52006DC0073

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - L-iskwalifiki li joħorġu minn kundanni kriminali fl-Unjoni Ewropea {SEC(2006)220} /* KUMM/2006/0073 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.2.2006

KUMM(2006) 73 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

L-iskwalifiki li jo ħorġu minn kundanni kriminali fl-Unjoni Ewropea {SEC(2006)220}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

L-iskwalifiki li joħorġu minn kundanni kriminali fl-Unjoni Ewropea

1. Skwalifika tista’ tiġi definita bħala miżura li tirrestrinġi, għal perjodu limitat jew mhux limitat, lil persuna naturali jew legali milli teżerċita ċerti drittijiet, milli tokkupa ċerti funzjonijiet, milli tieħu sehem f’ċerti attivitajiet, milli tmur f’ċerti postijiet jew milli twettaq ċerti miżuri[1]. Hija kategorija ta’ sanzjoni li l-objettiv tagħha huwa primarjament wieħed ta’ prevenzjoni. Meta persuna li tinstab ħatja b’reat tiġi mċaħħda milli teżerċita ċerti drittijiet (pereżempju d-dritt li taħdem ma’ minuri), huwa primarjament sabiex ikun evitat li hu jew hi jerġgħu jwettqu r-reat. F’qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih l-individwi għandhom igawdu livell għoli ta’ ħarsien, bl-istess mod għandu jkun hemm mertu fl-għarfien ta’ l-effetti ta’ ċerti skwalifiki fit-territorju kollu ta’ l-Unjoni. Il-kwistjoni hija aktar u aktar pertinenti f’suq intern li fih il-persuni jiċċirkolaw b’mod ħieles.

2. L-iskwalifiki huma kategorija ta’ sanzjonijiet li jistgħu jeħtieġu, taħt ċerti ċirkostanzi, li jiġu rikonoxxuti u li jiġu infurzati madwar l-Unjoni kollha sabiex ikunu effettivi. Dan huwa rikonoxxut fil-Programm ta’ l-Aja[2] fejn il-Kunsill Ewropew sejjaħ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar it-titjib ta’ l-iskambju ta’ l-informazzjoni minn reġistri nazzjonali ta’ kundanni u skwalifiki, b’mod partikolari informazzjoni rigward persuni mfittxija fuq reati sesswali. Dan l-objettiv huwa wkoll imniżżel fil-pjan ta’ azzjoni adottat mill-Kunsill flimkien mal-Kummissjoni fit-2-3 ta’ Ġunju 2005 sabiex jingħata effett lill-Programm ta’ l-Aja u fil-Komunikazzjoni dwar l-għarfien reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali u t-tisħiħ ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri adottata mill-Kummissjoni f’Mejju 2005[3], fejn it-tnejn li huma jħabbru l-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni.

3. Din il-Komunikazzjoni tfittex li tiċċara l-kunċett ta’ skwalifika, li tevalwa l-leġiżlazzjoni relevanti fil-livell Ewropew u li tiċċara l-istrateġija li aktarx tittieħed f’dan ir-rigward.

1. IL-KARATETRISTIċI ġENERALI

4. Skwalifika kif definita fl-ewwel paragrafu 1 hija kunċett wiesa’ ħafna li jirrikjedi aktar kjarifikazzjoni għall-iskopijiet ta’ din il-Komunikazzjoni.

5. L-esklużjoni ta’ skwalifiki mhux marbuta ma’ kundanni kriminali. Skond il-qafas li hemm referenza għalih fit-tieni paragrafu 2, din il-Komunikazzjoni tikkonċerna biss l-iskwalifiki li jirriżultaw minn kundanna kriminali u mhux, pereżempju, miżuri imposti fil-kuntest ta’ proċeduri kontinwi, miżuri imposti sempliċiment għal skopijiet ta’ prevenzjoni fuq persuni li ma jistgħux jinżammu responsabbli b’mod kriminali jew projbizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn kondotta li ma tikkostitwixxix reat kriminali.

6. In-natura ta’ l-iskwalifika. Hemm modi differenti li bihom skwalifika tista’ tirriżulta minn kundanna kriminali:

- tista’ tkun piena ordnata mill-qorti, jew bħala żjieda mal-piena prinċipali jew bħala piena alternattiva jekk tiġi ordnata minflok waħda jew aktar mill-pieni prinċipali;

- tista’ tkun piena addizzjonali, imposta awtomatikament bħala konsegwenza tal-piena prinċipali, anke jekk din ma tkunx ordnata mill-qorti;

- tista’ tiġi ordnata fi proċeduri amministrattivi jew dixxiplinari li jkunu riżultat ta’ kundanna kriminali.

7. L-ambitu materjali. Il-firxa potenzjali ta’ skwalifiki taqbel man-numru ta’ drittijiet li persuna legali jew naturali tista’ tiġi mċaħħda minnhom (pereżempju, il-projbizzjoni mis-sewqan, il-projbizzjoni minn residenza f’erja partikolari, l-esklużjoni minn proċeduri ta’ ksib pubbliku, iċ-ċaħda ta’ drittijiet ċivili, ċiviċi jew familjari).

8. L-ambitu personali. L-iskwalifiki jistgħu japplikaw kemm għal persuni legali u kemm għal persuni naturali. Mhux l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu r-responsabbilità kriminali tal-persuni legali[4]. Din il-kwistjoni ma tikkonċernax speċifikament lill-iskwalifiki u hija ttrattata aktar bis-sħiħ fir-Rapport Preliminari tal-Kummissjoni dwar is-sanzjonijiet[5].

9. L-eteroġeneità ta’ l-iskwalifiki fi ħdan l-Unjoni : kif muri fir-Rapport Preliminari dwar is-sanzjonijiet, il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar is-sanzjonijiet tvarja bil-kbir u l-istess jista’ jingħad għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskwalifiki. Fi ħdan Stat Membru wieħed, il-firxa potenzjali ta’ skwalifiki hija wiesgħa u n-natura u l-mod li bihom huma infurzati dawn is-sanzjonijiet jistgħu ivarjaw b’mod konsiderevoli. Din l-eteroġeneità ssir dejjem aktar ċara meta wieħed iħares lejha mill-perspettiva ta’ l-Unjoni Ewropea. Filwaqt li ċerti skwalifiki jeżistu fl-Istati Membri kollha – pereżempju, skwalifiki mis-sewqan – din bl-ebda mod m’hi r-regola ġenerali[6].

2. L-INVENTARJU TA’ STRUMENTI ADOTTATI FIL-LIVELL TA’ L-UNJONI EWROPEA

10. Ċertu numru ta’ strumenti adottati fil-livell ta’ l-UE jirreferu għall-iskwalifiki. Min-naħa waħda, hemm strumenti li għandhom l-għan li jqarrbu l-leġiżlazzjoni nazzjonali rigward l-iskwalifiki (is-sezzjoni 2.1.). Min-naħa l-oħra, hemm strumenti li jittrattaw l-effett li miżura ta’ skwalifika (jew kundanna) ordnata fi Stat Membru wieħed aktarx li jkollha fl-Istati Membri l-oħra (is-sezzjoni 2.2.).

2.1. L-istrumenti biex jitqarrbu l-pieni

11. Dawn l-istrumenti huma elenkati fl-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni. Bosta minnhom jirreferu għal skwalifiki bħala pieni possibbli disponibbli fuq kundanna għal reati partikolari. L-istrumenti li ġejjin jinkludu aktar dispożizzjonijiet preskrittivi li jikkonċernaw skwalifiki wara kundanna kriminali:

a) Id-Deċiżjoni ta’ Qafas 2004/68/JHA dwar il-ġlieda kontra l-esplojtazzjoni sesswali ta’ tfal u l-pornografija tat-tfal[7] titlob lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li persuna naturali kundannata b’wieħed mir-reati koperti mill-istrument tista’ tkun imċaħħda b’mod temporanju jew permanenti milli teżerċita attivitajiet professjonali li għandhom x’jaqsmu mas-superviżjoni ta’ tfal (l-Artikolu 5(3)). Dan ma jfissirx li l-iskwalifika għandha awtomatikament tiġi bħala konsegwenza ta’ kundanna għal wieħed mir-reati relevanti imma biss li kull Stat Membru għandu jipprovdi għall-possibilità ta’ prevenzjoni tal-persuna milli teżerċita attività speċifika bħala waħda mill-pieni disponibbli wara l-kundanna;

b) Id-Deċiżjoni ta’ Qafas 2003/568/JHA dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat[8] tinkludi dispożizzjoni simili fl-Artikolu 4(3) tagħha;

c) Il-leġiżlazzjoni reċenti rigward il-proċeduri għall-għotja ta’ kuntratti pubbliċi tagħmel il-proċess ta’ l-għotja ta’ tali kuntratti aktar trasparenti u għalhekk tgħin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-krimini organizzat. L-Artikolu 45(1) tad-Direttiva[9] dwar il-ksib pubbliku jipprovdi, f’ċerti ċirkostanzi, għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku ta’ kwalunkwe kandidat jew persuna li tipparteċipa fis-sejħa għall-offerti tkun suġġetta ta’ kundanna b’ġudizzju finali għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, korruzzjoni, frodi għad-detriment ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet jew ħasil tal-flus. Id-Direttiva tapplika kemm għal persuni naturali u kemm għal persuni legali[10].

Hawn wieħed jista’ jinnota similarità ma’ direttivi oħra tal-KE li japplikaw għas-settur finanzjarju. Bosta minn dawn l-istrumenti jinkludu dispożizzjoni standard li, skond din, il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ l-istituzzjoni relevanti għandu jkun magħmul minn persuni ta’ “reputazzjoni tajba”. Pereżempju, taħt id-Direttiva Bankarja[11], istituzzjoni ta’ kreditu ma tistax tiġi awtorizzata biex twettaq id-doveri tagħha jekk il-persuni konċernati ma jkunux ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed. Għalhekk huwa probabbli li r-rekords kriminali tagħhom jiġu ċċekkjati u li huma ma jkunux awtorizzati jekk ikunu ġew ikkundannati b’reati bħal ħasil tal-flus jew korruzzjoni. L-interpretazzjoni ta’ “reputazzjoni tajba” madankollu titħalla f’idejn l-Istat Membru u m’hemm l-ebda skwalifika sistematika li toħroġ mill-għotja ta’ kundanni speċifiċi. L-istess japplika għal-leġiżlazzjoni li għandha x’taqsam ma’ kumpaniji ta’ l-investiment[12], ma’ kummerċ fis-sigurtajiet[13], ma’ awditjar statutarju ta’ dokumenti ta’ kontabilità[14] u ma’ l-assigurazzjoni[15].

2.2. Miżuri li jikkonċernaw l-effett ta’ kundanni jew skwalifiki

12. L-istrumenti li jikkonċernaw l-effett li miżura ta’ skwalifika (jew kundanna) ordnata f’wieħed mill-Istati Membri aktarx li jkollha fi Stati Membri oħra jista’ jinqasam fi tliet kategoriji.

13. L-ewwel kategorija tinkludi serje ta’ direttivi li jistgħu jitqiesu bħala strumenti li jippermettu rikonoxximent reċiproku parzjali. Uħud minnhom għandhom x’jaqsmu direttament mar-rikonoxximent ta’ skwalifika ordnata fi Stat Membru ieħor (a u b). Oħrajn jiffokaw fuq il-konsegwenzi f’termini ta’ skwalifika li tista’ tiġi mir-rikonoxximent ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor (c u d).

a) id-Direttivi dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u l-ħruġ għall-elezzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali[16] jew Ewropej[17]. Ta’ l-ewwel tippermetti li skwalifika mill-ħruġ għall-elezzjoni ordnata f’wieħed mill-Istati Membri tkun rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor. Ta’ l-aħħar tirrikjedi li skwalifika mill-ħruġ għall-elezzjoni ordnata f’wieħed mill-Istati Membri tkun rikonoxxuta fi Stat Membruieħor u tippermetti li skwalifika tal-vot ordnata f’wieħed mill-Istati Membri tkun rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor;

b) id-Direttiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ espulsjoni[18] għandha l-għan li tippermetti r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ espulsjoni li tittieħed minn Stat Membru kontra persuna minn pajjiż terz li tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. B’mod partikolari, din tapplika għal deċiżjonijiet ta’ espulsjoni bbażati fuq theddida serja u kurrenti lill-ordni pubbliku jew lis-sigurtà nazzjonali u li jkunu ttieħdu wara kundanna għal reat li jista’ jkun ikkastigat b’ta’ l-anqas sena priġunerija. Din ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea li jkunu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ moviment ħieles. Dawn huma koperti mid-Direttiva 2004/38/KE li tirregola strettament ir-restrizzjonijiet permissibbli dwar il-libertà tal-moviment u tenfażizza li kundanni kriminali preċedenti ma jistgħux jiġġustifikaw tali restrizzjonijiet waħedhom[19];

c) id-Direttiva dwar il-ksib pubbliku imsemmija qabel. Din hija strument li jinvolvi r-rikonoxximent reċiproku parzjali ta’ kundanni peress li tirriżulta f’kundanna mogħtija fi Stat Membru u li normalment ikollha bħala konsegwenza l-esklużjoni mill-ksib pubbliku fuq bażi estiża għall-Unjoni Ewropea kollha. Fejn kundanna tkun ingħatat fi Stat Membru imma l-awtorità kontraenti tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, din tista’ tfittex il-kooperazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-ewwel Stat Membru biex tikseb l-informazzjoni li għandha x’taqsam mal-kundanna.

Fil-livell ta’ l-UE, ir-Regolament Finanzjarju[20] jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu għall-esklużjoni minn sejħiet għall-offerti u għotjiet Ewropej ta’ persuni naturali jew legali li jkunu kkommettew ċerti reati;

d) Fis-7 ta’ Settembru 2005, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Direttiva ġdida dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali[21] li se tieħu post ħmistax-il direttiva li bħalissa japplikaw għal dan il-qasam. Din titlob mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri ospitanti u ta’ l-oriġini l-iskambju ta’ informazzjoni rigward, b’mod partikolari, azzjoni dixxiplinari jew sanzjonijiet kriminali li aktarx ikollhom konsegwenzi għat-tkomplija ta’ l-attivitajiet professjonali msemmija (l-Artikolu 56, paragrafu 2). Din id-Direttiva l-ġdida ssaħħaħ l-obbligu eżistenti li wieħed jgħaddi informazzjoni. Madankollu, kif inhu l-każ bħalissa, l-iskambju ta’ informazzjoni ma jwassalx għal skwalifika awtomatika milli wieħed jeżerċita l-professjoni fil-pajjiż ospitant. Din il-kwistjoni titħalla f’idejn il-pajjiż ospitant. F’dak ir-rigward, ta’ min wieħed isemmi d-differenza bejn din id-Direttiva u d-Direttiva 98/5/KE[22] rigward id-dritt ta’ stabbiliment għall-avukati (li mhuwiex affetwat mid-Direttiva l-ġdida). Peress li d-dritt ta’ stabbiliment huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent tar-reġistrazzjoni professjonali ta’ l-avukati aktar milli fuq il-kwalifiki tagħhom, id-Direttiva 98/5/KE tiżgura li skwalifika ordnata fl-Istati Membri ta’ l-oriġini jkollha effett fil-pajjiż ospitant.

14. It-tieni strateġija tinkludi strumenti li mhumiex fis-seħħ jew li ġew ratifikati minn numru limitat ta’ Stati Membri biss:

a) l-inizjattiva Daniża “ bil-ħsieb li tiġi adottata Deċiżjoni tal-Kunsill dwar iż-żjieda fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ l-iskwalifiki ”[23] . Din l-inizjattiva, li għadha quddiem il-Kunsill, tiffoka fuq l-aċċess għall-impjieg u hija ristretta għall-persuni naturali. Barra minn hekk, hija tipprevedi biss l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u mhux r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ skwalifika[24];

b) il-Konvenzjoni ta’ l-UE ta’ 1998 rigward skwalifiki fis-sewqan[25]. Din il-Konvenzjoni ma tipprovdix għar-rikonoxximent dirett ta’ projbizzjonijiet tas-sewqan imposti fi Stat Membru partikolari mill-Istati Membri l-oħra kollha u l-mekkaniżmi li tistabbilixxi ma jsegwux il-bażi loġika li ssostni l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni tippermetti lill-Istat Membru li jimplimentaha biex jagħżel li jaqleb id-deċiżjoni barranija f’ordni ġuridika jew amministrattiva domestika. Sa issa, din ġiet ratifikata minn numru limitat ħafna ta’ Stati Membri[26].

15. Fl-aħħarnett, it-tielet kategorija hija magħmula minn riżoluzzjonijiet, jiġifieri atti mhux mandatorji, biex tiġi missielta l-vjolenza relatata mal-futbol. Riżoluzzjoni tal-Kunsill li tmur lura għall-1997[27] tenfażizza li esklużjonijiet mill-istadju huma effettivi biex jiġi evitat u mrażżan id-diżordni relatat ma’ logħbiet tal-futbol nazzjonali u li huwa mixtieq li esklużjoni mill-istadju imposta f’wieħed mill-Istati Membri għandha tkun miżmuma għal-logħbiet tal-futbol Ewropew fl-Istati Membri l-oħra. Riżoluzzjoni ta’ l-2003[28] titlob lill-Istati Membri biex jistudjaw il-possibilità li jestendu l-esklużjonijiet mill-istadju għal ċerti logħbiet tal-futbol fi Stati Membri oħra u li din tintrabat ma’ l-impożizzjoni ta’ pieni fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi esklużjoni bħal din.

2.3. Il-Konklużjoni

16. Mill-inventarju preċedenti wieħed jista’ jara li:

a) hemm numru relattivament limitat ta’ strumenti Ewropej li jipprovdu għal skwalifiki fuq bażi mandatorja, jiġifieri strumenti li jirrikjedu lill-Istati Membri biex jinkludu skwalifiki professjonali fost il-pieni disponibbli għall-kundanna (ara l-paragrafu 11 a) u b)) jew li jorbtu effetti ta’ skwalifika ma’ ċerti kundanni (bħal fid-Direttiva dwar il-ksib pubbliku);

b) bl-eċċezzjoni tad-Direttiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ espulsjoni[29], l-istrumenti li jitrattaw l-effett ta’ ċerti skwalifiki jew kundanni barra mill-Istat Membru li jkun ta l-kundanna ma jipprovdux għal sistemi ġenwini ta’ skambju ta’ informazzjoni li jagħtu lill-Istati Membri sors ta’ informazzjoni affidabbli u sħiħa dwar skwalifiki jew kundanni ordnati fi Stati Membri oħra.

17. It-twaqqif ta’ sistema ta’ skambju ta’ l-informazzjoni fir-rigward ta’ liċenzji tas-sewqan bħalissa qed tiġi eżaminata mill-Kummissjoni. Din l-inizjattiva tibbaża fuq deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinnutaw l-eżistenza ta’ obbligu għall-Istati Membri li jiskambjaw informazzjoni f’ċerti ċirkostanzi, biex b’hekk titkabbar is-sistema ta’ skambju volontarju ta’ informazzjoni stabbilita mid-Direttiva 91/439/KEE[30] dwar il-liċenzji tas-sewqan. Il-proposta reċenti għal Direttiva dwar liċenzji tas-sewqan, li tibdel id-Direttiva 91/439/KEE, tkompli tenfażizza l-bżonn li tiġi implimentata sistema ġenerali mandatorja ta’ skambju ta’ informazzjoni[31].

3. STRATEġIJI POSSIBBLI GħALL-ISKWALIFIKI

18. Jistgħu jiġu segwiti żewġ strateġiji differenti, li ma jeskludux lil xulxin, biex ikun żgurat li l-iskwalifiki jsiru għodda effettiva fil-livell ta’ l-UE fis-sanzjonar ta’ ċerta kondotta kriminali u fil-prevenzjoni milli din tiġi ripetuta. L-ewwelnett, wieħed jista’ jikkunsidra li skwalifika mill-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet fil-medda kollha ta’ l-UE għandha tirriżulta mit-twettiq ta’ ċerti reati. It-tieninett, wieħed jista’ jieħu l-pożizzjoni li, taħt ċerti ċirkostanzi, l-effett ta’ skwalifika nazzjonali għandu jiġi estiż għat-territorju kollu ta’ l-UE. Fi kwalunkwe każ, kull proposta leġiżlattiva f’dan il-qasam se tkun suġġetta, skond il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2005[32], għal studju fil-fond li jevalwa l-impatt biex ikun stmat, b’mod partikolari, l-impatt tagħha fuq id-drittijiet fundamentali.

3.1. Orbot l-effetti ta’ l-iskwalifika mat-twettiq ta’ ċerti reati

19. Teoretikament, l-istrateġija segwita fid-Direttiva dwar il-ksib pubbliku tista’ tiġi applikata għal setturi oħra bil-ħsieb li jiġi projbit l-aċċess għal ċerti xogħlijiet jew attivitajiet madwar l-Unjoni wara kundanna għal reat partikolarment serju.

20. L-adozzjoni ta’ strument bħal dan probabbli jkun jeħtieġ:

- li jkunu definiti l-attivitajiet u l-professjonijiet konċernati;

- armonizzazzjoni minima tar-reati nfushom;

- l-armonizzazzjoni tat-tul ta’ l-iskwalifika nnifisha sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni potenzjali. Bħalissa, it-tul ta’ skwalifika sikwit ivarja skond il-perjodu li matulu l-informazzjoni tibqa’ fuq ir-rekord kriminali nazzjonali. Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għad-Direttiva dwar il-ksib pubbliku[33] armonizzat it-tul ta’ l-iskwalifika awtomatika għal ħames snin, imma d-dispożizzjoni relevanti ma twasslitx sat-test finali.

21. Fil-prattika, l-adozzjoni ta’ tali strument tkun tfisser li l-aċċess għal ċerti attivitajiet ikun, sa ċertu punt, regolat f’livell Ewropew u jkollu jkun ġustifikat taħt il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. Din l-istrateġija regolatorja tista’ ma tkunx adattata għal attivitajiet li mhux neċessarjament japplikaw madwar l-UE kollha, bħal fil-każ tad-Direttiva dwar il-ksib pubbliku. Din ukoll mhix l-istrateġija adottata fis-settur finanzjarju (ara l-paragrafu 11 c) aktar ’il fuq).

3.2. Ipprovdi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ l-iskwalifiki

22. Għalkemm ir-rikonoxximent reċiproku huwa l-pedament għat-twaqqif ta’ żona Ewropea ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-estensjoni ta’ l-effetti territorjali ta’ l-iskwalifiki tista’ tidher bħala aggravanti għas-sanzjoni u tqajjem il-kwistjoni tad-drittijiet ta’ l-individwu li jara l-ambitu territorjali ta’ l-iskwalifika estiż għat-territorju kollu ta’ l-Unjoni Ewropea. Barra dan, hemm diversità sinifikanti fis-sanzjonijiet kriminali fl-Unjoni Ewropea u l-estensjoni ta’ l-effett ta’ miżura ta’ skwalifika ordnata f’wieħed mill-Istati Membri madwar l-Unjoni kollha tista’ tkun opposta minn Stat Membru li ma jimponix din it-tip ta’ sanzjoni għar-reat imsemmi[34].

23. Strateġija raġonevoli qabel xejn għalhekk tkun li tiġi adottata strateġija settorjali li tingħata prijorità lir-rikonoxximent reċiproku ta’ skwalifiki fl-oqsma li għalihom diġà teżisti bażi komuni bejn l-Istati Membri. Dan jassumi grad suffiċjenti ta’ omoġeneità fir-rigward ta’ sanzjonijiet, li huwa partikolarment il-każ fejn:

- l-iskwalifika diġà teżisti fl-Istati Membri kollha għal kategorija speċifika ta’ reat (pereżempju skwalifiki fis-sewqan) jew

- strument legali jirrikjedi speċifikament li din it-tip ta’ piena tkun provduta fl-Istati Membri kollha għal ċerti tipi ta’ reat (pereżempju skwalifiki minn xogħol mat-tfal, ara l-paragrafu 11 aktar ’il fuq). Jekk l-iskwalifiki jitqiesu biss bħala waħda minn firxa possibbli ta’ pieni għall-kondotta li l-istrument legali jitlob li tiġi kriminalizzata, mingħajr ma l-Istati Membri jkunu mitluba li jipprovdu għal din it-tip ta’ piena, m’hemm l-ebda garanzija li tista’ teżisti bażi komuni.

24. Anke fejn teżisti bażi komuni bħal din, jistgħu jirriżultaw ċerti diffikultajiet minn differenzi bejn Stati Membri dwar in-natura tal-projbizzjoni[35] jew in-natura essenzjali tagħha (it-tul, pereżempju). Irid ikun definit l-ispazju għall-immanuvrar li jrid jitħalla lill-istat li qed jagħmel l-implimentazzjoni.

4. PREREKWIżIT: IT-TITJIB TAL-FLUSS TA’ L-INFORMAZZJONI

25. Iż-żewġ xenarji deskritti hawn fuq jassumu li l-informazzjoni dwar kundanni u skwalifiki tiċċirkola bejn l-Istati Membri.

4.1. Il-kundanni

26. Diġà ttieħdu diversi passi biex jittejbu l-mekkaniżmi eżistenti ta’ l-iskambju ta’ l-informazzjoni:

- Fit-13 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju ta’ l-informazzjoni miksuba mir-rekord kriminali[36] bl-għan li jkun żgurat titjib mgħaġġel fil-mekkaniżmi attwali ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, prinċipalment billi jiġu pprovduti limiti ta’ żmien għat-trasmissjoni ta’ din l-informazzjoni. Din ġiet adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Novembru 2005[37]

- Fil-25 ta’ Jannar 2005 il-Kummissjoni ppreżentat White Paper li analizzat d-diffikultajiet prinċipali fl-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar il-kundanni u għamlet proposti għal sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ l-informazzjoni[38]. Wara diskussjonijiet dwar il- White Paper , il-Kunsill tal-Ġustizzja u ta’ l-Affarijiet Interni ta’ l-14 ta’ April 2005 qabel fuq il-mogħdija li għandha tiġi segwita. Fuq din il-bażi u fid-dawl ta’ l-objettivi definiti fil-Programm ta’ l-Aja, il-Kummissjoni ppreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2005, proposta leġiżlattiva li tintroduċi riforma profonda tal-mekkaniżmi eżistenti għall-iskambju[39]. Aktar xogħol għandu jitwettaq fl-2006 biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar kundanni mogħtija fl-Unjoni Ewropea kontra persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi.

27. F’dan il-kuntest, ta’ min wieħed isemmi wkoll li fis-17 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni ta’ qafas tal-Kunsill biex jiġu kkunsidrati kundanni fl-Istati Membri matul proċeduri kriminali ġodda[40]. Il-proposta tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom kundanna li ngħatat fi Stat Membru ieħor għandha tiġi kkunsidrata fi proċeduri kriminali ġodda li jikkonċernaw fatti differenti.

4.2. L-iskwalifiki

28. L-iskwalifiki huma forma ta’ sanzjoni li n-natura tagħhom aktarx li tvarja fi ħdan l-istess Stat Membru u a fortiori bejn Stat Membru u ieħor. Dawn jistgħu jiġu ordnati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ċivili/kummerċjali, amministrattivi jew dixxiplinari jew ikunu r-riżultat awtomatiku ta’ kundanna. Minbarra dan, f’ċerti Stati Membri dawn huma ordnati aktar bħala pieni amministrattivi jew dixxiplinari milli bħala pieni “ġudizzjarji”. Dan in-nuqqas ta’ qbil jagħmilha aktar diffiċli biex jinkiseb aċċess għal informazzjoni eżawrjenti, speċjalment minħabba li r-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tar-reġistri nazzjonali ivarjaw ukoll b’mod qawwi: l-Istati Membri kollha jżommu rekords kriminali, imma l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni tissuġġerixxi livell għoli ta’ diversità bejn l-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn ir-rekords[41]. F’uħud mill-Istati Membri jiġu rreġistrati biss deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati kriminali, filwaqt li f’oħrajn ir-reġistru jinkludi wkoll deċiżjonijiet minn awtoritajiet ċivili, kummerċjali jew amministrattivi. Pereżempju, ċerti reġistri nazzjonali jinkludu skwalifiki mill-eżerċizzju ta’ awtorità tal-ġenituri.

29. In-natura ta’ skwalifika individwali u t-tħaddim tar-reġistru nazzjonali kkonċernat għalhekk jiddeterminaw kif din tiddaħħal fir-reġistru. Filwaqt li skwalifiki ordnati mill-qrati kriminali ġeneralment jinstabu fir-reġistri kollha, dan bl-ebda mod ma huwa l-każ għal skwalifiki li joħorġu awtomatikament minn kundanna jew li jkunu ordnati minn awtorità amministrattiva jew organizzazzjoni professjonali wara kundanna. Il-miżura li fiha l-iskwalifiki jiddaħħlu f’reġistri nazzjonali hija għalhekk probabbli li tvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri.

30. L-ambitu għat-titjib ta’ l-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar l-iskwalifiki għalhekk għandu jiġi stmat, u tingħata l-konsiderazzjoni dovuta għall-bżonn li jkun żgurat grad għoli ta’ ħarsien ta’ data personali. L-ipproċessar ta’ data personali u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-iskwalifiki għandu f’kull każ ikun konformi mal-qafas legali eżistenti għall-ipproċessar ta’ data personali fl-Unjoni Ewropea[42]. Idealment, l-għan għandu jkun li jiġi faċilitat skambju komprensiv ta’ informazzjoni li jsir fir-rigward tat-tipi ta’ skwalifika li ġejjin:

i) skwalifiki ordnati minn qorti wara kundanna kriminali (jiġifieri bħala parti mill-kundanna kriminali);

ii) skwalifiki imposti fi Stat Membru u li joħorġu awtomatikament minn kundanna f’dak l-istess stat;

iii) skwalifiki ordnati fi Stat Membru wara kundanna kriminali f’dak l-Istat Membru fejn il-proċedura tagħti l-istess garanziji bħal proċedura kriminali, tkun xi tkun l-awtorità li tordnahom;

iv) skwalifiki imposti fuq persuni legali għal reati jew ksur ta’ liġi li kienu jkunu reati kriminali kieku twettqu minn persuna naturali u li għalihom persuna legali tista’ tinżamm responsabbli (b’mod kriminali jew amministrattiv) fl-Istati Membri kollha[43].

31. Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi evalwat il-bżonn li jiġu adottati regoli minimi ta’ l-UE li jirrikjedu li l-Istati Membri jirreġistraw b’mod sistematiku ta’ l-anqas uħud mill-iskwalifiki fir-rekords – jew fir-reġistri[44] - kriminali nazzjonali tagħhom fejn diġà teżisti bażi komuni bejn l-Istati Membri.

5. KONKLUżJONI

32. L-eżistenza ta’ kundanna kriminali li twassal għal skwalifika hija d-denominatur komuni fost l-Istati Membri. It-titjib ta’ l-aċċess għall-informazzjoni dwar kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra għandu jippermetti lill-Istati Membri li jikkunsidraw din l-informazzjoni, b’mod partikolari għall-iskop ta’ evalwazzjoni ta’ jekk persuna għandhiex tingħata aċċess għal ċerti xogħlijiet jew attivitajiet. Il-Kummissjoni għalhekk tippreferi strateġija bbażata fuq it-titjib taċ-ċirkolazzjoni ta’ l-informazzjoni dwar il-kundanni u fis-snin li ġejjin se tkompli x-xogħol li diġà sar.

33. Rigward ir-rikonoxximent reċiproku ta’ skwalifiki, il-Kummissjoni tippreferi strateġija “settorjali”, f’setturi fejn teżisti bażi komuni bejn l-Istati Membri. Il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri jaħsbuha b’dan il-mod. Bażi komuni bħal din teżisti partikolarment fir-rigward ta’ skwalifiki minn xogħol mat-tfal u skwalifiki fis-sewqan (ara l-paragrafu 23). F’Ottubru 2004, il-Belġju ssottometta inizjattiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ skwalifiki minn xogħol mat-tfal bħala riżultat ta’ kundanni għal reati sesswali mwettqa kontra t-tfal. Fil-futur, il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tipproponi Deċiżjoni ta’ Qafas li tieħu post il-Konvenzjoni ta’ l-1998 rigward skwalifiki fis-sewqan (ara l-paragrafu 14 b)). L-għan se jkun li jissaħħu l-istrumenti eżistenti tal-KE bil-ħsieb li jkun żgurat ir-rikonoxximent sħiħ ta’ skwalifiki fis-sewqan.

[1] Rapport Preliminari dwar l-approssimazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta’ sanzjonijiet kriminali fl-Unjoni Ewropea (“Ir-Rapport Preliminari dwar is-sanzjonijiet”), COM (2004) 334 finali, 30.04.2004.

[2] Adottat fl-4-5 ta’ Novembru 2004 (ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1).

[3] COM (2005) 195 tad-19.5.2005.

[4] Pereżempju, il-Belġju, Franza, l-Irlanda, l-Olanda u r-Renju Unit jirrikonoxxu r-responsabbilità kriminali ta’ persuni legali, kontra dak li jagħmlu l-Greċja, il-Ġermanja jew l-Italja.

[5] Is-sezzjoni 3.1.6.

[6] Din l-eteroġeneità u d-diffikultajiet ta’ strateġija ġenerali ġew imsemmija matul id-diskussjoni ta’ inizjattiva mressqa mid-Danimarka fl-2002 bil-ħsieb li tiġi adottata Deċiżjoni tal-Kunsill dwar iż-żjieda tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ l-iskwalifiki (ĠU C 223 tad-19.9.2002, p. 17). Din l-inizjattiva għadha quddiem il-Kunsill.

[7] ĠU L 13, 20.1.2004, p. 44.

[8] ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54. Huwa interessanti li l-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1997 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali ta’ Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2) ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar l-iskwalifika.

[9] Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għotja ta’ kuntratti ta’ xogħol pubbliku, kuntratti ta’ provvista pubblika u kuntratti ta’ servizz pubbliku, ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. L-Istati Membri jridu jkunu implimentaw din id-Direttiva sal-31 ta’ Jannar 2006.

[10] F’dan ir-rigward, għandha ssir ukoll referenza għall-Artikolu 29(c) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, għall-Artikolu 20(1)(c) tad-Direttiva dwar il-Provvista u għall-Artikolu 24(1)(c) tad-Direttiva dwar ix-Xogħlijiet li huma diskussi aktar fid-dettall fl-Anness. Id-Direttiva dwar il-ksib pubbliku tirrevoka dawn id-dispożizzjonijiet b’effett mill-31 ta’ Jannar 2006.

[11] Id-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 rigward il-bidu u t-tkomplija tal-kummerċ ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu, ĠU L 126, 26.5.2000, p. 1.

[12] Ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar swieq fi strumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

[13] Ara l-Artikoli 5 a u 5 b tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw ma’ intrapriżi għall-investiment kollettiv f’sigurtajiet trasferibbli (UCITS), ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3.

[14] Ara l-Artikolu 3 tat-Tminn Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE ta’ l-10 ta’ April 1984 ibbażat fuq l-Artikolu 54 (3) (g) tat-Trattat dwar l-approvazzjoni ta’ persuni responsabbli għat-twettiq ta’ verifiki statutorji ta’ dokumenti tal-kontabilità, ĠU L 126. 12.05.1984, p. 20.

[15] Ara l-Artikoli 6(1) a 8 u d-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 rigward l-assigurazzjoni tal-ħajja, ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 73/239/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw mal-bidu u t-tkomplija tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni diretta li mhix l-assigurazzjoni tal-ħajja, ĠU L 228, 16.08.1973, p. 3 (kif emendati mid-Direttiva 92/49/KE, ĠU L 228, 11.08.1992, p. 1).

[16] Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad-19 ta’ Diċembru 1994 li tistipula l-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u ta’ li wieħed joħroġ bħala kandidat f’elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini ta’ l-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż tat-twelid tagħhom, ĠU L 368, 31.12.1994, p. 38. Emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 96/30/KE tat-13 ta’ Mejju 1996, ĠU L 122, 22.5.1996, p. 14.

[17] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta’ Diċembru li tistipula l-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u ta’ li wieħed joħroġ bħala kandidat f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż tat-twelid tagħhom, ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34.

[18] Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta’ Mejju 2001, ĠU L 149, 2.6.2001 p. 34. Il-proposta reċenti tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fi Stati Membri biex jintbagħtu lura persuni mwielda f’pajjiżi terzi li qed jibqgħu illegalment fil-pajjiż (COM (2005) 391 finali ta’ l-1.9.2005) tipprovdi għal sett ta’ regoli flessibbli u komprensivi, applikabbli jekk persuna mwielda f’pajjiż terz li hija suġġetta għal ordni ta’ tkeċċija jew deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa fi Stat Membru tinqabad fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu għażliet differenti, u waħda minnhom tkun ir-rikonoxximent reċiproku, skond iċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari. Ma’ l-adozzjoni ta’ din il-proposta, id-Direttiva 2001/40/KE se tkun żejda u għalhekk se tiġi revokata.

[19] Id-Direttiva 2004/38/KE tad-29 ta’ April 2004 (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77) tikkonsolida l-istrumenti preċedenti u trid tiġi trasferita sat-30 ta’ April 2006.

[20] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar id-Direttiva Finanzjarja applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ara l-Artikoli 93 (b) u 93 (e).

[21] ĠU L 255, 30.09.2005, p. 22..

[22] Id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 li tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn inkisbet il-kwalifika, ĠU L77, 14.03.1998, p.36

[23] ĠU C 223, 19.9.2002, p. 17.

[24] Hawnhekk wieħed jista’ jsib similarità mal-Konvenzjoni Ewropea tal-Kunsill Ewropew ta’ l-1970 dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Deċiżjonijiet Kriminali. Ratifikata mid-9 Stati Membri (l-istat sas-6 ta’ Ottubru 2005), din tapplika b’mod partikolari għall-iskwalifiki. Madankollu, l-mekkaniżmi inklużi fiha ma jsegwux il-bażi loġika li tenfażizza l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku: il-Konvenzjoni tirrikjedi kriminalità doppja, tippermetti r-reviżjoni tal-merti ta’ l-iskwalifika, tagħmel dispożizzjoni għad-determinazzjoni tat-tul tagħha u tinkludi l-possibilità li tiġi limitata l-estensjoni ta’ l-iskwalifika.

[25] ĠU C 216, 10.7.1998, p. 1. Ara wkoll ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni fuq l-iskwalifiki fis-sewqan, ĠU C 211, 23.7.1999, p. 1.

[26] Spanja u Slovakkja. L-istat sal-5 ta’ Ottubru 2005.

[27] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 1997 dwar il-prevenzjoni u t-trażżin tal-vandaliżmu fil-futbol permezz ta’ l-iskambju ta’ l-esperjenza, l-esklużjoni mill-istadji u l-politika tal-medja, ĠU C 193, 24.6.1997, p. 1.

[28] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-Istati Membri ta’ projbizzjonijiet fuq aċċess għal postijiet ta’ logħob tal-futbol fuq dimensjoni internazzjonali, ĠU C 281, 22.11.2003, p. 1.

[29] F’dak il-każ, skambju reċiproku ta’ informazzjoni jsir permezz ta’ avviż imdaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen (SIS) fuq il-bażi ta’ l-Art 96 (3) tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta il-Ftehim ta’ Schengen.

[30] ĠU L 237, 24.08.1991, p. 1

[31] Il-proposta għandha l-għan b’mod partikolari li ttemm it-“turiżmu tal-liċenzja tas-sewqan” u li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-prinċipju li l-istess persuna jista’ jkollha biss liċenzja waħda. Din il-proposta ssostni d-dispożizzjonijiet li bihom l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-liċenzja tas-sewqan ta’ persuna li l-liċenzja tagħha tkun ġiet irtirata u li indirettament ikun għad għandha liċenzja oħra. Din issaħħaħ ukoll l-obbligi ta’ l-Istati Membri billi tirrkjedi lil kull Stat Membru li jiżgura li applikant għal-liċenzja ġdida ma jkunx suġġett għal projbizzjoni mis-sewqan ordnata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor (l-Artikolu 8(5) tal-proposta). COM(2003)621

[32] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konformità mal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali fi proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni. Il-metodoloġija għall-monitoraġġ sistematiku u rigoruż. COM (2005)172 finali tas-27.04.2005.

[33] COM (2000) 275 finali.

[34] Ara r-Rapport Preliminari dwar sanzjonijiet li hemm referenza għalih aktar ’il fuq.

[35] Pereżempju, ċerti sistemi legali jipprovdu għal deċiżjonijiet speċifiċi li jħabbru tali projbizzjonijiet filwaqt li f’oħrajn din hija konsegwenza awtomatika ta’ kundanna kriminali; anke meta tittieħed deċiżjoni, in-natura tagħha (pereżempju amministrattiva jew kriminali) tista’ tvarja.

[36] COM (2004) 664 13.10.2004.

[37] ĠU L 322, 9.12.2005, p. 33.

[38] COM (2005) 10 25.1.2005.

[39] COM (2005) 690

[40] COM (2005) 91 17.03.2005.

[41] Ara l-Anness għall- White Paper COM (2005) 10.

[42] Ara d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 281, 23.11.1995) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ħarsien ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 8, 12.01.2001). Il-Kummissjoni fl-4 ta’ Ottubru 2005 adottat ukoll proposta għal-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta’ data personali pproċessata fil-qafas ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (COM (2005) 475).

[43] Diversi strumenti ta’ l-UE jirrikjedu lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex persuni legali jistgħu jinżammu responsabbli (b’mod kriminali jew amministrattiv) għar-reati li għalihom japplika l-istrument u jingħataw sentenza skond dan. Dan ifisser li, ta’ l-anqas għal lista limitata ta’ reati, persuni legali jistgħu jinżammu responsabbli fl-Istati Membri kollha.

[44] Irrispettivament mit-tip ta’ responsabbilità, il-frekwenza li biha jitniżżlu l-pieni imposti fuq persuni legali fir-reġistri nazzjonali tvarja skond l-Istat Membru (ara l-Anness għall- White Paper COM (2005) 10). F’pajjiżi li jirrikonoxxu r-responsabbilità kriminali ta’ persuni legali, ir-rekord kriminali nazzjonali spiss, imma mhux dejjem, ikopri kemm il-persuni naturali u kemm dawk legali. Mingħajr dubju, isir aktar progress kieku jitniżżlu b’mod sistematiku f’reġistru nazzjonali l-pieni (inklużi l-iskwalifiki) imposti fuq persuni legali għal reati li kien ikollhom natura kriminali kieku twettqu minn persuna naturali.