52006DC0246

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - It-titjib fil-konsultazzjoni dwar il-ġestjoni tas-sajd Komunitarju /* KUMM/2006/0246 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.5.2006

KUMM(2006) 246 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-titjib fil-konsultazzjoni dwar il-ġestjoni tas-sajd Komunitarju

WERREJ

1. L-introduzzjoni 3

2. Il-previżjoni u l-ġestjoni ta’ l-opportunitajiet ta’ Sajd 4

2.1. Il-metodi ta’ konsulenza u l-ħtiġijiet tad- data 4

2.2. Il-proċedura attwali 5

2.3. L-opinjonijiet tal-partijiet interessati 6

3. Ir-rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb is-sistema 7

3.1. Il-bidla fis-sena tas-sajd 7

3.2. Il-bidla fl-iskeda xjentifika tal-valutazzjonijiet ta’ l-istokkijiet 7

3.3. L-aspetti marbuta mal-pajjiżi terzi 8

3.4. Konsultazzjoni aktar bikrija mal-partijiet interessati ta’ l-UE dwar id-deċiżjonijiet tal-ġestjoni tas-sajd 8

3.5. Il-bidla fil-kalendarju tal-proposti u tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi 10

3.6. Is-separazzjoni tar-regolamenti dwar il-kwoti minn strumenti oħra ta’ ġestjoni 11

4. Konklużjoni: Kalendarju ġdid għad-dibattitu dwar il-ġestjoni tas-sajd 12

L-INTRODUZZJONI

Sabiex jiġi żgurat l-“involviment wiesa' ta’ dawk kollha li għandhom xi interess fl-istadji kollha tal-politika mill-konċepiment sa l-implimentazzjoni” (l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill 2371/2002), hemm il-ħtieġa li l-proċeduri attwali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet annwali dwar il-ġestjoni tas-sajd Komunitarju jinbidlu.

L-opportunitajiet ta' sajd li huma disponibbli għas-sajjieda tal-Komunità Ewropea normalment jiġu stabbiliti annwalment waqt laqgħa tal-Kunsill “Agrikoltura u Sajd” tard f’Diċembru. Ir-regolament adottat jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar tas-sena li ġejja, u jinkludi deċiżjonijiet li jiffissaw it-TACs u l-kwoti li huma disponibbli għall-Istati Membri, il-livelli permessi ta’ l-isforz ta’ sajd skond it-tip ta’ tagħmir u skond iż-żona, u wħud mill-miżuri tekniċi li jikkonċernaw it-tagħmir tas-sajd permess li għandu jintuża matul dik is-sena.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq proposta mill-Kummissjoni, kif inhu meħtieġ mit-Trattati. S’issa, il-Kummissjoni ħarġet il-proposta tagħha tard ħafna fis-sena sabiex tkun tista’ titqies l-informazzjoni xjentifika u teknika l-aktar reċenti. L-għażla ta’ dan iż-żmien jimplika li għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati huwa disponibbli żmien limitat ħafna.

L-istat battal ta’ ħafna stokkijiet tal-ħut reċentement ħtieġ miżuri ta’ konservazzjoni aktar wesgħin. It-tnaqqis fit-TAC biss kien insuffiċjenti, u kien neċessarju pakkett ta’ miżuri li jinkludi l-ġestjoni ta’ l-isforzi, il-miżuri tekniċi u d-dispożizzjonijiet ta’ kontroll u ta’ spezzjoni. Id-definizzjoni ta’ miżuri bħal dawn fit-terminu ta’ żmien qasir tal-proċess annwali tat-teħid tad-deċiżjonijiet li ġie deskritt aktar ’il fuq kienet diffiċli.

Fl-2005, il-Kummissjoni bdiet proċess ta’ konsultazzjoni informali mal-partijiet interessati u ma’ l-Istati Membri dwar metodi ta’ ħidma alternattivi għall-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd Komunitarju. Ħafna Stati Membri kienu lesti li jqisu bidliet, għalkemm il-parti l-kbira sabuha bi tqila li jimmodifikaw il-perjodu li għalih japplikaw it-TACs. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tesplora l-possibbiltajiet li jinkiseb parir xjentifiku għall-ġestjoni tas-sajd aktar kmieni fis-sena. Ħafna Stati Membri inkoraġġew lill-Kummissjoni biex tinvolvi ruħha f’diskussjonijiet bikrin ma’ Kunsilli Reġjonali Konsultattivi f’relazzjoni mad-deċiżjonijiet dwar l-opportunitajiet ta' sajd. Madankollu, uħud mill-Istati Membri qiesu li l-pressjoni taż-żmien li hija mibnija fis-sistema preżenti kienet ta’ għajnuna biex jintlaħqu d-deċiżjonijiet b’mod effiċjenti.

Il-Kummissjoni diġà ħadet passi biex tnaqqas l-akkumulazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd fi tmiem is-sena. Fl-2005, il-Kummissjoni ppreżentat proposta separata u aktar bikrija dwar it-TACs għall-istokkijiet fil-Baħar Baltiku. Matul is-sena kollha, ġew organizzati diskussjonijiet tekniċi ma’ l-Istati Membri bi preparazzjoni għad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni ta’ l-isforzi, l-iffissar tat-TACs u dwar kwistjonijiet relatati. F’regolament separat, diġà ġew iffissati t-TACs għall-ispeċjijiet tal-baħar fond għal kull sentejn.

Huwa neċessarju aktar titjib, partikolarment biex ikun hemm lok għal konsultazzjoni ta' siewi mal-partijiet interessati. Dan id-dokument jipproponi metodu ta’ ħidma ġdid għall-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet annwali tas-sajd u dwar il-kondizzjonijiet assoċjati fi ħdan il-Komunità. L-għan huwa li jittejjeb il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati kif ukoll biex jinkiseb koordinament aħjar bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-konsulenti xjentifiċi dwar l-għanijiet għal medda twil ta’ żmien tal-ġestjoni tas-sajd u dwar il-mezzi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, qabel il-preżentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni għall-ġestjoni annwali ta’ l-industriji tas-sajd. Iż-żmien magħżul għall-preżentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni wkoll għandu jinbidel, għall-inqas parti minnu.

Konsultazzjoni mtejba mal-partijiet interessati mhux ser taffettwa d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni. L-għan ta’ tali konsultazzjoni huwa biex tittejjeb il-bażi ta’ l-għarfien għall-proposta tal-Kummissjoni, u biex jinkiseb parir mill-partijiet interessati.

IL-PREVIżJONI U L-ġESTJONI TA’ L-OPPORTUNITAJIET TA’ SAJD

Il-metodi ta’ konsulenza u l-ħtiġijiet tad- data

Is-sistema ta’ konsulenza u ta’ ġestjoni għall-ġestjoni tas-sajd li tintuża b’mod ġenerali fil-Komunità kienet żviluppata fil-bidu tal-Politika Komuni tas-Sajd fl-ewwel parti tat-Tmeninijiet tas-seklu li għadda. F’dan iż-żmien ma kienx meqjus li l-istokkijiet tal-ħut kienu jinsabu f’riskju u t-tħassib prinċipali ma kienx daqstant li jiġi ġestit l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd daqskemm li tiġi mbassra l-qabda għal medda qasira ta’ żmien li setgħet tittieħed minn kull stokk ta’ ħut biex jiġu ffissati l-kwoti nazzjonali u l-ishma ta’ l-istabbiltà relattiva.

Il-forma ta’ parir “għażla tal-qabda” ( catch option ) għal medda qasira ta’ żmien li ġiet provduta minn korpi xjentifiċi bħall-ICES kienet tirrifletti din il-perċezzjoni u kienet ifformulata b’referenza għall-qabda maħsuba (assumed catch) li kellha tittieħed skond rati ta’ sajd mhux mibdula, sakemm id-daqs ta’ l-istokk ma jaqax taħt livell bijoloġiku minimu.

Bl-iżvilupp tal-metodu ta’ prekawzjoni fil-ġestjoni ta’ l-industriji tas-sajd wara l-adozzjoni tal-ftehim dwar stokkijiet komuni ( straddling ) tan-NU fl-1995, intalab parir b’referenza għall-akbar qabda li setgħet tittieħed mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-bijomassa tar-riproduzzjoni ta’ l-istokkijiet għal medda qasira ta’ żmien, jew mingħajr ma jiġu żviluppati rati ta’ mortalità tal-ħut li għandhom jikkawżaw riskju eċċessivament għoli għall-istokk ta’ riproduzzjoni għal medda itwal ta’ żmien. Fl-2002, il-Komunità inkorporat il-metodu ta’ prekawzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tal-metodu ta’ l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd fir-regolament ta’ qafas tagħha għall-Politika Komuni tas-Sajd. Barra minn dan, fl-2002, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha impenjaw irwieħhom li jżommu u jreġġgħu l-istokkijiet lura għal livelli li jistgħu jipproduċu rendimenti għoljin, kif inhu ddefinit fil-Pjan ta’ l-Implimentazzjoni tas-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li kien miftiehem f’Johannesburg fl-2002.

Il-proċedura attwali

It-tradizzjoni Komunitarja tal-ġestjoni tas-sajd, ibbażata fuq metodoloġija ta’ tbassir għal medda qasira ta’ żmien, involontarjament għamlet it-teħid tad-deċiżjonijiet aktar diffiċli.

L-ewwelnett, minħabba li d-deċiżjonijiet huma ffokati fuq medda qasira ta’ żmien aktar milli fuq medda twila ta’ żmien, dan fixkel id-diskussjoni xierqa ta’ ġestjoni għal medda twila ta’ żmien. Dan ġie rikonoxxut fil-proċess ta’ riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd li rriżulta fil-ħolqien ta’ bażi ġuridika għall-ġestjoni għal medda twila ta’ żmien[1].

It-tieni, ħolqot ħtieġa li t-tbassir għal medda qasira ta’ żmien ikun kemm jista’ jkun preċiż. Dan fisser li l-valutazzjonijiet xjentifiċi jkollhom jiġu ttardjati sa aktar tard fis-sena sabiex fil-proċess ta’ tbassir tkun tista’ tintuża l-aktar informazzjoni reċenti mis-servejs.

It-tielet, rati ġeneralment għoljin ta’ sajd wasslu għal sitwazzjoni, partikolarment fis-sajd demersali, fejn parti kbira mill-qabdiet li jittieħdu fi kwalunkwe sena jkunu magħmula minn ħut żgħir li ma kienx disponibbli għas-sajd fis-sena preċedenti. Dan irrinforza l-ħtieġa għall-użu ta’ servejs ta’ “l-aħħar minuta” għall-iskopijiet ta’ tbassir tal-qabda.

Ir-raba’, għal numru ta’ stokkijiet importanti (eż, l-istokkijiet tal-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Kattegat, fil-Baħar Irlandiż, fil-Baħar Baltiku, tal-barbun tat-tbajja’ fis-Skagerrak u fil-Kattegat, tal- haddock tal-Baħar tat-Tramuntana, ta’ l-inċova tal-Golf ta’ Biscay), parti żgħira biss mill-istokk tal-ħut tibqa’ ħajja minn sena għall-oħra. Dan għandu l-potenzjal li jikkawża instabbiltà fl-opportunitajiet ta’ sajd minħabba li l-livelli ta’ żieda jistgħu jinbidlu sostanzjalment bejn is-snin. Pereżempju, it-TAC għall- haddock tal-Baħar tat-Tramuntana ġie mmodifikat b’medja ta’ 32% kull sena fil-perjodu 1988-2005. Huwa diffiċli li jiġu ġestiti varjazzjonijiet kbar fl-opportunitajiet ta’ sajd, kemm f’termini ta’ suq għall-ħut u kemm minħabba l-impjiegi tas-sajjieda.

Dan il-kumpless ta’ problemi wassal għal programm ikkompressat għall-analiżi xjentifika u għad-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni għall-parti l-kbira ta’ l-istokkijiet tal-ħut demersali:

- f’Settembru jiġu kkompletati l-aħħar servejs u d- data tiġi analizzata abbord il-bastimenti ta’ riċerka;

- kmieni f’Ottubru jiġu kkompletati l-valutazzjonijiet xjentifiċi u r-riżultati jiġu ppreżentati lill-Kumitat Konsultattiv għall-Ġestjoni tas-Sajd tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni ta’ l-Ibħra (ICES);

- tard f’Ottubru jinħareġ il-parir mill-ICES lill-klijenti tiegħu, il-Komunità Ewropea, in-Norveġja, l-Iżlanda, in-NEAFC u oħrajn;

- f’Novembru l-Kummissjoni tanalizza l-parir xjentifiku, tikkonsulta wkoll mal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u mal-partijiet interessati, u jsiru n-negozjati man-Norveġja u ma’ l-Istati kostali l-oħra dwar l-istokkijiet li huma ġestiti b’mod konġunt;

- kmieni f’Diċembru l-Kummissjoni tadotta l-proposta tagħha għar-Regolament dwar l-opportunitajiet ta’ sajd u dan jiġi diskuss mill-Istati Membri, mill-Kumitati Reġjonali Konsultattivi u mill-partijiet interessati;

- f’nofs Diċembru r-Regolament jiġi adottat mill-Kunsill.

Matul l-2004 u l-2005 l-Kummissjoni bdiet diskussjoni bikrija (mill-bidu tas-sena) ma’ l-Istati Membri u mal-partijiet interessati dwar numru ta’ kwistjonijiet tekniċi fir-Regolament dwar l-opportunitajiet ta' sajd. F’dawn il-laqgħat ta’ “antiċipazzjoni” ( front-loading ) ġew indirizzati fid-dettall kwistjonijiet bħall-miżuri tekniċi, l-arranġamenti għall-ġestjoni ta’ l-isforzi u ż-żoni magħluqa. Dan il-proċess iffaċilita t-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet tekniċi fl-2005, speċjalment dwar l-implimentazzjoni tal-ġestjoni ta’ l-isforzi ta' sajd.

L-opinjonijiet tal-partijiet interessati

Il-Kumitat Reġjonali Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana ġie kkonsultat dwar is-suġġett li jiġi modifikat il-kalendarju annwali għat-teħid tad-deċiżjonijiet. It-tħassib prinċipali tagħhom kien li għandu jiġi ddedikat żmien addizzjonali biex jitqiesu l-kondizzjonijiet li fihom jistgħu jittieħdu t-TACs, speċjalment il-miżuri tekniċi tranżitorji u s-sistemi ta’ ġestjoni ta’ l-isforzi.

Il-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura qal li huwa lest li jqis bidla fiż-żmien magħżul tar-regolamenti ta’ l-opportunitajiet ta' sajd sakemm kwalunkwe bidla ssir b’mod progressiv. L-ACFA kienet pożittiva biex jiġu implimentati strateġiji għal medda medja ta’ żmien (partikolarment, li jinkludu limitu ta’ 15% fuq il-varjazzjonijiet tat-TAC) b’involviment akbar min-naħa tal-partijiet interessati, u għal uħud mill-istokkijiet il-parir xjentifiku jista’ jintalab inqas ta’ spiss u t-TACs jiġu ffissati għal perjodu itwal (dan diġà sar għall-awwista tan-Norveġja u għall-ispeċijiet tal-baħar fond). Bħall-KRK tal-Baħar tat-Tramuntana, l-akbar tħassib ta’ l-ACFA kien li jiġi żgurat aktar żmien għad-diskussjonijiet dwar il-kondizzjonijiet komplementari għat-teħid tat-TACs, bħalma huma l-miżuri tekniċi u d-dettalji ta’ l-implimentazzjoni tal-ġestjoni ta’ l-isforzi. L-ACFA ma sostnietx il-qsim tal-pakkett tat-TACs u tal-kwoti f’elementi separati u kienet tal-fehma li soluzzjoni ta’ pakkett ta’ l-aħħar tas-sena għandha tibqa’ inevitabbli.

L-ACFA kien lest iqis għażla bbażata fuq bidla fiż-żmien magħżul tas-sena tas-sajd li tkun tibda (pereżempju) fl-1 ta’ April minflok fl-1 ta’ Jannar, imma qabel mal-Kummissjoni li dan ikun possibbli biss jekk l-Istati kostali l-oħra jaqblu ma’ dan iż-żmien modifikat.

IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET BIEX TITTEJJEB IS-SISTEMA

Il-bidla fis-sena tas-sajd

It-TACs bħalissa jiġu deċiżi għal sena kalendarja mill-1 ta’ Jannar, kemm fl-UE u kemm fil-pajjiżi terzi ġirien. Jista’ jkun possibbli li jiġi modifikat dan il-perjodu ta’ ġestjoni biex ikun ta’ tnax-il xahar minn data differenti. Dan jista’ jkollu xi vantaġġi għal stokkijiet speċifiċi fejn l-istaġun tas-sajd m’għandux waqfa naturali fl-aħħar tas-sena kalendarja. Madankollu, il-varjazzjonijiet staġjonali ta’ l-industriji tas-sajd differenti huma tant differenti li filwaqt li dan jista’ jtaffi wħud mill-problemi taż-żmien magħżul f’uħud mill-industriji tas-sajd, jista’ jintroduċi problemi ġodda f’industriji tas-sajd oħrajn. Jista’ jkun li jeħtiġilna naraw jekk sabiex ikollna rendiment totali reali għandniex ħtieġa li tiġi adottata sena tas-sajd differenti għal stokkijiet differenti. Dan għandu jġib miegħu spejjeż amministrattivi sinifikanti. Kollox ma’ kollox, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jekk soluzzjonijiet alternattivi għandhom jagħtu riżultat ekwivalenti, għandna nevitaw li nsegwu din l-għażla għal medda qasira ta’ żmien.

Il-bidla fl-iskeda xjentifika tal-valutazzjonijiet ta’ l-istokkijiet

Bħalissa il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd qed jagħti parir xjentifiku lill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet u ta’ parir mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni ta’ l-Ibħra. Il-pariri jiġu provduti f’żewġ żminijiet differenti:

- f’Ġunju għall-ispeċijiet tal-baħar fond, għall-istokkijiet fil-Baħar Baltiku u għal diversi stokkijiet ta’ aringi u sardin;

- f’Ottubru għall-kavalli, għall-awwista tan-Norveġja, u għall-parti l-kbira tal-ħut ċatt u u tal-ħut tond demersali.

Il-Kummissjoni bdiet tiddiskuti ma’ l-ICES u ma’ l-iSTECF x’ambitu jeżisti biex jingħata parir għal aktar stokkijiet f’Ġunju pjuttost milli f’Ottubru. Għandu jkun meħtieġ li jiġi żgurat li l-parir għall-istokkijiet li jinqabdu flimkien f’żoni tas-sajd imħallta jingħata fl-istess żmien sabiex tkun żgurata l-konsistenza. Huwa wkoll rikonoxxut li l-għoti ta’ parir aktar bikri f’uħud mill-każi ser jirriżulta fi tbassir inqas preċiż, imma dan jista’ jkun konsegwenza aċċettabbli. Il-Kummissjoni staqsiet ukoll jekk jistax jingħata parir kemmxejn aktar kmieni fis-sena, mill-2007.

L-ICES qed jagħmel evalwazzjoni dettaljata ta’ l-għażliet għall-modifika taż-żmien magħżul tal-valutazzjonijiet u tal-parir biex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet tal-Kummissjoni. Din l-evalwazzjoni ser tinkludi kwistjonijiet bħal: l-implikazzjonijiet ta’ kwalunkwe bidla fir-rigward tat-telf tal-preċiżjoni għad-diversi stokkijiet meta l-parir jingħata aktar kmieni għall-valutazzjonijiet u għall-ġestjoni ta’ ħafna snin; prodotti b’konsulenza aktar strateġika; protokolli għal aġġornamenti mhux skedati ta’ valutazzjonijiet u/jew pariri meta l-informazzjoni l-ġdida tindika li dan huwa meħtieġ; u d-disponibbilità tal-forza tax-xogħol xjentifika biex tittratta proċessi ta’ valutazzjoni u ta’ konsulenza f’perjodu ta’ żmien aktar ikkompressat. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni ser tikkonkludi xi ftehimiet ma’ l-ICES għal proċess konsultattiv rivedut mill-2007.

Rigward il-parir mogħti fl-2006, l-ICES ser tqis l-għażliet għal proċess temporanju biex jingħataw il-pariri, ibbażat fuq l-aktar valutazzjonijiet reċenti u l-parir ta’ l-ACFM, li jippermetti rfinar jekk l-informazzjoni l-ġdida titqies importanti biżżejjed biex sostanzjalment tbiddel il-parir. Fl-2006 limitazzjoni importanti hija dik li l-kontributuri tad- data u tal-kompetenza għax-xogħol ta’ l-ICES, l-istituti nazzjonali ta’ riċerka fis-sajd, ippjanaw l-użu tagħhom tar-riżorsi ferm bil-quddiem u għalhekk huwa diffiċli li jkun hemm provvista tad-data jew skedar mill-ġdid tal-laqgħat aktar bikrija.

L-aspetti marbuta mal-pajjiżi terzi

Bħalissa, l-arranġamenti ta’ ġestjoni għall-istokkijiet li qed jiġu ġestiti b’mod konġunt man-Norveġja (il-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana, il-barbun tat-tbajja’, il-pollakkju, l-aringa u l-merlangu), li normalment jiġu ġestiti ma’ Stati kostali oħra (l-istokkafixx, l-aringa Atlanto-skandinava, il-kavalli) u l-miżuri adottati fin-NEAFC (l-ispeċijiet tal-baħar fond, il-kavalli, ir- redfish ) jiġu deċiżi f’Novembru. Hija tradizzjoni li jiġi żviluppat pakkett ta’ miżuri li jkopri l-arranġamenti ta’ ġestjoni bħalma huma t-TACs, il-miżuri tekniċi, il-miżuri ta’ kontroll, u t-trasferimenti sabiex jiġu żgurati kemm il-konsistenza bijoloġika kif ukoll il-bilanċ politiku.

Il-Kummissjoni ser tibda d-diskussjonijiet ma’ l-Istati kostali l-oħra dwar iċ-ċaqliq ta’ wħud minn dawn id-deċiżjonijiet għal aktar kmieni matul is-sena. Għalkemm uħud minn dawn id-deċiżjonijiet konġunti jiddependu mill-provvista ta’ l-aktar informazzjoni xjentifika aġġornata, oħrajn mhumiex daqshekk dipendenti u jista’ jeżisti ambitu għal bidla.

Konsultazzjoni aktar bikrija mal-partijiet interessati ta’ l-UE dwar id-deċiżjonijiet tal-ġestjoni tas-sajd

Id-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni jistgħu jiġu ppreparati aħjar u l-konsultazzjonijiet isiru b’mod aktar wiesa’ milli fil-preżent. Għalkemm l-istima ta’ l-abbundanza taż-żieda tal-ħut ser tkun disponibbli biss tard matul is-sena, ċerti karatteristiċi ġenerali ta’ l-industriji tas-sajd ser ikunu magħrufa bil-quddiem, bħalma huma l-mortalità tal-ħut u l-isforz ta’ sajd f’relazzjoni mal-limiti ta’ prekawzjoni, mad-domandi tas-suq mis-settur, u ma’ l-interazzjonijiet ma’ speċijiet oħra fis-sajd. Il-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ġestjoni tista’ tittejjeb permezz tal-proposta mill-Kummissjoni ta’ “regoli dwar il-qabdiet” li ser jiddeterminaw id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu dwar it-TAC. Tali regoli dwar il-qabdiet, li diġà ġew adottati mill-Kunsill fi pjanijiet ta’ rkupru u fi pjanijiet ta’ ġestjoni għal stokkijiet individwali, jistgħu jinkludu, pereżempju:

- li jiġu stabbiliti regoli dwar il-varjazzjoni interannwali tat-TAC;

- li jiġu stabbiliti regoli dwar it-tnaqqis tar-rata tal-mortalità tal-ħut għal livell sostenibbli;

- l-aġġustament ta’ l-isforz ta’ sajd (ġranet fuq il-baħar) skond ir-rati ta’ mortalità tal-ħut (il-proporzjon tal-ħut fil-baħar li jinqabdu matul is-sena).

Fil-prinċipju, metodu ta’ ġestjoni tar-“regola dwar il-qabdiet” jista’ jiġi estiż għall-istokkijiet kollha taħt il-ġestjoni Komunitarja tas-sajd. Dan ikollu l-vantaġġ li jħalli aktar żmien għal diskussjoni ta’ l-għanijiet u tal-mezzi biex dawn jintlaħqu. Filwaqt li l-istimi xjentifiċi tal-kwantitajiet preċiżi ta’ ħut involut għadhom qed jiġu rfinuti fi ħdan l-ICES u l-iSTECF, tista’ tiġi organizzata diskussjoni dwar il-prinċipji ta’ ġestjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Idealment, tali regoli dwar il-qabdiet għandhom jiġu adottati bħala parti mir-Regolamenti tal-Kunsill dwar is-sajd u l-istokkijiet ta’ ħut prinċipali, u għandhom ikunu aġġornati relattivament b’mod mhux frekwenti. Madankollu, għal medda qasira ta’ żmien huwa meħtieġ li l-Komunità tiddiskuti l-proċeduri xierqa biex tkun iffissata t-TAC għal dawk l-istokkijiet fejn ma jeżisti l-ebda pjan miftiehem għal medda twila ta’ żmien.

Dan jista’ jsir kif ġej:

Bħala l-ewwel pass, f’April, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta dikjarazzjoni ta’ politika li tikkonċerna l-intenzjonijiet tagħha għall-iffissar tat-TACs fis-sena ta’ wara. Dan għandu jippreżenta l-istrateġija u l-ipoteżijiet ta’ ħidma għall-ġestjoni tal-Kummissjoni, ibbażati fuq it-tendenzi fundamentali tal-parir xjentifiku l-aktar reċenti (jiġifieri dak li ġie ppreżentat fis-sena preċedenti). Għandu jippreżenta l-elementi ta’ metodu ġeneriku, bħal, pereżempju:

(a) impenn biex gradwalment l-istokkijiet jiġu żviluppati għal-livelli l-aktar xierqa sabiex jiġi żgurat l-isfruttament sostenibbli tagħhom filwaqt li jiġu provduti rendimenti għolja;

(b) TACs u livelli ta’ sforz għas-sena ta’ wara li għandhom jiġu ffissati skond ir-regoli fi pjanijiet ta’ rkupru jew fi pjanijiet ta’ ġestjoni għal medda twila ta’ żmien, fejn jeżistu, jew bil-prinċipju li l-mortalità tal-ħut m’għandhiex tiġi miżjuda fuq kwalunkwe stokk fejn il-mortalità teċċedi l-livell li għandu jwassal għal rendimenti għolja għal medda twila ta’ żmien;

(c) stokkijiet li qegħdin f’livelli simili ta’ sfruttament jew tbattil biex jiġu ttrattati b’mod simili;

(d) regoli dwar il-varjazzjoni interannwali tat-TACs, bla ħsara għal ċirkostanzi speċjali li jistgħu jeħtieġu bidla aktar sinifikanti għall-istokkijiet partikolari.

Il-Kummissjoni għandha tispjega l-metodu tagħha b’eżempji prattiċi għall-istokkijiet ta’ ħut kummerċjali l-aktar importanti billi turi kif għandu jiġi tradott f’livelli ta’ TAC jew ta’ sforz, jekk wieħed jissoponi li l-parir xjentifiku għas-sena ta’ wara jkun l-istess bħal dak għas-sena attwali. (Għandu jkun hemm twissija fit-test li f’uħud mill-każi l-“illustrazzjonijiet” jistgħu jiġu affetwati b’mod sinifikanti mill-parir xjentifiku li dalwaqt jasal dwar, pereżempju, iż-żieda l-aktar reċenti għall-istokk).

Għal stokkijiet li diġà huma koperti minn pjanijiet ta’ rkupru jew ta’ ġestjoni eżistenti, it-TAC tagħhom għandha tiġi stmata billi jiġu applikati awtomatikament id-dispożizzjonijiet ta’ tali pjanijiet għal medda twila ta’ żmien.

Id-dikjarazzjoni ta’ politika mhux ser tinkludi l-pożizzjoni fin-negozjati tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni Komunitarja fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tas-Sajd.

Fis-Sajf tista’ tinżamm serje ta’ konsultazzjonijiet mal-KRK u ma’ l-Istati Membri fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni ta’ politika tal-Kummissjoni. Dan għandu jtejjeb u jsaħħaħ il-proċess ta’ “antiċipazzjoni”, u għandu jkun opportunità għall-partijiet interessati biex jinvolvu rwieħhom f’dibattitu aktar strateġiku dwar l-attivitajiet tas-sajd. F’Ottubru, fil-Kunsill, jista’ jsir ukoll dibattitu dwar il-politika, fejn il-Kunsill għandu jiġi mistieden jikkummenta dwar l-istrateġija proposta tal-Kummissjoni, fejn titqies ir-reazzjoni tal-KRK.

Il-bidla fil-kalendarju tal-proposti u tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi

Mhuwiex meħtieġ li l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni annwali tas-sajd għandhom ikunu pakkett wieħed li jkopri r-riżorsi kollha.

Dawk l-istokkijiet li għalihom it-tbassir huwa ferm dipendenti fuq l-aħħar stimi xjentifiċi (u stokkijiet oħra li jinqabdu magħhom) ser ikollhom ikomplu jiġu ttrattati fl-aħħar tas-sena. Għal stokkijiet oħra li jgħixu aktar, il-proċess tad-deċiżjoni jista’ jinġieb ’il quddiem. Fejn l-istokkijiet mhumiex sfrtuttati żżejjed u d-daqs ta’ l-istokkijiet huwa kbir biżżejjed li hemm “trasferiment” sostanzjali ta’ l-istokk minn sena għall-oħra, l-aktar servej reċenti jżid relattivament ftit informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ qbid tas-snin ta’ wara. Jistgħu jsiru proposti aktar bikrin u jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet aktar bikrija li jikkonċernaw l-istokkijiet fejn il-mortalità tal-ħut hija aktar baxxa.

Il-Kummissjoni għalhekk tissuġġerixxi l-metodu f’żewġ passi li ġej għal deċiżjonijiet annwali tal-ġestjoni tas-sajd:

L-ewwel stadju (Ġunju - Ottubru)

(i) Għal stokkijiet tal-ħut li huma ġestiti mill-Komunità waħidha u li għalihom il-parir xjentifiku ta’ l-ICES huwa disponibbli f’Ġunju, il-Kummissjoni ser issaqsi għall-parir tal-Kunsilli Reġjonali Konsultattivi rilevanti dwar it-TACs rilevanti matul Ġunju u Lulju. Il-Kummissjoni mbagħad ser tipprepara proposta għal Regolament sa kmieni f’Settembru. Il-Kunsill għalhekk għandu jkun f’pożizzjoni li jadotta dawn it-TACs f’Ottubru. Bħalissa qed issir proposta leġiżlattiva separata għall-istokkijiet fil-Baħar Baltiku u għall-ispeċijiet tal-baħar fond. Dan il-metodu jista’ jiġi estiż fil-futur għal stokkijiet pelaġiċi li huma ġestiti mill-Komunità waħidha u (bla ħsara għal li jintlaħaq ftehim aktar bikri ma’ stati kostali oħra) għall-istokkijiet tal-pollakkju, tal-kavalli u għall-istokkijiet komuni ta’ l-aringi.

It-tieni stadju (Ottubru – Diċembru)

(ii) Għall-industriji tas-sajd li huma “dipendenti miż-żieda”, fejn l-istokk tal-ħut li huwa disponibbli biex jinqabad f’sena waħda fil-parti l-kbira huwa magħmul minn ħut żgħir li żdied għall-istokk dan l-aħħar, ser jibqa’ inevitabbli li t-TAC jibqa’ jiġi ffissat ladarba tista’ tiġi vvalutata s-saħħa tal-klassi tas-sena li ġejja. Dan ser ifisser li l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni ser tiġi posposta sakemm il-parir tal-Ħarifa ta’ l-ICES jkun ġie ffinalizzat (bħalissa f’Ottubru, bil-possibbiltà ta’ data kemmxejn aktar bikrija fil-futur). Dan jimplika bidla tassew żgħira fiż-żmien magħżul tal-proposta tal-Kummissjoni (tard f’Novembru). Madankollu, il-konsultazzjoni preċedenti tal-partijiet interessati u tal-Kunsill fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni ta’ politika tal-Kummissjoni għandha tfisser li ser tkun iffaċilitata l-konsultazzjoni mal-Partijiet Interessati dwar il-parir reċenti. Il-proposta finali tal-Kummissjoni m’għandha tinkludi l-ebda sorpriża għall-partijiet ikkonċernati. Dan it-tieni stadju ser jinkludi wkoll it-TACs, kif ukoll l-applikazzjoni provviżorja tal-miżuri tekniċi, li jirriżultaw mil-laqgħat annwali ta’ l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tas-Sajd bħalma huma n-NAFO, l-ICCAT, is-CCAMLR jew in-NEAFC.

Is-separazzjoni tar-regolamenti dwar il-kwoti minn strumenti oħra ta’ ġestjoni

Il-partijiet interessati u l-Istati Membri ssuġġerew li l-inklużjoni ta’ regoli dwar il-limitazzjoni ta’ l-isforz ta' sajd bħala parti mill-pakkett annwali tal-ġestjoni tas-sajd tikkomplika l-proċess ta’ negozjati, u li tali regoli għandhom jiġu indirizzati f’regolament separat.

Il-Kummissjoni taqbel li r-regoli dettaljati għall-kejl, għat-trasferiment u għall-monitoraġġ ta’ l-isforz tas-sajd jistgħu jkunu s-suġġett ta’ regolament awtonomu. L-iffissar tal-limiti ta’ l-isforz ta’ sajd infushom, madankollu, għandu jibqa’ parti mill-proċess annwali tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Minħabba li r-regoli Komunitarji fis-seħħ dwar il-limitazzjoni ta’ l-isforz ta' sajd ser jerġgħu jitqiesu bħala parti mir-reviżjoni ppjanata tal-pjan ta’ rkupru tal-bakkaljaw, li ser jibda aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni tqis li għandu jkun xieraq li wieħed jistenna sa l-2007 qabel ma jiġi propost Regolament ġdid u separat dwar ir-regoli Komunitarji għall-ġestjoni ta’ l-isforz ta' sajd.

KONKLUżJONI: KALENDARJU ġDID GħAD-DIBATTITU DWAR IL-ġESTJONI TAS-SAJD

Sabiex jiġu estiżi l-opportunitajiet għal djalogu u għal diskussjoni dwar il-ġestjoni tas-sajd Komunitarju, jista’ jiġi segwit il-programm li ġej:

Data | Azzjoni |

April | Il-Kummissjoni tippubblika d-“dikjarazzjoni ta’ politika” tagħha dwar l-iffissar ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd għas-sena ta’ wara. Jinfetaħ djalogu mas-settur dwar il-kwistjonijiet ta’ politika, u jkompli matul is-sena. Dan jinkludi diskussjoni tar-regoli dwar il-qabdiet għal-livelli tat-TAC u għal dawk ta’ l-isforzi u dwar kwistjonijiet tekniċi oħra bħall-ġestjoni ta’ l-isforzi. |

Kmieni f’Ġunju | L-ICES u l-iSTECF jipprovdu parir xjentifiku għal uħud mill-istokkijiet (partikolarment l-ispeċijiet Baltiċi, dawk pelaġiċi u (kull tieni sena) l-ispeċijiet tal-baħar fond). |

Ġunju-Lulju | Il-Kummissjoni tikkonsulta mal-KRK dwar l-applikazzjoni tal-politika Komunitarja dwar is-sajd għall-istokkijiet tal-“parir ta’ Ġunju”. Isiru n-negozjati mal-pajjiżi terzi dwar l-istokkijiet pelaġiċi li huma ġestiti b’mod konġunt, jekk dawn jaqblu. |

Kmieni f’Settembru | Il-Kummissjoni toħroġ il-proposta tagħha għal Regolament dwar l-opportunitajiet ta’ sajd għall-istokkijiet tal-“parir ta’ Ġunju”. |

Ottubru | Il-Kunsill jadotta Regolament dwar it-TACs għall-istokkijiet tal-“parir ta’ Ġunju”. L-ICES u l-iSTECF jipprovdu parir xjentifiku għall-istokkijiet li baqa’. Ikomplu d-diskussjonijiet dwar l-għażliet tal-politika dwar is-sajd u l-aktar parir xjentifiku reċenti għall-istokk tal-“parir ta’ Ottubru” mal-partijiet interessati. |

Novembru | In-negozjati man-Norveġja u ma’ Stati kostali oħra dwar l-istokkijiet tal-“parir ta’ Ottubru”. Il-Kummissjoni tqis id-diskussjonijiet mal-KRK fil-preparazzjoni tat-tieni proposta tagħha dwar l-opportunitajiet ta' sajd, li għandha tinħareġ lejn l-aħħar ta’ Novembru. |

Diċembru | Il-Kunsill jadotta Regolament dwar l-opportunitajiet ta' sajd għall-istokkijiet tal-“parir ta’ Ottubru”. |

Jannar | Ir-Regolamenti dwar l-opportunitajiet ta' sajd jid]lu fis-seħħ għas-sena kalendarja |

[1] L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd, Ġ.U. L 388, 31.12.2002, p.59