52006DC0348




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.6.2006

KUMM(2006) 348 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LIR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA’ L-ISTATI MEMBRI LI JILTAQGĦU FI ĦDAN IL-KUNSILL

biex tagħti orjentazzjoni lill-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ, L-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' l-Afrika t'Isfel min-naħa l-oħra

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim ta’ Kummerċ, Żvilupp u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' l-Afrika t'Isfel, min-naħa l-oħra (FKŻK) ġie ffirmat f'Ottubru 1999 u ilu japplika b'mod proviżorju u parzjali mill-1 ta' Jannar 2000. Wara ratifika mill-partijiet kollha, il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

L-Artikolu 103 tat-TDCA jitlob reviżjoni fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ sabiex jindirizza l-implikazzjonijiet possibli ta’ arranġamenti oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-Ftehim. L-“arranġamenti l-oħrajn” li l-awturi tal-Ftehim kellhom f'moħħhom jinkludu bla dubju l-Ftehim ta’ Cotonou, li ġie rivedut. L-Artikolu 18 tad-TDCA jitlob għal aktar passi fil-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u għal reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kummerċ, b’mod partikolari, tad-dazji doganali applikabbli għal prodotti fil-“ waiting lists ” tat-TDCA, i.e. prodotti li għalihom ma hemmx stipulata liberalizzazzjoni tal-kummerċ jew inkella hija limitata. L-Artikolu 30 jitlob għal estensjoni tal-firxa tal-Ftehim għal-liberalizazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi.

L-Artikolu 97 (3) jipprevedi li l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha koperti mit-TDCA u l-Artikolu 106 (1) jagħti lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni s-setgħa li jiddeċiedi dwar l-emendi mressqa minn kwalunke Parti. Din id-dispożizzjoni għandha tintuża għar-reviżjoni proposta.

Matul l-2004 il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel għamlu reviżjoni tat-TDCA, li ffukat primarjament, iżda mhux b’mod esklussiv, fuq dawk it-taqsimiet tal-Ftehim li kienu qegħdin jiġu applikati b’mod proviżorju. Din ir-reviżjoni wasslet għall-adozzjoni mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tat-23 ta’ Novembru 2004 tal-“Konklużjonijiet Konġunti” li stabilixxew linji ta’ gwida ġenerali għar-reviżjoni tat-TDCA. Il-Konklużjonijiet Konġunti b’mod inter alia jitolbu għal djalogu politiku bejn il-partijiet biex “jinkludu skambji ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet politiċi aktar riċenti bħal Armi tal-Qerda tal-Massa, il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u l-Qorti Internazzjonali tal-Kriminalità”, u jirrakomandaw li“l-liberalizzazzjoni reċiproka tal-kummerċ għandha tkompli u possibilment titħaffef aktar, għandhom jitqiesu s-sensitivitajiet taż-żewġ naħat, id-dimensjoni reġjunali u l-iskeda taż-żmien għan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika fl-Afrika t' Isfel".

Fuq il-bażi ta’ dawn il-Konklużjonijiet Konġunti, l-istaff tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-AKP komplew jiddiskutu u jirfinaw il-firxa u l-għan għal reviżjoni tat-TDCA.

L-analiżi ġenerali ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet f’termini ta’ emendi fit-TDCA li għamel l-istaff tal-Kummissjoni hija li ma hemmx bżonn ta’ bidla sħiħa tal-ftehim. Iżda, il-Ftehim irid jiġi aġġornat biex jirrifletti d-dispożizzjonijiet il-ġodda politiċi u ta' sigurtà tal-Ftehim rivedut ta’ Cotonou, aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ, u aġġornatment tal-frażijiet f’ xi wħud mill-artikli dwar oqsma ta’ kooperazzjoni ekonomiċi u oħrajn.

Wara li nnegozjat ma’ l-awtoritajiet ta’ l-Afrika t’ Isfel, il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill test aktar iffinalizzat fil-forma ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni skond l-Artikolu 300 (2), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat tal-KE.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li l-Kunsill joħroġ l-orjentazzjonijiet mehmuża għar-reviżjoni tat-TDCA.

ORJENTAZZJONIJIET PROPOSTI GĦAR-REVIŻJONI TAT-TDCA

1. DAĦLA

Il-Ftehim ta’ Kummerċ, Żvilupp u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' l-Afrika t'Isfel, min-naħa l-oħra (FK¯K) ġie ffirmat f'Ottubru 1999 u applika b'mod proviżorju u parzjalimill-1 ta' Jannar 2000. Wara ratifika mill-partijiet kollha, il-Ftehim daħal fis-seħħfl-1 ta’ Mejju 2004.

L-Artikolu 103 tat-TDCA jitlob reviżjoni fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ sabiex jindirizza l-implikazzjonijiet possibli ta’ arranġamenti oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-Ftehim. L-arranġamenti l-oħrajn li l-awturi tal-Ftehim kellhom f'moħħhom jinkludu bla dubju l-Ftehim ta’ Cotonou, li ġie rivedut.

L-Artikolu 18 tad-TDCA jitlob għal aktar passi fil-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u għal reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kummerċ, B’mod partikolari tad-dazji doganali applikabbli għal prodotti fil-“ waiting lists ” tat-TDCA, i.e. prodotti li għalihom ma hemmx stipulata liberalizzazzjoni tal-kummerċ jew inkella din hija limitata. L-Artikolu 30.4 jiddikjara li l-għan ta’ ‘aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi’ għandu jkun suġġett għall-ewwel eżaminazzjoni mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni ta’ l-anqas ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

Din ir-reviżjoni tat-TDCA li għamlu l-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel matul l-2004 wasslet għall-adozzjoni mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tat-23 ta’ Novembru 2004 tal-“Konklużjonijiet Konġunti” li stabilixxew linji ta’ gwida ġenerali għar-reviżjoni tat-TDCA.

2. GĦAN TAR-REVIŻJONI PROPOSTA

Il-Ftehim ta’ Kummerċ, Żvilupp u Kooperazzjoni b'mod ġenerali għadu bażi tajba għal kooperazzjoni bejn il-partijiet firmatarji. F’dawn l-aħħar sitt snin l-ebda parti ma wriet intenzjoni li tagħmel bidliet fundamentali fit-test.

Kif implikat fl-Artikoli 18, 30 u 103 tal-Ftehim, l-għan tar-reviżjoni għandu jkun li tiġi eżaminata l-possibilità ta’ aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ, inkluż il-Ftehim Rivedut ta’ Cotonou, il-Qorti Internazzjonali tal-Kriminalità u l-ġlieda globali kontra t-Terroriżmu. Ir-reviżjoni hija wkoll opportunità biex issaħħaħ id-dimensjoni ambjentali tal-Ftehim, inkluż l-impatt ambjentali li jirriżulta mill-kummerċ imsaħħaħ tal-merkanzija, u biex tiġi aġġornata l-lingwa f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet.

3. KWISTJONIJIET INVOLUTI

Fid-dwal ta’ dan t’hawn fuq, il-Kummissjoni identifikat dawn il-kwistjonijiet li ġejjin biex jiġu kkunsidrati għall-emendi:

- Fil-Prijambolu, jeħtieġ li tiżdid referenza espliċita għall-Għanijiet ta’ l-Iżvilupp tal-Millennju.

- Fit-Titolu I, f’dak li għandu x’jaqsam mad-dimesjoni politika, il-Ftehim għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Kunsill dwar l-inklużjoni fil-ftehimiet internazzjonali tar-referenzi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Qorti Internazzjonali Kriminali, in-nonproliferazzjoni ta’ l-armi tal-qerda tal-massa u impenji internazzjonali oħrajn.

- Fit-Titolu II dwar il-kummerċ, u l-anness tiegħu, trid titqies aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ f'konformità ma' l-Artikolu 18. Barra minn hekk, ir-reżoluzzjonijiet ta’ kwistjonijiet pendenti jitolbu bidliet minuri.

- Fit-Titolu III, dwar il-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, ir-regoli ta’ l-oriġini, is-servizz fil-kummerċ u l-kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva reċiproka fil-kwistjonijiet doganali jridu jitqiesu.

- Fit-Titolu IV dwar il-kooperazzjoni ekonomika, kliem aġġornat irid jitqies għal kooperazzjoni fl-oqsma ta' l-enerġija, it-trasport, l-agrikultura u s-sanità u kwistjonijiet fitosanitarji.

- It-Titolu V dwar il-kooperazjoni fl-iżvilupp, xi dispożizzjonijiet dwar il-bżonn l-implimentazzjoni jridu jinġiebu f'konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-Kummissjoni.

- Fit-Titolu VI dwar il-kooperazzjoni f’oqsma oħra, kliem aġġornat jew ġdid irid ikun ikkunsidrat għal kooperazzjoni kulturali, għal kooperazzjoni dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ġustizzja, ħelsien u sigurtà u l-ġlieda kontra d-drogi, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata. Barra minn hekk, trid tiżdied dispożizzjoni dwar kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-emigrazzjoni.

- Fit-Titolu VIII, is-sistema ta’ soluzzjoni ta’ tilwim għandha tittejjeb fejn jidħol il-kummerċ u l-kwistjonijiet ta’ kummerċ, sabiex tiżdied l-effettività.

3.1. Għanijiet ta’ l-Iżvilupp tal-Millenju

Għan tal-bidla proposta

Li jiġi affermat l-impenn ta' l-imsieħba għal dawn l-għanijiet u tiġi żgurata koerenza mal-preambolu fil-Ftehim rivedut ta’ Cotonou.

Emendi Proposti

Tiżdied premessa dwar l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millenju.

Dispożizzjonijiet relevanti : Il-Preambolu.

3.2. Kwistjonijiet ta' sigurtà

Għan tal-bidla proposta

Biex tiġi żgurata l-koerenza ma’ l-impenji politiċi espressi mill-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza ta’ Sevilja, tal-21-22 ta’ Ġunju, 2002), kooperazzjoni biex jilqgħu għall-proliferazzjoni ta’ l-armi tal-qerda tal-massa (Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003) u appoġġ għall-Qorti Internazzjonali tal-Kriminalità (Pożizzjoni Komuni 2003/444/cfsp tas-16 ta' Ġunju 2003 u l-Konklużjonijiet tal-Presidenza ta' Tessalonika tad-19-20 ta’ Ġunju 2003). It-TDCA tinġieb f’konformità mal-Ftehim rivedut ta’ Cotonou.

Emendi Proposti

- impenn li jorbot legalment għal kooperazzjoni biex jilqa’ kontra l-proliferazzjoni ta’ l-armi tal-qerda tal-massa li tqies il-karta ta’ politika ta’ l-UE dwar il-klawżola tan-non-proliferazzjoni fir-relazzjonijiet ta’ l-UE mal-pajjiżi terzi;

- impenn li jorbot legalment għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

- referenza fil-preambolu għall-“impenn konġunt ta’ l-UE u l-imsieħba ta’ l-AKP għal ġustizzja internazzjonali u l-ġlieda kontra l-impunità” u għall-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Internazzjonal tal-Kriminalità, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2002 u impenn li jorbot legalment għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam;

- impenn li jorbot legalment għal kooperazzjoni fil-prevenzjoni ta’ l-attivitajiet merċenarji;

Dispożizzjonijiet relevanti : Preambolu; dispożizzjonijiet ġodda li se jiġu inklużi fit-Titolu I.

3.3. Id-djalogu politiku

Għan tal-bidla proposta

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 3 (nuqqas tat-twettiq) u 4 (djalogu politiku) tinġieb f'konformità mal-Ftehim rivedut ta' Cotonou.

Emendi Proposti

Fl-Artikolu 3(4), jiġi inkluż impenn għal djalogu politku sħiħ kif deskritt fl-Artikolu 4, qabel ma jittieħdu "miżuri xierqa". L-Artikolu 4 jinġieb f’aktar konformità mat-test rivedut ta' l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou.

Dispożizzjonijiet relevanti : L-Artikoli 3 u 4.

3.4. Aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Għan tal-bidla proposta

Jiġu inklużi dispożizzjonijiet ġodda għal aktar kummerċ liberalizzat reċiproku jew aċċellerazzjoni ta’ l-iskedi ta’ liberalizzazzjoni eżistenti fl-oqsma tal-merkanzija (dazji doganali applikabbli għal prodotti inklużi fil- 'waiting lists' ), id-dispożizzjonijiet innegozjati jitqisu skond in-negozjati u s-sensittivitajiet miż-żewġ naħat tal-KE-SADC EPA Tiġi żgurata l-koerenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma’ dawk innegozjati taħt in-negozjati tal-KE-SADC EPA.

Sfond/ Problema li wieħed irid isolvi

Iż-żewġ naħat skambjaw dokumenti ddettaljati dwar il-livelli ta’ ambizzjoni rispettivi tagħhom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-kummerċ li jridu jiġu riveduti. Dawn huma ta’ żewġ tipi:

- l-ewwel waħda timmira li ttejjeb it-TDCA f’oqsma fejn l-impenji diġà jeżistu (prinċipalment kummerċ fil-merkanzija). Din tkun ukoll opportunità biex isiru l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa fl-Annessi.

- it-tieni waħda timmira li testendi l-firxa tat-TDCA f’oqsma li attwalment mhux koperti jew biss parzjalment koperti bil-Ftehim u jista’ jinkludi l-impenji tad-WTO f’bosta oqsma ġodda regolatorji.

Emendi Proposti

Aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-merkanzija (reviżjoni ta’ prodotti esklużi u aċċelerazzjoni ta’ l-iskedi eżistenti ta’ liberalizzazzjoni li hemm fl-Artikoli 11 sa 15 u 17 kif ukoll l-Annessi relevanti). Impenji ġodda li jorbtu legalment dwar ir-reviżjoni tal-klawżola li tissalvagwardja (l-Artikolu 16 u 24-26).

Dispożizzjonijiet relevanti : Titolu II u Annessi I sa VII, b’mod partikolari l- Artikoli 11-15 u 17, kif ukoll l-Artikoli 16 u 24-26.

3.5. Kwistjonijiet relatati mal-kummerċ

Għan tal-bidla proposta

Jiġu nklużi impenji ta’ rbit ġdid u kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma relatati mal-kummerċ. Tiġi żgurata l-koerenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma’ dawk innegozjati taħt in-negozjati tal-KE-SADC EPA.

Sfond / Problema li wieħed irid isolvi

Dawn l-impenji se jkunu inċentiv għar-regoli bbażati fuq aċċess tas-suq fi ħdan ir-reġjun. Se jiżguraw trasparenza addizzjonali u prevedibilità għall-operaturi u l-infurzar tar-regoli fir-reġjun u żvilupp ikkonsolidat.

Emendi Proposti

Jinkludu impenji li jorbtu f’oqsma bħas-servizzi (Artikoli 29-30), investiment (Artikoli 32-34), u impenji ġodda fuq ix-xiri tal-Gvern (Artikolu 45).

Kooperazzjoni msaħħa u possibiliment impenji addizzjonali se jikkonċernaw oqsma bħal proprjetà intellettwali (Artikolu 46), kompetizzjoni (Artikoli 35-39), standardizzazzjoni u analiżi ta’ konformità u dwana (Artikoli 47-48). Dwar ir-regoli ta’ l-oriġini (Artikolu 28 u Protokoll 1), tista’ tintalab reviżjoni ta’ regoli ta' oriġini li huma speċifiċi għal prodott dwar numru limitat ta’ intestaturi tariffarji.

Dispożizzjonijiet relevanti : Titolu III u Protokoll 1.

3.6. Soluzzjoni ta’ tilwim dwar kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ

Għan tal-bidla proposta

Is-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim tinġieb f’konformità mal-prassi aktar riċenti tal-KE, sabiex tiżdied l-effettività tagħha.

Sfond / Problema li wieħed irid isolvi

Id-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni ta’ tilwim tat-TDCA irrapreżentat pass ‘il quddiem waqt in-negozjati, iżda ma jilħqux l-istandards tal-ftehimiet aktar riċenti. Taħt is-sistema attwali, jibqgħu l-possibilitajiet għal twaqqif proċedurali, u aspetti importanti ta’ konformità mhumiex irregolati.

Emendi Proposti

Jiġu żviluppati aktar ir-regoli dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim, fejn jidħol il-kummerċ u l-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, permezz ta’ Protokoll lit-TDCA li jkun jistipula fid-dettal il-prinċipji u l-proċeduri biex jissolva t-tilwim.

Dispożizzjonijiet relevanti: Artikolu 104.

3.7. Disposizzjonijiet dwar kooperazzjoni ekonomika

Għan tal-bidla proposta

Il-kliem ta' ċerti dispożizzjonijiet jinġiebu f'konformità mal-ħsieb attwali tal-politika ta' l-UE.

Sfond / Problema li wieħed irid isolvi

It-TDCA kien innegozjat fl-aħħar tad-disgħinijiet. F’xi wħud mill-materji l-politka tal-KE u l-ħsieb ġenerali żviluppaw aktar. Bosta mill-bidliet proposti huma minuri jew tekniċi u normalment ma jkollhomx bżonn emenda għall-Ftehim. Iżda peress li l-emendi huma meħtieġa f’taqsimiet oħra, din hija opportunità biex jiġu aġġornati xi dispożizzjonijiet. Hija proposta bidla aktar sostanzjali li tikkonċerna l-kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji, li rriżultaw li huma impediment importanti għal kummerċ u għalhekk għandhom bżonn kooperazzjoni msaħħa.

Emendi Proposti

L-emendi proposti jikkonċernaw materji sanitarji u fitosanitarji, enerġija, minjieri, trasport, kooperazzjoni postali u turiżmu. L-Artikolu 61 jitratta materji sanitarji u fito-sanitarji u b’kooperazzjoni dwar l-Agrikoltura. Il-proposta hija li l-Artikolu 61 jinqasam fi tnejn, b’lingwaġġ ambjentali aktar iebes għall-Artikolu 61 u bl-Artikolu 61A jitratta speċifikament il-kooperazzjoni f’materji sanitarji u fitosanitarji. Dwar it-trasport, ġie propost li l-Artikolu 59 jinqasam, bl-Artikolu 59A jitratta speċifikament il-kooperazzjoni dwar it-trasport marittimu. L-Artikolu 55 dwar “Soċjetà ta’ Informazzjoni – telekomunikazzjonijiet u teknoloġija ta’ l-informatika” għandu jiġi aġġornat biex jieħu f’kunsiderazzjoni inter alia l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji, is-sejbiet tas-Samit Dinji dwar is-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni u l-interkonnessjoni mal-KE u n-netwerks ta’ riċerka ta’ l-Afrika t’Isfel. Bidliet anqas importanti jikkonċernaw kooperazzjoni msaħħa fuq l-enerġija, b’mod partikolari fil-promozzjoni tal-politika ta’ enerġija effiċjenti u t-teknoloġiji kif ukoll teknoloġiji tal-faħam favur l-ambjent, kooperazzjoni postali, minjieri u turiżmu. Barra minn hekk, l-impatt ambjentali ta’ bosta minn dawn id-dispożizzjonijiet irid jiġi indirizzat.

Dispożizzjonijiet relevanti : l-Artikoli 56 sa 61.

3.8. Koperazzjoni Għall-Iżvilupp

Għan tal-bidla proposta

Xi dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni jridu jinġiebu f’konformità mar-Regolament Finanzjarju ġdid tal-Kunsill u mar-regolament propost għal kooperazzjoni ta’ l-iżvilupp[1] jew l-istrument ekwivalenti leġiżlattiv, la darba jiġi adottat.

Sfond / Problemi li jridu jiġu solvuti

It-TDCA fih xi dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li ġew issostitwiti mir-Regolament Finanzjarju tal-Komunità. Dawn de facto mhux applikati. Hemm każ għall-aġġustament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li r-regolament ġenerali finanzjarju japplika globalment.

Emendi Proposti

Reviżjoni tad-dispożizzjonijiet li ġew issostitwiti bir-Regolament Finanzjarju.

Dispożizzjonijiet relevanti : Titolu V.

3.9. Kooperazzjoni f'oqsma oħra

Għan tal-bidla proposta

Il-kliem ta' ċerti dispożizzjonijiet jinġiebu f'konformità mal-ħsieb attwali tal-politika ta' l-UE. Jissaħħu d-dispożizzjonijiet fuq kwistjonijiet bħal ġustizzja, ħelsien u sigurtà, ħasil tal-flus, drogi u emigrazzjoni.

Sfond/ Problem li wieħed irid isolvi

It-TDCA kien innegozjat fl-aħħar tad-disgħinijiet. F’xi wħud mill-kwistjonijiet il-politka tal-KE u l-ħsieb ġenerali żviluppaw aktar. Id-dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni kulturali tista’ tkun aġġornata fid-dawl ta' impenji multilaterali. Il-ġlieda kontra d-drogi u l-ħasil tal-flus huma trattati f’artikolu wieħed, li jirrifletti l-ħsieb ta' dak iż-żmien. Peress li ż-żewġ kwistjonijiet huma kkunsidrati li għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin iżda pjuttost separati, id-dispożizzjoni setgħet tinqasam l-aħjar f’żewġ artikoli distinti bi kliem aġġornat li għandu jinkludi wkoll l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Dispożizzjonijiet ġodda jridu jiġu miżjuda dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u dwar kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-emigrazzjoni. Kliem aktar iebes u aġġornat irid jiġi adottat għad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent. Jistgħu jitqiesupossibilitajiet riveduti għal kooperazzjoni msaħħa dwar l-ambjent, kwistjonijiet soċjali, informazzjoni, mezzi tax-xandir u awdjoviżivi, protezzjoni tad- data u saħħa.

Emendi Proposti

Tiġi inkluża referenza fl-Artikolu 85 tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità ta’ espressjonijiet kulturali, partikolarment bil-ħsieb għar-ratifika u l-implimentazzjoni tiegħu. Jinqasam l-Artikolu 90 fi tnejn, bl-Artikolu 90A jitratta dwar il-ħasil ta’ flus. Jiżdiedu dispożizzjonijiet ġodda dwar is-suġġett t'hawn fuq. Tiġi aġġornata d-diċitura ta’ l-Artikoli 84, 86 sa 89, 91 u 92.

Dispożizzjonijiet relevanti : Titolu VI, l-Artikoli 84 sa 92.

[1] COM(2004) 629 finali