Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona - Il-progress s’issa u l-passi li jmiss lejn Bażi ta’ Taxxa Korporattiva Komuni u Kkonsolidata (CCCTB) /* KUMM/2006/0157 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 5.4.2006 KUMM(2006) 157 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona: Il-progress s’issa u l-passi li jmiss lejn Bażi ta’ Taxxa Korporattiva Komuni u Kkonsolidata (CCCTB) WERREJ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona: Il-progress s’issa u l-passi li jmiss lejn Bażi ta’ Taxxa Korporattiva Komuni u Kkonsolidata (CCCTB) 1. L-isfond 3 2. Il-progress s’issa 4 2.1. L-għanijiet tal-ħidma fil-Grupp ta’ Ħidma 4 2.2. L-organizzazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma 5 2.3. Il-kisbiet fil-Grupp ta’ Ħidma 6 3. Il-Passi li jmiss 7 3.1. Il-metodu ġenerali 7 3.2. Ir-rabta bejn l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u l-bażi tat-taxxa 7 3.3. Il-konsolidazzjoni 7 3.4. Il-bażi tat-taxxa mhux obbligatorja kontra dik obbligatorja 8 3.5. Il-Programm tal-Ħidma għal wara l-2006 8 4. Konklużjonijiet 9 L-ANNESSI L-Anness 1Programm ta’ Ħidma Sommarju tal-grupp ta’ Ħidma tas-CCCTB 12 L-Anness 2Dettalji sommarji tal-progress tekniku li sar s’issa fis-CCCTB WG 14 L-ISFOND L-Istrateġija ta’ Liżbona hija maħsuba biex ikollha rwol ewlieni fil-kisba tal-kompetittività, tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi fl-UE. It-tneħħija ta’ l-ostakli fiskali bħall-ispejjeż għoljin ta’ konformità għal operazzjonijiet transkonfinali u l-prezzijiet ta’ trasferiment u n-nuqqas ta’ kumpens għat-telf transkonfinali fis-suq intern jistgħu jagħtu kontribut għal dawn l-għanijiet. Il-Bażi ta’ Taxxa Korporattiva Komuni u Kkonsolidata (CCCTB) għandha tnaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż ta’ konformità tal-kumpaniji li joperaw min-naħa għall-oħra tas-suq intern, issolvi l-problemi eżistenti tal-prezzijiet ta’ trasferiment, tagħti spazju lill-konsolidazzjoni tal-profitti u tat-telf, tissemplifika ħafna operazzjonijiet ta’ ristrutturar internazzjonali, tnaqqas uħud mill-kumplessitajiet li jirriżultaw mill-ko-eżistenza tal-metodi klassiċi u ta’ dawk ta’ eżenzjoni għat-tassazzjoni internazzjonali (mingħajr ma jkunu estiżi fil-qasam tat-taxxa personali), tevita ħafna sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja u tneħħi ħafna sitwazzjonijiet u restrizzjonijiet diskriminatorji. Is-CCCTB għandha tagħti kontribut għal aktar effiċjenza, effettività, sempliċità u trasparenza fis-sistemi tat-taxxa tal-kumpaniji u tneħħi d-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali. Sa mill-2001, meta nħarġet il-Komunikazzjoni ‘Lejn suq intern mingħajr ostakli fiskali: Strateġija biex il-kumpaniji jkunu provduti b’bażi ta’ taxxa Korporattiva kkonsolidata għall-attivitajiet tagħhom madwar l-UE’ ( 'Towards an internal market without tax obstacles: A strategy for providing companies with a consolidated corporate tax base for their EU-wide activities' ) (KUMM(2001) 582), kienet il-politika tal-Kummissjoni Ewropea li taħdem biex il-kumpaniji li joperaw f’aktar minn Stat Membru ta’ l-UE wieħed ikunu provduti b’CCCTB. Din il-politika kienet ikkonfermata fl-2003 fil-Komunikazzjoni ’Suq intern mingħajr ostakli tat-taxxa tal-kumpaniji: kisbiet, inizjattivi li għaddejjin u l-isfidi li għad fadal’ ( 'An internal market without company tax obstacles: achievements, ongoing initiatives and remaining challenges' ) (KUMM(2003) 726). Fl-2004, wara diskussjoni inkoraġġanti waqt il-laqgħa informali tal-Kunsill ECOFIN f’Settembru taħt il-Presidenza Olandiża fejn kien ippreżentat Dokument Informali tal-Kummissjoni ‘Bażi ta’ Taxxa Korporattiva Komuni u Kkonsolidata ta’ l-UE’ ( 'A Common Consolidated EU Corporate Tax Base' ), ġie stabbilit il-Grupp ta’ Ħidma tal-Bażi ta’ Taxxa Korporattiva Komuni u Kkonsolidata (CCCTB WG). F’Ottubru 2005, fil-Komunikazzjoni ‘Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona - Il-Kontribut ta’ Politika ta’ Tassazzjoni u Dwana lill-Istrateġija ta’ Liżbona’ (KUMM(2005)532), il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għar-rabta bejn il-ħidma tagħha fuq is-CCCTB u l-Programm ta’ Liżbona u impenjat ruħha għall-għan politiku li tippreżenta miżura leġiżlattiva fl-2008. F’Diċembru 2005, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni[1] (ir-‘Rapport Bersani’) dwar “It-tassazzjoni ta’ l-intrapriżi fl-Unjoni Ewropea: bażi ta’ taxxa Korporattiva komuni u kkonsolidata’ ( 'The taxation of undertakings in the European Union: a common consolidated corporate tax base' ) u fi Frar 2006 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew” ħareġ opinjoni[2] dwar il-‘Ħolqien ta’ bażi ta’ taxxa Korporattiva komuni u kkonsolidata’ ( 'Creation of a common consolidated corporate tax base' ). It-tnejn li huma appoġġjaw il-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. F’Diċembru 2005, il-Kummissjoni tat deskrizzjoni qasira ta’ metodu biex jiġu indirizzati wħud mill-problemi fiskali speċifiċi ta’ l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fuq medda qasira ta’ żmien. Il-Komunikazzjoni ‘Negħlbu l-ostakli tat-taxxa Korporattiva ta’ l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fis-Suq Intern – il-punti ewlenija ta’ skema pilota ta’ Tassazzjoni fl-Istat ta’ l-Oriġini’ ( 'Tackling the corporation tax obstacles of small and medium-sized enterprises in the Internal Market - outline of a possible Home State Taxation pilot scheme' ) (KUMM(2005) 702) tinkludi d-dettalji kollha ta’ l-iskema u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jqisu din l-inizjattiva prammatika u modesta bi spirtu kostruttiv u miftuħ. Din il-Komunikazzjoni għandha l-iskop doppju li tirrapporta dwar il-progress li sar s’issa u li tiġbed l-attenzjoni fuq dawk l-oqsma fejn huma mixtieqa aktar appoġġ u direzzjoni politika mingħajr ma jintalab impenn min-naħa ta’ l-Istati Membri għall-proposta leġiżlattiva. IL-PROGRESS S’ISSA L-għanijiet tal-ħidma fil-Grupp ta’ Ħidma Skond l-għanijiet ta’ Liżbona u t-twaqqif tas-CCCTB WG fl-2004, l-għanijiet ta’ gwida tal-ħidma huma: - li jinstabu modi kif jitneħħew l-ostakli tat-taxxa Korporattiva għall-effiċjenza u għall-funzjonament mingħajr problemi tas-suq intern, - li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi kemm fuq il-kumpaniji kif ukoll fuq l-amministrazzjonijiet fiskali, u li jiġu introdotti regoli sempliċi u trasparenti, - li jiġu identifikati elementi possibbli ta’ bażi ta’ taxxa komuni u kkonsolidata li ttejjeb il-kompetittività internazzjonali tal-kumpaniji Ewropej u li jilħqu r-rekwiżiti ekonomiċi tas-seklu 21, u - li jkun żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreservaw l-interessi finanzjarji leġittimi tagħhom, partikolarment billi jnaqqsu l-ambitu għall-evażjoni u għall-frodi fiskali. Il-metodu ġenerali għall-ħidma sa mill-formazzjoni tiegħu kien skond dak li kien diskuss fid-Dokument Informali oriġinali li kien ippreżentat fil-laqgħa informali ta’ l-ECOFIN f’Settembru 2004 u li wassal għall-ħolqien tal-Grupp ta’ Ħidma. Speċifikament: - l-iskop mhuwiex li jinbidel il-livell kurrenti ta’ tassazzjoni, - l-Istati Membri kollha għandhom jiġu inkoraġġiti jipparteċipaw fil-proċess, - l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità u l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IAS/IFRS) għandhom jintużaw bħala għodda biex tkun iddefinita l-bażi, - il-ħidma għandha tkun iggwidata minn sett stabbilit ta’ prinċipji fiskali, biex jiġu riflessi l-għanijiet ta’ Liżbona. Il-livell ta’ tassazzjoni ma fformax, u mhux se jifforma, parti mid-diskussjonijiet peress li dan kieku jinvolvi diskussjoni tar-rata tat-taxxa u l-Kummissjoni mhix biħsiebha testendi l-ħidma dwar il- bażi biex tinkludi r- rata . Jekk il-bażi l-ġdid ikun usa’ jew idjaq mill-bażijiet fiskali eżistenti ta’ wħud mill-Istati Membri, mela l-livell eżistenti ta’ tassazzjoni jista’ jinżamm mill-Istati Membri li jemendaw ir-rati tat-taxxi tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni se tistudja minn perspettiva kwalitattiva u kwantitattiva l-impatt possibbli tas-CCCTB fuq id-dħul mit-taxxi u l-prevedibbiltà tagħhom. Il-parteċipazzjoni min-naħa ta’ l-Istati Membri fid-WG s’issa kienet inkoraġġanti. L-Istati Membri kollha pparteċipaw fil-laqgħat tad-WG, minkejja li ġie rikonoxxut li l-parteċipazzjoni mhux neċessarjament timplika appoġġ għall-kunċett ta’ CCCTB. Madankollu, l-input tekniku riċevut mill-esperti kollha kien apprezzat u ġie meqjus. L-organizzazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Is-CCCTB WG jiltaqa’ kull tliet xhur, huwa ppresedut minn uffiċjal mid-Direttorat-Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali tal-Kummissjoni Ewropea, u huwa magħmul prinċipalment minn esperti mill-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri, iżda huwa estiż fuq bażi ad hoc biex jinkludi esperti min-negozju u mid-dinja akkademika. Il-ħidma tas-CCCTB WG hija kompletament trasparenti u tista’ tiġi segwita permezz ta’ serje ta’ paġni tal-web iddedikati[3] li jinkludu d-dettalji tal-laqgħat u tad-dokumenti ta’ ħidma tad-WG. Fl-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tas-CCCTB ntlaħaq ftehim dwar programm ta’ ħidma mhux deċiżiv. Kif intwera fiċ-ċart fl-Anness 1, kienu identifikati erba’ kategoriji ewlenin ta’ ħidma: - Il-kwistjonijiet ġenerali, - L-elementi tekniċi strutturali tal-bażi tat-taxxa, - L-aspetti legali strutturali, u - Il-konsolidazzjoni fuq il-livell tal-grupp u allokazzjoni tal-bażi tat-taxxa. L-ewwel żewġ kategoriji huma komuni għal kwalunkwe bażi ta’ taxxa – ir-relazzjoni (jekk hemm) mal-kontijiet finanzjarji u l-prinċipji, u s-‘sisien’ strutturali jinsabu fis-sistemi fiskali kollha. It-tieni żewġ kategoriji jikkonċernaw aspetti li ma jinsabux fil-bażijiet fiskali kollha, u għalhekk huma ġodda għal uħud mill-Istati Membri, jekk mhux għal kollha – l-aspetti legali ta’ bażi kkonsolidata, u t-teknika effettiva ta’ konsolidazzjoni u l-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni sabiex il-bażi tinqasam bejn l-Istati Membri. Il-punti finali fuq iċ-ċart jispjegaw lilhom infushom – il-leġiżlazzjoni nfisha u l-valutazzjoni ta’ l-impatt assoċjat. Il-metodu użat kien dak li l-istaff tal-Kummissjoni, f’kull laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma, jintroduċi mill-inqas suġġett wieħed ġdid għad-diskussjoni billi jippreparaw dokument ta’ ħidma. Jiddependi mill-kumplessità tal-kwistjoni, jista’ mbagħad jiġi fformat sottogrupp ta’ esperti minn numru ta’ Stati Membri biex jiltaqa’ separatament ħalli japprofondixxi l-analiżi, ippresedut minn espert minn Stat Membru. Is-sottogrupp jirrapporta perjodikament lill-Grupp ta’ Ħidma sabiex l-esperti kollha jinżammu informati dwar il-progress. Dan il-metodu ta’ ħidma jippermetti input tekniku massimu mill-esperti ta’ l-Istati Membri. Matul l-2004 u l-2005 ġew stabbiliti erba’ sottogruppi. Il-kisbiet fil-Grupp ta’ Ħidma Waqt l-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma, kienu diskussi l-prinċipji fiskali li għandhom jiggwidaw il-ħidma u dawn id-diskussjonijiet preliminari pprovdew qafas għall-ħidma li għaddejja dwar l-elementi strutturali. L-ebda sottogrupp ma tqies bħala neċessarju iżda l-prinċipji fiskali ġew riveduti f’laqgħa sussegwenti u x’aktarx li se jerġgħu jiġu diskussi f’laqgħat futuri. Fir-rigward ta’ l-elementi tekniċi strutturali tal-bażi tat-taxxa, s’issa kienu diskussi erba’ blokki ewlenija ta’ kwistjonijiet : (1) L-Assi u d-deprezzament tagħhom, (2) ir-Riservi, il-proviżjonijiet u d-djun, (3) id-Dħul taxxabbli u (4) l-Aspetti Internazzjonali tas-CCCTB. Għal kull wieħed minn dawn l-elementi strutturali ġie stabbilit sottogrupp apposta, li l-parti kbira minnhom kienu diġà ltaqgħu f’diversi okkażjonijiet. Kull sottogrupp kien (jew fil-każ tat-tieni żewġ sottogruppi, huwa mistenni li jkun) kapaċi jidentifika wħud mill-oqsma ta’ l-elementi strutturali li qed jeżamina illi fihom jaħseb li x’aktarx se jkun hemm ftehim wiesa’ dwar kif dak il-qasam għandu jiġi intaxxat jew titnaqqaslu t-tassazzjoni. Kull wieħed identifika wkoll oqsma fejn b’mod ċar hemm aktar minn possibbiltà waħda, u l-esperti bħalissa mhumiex jaqblu dwar liema waħda hija preferibbli. Indikazzjonijiet bikrija minn l-aktar sottogrupp reċenti, li jikkonċerna l-aspetti internazzjonali, jissuġġerixxu li dawn il-kwistjonijiet huma partikolarment wiesgħin peress li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u l-implikazzjonijiet potenzjali għal konvenzjonijiet bilaterali eżistenti dwar taxxa doppja. Il-kwistjonijiet speċifiċi għas-CCCTB, bħall-konsolidazzjoni u l-metodu ta’ allokazzjoni, għadhom ma ġewx indirizzati fil-Grupp ta’ Ħidma iżda, peress li huma marbuta mill-qrib mal-bażi, il-Kummissjoni tqis li l-Grupp ta’ Ħidma għandu jibda jaħdem fuq dawn il-kwistjonijiet aktar tard din is-sena. Ta’ min jinnota li għalkemm jista’ jidher li hemm numri iżgħar minn dawn il-kwistjonijiet, dawn huma ferm kumplessi, u se jeħtieġu ħidma sinifikanti, mhux l-inqas peress li jirrappreżentaw oqsma li jmorru lil hinn mill-elementi tradizzjonali ta’ bażi ta’ taxxa. Il-format tas-CCCTB WG u l-Programm ta’ Ħidma jidhru b’saħħithom u r-riżultat se jkun utli għall-Kummissjoni meta tibda l-ħidma fuq il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt u fuq il-proposta leġiżlattiva nfisha. IL-PASSI LI JMISS Il-metodu ġenerali Ta’ spiss jiġi ddikjarat li f’dawn l-aħħar snin il-bażijiet tat-taxxa tal-kumpaniji madwar l-UE saru aktar wesgħin hekk kif l-inċentivi fiskali speċjali tnaqqsu. Dan jagħmel lill-bażi tat-taxxa aktar sempliċi u aktar trasparenti, u b’hekk effiċjenti u newtrali (fis-sens li iktar ma jkun hemm ftit reġimi u inċentivi speċjali aktar se tkun newtrali l-bażi) u jippermetti wkoll li jiġi ġġenerat l-istess ammont ta’ dħul b’rata ta’ taxxa statutorja aktar baxxa. Hekk kif qed ikun hemm progress fil-ħidma dwar is-CCCTB, qed isir evidenti li l-bażi l-ġdida se taħdem l-aħjar jekk iżżomm dan il-momentum, jiġifieri għandha tkun uniformi u tirrappreżenta semplifikazzjoni u twessigħ ġenerali tal-bażi tat-taxxa Korporattiva. B’mod ġenerali, il-Programm ta’ Ħidma inizjali li kien maqbul b’mod provviżorju fl-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma jibqa’ validu. Huwa l-ħsieb tal-Kummissjoni li l-ħidma ta’ l-ewwel erba’ sottogruppi (dwar l-Assi u d-Deprezzament; il-Proviżjonijiet, ir-Riservi u d-Djun; id-Dħul Taxxabbli u l-Aspetti Internazzjonali) b’mod ġenerali, għandha titlesta sa tmiem l-2006 . Ġie ppjanat ukoll li tinbeda ħidma fuq tliet elementi oħra fl-2006: l-ewwel, il-konsolidazzjoni; it-tieni, il-mekkaniżmu biex tinqasam il-bażi tat-taxxa komuni u kkonsolidata; u t-tielet, il-qafas strutturali u legali li jkopri l-qafas amministrattiv, l-arranġamenti tal-verifika, l-interpretazzjoni legali u l-proċeduri tal-qorti. Il-ħidma se tqis is-sitwazzjoni speċifika ta’ l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Ir-rabta bejn l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u l-bażi tat-taxxa Minkejja li l-ħidma fuq is-CCCTB tista’ tkun aktar faċli jekk il-kumpaniji kollha, fl-Istati Membri kollha, jingħataw il-permess li jużaw l-IAS/IFRS u għalhekk ikun hemm punt tal-bidu wieħed għall-kumpaniji kollha, il-Kummissjoni taċċetta li bħalissa dan mhux il-każ. Minħabba l-importanza tas-CCCTB għall-Programm ta’ Liżbona, il-Kummissjoni ma tistax tittardja l-ħidma fuq is-CCCTB sakemm issir kwalunkwe armonizzazzjoni futura tal-kontabilità tal-kumpaniji. Aktar minn hekk, is-CCCTB WG huwa grupp tekniku ta’ esperti fiskali u r-rwol tiegħu huwa limitat għal kwistjonijiet fiskali tekniċi. Ir-regoli li jiggvernaw il-kontenut tas-CCCTB se jkunu applikabbli jekk, fuq il-livell nazzjonali, il-punt tal-bidu għall-kumpaniji li qed jippreparaw il-kontijiet fiskali tagħhom huma kontijiet li ġew ippreparati skond l-IAS/IFRS jew skond l-istandards nazzjonali tal-kontabilità. Għalhekk, l-IAS/IFRS se jintużaw biss bħala għodda għat-tfassil tal-bażi peress li jipprovdu lingwa komuni u xi definizzjonijiet komuni. B’mod partikolari, l-elementi ta’ dawn l-istandards internazzjonali li mhumiex adattati għas-CCCTB mhux se jiġu impurtati fis-CCCTB u mhux se jkun hemm rabta formali diretta ma’ l-istandards li jinbidlu b’mod kostanti (l-IAS/IFRS). Il-konsolidazzjoni Il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huma konvinti li l-bażi għandha tkun introdotta mill-bidu bħala bażi ta’ taxxa kkonsolidata u għaldaqstant, kif ġie spjegat fil-qosor fil-pjan ta’ ħidma oriġinali tas-CCCTB WG, il-ħidma fuq il-konsolidazzjoni se tibda matul l-2006. Minkejja li huwa ambizzjuż, dan il-metodu se jġib l-akbar benefiċċji għas-Suq Intern u se jagħti l-akbar kontribut għall-għanijiet ta’ Liżbona . L-alternattiva ta’ proċess b’żewġ stadji, l-ewwelnett bażi komuni mingħajr konsolidazzjoni u t-tieni bażi kkonsolidata, ma tindirizzax il-problemi assoċjati ma’ l-assenza ta’ tnaqqis fit-telf transkonfinali, u lanqas ma tissemplifika d-diffikultajiet eżistenti fil-prezzijiet ta’ trasferiment. Barra minn hekk, sakemm il-ħidma ma tkunx diretta lejn bażi kkonsolidata hemm periklu li l-konsolidazzjoni tista’ ssir aktar diffiċli fuq medda twila ta’ żmien jekk, pereżempju, jiġi aċċettat livell aktar baxx ta’ trattament komuni ta’ certi elementi strutturali, jew ta’ ċerti metodoloġiji. Tabilħaqq, huwa diffiċli li jiġu identifikati ħafna vantaġġi sempliċiment mill-introduzzjoni ta’ bażi “komuni” li topera indipendentement f’kull Stat Membru li tista’, biż-żmien, terġa’ lura għal ħamsa u għoxrin bażi differenti hekk kif l-interessi nazzjonali jipprevalu fuq l-interessi tas-suq intern kollu. Se tinħtieġ ukoll ħidma fuq il-mekkaniżmu biex tinqasam il-bażi kkonsolidata bejn l-Istati Membri. Dan jista’ jitwettaq fl-istess ħin peress li l-kwistjonijiet tekniċi huma relattivament indipendenti, u minn perspettiva ta’ riżorsi se jeħtieġu kompetenza u kapaċitajiet differenti. Tabilħaqq, diġà saret xi ħidma preliminari internament mill-istaff tal-Kummissjoni fuq mekkaniżmi possibbli bħat-tqassim tal-formula. Il-bażi tat-taxxa mhux obbligatorja kontra dik obbligatorja Il-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament Ewropew, ukoll tkompli temmen li għall-bidu, is-CCCTB għandha tkun proposta għall-kumpaniji bħala mezz mhux obbligatorju minħabba li l-għan primarju huwa li jittejjeb l-operat tas-suq intern aktar milli l-ekonomiji domestiċi ta’ l-Istati Membri. Mhux il-kumpaniji kollha joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed u m’hemm l-ebda bżonn li kumpaniji bħal dawn ibiddlu l-bażi tat-taxxa tagħhom. Filwaqt li, tabilħaqq, l-operat simultanju ta’ żewġ bażijiet ta’ taxxa Korporattiva – is-CCCTB u l-bażi ta’ taxxa nazzjonali – jista’ jqajjem kwistjonijiet speċifiċi għall-amministrazzjonijiet fiskali, hija wkoll l-opinjoni tal-Kummissjoni li CCCTB mhux obbligatorja għandha probabbiltà akbar li tikseb l-appoġġ ta’ l-Istati Membri kollha u tan-negozju milli CCCTB obbligatorja. Għall-intrapriżi, l-użu ta’ bażi ta’ taxxa waħda minflok sa ħamsa u għoxrin se jkun ferm aktar faċli. It-tfassil tas-CCCTB bħala mhux obbligatorja joħloq ukoll inċentiv biex it-tfassil tagħha jkun kemm jista’ jkun kompetittiv, sempliċi u uniformi fl-UE kollha, minkejja se jkun hemm bżonn ta’ attenzjoni biex ikun żgurat li ma jinkisrux ir-regoli ta’ l-Għajnuna Statali u li jiġu introdotti regoli xierqa kontra l-abbużi. Il-Programm tal-Ħidma għal wara l-2006 Wara l-2006, l-ippjanar huwa soġġett għar-rata ta’ progress miksuba fis-CCCTB WG. Fil-bidu ta’ l-2007, huwa ppjanat “rapport dwar il-progress” ieħor. Fl-istess ħin, il-ħidma fuq l-inċentivi fiskali u kontra l-evażjoni tat-taxxa tista’ tinbeda sabiex tkun tintemm b’mod ġenerali sa l-aħħar ta’ l-2007. Matul is-sena, il-ħidma fuq il-konsolidazzjoni u fuq il-mekkaniżmu ta’ qsim tista’ tintemm b’mod ġenerali u jista’ jinbeda l-proċess ta’ ‘reviżjoni’ ta’ l-elementi li diġà ġie diskuss. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni biex fl-aħħar ta’ l-2008 ttemm il-ħidma u tippreżenta miżura leġiżlattiva Komunitarja li tkun komprensiva. Ta’ min jinnota li t-terminu “mitmum b’mod ġenerali” jintuża deliberatament: mhu se jitfittex l-ebda ftehim finali sakemm tintemm il-ħidma fuq l-elementi strutturali kollha. Anki f’dak il-mument, peress li s-CCCTB WG huwa grupp ta’ esperti tekniċi, mhu se jieħu l-ebda deċiżjoni formali. Madankollu, hemm il-ħtieġa li jsir ‘it-tieni ċiklu’ ta’ diskussjonijiet dwar l-elementi strutturali fi ħdan id-WG qabel ma jibda l-abbozzar leġiżlattiv biex ikun żgurat li l-ħidma fuq l-elementi individwali toqgħod flimkien f’metodu ġenerali li huwa koerenti u sodisfaċenti. KONKLUżJONIJIET Internament, il-Kummissjoni qed timpenja r-riżorsi neċessarji biex tissodisfa l-programm ta’ ħidma ambizzjuż li ġie stabbilit f’din il-Komunikazzjoni bil-għan li tkun tista’ tressaq proposta leġiżlattiva fl-2008. Esternament, ġie stabbilit il-Grupp ta’ Ħidma tas-CCCTB u jipprovdi l-mekkaniżmi neċessarji għal diskussjonijiet ma’ esperti mill-amministrazzjonijiet, min-negozju u mid-dinja akkademika ta’ l-Istati Membri. Madankollu, huwa eżerċizzju diffiċli u, jekk se jitwettaq, se jkun meħtieġ iktar impenn, minn iktar Stati Membri. Għalkemm sar progress inizjali tajjeb f’numru ta’ oqsma, hemm tliet oqsma possibbli ta’ tħassib. L-ewwelnett, hemm tendenza għal uħud mill-esperti li primarjament jiddefendu aspetti tas-sistema fiskali kurrenti tagħhom, minflok ifittxu soluzzjoni li tista’ tkun applikabbli ma’ l-UE kollha. It-tieni, hemm tendenza jew li jiġu posposti d-diskussjonijiet dwar elementi iktar ‘diffiċli’ jew li jipprovaw jinżammu żewġ soluzzjonijiet differenti għal kull kwistjoni billi jiġi suġġerit li jista’ jinżamm element ta’ għażla. It-tielet, hemm diskrepanza li qed tiżdied fl-ammont ta’ riżorsi li l-Istati Membri qed jimpenjaw għall-ħidma li, minħabba l-orarju ambizzjuż, tista’ twassal għal dewmien fl-implimentazzjoni ta’ dik li hija parti fundamentali mill-istrateġija biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Liżbona. Filwaqt li wieħed jista’ jifhem li l-esperti jippreferu ‘dak li diġà jafu’, u jargumentaw li peress li ħadmet fil-kuntest domestiku għal ħafna snin m’hemm l-ebda raġuni biex ikun hemm bidla, dan ixekkel il-progress fit-tfassil ta’ bażi ta’ taxxa komuni. Huwa preċiżament għaliex hemm daqstant differenzi bejn ir-regoli nazzjonali eżistenti li hemm bżonn għal soluzzjoni komuni waħda. Kieku kull Stat Membru kellu jinsisti biex iżomm ir-regoli eżistenti tiegħu, allura ma jista’ jkun hemm l-ebda bażi komuni – fi ftit kliem, l-adozzjoni ta’ bażi komuni neċessarjament tfisser bidliet fir-regoli ta’ komputazzjoni domestiċi eżistenti. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li jintuża l-iżvilupp ta’ bażi ta’ taxxa komuni ġdida bħala opportunità għal riforma ekonomika billi nagħmlu ħilitna għal modernizzazzjoni u semplifikazzjoni tar-regoli fiskali. Bl-istess mod, il-bżonn li jsir xi progress inizjali bir-raġun wassal għall-posponiment tad-diskussjonijiet dwar uħud mill-kwistjonijiet, sabiex l-affarijiet ma jiġux ittardjati. Madankollu, dan ma jistax ikompli b’mod indefinit. B’mod aktar importanti, mhux mixtieq li jintlaħaq ‘kompromess’ billi għal kull kwistjoni jitħallew jeżistu fl-istess ħin bħala għażliet nazzjonali żewġ soluzzjonijiet tekniċi pjuttost differenti għax dan mhux se jwassal għall-benefiċċji sħaħ tas-semplifikazzjoni. Meta grupp ta’ kumpaniji jopera f’diversi Stati Membri huwa importanti li jkun jista’ jadotta metodu komuni biex jikkonforma mar-rekwiżiti fiskali – ma tantx se jkun ta’ għajnuna jekk xorta jkollu jikkonforma ma’ rekwiżiti differenti skond fejn ikun qed jopera. Jekk ‘għażliet’ bħal dawn jestendu lil hinn mill-metodoloġiji ta’ komputazzjoni fit-trattament fiskali effettiv ta’ ċerti tranżazzjonijiet mela mhux biss tiġi ssagrifikata s-sempliċità iżda minbarra dan se jinqalgħu diffikultajiet fil-proċess ta’ konsolidazzjoni kif issemma aktar ’il fuq. Hekk kif il-ħidma fuq is-CCCTB qed taċċellera, qed jiżdiedu d-domandi fuq ir-riżorsi ta’ l-istaff. Il-prijorità politika mogħtija biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Liżbona, li s-CCCTB se tagħti kontribuzzjoni importanti għalihom, għandha tkun riflessa fl-allokazzjoni tar-riżorsi ta’ l-istaff. Il-Kummissjoni rrispondiet billi allokat staff addizzjonali għall-proġett u wħud mill-Istati Membri għamlu l-istess. Il-vantaġġi ta’ tim speċjalizzat huma ċari u li jkunu provduti riżorsi adegwati se jagħti l-opportunità biex kulħadd jipparteċipa b’mod sħiħ fil-proġett. Il-ħidma bikrija fuq kull element strutturali tal-bażi tat-taxxa neċessarjament tinvolvi ammont ta’ ‘ġbir ta’ informazzjoni’ iżda hemm riskju li dawk li jiddedikaw riżorsi insuffiċjenti għall-proġett se jkunu inqas sodisfatti bil-proposta eventwali tal-Kummissjoni minn dawk li kienu involuti b’mod aktar attiv. L-għażla ta’ l-esperti individwali li jattendu kull laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma u tas-sottogrupp deliberatament tħalliet f’idejn l-Istati Membri biex ikollhom il-possibbiltà li jsejħu firxa ta’ esperti b ’ kompetenza fl-aspett partikolari tal-bażi tat-taxxa li qed jiġi diskuss fi kwalunkwe laqgħa partikolari. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dwar ċerti kwistjonijiet l-esperti tekniċi mhumiex f’pożizzjoni li jappoġġjaw ħidma fuq element partikolari mingħajr iktar appoġġ ta’ livell ogħla jew mingħajr aktar appoġġ politiku. Għalhekk, din il-Komunikazzjoni għandha l-iskop doppju li tirrapporta dwar il-progress li sar s’issa u li tiġbed l-attenzjoni għal dawk l-oqsma fejn huma mixtieqa iktar appoġġ u direzzjoni politika. Huwa rikonoxxut li l-Istati Membri mhux se jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni finali dwar jekk iridux jappoġġjaw is-CCCTB jew le sakemm tiġi ppreżentata proposta formali min-naħa tal-Kummissjoni iżda appoġġ ċar għall-kunċett ġenerali u għall-programm ta’ ħidma huma essenzjali biex ikompli l-progress. Biex nikkonkludu: - Għalkemm id-definizzjoni tas-CCCTB konċettwalment tista’ tiġi ispirata mill-istandards internazzjonali tal-kontabilità (l-IAS/IFRS), m’għandha tiġi stabbilita l-ebda rabta formali bejn it-tnejn, għaliex mhux il-kumpaniji kollha jistgħu jużaw l-IAS/IFRS u l-istandards jinbidlu sikwit. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni tas-CCCTB għandha tkun dokument awtonomu li jinkludi d-definizzjonijiet kollha neċessarji biex ikunu ddeterminati l-profitti taxxabbli. - Il-programm ta’ ħidma inizjali għas-CCCTB, li kien jipprevedi bażi ta’ taxxa għall-kumpaniji li mhix obbligatorja, b’konsolidazzjoni, u maqsuma bejn l-Istati Membri, jibqa’ l-aqwa metodu biex tinkiseb l-implimentazzjoni tas-CCCTB u l-kontribuzzjoni konsegwenti għall-għanijiet ta’ Liżbona. Għalhekk, mingħajr ma jkunu preġudikati d-deċiżjonijiet politiċi futuri, il-ħidma teknika għandha tagħmel progress fuq dawn il-linji. - Il-metodu kurrenti ta’ ħidma f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-esperti ta’ l-Istati Membri huwa l-aqwa mod biex ikun żgurat li l-proposta leġiżlattiva eventwali tal-Kummissjoni se tkun aċċettabbli għall-Istati Membri. B’dan il-mod, l-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma mingħajr ma’ jieħdu impenn prematur jew finali dwar is-CCCTB. Il-kooperazzjoni man-negozju u ma’ l-akkademiċi hija utli wkoll, kif intwera mil-laqgħa b’‘format estiż’ tal-Grupp ta’ Ħidma tas-CCCTB f’Diċembru. - Sar progress raġonevoli lejn is-CCCTB b’input tajjeb mill-esperti ta’ l-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tas-CCCTB. Il-kwalità ta’ aktar ħidma se tiddependi fuq l-involviment attiv kemm ta’ l-Istati Membri kif ukoll tal-Kummissjoni. - L-introduzzjoni ta’ bażi ta’ taxxa komuni u kkonsolidata li hija sempliċi, moderna u trasparenti neċessarjament se tfisser li kull Stat Membru jrid jagħmel xi bidliet inkella l-benefiċċji ta’ bażi komuni mhux se jiġu realizzati, għaldaqstant huma importanti l-moħħ miftuħ u l-flessibilità tal-parteċipanti kollha f’dan il-proċess. Il-Kummissjoni tilqa’ l-appoġġ u d-direzzjoni politika mill-Istati Membri għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. L-ANNESSI L-Anness 1 PROGRAMM TA’ ĦIDMA SOMMARJU TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA TAS-CCCTB Is-CCCTB – sommarju tal-programm ta’ ħidma u tal-progress li sar s’issa Ġenerali | L-implikazzjonijiet u l-użu ta’ l-IAS/IFRS(1) Il-Karta tal-Bilanċ Fiskali/Id-Dipendenza Il-Prinċipji Fiskali | → | Id-diskussjonijiet inizjali fil-Grupp ta’ Ħidma | L-elementi strutturali u tekniċi tal-bażi tat-taxxa | Id-deprezzament ta’ l-assi u tat-taxxi – tanġibbli u intanġibbli Il-Qligħ Kapitali – tanġibbli u intanġibbli Il-Kiri /Il-Pussess Ekonomiku | → | Id-diskussjonijiet inizjali fil-Grupp ta’ Ħidma Aktar diskussjonijiet fis-Sottogrupp | Ir-Riservi/il-Proviżjonijiet /id-Djun | → | Id-diskussjonijiet inizjali fil-Grupp ta’ Ħidma Aktar diskussjonijiet fis-Sottogrupp | Id-Dħul Taxxabbli It-Tnaqqis It-tnaqqis ta’ telf mhux użat mid-dħul taxxabbli ta’ perjodu preċedenti, it-trasferiment ta’ telf minn perjodu preċedenti għal dak korrenti (Loss carry back, carry forward) | → | Id-diskussjonijiet inizjali fil-Grupp ta’ Ħidma Aktar diskussjonijiet fis-Sottogrupp | L-Assi finanzjarji L-Attivitajiet Finanzjarji | → | Id-diskussjonijiet inizjali fil-Grupp ta’ Ħidma | L-Aspetti Internazzjonali It-tarf (water’s edge) – UE/mhux ta’ l-UE It-tnaqqis fit-tassazzjoni doppja | → | Id-diskussjonijiet inizjali fil-Grupp ta’ Ħidma Aktar diskussjonijiet fis-Sottogrupp | It-Tagħqid tan-negozji/l-Amalgamazzjonijiet Id-dividendi/id-distribuzzjonijiet | → | Għadhom ma nbdewx | Il-miżuri ta’ inċentiv, inklużi l-R&D | → | Għadhom ma nbdewx | Strutturali – legali | Il-qafas amministrattiv Il-verifika L-interpretazzjoni/il-qrati, eċċ. | → | Għadhom ma nbdewx | Kontra l-evitar | → | Għadhom ma nbdewx | L-Applikazzjoni obbligatorja/mhux obbligatorja għall-kumpaniji Ir-restrizzjoni – id-daqs/is-settur | → | Għandhom jiġu diskussi barra mill-Grupp ta’ Ħidma tekniku | Il-konsolidazzjoni u l-allokazzjoni | Il-metodi, ir-regoli, eċċ. ta’ konsolidazzjoni Il-Metodu ta’ Allokazzjoni | → | Inbdiet il-ħidma tal-Kummissjoni Interna Għadhom ma nbdewx fil-Grupp ta’ Ħidma | Id-diskussjonijiet ġenerali biex l-elementi strutturali jintrabtu flimkien Kwistjonijiet addizjonali li ġew identifikati matul il-ħidma | → | Għadhom ma nbdewx | Il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt – tas-CCCTB L-abbozzar tal-proposti leġiżlattivi | → | Għadhom ma nbdewx | (1) L-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità/L-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju L-ANNESS 2 DETTALJI SOMMARJI TAL-PROGRESS TEKNIKU LI SAR S’ISSA FIS-CCCTB WG L-istandards tal-kontabilità u d-dipendenza tal-kontabilità finanzjarja u fiskali Il-grad ta’ rabta bejn il-kontijiet finanzjarji u l-kontijiet fiskali jew il-bażi tat-taxxa hija kwistjoni perenni. Għalkemm ħafna kumpaniji issa jippreparaw il-kontijiet finanzjarji tagħhom skond l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (l-IAS/IFRS)[4] ħafna għadhom mitluba jużaw l-istandards tal-kontabilità nazzjonali minflok l-IAS/IFRS. Peress li mhux il-kumpaniji kollha jużaw l-istess regoli tal-kontabilità, il-kontinwazzjoni tad-‘dipendenza’ tal-kontijiet fiskali fuq il-kontijiet finanzjarji u/jew ‘dipendenza bil-maqlub’ hija konċettwalment impossibbli. Bħalissa hemm 25 sett differenti ta’ regoli nazzjonali tal-kontabilità finanzjarja. Għaldaqstant, il-kontijiet finanzjarji li ġew ippreparati skond dawn il-25 sett ta’ regoli differenti ma jistgħux jiġu marbuta direttament ma’ bażi ta’ taxxa komuni waħda li hija identifika. Fil-livell nazzjonali se tkun neċessarja xi forma ta’ rikonċiljazzjoni. Għalhekk il-leġiżlazzjoni tas-CCCTB se jkollha tinkludi b’mod espliċitu definizzjonijiet li f’ħafna Stati Membri bħalissa sempliċement jittieħdu mir-regoli u mir-regolamenti nazzjonali tal-kontabilità tagħhom għall-iskopijiet tal-bażi tat-taxxa nazzjonali tagħhom. Il-prinċipji fiskali Kwalunkwe bażi ta’ taxxa li ġiet żviluppata dan l-aħħar għandha tiġi bbażata b’mod sod fuq prinċipji fiskali stabbiliti u fl-ewwel laqgħa tal-WG ġew diskussi serje ta’ prinċipji possibbli. Dawn għandhom jifformaw ‘lista ta’ verifika’ utli li magħha jiġu evalwati s-soluzzjonijiet possibbli li jitfaċċaw matul id-diskussjonijiet dwar l-elementi individwali. Madankollu, ma tqisx li huwa mixtieq jew neċessarju, fil-bidu ta’ l-eżerċizzju, jew li jkun hemm ftehim formali dwar sett finali ta’ prinċipji, jew li tingħata prijorità lil prinċipji individwali li f’ċerti każi jistgħu jkunu konfliġġenti. Lanqas ma ttieħdet kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk dikjarazzjoni formali tal-prinċipji għandhiex tiġi adottata jew le bħala parti mis-CCCTB, għalkemm ġie nnotat li bħalissa l-ebda Stat Membru m’għandu dikjarazzjoni bħal din fil-leġiżlazzjoni tiegħu. Jidher li hemm kunsens wiesa’ li l-metodu flessibbli korrenti huwa l-iktar wieħed xieraq u m’hemm l-ebda pjan biex tiġi proposta l-formalizzazzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar il-prinċipji fiskali f’dan l-istadju. Matul id-diskussjonijiet dwar il-prinċipji ġie nnotat li ġeneralment dawn jiġu diskussi fil-kuntest ta’ sistema fiskali ġenerali, jiġifieri inklużi l-bażi u r-rata; il-kumpanija u l-azzjonista individwali. Għaldaqstant mhumiex awtomatikament trasferibbli għall-eżerċizzju korrenti, li jikkonċerna l-bażi tat-taxxa korporata. Però, jidher biċ-ċar li ċerti elementi huma rilevanti, speċjalment il-prinċipji ta’ effiċjenza (deskritta wkoll bħala newtralità, partikolarment f’relazzjoni mat-tipi differenti ta’ investimenti), sempliċità, trasparenza u ċertezza. It-tfassil ta’ bażi ta’ taxxa ġdida joħloq opportunità ‘tad-deheb’ biex dawn il-prinċipji jiġu sodisfatti u l-Kummissjoni tixtieq tenfasizza b’mod partikolari l-importanza tas-sempliċità. L-elementi strutturali tal-bażi tat-taxxa Kif ġie spjegat fil-qosor fit-test ewlieni, diġà nbdiet ħidma fuq erba’ elementi strutturali ewlenin: (i) l-assi fissi u d-deprezzament (inkluż il-qligħ kapitali), (ii) ir-riservi, il-proviżjoniet u d-djun, (iii) id-dħul nett taxxabbli u (iv) l-aspetti internazzjonali. L-assi fissi u d-deprezzament (inkluż il-qligħ kapitali) Ġeneralment, id-diskussjonijiet dwar l-assi u d-deprezzament fiskali u dwar il-qligħ u t-telf kapitali taw il-frott u s-sottogrupp iddedikat għal din il-kwistjoni identifika metodi komuni f’diversi oqsma. Dawn jinkludu d-definizzjoni ta’ assi deprezzabbli, il-bżonn ta’ definizzjoni uniformi ta’ meta jiġu rikonoxxuti l-assi u l-metodu għall-assi intanġibbli, partikolarment id-distinzjoni bejn l-intanġibbli mixtrija u dawk maħluqa minnhom infushom. Kienu koperti wkoll numru ta’ kwistjonijiet relattivament dettaljati, bħall-assi ta’ valur baxx ħafna, u metodu għall-pussess legali, b’kuntrast għal dak ekonomiku. Jibqgħu opinjonijiet li jvarjaw f’oqsma oħra, bħal kif wieħed għandu jittratta tiswijiet ewlenin fuq assi difettużi. Id-diskussjoni u l-analiżi li saru mis-sottogrupp u mid-WG ewlieni se jirrappreżentaw input siewi u punt ta’ bidu għall-proposta eventwali tal-Kummissjoni iżda jrid jitqies ukoll input minn barra d-WG. Il-kwistjoni prinċipali li dwarha hemm opinjonijiet li jvarjaw tikkonċerna l-għażla bejn id-deprezzament ta’ l-assi individwali u l-ippuljar. Id-deprezzament ta’ l-assi individwali jeħtieġ li jiġi kkalkulat iż-żmien ta’ utilità ta’ kull assi meta jinxtara, u jiġi deprezzat b’mod individwali tul iż-żmien ta’ utilità tiegħu. Fil-prattika, tabelli dettaljati ta’ l-assi u ż-żminijiet ta’ utilità tagħhom jinżammu mill-amministrazzjonijiet fiskali li jsegwu din il-prattika. Id-deprezzament permezz ta’ l-ippuljar jassumi li l-assi kollha f’pul għandhom ‘żmien’ komuni u li huwa l-pul li jiġi deprezzat, aktar milli l-assi individwali. Huwa ferm aktar sempliċi ladarba l-amministrazzjonijiet m’għandhomx għalfejn iżommu listi dettaljati ta’ l-assi individwali u taż-żminijiet ta’ utilità kkalkulati tagħhom, minkejja dan jista’ jkun inqas preċiż. Il-possibbilità ta’ serje ta’ puls jixirqilha li tiġi eżaminata aktar, skond il-Kummissjoni, bħala soluzzjoni ta’ kompromess possibbli. Il-Kummissjoni hija konvinta li l-ippuljar huwa preferibbli għas-CCCTB peress li huwa sempliċi u effiċjenti u temmen li kompromess ibbażat fuq numru żgħir ta’ puls għandu jkun possibbli. Is-sempliċità u l-effiċjenza huma l-għanijiet fundamentali tas-CCCTB u l-armonizzazzjoni neċessarja tad-diversi tabelli nazzjonali eżistenti li jindikaw iż-żminijiet ta’ utilità ta’ diversi eluf ta’ assi individwali deprezzabbli għandha tirrappreżenta kompitu li jitlob ħafna attenzjoni u li jieħu ħafna żmien, li, anki jekk ikun jista’ jinkiseb f’waqtu, mhux se jikkontribwixxi la għas-sempliċità u lanqas għall-effiċjenza. Barra minn hekk, l-ippuljar għandu wkoll il-vantaġġ miżjud li jindirizza wkoll numru ta’ kwistjonijiet marbuta, bħalma hija l-proviżjoni ta’ tnaqqis mit-taxxa fuq il-bejgħ ta’ ċerti assi (‘it-tnaqqis ta’ l-estensjoni’ - 'rollover relief' ), li għad iridu jiġ solvuti skond metodu għall-assi individwali. Ir-riservi, il-proviżjonijiet u d-djun L-għoti ta’ tnaqqis fiskali meta tinħoloq proviżjoni minflok ma wieħed joqgħod jistenna sakemm issir in-nefqa effettiva tavvanza ‘biss’ it-tnaqqis, jiġifieri t-telf tad-dħul potenzjali għal amministrazzjoni fiskali huwa ‘biss’ il-valur taż-żmien li jiġi rikonoxxut tnaqqis minn kmieni. Però, bħalissa hemm firxa wiesgħa ta’ prattiki fl-Istati Membri, u wħud mill-proviżjonijiet potenzjali, pereżempju dawk li jirrelataw ma’ l-ispejjeż tat-tindif ambjentali, jistgħu jkunu kbar f’relazzjoni mal-bażi tat-taxxa ta’ entità individwali. Rigward id-definizzjonijiet, sar progress tajjeb, b’dipendenza kbira mid-definizzjonijiet eżistenti li kienu disponibbli fl-IAS/IFRS, bħad-definizzjoni li ‘l-proviżjonijiet huma djun ta’ żmien jew ammont inċert’ u ‘d-djun huma obbligi preżenti ta’ intrapriżi li jinqalgħu minn avvenimenti imgħoddija.’ Però, ir-rikonċiljazzjoni tal-metodoloġiji differenti għall-għoti tat-tnaqqis fiskali li qed jintużaw bħalissa mill-Istati Membri kienet diffiċli. Il-Kummissjoni temmen li ż-żewġ metodi ewlenija diskussi (proviżjonijiet li ġeneralment minnhom ma tistax titnaqqas it-taxxa (tax non-deductible) b’lista ta’ eċċezzjonijiet li minnhom tista’ titnaqqas it-taxxa (tax deductible) , jew, proviżjonijiet li ġeneralment minnhom tista’ titnaqqas it-taxxa b’lista ta’ eċċezzjonijiet li minnhom ma tistax titnaqqas it-taxxa) m’humiex daqstant opposti daqskemm jistgħu jidhru. Iż-żewġ tekniki għandhom iwasslu għall-istess riżultati sakemm il-prinċipji fundamentali ddefiniti ta’ liema affarijiet tista’ titnaqqsilhom it-taxxa jkunu l-istess. Il-Kummissjoni tippreferi l-kunċett tal-preparazzjoni ta’ definizzjoni ġenerali ta’ proviżjonijiet li minnhom tista’ titnaqqas it-taxxa appoġġjata minn lista ta’ eċċezzjonijiet minnhom ma tistax titnaqqas it-taxxa għaliex dan jidher li huwa l-iktar mod effiċjenti kif wieħed jipproċedi. B’mod iktar speċifiku, id-diskussjonijiet dwar il-proviżjonijiet għall-ispejjeż tat-tindif ambjentali enfasizzaw waħda mis-sitwazzjonijiet fejn kumpanija tista’ tkun legalment meħtieġa minn leġiżlazzjoni nazzjonali ‘mhux fiskali’ li toħloq ċerti proviżjonijiet. Jidher li bħalissa hemm għarfien ġenerali fil-livell tekniku li se jkun neċessarju grad ta’ rikonoxximent reċiproku tar-rekwiżiti legali nazzjonali, li għandu implikazzjonijiet importanti lil hinn mill-politika ambjentali, pereżempju fejn ċertu nfiq isir minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali. Rigward il-proviżjonijiet, jidher li dan jissodisfa wkoll il-prinċipju ta’ ‘il-ħila li wieħed iħallas’ fis-sens li d-diferiment tar-rikonoxximent ta’ proviżjoni għall-ispejjeż tat-tindif sakemm isiru – li jista’ jkun meta l-operazzjonijiet ikunu waqfu – jista’ jħalli lill-kumpanija mingħajr profitti li bih ‘tħallas’ għat-tindif. Konsiderazzjonijiet mhux fiskali oħra ukoll influwenzaw id-diskussjonijiet dwar dan is-suġġett. Pereżempju, fejn il-kontijiet finanzjarji u l-kontijiet fiskali huma marbuta mill-qrib u dawn il-kontijiet ‘bi skop doppju’ jintużaw ukoll għal skopijiet oħra, bħad-definizzjoni ta’ liema ammonti jistgħu jitqassmu bħala dividendi lill-azzjonisti, jista’ jidher li l-bidliet lill-prattiki eżistenti joħolqu l-problemi f’uħud mill-Istati Membri. Però, mhux l-għan tas-CCCTB li tarmonizza l-leġiżlazzjoni lil hinn minn dak li huwa relatat mal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa. Għaldaqstant trid tingħata attenzjoni biex ikun żgurat li dawn il-konsiderazzjonijiet ‘mhux fiskali’ ma jakkwistawx wisq sinifikat. Pereżempju, għandu jkun possibbli li jiġu ddefiniti ir-riservi li jistgħu jitqassmu fil-livell nazzjonali b’tali mod li t-trattament fiskali fis-CCCTB jew jiġi rikonoxxut jew ma jiġix rikonoxxut, skond il-metodu ta’ l-Istat Membru individwali li lilu jistgħu jitqassmu r-riservi. Id-dħul taxxabbli Il-ħidma fuq id-definizzjoni ta’ l-element strutturali ‘dħul taxxabbli’ beda f’Settembru 2005. Ġew identifikati tliet fatturi ewlenija: id-definizzjoni ta’ dħul, id-definizzjoni ta’ infiq u l-kwistjoni metodoloġika ta’ kif għandhom isiru l-kalkoli. Rigward id-dħul, waħda mill-mistoqsijiet inzijali kienet tikkonċerna jekk għandhiex issir distinzjoni jew le bejn dħul min-negozju jew dħul mhux min-negozju. Għalkemm ma ntlaħqet l-ebda konklużjoni soda komparattivament hemm ftit appoġġ fid-WG għall-ħolqien ta’ distinzjoni bħal din. F’termini ġenerali, hemm similaritajiet ċari bejn bażijiet tat-taxxa nazzjonali iżda meta jitqiesu t-transazzjonijiet dettaljati, il-kwistjoni hija iktar ikkumplikata. Pereżempju, il-kwistjoni taż-żmien magħżul, rigward il-punt meta transazzjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala li seħħet, hija partikolarment kumplessa. Bħalissa, il-liġi ċivili nazzjonali ġeneralment tipprovdi soluzzjoni iżda fi ħdan is-CCCTB mhux neċessarjament se jkun possibbli li wieħed jistrieħ fuq il-liġi ċivili nazzjonali għaliex dan jista’ jirriżulta f’differenzi: id-dettalji rqaq tal-liġi ċivili mhumiex armonizzati min-naħa għall-oħra ta’ l-UE. Il-ħidma li saret fuq in-nefqa u d-deprezzament kapitali se jipprovdi punt ta’ referenza utli biex id-diskussjonijiet jimxu aktar ’il quddiem. Kwistjonijiet simili jinqalgżu f’relazzjoni man-nefqa, u se jkun importanti li jiġi żgurat li d-definizzjonijiet ta’ dħul u nefqa jkunu konsistenti, għaliex jidher biċ-ċar li n-nefqa ta’ kumpanija ġeneralment tirrapreżenta element ta’ qligħ f’kumpanija oħra. F’dan il-kuntest it-trattament ta’ kuntratti fuq medda twila ta’ żmien jeħtieġ attenzjoni speċjali. Il-provvista u l-użu tas-servizzi, b’kuntrast għall-prodotti, jirrapreżentaw ‘sottosett’ ieħor ta’ transazzjonijiet li għalihom jeħtieġ li jiġu finalizzati definizzjonijiet xierqa. Fl-aħħarnett, il-kwistjoni metodoloġika ta’ kif għandhom isiru l-kalkoli se jkollha tiġi solvuta. Hawnhekk, il-kwistjoni hija dwar safejn għandha ssir referenza formali għall-karti tal-bilanċ tal-ftuħ u ta’ l-għeluq u jekk dan għandux ikun jew le il-punt fokali ewlieni tal-komputazzjoni tad-dħul jew jekk għandux ikun il-kont tal-profitt u tat-telf, li huwa s-sors primarju ta’ informazzjoni. F’dan ir-rigward, se jiġi indirizzat il-kunċett ta’ karta tal-bilanċ fiskali u jekk din għandhiex tifforma parti mis-CCCTB. Sa ċertu punt, dan huwa marbut mal-kwistjoni tad-dipendenza fiskali u kontabilistika . Bl-ebda sett ta’ regoli komuni għall-preparazzjoni ta’l-kontijiet finanzjarji, jekk il-karta tal-bilanċ tifforma parti primarja mill-kalkolu fiskali, is-CCCTB jista’ jkollu jinkludi regoli speċifiċi li jiddefinixxu l-elementi tal-karta tal-bilanċ ‘fiskali’. L-aspetti internazzjonali Is-sistemi fiskali nazzjonali jinkludu regoli għat-trattament fiskali tad-dħul li jaqilgħu r-residenti tagħhom f’pajjiżi terzi, u wkoll għat-trattament fiskali tad-dħul li jaqilgħu dawk li mhumiex residenti (kumpaniji residenti f’pajjiżi terzi) li jinqala’ fit-territorju tagħhom. Sabiex jevitaw it-tassazzjoni doppja, l-Istati Membri tradizzjonalment jikkonkludu konvenzjonijiet bilaterali dwar tassazzjoni doppja ma’ pajjiżi terzi biex ikun provdut sett ta’ regoli biex ikunu ddeterminati id-drittijiet fiskali. Bħalissa, bejn l-Istati Membri ta’ l-UE wkoll, hemm għal-lest konvenzjonijiet bħal dawn. Dawn ta’ l-aħħar se jassumu inqas importanza meta jiġi implimentat is-CCCTB iżda jekk mhux l-Istati Membri kollha jimplimentaw is-CCCTB se jinqalgħu numru ta’ kwistjonijiet bejn dawn l-Istati u l-Istati tas-‘CCCTB’. Però, f’dan l-istadju, il-ħidma qed tikkonċentra fuq l-eżami tal-kwistjonijiet, fejn qed jiġi preżuppost li l-Istati Membri kollha jimplimentaw is-CCCTB. L-ambitu territorjali tas-CCCTB qed jiġi eżaminat mill-qrib. Peress li l-bażi kkonsolidata se ‘titqassam’ bejn l-Istati Membri huwa partikolarment importanti li jiġi żgurat li tiġi stabbilita definizzjoni soda tal-limiti tas-CCCTB – ‘it-tarf’ ( water’s edge ) – li tista’ tapplika ma’ l-UE kollha, u li tista’ tiġi adottata b’impatt minimu fuq il-konvenzjonijiet eżistenti ta’ taxxa doppja mal-pajjiżi terzi. Uħud mit-titjib fil-konvenzjonijiet jista’ jkun mixtieq fuq medda twila ta’ żmien iżda l-Kummissjoni hija ħerqana biex tiżgura li s-CCCTB tista’ taħdem, sakemm jista’ jkun, fi ħdan il-konvenzjonijiet eżistenti. Il-ħidma għadha fl-istadju ta’ l-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet ewlenija, iżda huwa ċar li dan il-qasam huwa ta’ importanza fundamentali għas-suċċess tas-CCCTB. Pereżempju, se jkun partikolarment importanti li jiġi żgurat li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jħarsu s-sehem tagħhom tal-bażi tat-taxxa kontra kull erożjoni potenzjali u jevitaw is-sitwazzjoni fejn it-telf ta’ pajjiżi terzi jista’ jiġi importat fiż-żona tas-CCCTB iżda l-profitti jibqgħu barra. Fl-istess ħin, jekk is-CCCTB se ġġib il-benefiċċji mistennija, se jkunu meħtieġa xi adattamenti fil-metodi nazzjonali eżistenti sabiex tkun provduta bażi uniformi għat-‘tqassim’ bejn l-Istati Membri. [1] Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tassazzjoni ta’ l-intrapriżi fl-Unjoni Ewropea: bażi ta’ taxxa Korporattiva komuni u kkonsolidata (2005/2121(INI)), it-13 ta’ Diċembru 2005 [2] L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Ħolqien ta’ bażi ta’ taxxa Korporattiva komuni u kkonsolidata fl-UE (Opinjoni ta’ Spjegazzjoni) ECO/165 it-14 ta’ Frar 2006 [3] Disponibbli fuq il-paġna tal-web li ġejja. http://europa.eu.int/comm/taxation_customs/taxation/company_tax/common_tax_base/index_en.htm. [4] IAS – L-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità: standards tal-kontabilità maħruġa mill-Bord ta’ l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità, issa maħruġa bħala l-IFRS – Standards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju.