52006DC0136




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.3.2006

KUMM(2006) 136 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-SĦUBIJA GĦAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI: NAGĦMLU L-EWROPA PILASTRU TA' EĊĊELLENZA DWAR IR-RESPONSABBILTÀ SOĊJALI TA' L-IMPRIŻI

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-SĦUBIJA GĦAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI:NAGĦMLU L-EWROPA PILASTRU TA' EĊĊELLENZADW AR IR-RESPONSABBILTÀ SOĊJALI TA' L-IMPRIŻI

1. INTRODUZZJONI

Ir-Responsabbiltà Soċjali ta' l-Impriżi (CSR – Corporate Social Responsibility ) hija kunċett li jindika l-integrazzjoni volontarja ta’ kwistjonijiet soċjali u ambjentali min-naħa ta’ l-impriżi fl-operat kummerċjali u fl-interazzjonijiet tagħhom mal-partijiet interessati[1]. L-impriżi jġibu ruħhom b'mod soċjalment responsabbli jekk jiddeċiedu li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti u l-obbligi ġuridiċi li ġejjin mill-ftehimiet kollettivi biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà. Permezz tas-CSR, l-impriżi ta' kull daqs jistgħu jgħinu biex ilaqqgħu flimkien l-ambizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati. Għalhekk, is-CSR saret kunċett ta' importanza dejjem akbar kemm fid-dinja kif ukoll fl-UE u hija parti mid-dibattitu dwar il-globalizzazzjoni, il-kompetittività u s-sostenibilità. Fl-Ewropa, il-promozzjoni tas-CSR tirrifletti l-ħtieġa li jiġu difiżi l-valuri komuni u li jiżdied is-sens ta' solidarjetà u ta' koeżjoni.

Minn tmiem il-Gwerra Bierda, l-ekonomija tas-suq kienet dik l-aktar prevalenti fil-parti l-kbira tad-dinja. Dan fetaħ opportunitajiet ġodda għall-impriżi, iżda joħloq ukoll ħtieġa korrispondenti ta' awtolimitazzjoni u ta' mobilitazzjoni min-naħa tal-komunità tan-negozju, fl-interess ta' l-istabilità soċjali u tal-benessri tas-soċjetajiet demokratiċi moderni. Barra minn hekk, fi ħdan l-UE, ir-regolamentazzjoni aħjar u l-promozzjoni tal-kultura intraprenditorjali issa huma prijorità fl-aġenda ta' l-UE, kif jikkonferma r-Rapport Annwali ta' l-2006 tal-Kummissjoni dwar il-Progress għat-Tkabbir u l-Impjiegi[2]. Il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tippromwovi l-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea fil-kuntest tas-Sħubija l-ġdida għat-Tkabbir u għall-Impjiegi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona. Din tistieden lill-komunità tan-negozju Ewropea biex turi pubblikament l-impenn tagħha favur l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar, kif ukoll biex timpenja ruħha aktar lejn is-CSR, inkluża l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati. L-Ewropa teħtieġ, aktar minn qatt qabel, imprendituri attivi, b'attitudnijiet pożittivi lejn l-intraprenditorija, u kunfidenza u fiduċja fin-negozju. L-Ewropa jeħtieġ li jkollha klima pubblika li fiha l-imprendituri jkunu apprezzati mhux biss għax jagħmlu qligħ tajjeb, imma wkoll għax jagħtu kontribut ġust għat-tegħlib ta' ċerti sfidi soċjali.

Il-Kumissjoni tixtieq għaldaqstant tagħti aktar viżibilità politika lis-CSR, tirrikonoxxi dak li diġà sar mill-impriżi Ewropej f'dan il-qasam u tħeġġiġhom jagħmlu aktar. Billi s-CSR hija fundamentalment imġiba volontarja ta' l-impriżi, strateġija li timponilhom obbligi addizzjonali u rekwiżiti amministrattivi tirriskja li tkun kontroproduttiva u tmur kontra l-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar. Filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol primarju ta' l-impriżi fis-CSR, il-Kummissjoni ddeċidiet li tista' tilħaq b'mod aħjar l-għanijiet tagħha billi taħdem iktar mill-qrib ma' l-impriżi Ewropej u għaldaqstant tħabbar l-appoġġ tagħha għat-tnedija ta' Alleanza Ewropea fil-qasam tas-CSR, kunċett imfassal fuq il-bażi ta' kontributi minn impriżi attivi fil-promozzjoni tas-CSR. L-Alleanza hija waħda miftuħa fost l-impriżi Ewropej, li dwarha l-impriżi ta' kull daqs huma mistiedna jesprimu l-appoġġ tagħhom. Hija umbrella politika għal inizjattivi ġodda jew eżistenti ta' l-CSR min-naħa ta' kumpaniji kbar, dawk żgħar u ta' daqs medju u l-persuni li għandhom interess fihom. Din mhix strument ġuridiku li jrid ikun iffirmat mill-impriżi, mill-Kummissjoni jew minn awtorità pubblika. Iżda hu proċess politiku biex tiżdied l-integrazzjoni tas-CSR fost l-impriżi Ewropej.

L-appoġġ għall-Alleanza l-ġdida għandu jinftiehem bħala komponent ewlieni ta' sħubija usa' li l-Kummissjoni tixtieq twettaq mal-partijiet interessati kollha involuti fis-CSR. B'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tibbaża fuq bosta snin ta' dibattiti u konsultazzjonijiet pubbliċi mal-partijiet interessati, partikolarment fil-kuntest tal-Forum Multilaterali Ewropew dwar is-CSR ( European Multistakeholder Forum on CSR ), li ppreżenta r-rapport finali tiegħu fl-2004. Il-Kummissjoni tissokta tagħti importanza ferm kbira lid-djalogu ma' u bejn il-partijiet interessati u tipproponi li torganizza laqgħat tal-Forum Multilaterali f'intervalli regolari bil-għan li tirrevedi kontinwament il-progressi mwettqa fl-UE fil-qasam tas-CSR.

2. IR-RESPONSABBILTÀ SOċJALI TA' L-IMPRIżI (CSR) F'APPOġġ GħAL TKABBIR SOSTENIBBLI U GħAL AKTAR IMPJIEGI TA' KWALITÀ AħJAR

It-tkabbir sostenibbli u aktar impjiegi ta' kwalità aħjar huma ż-żewġ sfidi li l-UE trid tindirizza issa minħabba l-kompetizzjoni globali u popolazzjoni li qed tixjieħ biex tissalvagwardja l-mudell tagħna għal soċjetà Ewropea, ibbażat fuq opportunitajiet indaqs, kwalità għolja tal-ħajja, inklużjoni soċjali u ambjent f’saħħtu. Dan għaliex il-Kummissjoni għamlet sejħa biex jingħata bidu ġdid lill-aġenda ta’ Liżbona billi titnieda Sħubija għat-Tkabbir u l-Impjiegi fi Frar 2005 u tiġġedded l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħha f’Diċembru 2005. Għal din ir-raġuni wkoll, il-laqgħa informali tal-Kapijiet ta' l-Istati u tal-Gvernijiet ta' Ottubru 2005 f'Hampton Court ippromwoviet tweġibiet innovattivi biex tkun indirizzata l-isfida tal-kompetizzjoni filwaqt li jiġu difiżi l-valuri Ewropej. L-Istrateġija riveduta ta’ Liżbona tippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi b’mod li huma għalkollox koerenti ma’ l-iżvilupp sostenibbli, li jibqa’ għan ewlieni fuq medda ta’ żmien twil għall-Unjoni Ewropea. L-impriżi, bħala l-mutur għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta’ l-impjiegi u l-innovazzjoni, huma atturi ewlenin biex jitwettqu l-għanijiet ta’ Liżbona u ta’ l-iżvilupp sostenibbli.

L-Ewropa teħtieġ li n-negozju jagħmel dak li kapaċi jagħmel bl-aħjar mod: li jipprovdi prodotti u servizzi li jżidu l-valur għas-soċjetà u li juża l-ispirtu u l-kreattività intraprenditorjali biex jinħolqu l-valur u l-impjiegi. Madankollu l-Ewropa ma għandhiex biss bżonn ta' negozju iżda negozju soċjalment responsabbli li jieħu sehmu fir-responsabbiltà għall-qagħda ta' l-affarijiet Ewropej. Fil-kontribuzzjoni tagħha għall-Kunsill tar-Rebbiegħa ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li s-CSR jista' jkollha “ rwol ewlieni fil-bini ta' żvilupp sostenibbli filwaqt li jtejbu l-potenzjal innovattiv u l-kompetittività ta' l-Ewropa .”[3] Fl-Aġenda Soċjali[4], il-Kummissjoni ħabbret, f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri u mal-partijiet interessati, li għandha tippreżenta inizjattivi sabiex tkompli tkabbar l-iżvilupp u t-trasparenza tas-CSR. Fl-Istrateġija riveduta ta’ Żvilupp Sostenibbli[5], il-Kummissjoni sejħet “ lill-mexxejja tan-negozju u lill-partijiet interessati ewlenin oħrajn ta' l-Ewropa biex jidħlu f’riflessjoni urġenti mal-mexxejja politiċi dwar il-politika għal żmien medju u għal żmien twil li hija meħtieġa għas-sostenibbiltà u jipproponu risponsi ambizzjużi tan-negozju li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi eżistenti. ”

F'Marzu 2005, il-Kunsill Ewropew enfasizza li “ sabiex jiġi mħeġġeġ l-investiment u jiġi provdut ambjent attraenti għan-negozju u għax-xogħol, l-Unjoni Ewropea trid tikkompleta s-suq intern tagħha u tagħmel l-ambjent regolatorju tagħha aktar favorevoli għan-negozju, filwaqt li n-negozju, min-naħa tiegħu, irid jiżviluppa s-sens tiegħu ta' responsabbiltà soċjali. ” Fil-Linji ta' Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi (2005-8), il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri għandhom “ iħeġġu lill-intrapriżi biex jiżviluppaw ir-responsabbiltà soċjali ta’ l-intrapriżi tagħhom. ” Il-Parlament Ewropew ta kontributi prezzjużi fid-dibattitu dwar is-CSR, primarjament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-2002[6] u ta' l-2003[7].

B'dan l-isfond, il-Kummissjoni rrivediet il-ħidma li saret fil qasam tas-CSR fuq il-livell ta’ l-UE, sabiex il-metodu tagħha jkun allinjat mal-prijoritajiet u mal-metodi ta’ ħidma ta’ l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Il-Kummissjoni temmen li l-potenzjal ta’ l-impriżi jista’ u għandu jiġi użat aħjar f’appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli u għall-istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Biex iżżomm ma’ l-ispirtu u ma’ l-oqsma prijoritarji tar-Rapport Annwali ta’ Progress tagħha ta’ l-2006 dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi, il-Kummissjoni tistieden lill-impriżi Ewropej biex “jingranaw aktar” u jsaħħu l-impenn tagħhom għas-CSR. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni tixtieq toħloq ambjent aktar favorevoli għall-atturi fis-CSR kollha u teżamina mal-partijiet interessati kollha l-potenzjal tas-CSR biex tagħti l-kontribut tagħha fl-iżvilupp tas-soċjetajiet Ewropej.

Il-prassi tas-CSR mhumiex ir-rimedju għal kull problema u wieħed ma jistax jistenna li waħidhom se jwasslu għal dawn ir-riżultati. Dawn ma jiħdux post l-azzjoni politika pubblika iżda jistgħu jikkontribwixxu f'għadd ta' għanijiet ta' l-azzjoni politika pubblika, bħal:

- Swieq tax-xogħol aktar integrati u livelli ogħla ta’ inklużjoni soċjali, hekk kif l-impriżi jfittxu b’mod aktar attiv li jirreklutaw aktar persuni minn gruppi żvantaġġjati;

- Investiment fl-iżvilupp tal-ħiliet, fit-tagħlim matul il-ħajja u fl-impjegabilità, li huma meħtieġa biex wieħed jibqa’ kompetittiv fl-ekonomija globali msejsa fuq l-għarfien u biex wieħed ilaħħaq mat-tixjiħ tal-popolazzjoni tax-xogħol fl-Ewropa;

- Titjib fis-saħħa pubblika, bħala riżulat ta’ inizjattivi volontarji minn impriżi f’oqsma bħat-tqegħid fis-suq u l-ittikkettjar ta’ ikel u kimiċi mhux tossiċi;

- Prestazzjoni aħjar fl-innovazzjoni, speċjalment fir-rigward ta’ l-innovazzjonijiet li jindirizzaw problemi tas-soċjetà, bħala riżultat ta’ interazzjoni aktar intensiva ma' partijiet interessati esterni u l-ħolqien ta’ ambjenti tax-xogħol li jwasslu aktar għall-innovazzjoni;

- Użu aktar razzjonali tar-riżorsi naturali u livelli mnaqqsa ta’ tniġġis, primarjament minħabba l-investimenti fl-eko-innovazzjoni u għall-adozzjoni volontarja ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali u tikkettjar;

- Immaġni aktar pożittiva tan-negozju u ta’ l-imprendituri fis-soċjetà, li potenzjalment tista’ tgħin biex jitrawmu attitudnijiet aktar favorevoli għall-intraprenditorija;

- Rispett akbar għad-drittijiet umani, għall-ħarsien ta' l-ambjent u għall-istandards fundamentali tax-xogħol, speċjalment fil-pajjiżi li għad qed jiżviluppaw;

- Tnaqqis tal-faqar u progress lejn l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp.

3. NAGħMLU L-EWROPA PILASTRU TA' EċċELLENZA DWAR IS-CSR

Sar progress kbir dwar is-CSR sa minn meta l-Kunsill ta’ Liżbona għamel l-appell tiegħu għal sens ta’ responsabbiltà soċjali ta’ l-impriżi f’Marzu 2000. Green Paper (2001)[8], Komunikazzjoni (2002)[9], u t-twaqqif ta’ Forum Multilaterali ta’ l-UE dwar is-CSR (Forum dwar is-CSR) immarkaw passi importanti f’dan il-proċess.

Il-Forum dwar is-CSR ġabar lir-rappreżentanti tan-negozju, tat- trade unions u tas-soċjetà ċivili, flimkien mal-Kummissjoni li kellha rwol ta' faċilitazzjoni. Il-Kummissjoni tilqa' l-ħidma u r-rapport finali ta’ Ġunju 2004 tal-Forum dwar is-CSR u taqbel mal-partijiet interessati li r-rakkomandazzjonijiet imniżżla fir-rapport, jekk implimentati bis-sħiħ mill-atturi kkonċernati, għandhom jgħinu biex is-CSR javvanza fl-Ewropa u fuq livell dinji. Il-Forum irnexxielu jikseb livell ta’ kunsens fost il-parteċipanti, iżda wera wkoll id-differenzi sinifikanti tal-fehmiet bejn ir-rappreżentanti ta' l-impriżi u l-partijiet interessati l-oħra. Kien hemm fehim komuni Ewropew ta’ xi tfisser CSR fuq il-bażi tad-definizzjoni tal-Kummissjoni ta’ CSR bħala kunċett fejn il-kumpaniji jintegraw il-kwistjonijiet soċjali u ambjentali fl-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom u fl-interazzjonijiet tagħhom mal-partijiet interessati tagħhom fuq bażi volontarja . Il-Forum dwar is-CSR ikkonferma din id-definizzjoni filwaqt li esplora aktar l-ambitu u l-konfini tagħha. Il-Forum dwar is-CSR ukoll laħaq kunsens fuq il-bżonn li jiżdiedu l-attivitajiet li jżidu l-kuxjenza u jibnu l-kompetenzi. Madankollu, m'hemm l-ebda kunsens dwar temi bħar-rekwiżiti ta' rappurtar ta' l-impriżi jew il-ħtieġa għal standards Ewropej fil-qasam tas-CSR.

Il-kuxjenza, l-għarfien u t-twettiq tas-CSR tjiebu matul l-aħħar ftit snin, parzjalment b’konsegwenza tal-Forum dwar is-CSR u ta’ azzjonijiet oħra appoġġjati mill-Kummissjoni. Fl-istess ħin, l-inizjattivi min-naħa tan-negozju u ta’ partijiet interessati oħrajn mexxew 'il quddiem l-iżvilupp tas-CSR fl-Ewropa u globalment. Id-djalogu soċjali, l-aktar dak fil-livell settorjali, kien strument effikaċi għall-promozzjoni ta' inizjattivi tas-CSR, u l-Kumitati Ewropej ta' l-Impriżi kellhom rwol kostruttiv fl-iżvilupp ta' l-aħjar prassi fil-qasam tas-CSR. Madankollu, it-twettiq, l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni strateġika tas-CSR mill-impriżi Ewropej għandhom jitjiebu aktar. L-impjegati, ir-rappreżentanti tagħhom u t- trade unions tagħhom għandhom ikollhom rwol aktar attiv fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-prassi tas-CSR. Il-partijiet interessati esterni, inklużi l-NGOs, il-konsumaturi u l-investituri għandhom jkollhom rwol aktar b’saħħtu fl-inkoraġġiment u fil-premjazzjoni ta’ mġiba responsabbli fin-negozju. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha għandhom itejbu aktar il-koerenza tal-politika tagħhom f’appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli, għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta’ l-impjiegi.

Il-viżjoni ta’ l-UE ta’ prosperità, solidarjetà u sigurtà fuq medda twila ta’ żmien testendi wkoll għall-isfera internazzjonali. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-kollegamenti li hemm bejn it-twettiq tas-CSR fl-UE u fuq livell internazzjonali u temmen li l-kumpaniji Ewropej għandhom jaġixxu b’mod responsabbli kull fejn joperaw, skond il-valuri Ewropej u skond in-normi u l-istandards maqbula fuq livell internazzjonali.

Il-Kummissjoni ħasbet dwar l-aħjar mod kif tagħti impuls ġdid biex l-Ewropa ssir pilastru ta' eċċellenza fil-qasam tas-CSR. Hija eżaminat ir-rapport finali tal-Forum dwar is-CSR u l-opinjonijiet tal-partijiet interessati li mhumiex imniżżla f'dak ir-rapport. L-isfida kellha ssib metodu ġdid li jistimola għadd akbar ta’ impriżi biex jipparteċipaw fis-CSR, billi huma l-atturi prinċipali f'dan il-qasam.

4. ALLEANZA EWROPEA GħAS-CSR

Il-Kummissjoni għalhekk tappoġġa t-tnedija ta' l-Alleanza Ewropea għas-CSR, deskritta fid-dokument mehmuż ma' din il-komunikazzjoni. L-Alleanza hija umbrella politika għal inizjattivi ġodda u eżistenti fil-qasam tas-CSR minn kumpaniji kbar, SMEs u l-partijiet interessati tagħhom.

L-Alleanza għandha natura miftuħa u l-impriżi Ewropej ta’ kull daqs huma mistiedna biex volontarjament jesprimu l-appoġġ tagħhom. Din mhix strument ġuridiku u m'għandhiex tiġi ffirmata mill-impriżi, mill-Kummissjoni jew minn kwalunkwe awtorità pubblika. Ma hemm l-ebda rekwiżit formali biex jiġi ddikjarat l-appoġġ għall-Alleanza, u l-Kummissjoni Ewropea mhix se żżomm lista ta' kumpaniji li jappoġawha. Il-kontribut tal-Kummissjoni għall-Alleanza se jkun dak ta' iktar promozzjoni tas-CSR konformement mal-punti msemmija fil-Kapitolu 5 ta' din il-Komunikazzjoni. Dan ma jimplika ebda obbligu finanzjarju għall-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tistenna li l-Alleanza jkollha impatt sinifikanti fuq l-attitudni ta' l-impriżi Ewropej lejn is-CSR u dwar l-involviment pożittiv tagħhom fil-kwistjonijiet soċjali u ambjentali. Din għandha toħloq sħubiji ġodda ma' u opportunitajiet ġodda għall-partijiet interessati fl-isforzi tagħhom li jippromwovu s-CSR u għaldaqstant hija mezz biex ikunu mobilizzati r-riżorsi u l-kapaċitajiet ta' l-impriżi Ewropej u tal-partijiet interessati tagħhom. L-impenn volontarju tan-negozju Ewropew għall-Alleanza u r-rwol ta' appoġġ tal-Kummissjoni lejn is-CSR fi ħdan il-politika u l-istrumenti tagħha, fejn ikun xieraq, se jsaħħu l-iżvilupp tas-CSR fi ħdan l-UE u lil hinn minnha. Ir-riżultati ta’ l-Alleanza għandhom jinftiehmu bħala kontribut volontarju tan-negozju sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Istrateġija ta' Liżbona li tnediet mill-ġdid u l-Istrateġija riveduta għall-Iżvilupp Sostenibbli. Madankollu, dawn ir-riżultati se jiddependu mill-impenn tal-partijiet interessati wkoll, li huma mistiedna jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet li toffri l-Alleanza.

Il-Kummissjoni, sabiex ittejjeb it-trasparenza, il-viżibilità u l-kredibilità tal-prassi tas-CSR, tħeġġeġ lill-impriżi li jappoġġaw l-Alleanza biex jagħmlu l-informazzjoni dwar is-CSR disponibbli lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-konsumaturi, l-investituri u l-pubbliku ġenerali. Il-kumpaniji l-kbar partikolarment għandhom jipprovaw jippreżentaw strateġiji u inizjattivi tas-CSR u r-riżultati tagħhom jew l-aħjar prassi b’mod faċilment aċċessibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tagħti sostenn lill-partijiet interessati għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom biex jivvalutaw u jevalwaw il-prassi fil-qasam tas-CSR. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li mingħajr is-sostenn attiv u l-kritika kostruttiva tal-partijiet interessati li mhumiex impriżi, is-CSR mhux se tistgħana. L-appoġġ tal-Kummissjoni għall-Alleanza ma jiħux post aktar djalogu mal-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni tibqa' impenjata biex tiffaċilita dan id-djalogu, partikolarment permezz ta' laqgħat ta' reviżjoni regolari tal-Forum Multilaterali.

5. AZZJONIJIET PROPOSTI GħALL-PROMOZZJONI TA’ IKTAR ADOZZJONI TA’ PRASSI TAS-CSR

Fil-promozzjoni ulterjuri tas-CSR, il-Kummissjoni se tenfasizza l-aspetti li ġejjin:

- Titqajjem kuxjenza u l-iskambju ta' l-aħjar prassi . Il-Kummissjoni se tkompli tqajjem kuxjenza dwar is-CSR u tippromwovi l-iskambju ta’ l-aħjar prassi hekk kif is-CSR tkompli tevolvi, b'enfasi fuq l-SMEs u fuq l-Istati Membri fejn is-CSR hija inqas magħrufa, kif ukoll fuq il-pajjiżi li se jaderixxu u dawk li huma kandidati. Se tagħmel dan fi sħubija msaħħa man-negozji u mal-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali. Il-Kummissjoni se tippromwovi aktar l-istrumenti ekoloġiċi volontarji, bħalma huma s-sistemi ta’ ġestjoni ambjentali u l-iskema Ecolabel. Se jkunu promossi wkoll inizjattivi oħra li jagħmlu ċ-ċittadini konxji mill-kwistjonijiet soċjali u ambjentali u mill-impatt ta’ l-għażliet ta’ konsum u ta’ l-investiment tagħhom.

- Sostenn għal inizjattivi plurilaterali . Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati ttejjeb l-effikaċja ta’ l-inizjattivi tas-CSR, u għalhekk il-Kummissjoni se torganizza laqgħat ta' reviżjoni regolari tal-Forum Multilaterali. Biex titrawwem aktar kuxjenza dwar is-CSR u tkompli tiżdied il-kredibilità tagħha, il-Kummissjoni tkompli tippromwovi u tappoġġa l-inizjattivi ta' CSR min-naħa tal-partijiet interessati, fosthom l-imsieħba soċjali u l-NGOs, partikolarment f'livell settorjali. Il-Pjattaforma Ewropea dwar l-Alimentazzjoni hija eżempju tajjeb ta' din l-inizjattiva. Il-kumitati ta' djalogu soċjali settorjali wkoll huma mekkaniżmu importanti f'dan ir-rigward.

- Kooperazzjoni ma' l-Istati Membri . Fl-Ewropa jeżisti kunsens wiesa' dwar id-definizzjoni ta’ CSR, minkejja li n-natura u l-karatteristiċi preċiżi tagħha jvarjaw skond il-kuntesti nazzjonali u kulturali differenti. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom firxa wiesgħa ta' strumenti biex iħeġġu s-CSR. Il-kooperazzjoni ma' l-Istati Membri u mal-pajjiżi li se jaderixxu, partikolarment permezz tal-Grupp tar-Rappreżentanti Nazzjonali ta' Livell Għoli dwar s-CSR, għaldaqstant, huwa aspett importanti tal-politika tal-Kummissjoni dwar is-CSR. Fi ħdan l-Istati Membri, il-livell reġjonali jista' ikun dak xieraq għal azzjonijiet favur is-CSR, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-SMEs.

- Informazzjoni tal-konsumaturi u t-trasparenza. Il-konsumaturi għandhom rwol importanti biex jipprovdu inċentivi għal produzzjoni responsabbli u għal imġiba responsabbli tan-negozju. Huma mistennija jagħtu prova ta' spirtu kritiku fl-għażliet tagħhom u jinkoraġġixxu l-prodotti t-tajba u l-kumpaniji t-tajba. Għalissa l-konsumaturi ma għandhomx informazzjoni ċara dwar l-inċidenza soċjali u ambjentali ta' l-oġġetti u s-servizzi, inkluż l-informazzjoni dwar il-katina ta' forniment. Il-Kummissjoni se teżamina, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, il-ħtieġa għal azzjonjiet volontarji oħra biex jintlaħqu l-għanijiet ta' trasparenza u ta' informazzjoni tal-konsumaturi, partikolarment dwar kwistjonijiet ta' saħħa pubblika.

- Riċerka . Hemm bżonn ta' riċerka aktar interdixxiplinari dwar is-CSR, b'mod partikolari dwar rabtiet fuq il-makrolivell u l-mesolivell bejn is-CSR, il-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli; l-effikaċja fil-kisba ta' l-għanijiet soċjali u ambjentali; u kwistjonijiet bħall-innovazzjoni, it-tmexxija korporattiva, ir-relazzjonijiet industrijali, u l-katina ta' forniment. Is-CSR skond il-prattika ta' l-SMEs hija tema ta' riċerka individwali ta' importanza minnha nfisha, iżda għandha tkun riflessa adegwament ukoll f'oqsma oħra tar-riċerka dwar is-CSR. Aktar minn hekk, l-Impatti Soċjali taċ-Ċiklu tal-Ħajja tal-proċessi, tal-prodotti u tas-servizzi jixirqilhom aktar investigazzjoni. Filwaqt li tibni fuq l-erba' proġetti ta' riċerka dwar is-CSR iffinanzjati taħt is-Sitt Programm ta' Qafas ta' Riċerka, il-Kummissjoni se teżamina l-possibilitajiet biex tappoġġa aktar riċerka dwar is-CSR bħala parti mis-Seba' Programm ta' Qafas li ġej.

- Edukazzjoni . Biex is-CSR issir prassi kummerċjali rikorrenti hemm bżonn li jiġu żviluppati l-għarfien u l-ħiliet it-tajba fost l-imprendituri, il-mexxejja tan-negozju, il-maniġers tal-kumpaniji u l-impjegati futuri. Is-CSR hija wkoll kwistjoni ta’ tagħlim matul il-ħajja. Il-Kummissjoni tistieden lill-iskejjel tat-tmexxija fil-kumpaniji, lill-universitajiet u lil istituzzjonijiet edukattivi oħrajn biex jinkorporaw is-CSR fl-edukazzjoni, bħala kwistjoni trażversali, b’mod partikolari fil-kurrikula tal-maniġers futuri u ta' l-istudenti gradwati.

- SMEs. L-impatt kollettiv tas-CSR kif ipprattikata mill-SMEs huwa kritiku jekk il-potenzjal tas-CSR biex tagħti kontribut għat-tkabbir u l-impjiegi u għall-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa se jiġi użat b'mod sħiħ. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm bżonn ta’ metodu speċifiku biex titrawwem is-CSR fost l-SMEs. Metodu bħal dan jeħtieġ li dak li ħafna SMEs diġà qed jagħmlu fil-qasam tas-CSR jingħata rikonoxximent akbar. Jeħtieġ ukoll il-kooperazzjoni attiva ta’ organizzazzjonijiet intermedjarji tal-SMEs ewlenin u dawk li jipprovdu appoġġ. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju ta' esperjenzi dwar l-aħjar mod kif is-CSR tkun inkoraġġita fost l-SMEs fl-Ewropa.

- Id-dimensjoni internazzjonali tas-CSR . Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi s-CSR globalment bil-għan li timmassimizza l-kontribut ta’ l-impriżi għall-kisba ta’ l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti. Id-Dikjarazzjoni bejn Tliet Partijiet tal-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali ta’ l-ILO, il-Linji ta’ Gwida ta’ l-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u l-Patt Dinji ta' l-impriżi ( UN Global Compact ), kif ukoll fi strumenti u inizjattivi oħra ta' referenza, jipprovdu livelli ta' referenza internazzjonali għall-kondotta tan-negozju responsabbli. Il-Kummissjoni hija impenjata li tippromwovi l-kuxjenza u l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti u se taħdem flimkien ma' gvernijiet u partijiet interessati oħra biex tkabbar l-effikaċja tagħhom.

Il-Kummissjoni se tkompli bir-rwol ta' mexxejja fil-promozzjoni ta' standards ambjentali għoljin fuq livell internazzjonali. Il-Kummissjoni timmira li ssaħħaħ id-dimensjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli tan-negozjati bilaterali fil-kummerċ u tissokta l-promozzjoni ta' standards fundamentali tax-xogħol fi ftehimiet bilaterali. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet għas-sostenn ta' strumenti tas-CSR maqbula fuq livell internazzjonali u se tipprova tindirizza kwistjonijiet fil-qasam tas-CSR fid-djalogu bilaterali bejn il-partijiet. Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tuża inċentivi kummerċjali bħala mezz biex tħeġġeġ ir-rispett tad-drittijiet umani u tax-xogħol internazzjonali ewlenin, tal-prinċipji ta' governanza u ta' ħarsien ta' l-ambjent, partikolarment permezz tas-sistema il-ġdida għall-preferenzi ġeneralizzati ( Generalised System of Preferences Plus ) ta' l-UE li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2006.

Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-pajjiżi msieħba u l-partijiet interessati kkonċernati dwar kif tippromwovi s-CSR fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Istrateġija l-ġdida għall-Afrika[10], u se tipproponi li din il-kwistjoni tkun diskussa waqt il-Forum dwar in-Negozju ta' l-UE u l-Afrika li se jsir fil-Ħarifa ta' l-2006.

Il-Kummissjoni se ssegwi proċessi internazzjonali oħra rilevanti, bħall-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Unitit dwar id-Drittijiet Umani u l-Korporazzjonijiet Transnazzjonali u Impriżi tan-Negozju Oħra, l-iżvilupp possibbli ta' gwida standard ta' l-ISO dwar ir-responsabbiltà soċjali, u inizjattivi settorjali bħall-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess ta' Kimberley għad-djamanti mhux maħdumin.

6. KONKLUżJONI: IL-BżONN TA' SħUBIJA FOST IL-PARTIJIET INTERESSATI KOLLHA

Il-Kummissjoni temmen fermament li s-CSR tolqot kull wieħed minna, billi tirrappreżenta aspett tal-mudell soċjali Ewropew. Is-CSR tista' tagħti kontribut għall-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li tkabbar il-potenzjal innovattiv u l-kompetittività ta' l-Ewropa, biex b'hekk tagħti kontribut ukoll għall-impjegabilità u għall-ħolqien ta' l-impjiegi. Li tingħata aktar promozzjoni lis-CSR hija essenzjali għas-sħubija l-ġdida għat-"tkabbir u l-impjiegi" kif ukoll għall-implimentazzjoni ta' l-għanijiet ta' l-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-partijiet kollha li huma involuti biex jagħtu kontribut għall-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva ambizzjuża ġdida. Il-Kummissjoni toffri sħubija mill-qrib ma' Stati Membri, man-negozju (permezz ta' l-Alleanza li tiġi deskritta fl-Anness) u mal-partijiet interessati kollha involuti biex jagħmlu l-Ewropa pilastru ta' eċċellenza fil-qasam tas-CSR billi l-prinċipji tas-CSR jirriflettu l-valuri fundamentali ta' l-UE. Il-Kummissjoni se terġa' tivvaluta l-evoluzzjoni tas-CSR fl-Ewropa fi żmien sena wara d-diskussjoni fi ħdan il-Forum Multilaterali.

ANNESS

NAGħMLU L-EWROPA PILASTRU TA' EċċELLENZA FIL-QASAM TAR-RESPONSABBILTÀ SOċJALI TA' L-IMPRIżI

L-Alleanza Ewropea GħAS-CSR

IS-CSR TOLQOTNA LKOLL

Ir-Responsabbiltà Soċjali ta' l-Impriżi (CSR) hija importanti għaliex tirrifletti l-valuri fundamentali tas-soċjetà li nixtiequ ngħixu fiha. Hija importanti għall-kumpaniji individwali, kbar jew żgħar, li permezz ta' prodotti u servizzi innovattivi, ħiliet ġodda u l-involviment tal-partijiet interessati, jistgħu jtejbu l-prestazzjoni ekonomika, ambjentali u soċjali tagħhom tul perjodu qasir u twil ta' żmien. Hija importanti għal dawk li jaħdmu f’kumpaniji u għal kumpaniji, għax tista' tgħin biex jinħoloq ambjent tax-xogħol li jippremjahom u jispirahom aktar. Hija importanti għal dawk li jixtru mill-kumpaniji, għall-konsumaturi li qed jagħtu aktar u aktar attenzjoni għall-kredenzjali soċjali u ambjentali tal-prodotti u tas-servizzi li jixtru. Hija importanti għall-komunitajiet lokali fejn joperaw il-kumpaniji, li jixtiequ jkunu jafu li qed jgħixu fost organizzazzjonijiet li jaqsmu l-valuri u t-tħassib tagħhom. Hija importanti għall-investituri li jħossu li hemm il-bżonn li tkun imħeġġa mġiba responsabbli fin-negozju. Hija importanti għall-persuni f'partijiet oħra tad-dinja li jistennew li l-kumpaniji li huma bbażati fl-Ewropa jġibu ruħhom skond il-valuri u l-prinċipji Ewropej u internazzjonali. U hija importanti għal uliedna u għall-ġenerazzjonijiet futuri li jistennew li jgħixu f'dinja li tirrispetta lill-persuni u lin-natura.

Nagħmlu ħilitna għal ekonomija tas-suq sostenibbli

Impenn ta' l-impriżi b'saħħtu favur is-CSR kif ukoll rwol ġenerali ta' appoġġ ta' l-awtoritajiet pubbliċi lejn is-CSR saru partikolarment importanti matul l-aħħar 15-il sena fir-rigward tal-kontribut tagħha lejn ir-rispett tad-drittijiet umani u ta' l-istat tad-dritt kif ukoll tat-tħaddim sostenibbli tad-demokrazija u ta' l-ekonomija tas-suq, kemm fuq skala lokali, nazzjonali, Ewropea jew globali. Sabiex tkun mudell ekonomiku ta' suċċess, l-ekonomija tas-suq jeħtieġ li tibni fuq xi prerekwiżiti essenzjali: fuq naħa, qafas leġiżlattiv u regolatorju li huwa effikaċi u koerenti; fuq l-oħra, awtolimitazzjoni u awtokontroll flimkien ma' klima proattiva ta' innovazzjoni u l-intraprenditorija, ġustizzja u fiduċja: dawn kollha huma elementi neċessarji biex jingħaqdu flimkien livelli għoljin ta' suċċess ekonomiku, ħarsien ta' l-ambjent, koeżjoni soċjali u ħarsien soċjali. Għal dan il-għan, l-aqwa impriżi Ewropej saru dejjem aktar jgħaddu minn proċess ta' tfittxija, tagħlim u innovazzjoni fir-rigward tal-governanza, tal-ġestjoni, tad-djalogu mal-partijiet interessati u ta' l-iżvilupp tal-prodott, biex b'hekk ir-responsabbiltà ta' l-impriża u tal-prodott issir parti naturali mill-prassi tan-negozju u mill-kompetittività tagħhom ta' kuljum. Il-kumpaniji ż-żgħar, bħala mutur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa, għandhom x'joffru daqs il-kumpaniji l-kbar fejn għandha x'taqsam ir-responsabbiltà ta' l-impriżi, anki jekk ta' spiss jadottaw metodu aktar informali u intuwittiv fir-rigward tas-CSR. Fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u tal-bidliet strutturali assoċjati, il-kumpaniji qed jagħmlu dan iċ-ċaqliq fl-istennija li l-partijiet interessati l-oħra wkoll jimpenjaw ruħhom u jġorru sehemhom fir-riskji u fl-opportunitajiet tar-responsabbiltà u ta' l-innovazzjoni. Id-djalogu mal-partijiet interessati jgħin lill-kumpaniji biex jantiċipaw u jittrattaw kwistjonijiet soċjali u ambjentali li jistgħu jaffettwaw il-kompetittività futura.

ALLEANZA EWROPEA GħAS-CSR

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-membri tal-komunità tan-negozju li qed ipoġġu l-pedamenti ta' Alleanza Ewropew għas-CSR. Din hija Alleanza miftuħa għall-impriżi li jaqsmu l-istess ambizzjoni: li jagħmu l-Ewropa Pilastru ta' Eċċellenza fil-qasam tas-CSR f'appoġġ ta' ekonomija tas-suq u tan-negozju kompetittiva u sostenibbli. L-element fundamentali ta' din l-inizjattiva hija s-sħubija. Din is-sħubija hija bbażata fuq ftehim dwar il-prijoritajiet ta' l-Istrateġija Ewropea għat-Tkabbir u l-Impjiegi tirrispondi bis-sħiħ għall-isfidi ta' kompetizzjoni globali dejjem akbar, ta' tendenzi demografiċi u futur sostenibbli.

It-twassil ta' din l-istrateġija hija kruċjali biex ikun żgurat kemm it-tkabbir sostenibbli ta' l-Ewropa kif ukoll l-istil tal-ħajja Ewropew. L-Alleanza hija mibnija fuq il-fehim li s-CSR tista' tagħti kontribut għall-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li tkabbar il-potenzjal innovattiv u l-kompetittività ta' l-Ewropa, biex b'hekk tagħti kontribut ukoll għall-impjegabilità u għall-ħolqien ta' impjiegi. L-Alleanza tfittex li tippromwovi s-CSR bħala opportunità ta' negozju li toħloq sitwazzjonijiet fejn jirbaħ kulħadd għall-kumpaniji u għas-soċjetà u tirrikonoxxi li s-CSR hija metodu ta' negozju volontarju li jirrifletti d-diversità tan-negozju Ewropew. Filwaqt li l-impriżi huma l-atturi primarji fis-CSR, l-awtoritajiet pubbliċi fuq il-livell lokali, nazzjonali u Ewropew għandhom rwol ta' appoġġ fil-promozzjoni tagħha. L-inizjattiva ta' l-Alleanza tibni fuq diskussjonijiet preċedenti man-negozju u mal-partijiet interessati. B'mod partikolari, tibbaża ruħha fuq il-lezzjonijiet miksuba mill-Forum Multilaterali Ewropew dwar is-CSR, inizjattiva ewlenija ffaċilitata mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Forum ipprovda pjattaforma għar-rappreżentanti Ewropej tan-negozju, ta' min iħaddem, tat- trade unions u ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jinvolvu ruħhom fi proċess innovattiv ta' tagħlim u ta' djalogu u biex isir ftehim dwar rakkomandazzjonijiet għal aktar prattikar ta' CSR u din li tkun aktar effikaċi. Dan se jibbenefika wkoll mill-Kampanja Ewropea għall-promozzjoni tas-CSR fost l-SMEs u għadd kbir ta' inizjattivi oħra mmexxija min-negozju u minn min iħaddem. Mutur ewlieni ieħor għal din l-Alleanza huwa l-Pjan Ewropew għan-Negozji dwar is-CSR – 2010, fejn l-aqwa kumpaniji u netwerks tan-negozju Ewropej stabbilew il-viżjoni u l-prijoritajiet tagħhom għal impriża kompetittiva u sostenibbli minn perspettiva Ewropea.

L-Alleanza tqiegħed il-pedamenti għall-imsieħba biex jippromwovu s-CSR fil-futur. Dan jiżviluppa madwar it-tliet oqsma ta' attivitajiet li ġejjin:

- Iż-żieda tal-kuxjenza u t-titjib ta’ l-għarfien dwar is-CSR u r-rappurtar tal-kisbiet tagħha

- L-għajnuna għall-integrazzjoni tas-CSR u għall-iżvilupp ta' koalizzjonijiet miftuħa ta' kooperazzjoni

- L-iżgurar ta’ ambjent li jippermetti s-CSR

TITQAJJEM KUXJENZA U JITTEJJEB L-GħARFIEN DWAR IS-CSR

L-Alleanza se tesplora u tappoġġja metodi kreattivi għal skambju u tixrid ta' l-aħjar prassi, ta' inizjattivi u ta' għodod tas-CSR bl-għan li jsiru rilevanti għall-prattikanti tan-negozju, għall-mexxejja politiċi, għall-konsumaturi, għall-investituri u għall-pubbliku ġenerali fuq il-livelli xierqa kollha madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Il-promozzjoni tas-CSR fost l-impriżi ta' kull daqs b'mod li jixraq aktar għar-realitajiet u għall-isfidi tal-lum u ta' għada se tingħata attenzjoni speċjali.

Filwaqt li tibni fuq inizjattivi eżistenti, l-Alleanza tisħaq mill-ġdid li hemm bżonn li r-riċerka multidixxiplinari dwar is-CSR fuq livell Ewropew, b'mod partikolari dwar l-impatt tagħha fuq il-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli, tkun promossa aktar. Integrazzjoni aktar mill-qrib ma' l-universitajiet u ma' l-esperti xjentifiċi kif ukoll djalogu u kooperazzjoni kontinwi mas-soċjetà ċivili huma essenzjali f'dan ir-rigward.

Kontribut importanti għall-kompetittività u għas-sostenibbiltà futura ta' l-Ewropa se jiddependi mill-edukazzjoni li jkollha rwol ewlieni fl-aġenda tas-CSR. L-Alleanza se tħeġġeġ l-integrazzjoni ta' temi relatati mas-CSR u ma' l-iżvilupp sostenibbli f'korsijiet tradizzjonali, fil-kurrikula tal-maniġers futuri u ta' l-istudenti gradwati, fl-edukazzjoni eżekuttiva u f'istituzzjonijiet edukattivi oħrajn.

Għajnuna għall-integrazzjoni tas-CSR u għall-iżvilupp TA' KOALIZZJONIJIET MIFTUħA TA' KOOPERAZZJONI

Meta titqies in-natura wiesgħa tas-CSR u d-diversità ta' l-isfond tan-negozju Ewropew u internazzjonali, l-imsieħba ta' l-Alleanza identifikaw diversi oqsma prijoritarji għall-azzjoni:

- It-trawwim ta' l-innovazzjoni u ta' l-intraprenditorija fit-teknoloġiji, fil-prodotti u fis-servizzi sostenibbli li jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà

- L-għajnuna biex l-SMEs jirnexxu u jikbru

- L-għajnuna għall-impriżi biex jintegraw il-konsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali fl-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom, b'mod speċjali dawk fil-katina ta' forniment

- It-titjib u l-iżvilupp tal-ħiliet għall-impjegabilità

- Rispons aħjar għad-diversità u għall-isfida ta' l-opportunitajiet indaqs fejn jitqiesu l-bidliet demografiċi flimkien mat-tixjiħ mgħaġġel tal-popolazzjoni Ewropea

- It-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, anki f'kooperazzjoni mal-katina ta' forniment

- L-innovazzjoni tal-qasam ambjentali b'attenzjoni speċjali ffokkata fuq l-integrazzjoni ta' l-eko-effiċjenza u ta’ l-iffrankar ta' l-enerġija fil-proċess tal-ħolqien tal-prodotti u tas-servizzi

- It-titjib tad-djalogu u ta' l-involviment proattiv tal-partijiet interessati rilevanti kollha

- Tiġi indirizzata aktar l-isfida tat-trasparenza u tal-komunikazzjoni biex il-prestazzjoni mhux finanzjarja tal-kumpaniji u ta' l-organizzazzjonijiet tkun tista' tinftiehem aktar mill-partijiet interessati kollha u tkun aktar integrata mal-prestazzjoni finanzjarja tagħhom

- Ħidma barra mill-fruntieri ta' l-Unjoni Ewropea b'mod soċjalment u ambjentalment responsabbli kif il-kumpaniji jagħmlu ġewwa l-Unjoni Ewropa

Dawn l-oqsma prijoritarji se jkunu indirizzati minn "koalizzjonijiet miftuħa ta' kooperazzjoni" li jiġbru flimkien lill-kumpaniji interessati li huma lesti li jindirrizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-forma ta' "laqgħat fil-laboratorju" sabiex jesploraw u jiżviluppaw proġetti operattivi konġunti, fi sħubija ma' l-esperti u mal-partijiet interessati rilevanti u bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea.

Ikun żgurat ambjent FAVOREVOLI GħAS-CSR

Bl-Istrateġija Ewropea l-ġdida għat-Tkabbir u l-Impjiegi u permezz ta' l-inizjattiva tagħha dwar regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri ta' l-UE impenjaw ruħhom biex iwaqqfu u jsaħħu ambjent li jiffavorixxi lin-negozju fejn l-imprendituri u l-impriżi jistgħu jirnexxu u jikbru.

Aktar minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea se tagħti spinta lill-politika tagħha li tippromwovi l-isforzi volontarji u innovattivi tal-kumpaniji fil-qasam tas-CSR, billi tinkoraġġixxi l-prassi tajba u t-tixrid tagħha fi sħubija msaħħa ma' l-impriżi u mal-partijiet interessati kollha rilevanti kif ukoll ma' l-awtoritajiet nazzjonali. Se tagħmel dan ukoll billi tkun koerenti fl-osqma politiċi kollha u billi tintegra l-promozzjoni tas-CSR fejn ikun xieraq. Biex jirnexxielhom fil-missjoni konġunta tagħhom, l-imsieħba ta' l-Alleanza se jibbenefikaw minn alleanzi ekwivalenti li ġew żviluppati fuq livell nazzjonali u se jispiraw u jagħtu appoġġ lil inizjattivi simili f’pajjiżi fejn hemm interess li jsir dan. L-Alleanza tappoġġja l-organizzazzjoni ta' laqgħat ta' reviżjoni mal-partijiet interessati kollha, mil-bidu ta' l-2006 sabiex jintiżen il-progress li sar f’relazzjoni mar-rakkomandazzjonijiet tal-Forum Multilaterali Ewropew dwar is-CSR ( European Multi-stakeholder Forum ) u ta' tendenzi, żviluppi u innovazzjonijiet oħra fis-CSR.

Konklużjoni u l-pass li jmiss

Impenn, fiduċja reċiproka u djalogu huma vitali għas-suċċess ta' din l-Alleanza. Din se tiddependi mill-azzjoni li se jieħdu l-imsieħba tagħha fir-rigward ta' l-inizjattivi u l-oqsma prijoritarji miftiehma. L-imsieħba jaqblu li għal skopijiet ta' koordinament u ta' komunikazzjoni, l-Alleanza se tistrieħ fuq l-istrutturi eżistenti mmexxija min-negozju li huma involuti b'mod attiv fil-qasam tas-CSR. Permezz ta' laqgħat ta' livell għoli, l-imsieħba ta' l-Alleanza jaqblu li jitqiesu r-riżultati ta' l-Alleanza u li dawn jiġu kkomunikati wkoll fil-kuntest ta' l-Istrateġija Ewropea għat-Tkabbir u l-Impjiegi.

Wasal iż-żmien li nagħmlu l-Ewropa Pilastru ta' Eċċellenza dwar is-CSR. L-Alleanza hija fformata biex dan iseħħ.

[1] COM(2001)366 finali

[2] COM(2006)30 finali

[3] COM(2005)24 finali

[4] COM(2005)33 finali

[5] COM(2005)658 finali

[6] P5_TA (2002)0278

[7] P5 TA (2003) 0200

[8] COM(2001)366 finali

[9] COM(2002)347 finali

[10] COM(2005)489 finali