52006DC0200

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - It-Tkabbir, Sentejn Wara - Suċċess Ekonomiku /* KUMM/2006/0200 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.5.2006

KUMM(2006) 200 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-Tkabbir, Sentejn Wara – Suċċess Ekonomiku

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-Tkabbir, Sentejn Wara – Suċċess Ekonomiku

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-Tkabbir, Sentejn Wara – Suċċess Ekonomiku

I. Introduzzjoni: it-tkabbir, storja ta’ suċċess 3

II. Żvilupp u stabbiltà konsiderevoli 4

III. Żieda fl-integrazzjoni fl-ekonomija ta’ l-UE 4

III.1. Aktar kummerċ 4

III.2. Aktar investiment dirett barrani 5

III.3. Dinamiżmu b’saħħtu fis-settur finanzjarju 5

IV. Aġġustament mingħajr xkiel 6

IV.1. Biża' ta' stabbiliment mill-ġdid f'postijiet oħra mhux ġustifikata 6

IV.2. Migrazzjoni limitata 7

IV.4. L-Agrikoltura, suċċess minn sfida prinċipali 9

IV.5. Tisħiħ fix-xogħol u fil-koeżjoni soċjali 9

V. Impatt immaniġġjat tat-tkabbir fuq il-baġit 10

VI. Konklużjoni 11

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-Tkabbir, Sentejn Wara – Suċċess Ekonomiku

I. Introduzzjoni: it-tkabbir, storja ta’ suċċess

1. Il-ħames tkabbir ta’ l-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 kien l-aktar wieħed ambizzjuż fl-istorja ta’ l-Unjoni Ewropea: l-akbar wieħed f'dak li huwa l-għadd ta' pajjiżi u ta’ popolazzjoni li daħlu fl-UE; l-aktar wieħed kumpless, għax daħħal fl-UE għaxar pajjiżi li kienu esperjenzaw żviluppi ekonomiċi, soċjali u politiċi differenti ħafna minn xulxin.

2. L-implikazzjonijiet ekonomiċi ta’ dan it-tkabbir kienu riveduti b’mod estensiv fil-ġirja sad-data ta' skadenza ta’ Mejju 2004. Studji qabel id-dħul bassru żvilupp sinifikanti fit-tkabbir ekonomiku għall-Istati Membri l-ġodda (1.3-2.1% tkabbir addizzjonali fil-GDP kull sena). L-Istati Membri l-qodma kienu wkoll mistennija li jibbenefikaw, iżda minħabba l-qies relattivament limitat tal-pajjiżi l-ġodda – anqas minn 5% mit-total tal-GDP tal-UE-25 – l-impatt kien stmat bħala wieħed marġinali. Konsegwenzi bħall-flussi ta' migrazzjoni, ċ-ċaqliq ta’ l-attività, l-pressjoni ‘l isfel fuq il-pagi fl-Istati Membri l-qodma u l-ispejjeż ta’ l-aġġustament fl-Istati Membri l-ġodda kienu mistennija li jkunu kontrollati u tranżitorji.

3. Sentejn wara li seħħ it-tkabbir, wasal iż-żmien li tiġi riveduta l-esperjenza. Il-lezzjonijiet mill-ħames tkabbir jistgħu jkunu neċessarji biex wieħed jifhem l-benefiċċji u l-isfidi ta’ l-integrazzjoni Ewropea. Passi oħra ta’ tkabbir jistgħu jikkunsidraw lezzjonijiet bħal dawn. Waqt li l-adeżjoni li twettqet fl-2004 għandha l-ewwel u qabel kollox dimensjoni politika u strateġika għall-importanza tagħha fl-għaqda mill-ġdid ta’ l-Ewropa, din il-Komunikazzjoni, u l-istudju li fuqu hija bbażata[1],tiffoka fuq id-dimensjoni ekonomika tat-tkabbir. Tevalwa jekk l-aspettativi ta’ impatt ekonomiku pożittiv prevalenti fil-ġirja għat-tkabbir twettqux, minkejja xi tħassib li kellhom kemm il-pajjiżi li huma diġà membri kif ukoll dawk li kienu għadhom se jidħlu,

4. Kif spjegat hawn taħt, l-aspettativi ekonomiċi favorevoli twettqu. L-Istati l-Membri l-ġodda wettqu riformi estensivi sabiex jimmodernizzaw u issa huma ekonomiji tas-suq dinamiċi L-istabbiltà provduta mid-dħul wasslet sabiex jiġu moltiplikati n-negozju u l-investiment bejn l-UE-15 u l-UE-10 kif ukoll fi ħdan l-UE-10, u ħolqot sitwazzjoni fejn rebħu dawk kollha involuti: ikkontribwiet għall-iżvilupp u x-xogħol fl-UE-10; fetħet opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji fl-UE-15, b’hekk għinithom biex jibqgħu kompetittivi fid-dawl ta’ ambjent globali li qed isir sfida li qed tikber dejjem aktar, u li jkollha impatt favorevoli fuq il-konsumatuir madwar l-UE, li jistgħu jibbenefikaw minn għażla akbar. Kollox ma’ kollox, il-ħames tkabbir, billi wassal għal suq intern dejjem aktar integrat u ikbar, ħoloq il-kundizzjonijiet sabiex l-ekonomija Ewropea kollha ssir aktar b’saħħitha u dinamika, b’hekk tkun mgħammra aħjar biex tilqa’ għall-kompetizzjoni globali akbar. B’mod aktar ġenerali, u fundamentali, billi jitjiebu l-paċi, l-istabbiltà, s-sigurtà, l-prosperità, d-demokrazija, d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fl-Ewropa kollha, huwa ċar li l-ħames tkabbir, bħal dawk ta’ qablu, kienu suċċess għall-Istati Membri kollha.

II. ŻVILUPP U STABBILTÀ KONSIDEREVOLI

5. Id-dħul ta’ pajjiżi ħafna inqas sinjuri kabbru l-firda tad-dħul fl-UE, bil-GDP per capita (imkejjel f’PPS) ivarja minn 40% mill-medja ta' l-UE-15 fil-Latvja għal 210% fil-Lussemburgu. It-tkabbir ekonomiku kien aktar mgħaġġel fl-Istati Membri l-ġodda (3¾% fis-sena bejn l-1997-2005) milli fil-qodma (2½%). Il-proċess li jirriżulta biex ilaħħqu, ra d-dħul medju tal-UE-10 jikber minn 44% tal-livell ta’ l-UE fl-1997 (is-sena li fiha l-prospetti ta’ tkabbir saru konkreti fil-pjanijiet ta’ l-Aġenda 2000 tal-Kummissjoni) għal 50% fl-2005. Ġeneralment, pajjiżi bl-inqas dħul inizjali per-capita kellhom it-tendenza li jikbru l-aktar malajr. Kien biss fi ftit każijiet li l-iżvilupp spiċċa ma laħaqx l-aspettattivi f'ċerti snin. Il-prestazzjoni b’saħħitha tejbet is-sitwazzjoni tas-suq ta' l-impjiegi f'dawn il-pajjiżi u, wara perjodu twil ta’ nuqqas, il-qagħda ta' l-impjiegi stabilizzat ruħha fl-2004 u kibret b'madwar 1.5% fl-2005.

6. L-iżvilupp ekonomiku b'saħħtu mexa biswit l-iżvilupp ta' l-istabbiltà makroekonomika. L-integrazzjoni ekonomika kontinwa u l-estensjoni tal-koordinazzjoni ekonomika madwar l-UE u l-proċeduri ta’ sorveljanza lill-Istati Membri l-ġodda saħħew mill-ġdid id-dixxiplina tal-politika ekonomika. L-inflazzjoni u r-rati ta’ interessi fl-Istati Membri l-ġodda resqu viċin dawk ta’ l-UE-15, u ġeneralment rriflettew l-kredibiltà tal-poltika ekonomika. Madankollu l-iżviluppi fil-finanzi pubbliċi, kienu inqas uniformi waqt li rriflettew ukoll l-impatt fuq ir-riformi relatati mat-tranżizzjoni. Waqt li sitta mill-Istati Membri l-ġodda ngħaqdu ma' l-UE bi żbilanċi tal-gvernijiet li jaqbżu l-limitu ta’ 3% tal-PGD stabbilit mit-Trattat, ħafna minnhom għamlu progress u tejbu s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, li bħalissa jikkarettirizza għadd kbir mill-Istati Membri qodma. Fil-biċċa l-kbira ta' UE-10 l-istokk tad-dejn pubbliku huwa ferm anqas minn dak ta’ l-UE-15.

III. ŻIEDA FL-INTEGRAZZJONI FL-EKONOMIJA TA’ L-UE

III.1. Aktar kummerċ

7. Il-kummerċ ġie liberalizzat permezz tal-Ftehimiet ta’ l-Ewropa ffirmati mal-pajjiżi kandidati kmieni fis-snin disgħin. Sal-bidu ta’ dawn l-aħħar għaxar snin kienet twaqqfet Żona ta’ Kummerċ Ħieles li tkopri 85% tan-negozju bilaterali. Qabel it-tkabbir il-prospettiva tad-dħul ta’ l-UE diġà kienet irriżultat f’integrazzjoni akbar tas-suq fiż-żona ta’ l-UE-25. Il-pajjiżi ta’ l-UE-10 għandhom ekonomija miftuħa ħafna b’kummerċ (esportazzjoni u importazzjoni flimkien) li jirrapreżenta medja ta’ 93% tal-PGD meta mqabbel mal-medja ta' 55% ta’ l-UE-15. Is-sehem ta’ l-UE-15 fil-kummerċ ta’ l-UE-10 żdied minn madwar 56% fl-1993 għal 62% fl-2005. Is-sehem tas-suq ta’ l-UE-10 fl-importazzjonijiet ta’ l-UE-15 żdied ukoll bi 8 punti perċentwali għal madwar 13% fuq il-perjodu 1993-2005 (minbarra n-negozju bejn l-UE-15) u r-Repubblika Ċeka u l-Polonja (b'sehem fis-suq ta’ madwar 3.5%, kull wieħed) kienu l-akbar esportaturi. Waqt li l-gwadanji tas-suq ta’ l-UE-10 kienu sinifikanti, u jirriflettu kundizzjonijiet kompettitivi għall-ispejjeż tax-xogħol, l-UE-15 komplew għaddejjin b’bilanċ kummerċjali favorevoli ma’ l-Istati Membri l-ġodda. Fil-parti l-kbira tagħha, ix-xejra ta’ l-integrazzjoni tal-kummerċ tirrifletti l-komplementarjetajiet bejn l-Istati Membri. Stimi ta’ vantaġġi komparattivi jikkonfermaw li n-negozju ta’ l-UE-10 sa issa kienu ddominati minn speċjalizazzjonijiet teknoloġiċi ta’ livell baxx jew medju-baxx waqt li jużaw ix-xogħol b’mod intensiv. In-negozju ta’ l-UE-15 huwa aktar speċjalizzat fi prodotti li jirrikjedu ħiliet aktar għoljin u kapital aktar intensiv.

8. Mat-tkabbir, it-tariffa medja applikata mill-UE-10 għal importazzjoni minn pajiżi terzi naqset minn 8.9% għal medja ta’ l-UE ta’ 4.1% Minkejja li jħabbtu wiċċhom ma' aktar kompetizzjoni minn swieq emerġenti, speċjalment iċ-Ċina u l-Indja, l-UE-10 żiedu ssehemhom fis-swieq dinjin b’mod sinifikanti, bl-esportazzjonijiet jiżdiedu minn 1% tat-total dinji fl-1992 għal 2.8% fl-2003. Kif wieħed jistenna minn ekonomiji li għadhom qed jiġu fuq saqajhom, l-UE-10 kellhom żbilanċi kummerċjali relattivament kbar, li kienu ffinanzjati faċilment minn investiment dirett barrani lejhom. Minkejja t-tnaqqis fit-tariffi u l-kompetizzjoni minn swieq emerġenti, l-iżbilanċ kummerċjali medju naqas ħafna fis-snin riċenti għal madwar 3% tal-PGD sa l-2005. Madankollu, f’għadd ta' pajjiżi, l-iżbilanċi esterni jibqgħu kbar mhux ħażin, u dawn jesiġu - speċjalment meta jingħaqdu ma’ l-inflazzjoni għolja – sorveljanza mill-qrib tal-politika.

III.2. Aktar investiment dirett barrani

9. Minn nofs is-snin disgħin, il-preżenza ta' ditti barranin fl-Istati l-Membri l-ġodda kibret malajr, u l-istokk ta' l-investiment dirett barrani (FDI), li prattikament ma kienx jeżisti xi għaxar snin ilu, laħaq 'il fuq minn € 190 biljun fl-2004, jew 40% tal-PGD lokali. B’sehem ta’ tliet kwarti mit-total ta' l-FDI għall-Istati Membri l-ġodda, l-Istati Membri l-qodma huma l-investitur prinċipali. Il-Ġermanja hija l-aqwa investitur u hija partikolarment attiva fir-Repubblika Ċeka, fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja waqt li l-pajjiżi Nordiċi huma l-investituri prinċipali fit-tliet Stati Baltiċi. L-ikbar parti mill-FDI (55%) hija investita fis-servizzi, segwita mill-manifattura (37%). Waqt li fl-Istati Baltiċi u fuq livell anqas fil-Polonja, l-FDI fil-manifattura għadu kkonċentrat fl-industriji tradizzjonali bħall-ipproċessar ta’ l-ikel, tessuti u prodotti ta’ l-injam, fl-Ungerija, r-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja l-investituri qed jiffokaw dejjem aktar fuq is-setturi tal-manifattura moderna (eż makkinarju ta’ l-uffiċċju, kompjuters, telekomunikazzjoni, karozzi)

III.3. Dinamiżmu b’saħħtu fis-settur finanzjarju

10. Mill-kriżi tranżizzjonali tas-settur bankarju tal-bidutas-snin disgħin, l-Istati l-Membri l-ġodda għamlu progress sostanzjali fl-iżvilupp ta' l-ambjent finanzjarju stabbli u għalhekk evitaw kwalunkwe taqlib finanzjarju, minkejja li f'xi każi r-rata ta' skambju tagħhom uriet volatilità konsiderevoli.

11. Bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru u Malta, li kienu ekonomiji tas-suq mill-bidu nett, is-sistemi finanzjarji fl-Istati Membri l-ġodda huma tipikament żgħar meta mqabbla ma’ dawk ta’ l-UE-15, iżda qed jikbru malajr, kif turi ż-żieda f'daqqa li kien hemm dan l-aħħar ta' l-iżvilupp tal-kreditu. Is-self pendenti fit-tmien pajjiżi Ċentrali u ta’ l-Ewropa tal-Lvant għadu ħafna aktar l-isfel mill-livell medju fiż-żona euro. Dan huwa l-każ ukoll għall-kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ l-ishma. L-integrazzjoni fis-settur bankarju mxiet b’mod rapidu u l-investiment trans-konfinali u r-rati ta’ penetrazzjoni ta’ banek barranin issa huma ħafna ogħla milli fl-UE-15. Kompetizzjoni mtejba rriżultat f’self aktar baxx, speċjalment l-ipoteki fuq l-immobbli, u l-marġini ta’ interessi netti djiequ għal livelli fiż-żona euro (ta’ madwar 0.5%) fl-Ungerija, l-Latvja u s-Slovakkja Min-naħa l-oħra, f’xi pajjiżi, bħall-Polonja u s-Slovenja, l-marġini ta’ interessi netti baqgħu relattivament għoljin għal 3%, u juru li għad hemm lok għal aktar investiment f'dan is-settur.

12. L-adeżjoni offriet lill-intermedjarji finanzjarji ta’ l-UE-15, l-opportunità ta’ swieq ġodda għall-iżvilupp u diversifikazzjoni mtejba tal-portafolli, u dan ġie sfruttat ferm minn ħafna banek fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri l-qodma. L-Awstrija hija waħda mill-eżempji l-aktar ċari, il-banek tagħha għandhom 25% ta’ l-assi tagħhom investiti fl-UE-8. Il-banek Nordiċi huma partikolarment involuti fl-Istati Baltiċi.

IV. Aġġustament mingħajr xkiel

IV.1. Biża' ta' stabbiliment mill-ġdid f'postijiet oħra mhux ġustifikata

13. Id-dritt ta’ l-istabbilment huwa libertà fundamentali taħt it-Trattat u element prinċipali tas-Suq Intern li jiżgura l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, u fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal prosperità ekonomika totali. Madankollu, s-sehem dejjem jikber ta’ l-FDI mill-Istati Membri qodma għal dawk ġodda qajmet tħassib fl-UE-15 dwar l-allokazzjoni mill-ġdid ta' l-attivitajiet u telf ta' impjiegi li rriżultaw bħala konsegwenza. L-evidenza tindika li flussi ta' l-FDI lejn l-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li rilevanti għall-pajjiżi li jirċievu, fil-fatt kienu biss parti żgħira mill-flussi totali ta’ l-FDI ta’ l-UE-15. f' dawn ta’ l-aħħar, fl-2004 s-sehem ta’ ħruġ lejn l-Istati Membri l-ġodda kien ta’ 4% meta mqabbel ma' sehem li jikkorrispondi għal 53% għall-flussi 'l barra lejn l-Istati Membri fl-UE-15 u ta’ 12% sehem għal flussi lejn l-Istati Uniti. Barra minn hekk, parti kbira mill-FDI mill-UE-15 fl-Istati Membri l-ġodda, partikolarment fis-settur tas-servizzi fejn ħafna mill-FDI huwa investit, seħħet fil-kuntest tal-privatizzazzjoni, programmi sabiex jattiraw swieq li qed jikbru b’mod mgħaġġel u li ma jinvolvux is-sostizzjoni ta' attivitajiet li qabel kienu jsiru fil-pajjiż minn fejn oriġinaw.

14. Studji differenti ppruvaw jidentifikaw l-impatt ta’ l-istabbiliment mill-ġdid fuq il-qag]da ta' l-impjiegi. Riċerka riċenti għal xi pajjiżi ta’ l-UE-15 tissuġġerixxi li huwa biss il-1.5% tad-dħul tax-xogħol annwali li jista’ jiġi attribwit għall-istabbiliment mill-ġdid f'post ieħor u li parti biss tikkonċerna l-istabbiliment mill-ġdid fl-Istati Membri l-ġodda. Fil-Ġermanja u fl-Awstrija, per eżempju, żewġ pajjiżi li huma fost l-akbar investituri fl-UE-10, huwa kkalkolat li dan it-tip ta’ investiment fl-aħħar ħmistax-il sena wassal għal inqas ħolqien ta’ xogħol, f'termini kumulativi, fil-medda bejn 0.3-0.7%, li huwa persentaġġ żgħir, speċjalment jekk jitqies il-ħolqien kumplessiv ta' impjiegi li seħħ fl-istess perjodu. Barra minn hekk, ħafna drabi, l-esternalizzazzjoni ta’ parti mill-proċess ta’ produzzjoni għall-Istati Membri l-ġodda ppermetta lil ditti fl-UE-15 li jsaħħu l-pożizzjoni kompettitiva tagħhom b'impatt nett favorevoli fuq l-impjiegi.

15. Filwaqt li l-impatt ta’ l-istabbiliment f'post minn perspettiva makroekonomika, mhuwiex sinifikanti, f’ċerti industriji jew reġjun r-ristrutturar jista' jkun sostanzjali. B'konsegwenza, il-Kummissjoni għarfet il-bżonn li tantiċipa u takkumpanja l-bidla fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-ristrutturar[2],li fiha stabbilixxiet strateġija biex l-istrumenti differenti tal-Komunità, speċjalment il-Fondi Strutturali, jiġu integrati aħjar, sabiex jittaffew l-ispejjeż assoċjati.

16. Fid-dibattitu dwar l-isttabiliment f'post ġdid, tqajjem l-argument li d-differenzi fir-rati ta’ taxxi tal-kumpaniji bejn l-Istati Membri jistgħu jkunu r-raġuni prinċipali wara ċ-ċaqliq. Madankollu, jidher li wara l-investiment internazzjonali hemm fatturi oħra, bħall-ispiża reali tax-xogħol jew l-ekonomiji ta' l-agglomerazzjoni ta’ l-ekonomiji (il-vantaġġi dwar il-lokazzjoni ġeografika, d-daqs tas-suq, l-ekonomiji esterni, l-ambjent tan-negozju ġenerali, il-kapital uman) li jwasslu għal konċentazzjoni spazjali. Barra minn hekk, l-effett tat-tassazzjoni fuq id-dħul tal-kumpaniji, u għalhekk fuq id-deċiżjonijiet ta’ l-investiment, għandu mnejn jiddependi aktar b’mod sinifikanti fuq diversi aspetti oħra tas-sistema tat-tassazzjoni ġenerali, li jinkludu t-taxxa fuq ix-xogħol, il-bażi ta’ taxxa u t-trasparenza ġenerali u l-integrazzjoni ta’ sistema ta’ taxxi tal-kumpaniji, (t-tassazzjoni doppja, l-prezz ta’ trasferiment u l-possibiltà ta' ċaqliq bejn il-kumpanija ġenitur u s-sussidjarji). Minkejja li kien hemm tnaqqis fir-rati ta’ taxxi tal-kumpanija u tibdil fid-differenzjali fir-rati ta’ taxxa bejn il-pajjiżi, t-taxxi mħallsa minn kumpaniji ta' l-UE bħala parti mill-GDP baqgħu relattivament stabbli matul l-aħħar għaxar snin, kemm fl-Istati l-Membri l-qodma kif ukoll fil-ġodda. Ir-raġunijiet għal dan jistgħu jinkludu t-twessigħ ġenerali tal-bażi ta’ taxxa jew, għal xi Stati Membri, żieda fil-profitti li tirrifletti dħul akbar għall-kapital. Ġeneralment, dan jidher li jikkonferma li r-rati ta’ taxxi tal-kumpaniji per se affettwaw anqas lid-deċiżjonijiet dwar l-investiment minn fatturi oħra.

IV.2. Migrazzjoni limitata

17. Ladarba l-ostakli għan-negozju, l-investiment barrani dirett u ċaqliq ieħor tal-kapital kienu diġà tneħħew qabel it-tkabbir, iċ-ċaqliq ħieles tal-persuni u tal-ħaddiema kienu l-aktar dimensjoni l-ġdida l-aktar sinifikanti ta’ l-integrazzjoni ekonomika fl-1 ta' Mejju 2004. Il-moviment ħieles tax-xogħol instab li kien waħda mill-kwistjonijiet l-aktar sensittivi politikament fuq il-livell nazzjonali minħabba l-biża perċeputa li d-dħul kien se jwassal għal żieda fil-kompetizzjoni u fil-pagi. Għalhekk, it-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 ta l-possibiltà – għal perjodu tranżitorju sa seba’ snin – biex tintalab deroga mill-prinċipju tal-moviment ħieles tal-ħaddiema, speċifikament, billi jkunu permessi restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-ħaddiema mill-Istati Membri l-ġodda kollha minbarra ċ-Ċipru u Malta. Matul l-ewwel fażi ta’ sentejn ta’ arranġamenti tranżitorji, l-Irlanda, l-Iżvezja u r-Renju Unit iddeċidew biex ma japplikawx ir-restrizzjonijiet, iżda r-Renju Unit adotta skema mandatorja ta' reġistrazzjoni. Il-kumplament ta' l-Istati Membri ta’ l-UE-15 żammew reġim ta’ permessi ta’ xogħol, kultant akkumpanjat minn sistema ta’ kwoti. Matul l-ewwel fażi tal-perjodu tranżitorju l-Istati Membri l-ġodda kollha fetħu s-swieq tax-xogħol tagħhom għal xulxin, iżda l-Polonja, is-Slovenja u l-Ungerija applikaw restrizzjonijiet reċiproki għall-ħaddiema ta' l-UE-15. Dawn l-arranġamenti tranżitorji kellhom ikunu riveduti wara sentejn. Wara l-ewwel reviżjoni kmieni fl-2006[3],erba’ Stati Membri (il-Greċja, Spanja, il-Portugall u l-Finlandja) ddeċidew li jneħħu r-restrizzjonijiet għat-tieni fażi ta’ tliet snin ta’ arranġamenti tranżitorji li tibda fl-1 ta' Mejju 2006, waqt li sitta oħra (il-Belġju, d-Danimarka, Franza, l-Italja, l-Olanda u l-Lussemburgu) iddeċidew li jneħħuhom.

18. Il-flussi migratorji mill-UE-10 in ġenerali kienu żgħar, anke lejn il-pajjiżi li ppermettew moviment bla restrizjonijiet tal-ħaddiema, u ma kien hemm l-ebda taqlib sostanzjali fis-suq nazzjonali tax-xogħol li jkun qed jirċievi. Dan huwa konsistenti ma’ l-esperjenza ta’ tkabbir preċedenti. Fil-fatt, l-ħaddiema barranin ikkumplimentaw lill-bażi eżistenti tas-swieq ta’ xogħol fl-UE-15. Fil-fatt, l-ewwel reviżjoni ta' l-Arranġamenti Tranżitorji kkonfermaw li l-migrazzjoni minn pajjiżi terzi hija ħafna ikbar mill-mobbiltà fi ħdan l-UE. Fl-2005, f’żewġ pajjiżi bl-ogħla ishma ta' persuni barranin fil-popolazzjoni li huma ta' l-età li jaħdmu, jiġifieri l-Awstrija u l-Ġermanja (b'10% bejn wieħed u ieħor), dawk li jiġu minn UE-10 huma biss parti żgħira (1.5% u 0.6% rispettivament) (waqt li 7% mhumiex mill-UE). L-akbar sehem ta’ nazzjonalitajiet mill-UE-10 (madwar 2%, kontra t-total ta’ 8% għal dawk li mhumiex mill-UE) huwa fl-Irlanda.

19. Ħaġa interessanti hija li l-Istati Membri li m’għandhomx restrizzjonjiet għall-ħaddiema ta' l-UE-10 (per eżempju l-Irlanda u r-Renju Unit) huma dawk li marru l-aħjar fl-impjiegi, madankollu huwa diffiċli li tiġi stabbilita r-raġuni għal dan. L-Istati Membri li għad fadal għandhom iqisu bir-reqqa jekk hemmx bżonn li r-restrizzjonijiet fuq ix-xogħol jibqgħu fis-seħħ, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħhom. Iż-żamma tar-restrizzjonijiet ma tidhirx li hija ġustifikata għal raġunijiet ekonomiċi biss. Il-flussi tax-xogħol fl-aħħar jiġu determinati mill-kundizzjonijiet ta’ domanda u ta’ provvista u, taħt dawn l-isforzi, hemm ir-riskju li r-regoli jistgħu jiġu evitati u jwasslu għat-tkabbir ta’ l-ekonomija s-sewda. Barra dan, ir-restrizzjonijiet jistgħu jwasslu biex l-immigranti jaċċettaw ix-xogħol taħt il-kwalifiki preżunti tagħhom u biex ikun hemm pressjoni l-isfel fuq il-pagi, b’hekk jiġġeneraw xi tip ta’ brain waste u żerqieq l-isfel tas-suq lejn fl-iskala tal-ħiliet u tal-pagi. Fl-aħħarnett, l-iżviluppi tas-suq tax-xogħol fl-UE-10 kienu pożittivi, speċjalment mid-dħul, bir-rati tal-qagħad jinżlu b’mod sinifikanti fi kważi kollha kemm huma. Dan jissuġġerixxi li m’hemm l-ebda raġuni li għaliha hemm bżonn li tkun mistennija żieda fil-pressjoni biex tiċċaqlaq ‘il barra mill-UE-10, ukoll għaliex it-tbassir ta' l-iżvilupp ekonomiku baqa' pożittiv.

IV.3. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern

20. Is-Suq Intern imur lil hinn ferm mill-kwistjoni tat-twettiq ta’ regoli legali ġodda. L-impatt ekonomiku tiegħu rigward żieda fin-negozju, aktar investiment barrani, u l-ħolqien ta’ settur finanzjarju li jmur tajjeb, huma ta’ benefiċċju enormi kemm għall-Istati Membri l-qodma u l-ġodda. Dwar l-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri l-ġodda għamlu progress mgħaġġel fl-implimentazzjoni ta’ l- acquis communautaire, u 99% tad-direttivi li ġew trasposti f’leġiżlazzjoni nazzjonali sa Marzu 2006. Fil-fatt, ħafna drabi l-Istati Membri l-ġodda huma aħjar mill-qodma fit-traspożizzjoni tal-liġi ta' l-UE. B'riżultat ta' dan, il-klawżola ta’ ħarsien li kienet provduta fit-Trattati ta' l-Adeżjoni qatt ma kien hemm bżonnha. Huwa biss fil-qasam tal-kompetizzjoni li l-Istati Membri l-ġodda baqgħu aktar lura mill-medja ta’ l-Istati Membri l-ġodda.

21. Dan l-isforz ta' traspożizzjoni ppermetta lill-Istati Membri l-ġodda biex jirriformaw mill-qiegħ nett il-metodi li bihom l-ekonomiji tagħhom kienu regolati. L-adozzjoni ta’ oqsfa regolatorji moderni f’oqsma bħas-swieq finanzarji, l-liġi l-ġdida tal-kumpaniji, tal-proprjetà intelletwali jew tal-kontijiet ħolqot ambjent aħjar għan-negozju u t-tkabbir. Dan jikkompensa għan-nefqiet ta’ konformità ma’ l- acquis li jistgħu jkunu konsiderevoli f’żoni speċifiċi (eż. madwar € 100 biljun fiż-żewġ setturi tat-trasport jew l-ambjent), avolja dawn in-nefqiet huma mifruxin fuq perjodu twil ta’ żmien u huma kkofinanzjati mill-assistenza ta’ l-UE.

IV.4. L-Agrikoltura, suċċess minn sfida prinċipali

22. L-Agrikoltura kienet ta’ importanza partikolari fi ħdan il-proċess ta’ tkabbir. Din l-ewwelnett tirrifletti ż-żieda kbira fiż-żona ta’ l-agrikoltura ta’ l-UE (sa 25%), l-produzzjoni (sa 10%) u l-għadd ta' bdiewa (aktar minn 50%). it-tieninett, ir-rwol prinċipali li l-Politika Agrikola Komuni għad għandha fil-baġit ta’ l-UE. Il-produttività agrikola fl-Istati Membri l-ġodda hija konsiderevolment aktar baxxa minn dik ta’ l-UE-15 u d-differenza fid-dħul hija daqstant ieħor kbira. Madankollu, s-sitwazzjoni fl-agrikoltura hija eteroġena mhux ħażin kemm fl-Istati Membri l-qodma u anke fil-ġodda. Xi wħud mill-Istati Membri l-ġodda għandhom sehem għoli ta’ impjiegi fl-agrikoltura assoċjati ma’ l-agrikolutura ta' sussistenza (19% fil-Polonja fl-2005, 16% fil-Litwanja u 12.5% fil-Latvja), sitwazzjoni simili għal dik tal-Greċja u tal-Portugall fil-bidu tas-snin disgħin. Pajjiżi bħas-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka, min-naħa l-oħra, għandhom sehem baxx ta’ impjiegi fl-agrikoltura (madwar 4%), li hija diġà simili għall-livell medju fl-Istati Membri l-qodma.

23. Iż-żieda fl-integrazzjoni tan-negozju, l-influss ta’ l-investiment dirett barrani kif ukoll l-appoġġ ta’ l-UE kkontribwixxew għall-modernizzazzjoni ta’ l-agrikoltura, għat-tkabbir tad-dħul tal-bdiewa, u għaż-żieda fl-istokk ta’ l-annimali fl-UE-10. In-negozju ta’ l-agrikoltura kważi irduppjat kemm fi ħdan l-UE-10 kif ukoll bejn l-UE-10 u l-UE-15 fil-perjodu 1999-2004; il-kummerċ fil-prodotti proċessati, indikatur tas-settur modern ta’ l-agrikoltura, wkoll żdied b’mod sinifikanti fl-istess perjodu. Il-pagamenti diretti tad-dħul tejbu b’mod konsiderevoli d-dħul reali tal-bdiewa, li żdied b’medja ta’ 70% bejn 1999/2003 u l-2004/2005, waqt li fl-UE-15 baqa' ġeneralment stabbli. Għalhekk, il-biżgħat dwar l-effetti negattivi fuq id-dħul relatat mat-tkabbir ma kienux konfermati fl-Istati l-Membri l-ġodda bħal fl-Istati Membri l-qodma. Madankollu, bid-dħul annwali għal kull unità ta’ xogħol fl-UE-10 li jibqa’ ta' 16% mill-livell ta’ l-UE-15 fl-2004/05 (iżda żdied mill-10% ta’ l-1999-2003), huwa ċar li hemm bżonn ta’ aktar razzjonaliżmu u żieda fil-produttività fis-settur agrikolu ta’ l-Istati Membri l-ġodda.

IV.5. Tisħiħ fix-xogħol u fil-koeżjoni soċjali

24. Matul d-disgħinijiet, l-Istati Membri Ewropej ċentrali u tal-Lvant għaddew minn tnaqqis kbir fl-impjiegi u żieda qawwija fil-qgħad, u dan jirrifletti taħlita ta' fatturi ċikliċi u aġġustamenti strutturali. Waqt li s-sitwazzjoni tas-suq ta’ l-impjiegi dan l-aħħar marret ‘l quddiem, b’56% tal-popolazzjoni ta’ l-età li taħdem, ir-rata ta’ l-impjiegi fl-UE-10 bħalissa hija sostanzjalment aktar baxxa mill-UE-15, speċjalment għall-ħaddiema żgħar u dawk li huma ta’ età aktar avvanzata. Barra minn hekk, bi 13.4% tas-suq tax-xogħol, ir-rata tal-qagħad fl-UE-10 hija ta’ 5.5 punti perċentwali ogħla mill-medja ta’ l-UE-15. Jistgħu jiġu osservati varjazzjonijiet wesgħin fost l-Istati Membri l-ġodda (bħal fl-UE-15), bir-rati tal-qagħad fl-2005 jvarjaw minn madwar 6% fiċ-Ċipru u s-Slovenja għal aktar minn 16% fis-Slovakkja u kważi 18% fil-Polonja.

25. L-Istati Membri l-ġodda qed iwettqu riformi fis-suq tax-xogħol bħala parti mill-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali li jappoġġjaw l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-miri ta’ Liżbona dwar l-impjiegi jibqgħu ambizzjużi għal numru minnhom, li għandhom rati baxxi ta’ impjiegi. Sfida prinċipali hija l-adattabbiltà fis-swieq tax-xogħol u b’mod partikolari fl-iżvilupp tal-ħiliet u tar-riżorsi umani. Il-Fond Soċjali Ewropew jikkontribwixxi biex jiġu appoġġjati l-isforzi f'dan ir-rigward.

26. L-Istati Membri l-ġodda għadhom ma għaddewx minn diffikultajiet prinċipali biex jallinjaw lilhom infushom ma’ l- acquis communautaire fl-impjiegi u fil-politika soċjali, li jinkludu standards minimi dwar il-liġi għax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi u kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll id-djalogu soċjali u l-parteċipazzjoni fil-proċessi ta’ l-UE dwar ix-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-ħarsien soċjali. It-tisħiħ tad-djalogu soċjali u l-kontinwazzjoni tar-riformi dwar il-ħarsien soċjali huma fost l-isfidi prinċipali li għandhom jiġu indirizzati. Il-pre-kundizzjonijiet għal strateġija ta’ suċċess jeżistu peress li xi wħud mill-Istati Membri l-ġodda huma fost l-aqwa fl-UE f’xi indikaturi prinċipali bħal proporzjon tal-popolazzjoni f'riskju ta' faqar. 8% fir-Repubblika Ċeka u 10% fis-Slovenja fl-2003.

V. Impatt immaniġġjat tat-tkabbir fuq il-baġit

27. L-impatt tat-tkabbir fuq ir-riżorsi tal-baġit kemm ta’ l-Istati Membri l-ġodda u anke tal-qodma inżamm taħt kontroll. B’kollox madwar € 28 biljun ġew trasferiti għall-10 Stati Membri l-ġodda fl-aħħar 15-il sena[4]. Qabel Mejju 2004, l-UE kienet diġà tappoġġja l-preparamenti għall-adeżjoni. L-ammont annwali kien qed jiżdied tul iż-żmien u laħaq ftit ‘l fuq minn 2% tal-GDP ta’ l-UE-10 fl-2005. Il-ħlasijiet għall-ispejjeż ta’ l-Istati Membri l-ġodda jirrapreżentaw 6.9% tal-baġit ta’ l-UE (informazzjoni bbażata fuq l-eżekuzzjoni tal-baġit ta' l-2004), li huwa aktar mis-sehem tal-GDP ta' dawn l-Istati fl-UE (4.7%). Dan jirrifletti l-obbligi ta’ l-Istati Membri aktar sinjuri biex jgħinu lill-ġirien aktar fqar. Madankollu, l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Istati Membri l-qodma marbuta mat-tkabbir, tibqa' limitata għax tirrapreżenta biss 0.1% mill-GDP tagħhom.

28. L-Istati Membri l-ġodda huma benefiċjarji netti tal-baġit ta’ l-UE. Għall-grupp in ġenerali, t-trasferimenti netti ta’ l-UE ammontaw għal 0.6% tad-dħul gross domestiku (GNI) fl-2004 u varjaw minn 0.25% tal-GNI għall-Ungerija għal 2.1% tal-GNI għal Litwanja. Taħt il-qafas finanzjarju l-ġdid 2007-2013, t-trasferimenti netti għall-Istati Membri l-ġodda huma mistennija li jittriplikaw mill-medja ta’ 1% tal-GDP fl-2004-2006 u jassumu l-assorbiment sħiħ tal-limitu għall-approprjazzjonijiet tal-pagamenti. Dan il-livell ta’ assistenza jkompli jirrapreżenta biss piż żgħir għall-UE-15.

29. Minħabba l-obbligi addizzjonali (f’ċerti żoni l-flus ta' l-UE ma jistgħux jissostitwixxu n-nefqa nazzjonali), l-ħtiġijiet ta’ ko-finanzjament (biex jippromwovu responsabbiltà finanzjarja) kif ukoll kontribuzzjonijiet għall-baġit ta’ l-UE, kien hemm il-biżgħa li l-baġits tal-gvernijiet fl-Istati Membri l-ġodda jistgħu jkunu mġebbda. Bis-saħħa wkoll ta' inizjattivi speċifiċi li ttieħdu permezz tal-baġit ta' l-UE, bħall-faċilitajiet ta’ “Schengen” u l-“Kumpens”, dan ma jidhirx li kien il-każ. Huwa stmat li fl-2004 kien hemm effett nett favorevoli fuq il-baġits tal-gvernijiet ta’ 0.3% tal-GDP għall-EU-10 in ġenerali, u qabeż il-1% tal-GDP fl-Istati Baltiċi.

VI. Konklużjoni

30. Ġeneralment, il-ħames tkabbir aġixxa bħala katalist tad-dinamiżmu ekonomiku u modernizzazzjoni għall-Unjoni Ewropea, waqt li għen l-ekonomiji ta’ l-Istati Membri l-qodma u l-ġodda jindirizzaw b'mod aħjar l-isfidi tal-globalizzazzjoni. Fl-istess waqt, il-bidliet ekonomiċi kkawżati minn dan it-tkabbir ġew assorbiti mingħajr xkiel, u m'hemm l-ebda evidenza ta' impatti distruttivi fuq is-suq tal-prodotti jew tax-xogħol. Preparamenti għaqlin għat-tkabbir fuq l-aħħar għaxar snin kienu l-qofol biex jinkiseb dan ir-riżultat tajjeb.

31. Waqt li l-esperjenza s'issa tissuġerixxi li l-ottimiżmu huwa f'postu, l-kumplament ta' l-isfidi m'għandhomx ikunu sottovalutati. Kemm l-Istati Membri l-ġodda kuf ukoll il-qodma qed jaffaċċjaw popolazzjonijiet li qed jixjieħu u l-isforzi relatati mal-baġit, il-kompetizzjoni globali li żżid il-pressjoni fuq l-ekonomiji tagħhom, u l-bżonn li jaddattaw għal dawn ir-realtajiet, li jinkludu l-modernizzar tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u jsiru soċjetajiet bbażati fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. Aktar konverġenza ta’ l-ekonomiji, li fiha nnifisha hija sfida fuq tul ta' żmien, kieku tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal dan it-tmiem.

32. F’dinja mmarkata minn kompetizzjoni globali, mhux b’anqas mill-Ażja, d-dinamiżmu ekonomiku huwa essenzjali. Il-ħames tkabbir offra opportunitajiet ġodda kemm għall-Istati Membri l-qodma u kemm għall-ġodda biex jagħmlu passi importanti f’din id-direzzjoni. Aktar konverġenza ta’ l-ekonomiji Ewropej se tgħin lill-Ewropa tibqa' kompettitiva u takkwista miż-żieda fin-negozju intern u estern u prospetti aħjar ta' tkabbir u impjiegi. Iż-żewġ kumpaniji u l-konsumaturi se jibbenefikaw minn suq intern akbar, innovazzjoni teknoloġika, prezzijiet aktar baxxi, u għalhekk ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jaħsdu l-opportunitajiet tad-diviżjoni l-ġdida ta' l-impjiegi li ħierġa fuq livell globali. L-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi u t-triq għall-ewro joffru qafas li bih jistgħu jsegwu l-bidla strutturali neċessarja. Li tieħu din it-triq li twassal għal Unjoni Ewropea dinamika fix-xena dinjija b'determinazzjoni, se twassal għal aktar benefiċċji sostanzjali għall-partijiet kollha involuti fl-UE u lil hinn minnha.

[1] “It-Tkabbir: Sentejn Wara”, studju mill-Uffiċċju tal-Kunsilliera dwar il-Politika Ewropea u d-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Karta Okkażjonali, Nru 24, 2006, l-Kummissjoni Ewropea, d-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, huwa disponibbli fil: http://europa.eu.int/comm/economy_finance/publications/occasionalpapers_en.htm

[2] “Strutturar mill-ġdid u impjieg li tantiċipa u takkumpanja l-istrutturar mill-ġdid biex jiżviluppa l-impjiegi: ir-rwol ta’ l-Unjoni Ewropea”, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, COM(2005) 120 finali, 31 ta’ Marzu 2005, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/comm/employment_social/news/2005/apr/com_restruct_en.pdf

[3] “Rapport fuq it-Tħaddim ta’ l-Arranġamenti Tranżitorji mwaqqfa fit-Trattat ta’ l-Adeżjoni (perjodu l-1 ta’ Mejju 2004-30 ta’ April 2006)" Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, COM(2006) 48 finali, 8 ta’ Frar 2006, disponibbli fuq: http://europa.eu.int/eur-lex/lex/LexUriServ/site/en/com/2006/com2003_0492en01.pdf

[4] Din il-figura tikkorrispondi mal-ħruġ proprju, waqt li 40 biljun kienu previsiti bħala dmirjiet għall-2004-2006.