52006DC0044




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.2.2006

KUMM(2006)44 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

rigward konsultazzjoni għal azzjoni fuq livell ta’ UE biex tiġi promossa l-inklużjoni attiva tan-nies li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol

.

L-għan tal-Komunikazzjoni:

Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu ta’ l-2005 nieda mill-ġdid l-istrateġija ta’ Liżbona billi għal darba oħra iffoka fuq it-tkabbir u l-impjiegi bil-għan li jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali. Filwaqt li l-Istrateġija Ewropea għax-Xogħol għandha rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta' l-għanijiet tax-xogħol ta' l-istrateġija ta' Liżbona, li jkun hemm aktar koeżjoni soċjali hija wkoll element ewlieni għas-suċċess ta' l-istrateġija ta’ Liżbona. Bil-kuntrarju, is-suċċess ta' l-Istrateġija Ewropea għax-Xogħol huwa ċ-ċavetta biex tinkiseb aktar koeżjoni soċjali[1].

Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tibqa' preokkupazzjoni ċentrali ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Fit-tnedija ta' l-Istrateġija ta’ Liżbona f’Marzu 2000, il-Kunsill talab lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jieħdu passi biex jagħmlu impatt deċiżiv fuq l-eradikazzjoni tal-faqar sa l-2010. L-Istati Membri wrew impenn politiku qawwi u ttieħdu bosta azzjonijiet fuq livelli nazzjonali u ta’ UE. Imma l-ġlieda kontra l-faqar u l-integrazzjoni ta' nies esklużi mis-suq tax-xogħol jibqgħu sfida reali għall-Unjoni Ewropea mkabbra. L-għanijiet ta' l-Istrateġija ta’ Liżbona riveduta ma jistgħux jitwettqu jekk inkomplu “naħlu” parti kbira mill-aktar riżors prezzjuż u uniku tagħna: il-kapital uman.

Politiki komprensivi ta’ għajnuna soċjali huma fis-seħħ fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri u politiki ta’ attivazzjoni ġew implimentati biex iġibu lura nies esklużi fis-suq tax-xogħol, imma għad hemm numru mdaqqas ta' grupp ta' nies li ftit għandhom prospetti li jsibu xogħol, u li għalhekk, jibqgħu f'ċans kbir li jibqgħu foqra u soċjalment esklużi. Għal dawk li jsibu ruħhom l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol, l-iskemi tad-Dħul Minimu (DM) jistgħu jkunu l-uniku mezz biex jevitaw il-faqar estrem; madankollu, filwaqt li jwettqu din il-funzjoni indispensabbli, l-iskemi tad-DM iridu jippromwovu wkoll l-integrazzjoni fis-suq ta’ dawk li jistgħu jaħdmu. L-isfida ewlenija hi għalhekk li jiġi żgurat li l-politiki tal-ħarsien soċjali jikkontribwixxu b'mod effettiv biex jimmobilizzaw lill-persuni li huma kapaċi jaħdmu filwaqt li jiksbu l-iskop aktar wiesa' li jipprovdu standard ta’ għixien diċenti lil dawk li huma jew li jibqgħu barra s-suq tax-xogħol.

Din il-komunikazzjoni għandha żewġ għanijiet:

- L-ewwel nett, li tirrevedi l-progress miksub fil-kuntest ta’ Unjoni mkabbara lejn l-għan li jiġi mrawwem aċċess għas-suq tax-xogħol għal dawk li huma esklużi (Parti 1).

- It-Tieni, ibbażat fuq din ir-reviżjoni, biex titnieda konsultazzjoni pubblika fuq linji gwida possibbli għal azzjoni fuq livell ta’ UE, bil-għan li tiġi promossa l-inklużjoni attiva ta’ nies li huma l-aktar ‘il bogħod mis-suq tax-xogħol (Parti 2). Din il-konsultazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 138 tat-Trattat.

- Billi tagħmel dan, din il-komunikazzjoni twieġeb għall-Aġenda Soċjali l-ġdida għall-perjodu 2005-2010, li kkonfermat li l-Kummissjoni se tniedi Inizjattiva tal-Komunità dwar skemi ta’ dħul minimu u l-integrazzjoni ta’ nies esklużi mis-suq tax-xogħol wara li l-proċeduri għall-Assessjar ta’ l-Impatt ikunu ġew osservati. Din tfittex ukoll li tindirizza t-tħassib li juri b’mod regolari l-Parlament Ewropew meta jirrevedi l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona.

1. IL-ġLIEDA KONTRA L-FAQAR U L-ESKLUżJONI MIS-SUQ TAX-XOGħOL: SFIDA KONTINWA GħALL-UNJONI.

1.1. Azzjoni fuq livell ta’ Stat Membru

Sistemi ta’ ħarsien soċjali sofistikati ġew żviluppati fl-Istati Membri ta’ l-UE bil-għan li jipprovdu assigurazzjoni kontra riskji soċjali bħall-mard u l-qgħad u jevitaw u jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Skond il-bidla fil-politika fid-disgħinijiet fuq livell ta' UE lejn skemi attivi, skemi ta' appoġġ għad-dħul saru aktar soġġetti għal kriterji ta' attivazzjoni biex jiġu minimizzati diżinċentivi għal xogħol imħallas u biex jiġi evitat il-faqar[2]. Bħala konsegwenza, il-konsistenza bejn l-iskemi ta’ appoġġ għad-dħul u l-politiki ta’ attivazzjoni tjieb. F’għadd ta' Stati Membri, l-intitolament għall-benefiċċji jiddependi fuq tiftix attiv għax-xogħol, disponibbiltà għax-xogħol u parteċipazzjoni fit-taħriġ. F’xi każijiet, dan jieħu l-forma ta' kuntratt individwali li jistipula d-dmirijiet tar-reċipjent f'termini tal-parteċipazzjoni f'metodu li hemm qbil dwaru għad-dħul mill-ġdid fix-xogħol. F’numru li qed dejjem jiżdied ta’ pajjiżi, l-inċentivi finanzjarji qed jittejbu bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm inċentiv li wieħed jibda jaħdem. Per eżempju, krediti tat-taxxa huma disponibbli għal ħaddiema b'impjieg b’paga baxxa sabiex jiżdied id-dħul, basta jwettqu x-xogħol u f’ċerti punti fejn normalment il-benefiċċji jitwaqqfu f’daqqa il-ħlasijiet issa jitwaqqfu f’fażijiet sabiex jinkuraġġixxu lil dawn il-ħaddiema jżommu l-impjieg. Ukoll, il-miżuri speċjali biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi bażiċi, bħas-saħħa, ħarsien tat-tfal, djar diċenti u anke ikel (fl-aktar każijiet estremi tad-deprivazzjoni materjali), ġew imfassla u implimentati sabiex jiffavorixxu l-inseriment tal-persuni żvantaġġjati fis-soċjetà.

Għal dan l-iskop, l-Istati Membri ta' l-UE spiss implimentaw skemi varji ta' DM sabiex ipattu għan-nuqqas bejn, fuq naħa, id-dħul ta' l-individwu u l-familja - kemm jekk minn xogħol kif ukoll jekk minn benefiċċji soċjali - u, min-naħa l-oħra, il-minimu garantit. Għadd ta’ karatteristiki komuni jistgħu jiġu identifikati:

- jiżguraw il-bżonnijiet bażiċi ta’ l-istandards minimi ta’ l-għixien, jipprovdu għajnuna għall-individwi u d-dipendenti tagħhom, meta ma jkun hemm disponibbli ebda sors ieħor ta’ għajnuna finanzjarja;

- meta jkunu non-kontributorji u ffinanzjati mit-taxxa;

- fil-parti l-kbira tagħhom, m'humiex limitati biż-żmien, għalkemm huma meqjusa temporanji;

- jeħtieġu nies kapaċi li jkunu disponibbli għax-xogħol;

- jiġu eżaminati l-mezzi u huma soġġetti għal xi grad ta’ diskrezzjoni mill-awtoritajiet;

- l-eliġibilità tagħhom tiddependi fuq l-età, u r-residenza għal perjodu speċifiku minimu;

- il-benefiċċji normalment jiddependu fuq is-sitwazzjoni tal-familja u jiġu magħquda ma' benefiċċji soċjali oħra (djar, tisħin u s-sussidju tat-tfal).

F’dan il-qafas komuni, hemm varjetà kbira ta' skemi ta’ DM madwar l-Istati Membri ta’ l-UE. Dawn ivarjaw fit-termini tal-livelli tal-benefiċċji, id-daqs tad-deċentralizzazzjoni tas-sistema tat-twassil, il-grad tad-diskrezzjoni fl-interpretar tar-regoli legali, il-kriterji tar-residenza, u l-bilanċ bejn il-metodu universali u l-metodu tal-kategoriji soċjali. Dawn ivarjaw ukoll f’termini tad-daqs li għalih l-appoġġ tad-dħul bażiku hu marbut ma' konponenti oħra ta’ politika, bħall-politiki tas-suq tax-xogħol u l-aċċess għas-servizzi. Minkejja dan, kollha jwettqu, bi gradi varji ta' suċċess, ħidma essenzjali għat-tħaddim tas-soċjetà kif ukoll tas-suq tax-xogħol.

It-tħaddim tajjeb tas-sistemi tal-ħarsien soċjali irid jintagħraf b'mod ċar: mingħajrhom, ir-riskju tal-faqar ikun laħaq livelli li mhux sostenibbli fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri u l-Unjoni b'mod sħiħ. Fl-UE ta’ 25 Stat Membru fl-2003, skond il-figuri proviżorji,[3] ir-rata ta' riskju ta' faqar kienet tkun 25% i.e. 9 punti perċentwali ogħla mir-riskju ta' faqar attwali, li kieku t-trasferimenti soċjali[4] (esklużi l-pensjonijiet) ma ġewx implimentati. Imma s-sitwazzjoni ġenerali rigward il-faqar u l-aċċess għax-xogħol għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli tkompli tkun suġġett ta’ tħassib kbir. Fl-2003, 16% tal-popolazzjoni ta’ l-UE 25 (bejn wieħed u ieħor 72 miljun persuna) għexu fir-riskju ta' faqar finanzjarju[5]. Dawn il-figuri juru kemm hu diffiċli li jsir progress fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni: fil-fatt, mill-1997, meta bdew dawn is-servejs, aktar minn nofs il-popolazzjoni esposta għall-faqar b'mod kostanti għexu fuq dħul relattivament baxx (i.e. matul l-aħħar tliet snin mill-aħħar erba' snin)[6]. Filwaqt li li jkollok dħul taħt il-limitu konvenzjonali mhux kundizzjoni neċessarja u lanqas biżżejjed sabiex tkun fi stat ta' faqar, li tkun f'riskju ta' faqar relattiv ifisser li jkollok aċċess limitat għall-oġġetti u s-servizzi li huma meqjusa neċessarji biex tipparteċipa b’mod sħiħ f'kull soċjetà. Ir-riskju li tispiċċa taħt il-limitu ta' faqar huwa ogħla għal persuni bla xogħol, persuni inattivi, ġenituri waħedhom, persuni bi bżonnijiet speċjali u dawk morda b'mard kroniku. Numru intermedjarju ta' persuni jistgħu jsofru minn forom qawwija ta' deprivazzjoni u esklużjoni soċjali, bħal jispiċċaw bla dar, dipendenza fuq id-droga, alkoħoliżmu, nuqqas ta’ aċċess għas-saħħa bażika u l-illitteriżmu, f’ċerti każijiet aggravati b’diskriminazzjoni etnika u/jew għax ikunu jgħixu f’żoni b'għadd ta' żvantaġġi. Fl-UE-25 fl-2003, kien hemm madwar 31.7 miljun persuna, li jirrappreżentaw 8.5% tal-popolazzjoni li għandhom età sabiex jaħdmu (15-64), li jistgħu jiġu meqjusa bħala esklużi mis-suq tax-xogħol. Dan in-numru jinkludi kemm dawk li ilhom qiegħda kif ukoll persuni inattivi li jew qatgħu qalbhom wara numru ta' fallimenti fit-tiftix għax-xogħol fil-passat jew kienu lesti li jaħdmu imma ma setgħux isibu impjieg, għal numru ta' raġunijiet: diżabilità jew mard kroniku, nuqqas ta’ ħiliet, diskriminazzjoni u/jew responsabbiltajiet tal-familja.

1.2. Azzjoni fuq livell ta’ Komunità

Fl-1992, il-Kunsill adotta żewġ rakkomandazzjonijiet li jistabbilixxu bħala għan komuni l-garanzija ta’ livell minimu tar-riżorsi u li jistabbilixxu l-prinċipji u l-linji ta’ gwida li bihom jista' jinkiseb dan l-għan[7]. Rapport mill-Kummissjoni fil-1999[8] ikkonkluda li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għenu biex jistrutturaw u jinkoraġġixxu d-dibattitu bejn l-Istati Membri fuq ir-rwol u l-iżvilupp ta’ l-iskemi tad-DM, rawmu l-konverġenza ta’ skemi simili madwar l-Istati Membri u li huma kienu provdew bażi sabiex ikun hemm sforzi ta’ kooperazzjoni aktar sistematiċi fl-UE sabiex jiġġieldu l-esklużjoni soċjali u l-faqar.

Fl-2000, il-Kunsill Ewropew ta' Nizza adotta għanijiet komuni għall-implimentazzjoni ta' metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (l-OMC) fil-qasam ta' l-inklużjoni soċjali, li inkorpora l-għanijiet iddikjarati fir-Rakkomandazzjonijiet. L-ewwel Rapport Konġunt, adottat f’Marzu 2002, ikkonkluda li tlettax-il Stat Membru minn ħmistax kien żviluppa politika ta’ għajnuna soċjali li l-għan tagħha hu li tiggarantixxi li r-residenti legali kollha jkollhom dħul minimu. It-tieni Rapport Konġunt (ta’ Marzu 2004), flimkien mar-Rapport dwar l-inklużjoni soċjali eżamina l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali ta' l-10 Stati Membri ġodda,[9] issottolinea t-tħassib biex jiġu minimizzati d-diżinċentivi għax-xogħol inkorporati fl-iskema tad-DM[10] u nnota li riformi intenzjonati biex jirrevedu r-regoli ta’ eliġibilità kif ukoll biex jintorduċu metodu individwali għad-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, xi Stati Membri kienu qed iżidu jew iżommu l-valur veru tal-livelli tad-DM, billi jistabbilixxu miri u jaddottaw xi forma ta’ indiċi, fid-dawl tal-fatt li l-benefiċċji kienu spiss meqjusa li kienu baxxi jew li jħallu barra xi parti mill-popolazzjoni li m'għandhiex dħul alternattiv.

Wara r-reviżjoni ta’ l-istrateġija ta' Liżbona u l-iffokar mill-ġdid fuq ix-xogħol u l-tkabbir, sar qbil li l-OMC fuq l-inklużjoni soċjali u l-ħarsien soċjali ikompli u b'mod partikolari “jarrikkixxi” l-proċess ta' rappurtar ta' Liżbona. Il-linji ta’ gwida ġodda dwar ix-Xogħol[11] – bħala parti mill-pakkett integrat ta' linji ta’ gwida għall-2005-2008 – jindirizzaw il-problema ta’ l-integrazzjoni ta’ dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol billi jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex jintroduċu inċentivi ta’ xogħol bħala appoġġ ta’ miżuri preventivi u attivi tas-suq tax-xogħol, inkluż bżonnijiet ta’ identifikazzjoni kmieni, għajnuna għat-tiftix tax-xogħol, gwida u taħriġ bħala parti mill-pjanijiet ta’ azzjoni personalizzati, biex jipprovdu s-servizzi soċjali meħtieġa biex jappoġġaw l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni żvantaġġjati u biex jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni territorjali u l-eradikazzjoni tal-faqar (Linjagwida integrata Nru 19). Aktar minn hekk, il-linji ta’ gwida ta’ hawn fuq tipproponi reviżjoni kontinwa tas-sistemi ta’ taxxa u benefiċċji inkluż l-immaniġġjar u l-kondizzjonalità ta’ benefiċċji u t-tnaqqis ta' rati għolja ta' taxxa marġinali, fi sforz biex ix-xogħol isir irendi aktar u biex jiżgura livelli adegwati ta' ħarsien soċjali.

Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Inizjattiva tal-Komunità EQUAL jappoġġaw u jinkorraġġixxu lill-Istati Membri biex jagħmlu l-politiki tagħhom aktar attivi u b'baġit għall-perjodu 2000-2006 ta' madwar € 60 biljun, li minnhom, 9 biljun għall-inklużjoni soċjali. Fil-perjodu ta’ programmar li jmiss l-ESF se jkompli jippromwovi metodi għall-integrazzjoni fix-xogħol għal persuni żvantaġġjati filwaqt li l-prinċipji ta’ l-EQUAL se jkunu parti prinċipali mill-ESF.

1.3. Kisbiet u sfidi li qed ifiġġu

Minkejja l-varjetà tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, il-pajjiżi Ewropej kollha jaffaċċjaw l-isfida li jaddattaw il-konfigurazzjoni politika tagħhom sabiex jagħmlu l-ekonomiji tagħhom aktar effiċċjenti. L-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol hi għan ewlieni, minħabba li x-xogħol għal ħafna nies huwa s-salvagwardja ewlenija kontra l-esklużjoni soċjali, u l-unika miżura li trendi għaliha nfisha fuq medda twila ta’ żmien. Imma biex l-integrazzjoni tkun verament ta’ suċċess, ix-xogħol irid irendi kemm għall-ħaddiema kif ukoll għan-negozjanti. Politiki ta’ suċċess biex iġiegħlu x-xogħol irendi jridu jsibu bilanċ tajjeb bejn “it-trijanglu ta’ l-sifidi” li jżidu l-inċentivi tax-xogħol, li jtaffu l-faqar u li jevitaw spejjeż baġitarji li ma jistgħux jiġu sostnuti[12].

Pero` wieħed irid jiftakar li s-sistemi ta’ ħarsien soċjali, barra li jappoġġaw id-dħul, speċjalment fi żminijiet ta’ reċessjoni, jistgħu ukoll - u hekk jagħmlu meta jiġu mfassla u implimentati b’mod tajjeb – itejbu t-tħaddim tas-swieq tax-xogħol: sistema ta’ sigurtà soċjali effettiva tagħmilha possibbli li tkun implimentata aktar flessibbiltà fil-kuntratti tax-xogħol u tagħmel it-tiftix għax-xogħol aktar effiċċjenti. Fin-nuqqas ta’ sistema ta’ għajnuna soċjali - jew tnaqqis tagħha - jista' jkun hemm telf fl-effiċċjenza allokata.

Il-politiki ta’ ħarsien soċjali jridu jitfasslu tajjeb, minħabba, li meta l-aspetti varji tal-ħarsien soċjali ma jikkumplimentawx lil xulxin, huma jissostitwixxu lil xulxin, u jistgħu jsegwu xi konsegwenzi mhux intenzjonati. Minħabba li għadd ta' żvantaġġi jiġġeneraw l-esklużjoni b'bosta aspetti, fil-prattika n-nuqqas ta' politika ta' integrazzjoni x'aktarx li tikkawża aktar telf ta' effiċjenza, u l-aktar membri dgħajfa tas-soċjeta x’aktar li jkollhom iġorru dan il-piż. M’hemm ebda formula li tista’ tiġi applikata b’mod uniformi għall-pajjiżi kollha: il-kompromessi ma jistgħux jiġu evitati. Benefiċċji li jittestjaw il-mezzi jista’ jkollhom effetti negattivi fuq in-numru ta’ ħaddiema lesti li jaħdmu u, filwaqt li benefiċċji waqt ix-xogħol jistgħu jnaqqsu dan ir-riskju, huma jiddependu fuq id-disponibbiltà ta’ l-opportunitajiet ta’ xogħol b’paga baxxa li ma jistgħux jiġu meqjusa bħala fatt. Benefiċċji universali għandhom effett fuq id-dħul, imma huma, fihom infushom, ma jfixklux f'dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għażla li wieħed jibda jaħdem. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, għal xi wħud ix-xogħol ma jkunx għażla vijabbli.

Fil-fatt, filwaqt li l-kunsiderazzjonijiet tal-finanzi pubbliċi se jkunu dejjem kruċjali fid-deċiżjoni għall-implimentazzjoni jew it-tisħiħ ta’ xi skema ta’ għajnuna soċjali jew oħra, wieħed irid jiftakar ukoll li n-nuqqas ta' sostenn għad-dħul u l-iskemi tad-DM iridu jpattui għal żiediet fid-domanda għal programmi soċjali oħra (bħala sussidji għall-familja) li jkollhom jerfgħu parti mill-piż sabiex itaffu l-faqar, kif ukoll l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi ta’ aktar mard u kriminalità[13].

Paraguni madwar l-Istati Membri juru li tfassil speċifiku u dispożizzjonijiet ta’ twassil ta’ servizzi ta’ għajnuna soċjali u b’mod partikolari skemi ta’ DM huma importanti ħafna sabiex jiddeterminaw l-effettività tagħhom. L-eżistenza ta' dispożizzjonijiet legali m'hijiex biżżejjed biex tiżgura li l-persuni kollha verament fil-bżonn igwadu mill-benefiċċji li huma intitolati li jirċievu, u b’mod partikolari fil-każ ta’ ħarsien ta’ dħul minimu u appoġġ għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Hemm tħassib reali dwar l-effettività ta’ l-iskemi tad-DM, minħabba li parti sinifikanti minn dawk li huma mmirati bi skemi simili jistgħu ma jibbenefikawx minnhom, jew għax ma jikklejmjawx dak li huma intitolati għalih, jew għal xi raġuni oħra (nuqqas ta' konformità mar-regoli ta' eliġibilità, kalkulazzjoni ħażin ta' l-ammonti, dewmien fil-ħlas, sanzjonijiet u sospensjonijiet, tnaqqis applikat fuq il-benefiċċji għall-ħlas dirett tad-dejn)[14]. Hemm ukoll ir-riskju li l-benefiċċji ta’ l-għajnuna soċjali jistgħu jitħallsu lil nies li m’humiex fil-bżonn, minħabba li l-iskema mhix immirata tajjeb. Il-frodi u l-abbuż iqajmu tħassib serju fost l-awtoritajiet responsabbli għall-twassil u jiġġustifikaw li tingħata aktar attenzjoni lill-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni, verifika, sejba, monitoraġġ u kontroll. Tħassib simili serva bħala inċentiv qawwi għal aktar deċentralizzazzjoni sabiex titwassal l-għajnuna.

Minħabba l-għan li dawk li huma l-aktar vulnerabbli jridu jinġiebu fis-suq tax-xogħol, hemm evidenza mħallta, iżda xorta hemm l-impressjoni li jista’ jinkiseb progress u jistgħu jittieħdu ħafna tagħlimiet minn prattiki tajba. Meta wieħed iħares lejn ir-rwol ta’ l-istrumenti tad-DM, ir-riċerka turi li l-interazzjoni tagħhom ma’ politiki ta’ attivazzjoni mfassla tajjeb jistgħu jiġġeneraw effetti ta’ xogħol, li t-taħriġ għax-xogħol f'kumpaniji privati u attivazzjoni simili għal xogħol ordinarju huwa l-aktar metodu promettenti u li ż-żgħażaġħ u dawk li għandhom l-anqas problemi soċjali huma dawk li jistgħu jibbenefikaw l-aktar. Il-benefiċċji ta’ miżuri ta’ attivazzjoni simili ma jridux jitkejlu biss f’termini ta’ effetti immedjati ta’ xogħol. Dan jista’ jgħin ukoll sabiex iġiegħel lin-nies jiġġieldu l-iżolazzjoni soċjali u jtejbu l-istima personali tagħhom infusfom u jkollhom attitudni aktar pożittiva għax-xogħol u għas-soċjetà. Mill-banda l-oħra, ingħatat anqas attenzjoni għal aċċess adegwat għas-servizzi soċjali li jifformaw pre-kondizzjoni bażika sabiex wieħed ikun disponibbli għax-xogħol.

Biex wieħed jiġbor il-punti kollha, l-evidenza turi li politika komprensiva li tgħaqqad flimkien it-tliet elementi li ġejjin hi ġustifikata: (i) rabta mas-suq tax-xogħol permezz ta’ opportunitajiet tax-xogħol jew taħriġ vokazzjonali; (ii) sostenn għad-dħul li jkun biżżejjed sabiex il-persuni jgħixu ħajja dinjituża; u (iii) aċċess aħjar għas-servizzi li jistgħu jgħinu jneħħu parti mill-problemi li jaffaċċjaw xi individwi u l-familji tagħhom sabiex jidħlu fis-soċjetà ġenerali (permezz, per eżempju ta' pariri, kura tas-saħħa, ħarsien tat-tfal, tagħlim li jissokta tul il-ħajja biex ipatti għal żvantaġġi fl-edukazzjoni, taħriġ fl-ICT biex jgħin li dawk li se jibdew jaħdmu, inkluż persuni bi bżonnijiet speċjali, sabiex jieħdu vantaġġ mit-teknoloġiji l-ġodda u jkollhom arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, u reabilitazzjoni psikoloġika u soċjali. Metodu simili jista’ jissejjaħ inklużjoni attiva . Sabiex wieħed jenfasizza politiki f’dan il-qasam u joħloq kundizzjoni sabiex jinkiseb progress fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni, huwa fundamentali li dawn il-partijiet jiġu konnessi bejntiehom. Mingħajr appoġġ attiv għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, hemm ir-riskju li l-iskemi tad-DM iżommu lill-persuni fil-faqar u jiddependu fuq l-għajnuna għal żmien twil. Mingħajr għajnuna għad-dħul xierqa, hemm ir-riskju li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jew il-programmi ma jirnexxilhomx jevitaw il-faqar u lanqas inaffru lin-nies milli jaqilgħu għixien b’mezzi irregolari. Mingħajr miżuri ta' għajnuna soċjali hemm riskju li r-regoli ta’ attivazzjoni jkunu implimentati bl-addoċċ u għalhekk ikunu ineffettivi, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet partikolari ta' persuni żvantaġġjati (ommijiet waħedhom, vjaġġaturi u r-Roma, nies li għandhom problemi ta’ saħħa jew li huma affettwati b'xi problemi psikoloġiċi). Finalment, sabiex politiki simili jkunu kredibbli u jiksbu appoġġ pubbliku, huwa essenzjali li jkunu bbaġitjati sewwa, li ma jqegħdux f’riskju s-sostenibbiltà finanzjarja fuq medda medja ta’ żmien u li jidhru li jrendu fuq medda twila ta’ żmien.

2. LINJI TA’ GWIDA POSSIBBLI GħAL AKTAR AZZJONI F’LIVELL TA' UE

2.1. L-isfida

L-Istati Membri, bl-appoġġ attiv tagħhom għall-Unjoni Ewropea permezz tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, Metodu Miftuħ ta' Koordinament dwar l-inklużjoni soċjali, l-Istrateġija Ewropea għax-Xogħol u l-Fond Soċjali Ewropew, għamlu progress kbir kemm fl-estensjoni tal-makkaniżmi bażiċi ta' għajnuna kif ukoll fil-promozzjoni ta' dak li huma l-aktar vulnerabbli sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Minkejja kollox, minħabba li xorta għad hemm numru kbir ta’ nies li qed jissograw li jaqgħu fil-faqar u li huma esklużi mis-suq tax-xogħol teżisti sfida li wieħed ma jistax jaħrab minnha għall-għan sabiex jintlaħaq l-għan tal-koeżjoni soċjali li hemm imnaqqax fit-Trattat ta' l-UE. Aktar minn hekk, huwa importanti li persuni barra s-suq tax-xogħol, inkluż dawk li ilhom qiegħda, jidħlu jew jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, u jagħmluha realtà għall-Unjoni r-rata ta’ impjieg ta’ 70%. Minkejja d-diversità tas-sitwazzjonijiet u l-politiki madwar l-UE, għalhekk, l-azzjoni fuq livell Ewropew per eżempju fil-forma ta’ prinċipji komuni, kundizzjonijiet bażiċi jew xi mezzi oħra sabiex jissaħħu r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-1992, jistgħu jżidu valur għall-isforzi ta’ l-Istati Membri billi jipprovdu gwida kif ukoll qafas analitiku komuni li kontrih il-kisbiet individwali u l-istrumenti politiċi jistgħu jiġu kkumparati u assessjati.

2.2. Il-konsultazzjoni

Skond l-Artikolu 138 tat-Trattat, li jistabbilixxi l-kundizzjoni sabiex jiġu preżentati proposti fil-qasam tal-politika soċjali, din il-komunikazzjoni qed tfittex li tniedi konsultazzjoni bejn l-imsieħba soċjali fuq livell ta' Komunità dwar il-linji ta’ gwida fil-paragrafu 2.3. Minħabba l-materja tas-suġġett, din il-konsultazzjoni se tinfetaħ għall-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha minħabba r-responsabbiltà tagħhom fundamentali sabiex ifasslu, jiffinanzjaw u jamministraw politiki mmirati għall-integrazzjoni ta’ persuni esklużi; u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu għall-interessi ta’ persuni li huma mmirati bi skemi simili u/jew jipprovdu servizzi supplimentari lil persuni simili.

Fl-istess ħin, il-komunikazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

2.3. Il-linji ta’ gwida

Sabiex jiġu stabbiliti d-direzzjonijiet kollha possibbli għal azzjoni futura fuq livell Ewropew għall-appoġġ ta’ politiki nazzjonali biex jippromwovu aktar integrazzjoni effettiva ta’ nies esklużi mis-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni tistieden lill-imsieħba soċjali, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-partijiet interessati l-oħra tas-soċjetà ċivili biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom fuq il-kwistjonijiet li ġejjin:

1. Minħabba l-isfida għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-inklużjoni soċjali u b'mod partikolari l-integrazzjoni tan-nies li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol, għad hemm bżonn ta’ aktar azzjoni fuq livell ta’ UE, u jekk hemm, liema huma l-aktar metodi utli li bihom l-UE tista’ tikkumplimenta u tappoġġa l-azzjoni fuq livell nazzjonali?

2. L-Unjoni kif għandha tibni bażi komuni li sar qbil dwarha fir-Rakkomandazzjoni ta’ l-1992 biex tippromwovi d-drittijiet u l-aċċess għas-servizzi meħtieġa għall-integrazzjoni ta’ persuni esklużi, meta wieħed jieħu kont ta’ l-innovazzjonijiet tal-politika relevanti?

3. Hemm xi ġustifikazzjoni għal azzjoni fuq livell ta’ UE, bbażata fuq l-Artikolu 137(1)(h)? F’kuntest simili, jista’ jkun li l-aspetti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivazzjoni u l-aċċess għas-suq tax-xogħol ikunu suġġett ta’ negozjar bejn l-imsieħba soċjali?

2.4. Il-passi li jmiss

Din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi l-ewwel pass għall-proċess ta’ konsultazzjoni. Rigward l-imsieħba soċjali fuq livell ta’ UE, din tagħti bidu għall-proċess ta’ konsultazzjoni li hu previst fl-Artikolu 138(2) tat-Trattat. Huma mistiedna biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom fuq kwistjonijiet identifikati fil-paragrafu 2.3. Sabiex tinvolvi istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet interessati fuq livell nazzjonali u ta’ UE, il-komunikazzjoni se ssir disponibbli fuq is-sit ta' l-Internet tad-Direttorat Ġenerali għax-Xogħol u Affarijiet Soċjali:

(http://europa.eu.int/comm/employment_social/consultation_en.html). Il-partijiet kollha interessati għandhom jibagħtu l-kummenti jew is-suġġerimenti tagħhom permezz ta’ email f’dan l-indirizz: empl-active-inclusion@cec.eu.int. Il-Kummenti għandhom jaslu mhux aktar tard [data ta’ l-adozzjoni + 10 ġimgħat]. Il-Kummissjoni se tagħmel eżaminazzjoni dettaljata tal-kontribuzzjonijiet li jaslu u se tippubblika l-konklużjonijiet, li fuq il-bażi tagħhom tista' tipproċedi għat-tieni fażi tal-proċess ta' konsultazzjoni, kif stabbilit bl-Artikolu 138(3).

[1] Ara “Linji ta’ gwida għall-politiki tax-xogħol ta’ l-Istati Membri (2005-2008)",ĠU L 205 tas-6.8.2005, p. 21.

[2] L-Istrateġija Ewropea għax-Xogħol kienet strumentali għal din il-bidla fil-politika. Wara r-reviżjoni ta’ l-Istrateġija ta' Liżbona u l-adozzjoni tal-linji ta’ gwida integrati, l-Istati Membri issa qegħdin jiġu msejħa biex jimoplimentaw firxa sħiħa ta' miżuri “biex jiżguraw swieq tax-xogħol inklużivi, iżidu l-ġibda għax-xogħol u jaraw li x-xogħol irendi għal dawk li jfittxu x-xogħol, inkluż nies żvantaġġjati u inattivi” (Linjata’ gwida 19).

[3] Fin-nuqqas ta’ data kumparabbli għall-2003 għal pajjiżi li jirrappreżentaw aktar minn 75% tal-popolazzjoni ta' l-UE 25, l-Eurostat bħalissa ma jippubblikax dawn l-istatistiċi fuq livell ta’ UE 25. Il-valuri suġġeriti għar-rata ta' riskju ta’ faqar qabel u wara t-trasferimenti (25% u 16% rispettivament) huma madankollu simili għal dawk ta' l-aħħar sena li għaliha l-figuri huma bħalissa kompjutati u ppubblikati (2001): 24% u 15% rispettivament. Għal statistiċi demografiċi, il-popolazzjoni medja fl-UE25 kienet 452.5m, b’estimi ta’ 68m persuna taħt riskju.

[4] Inklużi l-forom kollha ta’ għajnuna soċjali, sussidji tal-familja u benefiċċji tal-qgħad, imma mingħajr il-pensjonijiet.

[5] Il-perċentwali tal-popolazzjoni li tgħix fi djar bi dħul ekwivalenti taħt is-60% tal-medja nazzjonali. Minħabba n-natura konvenzjonali tal-limitu, dan l-indikatur huwa bħalissa msejjaħ bħala l-miżura tar- riskju tal-faqar .

[6] L-aħħar sena li għaliha jeżistu figuri kumparabbli għall-UE15 (u mhux UE 25) hija l-2000, meta r-rata kienet 9%.

[7] Ir-rakkomandazzjonijiet 92/442/KEE tas-27 ta’ Lulju 1992 u 92/441/KEE ta’ l-24 ta’ Ġunju 1992, rispettivament.

[8] COM(1998)774 tal-25 Jannar 1999.

[9] Il-Kummissjoni Ewropea (2005): “Rapport dwar l-inklużjoni soċjali 2005. Analiżi tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Inklużjoni Soċjali (2004-2006) sottomessi mill-10 Stati Membri ġodda”. Direttorat Ġenerali għax-Xogħol, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs, il-Lussemburgu, Frar, 193 pp.

[10] Ir-Rapport Konġunt ta’ l-2004 ukoll saħaq dwar l-isfida ta’ "li jintrabtu flimkien sistemi ta’ appoġġ b’politiki biex tiżdied l-abilità tal-persuni biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u biex itemmu d-dipendenza fuq medda twila ta' żmien. Tfassil b'attenzjoni tal-politika tat-taxxa, tas-sussidju tad-dħul u tal-paga minima kien irrakkomandat ukoll sabiex ikun żgurat li x-xogħol irendi biżżejjed biex ma jħallix lill-persuni fl-istat ta’ faqar (p.36).

[11] Ara “Linji ta’ gwida għall-politiki dwar ix-xogħol ta’ l-Istati Membri (2005-2008)",ĠU L 205 tas-6.8.2005, p. 21.

[12] Ara COM(2003)842 tat-30 ta’ Diċembru 2003.

[13] Didier Fouarge . “L-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ politika soċjali”, DG EMPL, 2003.

[14] Studju reċenti li jkopri 13-il Stat Membru ta’ l-UE, bbażat fuq id- data tad-dħul għall-perjodu 1993-1997, sab li bejn 2 u 13% tal-popolazzjoni f’dawk il-pajjiżi, f’xi perjodu minn ħajjithom għexu taħt il-livell ta' l-MIG, li huwa bejn wieħed u ieħor garantit. (ara Nicaise, L et al. : (2004) Gaps, traps and springboards in European minimum income systems . HIVA (Katholieke Universiteit Leuven) u CRSP (Loughborough University), 134 pp.).