jirreferu esklussivament għall-qafas regolatorju għas-sustanzi prijoritarji li jirregola t-tniġġis minn kull sustanza kimika li taffettwa ħażin il-kwalità ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ[4]. Sustanzi oħra li jniġġsu (bħan-nutrijenti u l-materja organika) huma rregolati minn leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika (eż. id-Direttiva dwar it-Trattament ta’ l-Ilma Urban Mormi[5]u d-Direttiva dwar in-Nitrati[6]).

1.3. Kif kien irregolat fl-imgħoddi t-tniġġis kimiku ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ?

Fl-ewwel snin Sebgħin, kien hemm rapport allarmanti mir-Renu u xmajjar oħra Ewropej li ddokumentaw livelli għolja ta’ tniġġis kimiku li kienu qed jissarrfu f’inċidenti regolari ta’ mwiet ta’ ħut. Bħala tweġiba, il-Kunsill adotta Direttiva dwar l-iskariki ta’ sustanzi perikolużi fl-ambjent akkwatiku (Direttiva 74/464/KEE) )[7] li tfassal proġett ambizzjuż għall-prevenzjoni u l-limitazzjoni tat-tniġġis minn sustanzi perikolużi. Is-sustanzi kimiċi li jniġġsu kienu miġbura bħala sustanzi tal-Lista I, meqjusa bħala partikolarment tossiċi, persistenti u bijoakkumulattivi, u kellhom jiġu rregolati mill-Komunità, u r-regolazzjoni tas-sustanzi inqas problematiċi tal-Lista II tħalliet f’idejn l-Istati Membri. Fl-1982, il-Kummissjoni ressqet lista ta’ 132 kandidat għal sustanzi tal-Lista I. Sa l-1990, il-valuri tal-limiti ta’ l-emissjonijiet u l-istandards tal-kwalità kienu ġew iffissati għal 18 minn dawn il-132 sustanza f’ ħames "Direttivi Sekondarji"[8]. Minn hemm ‘il quddiem, il-Kunsill waqqaf ir-regolazzjoni tas-sustanzi l-oħra proposti mill-Kummissjoni[9] billi argumenta li l-proċess leġiżlattiv kien qed jimxi bil-mod u ma kienx effettiv. Il-Kunsill talab lill-Kummisjoni terġa' tikkunsidra l-politika fid-dawl ta' diskussjonijiet li kienu għaddejjin dwar politika ġdida dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (PKIT).

Fl-1996, ġiet adottata d-Direttiva PKIT[10]. Inkorporat parzjalment il-qafas regolatorju tad-Direttiva 76/464/KEE, billi żammet il-valuri limitu ta’ l-emissjonijiet bħala rekwiżiti minimi. Iżda billi d-Direttiva PKIT kienet tkopri biss ċerti stallazzjonijiet, il-Kummissjoni integrat id-dispożizzjonijiet rilevanti li kien baqa’ tad-Direttiva 76/464/KEE fil-proposta emendata tagħha għad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma[11].

Fil-25 sena mill-adozzjoni tad-Direttiva 76/464/KEE, id-Direttorat Ġenerali ta’ l-Ambjent tal-Kummissjoni ppubblika bosta rapporti dwar l-implimentazzjoni tagħha[12]. Il-valutazzjoni kumplessiva tas-suċċess tal-politika hija waħda mħallta. Minkejja suċċessi ċari u konkreti fit-tnaqqis tat-tniġġis minn għejun puntwali industrijali, kien hemm għadd ta’ problemi sinifikanti ta’ implimentazzjoni[13].

Id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma, li tissejjes fuq il-kontroll integrat tat-tniġġis, għelbet dawn l-ostakli u issa tindirizza t-tniġġis kimiku b’mod aktar ħolistiku, effikaċi u differenzjat. Fil-proposta ta' llum għal Direttiva, il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi li l-ħames Direttivi Sekondarji issa għandhom ukoll jiġu rrevokati. Dan il-pakkett għalhekk se jgħin fir-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali.

2. L-ISTRATEġIJA PROPOSTA MILL-KUMMISSJONI

L-istrateġija kumplessiva stipulata fid-DQI għandha tissarraf f’azzjonijiet speċifiċi li jwieġebu għal dawn il-mistoqsijiet (li joħorġu mill-Artikolu 16).

1. Liema sustanzi għandhom ikunu rregolati fuq il-livell Komunitarju?

2. Liema huma l-kriterji jew l-indikaturi (SKA) biex wieħed jara li ntlaħqu l-għanijiet tad-DQI?

3. X’miżuri addizzjonali għandhom jittieħdu fuq il-livell Komunitarju sabiex jintlaqħu dawn l-għanijiet?

Sabiex titwieġeb din l-ewwel mistqosija, fl-2001 ġiet maqbula, fuq livell Komunitarju, lista ta’ 33 (grupp ta') sustanzi prijoritarji[14]. Xi wħud minn dawn is-sustanzi jqajmu tħassib kbir u ġew identifikati bħala “sustanzi prijoritarji perikolużi” u għal dawn, l-għan tad-DQI huwa li jitwaqqfu jew jitnaqqsu gradwalment l-emissjonijiet, l-iskariki u t-telf fi żmien 20 sena.

L-għan ewlieni tal-proposta kurrenti għal Direttiva huwa li tingħata tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet l-oħra, i.e. li jiġu stipulati standards ta’ kwalità ambjentali u sabiex jiġu proposti miżuri ta’ kontroll addizzjonali.

Il-Kummissjoni bdiet tħejji din il-proposta fl-2001 billi użat konsultazzjoni intensiva u estensiva. Il-forma ta’ konsultazzjoni ewlenija kienet ta’ skambji regolari mal-Forum ta’ Konsulenza Esperta ta’ rappreżentanti mill-Istati Membri u pajjiżi oħra (in-Norveġja, il-Bulgarija u r-Rumanija), partijiet interessati mill-industrija u organizzazzjonijiet mhux governattivi. Barra minn hekk, il-proposta għall-iSKA ġiet riveduta inter pares mill-Kumitat Xjentifiku għat-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE). Fl-aħħarnett, seħħet konsultazzjoni bil-miktub dwar abbozz tad-Direttiva bejn Ġunju u Settembru 2004.

Bħala parti mill-proċess ta’ tħejjija, twettqu żewġ studji u dawn jiffurmaw il-bażi tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt [15]. Fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt tqiesu tliet għażliet ewlenin u oħrajn derivati minnhom.

Għażla 1: Li ma tiġi ppreżenta l-ebda proposta u għalhekk ir-regolamentazzjoni titħalla għal kollox f’idejn l-Istati Membri.

Għażla 2: Li tiġi ppreżentata proposta dwar SKA armonizzati biss u l-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll addizzjoni titħalla f’idejn l-Istati Membri.

Għażla 3: Li jiġu proposti kemm SKA kif ukoll miżuri ta’ kontroll addizzjonali fuq livell Komunitarju.

Dawn huma diskussi f’aktar dettall aktar 'il quddiem.

2.1. L-istandards tal-kwalità ambjentali

L-istandards tal-kwalità ambjentali (SKA) huma limiti li ma għandhomx jinqabżu ta' konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu sabiex ikunu jistgħu jitħarsu l-ambjent u saħħet il-bniedem. Fil-kuntest tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma, l-iSKA jiddefinixxu l-għan ambjentali ta’ “stat [kimiku] tajjeb ta' l-ilma tal-wiċċ” u għalhekk jirrapreżentaw kriterji għall-valutazzjoni ta’ jekk l-Istati Membri jkunux qed jikkonformaw (ara l-Artikolu 2, paragrafu 24).

Fl-imgħoddi, kienu ġew stipulati xi SKA għall-ilma fuq il-livell Komunitarju (ara t-Taqsima 0). Barra minn hekk, bosta Stati Membri stabilixxew sett komprensiv ta’ SKA fuq il-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-baċin tax-xmara. Bħalissa, l-istandards nazzjonali tal-kwalità għas-sustanzi prijoritarji jvarjaw sew minn pajjiż għall-ieħor ta’ l-UE. Dan jissarraf f’livell differenti ta’ ħarsien u kundizzjonijiet differenti għall-utenti ta’ l-ilma (eż. l-industrija) fi Stati Membri differenti.

It-tħassib tal-Kummissjoni huwa li għas-sustanzi prijoritarji, li b'definizzjoni jikkonċernaw l-UE kollha kemm hi, it-twaqqif ta' l-iSKA għandu jiżgura li l-implimnetazzjoni tad-Direttiva tkun konsitenti ma’ l-obbligi tat-test legali u komparabbli bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, tinħass il-ħtieġa ta’ bażi armonizzata għall-valutazzjoni, l-aktar għall-baċini tax-xmajjar internazzjonali. Barra minn hekk, l-ifissar ta’ l-iSKA jrid iqis oqsma oħra rilevanti tal-politika, bħall-kimika u l-pestiċidi, u jiżgura li l-valutazzjonijiet tar-riskju jkunu konsistenti.

L-aħjar mod li bih jistgħu jintlaħqu dawn l-għanijiet huwa li l-iSKA jiġu armonizzati għas-sustanzi prijoritarji fuq il-livell Komunitarju, u għalhekk ma ġietx ikkunsidrata l-Għażla 1 – L-ebda proposta.

2.2. Miżuri ta' kontroll tat-tniġġis

Minbarra l-iSKA, id-DQI tobbliga lill-Kummissjoni tressaq miżuri ta’ kontroll li japplikaw fil-Komunità kollha sabiex jitnaqqas it-tniġġis mis-sustanzi prijoritarji, jew biex jitnaqqsu gradwalment l-emissjonijiet, l-iskariki u t-telf varju ta’ sustanzi perikolużi prijoritarji. Hemm disponibbli firxa sħiħa ta' strumenti, mill-kontrolli fuq il-prodotti (eż. ir-restrizzjoni fuq il-bejgħ u t-tqegħid fis-suq), għall-kontroll tal-proċessi (l-aħjar teknika disponibbli, il-valuri ta’ limiti ta’ l-emissjonijiet) u strumenti ekonomiċi (taxxi fuq il-pestiċidi).

Qabel id-DQI, kien hemm diġà leġiżlazzjoni Komunitarja sabiex ikunu jistgħu jintlaqħu l-għanijiet tad-DQI. B’mod partikolari, jagħtu kontribut sinifikanti l-politika dwar il-kimika (inklużi l-pestiċidi u l-bijoċidi) u dik dwar it-tniġġis industrijali. Minbarra dan, il-Kummissjoni għamlet bosta proposti u deċiżjonijiet sa mill-2000, li jikkostitwixxu miżuri għall-kontroll tat-tniġġis għal sustanzi prijoritarji individwali skond l-Artikolu 16 (6) tad-DQI[16]. Fl-istess ħin, ir-reviżjoni kurrenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-kimika[17] se tagħti kontribut sinfikanti għall-ilħiq ta’ l-għanijiet tad-DQI. Dawn il-biċċiet kollha ta' leġiżlazzjoni u politika ta’ l-UE huma ppreżentati f’aktar dettall fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt.

Ħafna minn din il-leġiżlazzjoni għadha ma ġietx implimentata għal kollox. Huwa għalhekk impossibbli li wieħed jara jekk humiex se jintlaħqu l-għanijiet tad-DQI permezz ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki, jew jekk għadx hemm lakuna li jistħoqqilha l-attenzjoni Komunitarja.

Din l-isfida ngħarfet ukoll waqt l-analiżi ta’ l-impatti soċjoekonomiċi ta’ għażliet diversi. L-Għażla 3 għamlet għadd ta’ suppożizzjonijiet sabiex tiddefinixxi miżuri speċifiċi li jkopru l-UE kollha (inklużi l-limiti ta’ l-emissjonijiet) għall-industriji l-aktar milquta, speċifikament tal-kimika (l-aktar il-klorin u l-pestiċidi), il-ħadid u l-azzar, metalli li m’għandhomx ħadid fihom, il-konverżjoni tal-PVC, u r-raffineriji. Għal din l-għażla, l-istudju jistima spejjeż għolja (ara l-valutazzjoni ta’ l-impatt għad-dettalji). Identifika wkoll impatti potenzjali fuq l-impjiegi. Abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, ikun hemm aktar infiq effikaċi u flessibbiltà, u jkun aktar proporzjonat jekk l-introduzzjoni ta’ miżuri addizzjonali (inkluż il-valuri ta’ limitu ta’ l-emissjonijiet) titħalla f’idejn l-Istati Membri. B’hekk, l-Għażla 3 ġiet skartata minħabba l-ispejjeż sproporzjonati li kienet timplika.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni temmen li l- corpus tal-preżent tal-leġiżlazzjoni Komunitarja għandu, fil-biċċa l-kbira tal-każ, jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet tad-DQI. Fl-istess ħin, il-valutazzjoni ta’ l-impatt turi li l-aktar approċċ proporzjonat u ta’ nfiq effikaċi għas-sustanzi prijoritarji huwa li jiġu stupulati standards ċari u armonizzati u li lill-Istati Membri jitħallielhom massimu ta’ flessibbiltà dwar kif dawn jistgħu jintlaħqu. Jekk l-Istati Membri jagħtu biżżejjed provi li l-miżuri addizzjonali huma meħtieġa fuq il-livell Komunitarju, hemm mekkaniżmi varji taħt l-istrumenti eżistenti li jippermettulhom jippreżentaw dan lill-Kummissjoni bħala bażi għad-diskussjoni.

2.3. L-impatti tal-proposta

L-istudju ta’ l-impatt eżamina l-ispejjeż soċjoekonomiċi ta’ l-għażla politika magħżula, l-Għażla Nru 2. L-ispejjeż stmati kienu ta’ madwar EUR 700 miljun fis-sena, bil-wisq inqas minn dawk għall-Għażla Nru 3. Il-valutazzjoni ta’ l-impatti wriet biċ-ċar li l-Għażla 2, l-iffissar ta’ SKA armonizzati fuq il-livell ta’ l-UE, hija l-aħjar għażla politika.

Saru aktar valutazzjonijiet wara dan l-istudju. L-ewwelnett, l-istimi tar-rata kurrenti ta’ konformità ma’ l-iSKA proposti ssuġġerew li hija diġà ogħla minn dak mistenni fl-istudju dwar l-ispejjeż. Għas-sustanzi organiċi, il-konfomità tkun fil-biċċa l-kbira ‘l fuq minn 75% u għall-metalli bejn 50-80%. Hemm madankollu lakuna konsiderevoli fl-informazzjoni minħabba nuqqas ta’ riżultati ta’ monitoraġġ għall-UE-10 u għal ċerti sustanzi prijoritarji. Għan-nikil, iċ-ċomb u xi sustanzi organiċi, ir-rati ta’ konformità kienu aktar baxxi minn dawk mogħtija fuq.

Tqiesu għadd ta’ għażliet sekondarji sabiex jiġu rfinati l-għażliet u l-approċċi meta jkunu qed jiġu stipulati l-iSKA armonizzati. L-aktar importanti kien li ġie deċiż li l-prinċipju ewlieni kellu jkun ir-rabta mal-valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa taħt leġiżlazzjoni oħra ta’ l-UE sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma politiċi differenti. Xi wħud minn dawn il-valutazzjonijiet tar-riskju għadhom għaddejjin u, partikolarment għan-nikil u ċ-ċomb, diffiċli li jiġi antiċipat meta dawn se jiġu ffinalizzati. Il-Kummissjoni hija għalhekk impenjata biex temenda l-proposta tagħha għall-iSKA jekk joħroġ li hemm differenzi sostanzjali bejn il-valutazzjonijiet tar-riskju finali u l-proposta kurrenti.

Għażliet sekondarji oħra jinkludu riflessjonijiet dwar l-approċċi lejn l-iffissar ta’ SKA għas-sedimenti, il-bijota, il-metalli u għal żoni protetti għat-teħid ta’ l-ilma għax-xorb. Kien hemm ukoll diskussjoni dwar l-aspetti ta’ l-analiżi u l-monitoraġġ marbuta mal-konformità. B’mod ġenerali, l-għażliet sekondarji saru bil-għan li jkun imminimizzat l-impatt tal-proposta billi jinżamm livell għoli ta’ ħarsien ambjentali.

Fl-aħħarnett, ir-reviżjoni inter pares ta’ l-iSKA mill-SCTEE u l-konsultazzjoni usa' bil-miktub ta’ l-abozzi tal-proposti għenet fir-razzjonalizzazzjoni tal-proposti, eż. billi neħħiet xi miri li jorbtu għal-kontrolli ta’ l-emissjonijiet. Flimkien ma’ dan, l-iSKA proposti ta’ bosta sustanzi prijoritarji ġew aġġornati abbażi ta' data ġdida u tal-kummenti mill-SCTEE. F’bosta każi (eż. in-nikil, iċ-ċomb, il-merkurju, in-nonilfenol u l-PAHs), ir-reviżjoni xjentifika wasslet għal SKA inqas stretti.

Dawn l-addattamenti għandhom iżidu r-rati kurrenti tal-konformità u jnaqqsu l-impatti ekonomiċi tal-proposta.

2.4. Il-benefiċċji tal-proposta

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt tħares ukoll lejn l-azzjonijiet proposti f’termini tal-benefiċċji tagħhom, kemm dawk eknomiċi diretti kif ukoll il-benefiċċċji tan-nuqqas ta' użu. Bħal ma jiġri f’valutazzjonijiet ta’ l-impatt oħra, mhuwiex verament possibbli f'dan l-istadju li jiġu kkwantifikati l-benefiċċji u li jiġu espressi bħal ċifra globali. Il-benefiċċji eknomiċi diretti jinkludu, per eżempju, tnaqqis ta’ l-ispejjeż għat-trattament ta’ l-ilma għax-xorb u inqas depożitar ta’ sediment ikkontaminat, fejn l-iffrankar ta’ l-ispejjeż jista’ potenzjalment jilħaq bejn EUR 100-400 miljun fis-sena. Madankollu, mhuwiex mistenni li l-proposta sejra tisfrutta dan il-potenzjal għal kollox, minħabba li xi trattament ta’ l-ilma għax xorb għat-tneħħija ta’ sustanzi prijoritarji tista’ tkun għadha meħtieġa wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-proposta.

Barra minn hekk, hemm gwadanni mistennija għas-settur tas-sajd u tal-frott tal-baħar u aktar opprtunitajiet għall-industriji li jipprovdu teknoloġiji nodfa. Għandu jkun hemm ukoll għadd ta’ benefiċċji ambjentali u soċjali bħall-ħarsien u t-titjib tal-bijodiversità, anqas esponiment għall-għawwiema u s-serfers, sedimenti aktar nodfa, u inqas akkumulazzjoni fil-katina alimentari, eż. mill-bhejjem u l-annimali tal-kaċċa li jixorbu mix-xmajjar u l-lagi.

Fl-aħħarnett, il-proposta għandha tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv. L-iSKA armonizzati jeħilsu lill-Istati Membri kollha milli joqogħdu jwettqu xogħol simili ta' tħejjija sabiex jaslu għal standards xjentifiċi sodi. Il-proposta wkoll tirrazzjonalizza u tissimplifika l-obbligi għall-monitoraġġ u r-rappurtar, partikolarment billi tirrevoka l-ħames Direttivi eżistenti.

3. AZZJONIJIET IMMIRATI FUQ SUSTANZI PRIJORITARJI F’OQSMA EżISTENTI TAL-POLITIKA

Kif imsemmi fuq, id-Direttiva proposta ma tinkludix miżuri addizzjonali għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet. Il-Kummissjoni tiqs illi diġà hemm sett sħiħ ta’ strumenti legali li l-Istati Membri jistgħu jużaw sabiex jilħqu l-għanijiet tad-DQI għas-sustanzi prijoritarji. Madankollu, sabiex ittejjeb aktar l-enfasi u l-effettività tal-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ l-UE għall-għanijiet tad-DQI, il-Kummissjoni tipproponi għadd ta’ azzjonijiet konkreti.

Azzjoni 1: Direttivi li jemendaw

Għadd ta' Direttivi se jgħaddu minn reviżjoni u jiġu emendati fil-perjodu 2006-2007, partikolarment id-Direttivi 96/61/KE u 91/414/KEE. Il-Kummissjoni biħsiebha tuża dawn ir-reviżjonijiet sabiex tara jekk l-istrumenti jistgħux isiru iktar effikaċi milli diġà huma fil-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis ikkawżat mis-sustanzi prijoritarji. Għad-Direttiva IPPC, dan kieku jinkludi, inter alia , referenza espliċita għal sustanzi prijoritarji fil-proċeduri ta’ l-għoti tal-permess. Għad-Direttiva dwar il-Pestiċidi, l-elementi li għandhom jissaħħu jinkludu, inter alia , il-kunsiderazzjoni tar-riksji għall-ambjent tal-baħar. Barra minn hekk, hemm għaddejjin sforzi sabiex jiġu żviluppati mudelli għall-esponimenti fuq il-livell tal-baċin tax-xmara sabiex jitqiesu riskji oħrajn, bħal dawk li jaffettwaw l-estrazzjoni ta’ l-ilma għax-xorb. Mudelli bħal dawn sejrin imbagħad jintużaw fil-ġejjieni waqt il-proċess ta’ l-evalwazzjoni tar-riskju.

Azzjoni 2: It-tisħiħ ta’ l-implimentazzjoni u l-infurzar

Fil-liġi Komunitarja eżistenti, hemm diġà li l-Istati Membri jistgħu jew jeħtiġilhom jikkontrollaw l-emissjonijiet, l-iskariki u t-telf ta' sustanzi prijoritarji, iżda b’xorti ħażina m’hemm l-ebda applikazzjoni komparabbli jew konsistenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Pereżempju, l-istandards tal-kwalità ambjentali setgħu u messhom ġew iffissati għas-sustanzi li jniġġsu skond id-Direttiva 76/464/KEE. Jekk dawn l-istandards ta’ kwalità jinqabżu regolarment, l-Istati Membri jistgħu jieħu firxa wiesgħa ta’ miżuri skond politika varja li tinkludi d-Direttiva 91/414/KEE (eż. reviżjoni ta’ l-awtorizzazzjoni) jew id-Direttiva 96/61/KE (eż. reviżjoni tal-permessi) skond ir-raġunijiet għala jkunu nqabżu. Filwaqt li r-restrizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċert sustanzi perikolużi ġew irregolati fuq il-livell Ewropew, u dan għandu jkompli sew fil-ġejjieni, l-Istati Membri jistgħu wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet stretti stipulati fit-Trattat, jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq u l-użu minħabba r-riskju għall-ambjent akkwatiku.[18]

Sabiex jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta’ l-UE, il-Kummissjoni se tistabbilixxi skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-kuntest ta’ l-Istrateġija Komuni għall-Implimentazzjoni tad-DQI sabiex jinqasmu l-informazzjoni u l-opinjonijiet dwar possibbiltajiet eżistenti, “stejjer ta’ suċċess” u “l-aħjar prattika”.

Azzjoni 3: It-twaqqif ta’ proċeduri biex l-Istati Membri jippreżentaw l-evidenza għall-azzjoni Komunitarja

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi proċeduri ċari u trasparenti sabiex tagħti qafas razzjonalizzat u mmirat sabiex l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni rilevanti dwar is-sustanzi prijoritarji għat-teħid tad-deċiżjonijiet Komunitarju. Proċeduri bħal dawn jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 12 tad-DQI u jispeċifikaw il-kalendarju, il-proċess u l-format għall-preżentazzjoni ta’ l-evidenza lill-kumitati rilevanti jew il-korpi taħt-teħid tad-deċiżjonijiet skond l-istrument ikkonċernat.

Azzjoni 4: It-titjib tad-disponibbiltà ta’ l-informazzjoni

Il-lakuna fl-għarfien li ssemmiet qabel se jkollha tingħalaq fis-snin li ġejjin. L-implimentazzjoni tar-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti[19] żgur sejjer ikun ta’ għajnuna. Flimkien ma’ l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet, l-iskariku u t-telf, il-Kummissjoni se tfittex li ssaħħaħ l-informazzjoni dwar is-sustanzi prijoritarji, partikolarment dwar il-kwalità ambjentali, ix-xejriet, u l-iskariki u l-mogħdijiet tat-tniġġis fl-ambjent akkwatiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, flimkien maż-ŻEE, iċ-ĊKR u l-ESTAT, diġà qiegħda tiżviluppa sistema komuni ta’ informazzjoni dwar l-ilma għall-Ewropa. (“Water Information System for Europe” (WISE))[20].

4. KONKLUżJONI

Id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma, flimkien mal-proposta kurrenti tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar standards tal-kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika dwar l-ilma, tistipula għanijiet ċari, ambizzjużi u sostenibbli għas-sustanzi prijoritarji fl-ilmijiet tal-wiċċ. Dawn l-għanijiet jimmiraw għal livell għoli ta’ ħarsien ta’ l-ambjent akkwatiku u tas-saħħa tal-bniedem fit-termini ta’ l-esponiment għal konċentrazzjonijiet ta’ dawn il-kimiċi fl-ilma. Barra minn hekk, itejbu l-possibbiltajiet ta’ tqabbil tal-kundizzjonijiet għall-industriji fis-suq intern.

Sabiex ikun żgurat l-aktar livell ta’ nfiq effikaċi u proporzjonat u tagħqida ta’ miżuri sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni temmen li lill-Istati Membri għandha titħallielhom l-akbar flessibbiltà, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għalhekk, ma tipproponix miżuri speċifiċi u addizzjonali fid-Direttiva tagħha, iżda minflok timmira lejn li tuża l-firxa wiesgħa ta’ strumenti Komunitarji eżistenti u ttejjeb l-effettività tagħhom kif spjegat f’din il-Komunikazzjoni.

Jekk tiġi applikata fis-sħuħija tagħha, il-leġiżlazzjoni eżistenti ta’ l-UE tipprovdi netwerk solidu ta’ politiki li jinteraġixxu sabiex tiġi indirizzata din il-problema multidimensjonali u kumplessa. Madankollu, aktar ma nkabbru l-għarfien tagħna dwar il-pressjonijiet, l-istatus u l-impatti ambjentali, sejrin inevitabbilment nidentifikaw oqsma fi ħdan dan in-netwerk komprensiv li jistgħu jittejbu, u nuqqasijiet li jistgħu jissewwew.

[1] Id-Direttiva 2000/60/KE tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L237, 22.12.2000, p. 1) kif emendata mid-Deċiżjoni 2455/2001/KE ta’ l-20 ta’ Novembru 2001 li tistabbilixxi l-lista ta' sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

[2] L-Artikolu 16 tad-DQI: 33 sustanza prijoritarja jew grupp ta’ sustanzi prijoritarji ntgħażlu fl-ewwel lista tas-sustanzi prijoritarji kif adottata fid-Deċiżjoni 2455/2001/KE (ara n-nota 1) Għal aktar tagħrif dwar il-metodoloġija u r-riżultati ta' kif ġiet stipulata l-prijorità, ara http://europa.eu.int/comm/environment/water/water-dangersub/pri_substances.htm

[3] COM(2006) 397finali

[4] Iddefiniti bħal s-sustanzi individwali li jiffurmaw parti minn gruppi u familji identifikati fil-punti 1 sa 9 ta’ l-Anness VIII tad-DQI.

[5] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40)

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (GU L 375, 31.12.1991, pg. 1)

[7] ĠU L 129, 18.5.1976, p. 23.

[8] Id-Direttivi 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/456/KEE, 84/491/KEE u 86/280/KEE (kif emendati mid-Direttiva 88/347/KEE u 90/415/KEE)

[9] COM(90) 9 finali tat-8.2.1990 (ISBN 92-77-57387-2).

[10] Id-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26).

[11] Ara COM(98) 76 finali (ĠU C 108, 7.4.1998, p. 94) li temenda COM(97) 614 finali (ĠU C 16, 20.1.1998, p. 14) u COM(97)49 finali (ĠU C 184, 17.6.1997, p. 20)

[12] europa.eu.int/comm/environment/water/water-framework/library.htm

[13] L-ostaklu ewlieni kien l-approċċ kunċettwali li kien imsejjes fuq żewġ għażliet: jew valuri limitu ta’ l-emissjonijiet jew inkella l-għan ambjentali. Id-DQI dwar l-ilma użat il-“metodu kombinat” li juża s-saħħa taż-żewġ approċċi. Barra minn hekk, kien hemm nuqqas ta' skadenzi ċari għall-implimentazzjoni u n-nuqqas ta' għatba minima għat-tniggis neġliġibbli. Fl-istess ħin, ma kienx ċar x’kien sewwasew is-sehem tar-responsabbiltà bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet setgħu ġew solvuti bi gwida dwar l-implimentazzjoni, li dak iż-żmien ma ngħatatx.

[14] Ara n-noti 1 u 2 f'qiegħ il-paġna.

[15] SEC(2006)947

[16] Pereżempju, id-deċiżjonijiet dwar it-tħallija barra ta’ ċerti pestiċidi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE (ara d-Deċiżjoni 2004/247/KE għas-simażin, 2004/248/KE għall-atrażin), jew Proposta għal Direttiva dwar l-iskart mill-industriji ta’ l-estrazzjoni (COM (2003) 319 finali) jew proposti għar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu skond id-Direttiva 76/769/KEE (eż. għall-eteru tal-pentaklorodifenil jew it-triklorobenżini) jew l-istrateġija għall-merkurju (COM (2005) 20 finali) jew ir-Regolament POP Nru (KEE) 850/2004.

[17] Il-Proposta REACH (COM(2003) 644 finali )

[18] Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/884/KE tal-31 ta’ Ottubru 2002 (ĠU L 308, 9.11.2002, p. 30).

[19] Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 (ĠU L 33, tas-04.02.2006, p. 1).

[20] Ara d-dokument kunċettwali dwar il-WISE fuq http://europa.eu.int/comm/environment/water/water-framework/transposition.html