52006DC0331




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.6.2006

KUMM(2006) 331 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Implimentazzjoni tal-Programm ta’ L-Aja: It-triq ’il quddiem

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Implimentazzjoni tal-Programm ta’ L-Aja: It-triq ’il quddiem (Test b’relevanza għall–EEA)

1. INTRODUZZJONI

"Il-Programm ta' L-Aja “Insaħħu l-Liberta, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea" kien adottat mill-Kunsill Ewropew f'Novembru 2004. Reġa' afferma l-importanza li l-Unjoni Ewropea bdiet tagħti sa mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere fl-1999 lill-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, meqjus fost l-ogħla prioritajiet ta' l-Unjoni – mhux għaliex biss hu wieħed mill-objettivi fundamentali ta' l-Unjoni, iżda wkoll, u fuq kollox, għaliex hu fil-qalba ta' l-interessi taċ-ċittadini ta' l-UE. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar “Aġenda taċ-Ċittadini għall-Ewropa” ta’ l-10 ta’ Mejju 2006 b’saħħa tafferma mill-ġdid din il-prijorità[1].

Sa minn tmiem l-2004, l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet ta’ l-UE ħadmu biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Programm skond il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottat f’Ġunju 2005.

F’Diċembru ta’ l-2004 il-Kunsill Ewropew stqarr li “ġaladarba l-Programm se jibqa ’ għaddej għal perjodu li fih it-Trattat Kostituzzjonali se jidħol fis-seħħ, reviżjoni ta' l-implimentazzjoni tiegħu hi meqjusa utili . Għal dan il-għan, stiednet lill-Kummissjoni biex tirraporta fl-2006 “ lill-Kunsill Ewropew dwar il-progress li sar u biex tipproponi żidiet lill-Programm ".

Fin-nuqqas tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat Kostituzzjonali, għad hemm il-bżonn li jitfassal l-ewwel eżami politiku tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ L-Aja u jkunu proposti l-aġġustamenti neċessarji. Il-Komunikazzjoni preżenti u l-Komunikazzjonijiet paralleli dwar "Insaħħu l-Liberta, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea: rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ L-Aja għas-sena 2005” (minn hawn ‘il quddiem “it-“Tabella tar-riżultati +”) u dwar “Il-Valutazzjoni tal-Politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja” jagħtu t-tweġiba għas-sejħa li saret mill-Kunsill Ewropew.

L-għan ta' dan il- pakkett komprensiv hu għalhekk mhux biex jidentifika prijoritajiet ġodda mqabbla ma' dawk stabbiliti mill-Programm ta' L-Aja iżda prinċipalment (1) biex jikkunsidra l-progress li sar, (2) biex jeżamina l-livell ta’ implimentazzjoni fuq il-livell ta' l-Unjoni Ewropea u nazzjonali u (3) biex jipproponi valutazzjoni profonda tar-riżultati.

Fuq dik il-bażi tal- prijoritajiet politiċi identifikati għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ L-Aja fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-10 Mejju 2005[2], il-Kummissjoni identifikat dawk l-oqsma li fir-rispett tagħhom temmen li hu neċessarju li ġġib ’ il quddiem l-aġenda politika ta ’ l-Unjoni fuq il-bażi tal-Programm ta' L-Aja.

Il-Kummissjoni tagħraf il-bżonn urġenti li ssib impetu ġdid fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja bħala parti minn aġenda għaċ-ċittadini ambizzjuża u mmexxija minn politika għaċ-ċittadini

Fil-preżentazzjoni ta’ dan il-pakkett ta’ miżuri, il-Kummissjoni tixtieq tistimula u tistruttura d-diskussjoni ma' l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet l-oħra matul il-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill (Lulju-Diċembru 2006) dwar

1. inizjattivi ġodda ta’ politika li tqis neċessarji (ara kapitlu 2), barra dawk li diġà qegħdin jiġu implimentati skond il-Programm ta’ L-Aja, u

2. kif mitlub mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2006[3], li jitfittxew modi possibbli biex jittejjeb it-tħaddim tal-politika tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja billi jintużaw il-possibbiltajiet provduti għal dan l-iskop fit-Trattati preżenti , mingħajr ma jinqabeż it-Trattat Kostituzzjonali (ara kapitlu 3).

Biex isir aktar progress fit-twaqqif ta’ qasam dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, hemm bżonn ta' aktar proċeduri ta' teħid ta' deċiżjoni effettivi u demokratiċi . Kif intwera permezz tat-“Tabella tar-riżultati +”, li għall-ewwel darba tagħti valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-leġizlazjzoni ta’ l-UE fuq livell nazzjonali, l-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi fuq il-livell ta’ l-UE iddum ħafna biex issir , u f’ċerti oqsma, ir-riżultati bilkemm jilħqu id-denominatur komuni l-aktar baxx u ma jissodisfawx l-objettivi inizjali.

2. IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM TA’ L-AJA: IMPETU ġDID BIEX JISSAħħAħ IL-QASAM TAL-LIBERTÀ, IS-SIGURTÀ, U L-ġUSTIZZJA

Eżami tal-bidu ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ L-Aja u l-Pjan t’Azzjoni tiegħu permezz tat-Tabella tar-riżultati +, ippreżentata fil-Komunikazzjoni parallela msemmija hawn fuq, tippermetti lill-Kummissjoni tidentifika dawk l-oqsma li għandhom bżonn l-attenzjoni fix-xogħol ta’ l-Unjoni u fejn hemm bżonn ta’ aktar sforzi.

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tagħmel dawn il-proposti li ġejjin għall-azzjoni u l-implimentazzjoni qabel ma jiskadi l-Programm ta' L-Aja (2009).

2.1. Id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza

Id-drittijiet fundamentali huma fil-qalba tal-valuri ta' l-Unjoni. Il-Kummissjoni se tiffoka l-azzjoni tagħha fuq ir-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali għall-poplu kollu u biex tiżviluppa l-kunċett ta’ ċittadinanza ta ’ l-UE .

Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tinvolvi numru ta’ drittijiet kruċjali, inklużi ċ-ċaqliq ħieles fl-Unjoni u l-protezzjoni diplomatika u konsulari .

L-attivitajiet li ġejjn huma previsti:

- Il-Kummissjoni tirċievi numru dejjem jikber ta' talbiet biex tittieħed azzjoni kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tissorvelja u tippromovi d-drittijiet fundamentali skond it-Trattat ta' l-Unjoni u l-Komunikazzjoni tagħha ta' l-2002 dwar l-Artikolu 7 TUE[4], li jattrezza lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni b'mezzi li jiżguraw li l-Istati Membri kollha jirrispettaw il-valuri komuni.

- Il-Kummissjoni se tagħti prijorità assoluta biex tiżgura l-implimentazzjoni korretta mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini ta' l-Unjoni li jivvjaġġaw lejn u jieħdu residenza liberalment fit-territorju ta' l-Istati Membri li daħlet fis-seħħ fit-30 t’April 2006.

- Huwa importanti li jkunu żviluppati għarfien dwar l-UE u standards komuni dwar kif ikunu protetti ċ-ċittadini ta’ l-UE li għandhom bżonn għajnuna f’pajjiż terz fejn pajjiżhom mhux rappreżentat. Il-Kummissjoni tixtieq li tikkontribwixxi għall- attivitajiet ta’ taħriġ b’riżq uffiċjali ta’ l-Istati Membri ta' l-UE. Din tista’ tinkludi appoġġ ta’ taħriġ f’materji relatati ma’ protezzjoni konsulari u diplomatika taċ-ċittadini ta’ l-UE.

- Bl-istess mod, bħalissa għaddejjin preparamenti għal azzjonijiet biex isiru kampanji ta’ komunikazzjoni u informazzjoni diretti lejn iċ-ċittadini ta’ l-UE.

- Il-linji ta’ gwida konsulari komuni aġġornati għall-missjonijiet ta’ l-UE-l-Istati Membri f’pajjiżi terzi jipprevedi għall-ewwel darba sehem ta’ appoġġ pragmatiku tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tipprovdi loġistika u impjegati fi kriżi konsulari[5]. Dan isaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ l-Istati Membri biex jaqdu liċ-ċittadini fi bżonn u se jkun żviluppat aktar. Rapport konġunt mis-Segretarju Ġenerali/Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni dwar ko-operazzjoni konsulari eqreb bejn l-Istati Membri ta’ l-UE, inklużi ċentri ta’ assistenza konsulari reċiproċi f’reġjuni pre-identifikati, hu previst fit-tieni nofs ta’ l-2006.

- Wara li tleħħnu talbiet mill-Istati Membri meta adottaw il-Programm ta’ L-Aja, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif tista’ tiżvilupp aktar l-ideat (1) dwar il-kreazzjoni ta' attivitajiet ta’ "Ewro-Konsulati" biex jinqasmu funzjonijiet konsulari komuni għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta’ l-UE, u (2) dwar it-twaqqif ta’ kodiċi konsulari Ewropew.

2.2. Żvilupp tat-tieni fażi ta’ l-ażil

Hemm bżonn ta’ ħafna xogħol fil-ftit snin li ġejjin biex titwaqqaf Sistema Komuni Ewropea ta ’ Ażil bi proċeduri effettivi, armonizzati li jirrispettaw it-tradizzjoni umanitarja ta’ l-Ewropa u l-obbligi internazzjonali ta' l-Unjoni.

L-attivitajiet li ġejjn huma previsti:

- Valutazzjoni tal-qafas leġizlattiv eżistenti . Sa tmien l-2006, il-Kummissjoni se tippreżenta l-valutazzjoni tar-Regolament ta' Dublinu u d-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta' Lqugħ, fil-waqt fl-2008 id-Direttiva dwar il-Kwalifika tkun valutata.

- Green paper dwar il-politika ta ’ ażil , segwita minn Pjan ta ’ Politika dwar il-Politika ta ’ Ażil fl-2007, tagħti dettalji tal-passi differenti tat-tieni fażi tat-tlestija tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil.

- Wara l-Komunikazjzoni adottata fi Frar din is-sena[6], se tittieħed aktar azzjoni fil-qasam tal- ko-operazzjoni prattika bejn l-amministrazjonijiet bil-ħsieb li tinkiseb konverġenza fis-sistemi ta' ażil ta’ l-Istati Membri, notevolment bil-ħolqien ta' database ta' informazzjoni dwar il-pajjiż ta' oriġini mifruxa fl-UE kollha.

2.3. Il-ġestjoni tal-migrazzjoni

Approċċ globali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni jimplika li politika dwar l-Immigrazzjoni Komuni li tindirizza s-sitwazzjoni tal-migranti legali fuq livell ta’ l-Unjoni tkun żviluppata f’linja parallela ma’ miżuri biex jindirizzaw b’mod aktar effettiv il-migrazzjoni illegali u tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin, partikularment tan-nisa u t-tfal.

L-attivitajiet li ġejjn huma previsti:

- Flimkien mal-pjan ta’ politika dwar il-migrazzjoni legali, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippreżenta proposti għal qafas ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill u erba ’ Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal tipi speċifiċi ta' ħaddiema migranti (ħaddiema b'sengħa kbira, ħaddiema staġjonali, trasferimenti intra-ażjendali u apprentisti mħarrġin).

- Wara ż-żieda fl-immigrazzjoni illegali mill-Afrika ta' Fuq li qed taffettwa, f'livell primarju, l-Italja, Spanja u Malta, il-Kummissjoni qiegħda tikko-ordina l-implimentazzjoni ma' l-Istati Membri, l-EUROPOL, FRONTEX u ċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka ta' l-azzjonijiet ta ’ prijorità identifikati mil-Laqgħa Informali tal-Kapijiet ta’ Stati u Gvernijiet ta' Hampton Court u l-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2005. Huwa ppjanat li jinħareġ rapport ta’ progress sa tmiem ta ’ l-2006 .

- Se tissaħħaħ aktar l-azzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni. Kwistjonijiet ta’ migrazzjoni għandhom ikunu bbażati fis-sod fir-relazzonijiet esterni ta’ l-Unjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, bħala parti minn approċċ globali dwar il-migrazzjoni. Partikularment, il- migrazzjoni u x-xogħol ta’ żvilupp jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-konnessjonijiet pożittivi bejniethom, billi jiffokaw b’mod partikulari fuq kwistjonijiet bħalma huma l-ħlas tal-migranti, is-sehem tad-diaspora, iċ-ċirkulazzjoni ta’ l-imħuħ u l-migrazzjoni ċirkulari kif ukoll kif jitnaqqas l-impatt tat-telf ta’ talent fuq il-pajjiżi ta’ oriġini.

- Il-Kummissjoni se tippreżenta f’Lulju ta’ din is-sena Komunikazzjni dwar l- immigrazzjoni illegali. It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka u l-iskambju ta’ l-informazzjoni bejn l-Istati Membri, inklużi r-regolarizzazzjonijiet ta' l-immigranti illegali, it-titjib tal-kontroll ta' l-aċċess għat-territorju u l-ġlieda kontra t-tħaddim ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jieħdu residenza illegalment se jkunu indirizzati bħala prijoritajiet.

- Politika sotenibbli ta’ migrazzjoni legali teħtieġ politika ta’ integrazzjoni ko-ordinata , imfasslin għal waqfiet qosra kif ukoll għal kwistjonijiet ta’ residenza fit-tul u problemi li jinqalgħu fit-tieni u t-tielet ġenerazzjonijiet. Wara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Settembru 2005 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2005, se titkompla l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ integrazzjoni.

2.4. Ġestjoni integrata ta’ fruntieri esterni u interoperabilità tas-sistemi ta’ informazzjoni

Żona li fiha n-nies tivvjaġġa liberalment titlob kontroll ta’ l-aċċess tat-territorju ta’ l-Unjoni, b’mezzi ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni għall-fruntieri esterni, politika komuni tal-visa u l-użu ġudizzjarju tat-teknoloġiji l-ġodda, inklużi identifikaturi bijometriċi.

L-attivitajiet li ġejjn huma previsti:

- Se tingħata konsiderazzjoni tas-sehem tal-FRONTEX fil-ko-ordinazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ kollegament fil-qasam tal-migrazzjoni bejn in-netwerks ta’ kollegament eżistenti f’pajjiżi terzi ta’ tluq u tranżitu.

- F’Lulju ta’ din is-sena l-Kummissjoni se tippreżenta Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-twaqqif, il-poteri u l-finanzjament tat-“Timijiet ta’ Reazzjonijiet Rapidi” ta’ esperti nazzjonali li, skond il-kompitu tal-FRONTEX, jipprovdu assistenza teknika u operattiva lill-Istati Membri fil-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni.

- Partikularment, l-użu tad- data bijometrika tagħmilha possibbli li tinġabar u tinħażen informazzjoni dwar id-dħul/il-ħruġ ta ’ ċittadini ta’ pajjiż terz fiż/miż- żona ta ’ Schengen. Il-Kummissjoni qiegħda tvara studju, li r-riżultati tiegħu se jkunu disponibbli f’Ġunju 2007, biex jeżamina l-vijabilità tas-sistema ta ’ informazzjoni tad-dħul u ħruġ ta ’ l-UE, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ “Programm ta’ Vjaġġatur ta’ Fiduċja” biex tagħmilha aktar faċli għal vjaġġaturi bona fide li jaqsmu l-fruntiera.

- L-idea li jitwaqqaf reġistru Ewropew għad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa lil ċittadini ta’ l-UE tista’ tkun mistħarrġa.

- Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar kif iġġib ’il quddiem l-proposti speċifiċi msemmija fil-Komunikazzjoni ta’ Novembru 2005 dwar l-effettività mtejba, interoperabilità msaħħa u sinerġiji bejn id- databases Ewropej. Fuq il-bażi ta’ dawn id-diskussjonijiet, se jkun ippreżentat pjan ta’ azzjoni fl-2007.

2.5. Segwitu tal-Programmi ta’ l-Għarfien Reċiproku (fi kwistjonijiet ċivili u kriminali)

Fil-qasam tal-liġi ċivili u kriminali, il-prinċipju ta’ l-għarfien reċiproku se jibqa’ jkun il-ġebla tax-xewka għall-politika ta’ l-Unjoni. L-għarfien reċiproku jserraħ ruħu fuq il-fiduċja reċiproka fis-sistemi legali u ġudizzjarji ta’ xulxin.

L-attivitajiet li ġejjn huma previsti:

- Wara l-Komunikazzjoni tagħha ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni għamlet proposti leġiżlattivi diversi biex issaħħaħ l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ l-għarfien reċiproku fi kwistjonijiet kriminali kemm fil-fażi ta’ qabel il-ġuri kif ukoll fil-proċess ta’ wara l-ġuri. Dawn l-inizjattivi varji għandhom issa ikunu adottati u implimentati rapidament. Il-fiduċja reċiproka għandha bżonn tissaħħaħ billi jkunu stabbiliti regoli fl-UE kollha dwar konflitti ta’ ġurisprudenza, garanziji proċedurali, il-preżunzjoni ta’ l-innoċenza u dwar standards minimi ta’ ġbir ta’ xhieda, fuq naħa, u b’azzjonijiet konkreti biex jittejbu t-taħriġ ġudizzjarju u l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja fuq l-oħra.

- Fl-2007 se jkun ippreżentat studju li jkopri l-problemi orizzontali li jinqalgħu fin-negozjati u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-għarfien reċiproku, u tan-nuqqasijiet fis-sistema preżenti ta’ ko-operazzjoni fi kwistjonijiet kriminali li jistgħu jkunu indirizzati bi strumenti ġodda.

- Fil-perijodu medju, se tinghata l-konsiderazzjoni lil proċess gradwali ta’ tisħiħ ta’ strumenti ta’ għarfien reċiproku uniċi ta’ mekkaniżmi kurrenti ta’ assistenza legali reċiproka, partikularment f’relazzjoni mal-kisba ta’ xhieda fil-qasam tal-liġi kriminali.

- It-twaqqif ta’ żona unika ta ’ ġustizzja fi kwistjonijiet ċivili hu essenzjali għan- negozju kif ukoll għaċ- ċittadini. Għandu jingħata impetu politiku ġdid lill-programm ta’ l-2000 dwar l-għarfien reċiproku fi kwistjonijiet ċivili biex ikun żgurat li l-momentum mibni sa mid-dħul fis-seħħ tat-trattat ta’ Amsterdam jinżamm u jwassal għat-tkomplija tal-programm previst fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ L-Aja. Partikularment il-Kummissjoni se tipproponi l-miżuri leġiżlattivi neċessarji biex titlesta t-tneħħija ta’ l- exequatur tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali, u se tippreżenta wkoll Green Papers fuq it-titjib ta' l-effiċjenza ta’ l-infurzar tad-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproponi strumenti diversi ġodda fil-qasam tal -liġi tal-familja li tikkonċerna ċittadini fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, bħalma huma suċċessjonijiet u drittijiet tal-proprjetà tal-koppji miżżewġa u mhux miżżewġa.

- It-tħaffif ta’ l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini hi sfida reali għal-konsolidament tal-qasam Ewropew tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se tipproponi li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill li toħloq Ix-Xibka Ġudizzjarja Ewropea fi kwistjonijiet ċivili biex tagħmilha eqreb taċ-ċittadini u l-prattikanti tal-liġi u ttejjeb aktar l-effiċjenza tagħha.

2.6. Aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex ikunu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata

L-informazzjoni meħtieġa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata għandha taqsam l-fruntieri interni ta’ l-UE mingħajr xkiel. L-ipproċessar ta’ l-informazzjoni relevanti fl-UE kollha mill-awtoritajiet kompetenti tappoġġa azzjoni fuq il-livell nazzjonali u ta’ l-Unjoni biex titjieb il-kapaċità ta’ l-UE b'mod sħiħ biex ikunu evitati u miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità serja.

Il-Programm ta’ L-Aja stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta leġiżlazzjoni sa tmiem l-2005 biex ikun implimentat il-“ prinċipju ta ’ disponibbiltà ”, biex ikun operattiv fl-1 ta’ Jannar 2008[7]. Il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill dwar il-prinċipju tad-disponibbiltà f’Ottubru 2005.

Skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għandha testendi ruħha għar- rekords kriminali. Is-sistema preżenti bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali ta’ l-1959 tippreżenta nuqqasijiet serji. Il-Kummissjoni diġà ppreżentat proposti leġiżlattivi li għandhom l-għan li jwaqqfu sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar rekords kriminali, li jtejbu l-ftehim reċiproku u tiffaċilita l-għarfien reċiproku ta’ kundanni eżistenti fl-UE. Se jingħata appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri biex iħaffu t-tqassim ta’ rekords kriminali nazzjonali.

Inizattivi ġodda probabbilment mhumiex neċessarji f’dan l-istadju. Hu ta’ importanza kbira li l-proposti leġiżlattivi eżistenti (u dawk li deħlin) ippreżentati mill-Kummissjoni jkunu adottati u implimentati malajr , bil-ħsieb li tkun żgurata applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta’ disponibbiltà u żvilupp effettiv u implimentazzjoni tas-sistema tar-rekords kriminali fl-UE kollha.

Il-Kummissjoni temmen bis-sħiħ li, flimkien mal-progress fl-iskambju ta’ l-informazzjoni, hu indispensabbli li timxi ‘l quddiem fil- protezzjoni tad- data fil-qasam tal-pulizija u l-ko-operazzjoni ġudizzjarja. Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-inizjattivi msemmija hawn fuq għandhom ikunu akkumpanjati minn leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad- data li torbot legalment, biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad- data personali fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha għan-nuqqas ta’ progress dwar il-proposta ppreżentat f’Ottubru 2005 u tikkonsidra li l-adozzjoni malajr tal-proposta tagħha mill-Kunsill hi indispensabbli.

2.7. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, inkluż il-futur ta’ l-Europol

It-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jibqgħu theddida kostanti fis-snin li ġejjin. L-Unjoni għandha tibqa’ partikularment viġilanti billi turi l-kapaċità unika li tmexxi ’l quddiem il-politika fuq livell Ewropew, billi jinbena l-għarfien u l-kuntatti mill-qrib ma’ l-imsieħba, u billi jkunu megħjuna l-Istati Membri u l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji fil-ġlieda tagħhom ta’ kuljum biex jiffaċċjaw din l-isfida.

Hekk kif il- ko-operazzjoni operattiva u l- fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri jikbru, il-Kummissjoni temmen li dan hu iż-żmien biex tkun żviluppata Strateġija ta’ Sigurtà Interna, li għandha tibbaża fuq ix-xogħol inter-istituzzjonali li għaddej fil-qasam tal-kontro-terroriżmu u l-protezzjoni ta’ l-infrastrutturi kritiċi.

L-attivitajiet li ġejjn huma previsti:

- Il-Kummissjoni se tippreżenta dalwaqt proposta għal programm dwar il- protezzjoni ta’ infrastruttura kritika, ibbażata fuq eżerċizzju estensiv ta' konsultazzjoni li daħlet fih sa mill-2005. Aktar tard din is-sena, wara r-riżultati preliminari ta’ studju dwar il-vijabilità ta’ xibka ta ’ informazzjoni ta ’ allarm dwar infrastruttura kritika , il-Kummissjoni se tissottometti proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar din il-kwistjoni.

- Il-Kummissjoni qiegħda tikkonsidra li temenda d-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill dwar it-Terroriżmu biex ittejjeb id-definizzjoni ta’ tixwix għal terroriżmu u li tagħmel punibbli ċ-ċirkolazzjoni ta’ l-għarfien espert tal-manifattura tal-bombi .

- Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ġġib ’il quddiem Komunikazzjoni dwar il-bijo-terroriżmu sa l-aħħar ta’ din is-sena.

2.7.1. Il-futur ta’ l-Europol

L- Europol qiegħda hemm biex ittejjeb l-effetttività u l-ko-operazzjoni ta’ l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata billi jitħaffef l-iskambju ta’ l-informazzjoni bejn l-Istati Membri u billi tiġbor u tanaliżża din l-informazzjoni. Il-valur miżjud ta’ l-Europol jibqa’ fil-kapaċità tagħha biex tappoġġa l-investigazzjonijiet billi tipprovdi analiżi ta’ kwalità għolja ta’ intelliġenza kriminali.

Il-Kummissjoni temmen li l-Europol għandha bżonn ta’ bażi legali aktar flessibbli , ġaladarba din se tiżgura li deċiżjonijiet politiċi meħuda biex itejbu t-tħaddim tagħha jistgħu jkunu implimentati mingħajr dewmien mhux xieraq. Se jkun ukoll neċessarju li jittejbu l-ħarsien u l-kontroll tal-Parlament Ewropew fuq l-attivitajiet ta’ l-Europol, sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kontabilità demokratika , fil-waqt li tkun żgurata l-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni u l-proċeduri operattivi.

L-attività li ġejja hija prevista:

- Il-Kummissjoni qiegħda tikkonsidra li tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex tieħu post il-Konvenzjoni eżistenti dwar l-Europol, bil-ħsieb li tittejjeb l-effiċjenza operattiva tagħha.

2.8. Perspettivi finanzjarji fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja

Waħda mill-pre-kondizzjonijiet essenzjali biex jinkisbu l-objettivi politiċi ffissati mill-Programm ta’ L-Aja hu li jqabbel dawn l-objettivi ma’ riżorsi finanzjarji adegwati . Il-ftehim reċenti dwar il-Perspettivi Finanzjarji rrikonoxxew dan il-bżonn billi pprovda aktar fondi lill-politika tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja. Fl-2007 il-Programmi ta’ Qafas finanzjarji l-ġodda se jkunu operattivi. Se jkollhom sehem strateġiku biex jassistu lill-Unjoni u lill-Istati Membri.

Appoġġ finanzjarju msaħħaħ mill-baġit tal-Komunità se jservi biex jappoġġa qsim ġust tar-responsabbiltajiet kollettivi f’qasam mingħajr fruntieri għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ażil, l-immigrazzjoni u l-ko-operazzjoni operattiva (partikularment viġilanza konġunta u titjiriet ta’ ritorn konġunti). Fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u biex jinżamm qasam tal-ġustizzja, il-fondi ta’ l-UE se jħaffu aktar l-emerġenza ta’ strateġiji komuni. L-Istati Membri huma mistiedna li jisfruttaw l-potenzjal żgurat mill-qafas finanzjarju l-ġdid billi jippreżentaw proposti ambizzjużi u preċiżi għal proġetti li juru l-valur miżjud ta’ l-azzjoni fuq livell ta’ l-UE.

2.9. Id-dimensjoni esterna tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja

F’Diċembru ta’ l-2005, il-Kunsill dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni laqa' l-ewwel Strateġija għal dimensjoni esterna tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja[8]. L- istrateġija ffissat serje ta’ prijoritajiet tematiċi kif ukoll mekkaniżmi li jagħtu riżultat. Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda fi proċess biex timplimenta l-elementi ewlenin ta’ l-istrateġija permezz, per eżempju, ta’ l-Ispazju Komuni Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja mar- Russja , il-pjan ta’ azzjoni rivedut ma’ l-Ukrajina kif ukoll l-Pjanijiet ta’ Azzjoni ta’ Viċinat Ewropew, u mhux l-anqas, permezz ta’ tisħiħ tal-ko-operazzjoni ma’ l-Istati Uniti.

Jinħtieġ iż-żmien biex isir progress fl- istat tad-dritt fil-ko-operazzjoni tagħna ma’ pajjiżi terzi . Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffokaw fuq l-implimentazzjoni aktar milli fuq it-tiġdid jew l-aġġornament ta’ l-istrateġija ta' l-UE. Il-prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi kienu ffissati b’mod ċar, u l-istrateġija għandha issa tkun applikata b ’ mod effettiv sabiex tagħti r-riżultati. Fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, il-progress jista’ jsir biss permezz ta’ kontribuzzjoni attiva kemm ta’ l-Istati Membri kif ukoll tal-Kummissjoni billi jaħdmu flimkien b’mod kunċertat. Il-preparazzjoni tad-dokumenti li jsejħu għall-azzjoni dwar il-Balkani Oċċidentali u dwar id-drogi mill-Afganistan, rispettivament, juru l-valur ta’ din l-operazzjoni. Ibbażat fuq xogħol li sar sa minn tard l-2005, il-Kummissjoni se tipprovdi rapport ta’ progress sa Diċembru 2006 li jiġbor fih l-applikazzjoni ta’ l-istrateġija. Strumenti oħrajn importanti fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja b’dimensjoni esterna huma ftehimiet dwar ri-ammissjoni u l-faċilitazzjoni tal-visa, s’issa konklużi b’suċċess ma’ pajjiżi sħab ewlenin ta’ l-UE, eżempju, mar-Russja. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem f’dan il-qasam.

2.10. Implimentazzjoni u valutazzjoni tal-politika tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja

Wara li kien kkunsidrat il- mandat mogħti lill-Kummissjoni mill-Programm ta’ L-Aja u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, is-sitwazzjoni frammentata tal-mekkaniżmi eżistenti ta’ monitoraġġ u valutazzjoni, u l-bżonn ta’ informazzjoni estensiva biex tkun trażmessa lill-imsieħba kollha dwar l-implimentazzjoni u r-riżultat tal-politika, il-Kummissjoni tikkonsidra li dan hu ż-żmien li jsir xogħol lejn it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta’ valutazzjoni koerenti u komprensiv tal-politika ta’ l-UE dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, fi spirtu ta’ sħubija ma’ l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet ta’ l-UE.

Dan il-mekkaniżmu, li se jinkludi l- monitoraġġ annwali ta ’ l-implimentazzjoni [9] u l- valutazzjoni tar-riżultati tal-politika, hu ppreżentat fil-Komunikazzjoni parallela dwar "Il-valutazzjoni tal-Politika ta' l-UE dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja”.

3. JITTEJJEB IL-PROċESS TAT-TEħID TAD-DEċIżJONI FIL-QASAM TAL-LIBERTÀ, IS-SIGURTÀ U L-ĠUSTIZZJA

3.1. Niffaċċaw id-diffikultajiet rikurrenti fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja

Il-politika tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja hi ta’ tħassib reali u relevanza għal sħabna ċ-ċittadini , kif intwera reċentement mid-dibattiti taħt il-Pjan D (għad-Demokrazija, id-djalogu u d-dibattitu) u msaħħaħ mill-istħarriġ ta’ l-opinjoni. Iċ-ċittadini Ewropej iridu li l-UE tkun aktar effettiva partikularment fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, iżda wkoll fil-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-kontroll tal-fruntieri esterni.

Minkejja dan l-interess qawwi, il-progress hu bil-mod u l-iżvilupp tal-politika tal- Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fuq il-livell ta’ l-UE qed tiffaċċja d-diffikultajiet rikurrenti li qed iwasslu għal ħafna xkiel. L-ewwel segwitu annwali għall-Programm ta’ L-Aja, ippreżentat f’Komunikazzjoni parallela, uriet li dawn id-diffikultajiet huma prinċipalment minħabba l-partikularità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni.

Deċiżjonijiet dwar ko-operazzjoni mal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali , partikularment, għad għandhom bżonn il-qbil unanimu ta’ l-Istati Membri kollha. Dawn il-kwistjonijiet huma trattati taħt qafas partikulari (Titlu VI TEU) li japplika l-metodu hekk imsejjaħ “tat-tielet kolonna", karatterizzat minn:

- strumenti leġiżlattivi speċifiċi (Pożizzjonijiet Komuni, Deċiżjonijiet ta’ Qafas, Deċiżjonijiet u Konvenzjonijiet) li jkomplu jikkumplikaw aktar l-implimentazzjoni tiegħu;

- poteri insuffiċjenti għall-Parlament Ewropew fil- proċess leġiżlattiv ;

- l-użu ta’ l- unanimità li ta’ sikwit twassal għal qbil fuq il-bażi tad-denominatur komuni l-aktar baxx;

- dritt maqsum ta’ inizjattiva ma’ kull wieħed mill-25 Stat Membru li ma tantx jiffavorixxi “dimensjoni Ewropea” vera, lanqas il-kontabilità u l-kwalità ta’ l-inizjattivi leġiżlattivi ta’ l-Istati Membri, li mhumiex sottomessi għal impatt ta’ eżami ex-ante ;

- sehem limitat tal-Qorti tal-Ġustizzja (esklużjoni tal-proċeduri ta’ ksur u sentenzi preliminari soġġetti għal għażla nazzjonali – konċess s’issa minn 14 mill-25 Stat Membru – possibbiltà li tillimita għall-ogħla ġurisdizzjonijiet nazzjonali);

- in-nuqqas ta' proċeduri formali ta’ ksur biex jiżguraw traspożizzjoni u implimentazzjoni xierqa.

Infatti, diskussjonijiet fil-Kunsill reċentement urew li qed tkun diffiċli l-mixja ‘l quddiem fl-UE f’oqsma bħalma huma l- għarfien reċiproku fi kwistjonijiet kriminali u l- ko-operazzjoni tal-pulizija .

F’Ġunju li għadda l-Kunsill dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni seta’ eventwalment jilħaq ftehim dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal mandat Ewropew ta’ ġbir ta’ provi biss wara negozjati estremament twal u fuq il-bażi tad-denominatur komuni l-aktar baxx, li mhux sodisfaċenti mhux biss għall-Kummissjoni iżda wkoll għall-ħafna Stati Membri u għandu impatt negattiv fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-għarfien reċiproku, li skond il-Programmi ta’ Tampere u ta’ L-Aja jirrappreżentaw il-ġebla tax-xewka tal-politika ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-ko-operazzjoni ġudizzjarja.

Ma sar l-ebda progress lanqas f’dawn l-aħħar tliet snin dwar l-istandards minimi bażiċi għad- drittijiet proċedurali applikabbli fl-UE kollha, bħalma huwa d-dritt għal interpretu meta wieħed ikun arrestat. Diskussjonijiet dwar test li jipprovdi definizzjoni u jikkundanna bl-istess mod fl-Ewropa kollha offiżi ta’ razziżmu u ksenofobija huma ugwalment totalment ibblokkati u ffriżati għal kważi sentejn, anke jekk kien hemm sinjali reċenti li dawn jistgħu jerġgħu jibdew.

Finalment, ma kienx hemm progress fid-diskussjonijiet dwar proposta tal-Kummissjoni intenzjonata li tawtorizza aktar investigazzjoni u prosekuzzjoni bejn il-fruntieri .

Xi wħud minn dawn id-diffikultajiet huma wkoll viżibbli għall-politika “komunitarizzata” tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja (Titlu IV TEC), fejn jibqgħu speċifiċitajiet dwar il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal sentenzi preliminari (artikolu 68 TEC) u fejn migrazzjoni legali u l-liġi tal-familja għadhom jiġu deċiżi b’unanimità. Dwar il- migrazzjoni legali , per eżempju, diskussjonijiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni ta' l-2001 għal Direttiva dwar dħul u residenza ta’ ċittadini minn pajjiż terz għal skopijiet ta’ xogħol ma kellhomx suċċess skond ir-regola ta’ l-unanimità. Il-Kummissjoni reċentement qajmet din il-kwistjoni permezz ta’ Green Paper u Pjan ta' Azzjoni li ppreżentat f’Diċembru ta’ l-2005, iżda hu diffiċli llum li ssir previżjoni fejn se jispiċċa dan id-dibattitu bl-applikazzjoni tar-regola ta’ l-unanimità f’dan il-qasam.

Dwar il-kompetenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja , hemm ir-riskju li kwistjonijiet ta’ importanza u sensitività kbira bħalma huwa l-aċċess għall-ġustizzja jew id-dritt ta’ l-ażil ma jgwadux mill-istess kontroll ġurisdizzjonali jew applikazzjoni uniformi fl-Ewropa kollha.

3.2. Is-soluzzjoni tad-diffikultajiet kurrenti: il-klawsoli li jgħaqqdu

Il-Kummissjoni temmen li ż-żmien ta’ l-ewwel reviżjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ L-Aja hu mument opportun biex tkun riattivata u stimulata l-konsiderazzjoni dwar kif jitfassal aħjar it-teħid tad-deċiżjoni fl-UE u tkun żgurata valutazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja. Dan hemm bżonn isir billi jsir l-aħjar użu tal-possibbiltajiet offerti mit-Trattati kurrenti.

Il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattati kurrenti jippermettu aktar effiċjenza u koerenza fl-oqsma fejn il- valur miżjud ta' l-azzjoni fuq livell ta’ l-UE hu rikonoxxut ampjament u mitlub espressament miċ-ċittadini tagħna li, kif kien konfermat reċentement mir-riżultati ta’ l-aħħar stħarriġ Eurobarometer , jitolbu għal aktar protezzjoni u sigurtà.

Barra minn hekk, kif intqal fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-10 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-użu massimu tat-Trattati kurrenti jistabbilixxu l-kondizzjonijiet neċessarji biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi fil-Programm ta’ L-Aja u jippermettu implimentazzjoni sħiħa. It-Trattati kurrenti jipprovdu l-possibbiltà biex jintrebħu d-diffikultajiet fil-kapitolu 3.1 bl-użu ta’ l-hekk imsejħa “il-klawsoli li jgħaqqdu” li hemm fl-Artikoli 42 TEU u 67(2), it-tieni inċiż, TEC.

L-Artikolu 42 TEU jipprovdi d-dritt ta' l-inizjattiva tal-Kummissjoni (jew ta' Stat Membru) biex jipproponi li azzjoni f'oqsma msemmija taħt l-Artikolu 29 TEU ( il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità permezz ta azzjonijiet fil-qasam tal-liġi ta l-infurzar u kwistjonijiet kriminali ) taqa’ taħt it-titlu IV TEC u hi suġġetta għall-istess qafas istituzzjonali bħall-politika l-oħra “komunitarizzata” tal-Libertà, is-Sigurà u l-Ġustizzja. Id-deċiżjoni dwar l-użu ta’ l-Artikolu 42 TEU hu suġġett għall- unanimità fil-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, u l-adozzjoni skond is-sistemi kostituzzjonali ta ’ l-Istati Membri ;

L-Artikolu 67 (2), it-tieni inċiż, TEC jippermetti lill-Kunsill, li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, li jiddeċiedi li l-migrazzjoni legali tkun regolata mill- proċedura tal-ko-deċiżjoni , li għalhekk ikun żgurat skrutinju demokratiku xieraq mill-Parlament Ewropew.

L-Artikolu 67 (2), it-tieni indenzjoni, TEC jeħtieġ lill-Kunsill, li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, li jadatta d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 68 KE relatati mal-poteri tal-Qorti tal-Ġustizzja; dan għandu jsir billi jkun deċiż li l- kompetenza tad-deċiżjoni preliminari tal- Qorti tal-Ġustizzja skond il-politika “komunitarizzata” tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja tkun konformi ma’ waħda provduta skond politika oħra tal-KE, li tiżgura sehem imsaħħaħ tal-Qorti tal-Ġustizzja[10].

Il-Kummissjoni temmen li l- klawsoli li jgħaqqdu jirrapreżentaw l-istrument xieraq f'idejn l-Unjoni u l-Istati Membri biex tintlaħaq il-mira ta’ tfassil aħjar ta’ teħid ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja.

Il-valur miżjud reali ta’ l-applikazzjoni tal-klawsoli li jgħaqqdu jkun li japplikaw il-metodu tal-“Komunità” fil-politika kollha f’dan il-qasam, li uriet li tiżgura aktar effiċjenza, aktar trasparenza, u aktar kontabilità. L-aħjar eżempju tal-benefiċċji tal-metodu tal-“Komunità” hi l-adozzjoni reċenti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar iż-żamma tad- data tal-komunikazzjoni, maqbula tliet xhur biss wara l-proposta tal-Kummissjoni.

Bl-applikazzjoni tal-metodu tal-“Komunità”, jinkisbu l-vantaġġi li ġejjin:

- Jiżdiedu l-effiċjenza, it-trasparenza u l-kontabilità tal-proċeduri leġiżlattivi;

- L-istrumenti leġiżlattivi tal-Komunità jkunu ġeneralizzati (Regolamenti, Direttivi, Deċiżjonijiet skond it-Trattati kurrenti);

- Ikun rikonoxxut il-poter leġiżlattiv tal-ko-deċiżjoni lir-rappreżentanti eletti demokratikament taċ-ċittadini ta’ l-UE permezz tal-Parlament Ewropew;

- Tkun garantita “dimensjoni Ewropea” tal-proposti leġiżlattivi permezz tad-dritt ta’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni u l-użu ta’ strumenti effettivi ta’ eżami ta’ impatt;

- Ikun preferut kemm il-konsenu kif ukoll il-kisbiet standard għoljin permezz tal- vot tal-maġġoranza kwalifikata ;

- Ikun żgurat djalogu ġudizzjarju xieraq mal-ġurisdizzjoni nazzjonali permezz ta’ mekkaniżmu ta’ deċiżjoni preliminari u l-monitoraġġ ta’ l-implimentazzoni mill-Istati Membri permezz tal-proċedura ta’ ksur .

Barra minn hekk, l-użu tal-klawsoli li jgħaqqdu għall-kwistjonijiet ta’ ko-operazjzoni mal-pulizija u ġudizzjarja jkun ċertament kritiku biex tkun indirizzata l-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-ewwel u t-tieni kolonna, li hi ‘l bogħod milli tkun ipotetika kif juru biċ-ċar deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (fil- kriminalità ambjentali u l-każijiet ta’ Rekord ta’ l-Isem tal-Passiġġier ). It-trattament ta’ dawn il-kwistjonijiet taħt qafas legali uniku se jwassal ċertament għal aktar ċertezza legali u effiċjenza.

L-Artikolu 42 tat-TEU, partikularment, jippermetti għal ċerta flessibilità notevolment f’termini ta’ definizzjoni tal-kondizzjonijiet relevanti tal-vot li jridu jkunu applikati fl-oqsma trasferiti għat-Titlu VI tat-TEU. Il-Kummissjoni temmen li għandhom ikunu varati r-riflessjoni u d-diskussjoni ma’ l-Istati Membri u ma’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-UE biex isir l-aħjar użu ta’ differenti offerti mill-Artikolu 42.

4. KONKLUżJONIJIET

Iċ-ċittadini Ewropej iħeġġu lill-UE biex tistabbilixxi l-miżuri neċessarji li jagħmlu l-Ewropa post sikur biex wieħed jgħix fih. L-unjoni għandha tirrispondi b'mod rapidu, tiggarantixxi fl-istess ħin li ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jeżerċitaw il-libertajiet individwali tagħhom.

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispondu flimkien għal din l-isfida għaliex it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata ma jirrispettawx fruntieri jew proċeduri. L-implimentazzjoni u l-iżvilupp aktar tal-Programm ta’ L-Aja hi mira komuni li jimponi teħid tad-deċiżjonijiet effettiv u prijoritajiet politiċi ċari.

L-identifikazzjoni tal-passi li jmiss biex nimxu 'l quddiem lejn l-integrazzjoni Ewropea fil-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjoni għandhom ikunu segwiti b’mod parallel. Il-Kummisjsoni temmen li din tirrapeżenta l-uniku mod sostenibbli ‘l quddiem f’dan il-qasam ta’ politika.

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb, abbażi ta’ l-eżami tagħha ta’ l-istat ta’ implimentazjzoni tal-Programm ta’ L-Aja, li tvara diskussjoni bi sħab ma’ istituzzjonijiet oħra ta’ l-UE u l-Istati Membri dwar kif iġġib ‘il quddiem l-aġenda politika biex tindirzza l-aspettazzjonijiet taċ-ċittadini ta’ l-UE u ttejjeb t-tħaddim tal-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja.

Fuq il-bażi tar- riżultat tar-riflessjoni u d-diskussjoni matul il-Presidendenza Finlandiża tal-Kunsill li ġejja dwar il-benefiċċji ta’ l-użu tat-Trattati kurrenti, il-Kummissjoni hi lesta li tieħu inizjattivi skond l-Artikolu 42 TEU u 67(2), it-tieni inċiż TCE[11].

[1] KUMM(2006) 211.

[2] Komunikazzjoni finali mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew: “Il-Programm ta’ L-Aja: L-għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin. Is-Sħubija għall-qawmien Ewropew fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja” - KUMM(2005) 184.

[3] Paragrafu 10 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2006: “Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Programm ta’ L-Aja, il-Kunsill Ewropew isejjaħ lill-Presdienza Finlandiża biex tesplora, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, il-possibbiltajiet biex jitijiebu t-teħid tad-deċiżjoni u l-azzjoni fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fuq il-bażi tat-trattati eżistenti.”

[4] KUMM(2003) 606.

[5] Rapport tal-Presidenza dwar “It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ emerġenza u rispons fi kriżi ta’ l-Unjoni”, adottat mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju ta’ l-2006.

[6] KUMM(2006) 67.

[7] Il-prinċipju tad-disponibbiltà, kif ipprovdut fil-Programm ta' L-Aja, itenni li informazzjoni għall-finijiet ta' l-infurzar tal-liġi meħtieġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru wieħed għandu, skond ċerti kondizzjonijiet, jsir disponibbli mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor.

[8] “Strateġija għal dimensjoni esterna tal-JHA: Libertà, sigurtà u ġustizzja globali”, imfassal fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - KUMM(2005) 491, 12.10.2005.

[9] Kif kien dettaljat fil-Komunikazzjoni dwar “It-Tisħiħ tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea: rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ L-Aja għas-sena 2005”, ippreżentat flimkien mal-Komunikazzjoni preżenti.

[10] Magħruf dan, minkejja li għadda il-perjodu tranżitorju fl-1 ta’ Mejju 2004, għandha ma bdietx taħdem biex tissodisfa l-obbligu tagħha biex tadatta d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 68 KE, il-Kummissjoni tindirizza lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien mal-komunikazzjoni preżenti, Komunikazzjoni speċifika dwar dak is-suġġett.

[11] Mingħajr ħsara għall-inizjattiva speċifika meħuda fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fin-nota tal-qiegħ 6 hawn fuq.