52006DC0043

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet ta’ assistenza reċiproka fil-qasam ta’ l-irkupru tar-rikjesti relatati ma’ ċerti levies, dazji, taxxi u miżuri oħra /* KUMM/2006/0043 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.2.2006

KUMM(2006) 43 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-dispożizzjonijiet ta’ assistenza reċiproka fil-qasam ta’ l-irkupru tar-rikjesti relatati ma’ ċerti levies, dazji, taxxi u miżuri oħra

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Kuntest 3

3. Rimarki introduttorji dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi 4

3.1. Nuqqas fl-osservanza tal-limitu taż-żmien għat-traspożizzjoni tad-direttivi f’dan il-qasam. 4

3.2. Applikazzjoni tad-direttivi fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda 4

4. Analiżi ta’ l-użu tal-miżuri ta’ assistenza reċiproka matul il-perjodu 2003-2004 4

4.1. Rimarki introduttorji 4

4.2. L-Istatistiki 5

4.3. Evalwazzjoni ta’ l-istatistiki 6

5. Inizjattivi komunitarji biex tkun imsaħħa l-assistenza reċiproka ta’ rkupru 9

5.1. Azzjonijiet kontinwi ta’ sapport mill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ l-assistenza reċiproka 9

5.2. Inizjattivi ġodda biex tkun imtejba l-assistenza reċiproka 9

6. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet 9

6.1. Konklużjonijiet 9

6.2. Rakkomandazzjonijiet: 10

1. INTRODUZZJONI

Għall-awtoritajiet fiskali nazzjonali, li l-poter ta’ eżekuzzjoni tagħhom hu limitat għat-territorju ta’ l-Istat Membru tagħhom, il-mobbiltà miżjuda tal-persuni, il-merkanziji, is-servizzi u l-kapitali fit-territorju kollu ta’ l-Unjoni Ewropea tista’ tikkawża problemi ta’ rkupru, notevolment f’każijiet ta’ frodi fiskali.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-assistenza reċiproka ta’ l-awtoritajiet nazzjonali għall-irkupru tar-rikjesti fiskali, kif immexxija mid-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta’ Marzu 1976[1] u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/94/KE tad-9 ta’ Diċembru 2002[2], uriet lilha nfisha bħala strument utli anki indispensabbli. Fil-fatt, mhux biżżejjed li jkunu investigati l-każijiet ta’ frodi, hu meħtieġ ukoll li jkunu rkuprati t-taxxi u l- levies dovuti, u l-fatt li d-debituri setgħu ssetiljaw jew ħadu l-assi tagħhom lejn Stat Membru ieħor, ma għandux jikkostitwixxi ostakolu insuperabbli biex ikunu rkuprati d-djun fiskali tagħhom.

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor ir-riżultati ta’ l-assistenza reċiproka għall-irkupru pprovduta bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida matul is-snin 2003 u 2004.

2. KUNTEST

Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 25, it-2 subparagrafu, id-Direttiva 76/308/KEE, kif emendata mill-Artikolu 1(13), tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal-15 ta’ Ġunju 2001[3], il-Kummissjoni mistennija li tipproduċi rapport regolari dwar l-użu tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-assistenza reċiproka fil-qasam ta’ l-irkupru tar-rikjesti relatati ma’ ċerti levies , dazji, taxxi u miżuri oħra, li l-Istati Membri adottaw bit-traspożizzjoni tad-Direttiva 76/308/KEE, u bir-riżultati akkwistati bis-saħħa ta’ din l-assistenza reċiproka. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikteb dawn ir-rapporti, kull Stat Membru hu mistenni li jinforma annwalment lill-Kummissjoni bin-numru ta’ talbiet ta’ informazzjoni, notifika u rkupru li hu jibgħat u jirċievi kull sena, bl-ammont tar-rikjesti kkonċernati u bl-ammonti rkuprati. Peress li l-Istati Membri kellhom jinserixxu d-Direttiva 2001/44/KE mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju u kellhom jinserixxu mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2003 d-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/94/KE tad-9 ta’ Diċembru 2002 – id-direttiva li tiffissa l-modalitajiet prattiċi neċessarji fl-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/308/KEE, kif inhi emendata mid-Direttiva 2001/44/KE - dan ir-rapport hu l-ewwel rapport ta’ dan it-tip, ibbażat fuq l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri relatata mad-domandi ta’ informazzjoni, notifiki u rkupri li huma bagħtu jew irċivew fl-2003 u l-2004.

3. Rimarki introduttorji dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi

3.1. Nuqqas fl-osservanza tal-limitu taż-żmien għat-traspożizzjoni tad-direttivi f’dan il-qasam.

Kif imsemmi hawn fuq, id-Direttiva bażika 76/308/KEE kienet emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal-15 ta’ Ġunju 2001, li kellha tkun inserita fil-liġi nazzjonali mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2002. Il-modalitajiet prattiċi ta’ applikazzjoni ffissati mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/94/KE tad-9 ta’ Diċembru 2002 kellhom ikunu inseriti fil-liġi nazzjonali mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2003.

Il-Kummissjoni sabet li diversi Stati Membri ma rrispettawx dawn il-limiti ta’ dawmien iffissati mid-Direttivi msemmija hawn fuq. F’każ wieħed, il-Kummissjoni kellha tirriferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ittieħdet notevolment azzjoni legali kontra r-Repubblika Taljana minħabba li ma kienx hemm notifika dwar il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/94/KE (stqarrija għall-istampa IP/04/1506 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2004).

3.2. Applikazzjoni tad-direttivi fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda

Fil-kawżi konġunti C-361/02 u C-362/02 (Tsapalos u Diamantakis), il-Qorti kellha tiddeċiedi dwar jekk id-Direttiva 76/308/KEE kellhiex tkun interpretata f’dan is-sens li tapplika għar-rikjesti doganali li oriġinaw fi Stat Membru (f’dan il-każ: l-Italja) taħt strument maħruġ minn dan l-Istat qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva fl-Istat Membru l-ieħor (f’dan il-każ: il-Greċja), fejn l-awtorità rikjesta kienet tinstab.

F’sentenza ta’ l-1 ta’ Lulju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni preliminari, fejn iddeċidiet li d-Direttiva 76/308/KEE (emendata) kellha fil-fatt tkun interpretata fis-sens li kienet tapplika għar-rikjesti doganali li oriġinaw fi Stat Membru u huma s-suġġett ta’ strument maħruġ minn dan l-Istat qabel d-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmija Direttiva fl-Istat Membru l-ieħor, fejn tinstab l-awtorità rikjesta. Il-Qorti tikkunsidra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva bħala regoli ta’ proċedura, li l-applikazzjoni tagħhom mhix limitata għad-djun li oriġinaw wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva fl-Istat Membru fejn tinstab l-awtorità rikjesta. Din id-deċiżjoni hi importanti ħafna, notevolment fid-dawl ta’ l-adeżjoni ta’ l-Istati Membri l-ġodda.

4. Analiżi ta’ l-użu tal-miżuri ta’ assistenza reċiproka matul il-perjodu 2003-2004

4.1. Rimarki introduttorji

4.1.1. Twassil tard ta’ l-Istatistiki

Diversi Stati Membri wasslu tard l-istatistiki tagħhom, minkejja d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2002/94/KE, li tistipula li kull Stat Membru għandu jgħaddi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni qabel il-15 ta’ Marzu ta’ kull sena.

4.1.2. Diverġenzi fl-istatistiki

Barra minn dan, l-istatistiki tad-diversi Stati Membri għandhom ċerti diverġenzi. Fil-bidu, meta kienu sottomessi l-ewwel statistiki li jikkonċernaw is-sena 2003, il-Kummissjoni nnotat li d-differenzi misjuba bejn il-figuri sottomessi minn kull Stat Membru kienu għoljin wisq. Skond dawn l-ewwel figuri, in-numru totali tar-rikjesti ta’ rkupru riċevuti mill-Istati Membri kollha fl-2003 ma jammontawx ħlief għal 70% tar-rikjesti ta’ rkupru dikjarati li ntbagħtu. Waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Irkupru ta' Talbiet[4] f’Ottubru 2004, l-Istati Membri kienu mistiedna gal darb'ora sabiex janalizzaw l-istatistika tagħhom. Fil-figuri kkorreġuti li l-Kummissjoni rċiviet wera, il-livell ta’ diverġenza bejn id- data ta’ l-Istati Membri tnaqqset b’mod sostanzjali. Għalhekk, in-numru totali tar-rikjesti ta’ rkupru riċevuti mill-Istati Membri kollha fl-2003, hekk kif jirriżulta minn dan it-tieni kalkolu, jammontaw għal 99% tan-numru ta’ rikjesti dikjarati li ntbagħtu. Għaldaqstant, għas-sena 2004, id-diverġenza reġgħet żdiedet mill-ġdid: ir-rikjesti ta’ rkupru dikjarati li kienu riċevuti telgħu għal 91% tan-numru ta’ rikjesti dikjarati li kienu mibgħuta.

L-Istati Membri għandhom joqogħdu aktar attenti meta jistabbilixxu l-istatistiki tagħhom.

4.2. L-Istatistiki

Fil-każijiet kollha, l-istatistiki pprovduti mill-Istati Membri juru użu estensiv tal-possibbiltajiet ta’ assistenza reċiproka matul is-snin 2003 u 2004.

4.2.1. Domandi għall-informazzjoni

Skond l-istatistiki mwassla mill-Istati Membri rikjesti, in-numru totali tad-domandi ta’ informazzjoni riċevuti mill-Istati Membri tela’ għal:

- fl-2003: 435.

- fl-2004: 727 (li minnhom 81 riċevuti mill-Istati Membri li ssieħbu fl-2004).

4.2.2. Domandi ta’ notifika

Skond l-istatistiki mwassla mill-Istati Membri rikjesti, in-numru totali tad-domandi ta’ notifika riċevuti mill-Istati Membri tela’ għal:

- fl-2003: 123.

- fl-2004: 182 (li minnhom 38 riċevuti mill-Istati Membri li ssieħbu fl-2004)

4.2.3. Domandi ta’ rkupru

Skond l-istatistiki mwassla mill-Istati Membri kompetenti, in-numru totali tad-domandi ta’ rkupru riċevuti mill-Istati Membri kollha tela’ għal:

- fl-2003: 2797.

- fl-2004: 3735 (li minnhom 326 riċevuti mill-Istati Membri li ssieħbu fl-2004).

4.2.4. Ammont totali tas-somom irkuprati

Skond l-istatistiki mwassla mill-Istati Membri rikjesti, l-ammont irkuprat totali tas-somom minn dawn l-Istati Membri għar-rikjesti li għalihom l-assistenza għall-irkupru kienet mitluba, ammonta għal:

- fl-2003: 5.050.090,55 EUR.

- fl-2004: 13.857.040,55 EUR (li minnhom 375.109,07 kienu riċevuti mill-Istati Membri li ssieħbu fl-2004).

4.2.5. Perċentaġġ ta’ domandi ta’ rkupru ssodisfatti

Skond l-istatistiki mwassla mill-Istati Membri rikjesti, l-ammont irkuprat totali tas-somom minn dawn l-Istati Membri relatat ma’ l-ammont totali tar-rikjesti li għalihom l-assistenza tagħhom għall-irkupru kienet mitluba, ammonta għal:

- fl-2003: 1.13 %

- fl-2004: 1.82 %

4.3. Evalwazzjoni ta’ l-istatistiki

4.3.1. Osservazzjonijiet ġenerali

Il-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri (kemm bħala stat applikant jew stat rikjest) hi differenti b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Dawn id-differenzi jidhru kemm fost l-Istati Membri l-qodma kif ukoll fost l-Istati Membri li ssieħbu fl-1 ta’ Mejju 2004.

Din id-differenza mhix sorprendenti, peress li l-mobbiltà tal-persuni hi wkoll differenti minn Stat għal ieħor. Mobbiltà kbira ta’ persuni bejn ċerti Stati Membri taffettwa fiha nfisha n-numru tad-domandi ta’ assistenza reċiproka bejn dawn l-Istati (pereżempju bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda).

L-akbar numru ta’ rikjesti ta’ rkupru kien mibgħut mill-Ġermanja. Skond il-figuri ta’ l-ammonti li għalihom ir-rikjesti ta’ rkupru kienu mibgħuta fl-2004, dan l-Istat waħdu talab assistenza reċiproka għal 36.14 % tas-somom totali li għalihom rikjesti kienu saru fl-2004). Fl-istess waqt, skond l-istatistiki mwassla mill-Istati rikjesti, l-awtoritajiet Ġermaniżi rkupraw 38.59% tas-somom kollha rkuprati mill-Istati Membri fl-2004 fuq domanda ta’ l-Istati Membri l-oħra.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jkun innotat li l-istatistiki ma jirriflettux neċessarjament l-impatt totali ta’ l-assistenza reċiproka għall-irkupru li l-Istati Membri jisilfu lil xulxin. Fil-fatt, dawn il-figuri ma jinkludux ir-riżultati ta’ l-assistenza reċiproka li hi eventwalment offruta abbażi ta’ konvenzjonijiet oħra li mhumiex Komunitarji, bħalma huma l-konvenzjoni Nordika tas-7 ta’ Dicembru 1989 użata mill-pajjiżi Skandinavi, il-konvenzjoni multilaterali ta’ l-OECD u tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tal-25 ta’ Jannar 1988, jew konvenzjonijiet bilaterali li ċerti Stati Membri jistgħu japplikaw, b’konformità ma’ l-Artikolu 23 tad-Direttiva 76/308/KEE.

Il-Kummissjoni sabet li t-twassil attwali ta’ l-istatistiki mill-Istati Membri ma jippermettix li jkun imkejjel l-impatt ta’ assistenza reċiproka fuq l-irkupru ta’ kull tip ta’ taxxa. Sabiex tkun tista’ tagħmel din l-analiżi siewja, il-Kummissjoni qed tippjana li tipproponi li l-Istati Membri jindikaw fl-istatistiki futuri tagħhom in-natura tat-taxxi u tal- levies li huma rkupraw fuq domanda ta’ Stat Membru ieħor.

4.3.2. Ir-raġunijiet li wasslu għal żieda fid-domandi mill-2003 sa l-2004.

Ir-raġunijiet li qed iwasslu għal numru li dejjem jiżdied tad-domandi ta’ assistenza reċiproka huma ħafna u varjati.

Minn naħa, dan l-iżvilupp hu direttament marbut ma’ l-imġiba tad-debituri ta’ l-imsemmija rikjesti:

- b’mod ġenerali, kien hemm żieda fil-mobbiltà tal-persuni, il-merkanzija u l-kapitali fil-qafas tas-suq intern; din ġabet magħha djun fiskali fl-Istati Membri fejn id-debituri kkonċernati mhumiex - jew mhumiex aktar - stabbiliti;

- b’mod aktar speċifiku, l-amministrazzjonijiet nazzjonali huma wkoll ikkonfrontati b’żieda ta’ sitwazzjonijiet ta’ insolvenza bi frodi, fejn fihom id-debituri jorganizzaw l-attivitajiet u l-assi b’tali mod li l-irkupru sforzat tar-rikjesti fiskali ta’ dawn l-amministrazzjonijiet isir aktar diffiċli (pereżempju bil-ħolqien ta’ kumpaniji li ma jeżistux).

Min-naħa l-oħra, meħtieġ li jkun enfasizzat li l-qasam ta’ applikazzjoni ta’ l-assistenza reċiproka twessa’ b’mod konsiderevoli:

- l-ewwel bid-Direttiva 2001/44/KE, li wessgħet il-qasam ta’ applikazzjoni għar-rikjesti kollha li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq id-dħul u l-beni u fuq taxxi fuq il- primjums ta’ l-assigurazzjoni. Hu evidenti li din l-estenzjoni tal-possibbiltajiet ta’ assistenza reċiproka taffettwa l-istatistiki li jikkonċernaw in-numru ta’ rikjesti mibgħuta mid-diversi Stati Membri. L-effett ta’ dan it-twessigħ kien irriżulta fuq kollox mill-2004 (peress li d-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/94/KE tad-9 ta’ Diċembru 2002 li tiffissa l-modalitajiet prattiċi neċessarji għall-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/308/KEE, kif emendata bid-Diretttiva 2001/44/KE, ma kienx għad kellha t-traspożizzjoni tagħha fl-Istati Membri ħlief matul is-sena 2003). F’dawn iċ-ċirkostanzi, mhux eskluż li ż-żieda tar-rikjesti u l-ammonti rkuprati abbażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja hija (ta’ l-anqas parzjalment) ikkumpensata bi tnaqqis fir-rikjesti u fir-riżultati ta’ l-assistenza reċiproka preċedenti mogħtija abbażi ta’ ftehimiet u arranġamenti li mhumiex Komunitarji.

- imbagħad, bit-twessigħ tal-qasam ta’ applikazzjoni territorjali, wara l-adeżjoni ta’ 10 Stati Membri ġodda fl-2004.

Barra minn hekk, hu probabbli li din iż-żieda hi wkoll influwenzata bl-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/65/KE tas-17 ta’ Ottubru 2000[5], li neħħiet il-fakultà kollha għall-Istati Membri li jagħmlu obbligatorju l-ħatra ta’ rappreżentant fiskali fi ħdan il-Komunità għad-djun fil-qasam tal-VAT. Din id-Direttiva probabbilment kellha bħala effett li l-assistenza reċiproka saret aktar importanti għall-irkupru ta’ din il-taxxa.

4.3.3. Diverġenza bejn ir-rikjesti ta’ rkupru u r-riżultati

Minkejja ż-żieda enormi fl-ammonti rkuprati permezz ta’ l-assistenza reċiproka (x 2.58% aktar fl-2004 mill-2003), għad hemm diverġenza konsiderevoli bejn, fuq naħa, l-ammonti li għalihom id-domandi ta’ assistenza għall-irkupru kienu skambjati u, fuq in-naħa l-oħra, l-ammonti li effettivament kienu rkuprati.

Dan mhux totalment sorprendenti. L-esperjenza turi b’mod ġenerali li ċ-ċans li jkun hemm rkupru effettiv ta’ rikjesta jonqos aktar ma jgħaddi żmien minn fuqha. Għaldaqstant, meta jkun ikkunsidrat il-karattru sussidjarju ta’ l-assistenza għall-irkupru barra l-pajjiż fir-rigward tal-miżuri nazzjonali ta’ eżekuzzjoni, l-effikaċja ta’ din “l-azzjoni ta’ l-aħħar ċans” hi, min-natura tagħha stess, relattiva. Dan hu kkorroborat bil-fatt li r-rikjesti li huma s-suġġett ta’ domanda ta’ assistenza huma xorta waħda rikjesti li l-irkupru tagħhom hu diffiċli.

Meta l-Istati Membri kienu mistoqsija dwar ir-raġunijiet li jwasslu għal din id-diverġenza (ara punt 5.2.), kienu miġjuba wkoll raġunijiet oħra:

- problemi rigward ir-riżorsi disponibbli biex tittieħed azzjoni dwar ir-rikjesti sottomessi mill-amministrazzjonijet ta’ l-Istati Membri l-oħra;

- problemi ta’ komunikazzjoni, bejn l-awtoritajiet kompetenti tad-diversi Stati Membri (informazzjoni mhux preċiża u/jew kurrenti biżżejjed; nuqqas ta’ feedback ) bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u s-servizzi lokali ta’ dan l-istess Stat Membru;

- problemi marbuta mas-sottomissjoni tard tad-domandi ta’ assistenza reċiproka, li ma jippermettux aktar lill-awtoritajiet rikjesti li jwettqu l-irkupru qabel il-preskrizzjoni tad-dejn ikkonċernat.

Fl-istess waqt, wieħed ma jistax ma jagħtix każ tal-fatt li l-istatistiki ta’ l-ammonti rkuprati mill-awtoritajiet rikjesti fi Stati Membri oħra ma jippermettux li jkun ikkalkulat l-impatt totali tal-proċeduri ta’ assistenza reċiproka:

- fil-fatt, dawn l-istatistiki ma jikkunsidrawx l-ammonti li d-debituri jħallsu direttament lill-awtoritajiet applikanti, wara notifika ta’ dejn jew bidu ta’ proċedura ta’ rkupru mill-awtoritajiet rikjesti;

- barra minn hekk, l-istatistiki ma jsemmux it-tnaqqis ta’ l-ammonti rkuprati li għandhom jingħataw wara t-twassil tad-domandi ta’ assistenza reċiproka, minħabba kontestazzjonijiet sussegwenti dwar id-djun fiskali;

- fl-aħħarnett, l-istatistiki disponibbli jikkonċernaw biss l-ammonti li diġà nġabru mill-awtoritajiet rikjesti u la jikkunsidraw pjanijiet eventwali ta’ ħlas miftiehem ta’ dejn lanqas riżultati li jistgħu jwasslu għall-proċeduri ta’ rkupru li spiss jieħdu tul ta’ żmien jew li għadhom għaddejjin.

5. INIZJATTIVI KOMUNITARJI BIEX TKUN IMSAħħA L-ASSISTENZA REċIPROKA TA’ RKUPRU

5.1. Azzjonijiet kontinwi ta’ sapport mill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ l-assistenza reċiproka

Filwaqt li l-leġiżlazzjoni Komunitarja l-ġdida, adottata fl-2001 u 2002, kienet kondizzjoni preliminari għat-titjib ta’ l-assistenza reċiproka għall-irkupru bejn l-Istati Membri, kien neċessarju li din l-inzjattiva leġiżlattiva tkun akkumpanjata b’miżuri konkreti mmirati biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiskali. Sabiex ikunu solvuti problemi eventwali ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tad-direttivi u biex ikunu eżaminati mill-ġdid il-bżonnijiet u kwistjonijiet oħra, il-Kummissjoni tagħti sapport kontinwu lill-Istati Membri permezz ta’ l-attivitajiet li ġejjin:

5.1.1. Assistenza lill-Kumitat għall-irkupru tar-rikjesti

Kif previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 76/308/KEE, kif emendatat mid-Direttiva 2001/44/KE, il-Kummissjoni hi assistita mill-Kumitat għall-irkupru tar-rikjesti, ifformat mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Dan il-kumitat jiltaqa’ regolarment biex jiddiskuti l-kwistjonijiet u s-suġġerimenti sottomessi mill-Kummissjoni u l-Istati Membri.

5.1.2. Il-Programm Fiscalis 2003-2007

Il-programm Fiscalis 2003-2007, adottat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew bl-iskop li tkun intensifikata l-kooperazzjoni ta’ kuljum bejn l-amministrazzjonijiet fiskali u l-uffiċjali fiskali, ippermetta li tkun iffinanzjata l-organizzazzjoni ta’ diversi seminars dwar it-tema ta’ l-assistenza reċiproka għall-irkupru tar-rikjesti fiskali. Saru seminars notevolment f’Alicante (Spanja) fl-2003, fi Bruges (il-Belġju) fl-2004 u fi Bratislava (is-Slovakkja) fl-2005. F’dawn is-seminars, uffiċjali minn diversi pajjiżi ddiskutew flimkien it-temi u l-problemi speċifiċi marbuta ma’ din l-assistenza reċiproka.

5.2. Inizjattivi ġodda biex tkun imtejba l-assistenza reċiproka

F’Mejju ta’ l-2005, il-Kummissjoni bagħtet dokument lill-Istati Membri biex tistedinhom jirriflettu dwar il-proċeduri li jippermettu titjib fl-assistenza reċiproka fil-qasam ta’ l-irkupru, u biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar is-suġġett. Dawn ir-riflessjonijiet komplew għaddejjin fil-qafas ta’ l-aħħar seminar Fiscalis u ser ikunu mill-ġdid diskussi waqt il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat għall-irkupru tar-rikjesti.

Abbażi ta’ dawn ir-riflessjonijiet, il-Kummissjoni qed tippjana biex tippreżenta fl-2007 proposti konkreti dwar in-neċessità li tkun iffaċilitata l-prattika tal-proċeduri ta’ assistenza reċiproka u dwar il-bżonn li tkun rinforżata u ssimplifikata kemm jista’ jkun possibbli l-leġiżlazzjoni applikabbli.

6. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

6.1. Konklużjonijiet

L-assistenza reċiproka mill-awtoritajiet nazzjonali għall-irkupru tar-rikjesti fiskali hi element indispensabbli fil-ġlieda kontra l-frodi fiskali.

L-istatistiki li jikkonċernaw l-assistenza reċiproka għall-irkupru tar-rikjesti fiskali, kif operati fl-2003 u 2004, juru żieda importanti ta’ din il-forma ta’ kooperazzjoni amministrattiva internazzjonali.

Madankollu għad baqa’ diverġenza konsiderevoli bejn is-somom li għalihom l-assistenza għall-irkupru hi mitluba u s-somom effettivament irkuprati bis-saħħa ta’ din l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se tressaq proposti konkreti biex ittejjeb l-assistenza reċiproka għall-irkupru fl-2007. Dawn il-proposti se jkunu mnebbħa min-neċessità li jkun iffaċilitat l-użu prattiku tal-proċeduri ta’ assistenza reċiproka u mill-bżonn li tkun rinforzata u ssimplifikata kemm jista’ jkun possibbli l-leġiżlazzjoni applikabbli.

6.2. Rakkomandazzjonijiet:

- L-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu użu intensiv mill-mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka biex ikunu rkuprati r-rikjesti fiskali.

- Huma għandhom jidentifikaw ir-riżorsi umani neċessarji sabiex ikun organizzat trattament rapidu għad-domandi ta’ assistenza reċiproka, peress li ċ-ċansijiet ta’ rkupru jonqsu skond kemm ikun għadda żmien minn fuq ir-rikjesta kkonċernata.

- L-Istati Membri għandhom ukoll jassiguraw komunikazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet applikanti u l-awtoritajiet rikjesti. Minn naħa, l-awtoritajiet applikanti għandhom ikun informati b’mod suffiċjenti u jkomplu l-azzjonijiet meħudin mill-awtoritajiet rikjesti biex ikunu segwiti id-domandi ta’ assistenza reċiproka; min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet applikanti għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet rikjesti jirċievu l-informazzjoni utli u kurrenti jew aġġornata li tikkonċerna r-rikjesti u d-debituri kkonċernati.

- L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istatistiki li jridu jkunu pprovduti skond l-Artikolu 25 tad-Direttiva 76/308/KEE u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2002/94/KE huma kredibbli u li jkunu kkomunikati fil-limiti taż-żmien iffissati minn din il-leġiżlazzjoni Komunitarja.

[1] ĠU L 73, tad-19.3.1976, p. 18.

[2] ĠU L 337, tat-13.12.2002, p. 41.

[3] ĠU L 175, tat-28.6.2001, p. 17.

[4] Direttiva 76/308/KEE, Art. 20.

[5] ĠU L 269, tat-21.10.2000, p. 44.