Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Programm Tematiku dwar il-Kooperazzjoni mal-Pajjiżi Industrijalizzati u oħrajn ta’ Dħul Għoli taħt il-Perspettivi Finanzarji futuri (2007-2013) /* KUMM/2006/0025 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 25.1.2006 KUMM(2006) 25 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Programm Tematiku dwar il-Kooperazzjoni mal-Pajjiżi Industrijalizzati u oħrajn ta’ Dħul Għoli taħt il-Perspettivi Finanzarji futuri (2007-2013) WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. Kuntest 3 2.1. L-Għan 3 2.2. Ġustifikazzjoni għal Programm Tematiku 4 2.3. Il-qafas ta’ kooperazzjoni u politika eżistenti u l-esperjenza mgħoddija 5 2.3.1. Pajjiżi ta’ l-OECD li mhumiex fl-UE 5 2.3.2. Pajjiżi u territorji Ażjatiċi li għadhom kemm saru industrijalizzati 7 2.3.3. Il-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf 8 3. Karatteristiċi ewlenin tat-TPIC 8 3.1. Għan ġenerali 8 3.2. Objettivi speċifiċi 9 3.3. Prijoritajiet ewlenin 9 3.4. Prinċipji ta’ programmazzjoni 11 ANNESSI 13 KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Programm Tematiku dwar il-Kooperazzjoni mal-Pajjiżi Industrijalizzati u oħrajn ta’ Dħul Għoli taħt il-Perspettivi Finanzarji futuri (2007-2013) 1. INTRODUZZJONI Sabiex jiġi razzjonalizzat u ssimplifikat il-qafas leġiżlattiv attwali li jiggverna azzjonijiet esterni tal-Komunità, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet qafas ġdid ta’ sitt strumenti taħt il-Perspettivi Finanzjarji 2007-2013. Tlieta minn dawn l-istrumenti (għall-għajnuna umanitarja, għall-istabilità u għall-għajnuna makro-finanzjarja) huma ta’ natura orizzontali sabiex iwieġbu għal ħtiġijiet u ċirkostanzi partikolari. It-tliet strumenti l-oħra (għall-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni, għall-appoġġ għall-politika ta’ Viċinat u Sħubija Ewropea u għall-kooperazzjoni ta’ żvilupp u kooperazzjoni ekonomika) huma maħsuba biex jimplimentaw politiki partikolari u għandhom kopertura ġeografika definita. Fil-ġejjieni, dawn l-istrumenti se jifformaw l-atti leġiżlattivi bażiċi għall-infiq Komunitarju b’appoġġ għall-programmi ta’ kooperazzjoni esterna, inklużi programmi tematiċi xierqa u se jieħdu post, inter alia , ir-regolamenti tematiċi eżistenti. Programmi tematiċi jipprovdu valur addizzjonali distint permezz ta' attivitajiet ta' implimentazzjoni biex jikkumplimentaw programmi ġeografiċi, li jibqgħu l-qafas prinċipali għall-kooperazzjoni Komunitarja ma' pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tiddiskuti l-għan, l-objettivi u l-prijoritajiet għal kull programm tematiku mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill abbażi ta' komunikazzjonijiet formali liż-żewġ Istituzzjonijiet[1]. Ir-riżultati ta’ dan il-proċess se jipprovdi l-orjentazzjonijiet politiċi għall-istadji tal-programmazzjoni li jmiss, u partikolarment għall-karti ta’ strateġija tematika li jridu jitfasslu skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-istrumenti ta’ hawn fuq. 2. KUNTEST 2.1. L-Għan F’dawn l-aħħar għaxar snin l-UE saħħet konsistantement ir-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma’ varjetà vasta ta’ pajjiżi żviluppati u pajjiżi u territorji li għadhom kemm saru industrijalizzati f’reġjuni differenti tad-dinja: primarjament l-Amerka ta’ Fuq, l-Ażja tal-Lvant u l-Awstralażja, imma wkoll l-Ażja tax-Xlokk u r-reġjun tal-Golf. Il-Programm Tematiku previst għall-kooperazzjoni ma’ Pajjiżi Industrijalizzati u oħrajn ta’ Dħul Għoli (TPIC) jistipula qafas għat-twessigħ u l-profondiment tal-kooperazzjoni u l-impenn ma' dawn il-pajjiżi u territorji industrijalizzati illi, minkejja l-firxa ġeografika, id-differenzi strutturali u d-daqs varjat tagħhom, huma impenjati lejn l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom ma’ l-UE. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u dawn il-pajjiżi titmexxa primarjament mill-objettivi politiċi ta’ l-UE stess - għalkemm l-isforzi biex jintlaħqu dawn l-objettivi se jipproduċu benefiċċji għal kull min hu kkonċernat. Il-punt fokali ewlieni tat-TPIC, li kien implimentat taħt l-Istrument ippjanat dwar il-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Ekonomika[2] (DCECI), se jkun fuq il-pajjiżi msieħba li jaqsmu strutturi u valuri politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali simili għal dawk ta’ l-UE kif ukoll fuq il-pajjiżi bi rwol ewlieni f'fora multilaterali u fil-governanza globali. Imma se jindirizza wkoll pajjiżi u territorji li għadhom kemm saru industrijalizzati li l-Unjoni għandha interessi strateġiċi għall-promozzjoni tar-rabtiet u l-influenzi politiċi u ekonomiċi tagħha magħhom. Il-kopertura ġeografika tat-TPIC għalhekk tinkludi: 1. Pajjiżi essenzjali ta’ l-OECD li mhumiex fl-UE[3]: l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada, ir-Repubblika tal-Korea, l-Awstralja u n-New Zealand; 2. Ċerti pajjiżi u territorji industrijalizzati Ażjatiċi li huma esklużi mil-lista tad-DAC[4] ta’ riċevituri ta' l-ODA: Singapor, Ħong Kong, il-Makaw, il-Brunej u t-Tajpej Ċiniża; 3. il-pajjiżi tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni fil-Golf li huma esklużi mil-lista tad-DAC ta’ riċevituri ta' l-ODA: il-Kuwajt, il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Baħrejn u l-Għarabja Sawdija[5]. Fil-ġejjieni l-estent ta’ l-ambitu ġeografiku tat-TPIC jista’ jitqies jekk u meta pajjiżi jew territorji koperti mid-DCECI kellhom jiġu esklużi mil-lista tad-DAC ta’ reċipjenti ta’ l-ODA. Ir-riżorsi allokati lil dan il-programm iridu mbagħad jiġu riveduti kif xieraq. 2.2. Ġustifikazzjoni għal Programm Tematiku Relazzjonijiet u programmi ta’ kooperazzjoni relata ma’ pajjiżi u territorji tat-TPIC żviluppaw b’veloċitajiet differenti, minħabba bażijiet legali differenti u f’oqsfa politiċi diffferenti[6], li jirriflettu inter alia d-diversità tal-pajjiżi kkonċernati - f’dak li hu daqs, kultura, popolazzjoni, rabtiet ekonomiċi bilaterali u l-flussi tal-kummerċ ma’l-UE. M’hemm l-ebda strateġija bilaterali bejn pajjiżi jew programmi indikattivi għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi indstrijalizzati. Miri politiċi u objettivi ta’ kooperazzjoni maqsuma stipulati fid-diversi strumenti bilaterali (bħalma huma ftehimiet ta’ qafas, ftehimiet ta’ kooperazzjoni, dikjarazzjonijiet politiċi, aġendi ta’ kooperazzjoni u pjanijiet ta’ azzjoni[7]) li jmexxu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba se jiddeterminaw l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni taħt it-TPIC. Madankollu, dawn l-inizjattivi huma maħsuba biex jikkumplimentaw u jsaħħu d-djalogu bejn il-gvernijiet fl-UE u f’dawn il-pajjiżi permezz ta’ kooperazzjoni indipendenti bejn firxa wiesgħa ta’ atturi fuq varjetà wiesgħa ta’ kwistjonijiet politiċi. L-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi industrijalizzati se jkun essenzjalment iffokat fuq l-istimulu ta' l-inizjattivi minn, u interazzjoni bejn, l-atturi soċjali u entitajiet pubbliċi jew privati fl-UE u fil-pajjiżi msieħba, li permezz tagħhom se jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali. It-tip ta’ attività ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba tat-TPIC ma setgħux jiġu indirizzati b’mod xieraq permezz ta’ programmi ġeografiċi[8], fi ħdan it-tifsira tad-DCECI. Minn hawn bdiet il-ħtieġa għal Programm Tematiku ddedikat għall-iżvilupp ta' inizjattivi ta' kollaborazzjoni sabiex tintlaħaq aġenda mmexxija mill-objettivi strateġiċi ta' l-UE. Permezz ta' l-organizzazzjoni ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni bilaterali diversifikati fi ħdan qafas wieħed, jintlaħqu ekonomija fil-kobor, effetti sinerġiċi, effettività u viżibilità akbar.. Dan hu aktar probabbli, peress li xi wħud minn dawn l-inizjattivi jistgħu jkunu ta' natura reġjonali. 2.3. Il-qafas ta’ kooperazzjoni u politika eżistenti u l-esperjenza mgħoddija Il-kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi u t-territorji fil-mira tat-TPIC tmexxiet fl-imgħoddi minn firxa wiesgħa ta' strumenti li jorbtu legalment u oħrajn li le kif deskritt fl-Anness 1. Il-kisbiet u l-orjentazzjonijiet imgħoddija ewlenin taħt dan il-qafas jissemmew hawn taħt. 2.3.1. Pajjiżi ta’ l-OECD li mhumiex fl-UE Is-sisien għal kooperazzjoni mgħoddija u ġejjiena ma’ l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Awstralja u n-New Zealand huwa l-korp ta’ inizjattivi li twettqu matul il-perjodu 2001-2006 taħt ir-Regolament tal-Kunsill 382/2001. Dawn jirriflettu l-aġendi ta’ kooperazzjoni stabbiliti f’bosta strumenti bilaterali. Din l-istruttura istituzzjonali pprovdiet il-qafas fejn jistgħu jiġu żviluppati proġetti biex jiġu appoġġjati u invigoriti r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi ta' l-UE ma' dawn il-pajjiżi. Hija kkumplimentat ukoll b’mod utli ċerti ftehimiet bilaterali bejn il-Komunità u xi wħud minn dawn il-pajjiżi, pereżempju fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni u x-xjenza u t-teknoloġija. Ir-Regolament tal-Kunsill 382/2001 ikopri żewġ temi kumplessivi: a) l-iżvilupp ta’ proġetti mmirati lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi msieħba kollha f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, u, b) il-promozzjoni ta' relazzjonijiet kummerċjali b'fokus esklussiv fuq il-Ġappun u l-Korea. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kooperazzjoni, l-inizjattivi ewlenin li twettqu huma: - It-twaqqif u l-iżvilupp ta' netwerk ta’ 27 Ċentru ta’ l-UE[9] f’universitajiet fis-sitt pajjiżi msieħba. Dawn qegħdin jipprovaw jippromwovu, fi ħdan il-pajjiżi msieħba, ftehim aħjar ta’ l-Unjoni Ewropea, l-isituzzjonijiet tagħha, l-istorja tagħha, l-ekonomija tagħha u l-politiki tagħha. - Appoġġ għad-djalogu politiku bejn l-UE u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-Aġenda Transatlantika l-Ġdida, l-Inzjattiva ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għat-Tisħiħ tat-Tkabbir u l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika, u l-Ftehim għat-Tisħiħ tal-Kummerċ u l-Investiment mal-Kanada; - Żvilupp ta’ attivitajiet li jħeġġu r-riċerka u d-dibattitu politiċi minn diversi gruppi ta’ esperti u għaqdiet oħra fl-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Kanada; - Tisħiħ tar-rabtiet bejn in-nies permezz ta’ inizjattivi bħad-djalogi transatlantiċi tas-soċjetà ċivili, is-sena ta’ skambji bejn il-popli ta’ l-UE u l-Ġappun, jew appoġġ għal proġetti pilota fil-qasam ta’ edukazzjoni ogħla ma’ l-Awtralja u n-New Zealand. Kien hemm ukoll kooperazzjoni ta’ suċċess ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Ġappun fil-qasam tal-politika soċjali u ta’ l-impjiegi b’punt fokali fuq ix-xejriet demografiċi, id-diżabilità, l-oppurtunitajiet indaqs, kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà. F’dak li għandu x’jaqsam mal-pomozzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali, l-objettiv li jiġi ffaċilitat l-aċċess fis-suq għal kumpaniji ta’ l-UE u t-titjib tal-preżenza tan-negozju tagħhom fil-Ġappun u l-Korea ġew indirizzati permezz ta’ żewġ programmi ewlenin: - Programm ta' żvilupp tar-riżorsi umani, “il-Programm ta’ Taħriġ Eżekuttiv fil-Ġappun u l-Korea”, li jgħin lill-kumpaniji ta’ l-UE biex jiżviluppaw il-kompetenzi interni permezz ta’ taħriġ fil-lingwi u fin-negozju għall-eżekuttivi l-iktar essenzjali tagħhom. Sal-lum, kważi 1,000 eżekuttiv Ewropew ħadu sehem f’dan il-programm. - Il-kampanja ta’ l-UE Bieb għall-Ġappun li hija programm ta’ promozzjoni kummerċjali mmirat li jgħin l-SMEs ta' l-UE fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw in-negozju tagħhom u jespandu l-bejgħ tagħhom fis-suq Ġappuniż permezz ta’ missjonijiet ta’ kummerċ immirati. Il-kampanja Bieb għall-Ġappun attwali hija mistennija tintroduċi xi 1000 SME ta’ l-UE fis-suq Ġappuniż matul il-perjodu 2002-2006. Iż-żewġ programmi ġew estiżi lill-Istati Membri l-Ġodda. L-attivitajiet kummerċjali u ta' kooperazzjoni flimkien kienu s-suġġett ta' valutazzjoni esterna fl-2004[10] li kkonkludiet li dawn l-inizjattivi huma rilevanti, effettivi u għandhom impatt pożittiv, u rrakkomandat li għandhom jitkomplew u jissaħħu. 2.3.2. Pajjiżi u territorji Ażjatiċi li għadhom kemm saru industrijalizzati It-TPIC tinkludi wkoll pajjiżi u territorji Ażjatiċi li għadhom kemm saru industrijalizzati li l-UE hija impenjata f’relazzjoni magħhom għat-tul: il-Brunej, Ħong Kong, il-Makaw, Singapor u t-Tajpej Ċiniża. It-TPIC se tagħmilha possibbli li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi, li, fl-imgħoddi ma setgħux jiġu koperti mir-Regolament ta’ l-Ażja u l-Amerika Latina (ALA)[11] bħala riżultat tal-fokus ta’ dan l-istrument fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. M’hemm l-ebda ftehim bilterali speċifiku ma' Ħong Kong. Madankollu, f’komunikazzjoni ta’ l-1997 imsemmija “L-UE u Ħong Kong: Lil Hinn mill-1997” l-UE tenniet l-intenzjonijiet tagħha, qabel ma Ħong Kong reġgħet ingħaqdet maċ-Ċina bħala "Reġjun Amministrattiv Speċjali" taħt il-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", biex tkattar ir-relazzjonijiet mat-territorju. Minn dak in-nhar il-Kummissjoni impenjat ruħha li jkollha rabta rigoruża u effettiva ma’ l-SAR ta’ Ħong Kong u li tesplora modi biex tpoġġi l-investiment kummerċjali u r-relazzjonijiet ta' kooperazzjoni fuq sisien iktar permanenti. L-UE hija impenjata li ssaħħaħ il-kummerċ bilaterali u r-relazzjonijiet ekonomiċi. u li tgħin fil-promozzjoni tal-Makaw bħala ċentru ta' skambji kulturali u ta' taħriġ. Ir-relazzjonijiet mat-Tajpej Ċiniża huma bbażati fuq ir-rispett tal-politika ta’ Ċina waħda. M’hemm l-ebda relazzjoni diplomatika jew politika, iżda saru kuntatti intensivi fl-oqsma ta’ l-ekonomija, il-kummerċ, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-istandards u n-normi u f’għadd ta’ oqsma oħra. Il-ftehim bejn il-KE u l-ASEAN jipprovdi l-qafas għad-djalogu istituzzjonalizzat mal-Brunej u Singapor b’punt fokali fuq il-kummerċ, il-ko-operazzjoni ekonomika u l-iżvilupp. L-UE bi ħsiebha tistabbilixxi relazzjoni ma’ Singapor ibbażata fuq aġenda politika aġġornata li tiffoka fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet. Dan qiegħed jitfittex li jintlaħaq, inter alia , permezz ta’ Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni Bilaterali, li qiegħed jiġi nnegozjat bħalissa. Il-ftehim jirrifletti r-rwol prominenti ta’ Singapor fir-relazzjonijet bejn l-UE u x-Xlokk ta’ l-Ażja fl-oqsma tal-kummerċ, in-negozju, l-edukazzjoni u r-riċerka. 2.3.3. Il-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf Fl-aħħar, it-TPIC tinkludi l-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, li qabel kienu koperti taħt it-Regolament ta’ l-ALA (ara hawn fuq). Għalhekk, il-Kuwajt, il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Baħrejn u l-Għarabja Sawdija jaqgħu taħt il-kompetenza tat-TPIC wkoll[12]. Ir-relazzjonijet ta’ l-UE ma’ l-Għarabja Sawdija, il-Baħrejn, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda huma mmexxija mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) ta’ l-1989. L-Unjoni Ewropea qiegħda tfittex li ssaħħaħ l-attivitajiet ta' kooperazzjoni bejn l-atturi ekonomiċi, soċjali u tas-soċjetà ċivili fl-UE u fil-pajjiżi tal-GCC fi ħdan il-qafas tas-Sħubija Strateġika għall-Mediterran u l-Lvant Imbiegħed, li kien approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2004. L-UE hija għalhekk ħerqana li ssaħħaħ l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni flimkien ma’ għadd żgħir ta’ orjentazzjonijiet essenzjali sabiex jirriflettu aħjar in-natura strateġika tar-relazzjoni u javvanzaw l-interessi ta’ l-UE fir-reġjun. Il-GCC bħalissa huwa l-ħames l-ikbar suq ta' esportazzjoni ta' l-UE. Minħabba l-kwantità għolja ta’ fjuwil trasportat mill-Golf (69% ta’ l-importazzjonijiet totali ta’ l-UE mill-pajjiżi tal-GCC), il-GCC huwa l-erbatax l-ikbar sors ta’ importazzjonijiet ta’ l-UE. Il-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-GCC hija ffokata fuq kwistjonijiet ekonomiċi u ta’ enerġija. Hemm djalogu regolari bejn l-esperti fuq kwistjonijiet ta’ enerġija li wassal għat-tnedija ta' seminars, laqgħat ta’ ħidma u konferenzi internazzjonali. Barra minn hekk, tnediet laqgħa ta’ Djalogu Ekonomiku fl-2003 bl-għan li jiġi ffaċilitat id-djalogu u li jkun hemm ftehim aħjar fl-oqsma ta’ l-interess komuni. Dan id-djalogu għandu jipprovdi għal forum biex tinqasam il-kompetenza u l-aħjar prassi fuq kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-integrazzjoni reġjonali (eż. l-unjoni doganali, l-unjoni ekonomika u monetarja, il-liġi tal-kompetizzjoni) kif ukoll fuq oqsma oħra li jinteressaw liż-żewġ naħat (eż l-Iraq). 3. KARATTERISTIċI EWLENIN TAT-TPIC 3.1. Għan ġenerali L-għan ġenerali tal-Programm Tematiku għall-Kooperazzjoni ma’ Pajjiżi Industrijalizzati (TPIC) huwa li jinħoloq qafas koerenti biex jissokta l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba, u biex tippromwovi l-interessi strateġiċi ta' l-Unjoni f'dawn il-pajjiżi. L-appoġġ u t-tisħiħ tad-djalogu politiku u ta’ l-interazzjoni ekonomika ma’ dawn il-pajjiżi msieħba permezz ta' serje ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni prattiċi se jgħinu biex ikun hemm relazzjonijiet reġjonali u bilaterali usa’ u iktar fil-fond u se jagħmlu l-UE attur iżjed magħruf, mifhum aħjar, u iżjed imfittex fix-xena politika internazzjonali. 3.2. Objettivi speċifiċi L-objettivi speċifiċi tat-TPIC huma għalhekk kif ġej: - Li tħeġġeġ proġetti kollaborattivi, rabtiet kooperattivi, sħubijiet ekonomiċi, skambji bejn il-popli u impenji konġunti bejn l-atturi fl-UE u l-pajjiżi msieħba; - Li tippromwovi l-iżvilupp ta’ djalogi politiċi u d-disseminazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-imsieħba politiċi, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll atturi oħra tas-soċjetà ċivili u mhux ta' l-istat, f'konformità mal-miri ġenerali ta' kull pajjiż imsieħeb. - Li tippromwovi ftehim aħjar ta’ l-UE (l-istituzzjonijiet tagħha, il-politiki tagħha, il-pożizzjonijiet tagħha dwar l-isfidi globali u l-proċessi ta’ integrazzjoni ekonomika, soċjali u politika kif ukoll l-implikazzjonijiet korrispondenti għar-relazzjonijiet esterni tagħha) mal-partijiet kollha fil-pajjiżi msieħba, inklużi min jifforma l-opinjonijiet, min ifassal il-politika u jieħu d-deċiżjonijiet, ċirkli tan-negozju u għaqdiet professjonali, trejdjunjins, għaqdiet tal-konsumatur, gruppi ambjentalisti, partiti politiċi, il-mezzi tax-xandir, l-akkademiċi u multiplikaturi oħra; - Li tinfluenza pożittivament il-perċezzjonijiet ta' individwi u ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi u privati fil-pajjiżi msieħba dwar l-UE u li tinkoraġġixxi r-rabta ikbar tagħhom ma’ l-UE b’appoġġ għall-objettivi politiċi internazzjonali Komunitarji; - Li tistimula l-kummerċ bilaterali, il-flussi ta’ l-investiment u l-kooperazzjoni tad-dwani bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba u tħeġġeġ azzjoni ta' kollaborazzjoni biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali u ambjentali tal-globalizzazzjoni; Meta xieraq, sabiex titħeġġeġ il-kooperazzjoni reġjonali, dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu permezz ta’ strateġija reġjonali. 3.3. Prijoritajiet ewlenin Biex jagħmlu impatt sinjifikanti, l-objettivi t’hawn fuq se jintlaħqu billi jkunu ffokati fuq għadd limitat ta' prijoritajiet. Skond iċ-ċirkostanzi u l-opportunitajiet, se jitfasslu attivitajiet u jkunu implimentati fil-forma ta’ inizjattivi settorjali, reġjonali jew speċifiċi għall-pajjiż. Il-Kummmissjoni se tfittex li tiżgura li jkun hemm koerenza bejn l-attivitajiet appoġġjati madwar il-pajjiżi, kif kien ikun is-soltu l-każ fir-rigward ta’ kooperazzjoni mgħoddija ma’ pajjiżi ta’ l-OECD li mhumiex fl-UE. Fil-kuntest ta’ l-objettivi msemmija hawn fuq, il-prijoritajiet ewlenin proposti għat-TPIC huma: - Diplomazija pubblika b’mod partikolari permezz ta’ i) il-konsolidazzjoni u l-espansjoni tan-netwerk eżistenti ta’ Ċentri ta’ l-UE bħala ċentri ta’ eċċellenza u t-twaqqif ta’ Ċentri ta’ l-UE bħal dawn ġodda f’pajjiżi msieħba fejn m’hemmx diġà, u miżuri għall-promozzjoni ta’ sistema ta’ netwerks bejn iċ-Ċentri ta’ l-UE; ii) l-iżvilupp ta’ attivitajiet li jinkoraġġixxu r-riċerki u d-dibattiti politiċi minn gruppi ta’ esperti u għaqdiet oħra dwar temi rilevanti għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba. - Il-promozzjoni ta’ sħubijiet ekonomiċi, kollaborazzjoni fin-negozju u kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija. Dawn jistgħu jintlaħqu, inter alia , b'għajnuna lill-kumpaniji ta' l-UE biex jibnu l-kapaċità tagħhom li jitrattaw b’iktar effiċenza l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq u l-ambjent tan-negozju fil-pajjiżi msieħba. F’dan il-kuntest, inizjattivi jew programmi eżistenti li jibqgħu għaddejjin wara l-2006 għandhom jitkomplew (eż. il-Programm ta’ Taħriġ Eżekuttiv għall-Ġappun u l-Korea) jew jingħataw għamla ġdida (eż. il-Kampanja Bieb għall-Ġappun) kif jixraq. Skond din il-prijorità, se titqies il-possibilità li jitkabbar in-netwerk taċ-Ċentri ta’ Korrispondenza ta’ Tagħrif dwar l-Ewropa lejn pajjiżi msieħba magħżula tat-TPIC bħala mod ta’ kif jiġu promossi rabtiet tan-negozju, kif ukoll miżuri oħra għall-appoġġ ta’ l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ekonomiċi ma’ pajjiżi msieħba. Barra minn hekk, peress li l-maġġoranza tal-pajjiżi tat-TPIC huma ffokati fuq l-innovazzjoni u l-kompetittività u qed ifittxu li jiżviluppaw ekonomija bbażata fuq l-għerf, ikun hemm valur konsiderevoli u interess komuni fil-ħeġġa għall-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fir-riċerka u x-xjenza. Għalkemm l-għan tat-TPIC m’għandux ikun li jiffinanzja proġetti ta' riċerka u żvilupp, tista’ tappoġġja attivitajiet immirati lejn l-istimulazzjoni u l-iffaċilitar ta' l-interazzjoni bejn il-komunitajiet tar-riċerka fl-UE u l-pajjiżi msieħba u l-aċċess tagħhom għal opportunitajiet ta’ finanzjamenti taħt is-seba’ Programm ta’ Qafas. - Rabtiet bejn il-popli inklużi l-iżvilupp tal-kooperazzjoni fl-edukazzjoni ma' dawk il-pajjiżi msieħba li magħhom m'hemm l-ebda ftehim bilaterali ta' kooperazzjoni fl-edukazzjoni.[13] Xi wħud mill-pajjiżi tat-TPIC huma fuq quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sistemi u politiki vokazzjonali u edukattivi u jospitaw istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla ta' klassi dinjija. Għalhekk jipprovdu potenzjal reali għal kooperazzjoni dinamika u ta' benefiċċju reċiproku fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ. F'dan il-kuntest, għandha tiġi esplorata l-possibilità ta' inizjattiva ta’ kooperazzjoni reġjonali fl-edukazzjoni ogħla fl-Ażja-l-Paċifiku, li tipprovdi qafas waħdieni għal kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u, jekk xieraq, multilaterali bejn, fuq naħa, l-UE, u fuq in-naħa l-oħra, pajjiżi msieħba fir-reġjun. Dan ikun immirat lejn il-promozzjoni ta’ żvilupp għal kurrikulu konġunt u mobilità ta’ l-istudenti/il-fakultà bejn l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u dawk tal-pajjiżi msieħba, il-ħeġġa għal djalogu dwar il-politiki ta’ l-edukazzjoni, u inizjattivi speċifiċi oħrajn ta’ edukazzjoni ogħla. Barra mill-qafas waħdieni ta’ kooperazzjoni, jista’ jiġi esplorat il-potenzjal għal kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-edukazzjoni fil-forma ta' aċċess ikbar għall-programm Erasmus Mundus, pereżempju permezz ta’ “Tieqa Ażjatika” ta’ l-Erasmus Mundus li tinfetaħ lejn l-Ażja tal-Lvant, l-Ażja tax-Xlokk u l-Awstralażja, kif ukoll il-ftuħ ta' tieqa Transatlantika. L-għan ta’ kooperazzjoni bħal din tkun li tistimula l-fluss ta’ studenti u akkademiċi mill-pajjiżi msieħba għall-Korsijiet tal-Masters Erasmus Mundus. Il-Kummissjoni tista' tiddiskuti mal-pajjiżi msieħba interessati biex ikun hemm qbil fuq il-proċeduri u, bil-mira li jintlaħaq effett multiplikatur fuq l-investiment ta’ l-UE, tesplora magħhom l-għan għall-kontribuzzjonijiet li jaqblu min-naħa tagħhom. - Djalogi : sabiex jikkumplimenta d-djalogu politiku formali fuq livell governattiv, it-TPIC se jagħti appoġġ għal attivitajiet ta’ djalogu ma' u bejn il-partijiet interessati f'oqsma ta' importanza strateġika għall-kooperazzjoni mal-pajjiż imsieħeb ikkonċernat, bħal m'huma n-negozju; il-konsumaturi; l-ambjent; l-enerġija u t-trasport; l-impjiegi, il-politika soċjali u l-opportunitajiet indaqs; il-mezzi tax-xandir inkluż is-settur awdjoviżiv ... eċċ, kif ukoll azzjonijiet biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prassi fil-qasam ta’ kooperazzjoni regolatorja. Dan jista’ jinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ programmi għal viżitaturi speċjali ffokati fuq gruppi mmirati speċifiċi (eż. professjonisti tax-xandir, regolaturi, imsieħba soċjali u esperti xierqa oħra). - Sensibilizzazzjoni permezz ta’ attivitajiet u avvenimenti mmirati fil-pajjiżi msieħba biex iqanqlu interess fl-Ewropa u l-UE, biex tiżdied il-viżibilità ta’ l-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi msieħba, biex jgħinu ’l pubbliku jifhem x'inhi l-UE u x'tagħmel, biex toħloq kuxjenza dwar il-politiki u l-istituzzjonijiet ta' l-UE u r-rwol ta’ l-UE bħala attur internazzjonali fix-xena politika u ekonomika, u biex javvanzaw objettivi ta’ kooperazzjoni speċifiċi attwali u ġejjiena; Bħala tkomplija ma' l-oqsma ta' kooperazzjoni ewlenin indikati hawn fuq, it-TPIC għandha tipprovdi qafas flessibbli suffiċenti biex tindirizza u tappoġġja oqsma ta’ kooperazzjoni speċifiċi għall-pajjiż jew oqsma ta’ kooperazzjoni ġodda li jistgħu jiġu identifikati fil-ġejjieni. 3.4. Prinċipji ta’ programmazzjoni Karti ta’ Strateġija Tematika (dokumenti ta’ programmazzjoni) fuq erba’ snin (2007-2010) u, imbagħad, tliet snin (2011-2013) se jiġu deċiżi mill-Kummissjoni li ssegwi l-proċeduri tal-Komitoloġija. Il-Karta ta’ Strateġija Tematika għall-pajjiżi industrijalizzati se tipprovdi iżjed dettalji dwar il-prijoritajiet politiċi u taqlibhom f’azzjonijiet ippjanati. Dawn id-dokumenti se jiddefinixxu l-kriterji ta’ eliġibilità għall-benefiċjarji u jippreċiżaw it-tip ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu. Se jitfittex li jkun hemm kumplimentarjetà ma’ programmi Komunitarji oħra, partikolarment il-Programmi Tematiċi l-oħra, kif ukoll programmi nazzjonali u reġjonali, mingħajr ma wieħed jinsa li m’hemm l-ebda programm ġeografiku[14] Il-Karta ta’ Strateġija Tematika se tipprovdi tqassim tal-baġit indikattiv bejn (i) pajjiżi u territorji msieħba eleġibbli, (ii) prijoritajiet għal azzjoni u (iii) inizjattivi reġjonali / multilaterali u bilaterali. Se tipprovdi wkoll tqassim għall-allokkazzjonijiet finanzjarji biex tiffinanzja kemm l-infiq operazzjonali kif ukoll dak amministrattiv (għajnuna teknika lill-KE, l-istudji u l-valutazzjonijiet). Abbażi ta’ din il-programmazzjoni multi-annwali, il-Kummissjoni għandha tipproduċi pjanijiet ta' xogħol annwali li jistabbilixxu l-azzjonijiet prijoritarji li jridu jiġu appoġġjati, objettivi speċifiċi, riżultati antiċipati kif ukoll ammonti indikattivi. Il-programm se jitmexxa mill-Kummissjoni inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ dekonċentrazzjoni ta’ responsabilitajiet ta’ tmexxija lejn id-delegazzjonijiet tal-KE fil-pajjiżi msieħba. Għalkemm mhux possibbli li jiġi definit mod għad-distribuzzjoni mekkanika, l-allokazzjoni tar-riżorsi se tqis, fost l-oħrajn, il-livelli mgħoddija ta’ interventi finanzjarji Komunitarji (ara l-anness 2) kif ukoll id-daqs relattiv ta’ pajjiżi u l-wisgħa, fond u kobor relattiv tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba. Madankollu, se jitqies ukoll il-bżonn li jintlaħaq impatt sinjifikanti fil-livell tal-pajjiż. Meta tista’, il-Kummissjoni se tfittex li taqsam l-ispejjeż ta’ l-attivitajiet mal-pajjiżi msieħba kkonċernati; madankollu, dan mhux se jkun rekwiżit obbligatorju peress li, xi kultant (eż diplomazija pubblika), il-pajjiżi msieħba jistgħu jqisu l-objettivi politiċi ta' l-UE bħala ta’ natura kontenzjuża. Il-Kummissjoni se tħejji rapporti ta’ attività regolari u s-servizzi tal-Kummissjoni wkoll se jwettqu reviżjoni ta’ nofs il-perjodu. Valutazzjoni esterna ta’ l-operazzjonijiet matul l-ewwel perjodu ta’ tliet snin (2007-2009) se titwettaq biex jingħata tagħrif għat-tħejjija tat-tieni Karta ta' Strateġija Tematika (2011-2013). Ir-rapporti se jintbagħtu lil, u se jiġu diskussi mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew. ANNESS 1: Qafas ta’ kooperazzjoni stabbilita. L-għodda politiċi u legali ewlenin biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tat-TPIC huma kif ġej: 1. Pajjiżi membri ta’ l-OECD Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 382/2001 tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jippromwovu kooperazzjoni u relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi industrijalizzati ta’ l-Amerka ta’ Fuq, il-Lvant Imbiegħed u l-Awstralażja, emendat mir-Regolament tal-Kunsill Nru 1900/2005 tal-21 ta’ Novembru 2005. Id-Dikjarazzjoni Transatlantika dwar ir-Relazzjonijiet UE/USA ta’ l-1990, u l-Aġenda Transatlantika l-Ġdida u l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt UE-USA ta’ l-1995; l-Inizjattiva ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għat-Tisħiħ tat-Tkabbir u l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika adottata fis-Samit UE-USA f’Ġunju 2005. Il-Pjan ta’ Azzjoni UE / Ġappun adottat fl-10 samit bilaterali UE/Ġappun f’Diċembru 2001; Il-Ftehim ta’ Qafas dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Korea u d-Dikjarazzjoni Politika mehmuża ta’ Ottubru 1996; Id-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ l-1997 dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea u l-Aġenda ta’ l-2003 għall-Kooperazzjoni; Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-New Zealand ta’ Mejju 1999 u l-Pjan ta’ Azzjoni ta' l-2004 “Prijoritajiet għal Kooperazzjoni Ġejjiena”; Il-Ftehim ta’ Qafas għal Kooperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada ta’ l-1976, id-Dikjarazzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada ta’ l-1990, il-pjan ta’ azzjoni konġunt UE-Kanada ta’ l-1996 u l-aġenda ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Kanada ta’ l-2004 2. Pajjiżi u territorji Ażjatiċi li għadhom kemm saru industrijalizzati Il-kooperazzjoni mal-Brunej, it-Tajpej Ċiniża, Ħong Kong, il-Makaw (mill-1999) u Singapor ġew esklużi mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 443/92 tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-għajnuna finanzjarja u teknika lill-, u kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Ażja u l-Amerika Latina (ir-Regolament ta' l-“ALA”), minħabba l-istatus ta' dawn il-pajjiżi u territorji ta' pajjiżi li mhux qed jiżviluppaw. Madankollu l-Unjoni Ewropea hija impenjata f'relazzjonijiet fit-tul ma' dawn il-pajjiżi u t-territorji: M’hemm l-ebda ftehim bilaterali speċifiku ma' Ħong Kong, iżda l-UE tenniet b’mod espliċitu l-intenzjonijiet tagħha, qabel ma Ħong Kong reġgħet ingħaqdet maċ-Ċina bħala "Reġjun Amministrattiv Speċjali" taħt il-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", biex tkattar ir-relazzjonijiet ma’ dak it-territorju. Fl-1997 f’komunikazzjoni msemmija “L-UE u Ħong Kong: Lil Hinn mill-1997” il-Kummissjoni impenjat ruħha li jkollha rabta rigoruża u effettiva ma’ l-SAR ta’ Ħong Kong u li tesplora modi biex tpoġġi l-investiment kummerċjali u r-relazzjonijiet ta' kooperazzjoni fuq sisien iktar permanenti. L-UE hija wkoll impenjata ma’ Ħong Kong permezz ta’ Ftehim Doganali (1999) u Ftehim ta’ Riamissjoni (2002). Laqgħat ta' Uffiċjali Għolja bejn l-SAR ta’ Ħong Kong u l-KE jsiru regolarment skond ftehim informali. Fil-każ tal-Makaw, ir-relazzjonijiet tagħna huma bbażati fuq Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni mitmum fl-14 ta’ Diċembru 1992, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993 u fuq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Novembru 1999 imsemmija “L-Unjoni Ewropea u l-Makaw: Lil Hinn mis-Sena 2000”. Għalkemm m’hemm l-ebda relazzjoni diplomatika jew politika mat-Tajpej Ċiniża, xorta jsiru kuntatti intensivi fl-oqsma ta’ l-ekonomija, il-kummerċ, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-istandards u n-normi u f’għadd ta’ oqsma oħra. Minn Marzu 2003 il-Kummissjoni wkoll għandha Uffiċċju Ewropew ta' l-Ekonomija u l-Kummerċ fit-Tajpej Ċiniża. Ir-relazzjonijiet ma’ Brunej Darussalam u ma’ Singapor huma mmexxija mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni ta' l-1980 bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiżi ta' l-ASEAN (ara ir-Regolament tal-Kunsill nru 1440 tat-30 ta’ Mejju 1980 li għandu x’jaqsam mal-konklużjoni ta’ Ftehim ta’Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malażja, il-Filippini, Singapor u t-Tajlandja – pajjiżi membri fl-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk ta’ l-Ażja u l-Protokoll dwar l-estensjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malażja, il-Filippini, Singapor u t-Tajlandja, pajjiżi membri ta' l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet ta' l-Ażja tax-Xlokk, għall-Brunej Darussalam, Ġurnal Uffiċjali L 081 tat-23/03/2985). In-negozjati ma’ l-Istat-Belt għal Ftehim Bilaterali ġdid ta' Kooperazzjoni u Sħubija tnedew u qegħdin intensivament jitfittxew li jintlaħqu. 3. Il-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf Ir-relazzjonijet ta’ l-UE ma’ l-Għarabja Sawdija, il-Baħrejn, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda huma mmexxija mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni ta’ l-1989 bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC). Fl-1990 infetħu n-negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-GCC u reġgħu tnedew fl-2001. Il-Kummissjoni qiegħda tipprova tagħlaq dawn in-negozjati kemm jista’ jkun malajr. Barra minn dawn ir-relazzjonijiet kuntrattwali, isir djalogu politiku darba fis-sena fil-livell Ministerjali u jinkludi diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet reġjonali ta' interess komuni u temi li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà fosthom in-non-proliferazzjoni u l-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu. ANNESS 2 Interventi ta’ dan l-aħħar ibbażati fuq il-linja tal-baġit tematika t’issa. Linja tal-baġit 19-05-02 ir-Relazzjonijiet mal-pajjiżi ta’ l-OECD li mhumiex fl-UE: Il-perjodu 2003-2006 Tqassim skond il-pajjiż imsieħeb (u l-attivitajiet ewlenin) | Strumenti | Ammonti (€) | Kooperazzjoni ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika (attivitajiet ewlenin: Ċentri ta’ l-UE, Diplomazija pubblika, Azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni, Attivitajiet ta’ djalogu transatlantiċi) (1) | Sejħa għall-proposti u Sejħa għall-Offerti | 10.704.956 | Kooperazzjoni mal-Kanada (attivitajiet ewlenin: Ċentri ta’ l-UE, Diplomazija pubblika, Rabtiet Akkademiċi, Ċentri ta’ l-UE) (1) | Sejħa għall-Proposti u Sejħa għall-Offerti | 2.913.866 | Kooperazzjoni mal-Ġappun (attivitajiet ewlenin: Ċentri ta’ l-UE, skambji bejn il-popli ...) | Sejħa għall-Proposti | 3.164.179 | Kooperazzjoni mal-Korea (Ċentru ta’ l-UE) | Sejħa għall-Proposti | 859.055 | Kooperazzjoni ma’ l-Awstralja u n-New Zealand (Ċentri ta’ l-UE, proġetti ta’ kooperazzjoni u edukazzjoni ogħla) | Sejħa għall-proposti | 4.590.000 | Programmi ta’ Promozzjoni Kummerċjali u Ekonomika - Kampanja Bieb għall-Ġappun - Programm ta' Taħriġ Eżekuttiv | Sejħa għall-Proposti u Sejħa għall-Offerti (Boroż ta’ studju) | 12.678.071 28.918.530 | Proġetti ta’ kooperazzjoni fuq skala żgħira , valutazzjonijiet, eċċ... | Kuntratti, għotjiet | 1.172.246 | TOTAL | 65.000.903 | (1) Kooperazzjoni fl-Edukazzjoni ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Kanada huma implimentati u ffinanzjati separatament abbażi ta' ftehimiet bilaterali speċifiċi ta’ kooperazzjoni. [1] Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar “Azzjonijiet Esterni permezz ta’ Programmi Tematiċi taħt il-Perspettivi Finanzjarji Futuri 2007-2013” [COM(2005) 324 finali] tat-3 ta’ Awwissu 2005 [2] Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jwaqqaf strument finanzjarju għal kooperazzjoni fl-iżvilupp u kooperazzjoni ekonomika [COM (2004) 629 finali] tad-29.9.2004 [3] Sal-lum koperti mir-Regolament tal-Kunsill Nru 382/2001 tas-26/02/2001 dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jippromwovu kooperazzjoni u relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi industrijalizzati ta’ l-Amerka ta’ Fuq, il-Lvant Imbiegħed u l-Awstralażja u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1035/1999 [4] Il-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp huwa l-korp ewlieni li permezz tiegħu l-OECD tieħu ħsieb il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw [5] L-Għarabja Sawdija hija mistennija li titneħħa mil-lista tad-DAC ta’ Pajjiżi ta’ Dħul Għoli - Medju li qegħdin jiżviluppaw sa l-2008. Jekk id-dispożizzjoni stipulata fid-DCECI tagħmilha possibbli, l-Oman jista’ wkoll ikun inkluż f’din it-tielet kategorija. [6] Ara l-Anness 1. [7] Ara l-Anness 1. [8] Dawn huma essenzjalment programmi ta’ għajnuna esterna approvati flimkien ma’ pajjiżi msieħba u li jiffukaw fuq il-ħtiġijiet ta’ żvilupp tagħhom. [9] 15-il Ċentru fl-Istati Uniti, 5 fil-Kanada, 1 fl-Awstralja, 1 fin-New Zealand u 2 fil-Ġappun. L-espansjoni tan-netwerk ta’ Ċentri ta’ l-UE fl-Awstralja (2 Ċentri oħra), ir-razzjonalizzazzjoni tiegħu fl-Istati Uniti u l-estensjoni tiegħu lejn il-Korea (Ċentru 1) huma attwalment fi triqithom. [10] Valutazzjoni tal-progamm ta’ taħriġ Eżekuttiv u t-tielet kampanja Bieb għall-Ġappun - JITEX Expertise Technologique et Stratégique - 23 ta’ Lulju 2004 Valutazzjoni tat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ Ċentri ta’ l-UE - Is-Sħubija tal-Valutazzjoni - Settembru 2004. [11] Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 443/92 tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-għajnuna finanzjarja u teknika lill-, u ko-operazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Ażja u l-Amerika Latina. Il-Makaw fl-imgħoddi bbenefika minn attivitajiet ta’ kooperazzjoni ffinanzjati taħt ir-Regolament ta’ l-ALA, iżda m’għadux eleġibbli għal għajnuna bħal din. [12] Meta l-attivitajiet ikollhom karattru reġjonali jkunu jistgħu jinkludu wkoll l-Oman. [13] Sal-lum ftehimiet bħal dawn jeżistu biss ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Kanada. [14] Dan mingħajr preġudizzju għall-involviment possibbli ta' xi pajjiżi tat-TPIC fi programmi reġjonali fi ħdan it-tifsira tad-DCECI. Pereżempju, il-Brunej jew is-Singapor jistgħu jieħdu sehem fi programm miftuħ għall-ASEAN kollu indipendentement minn (imma flimkien ma’) sehemhom fit-TPIC.