52006DC0048




MT

Brussel 8.2.2006

KUMM(2006) 48 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-Funzjonament ta’ l-Arranġamenti Transitorji li ġew stabbiliti fit-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 (il-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006)

WERREJ

1. L-għan ta’ dan ir-Rapport (...)3

2. L-Arranġamenti Transitorji (...)3

3. Il-konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri u ma’ l-Imsieħba Soċjali (...)5

4. L-evidenza statistika dwar il-mobilità tal-ħaddiema qabel u wara t-tkabbir (...)6

4.1 Il-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea mkabbra (...)7

4.2 L-effetti tas-suq tax-xogħol għaċ-ċittadini tal-pajjiżi u ta’ l-UE: ir-rati ta’ l-impjiegi (...)11

4.3. Il-kompożizzjoni settorjali u skond il-ħiliet tal-forza tax-xogħol ta’ l-UE10 fl-Istati Membri ta’ l-UE15 : komplementarjetajiet jew sostituzzjoni? (...)12

5. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet (...)13

ANNEX I: STATISTICAL ANNEX (...)17

ANNEX II: BIBLIOGRAPHY (...)21

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-Funzjonament ta’ l-Arranġamenti Transitorji li ġew stabbiliti fit-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 (il-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006)

(Test b’relevanza għall–EEA)

1. L-għan ta’ dan ir-Rapport

1. Il-Kummissjoni tippreżenta dan ir-Rapport lill-Kunsill skond il-paragrafu 3(2) ta’ l-arranġamenti transitorji dwar il-moviment ħieles tal-persuni [1] li huwa anness għat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003. [2] Skond dawn l-arranġamenti transitorji, l-introduzzjoni ta’ parti mil-liġi Komunitarja dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema min-naħa għall-oħra ta’ l-UE mkabbra, tista’ tiġi differita għal perjodu massimu ta’ 7 snin. [3].

2. Il-perjodu transitorju huwa maqsum fi tliet fażijiet distinti, skond il-formula ta’ “2 u 3 u 2”. Kondizzjonijiet differenti japplikaw matul kull waħda minn dawn il-fażijiet. L-ewwel fażi ta’ dawn l-arranġamenti transitorji (AT) bdiet fl-1 ta’ Mejju 2004 u se tintemm fit-30 ta’ April 2006.

3. It-Trattat ta’ Adeżjoni jiddikjara li qabel tmiem din il-fażi, il-Kunsill irid jeżamina l-funzjonament ta’ l-AT fuq il-bażi ta’ rapport min-naħa tal-Kummissjoni. Meta jitlesta dan l-eżami, u mhux aktar tard mit-tmiem tal-perjodu ta’ sentejn wara d-data ta’ l-adeżjoni, l-Istati Membri ta’ l-UE15 jridu jinnotfikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħhom dwar it-tieni fażi ta’ l-AT [4]. Fin-nuqqas ta’ notifika, tibda tapplika l-liġi Komunitarja dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema b’effett mill-1 ta’ Mejju 2006.

2. L-Arranġamenti Transitorji

4. Il-moviment ħieles tal-persuni huwa wieħed mil-libertajiet fundamentali li huma l-aktar iggarantiti mil-liġi Komunitarja. Jinkludi d-dritt għaċ-ċittadini ta’ l-UE sabiex jiċċaqilqu għal Stat Membru ieħor ta’ l-UE sabiex jimpjegaw irwieħhom u sabiex jistabbilixxu rwieħhom fl-Istat li jilqagħhom flimkien mal-membri tal-familja tagħhom. L-Istati Membri ta’ l-UE huma preklużi milli jiddiskriminaw b’mod dirett jew indirett kontra ħaddiema migranti u l-familji tagħhom minħabba n-nazzjonalità tagħhom. Il-ħaddiema migranti fl-UE u l-familji tagħhom għandhom id-dritt għal trattament ugwali mhux biss fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-impjiegi, imma wkoll fejn għandhom x’jaqsmu d-djar għall-pubbliku, il-vantaġġi fiskali u l-vantaġġi soċjali [5]. It-tneħħija tal-barrieri għall-mobilità bejn u fi ħdan l-Istati Membri tinsab ukoll f’post ċentrali fl-Aġenda Mġedda ta’ Liżbona.

5. L-arranġamenti transitorji li ġew stabbiliti fit-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 jħallu spazju għal derogi limitati mill-prinċipji li ġew stabbiliti fil-paragrafu preċedenti, matul perjodu transitorju li se jintemm b’mod irrevokabbli fit-30 t’April 2011. Ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu applikati biss għal ħaddiema migranti, u mhux lil kwalunkwe kategorija oħra ta’ ċittadini ta’ l-UE. Barra minn hekk, ir-restrizzjonjiet jistgħu japplikaw biss għall-kisba ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, u jistgħu jillimitaw l-eliġibilità għall-impjiegi fi Stat Membru partikolari. Ladarba ħaddiem ikun kiseb aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru partikolari, tapplika l-Liġi Komunitarja dwar trattament ugwali fejn għandha x’taqsam ir-remunerazzjoni, kwistjonijiet oħra relatati ma’ l-impjiegi, u fejn għandu x’jaqsam l-aċċess għal vantaġġi soċjali u fiskali. Fi kliem ieħor, ma titħalla ssir l-ebda diskriminazzjoni, tkun xi tkun, minħabba n-nazzjonalità bejn ħaddiema li huma impjegati b’mod legali, kemm jekk ġejjin mill-Istati Membri ta’ l-UE15 u kemm jekk mill-Istati Membri ta’ l-UE10 . Barra minn hekk, m’hemm l-ebda arranġament transitorju għall-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja dwar il-koordinazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali [6].

6. Il-Kummissjoni pproduċiet diversi dokumenti li jispjegaw il-qafas legali ta’ l-AT [7]. It-Trattat ta’ Adeżjoni jipprovdi li għall-ewwel sentejn ta’ l-AT, l-Istati Membri ta’ l-UE15 se japplikaw miżuri nazzjonali, jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali sabiex ikun irregolat l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom min-naħa taċ-ċittadini ta’ l-UE8. Il-miżuri nazzjonali differenti li ttieħdu matul din l-ewwel fażi ta’ l-AT, irriżultaw f’reġimi li huma legalment differenti sabiex ikun hemm aċċess għas-swieq tax-xogħol ta ’l-UE25. L-Iżvezja u l-Irlanda ddeċidew li ma japplikawx restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom miċ-ċittadini ta’ l-UE8. Ir-Renju Unit ukoll m’għandu l-ebda restrizzjoni ex-ante imma għandu Skema ta’ Reġistrazzjoni tal-Ħaddiema [8]. Il-pajjiżi l-oħra kollha ta’ l-UE15 żammew reġim ta’ permessi tax-xogħol, xi drabi flimkien ma’ kwoti. M’hemm l-ebda AT f’Ċipru. Malta toħroġ permessi tax-xogħol, għal raġunijiet ta’ monitoraġġ. Il-Polonja, is-Slovenja u l-Ungerija japplikaw restrizzjonijiet reċiproċi għaċ-ċittadini mill-Istati Membri ta’ l-UE15 li japplikaw restrizzjonijiet. L-Istati Membri kollha ta’ l-UE10 fetħu s-swieq tax-xogħol tagħhom lill-ħaddiema mill-Istati Membri ta’ l-UE10 [9].

7. Mill-1 ta’ Mejju 2006, se tibda t-tieni fażi tal-perjodu transitorju. F’kull każ, it-Trattat ta' Adeżjoni jipprovdi li l-Istati Membri li jiddeċiedu li jneħħu r-restrizzjonijiet fl-1 ta' Mejju 2006 se jkollhom, matul il-bqija tal-perjodu transitorju, il-possibilità li jerġgħu jdaħħlu r-restrizzjonijiet bl-użu tal-proċedura ta’ salvagwardja stipulata fit-Trattat ta’ Adeżjoni, jekk iġarrbu jew jipprevedu tfixkil fis-swieq tax-xogħol tagħhom.

It-Trattat ta’ Adeżjoni jistipula wkoll li, minkejja r-restrizzjonijiet applikati mill-Istati Membri, huma se jagħtu preferenza lil ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE8 fuq dawk il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ l-aċċess għas-suq tax-xogħol tagħhom [10].

3. Il-konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri u ma’ l-Imsieħba Soċjali

8. Il-Kummissjoni organizzat laqgħa ta’ Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Moviment Ħieles tal-Persuni. Dan il-grupp iltaqa’ fis-16 ta’ Settembru 2005 sabiex jiddiskuti l-funzjonament ta’ l-AT. Minbarra r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, stiednet lir-rappreżentanti ta’ l-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali. Matul il-laqgħa, bosta Stati Membri ta’ l-UE15 irrapportaw li kienu qed jibdew il-proċess ta’ konsultazzjonijiet interni sabiex jiddeterminaw il-pożizzjoni tagħhom għat-tieni fażi. Kollha qablu dwar il-ħtieġa għal data soda sabiex issostni deċiżjonijiet ta’ din ix-xorta. Dawk li kienu ddeċidew li ma japplikaw l-ebda restrizzjoni matul l-ewwel fażi ġeneralment kienu pożittivi dwar l-effetti ta’ din id-deċiżjoni fuq is-swieq tax-xogħol tagħhom, fejn enfasizzaw il-kontribuzzjoni pożittiva tal-ħaddiema mill-UE8 għall-ekonomiji nazzjonali tagħhom.

9. Fejn għandhom x’jaqsmu l-Istati Membri ta’ l-UE15 li japplikaw restrizzjonijiet, uħud irrapportaw li dawn iħalluhom jamministraw il-migrazzjoni mill-Istati Membri ta’ l-UE8 li huma ġirien. Żewġ Stati Membri komplew iqisu l-miżuri bħala meħtieġa fil-ġejjieni qrib, jekk jitqiesu l-kapaċità ta’ assorbiment nazzjonali, il-ħtieġa li jiġu integrati l-migranti kollha, inklużi dawk li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex membri ta’ l-UE, u li jkun hemm akkumpanjament għar-riformi strutturali interni. Madankollu, kien rikonoxxut li r-restrizzjonijiet setgħu inkoraġġew liċ-ċittadini ta; l-UE8 sabiex iqisu modi oħra kif iwettqu attività ekonomika fl-Istati Membri ta’ l-UE15 , li hija riflessa f’influss tabilħaqq għoli ta’ ħaddiema stazzjonati jew ta’ ħaddiema li qed isostnu li huma jaħdmu għal rashom.

10. Fejn għandhom x’jaqsmu l-Istati Membri ta’ l-UE8, kważi kollha talbu sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet. Enfasizzaw in-natura fundamentali tad-dritt taċ-ċittadini tagħhom biex jiċċaqilqu bil-libertà bħala ħaddiema fl-UE25 u ġibdu l-attenzjoni għal evidenza statistika li turi li ċ-ċittadini tagħhom tabilħaqq ma mlewx is-swieq tax-xogħol ta’ l-UE15 u ma kkawżaw l-ebda żieda f’daqqa fin-nefqa għall-għajnuna soċjali min-naħa ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE15 . Enfasizzaw ukoll ir-rwol li kellhom iċ-ċittadini tagħhom biex itaffu l-problemi li ġew ikkawżati mill-forza tax-xogħol li qed tixjieħ ta’ l-UE15 .

11. L-imsieħba soċjali talbu lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom sabiex jikkonsultawhom fejn għandhom x’jaqsmu l-pożizzjonijiet tagħhom għat-tieni perjodu. Bosta enfasizzaw li r-restrizzjonijiet seta’ kellhom l-effett li jipposponu riformi strutturali indispensabbli kemm fis-swieq tax-xogħol ta’ l-UE15 kif ukoll f’dawk ta’ l-UE8. Filwaqt li rrikonoxxew li l-flussi migratorji mill-UE8 għall-Istati Membri ta’ l-UE15 kienu modesti, l-imsieħba soċjali enfasizzaw bil-qawwa li t-tgħawwir fl-istandards tax-xogħol u d-“dumping soċjali” għandhom ikunu evitati. Ġibdu wkoll l-attenzjoni fuq il-fatt li r-restrizzjonijiet fuq ix-xogħol legali fil-fatt iwasslu għal proliferazzjoni ta’ xogħol mhux iddokumentat, xogħol li taparsi jkun “indipendenti” u provvediment fittizzju ta’ servizzi u xogħol taparsi b’sottokuntratt. Kienu wkoll irrapportati nuqqasijiet fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti u b’mod partikolari tad-direttiva dwar il-ħaddiema stazzjonati. Il-maġġoranza dominanti ta’ l-imsieħba soċjali, ħlief għal dawk li jirrappreżentaw lill-SMEs u/jew it-trejdjunjins fi ftit pajjiżi, iddikjaraw li kienu favur li jitneħħew ir-restrizzjonijiet, sabiex jinħolqu kondizzjonijiet ugwali għal kulħadd.

4. L-evidenza statistika dwar il-mobilità tal-ħaddiema qabel u wara t-tkabbir

12. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-funzjonament ta’ l-AT, l-Istati Membri ntlabu jipprovdu, permezz tal-EUROSTAT, data nazzjonali dwar il-permessi ta’ residenza li nħarġu lil ċittadini oħra ta’ l-UE minħabba riunifikazzjoni ta’ familji, impjieg, studju u oħrajn, mingħajr ma tkun aggregata skond in-nazzjonalità, is-sess u l-età. Id-data nazzjonali li rċeviet il-Kummissjoni bħala rispons għal din it-talba, tirrelata mal-permessi ta’ residenza, mal-permessi tax-xogħol, u man-numru ta’ ħaddiema minn sorsi oħra ta’ data amministrattiva, bħar-reġistri tas-sigurtà soċjali, li jiddependu mis-sistemi nazzjonali u mill-kuntesti istituzzjonali. Filwaqt li d-data nazzjonali f’dan ir-rapport ġiet armonizzata kemm jista’ jkun possibbli, ta’ min iżomm f’moħħu li mhix armonizzata għalkollox u lanqas ma hija strettament komparabbli bejn pajjiż u ieħor, u li l-livell tad-dettall ivarja minn pajjiż għal pajjiż. Ta’ min jinnota wkoll li skond xi data li tiċċirkola b’mod pubbliku, il-flussi migratorji għal ċerti pajjiżi jistgħu jkunu differenti minn dawk li ġew ippreżentati f’dan ir-rapport. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li mhux id-data kollha li tiċċirkola b’mod pubbliku għaddiet mill-istess analiżi rigoruża bħal dik li ġiet ippreżentata f’dan ir-rapport [11]. Aktar minn hekk, il-flussi migratorji reali min-naħa għall-oħra ta’ l-UE mkabbra jistgħu jkunu akbar minn dak li jista’ jidher mid-data li ġiet ippreżentata f’dan ir-rapport minħabba li l-fenomenu tax-xogħol mhux iddikjarat ma jinqabadx għalkollox mill-istatistiċi uffiċjali.

13. Minbarra d-data amministrattiva nazzjonali hawn fuq imsemmija, f’dan ir-rapport se tkun ukoll ippreżentata l-evidenza mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol [12] (LFS) [13]. Il-valutazzjoni ma tqisx l-interazzjoni bejn il-funzjonament ta’ l-AT u bidliet oħra fl-isfera ekonomika u/jew politika. Il-valutazzjoni tal-funzjonament ta’ l-AT kien ukoll is-suġġett ta’ rapporti min-naħa ta’ Stati Membri differenti u min-naħa ta’ partijiet interessati oħra u l-evidenza li ġiet ippreżentata fihom intużat fejn kien rilevanti.

4.1 Il-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea mkabbra

14. Mit-tkabbir lil hawn kien hemm żieda fin-numru ta’ ħaddiema ta’ l-UE10 fl-Istati Membri ta’ l-UE15 . Madankollu, minkejja din iż-żieda, l-impatt relattiv, hekk kif imkejjel min-numru ta’ permessi li nħarġu minħabba impjiegi bħala proporzjon tal-popolazzjoni li għandha l-età biex taħdem tal-pajjiż ospitant, huwa pjuttost limitat (ara t-tabella aktar ’l isfel). Barra minn hekk, in-numru ta’ permessi ta’ residenza u ta’ permessi tax-xogħol li nħarġu fi kwalunkwe żmien jistmaw aktar milli huwa tabilħaqq in-numru reali taċ-ċittadini ta’ l-UE10 li marru joqogħdu fil-pajjiż ospitant, minħabba li ma jqisux il-persuni li jirritornaw fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, jiġifieri l-flussi ’l barra, u t-tul tal-permessi tax-xogħol. L-istess jista’ jingħad minħabba l-fatt li d-data tista’ tirrifletti fatturi temporanji bħar-regolarizzazzjoni tal-migranti illegali li ċċaqilqu lejn l-Istati Membri ta’ l-UE15 tul diversi snin.

15. Fl-Awstrija, is-sehem ta’ permessi tax-xogħol li nħarġu fl-2004, li l-parti l-kbira tagħhom kienu għal perjodi qosra ta’ żmien [14], jikkorrispondi għal 1.2% tal-popolazzjoni totali li għandha l-età li taħdem, imma l-ammont annwali ta’ persuni impjegati għall-2004 jikkorrispondi għal 0.7% tal-popolazzjoni li għandha l-età li taħdem (ara t-tabella aktar ’l isfel). Barra minn hekk, ta’ min jinnota li wara l-ewwel perjodu ta’ aġġustament in-numru taċ-ċittadini ta’ l-UE8 fl-Awstrija, kif imkejjel mill-ammont annwali medju, jistabbilizza fl-2005 (ara t-tabella A1 fl-anness statistiku). Bl-istess mod, għalkemm il-permessi tax-xogħol li nħarġu fil-Ġermanja fl-2004 jikkorrispondu għal 0.9% tal-popolazzjoni li għandha l-età li taħdem, ladarba jitqies it-tul tal-permess tax-xogħol, l-ammont ta’ l-impjegati mill-pajjiżi ta’ l-UE8 (prinċipalment dawk li huma obbligati jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali) jaqa’ għal 0.2% tal-popolazzjoni li għandha l-età li taħdem [15].

16. Fl-Irlanda, in-Numri Personali tas-Servizz Pubbliku (PPS) li nħarġu liċ-ċittadini ta’ l-UE10 bejn Mejju u Diċembru 2004 jikkorrispondu għal 1.9% tal-popolazzjoni li għandha l-età li taħdem; Madankollu, din il-figura mhix strettament komparabbli ma’ l-oħra li ġiet ippreżentata fit-tabella t’hawn isfel, minħabba li l-awtoritajiet Irlandiżi joħorġu n-Numri PPS lill-individwi mhux biss għal raġunijiet ta’ impjieg. In-Numri PPS huma numri ta’ referenza uniċi li jinħarġu għal finijiet oħra wkoll, fost l-oħrajn, ta’ min isemmi l-aċċess għall-informazzjoni, għall-għajnuna soċjali, għas-saħħa u għas-servizzi pubbliċi l-oħra, li jinkludu, għalhekk, mhux biss lill-ħaddiema migranti imma wkoll lil qrabathom. L-ammont ta’ Numri PPS li nħarġu fl-2005 żdied fil-perjodu li jibda minn Jannar sa Novembru 2005 bi 3.8%, imma dan ma jidhirx li wasal għall-isfaxxar tas-suq tax-xogħol Irlandiż (ara t-tabelli A4 u A5 fl-anness statistiku).

Iċ-ċittadini ta’ l-UE10 bħala perċentwali tal-popolazzjoni li għandha l-età li taħdem, jiġifieri bejn il-15 u l-64 sena, tal-pajjiż ta’ destinazzjoni għall-2004

Il-pajjiż ta’ destinazzjoni | It-tip ta’ data | %pop. li għandha l-età biex taħdem |

| | Nazzjonalità |

| | UE10 | UE15 |

Il-Belġju2 | Permessi ta’ residenza | 0.2 | 2.7 |

Ir-Repubblika Ċeka | Ammont ta’ ħaddiema barranin | 1.0 | 0.1 |

Id-Danimarka | Permess ta’ residenza | 0.1 | 0.2 |

Il-Ġermanja | Ammont ta’ ħaddiema barraninPermess tax-xogħol | 0.2 0.9 | 1.0 : |

L-Estonja | Permess ta’ residenza | 0.0 | 0.1 |

Il-Greċja | Permess ta’ residenza | 0.1 | : |

Spanja | Permess ta’ residenza | 0.0 | 0.1 |

Franza | Permess tax-xogħol | 0.0 | : |

L-Irlanda3 4 | Numri Personali tas-Servizz Pubbliku | 1.9 | : |

L-Italja | Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għax-xogħol | 0.1 | : |

Il-Latvja4 | Permess ta’ residenza | 0.0 | 0.0 |

Il-Litwanja | Permess ta’ residenza | 0.0 | 0.0 |

L-Ungerija | Permess ta’ residenza | 0.0 | 0.0 |

Malta | Permess ta’ residenza | 0.1 | 0.8 |

L-Olanda | Permess tax-xogħol | 0.2 | : |

L-Awstrija | Ammont annwali medjuPermess tax-xogħol | 0.7 1.2 | : : |

Il-Polonja | Permess ta’ residenza | 0.0 | 0.0 |

Il-Portugall | Permess ta’ residenza | 0.0 | 0.0 |

Is-Slovenja | Reġistrazzjoni tal-ħaddiema | 0.0 | 0.0 |

Is-Slovakkja | Permess ta’ residenza | 0.0 | 0.0 |

Il-Finlandja | Permess ta’ residenza | 0.0 | 0.0 |

L-Iżvezja4 | Permess ta’ residenza | 0.1 | 0.0 |

Ir-Renju Unit4 | Applikanti għall-Iskema ta’ Reġistrazzjoni tal-Ħaddiema | 0.4 | : |

Sors: Data amministrattiva mill-Istati Membri.

Noti: % pop. li għandha l-età li taħdem – bħala perċentwali tal-popolazzjoni li għandha l-età li taħdem, jiġifieri bejn il-15 u l-64 sena, tal-pajjiż ta’ destinazzjoni. ’:’ mhux applikabbli jew id-data mhix disponibbli.

Il-figuri kollha jirreferu għan-numru ta’ applikanti/applikazzjonijiet/reġistrazzjonijiet/permessi maħruġa (flussi), ħlief fil-każ tar-Repubblika Ċeka fejn il-figura tirreferi għall-ammont ta’ ħaddiema, u għall-Ġermanja, fejn l-ewwel linja tirreferi għall-ammont ta’ ħaddiema, u għall-Awstrija, fejn l-ewwel linja tirreferi għall-ammont annwali medju ta’ impjegati. Il-figuri dwar il-permessi ta’ residenza jirreferu għall-permessi li nħarġu għal raġunijiet ta’ impjieg biss, ħlief għall-Belġju.

Waslet id-data għall-2005 ta’ wħud mill-Istati Membri (ara t-tabella A1 fl-anness statistiku).

1 Il-figuri għal Franza, għall-Italja u għall-Awstrija, u n-numru ta’ permessi tax-xogħol għall-Ġermanja jirrelataw ma’ l-UE8. 2 Il-figura għall-Belġju tirreferi għall-permessi ta’ residenza li nħarġu għar-raġunijiet kollha. 3 Il-figura għall-Irlanda tirreferi għan-Numri PPS li nħarġu mhux biss għal raġunijiet ta’ impjieg, imma wkoll għal finijiet amministrattivi oħra, li jinkludu l-ħarsien soċjali, is-saħħa u servizzi pubbliċi oħra. r Id-data ta’ referenza Mejju – Diċembru 2004

Id-data għal Ċipru u għal-Lussemburgu ma waslitx għand il-Kummissjoni.

17. L-evidenza mil-LFS hija komparabbli ma’ dik li ġiet ippreżentata mis-sorsi amministrattivi, ladarba wieħed iqis id-differenzi fid-definizzjonijiet u fiż-żminijiet [16]. Tabilħaqq, il-figuri ta’ l-LFS jirrappreżentaw l-effett nett ta’ l-influssi u tal-flussi ’l barra u għalhekk jagħtu stampa aħjar tan-numru reali taċ-ċittadini ta’ l-UE10 li marru joqogħdu fil-pajjiżi ta’ l-UE15 . Fl-ewwel tliet xhur ta’ l-2005, il-proporzjon tal-popolazzjoni li għandha l-età li taħdem mill-Istati Membri ta’ l-UE10 fi ħdan il-15 ta’ l-UE huwa pjuttost żgħir, fejn ivarja bejn 0.1% fi Franza u fl-Olanda għal 1.4% fl-Awstrija u 2% fl-Irlanda [17].

Il-popolazzjoni residenti li għandha l-età li taħdem għall-2003-2005 – perċentwali taċ-ċelluli

Il-pajjiż ta’ destinazzjoni | Nazzjonalità |

| UE15 | UE10 |

| 2003 | 2004 | 2005 | 2003 | 2004 | 2005 |

Il-Belġju | 5.4 | 5.8 | 5.8 | 0.2 | 0.2 | 0.2 |

Id-Danimarka | 1.0 | 1.1 | 1.1 | : | : | : |

Il-Ġermanja | 2.7 | 2.6 | 2.8 | : | : | 0.7 |

Il-Greċja | 0.2 | 0.4 | 0.3 | 0.3 | 0.4 | 0.4 |

Spanja | 1.1 | 1.2 | 1.2 | 0.2 | 0.2 | 0.2 |

Franza | 1.9 | 2.1 | 1.9 | 0.1 | 0.1 | 0.1 |

L-Irlanda | 3.4 | 3.3 | 3.0 | : | : | 2.0 |

Il-Lussemburgu | 37.2 | 37.6 | 37.6 | 0.3 | 0.3 | 0.3 |

L-Olanda | 1.5 | 1.5 | 1.4 | 0.1 | 0.1 | 0.1 |

L-Awstrija | 1.7 | 1.8 | 1.9 | 0.7 | 0.8 | 1.4 |

Il-Portugall | 0.3 | 0.4 | 0.4 | : | : | : |

Il-Finlandja | 0.3 | 0.3 | 0.4 | 0.3 | 0.3 | 0.3 |

L-Iżvezja | 2.2 | 2.2 | 2.3 | 0.2 | 0.2 | 0.2 |

Ir-Renju Unit | 1.8 | 1.8 | 1.7 | 0.2 | 0.3 | 0.4 |

l-UE15 | 2.0 | 2.1 | 2.1 | 0.2 | 0.2 | 0.4 |

l-UE10 | : | 0.2 | 0.2 | : | 0.1 | 0.2 |

l-UE25 | 1.9 | 1.7 | 1.7 | 0.1 | 0.1 | 0.3 |

Sors: Eurostat, l-LFS, l-ewwel tliet xhur ta’ l-2003-2005, it-tieni tliet xhur ta’ l-2005 għall-Irlanda.

Noti: ‘:’ id-data mhix disponibbli jew mhux ta’ min jistrieħ fuqha minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun.

L-aggregati ta’ l-UE15 u ta’ l-UE25 mingħajr l-Italja, l-aggregati ta’ l-UE15 u ta’ l-UE25 mingħajr il-Ġermanja u l-Irlanda fl-2003-2004 għaċ-ċittadini ta’ l-UE10 . L-aggregat ta’ l-UE10 mingħajr il-Polonja.

18. Barra minn hekk, dawn il-figuri kienu stabbli f’relazzjoni mas-sentejn ta’ qabel it-tkabbir, jiġifieri l-ewwel tliet xhur (Q1) ta’ l-2003 u l-ewwel tliet xhur (Q1) ta’ l-2004, b’żieda moderata biss ta’ 0.1 punti perċentwali kull sena fir-Renju Unit u żieda aċċentwata fl-Awstrija, fejn il-figuri rdupjaw għal 1.4%. Interessanti wkoll li wieħed jinnota li fl-Istati Membri kollha ta’ l-UE15 il-perċentwali taċ-ċittadini mhux ta’ l-UE hija ferm akbar minn dik għaċ-ċittadini ta’ l-UE10 (ara t-tabella A2 fl-anness). Dan jista’ jiġi spjegat ukoll minħabba raġunijiet storiċi u għaliex l-immigrazzjoni mill-UE10 hija pjuttost reċenti. Dan jimplika li l-immigrazzjoni minn pajjiżi li mhumiex membri ta’ l-UE hija fenomenu ferm aktar importanti mill-mobilità fi ħdan l-UE, kemm fi ħdan l-UE15 u kemm fi ħdan l-UE25.

19. Fejn għandhom x’jaqsmu l-AT, m’hemm l-ebda evidenza kemm mis-sorsi amministrattivi kif ukoll mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol li turi rabta diretta bejn il-kobor tal-flussi ta’ mobilità mill-Istati Membri ta’ l-UE10 u l-AT li hemm. B’mod partikolari, il-flussi fir-Renju Unit u fl-Iżvezja, li huma Stati Membri mingħajr restrizzjonijiet għall-ħaddiema ta’ l-UE8, huma komparabbli jekk mhux aktar baxxi minn dawk f’pajjiżi li għandhom l-AT [18]. L-esperjenza tal-pajjiżi Nordiċi, li għandhom swieq tax-xogħol u rendiment ekonomiku komparabbli, tikkonferma dan [19]. Fl-aħħar mill-aħħar, il-flussi ta’ mobilità jitmexxew minn fatturi li huma relatati mal-kondizzjonijiet ta’ provvista u domanda. Jekk tabilħaqq se jagħmlu xi ħaġa, l-AT se jdewmu l-aġġustamenti fis-swieq tax-xogħol, bir-riskju li jinħolqu mudelli ta’ destinazzjonijiet li “mhumiex oġġettivi” anki fuq bażi aktar permanenti.

20. Fuq livell aktar ġenerali, ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol jistgħu jkabbru r-rata tax-xogħol mhux iddikjarat. Meta akkumpanjat minn nuqqasijiet fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li diġà hemm, dan il-fenomenu jwassal għal konsegwenzi soċjali mhux mixtieqa kemm għall-ħaddiema li jagħmlu xogħol mhux iddikjarat u kemm għall-forza tax-xogħol regolari.

21. Fejn għandu x’jaqsam it-tul ta’ żmien tal-permessi, id-data turi li perċentwali sinfikanti ta’ permessi ta’ residenza/tax-xogħol jingħataw għal perjodu qasir ta’ żmien jew lil ħaddiema staġjonali. Pereżempju, dan huwa l-każ għall-pajjiżi li ġejjin:

- Fl-Awstrija, mill-permessi kollha li nħarġu liċ-ċittadini ta’ l-UE8 fl-2004, 87% inħarġu għal inqas minn 6 xhur (85% fl-ewwel nofs ta’ l-2005), 12% (14% fl-2005) għal perjodu ta’ bejn sitt xhur u sena, u 2% (0% fl-2005) għal perjodu ta’ aktar minn sena.

- Fil-Ġermanja, 95% minn xi 500 000 permess tax-xogħol inħarġu b’restrizzjonijiet ta’ żmien u restrizzjonijiet oħra. Fit-30 ta’ Ġunju 2004, in-numru ta’ ċittadini ta’ l-UE10 impjegati li kienu fil-Ġermanja għal aktar minn perjodu tassew limitat u li għalhekk kellhom l-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, kienu ta’ madwar 100 000 biss, jew 0.2% tal-popolazzjoni li għandha l-età li taħdem.

- Fl-Olanda, fl-2004, inħarġu madwar 24 400 permess. Imma minħabba n-numru kbir ta’ ħaddiema staġjonali dan jikkorrispondi biss għal 13 000 “snin ta’ xogħol”.

- Fl-Italja, 76% ta’ l-awtorizzazzjonijiet għax-xogħol fl-2004 u 71% fl-2005 ngħataw lil ħaddiema staġjonali.

- Fi Franza, mill-awtorizzazzjonijiet għax-xogħol li nħarġu fl-2004, 74% kienu għal ħaddiema staġjonali fl-2004, 11% kienu għal ħaddiema temporanji, 5% kienu għal ħaddiema permanenti u 10% kienu għal benefiċjarji oħra [20].

22. Sa mit-tkabbir lil hawn, l-iżviluppi fis-swieq tax-xogħol ta’ l-UE8 kienu pożittivi, bir-rati tal-qgħad jaqgħu b’mod sinfikanti fi kważi kollha (ara t-tabelli A4 u A5 fl-anness). Dan jissuġġerixxi li m’hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jistenna żieda fil-pressjoni ħalli wieħed jiċċaqlaq ’il barra mill-UE8, anki għaliex il-prospetti għal tkabbir ekonomiku jibqgħu sbieħ u għaliex il-Fondi Strutturali u ta’ l-Iżvilupp Rurali li ġew miżjuda b’mod sostanzjali bdew jagħtu l-frott tagħhom fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien ta’ l-impjiegi.

4.2 L-effetti tas-suq tax-xogħol għaċ-ċittadini tal-pajjiżi u ta’ l-UE: ir-rati ta’ l-impjiegi

23. Ir-riżultati tas-suq tax-xogħol għaċ-ċittadini mill-Istati Membri ta’ l-UE10 fl-Istati Membri ta’ l-UE15 huma kwistjoni ċentrali li ta’ min iqisha. Għal dawk l-Istati Membri ta’ l-UE15 li għalihom hemm informazzjoni statistika sinifikanti disponibbli (ara t-tabella hawn taħt), l-indikatur ewlieni tas-swieq tax-xogħol, ir-rata ta’ l-impjiegi, juri li ċ-ċittadini ta’ l-UE10 għandhom it-tendenza li jkollhom rati ta’ l-impjiegi f’kull pajjiż li jkunu komparabbli ma’ dawk ta’ individwi li huma ċittadini ta’ dak il-pajjiż u ta’ pajjiżi oħra ta’ l-UE15. Barra dan dawn ġeneralment huma ogħla milli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex membri ta’ l-UE. Fl-Irlanda, fi Spanja, u fir-Renju Unit, iċ-ċittadini ta’ l-UE10 għandhom saħanistra rati ta’ l-impjiegi li huma ogħla miċ-ċittadini tal-pajjiż. Dan juri li, f’kull Stat Membru, iċ-ċittadini ta’ l-UE10 jikkontribwixxu b’mod pożittiv għar-rendiment ġenerali tas-suq tax-xogħol, għal tkabbir ekonomiku sostnut, u għall-istat tal-finanzi pubbliċi.

Ir-rati ta’ l-impjiegi skond in-nazzjonalità – perċentwali taċ-ċelluli

Il-pajjiż ta’ destinazzjoni | 2004 | 2005 |

| | Nazzjonalità |

| UE10 | Nazzjonalità | UE15 | UE10 | mhux ta’ l-UE |

Il-Belġju | 64 | 62 | 60 | 55 | 35 |

Il-Ġermanja | : | 67 | 68 | 51 | 48 |

Il-Greċja | 47 | 60 | 53 | 47 | 71 |

Spanja | 68 | 62 | 64 | 78 | 71 |

Franza | 61 | 64 | 69 | 62 | 44 |

L-Irlanda | : | 67 | 69 | 85 | 57 |

L-Olanda | 63 | 74 | 76 | 64 | 41 |

L-Awstrija | 58 | 69 | 72 | 66 | 60 |

Il-Finlandja | 67 | 69 | 67 | 55 | 45 |

L-Iżvezja | 62 | 74 | 73 | 62 | 45 |

Ir-Renju Unit | 72 | 72 | 69 | 75 | 58 |

l-UE15 | 59 | 67 | 68 | 62 | 55 |

l-UE10 | . | 57 | 59 | 68 | 63 |

l-UE25 | 59 | 65 | 67 | 62 | 55 |

Sors: Eurostat, LFS, l-ewwel tliet xhur ta’ l-2004-2005.

Noti: ‘.’ figura li ma tistax tiġi ppubblikata minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun; ‘:’ id-data mhix disponibbli.

L-aggregati ta’ l-UE15 u ta’ l-UE10 fl-2004 kienu bbażati fuq id-data għat-tieni tliet xhur ta’ l-2005 tal-Ġermanja u ta’ l-Irlanda.

24. Fatt interessanti huwa li mit-tkabbir lil hawn żdiedet ir-rata ta’ l-impjiegi taċ-ċittadini ta’ l-UE10 f’diversi Stati Membri ta’ l-UE15 li jinkludu lil Spanja, Franza, l-Olanda, l-Awstrija u r-Renju Unit, f’ċerti każi b’mod pjuttost sostanzjali. Dan jista’ jkun assoċjat ma’ żewġ fatti.

– L-ewwelnett, it-tkabbir seta’ kkontribwixxa sabiex iġib fil-wiċċ parti mill-ekonomija moħbija magħmula minn ħaddiema mill-UE10 li qabel kienu jagħmlu xogħol mhux iddikjarat, b’effetti li jagħmlu l-ġid li huma magħrufa sew, bħal konformità akbar ma’ l-istandards tax-xogħol li huma awtorizzati legalment, koeżjoni soċjali mtejba minħabba riskju mnaqqas li dawk ikkonċernati jiġu marġinalizzati, u dħul akbar għall-Istat mit-taxxi u mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Dan ifisser ukoll li ż-żieda fil-mobilità tal-ħaddiema mill-Istati Membri ta’ l-UE10 minħabba t-tkabbir tabilħaqq tista’ tkun iżgħar milli ntwera mid-data [21].

– It-tieni, seta’ kien hemm titjib reali fir-rata ta’ l-impjiegi għaċ-ċittadini ta’ l-UE10 wara t-tkabbir minħabba bidla fl-attitudnijiet ta’ dawk li jħaddmu, opportunitajiet akbar biex jinfetħu negozji privati, informazzjoni u regolamentazzjoni aħjar.

4.3. Il-kompożizzjoni settorjali u skond il-ħiliet tal-forza tax-xogħol ta’ l-UE10 fl-Istati Membri ta’ l-UE15 : komplementarjetajiet jew sostituzzjoni?

25. Minħabba n-numri żgħar li huma involuti, huwa diffiċli li tagħti stampa dettaljata li fl-istess ħin tkun statistikament soda tal-forza tax-xogħol mill-UE10. Għalhekk, l-analiżi li ġejja issa se tagħti ħarsa lejn l-UE15 kollha. Kwistjoni essenzjali dwar il-mobilità tal-ħaddema mhix sempliċement id-dimensjoni tagħha, imma jekk il-ħaddiema ta’ l-UE10 humiex qed jissostitwixxu dawk li diġà jinsabu fil-pajjiż u humiex qed jikkompetu għal impjiegi simili jew għandhomx rwol komplementari x’jilagħbu.

Il-popolazzjoni impjegata ta’ l-UE15 skond in-nazzjonalità u s-settur għall-2005 – perċentwali tal-kolonni

Is-settur ta’ l-attività | Nazzjonalità |

| Ċittadini | UE15 | UE10 |

Agrikoltura/Sajd | 4 | (2) | (3) |

Industrija | 18 | 19 | 18 |

Kostruzzjoni | 8 | 8 | 15 |

Imnut; lukandi/restoranti; trasport | 25 | 28 | 28 |

Interessi finanzjarji; negozju ta’ beni immobbli | 13 | 16 | 14 |

Amministrazzjoni pubblika; edukazzjoni; saħħa; oħra | 32 | 27 | 23 |

Sors: Eurostat, LFS, l-ewwel tliet xhur ta’ l-2005, it-tieni tliet xhur ta’ l-2005 għal Franza u għall-Awstrija

Noti: id-data fil-parentesi mhux ta’ min jafdaha minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun

26. Il-kompożizzjoni settorjali tal-forza tax-xogħol tissuġġerixxi din ta’ l-aħħar: il-kompożizzjoni settorjali tal-forza tax-xogħol nazzjonali ma wrietx xi bidla sostanzjali fl-2003, fl-2004 u fl-2005 u turi li l-influss limitat ta’ ħaddiema mill-Istati Membri ta’ l-UE10 ma tefgħux ’il barra lill-ħaddiema nazzjonali, għall-inqas fuq dan il-livell wiesa’ ta’ aggregazzjoni [22]. Iċ-ċittadini tal-pajjiż huma relattivament aktar ikkonċentrati fis-settur tas-servizzi u b’mod partikolari fl-amministrazzjoni pubblika, fl-edukazzjoni, fis-saħħa u f’oqsma oħra (32% minnhom fl-ewwel tliet xhur (Q1) ta’ l-2005), filwaqt li l-ħaddiema mill-Istati Membri ta’ l-UE10 huma relattivament aktar irrappreżentati fis-settur tal-kostruzzjoni (15% għaċ-ċittadini ta’ l-UE10 kontra t-8% għaċ-ċittadini tal-pajjiż) [23].

27. Il-kompożizzjoni skond il-ħiliet tal-forza tax-xogħol ta’ l-UE10 għandha wkoll tappoġġja l-fehma li ċ-ċittadini ta’ l-UE10 jikkontribwixxu għall-ekonomiji nazzjonali b’mod komplementari. Il-proporzjon taċ-ċittadini ta’ l-UE10 fl-Istati Membri ta’ l-UE15 li għandhom kwalifiki ta’ livell baxx hija aktar baxxa milli għaċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi (21% kontra 31%), għal ċittadini oħra ta’ l-UE15 u għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex membri ta’ l-UE. Dan huwa rifless f’perċentwali akbar ta’ persuni li għandhom kwalifiki medji (57% kontra 46%), b’perċentwali komparabbli ta’ persuni li huma ferm ikkwalifikati. Il-kwalifiki ta’ livell medju jinkludu edukazzjoni sekondarja ogħla u taħriġ vokazzjonali speċjalizzat, li huwa l-livell ta’ kwalifiki li huwa tipikament sottorappreżentat f’diversi Stati Membri ta’ l-UE15 u li joħloq diffikultajiet fejn għandhom x’jaqsmu l-ħiliet f’diversi setturi ta’ l-ekonomija [24].

(...PICT...)

(...PICT...)

28. L-evidenza għalhekk tissuġġerixxi li l-mobilità mill-Istati Membri ta’ l-UE10 f’dawk ta’ l-UE15 jista’ jkollha effetti pożittivi fuq is-swieq tax-xogħol billi jittaffew in-nuqqasijiet ta’ ħaddiema f’ċerti oqsma. Jistgħu jinħolqu impjiegi ġodda, pereżempju fis-settur tal-kostruzzjoni u fis-setturi tas-servizzi domestiċi kif ukoll f’dak tas-servizzi ta’ forniment ta’ l-ikel li inkella jissugraw ma jimtlewx f’xi pajjiżi. Ħaddiema li għandhom ħiliet ta’ livell għoli mill-Istati Membri ta’ l-UE10 jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien tan-negozju u għat-tkabbir tul medda twila ta’ żmien permezz ta’ l-akkumulazzjoni tal-kapital uman. It-trawwim tal-kapital uman u t-tagħlim tul il-ħajja hija bla dubju waħda mid-dimensjonijiet l-aktar importantital-politika ta’ l-impjiegi u ta’ koeżjoni ta’ l-UE. Għalhelkk, il-programmi ta’ l-UE, bħall-EES, l-ESF u l-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja, jappoġġaw l-iżvilupp kontinwu tal-kapital uman ta’ dan it-tip. L-effiċjenza tas-suq tax-xogħol tista’ tiżdied ukoll hekk kif il-ħaddiema barranin tipikament jirrispondu aktar malajr għad-differenzi reġjonali fl-opportunitajiet ekonomiċi.

5. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

29. Lejliet it-tieni fażi ta’ l-AT, japplikaw bosta reġimi legali nazzjonali differenti għall-aċċess għas-swieq tax-xogħol ta’ l-UE25. Il-pajjiżi li fetħu għalkollox is-swieq tax-xogħol tagħhom huma ottimisti dwar l-effett ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li wħud minn dawk li żammew ir-restrizzjonijiet għandhom it-tendenza li jenfasizzaw l-utilità tagħhom, fejn jikkwotaw ċirkostanzi nazzjonali partikolari.

30. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiżguraw infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-KE, ta’ l-istandards tax-xogħol u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-ħaddiema stazzjonati, b’rinfurzar xieraq tal-kooperazzjoni amministrattiva fejn dan ikun iġġustifikat. In-nuqqasijiet fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali eżistenti min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tabilħaqq setgħu ħolqu impressjoni avversa u ħażina tat-tkabbir u tal-benefiċċji tal-moviment ħieles tal-ħaddiema f’uħud mill-pajjiżi.

31. L-analiżi statistika tad-data nazzjonali li waslet u li ntużat għal dan ir-rapport tippermetti l-konklużjonijiet li ġejjin:

- Il-flussi ta’ mobilità bejn l-UE10 u l-UE15 huma ferm limitati u sempliċement mhumiex kbar biżżejjed sabiex jaffettwaw is-suq tax-xogħol ta’ l-UE b’mod ġenerali. Barra minn hekk, il-flussi ta’ mobilità mill-UE15 għall-Istati Membri ta’ l-UE10 u bejn l-Istati Membri ta’ l-UE10 huma ġeneralment negliġibbli (ara t-tabella A1).

- Il-perċentwali taċ-ċittadini ta’ l-UE10 fil-popolazzjoni residenti ta’ kull Stat Membru ta’ l-UE15 kienet relattivament stabbli qabel u wara t-tkabbir, b’żidiet fir-Renju Unit, u b’żidiet li jispikkaw aktar, fl-Awstrija u fl-Irlanda [25]. Fl-Awstrija, Madankollu, hemm evidenza li tissuġġerixxi li l-ammont ta’ ċittadini ta’ l-UE8 stabbilizza fl-2005.

- M’hemm l-ebda evidenza li turi rabta diretta bejn il-kobor tal-flussi ta’ mobilità mill-Istati Membri ta’ l-UE10 u l-AT li hemm. Fl-aħħar mill-aħħar, il-flussi ta’ mobilità jitmexxew minn fatturi li huma relatati mal-kondizzjonijiet tal-provvista u tad-domanda. Jekk jagħmlu xi ħaġa, l-AT se jdewmu l-aġġustamenti fis-swieq tax-xogħol biss, bir-riskju li jinħolqu mudelli ta’ destinazzjonijiet li “mhumiex oġġettivi” anki fuq bażi aktar permanenti.

- Ir-rata ta’ l-impjiegi taċ-ċittadini ta’ l-UE10 fl-Istati Membri ta’ l-UE15 hija simili għal dik taċ-ċittadini tal-pajjiż, u hija saħansitra aktar għolja minn ta’ l-Irlanda, Spanja u r-Renju Unit.

- Il-flussi migratorji wara t-tkabbir kellhom effetti pożittivi fuq l-ekonomiji ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE15 : iċ-ċittadini ta’ l-UE10 jikkontribwixxu b’mod pożittiv għar-rendiment ġenerali tas-swieq tax-xogħol, għal tkabbir ekonomiku sostnut u għal finanzi pubbliċi aħjar.

- Din ir-rata ta’ l-impjiegi żdiedet f’diversi pajjiżi minn żmien it-tkabbir. It-tkabbir għen sabiex tiġi formalizzata l-ekonomija moħbija li hija magħmula minn dawk li qabel kienu ħaddiema mhux iddokumentati mill-UE10, b’effetti li jagħmlu l-ġid li huma magħrufa sew, bħal konformità akbar ma’ l-istandards tax-xogħol li huma awtorizzati b’mod legali, koeżjoni soċjali mtejba u aktar dħul għall-Istat mit-taxxi u mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Dan itejjeb ukoll l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-UE10 minħabba bidla fl-attitudnijiet ta’ dawk li jħaddmu, aktar opportunitajiet sabiex jinfetħu negozji privati, informazzjoni u regolazzjoni aħjar.

- Il-kompożizzjoni settorjali tal-forza tax-xogħol nazzjonali ta’ l-UE15 ma wrietx bidliet sinifikanti mit-tkabbir lil hawn, u ma wriet l-ebda evidenza li l-ħaddiema nazzjonali kienu qed jintefgħu ’l barra minħabba l-influss limitat tal-ħaddiema mill-Istati Membri ta’ l-UE10 [26]. Iċ-ċittadini ta’ l-UE10 għandhom rwol komplementari x’jilagħbu.

- Iċ-ċittadini ta’ l-UE10 itaffu d-diffikultajiet tal-ħiliet fl-Istati Membri ta’ l-UE15 u jikkontribwixxu għal tkabbir mifrux tul medda twila ta’ żmien permezz ta’ l-akkumulazzjoni tal-kapital uman.

32. Il-Kummissjoni tittama li dan ir-rapport jipprovdi lill-Istati Membri bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jirrivedu l-pożizzjonijiet tagħhom għat-tieni perjodu ta’ l-AT. Madankollu, minħabba d-diffikultajiet li għaddiet minnhom biex tikseb l-istatistiċi nazzjonali dwar il-flussi migratorji li jinvolvu liċ-ċittadini ta’ l-UE, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa ħalli tinġabar id-data meħtieġa fuq livell nazzjonali u ħalli din tkun provduta lill-EUROSTAT fil-waqt xieraq. Għall-ġejjieni, il-Kummissjoni biħsiebha titlob lill-Istati Membri, bil-kooperazzjoni tal-EUROSTAT, biex jirrapportaw kull sena dwar il-flussi ta’ mobilità li jirrelataw mal-ħaddiema fi ħdan l-UE.

33. Fil-laqgħa tal-grupp ta’ livell għoli tas-16 ta’ Settembru 2005, il-parti l-kbira ta’ l-imsieħba soċjali kienu favur li jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq tax-xogħol. Il-Kummissjoni taf li l-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri biħsiebhom jirriflettu serjament dwar jekk iżommux ir-restrizzjonijiet għat-tieni perjodu jew le. L-Istati Membri għandhom ukoll jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddeterminaw il-pożizzjoni tagħhom għat-tieni fażi ta’ l-arranġamenti transitorji.

34. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex waqt it-tħejjija u l-ħruġ tan-notifika ta’ l-intenzjonijiet tagħhom għat-tieni fażi, mhux biss iqisu b’mod xieraq l-evidenza statistika imma jindirizzaw ukoll messaġġ li huwa ġeneralment pożittiv liċ-ċittadini tagħhom dwar il-prospetti ta’ moviment ħieles min-naħa għall-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea. Tirrakkomanda wkoll lill-imsieħba soċjali biex jkunu involuti bis-sħiħ fit-tħejjija ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

35. L-Istati Membri li ma jistgħux ineħħu r-restrizzjonijiet probabbilment se jkomplu jiffaċċjaw il-ħtieġa li jfittxu modi oħra kif itaffu n-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol, pereżempju permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni terġa’ ttenni li għandhom ikunu evitati l-konsegwenzi kollaterali negattivi taż-żamma tar-restrizzjonijiet. Aktar minn hekk, il-problema ta’ persuni li taparsi jaħdmu għal rashom sabiex jaħarbu mil-liġi nazzjonali għandha tkun ittrattata mill-Istati Membri.

36. Il-Kummissjoni tfakkar li l-moviment ħieles tal-ħaddiema huwa wieħed mil-libertajiet bażiċi taħt it-Trattat tal-KE. Minkejja l-biżgħat espressi fl-okkażjoni tat-tkabbir suċċessiv il-moviment ħieles tal-ħaddiema ma wassalx għall-isfaxxar tas-swieq tax-xogħol nazzjonali. Għalhekk huwa xieraq li fl-okkażjoni tal-firma tat-Trattat ta’ Adeżjoni, l-Istati Membri ta’ l-UE15 jiddikjaraw b’mod solenni li se jimxu kemm jista’ jkun malajr sabiex japplikaw b’mod sħiħ l-acquis f’dan il-qasam. Filwaqt li tfakkar id-dritt ta’ l-Istati Membri stipulat fit-Trattat ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003 li jżommu r-restrizzjonijiet li jaqgħu taħt l-arranġamenti transitorji, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu sew jekk il-kontinwazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet huwiex meħtieġ, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħhom u l-evidenza ta’ dan ir-rapport.

37. Tkun xi tkun id-deċiżjoni li jieħdu l-Istati Membri f’dan l-istadju, jeħtieġ li jħejju rwieħhom sabiex jiftħu s-swieq tax-xogħol tagħhom ħalli jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt it-trattati. L-għan tal-miżuri transitorji huwa li jippermettilhom iħejju lilhom infushom sabiex jiksbu dan l-għan aħħari u irrevokabbli kemm jista’ jkun malajr. Minn dan il-lat, il-Kummissjoni tilqa’ bil-ferħ l-esperjenzi pożittivi ta’ l-Istati Membri li diġà kisbu benefiċċji kbar mill-ftuħ b’suċċess tas-swieq tax-xogħol tagħhom liċ-ċittadini ta’ l-UE8 matul l-ewwel fażi ta’ l-arranġamenti transitorji.

ANNEX I: STATISTICAL ANNEX

TABLE A1

(...PICT...)

TABLE A2

(...PICT...)

TABLE A3

(...PICT...)

TABLE A4

(...PICT...)

TABLE A5

(...PICT...)

ANNEX II: BIBLIOGRAPHY

Free Movement of Workers to and from the new Member States- how will it work in practice? (Commission publication available in 20 Community languages)

http://europa.eu.int/comm/employment_social/free_movement/docs_en.htm

Guide for National Administrations- The transitional arrangements for the free movement of workers from the new Member States following the enlargement of the European Union on 1 May 2004 (Document available in 20 Community languages)

http://europa.eu.int/comm/employment_social/free_movement/docs_en.htm

''Where can I go for work? Information on the transitional rules governing the free movement of workers from, to and between the new Member states.'' (Commission's Eures website)

http://europa.eu.int/eures/home.jsp?lang=en

UK, Accession Monitoring Reports, joint online reports by the Home Office, the Department for Work and Pensions, the HM Revenue and Customs and the Office of the Deputy Prime Minister (UK)

The Netherlands, Ministerie van Sociale Zaken en Werkgelegenheid, Evaluatie Werknemersverkeer MOE-landen, 20 May 2005 (Netherlands)

J. Portes and S. French, The Impact of Free Movement of Workers from Central and Eastern Europe on the UK labour market: early evidence, Working Paper No 18., for the UK Department for Work and Pensions (UK)

J. Le Guen, Etude comparé eau niveau européen de l'impact de la concurrence sur l'emploi dans le secteur agricole, Mission parlementaire de Jacques Le Guen, député du Finistère, Assemblée nationale française, auprès de Dominique Buisserau, ministre français de l'agriculture, de l'alimentation, de la pêche et de la ruralité, avril 2005 (France)

P. Weil, A Flexible Framework for a Plural Europe, Discussion paper prepared for the UK Presidency, October 2005, CRNS, Paris (France and EU)

J. E. Dǿlvik & L. Eldgring, Mobility of labour and Services after EU enlargement: Nordic differences and commonalities, Final Report from a Working Group under the Nordic Council of Ministers, August 2005 (Nordic countries)

Katholieke Universiteit Leuven and Idea Consult, The Effects of the EU Enlargement on the Flemish Labour Market, January 2005, Research on behalf of the Flemish Minister of Employment, Education and Training (Flanders, Belgium)

Ramboll Management, Analyse af EU-udvidelsens betydning for det danske arbejdsmarked, November 2005 (Denmark)

ECAS, Report on the Free Movement of Workers in EU-25. Who's afraid of EU enlargement?, August 2005

T. Boeri & H Brücker, Migration, Co-ordination Failures and EU Enlargement, May 2005

K. Ward, N. Coe & J. Johns, University of Manchester, The role of temporary staffing agencies in facilitating labour mobility in Central and Eastern Europe, study performed for Vedior, January 2005

Manpower, EU enlargement- one year on. A Manpower Update, May 2005

[1] Il-moviment ħieles tal-ħaddiema (l-Artikolu 39 KE) jrid jintgħaraf b’mod legali mil-libertà ta’ l-istabbiliment (l-Artikolu 43 KE) u mil-libertà tas-servizzi (l-Artikolu 49 KE). Id-Direttiva dwar il-ħaddiema stazzjonati, li tirrelata mal-libertà ta’ l-aħħar, mhix suġġetta għal arranġamenti transitorji għalkemm il-Ġermanja u l-Awstrija jitħallew japplikaw restrizzjonijiet dwar il-provvediment ta’ servizzi min-naħa għall-oħra tal-fruntieri f’ċerti setturi sensittivi li jinvolvu l-istazzjonar temporanju tal-ħaddiema kif stabbilit fil-paragrafu 13 tat-TA.

[2] Dan ir-rapport jittratta l-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-UE u mhux l-immigrazzjoni ekonomika taċ-ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex membri ta’ l-UE.

[3] Ta’ min jinnota li ċ-ċittadini minn Malta u minn Ċipru ma jistgħux jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet.

[4] F’dan ir-Rapport, “L-Istati Membri tal-15 ta’ l-UE” tirreferi għall-Istati Membri kollha li kienu parti mill-UE qabel l-1 ta’ Mejju 2004; “l-Istati Membri ta’ l-UE10” tirreferi għall-Istati kollha li ngħaqdu ma’ l-UE fl-1 ta’ Mejju 2004, filwaqt li “l-Istati Membri ta’ l-UE8” tirreferi għall-Istati Membri ta’ l-UE10 minbarra Malta u Ċipru.

[5] L-Artikolu 39 KE; ir-Regolament 1612/68/KEE; id-Direttiva 68/360/KE. Mit-30 ta’ April 2006, se tapplika d-Direttiva 2004/38/KE li se tieħu post/timmodifika l-leġiżlazzjoni preċedenti.

[6] Madanakollu hemm impatt indirett fuq l-Artikolu 69 tar-Regolament 1408/71/KEE.

[7] Ara l-Bibljografija.

[8] Dan ma japplikax għal Ġibiltà, li adottat reġim ta’ permessi tax-xogħol.

[9] Deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri nazzjonali li l-Istati Membri għandhom għal-lest għall-ewwel fażi tat-TA hija disponibbli permezz tal-portal għall-mobilità ta’ l-impjiegi tal-Eures. Sommarju ta’ dawn il-miżuri jista’ jinstab fil-websajt tad-DĠ EMPL tal-Kummissjoni li jissemma fil-Bibljografija.

[10] Ara d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ paragrafu 14 tad-dispożizzjonijiet transitorji fir-rigward tat-trattament preferenzjali.

[11] Il-Kummissjoni rċeviet data amministrattiva mill-Istati Membri kollha, ħlief mil-Lussemburgu u Ċipru, li ma ġewx inklużi fl-analiżi.

[12] L-LFS huwa servej armonizzat ta’ l-UE li jsir kull tliet xhur, ikopri l-popolazzjoni residenti kollha f’kull Stat Membru u huwa bbażat fuq kampjun ta’ madwar 1.7 miljun individwu fl-UE25.

[13] L-informazzjoni li hija inkluża fid-data amministrattiva hija aktar limitata minn dik li hija disponibbli fl-LFS u hija aktar sensittiva għall-qafas legali li jaffetwa liċ-ċittadini barranin.

[14] Ara aktar ’l isfel.

[15] Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar in-numri ta’ permessi, ara t-tabella A1 fl-anness statistiku.

[16] Id-data tal-LFS tirreferi għall-ewwel tliet xhur ta’ kull sena, filwaqt li d-data amministrattiva tirreferi għal perjodi differenti kif inhu speċifikat fit-tabelli rilevanti. Barra minn hekk, il-figuri ta’ LFS jirreferu għan-numru “nett” ta’ l-individwi skond in-nazzjonalità fi kwalunkwe żmien, filwaqt li d-data amministrattiva, kemm id-data ta’ l-ammonti kif ukoll dik tal-flussi, tirreferi għan-numru ta’ permessi li nħarġu jew li kien hemm applikazzjoni għalihom, ikunu xi jkunu t-tul reali tar-residenza, tar-ritorni lejn il-pajjiżi ta’ l-oriġini, jew fil-każ tal-flussi, tal-permessi li jkunu ngħataw qabel.

[17] Ladarba hemm biss numri żgħar ta’ ċittadini oħra ta’ l-UE fl-Istati Membri ta’ l-UE10, l-analiżi se tkun ristretta għall-UE15 minħabba raġunijiet ta’ kredibilità tad-data.

[18] Il-flussi fl-Irlanda huma akbar, għalkemm il-figuri mhumiex strettament komparabbli kif ġie ddikjarat fil-paragrafu 16 t’aktar ’il fuq.

[19] Il-migrazzjoni mill-Istati Membri ta’ l-UE8 lejn in-Norveġja hija ogħla ferm milli għall-pajjiżi Nordiċi kollha flimkien, bit-TA jew mingħajrhom. L-Isvezja m’għandha l-ebda restrizzjoni, filwaqt li n-Norveġja, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Islanda qed japplikaw ir-restrizzjonijiet. Mill-pajjiżi hawnhekk imsemmija, id-Danimarka u n-Norveġja għandhom reġim aktar liberali.

[20] Għandu jiġi osservat li skond l-awtoritajiet Franċiżi, id-data amministrattiva proposta minn Franza ma tinkludix permessi tax-xogħol maħruġa għal tul ta’ żmien ta’ inqas minn tliet xhur.

[21] Id-data statistika dwar il-mobilità u l-migrazzjoni ma tirrappreżentax sempliċement il-fluss reali ta’ individwi minn pajjiż għall-ieħor, imma wkoll il-fatt li l-ħaddiema li qabel ma kinux iddokumentati jistgħu jinqabdu aktar faċilment mis-servejs statistiċi, jew minħabba l-inklużjoni tagħhom, pereżempju, fir-reġistri tal-popolazzjoni li ta’ spiss jikkostitwixxu l-bażi għall-qafas tat-teħid ta’ kampjuni jew minħabba li l-individwi jkunu aktar lesti li jwieġbu s-servejs statistiċi.

[22] Wieħed ma jistax jeskludi, madanakollu, li f’uħud mill-każi l-migrazzjoni ta’ l-UE10 jista’ jkollha xi impatt fuq livell reġjonali jew okkuppazzjonali.

[23] Id-data amministrattiva tissuġġerixxi li ċ-ċittadini ta’ l-UE10 qed jikkontribwixxu wkoll b’mod sostanzjali għas-settur agrikolu, imma minħabba d-daqs tassew limitat ta’ l-agrikoltura f’termini ta’ suq tax-xogħol, in-natura staġjonali tagħha u l-fatt li l-figuri meqjusa jirrelataw mat-tliet xhur tax-Xitwa, il-perċentwali mhumiex partikolarment għolja.

[24] Ukoll, influssi ta’ ħaddiema li huma komplementari għaċ-ċittadini tal-pajjiż għandhom, fejn affarijiet oħra huma ugwali, iżidu l-produttività taċ-ċittadini tal-pajjiż u jżidu l-pagi tagħhom aktar milli jkollhom effett kuntrarju.

[25] Ara l-paragrafu 16 aktar ’il fuq.

[26] Wieħed ma jistax jeskludi madankollu, li f’uħud mill-każi l-migrazzjoni mill-UE10 jista’ jkollha xi impatt fuq livell reġjonali jew okkuppazzjonali.

--------------------------------------------------