24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 197/57


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika

(2007/C 197/10)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jindika li, minkejja l-fatt li minn meta ħarġet il-Komunikazzjoni fit-8 ta' Novembru 2006 l-inizjattiva Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika bidlet l-indirizz tagħha, jiġifieri il-Kummissjoni abbandunat l-aproċċ li jibda mill-aktar livell għoli (top-down) favur il-prinċipju ta' approċċ li jibda mill-aktar livell baxx (bottom-up) applikat mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, qatt ma kien hemm notifika uffiċjali ta' dan mill-Kummissjoni. Madankollu, din l-Opinjoni tinnota dan l-iżvilupp,

jisħaq li l-Kumitat tar-Reġjuni jista' jikkontribwixxi b'mod attiv fil-monitoraġġ tal-programmi operattivi fil-kuntest ta' Interreg IV u Urbact II, filwaqt li jkollu rwol konsultattiv fil-Kumitati ta' Monitoraġġ rispettivi,

isejjaħ sabiex tintlaħaq sinerġija bejn il-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Lisbona u l-inizjattiva Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika, filwaqt li jinżammu l-kwalitajiet speċifiċi ta' kull waħda. Il-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Lisbona hija opportunità sabiex tiġi trasmessa l-esperjenza sabiex issaħħaħ il-politika ta' koeżjoni u tippromovi l-aġenda ta' Lisbona,

jiffoka fuq il-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni ta' l-informazzjoni fil-livell Ewropew, li huma elementi fundamentali għas-suċċess ta' l-inizjattiva Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika. F'dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu rwol ewlieni x'jaqdi, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea,

isejjaħ sabiex l-inizjattiva tiġi organizzata b'tali mod li tippermetti li jiġu identifikati l-aħjar prattiċi li qed iseħħu fir-reġjuni u jinħoloq mekkaniżmu sempliċi sabiex dawn jiġu disseminati mar-reġjuni l-oħra. L-inizjattiva Reġjuni Lejn Bidlaic Ekonomika trid isservi ta' stimolu, u katalist għal inizjattivi u ideat tajbin kif kien il-każ f'numru ta' inizjattivi oħra tal-Komunità fil-passat.

I.   Rakkomandazzjonijiet politiċi

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika”

(COM(2006) 675 finali)

Il-KUMITAT TAR-REĠJUN

Kummenti ġenerali

1.

jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrendi l-miżuri ta' żvilupp reġjonali u lokali aktar effettivi permezz ta' l-inizjattiva “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika”, billi tagħti importanza kbira lill-esperjenzi territorjali ta' suċċess u tippromovi ċ-ċirkolazzjoni, il-qsim u l-adattament għal kuntesti oħra, permezz ta' miżuri ta' netwerking. Dawn għandhom jingħataw impuls ġdid bħala strumenti tal-politika komunitarja għall-immodernizzar ekonomiku u t-titjib fil-kompetittività;

2.

jirrikonxxi li l-inizjattiva tmiss fil-qalba r-rwol istituzzjonali tal-Kumitat tar-Reġjuni u għalhekk iħoss, f'dan ir-rigward, li l-potenzjal ta' azzjoni u ta' parteċipazzjoni tal-Kumitat għandhom jiġu sfruttati u jitlob li tingħata importanza xierqa lir-rwol tiegħu ta' rappreżentant unitarju tas-sistemi reġjonali u lokali ta' l-Unjoni Ewropea;

3.

jenfasizza li l-Kumitat tar-Reġjuni waqqaf Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, magħmula mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom ir-rwol li jivvalutaw u jaċċentwaw l-implimentazzjon ta' l-istrateġija fil-livell lokali;

4.

josserva li dik li qiegħda tiġi kkunsidrata, hija l-unika inizjattiva ddedikata b'mod speċifiku għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni tematika bejn il-partijiet interessati lokali u reġjonali, mingħajr kundizzjonijiet ġeografiċi: fil-fatt m'huwiex neċessarju li dawn il-partijiet interessati jappartjenu għall-istess żona tal-fruntiera jew dik transnazzjonali. Għat-territorji dan huwa potenzjalment l-aktar strument flessibbli għall-integrazzjoni Ewropea, iżda wieħed li jeħtieġ li jkun abbinat ma' politika reġjonali li qiegħda ssir dejjem aktar effiċjenti, komprensiva u ambizzjuża;

5.

jaqbel ma' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi permezz ta' “Reġjuni lejn Bidla Ekonomika”, skambju u ċirkolazzjoni ġenwina ta' prattika tajba fil-qasam ta' l-iżvilupp u l-koeżjoni, bejn it-territorji Ewropej, fil-perspettiva ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Għal dan il-għan, jindika l-importanza li jiġu involuti b'mod effettiv u dirett l-awtoritajiet li jmexxu l-programmi operattivi reġjonali fin-netwerks promossi mill-inizjattiva;

6.

jinnota li l-inizjattiva “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika” tal-Kummissjoni Ewropea tirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-inizjattiva ġiet konċepita bħala proċess ta' tagħlim, ta' inter-relazzjonijiet u ta' ġbir ta' l-aħjar li joħroġ mil-livell reġjonali u lokali permezz ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni territorjali għall-iskop li jintlaħqu l-miri ta' Lisbona u ta' Göteborg. Madankollu, jikkunsidra li sabiex il-politika reġjonali Ewropea tirnexxi, jeħtieġ li l-aspett lokali u reġjonali jissaħħaħ mil-lat politiku;

7.

għaldaqstant jipproponi lill-Kummissjoni Ewropea li tiddiskuti l-progress u t-temi ta' l-inizjattiva, waqt konferenza annwali bi sħab mal-Kumitat tar-Reġjuni.

Ir-rwol tar-reġjuni u ta' l-ibliet

8.

jinnota li l-inizjattiva “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika” trid tiġi kkunsidrata bħala komplementari għall-forom preżenti ta' kooperazjoni interreġjonali, iktar u iktar għaliex din ta' l-aħħar ġiet imsaħħa fil-kuntest tal-mira ġdida “Kooperazzjoni Territorjali Ewropea” tal-politika reġjonali. F'dan il-kuntest, hemm bżonn li jiġi żgurat li anki fil-futur is-sostenn għall-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, l-ibliet u awtoritajiet oħra Ewropej, li beda fil-qafas ta' Interreg III C, ikompli f'livell adegwat;

9.

jikkunsidra li hemm bżonn li jiġu ċċarati l-proċeduri ta' kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-ibliet, la darba ż-żewġ livelli istituzzjonali jissemmew u jiġu kkunsidrati fid-dokumenti disponibbli tal-Kummissjoni, imma mbagħad issir riferenza principalment għan-netwerks reġjonali. Għalhekk, iħoss li għandu jenfasizza f'dan ir-rigward li kemm ir-reġjuni kif ukoll l-ibliet huma eliġibbli kemm għall-programm “Interreg IV C” kif ukoll għall “Urbact 2007-2013”, għalkemm irid jiġi rikonoxxut li fl-ewwel programm ir-reġjuni għandhom rwol tat-tmexxija mentri l-ibliet għandhom dan ir-rwol fit-tieni wieħed. Jemmen ukoll li jkun eżerċizzju utli u kostruttiv li awtoritajiet u istituzzjonijiet dinamiċi fir-reġjuni u l-ibliet jiġu mħeġġa sabiex jipparteċipaw bħala msieħba;

10.

jappella lill-Kummissjoni sabiex tkun aktar trasparenti milli kienet fil-passat. Il-programm ta' ħidma tan-netwerks li diġà qegħdin joperaw ta' l-anqas irid ikun fuq l-internet, flimkien mas-sintesi tad-diversi laqgħat illi jsiru,u r-riżultati, l-aqwa prassi attwali u d-dettalji ta' kuntatt ta' l-imsieħeb ewlieni tan-netwerk, sabiex dawk interessati jkollhom aċċess għar-riżultati u jkunu jistgħu jużawhom. Ikun utli wkoll li l-Kummissjoni tikkunsidra li toħloq sit ta' l-internet fejn kull min ikun interessat ikun jista' jfittex għal imsieħba u informazzjoni relevanti oħra.

L-alternattiva rapida

11.

jinnota li wara l-laqgħat u d-diskussjonijiet li saru fit-13 ta' Jannar u s-16 ta' Marzu 2007 fil-Kummissjoni COTER kif ukoll l-abbozz ta' l-Opinjoni li ġie adottat waqt din il-laqgħa, il-Kummissjoni Ewropea aġġornat u ppreċiżat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' l-inizjattiva Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika. B'mod partikolari jisħaq li joħroġ ċar, anke jekk dan għadu ma ġiex formalizzat f'xi dokument uffiċjali tal-KE, li l-għażla ta' l-operazzjonijiet għall-alternattiva rapida ser iseħħu permezz ta' approċċ li jibda mill-aktar livell baxx. Barraminhekk l-implimentazzjoni ta' dawn l-operazzjonijiet ser tikkonforma mal-funzjonament tal-programmi operattivi Interreg IVC u Urbact II u mar-regolamenti rispettivi ta' implimentazzjoni. B'dan il-mod għandu jiġi assigurat l-aċċess b'kundizzjonijiet paritarji għar-reġjuni u l-ibliet kollha Ewropej u t-trasparenza komplessiva mixtieqa għall-inizjattiva;

12.

jirrakkomanda wkoll li jiġu ppubblikati b'mod parallel is-sejħiet għal turija ta' interess fuq is-siti ta' l-internet tal-Kummissjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni u li tintbagħat komunikazzjoni lill-uffiċċji tar-reġjuni fi Brussell kif ukoll lir-rappreżentanti għall-affarijiet reġjonali tar-rappreżentazzjonijiet permanenti għall-UE fl-Istati Membri, sabiex tixxandar l-informazzjoni u sabiex jiġi żgurat li titwassal kemm jista' jkun malajr lir-reġjuni u l-muniċipalitajiet. Fl-aħħarnett, in-netwerk INFO RELAYS li huwa mħaddem mill-Kummissjoni fi kważi kull reġjun ta' l-UE, huwa disponibbli, kif inhu disponibbli wkoll il-promozzjoni ta' netwerk li jipprovdi informazzjoni u promozzjoni li twaqqaf bħala appoġġ għas-CSFs (oqfsa ta' sostenn Komunitarju) fl-Istati Membri;

13.

jipproponi, barraminhekk, li tiġi definita proċedura sabiex il-Kumitat tar-Reġjuni jkun jista' jipparteċipa b'mod attiv (konsultazzjoni fuq stedina/proposta tal-Kummissjoni?) fit-tħejjija tal-Programmi Operattivi, jew inkella li tiġi stabbilita ħolqa ta' komunikazzjoni sabiex r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat jaslu direttament għand i-lkorpi responsabbli mit-tfassil tagħhom.

L-importanza tan-netwerks fl-inizjattiva

14.

jifhem li l-Kummissjoni tħoss il-bżonn li twessa' n-netwerks li diġà jeżistu u tagħmilhom aktar ġenerali u li l-aproċċ tematiku jieħu preċedenza fuq dak ġeografiku (ara punt 3); iqis però li dawn iż-żewġ aproċċi filfatt jikkomplementaw lil xulxin u jeħtieġ li dan napprofittaw minnu: peress li hemm bżonn li tiġi mħarsa u riflessa d-diversità, id-dimensjoni territorjali trid tiġi kkunsidrata fil-fażi ta' l-għażla tat-temi. Barra minn hekk, hemm il-mira kruċjali li tinħoloq sinerġija bejn in-netwerks varji, li tirrifletti l-komplementarjetà kemm fuq il-livell tematiku kif ukoll dak territorjali. F'dan il-kuntest, ifakkar li trid tingħata attenzjoni speċjali liż-żoni inqas b'saħħithom u dawk marġinali;

15.

jisħaq fuq il-bżonn li jingħata aktar spazju lill-inizjattivi lokali. Bħala rappreżentanti ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni ma jistgħux ma jilqgħux dawn il-miżuri u jaħdmu sabiex dan il “ftuħ” ma jispiċċax f'“għeluq” fil-livell nazzjonali. Il-Kumitat tar-Reġjuni bi ħsiebu jaġixxi sabiex l-inizjattiva li qiegħda tiġi kkunsidrata tappoġġja u tagħraf effettivament in-netwerks tar-reġjuni u l-ibliet li huma interessati li jaħdmu flimkien, sabiex jippromovu l-aħjar innovazzjonijiet għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali;

16.

jisħaq fuq il-fatt li t-tema tas-sostenibbiltà tan-netwerks, li tinvolvi kemm il-possibbilità li l-iskambji li jkunu bdew jinżammu ħajjin għal żmien twil biżżejjed (li ġġib magħha problemi ta' riżorsi), kif ukoll il-kapaċità li tiffaċilita l-parteċipazzjoni u l-interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet (parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet istituzzjonali involuti) u bejn it-territorji (l-involviment tal-kuntesti reġjonali u lokali varji Ewropej u ta' l-imsieħba territorjali li fil-fatt jistgħu jibbenefikaw mill-iskambju ta' esperjenza).

L-għażla tat-temi ta' referenza ewlenin

17.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni li tiggarantixxi l-parteċipazzjoni tat-tipi differenti ta' awtoritajiet reġjonali u lokali b'mod li jirriflettu d-diversità, l-oriġinalità u l-valur tas-soluzzjonijiet differenti ta' żvilupp li jiġu adottati. L-inizjattivi li għandhom jiġu żviluppati fil-qafas ta' “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika” u ta' l-azzjonijiet rapidi għandhom jikkunsidraw dawn l-esperjenzi differenti u l-interazzjoni bejn id-dimensjoni reġjonali u dik lokali fir-rigward tat-temi magħżula. Il-Kumitat tar-Reġjuni jista' jiżvolġi rwol effettiv tar-rappreżentazzjoni ta' l-integrazzjoni bejn dawn iż-żewġ dimensjonijiet, kemm fid-definizzjoni tal-linji ta' gwida tematiċi ġenerali ta' l-inizjattiva u tal-proċeduri ta' implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll fit-tfassil u l-applikazzjoni ta' programmi ta' referenza diretta (“Interreg IV C” u “Urbact 2007-2013”);

18.

jibza' li l-proċeduri ta' l-għażla univoka tat-temi prijoritarji, anke jekk huma wesgħin biżżejjed u evidentement rilevanti għall-aġenda mġedda ta' Lisbona, jistgħu jirriżultaw riġidi (1) wisq, bħal per eżempju fil-każ tar-rwol ta' l-industrija fl-iżvilupp reġjonali, li ma jinstabx fost it-temi li ġew proposti s'issa. Għalhekk irid jiġi preċiżat u definit proċess li permezz tiegħu dawn it-temi jistgħu jitwessgħu jew jiġu riveduti, filwaqt li tiġi garantita trasparenza sħiħa tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b'sinerġija u kollaborazzjoni mar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Barra minn hekk, l-awtonomija tar-reġjuni u ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tmexxija tan-netwerks tagħhom trid tibqa' mhux mittiefsa anke jekk dawn ser ikunu ffukati fuq it-temi magħżula mill-Kummissjoni. Il-Kumitat jistaqsi wkoll dwar il-koerenza bejn xi wħud mit-temi li ġew individwati u l-prijoritajiet definiti għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (2). F'dan il-kuntest, għandha tiġi speċifikata b'mod partikolari, l-eliġibilità ta' temi direttament relatati mal-Fond Soċjali Ewropew.

Il-qafas finanzjarju ta' l-inizjattiva

19.

jirrikonoxxi li, ġeneralment, sabiex isir użu aktar effiċjenti u effettiv tar-riżorsi finanzjarji marbuta mal-politika ta' koeżjoni, huwa indispensabbli mhux biss impenn min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, imma wkoll rwol iktar dirett tal-Kummissjoni Ewropea, billi jiġu identifikati għal dan il-għan, fuq bażi volontarja, possibbilitajiet ġodda ta' interazzjoni, skambju u ħidma komuni bejn ir-reġjuni, l-awtoritajiet lokali u l-Kummissjoni;

20.

barraminhekk iħoss li tkun utli, definizzjoni aktar preċiża tal-qafas ta' referenza finanzjarja marbut ma''l-inizjattiva, speċjalment meta wieħed iqis li r-riżorsi jridu jiġu minn sorsi differenti: ir-riżorsi residwi li jistgħu jkunu baqgħu mill-programmi 2000-2006, iż-żewġ Programmi Operattivi (f'perċentwali li għadu ma ġiex iffissat fil-baġits rispettivi tagħhom), il-programmi reġjonali prinċipali u r-riżorsi għall-assistenza teknika tal-Kummissjoni li huma disponibbli direttament. F'dan il-kuntest, ir-riżorsi finanzjarji marbuta maż-żewġ PO “Interreg IV C” u “Urbact 2007-20013” jistgħu jkunu biss l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni fil-qasam tal-programmi prinċipali. Dawn ta' l-aħħar huma s-sors prinċipali tal-finanzjament ta' l-inizjattiva. Fuq kollox hemm bżonn li jiġi definit l-ammont ta' ko-finanzjament nazzjonali filwaqt li jiġu meqjusa l-limiti imposti mill-ħtieġa għal stabbiltà baġitarja fl-Istati Membri.

Proċeduri ta' implimentazzjoni u parteċipazzjoni fl-inizjattiva

21.

iqis li l-inizjattiva trid tkun strutturata b'mod li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' l-aħjar prattiċi fil-livell reġjonali u li toħloq mekkaniżmi sempliċi sabiex dawn il-prattiċi jinqasmu mar-reġjuni l-oħra ta'l-UE. Fil-qosor, l-inizjattiva “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika” trid taġixxi ta' stimolu u katalizzatur ta' l-ideat u l-inizjattivi tajbin, bħalma għamlu fil-passat inizjattivi oħra Komunitarji;

22.

jinsisti fuq l-importanza tad-dimostrazzjoni u tad-disseminazzjoni sabiex jassigura l-validità ta' l-inizjattiva. Sabiex tikseb il-finanzi, l-inizjattiva “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika” trid tiġġustifika lilha nfisha permezz tad-dinamiżmu tagħha, b'mod partikolari billi turi li hija kapaċi li tinserixxi b'mod effettiv l-aħjar proġetti fil-programmazzjoni prinċipali (“main stream”) tal-politika ta' koeżjoni;

23.

jilqa', fil-qafas tal-politika ta' komunikazzjoni ta' l-inizjattiva, l-informazzjoni, li nħarġet mid-DĠ għall-Politika Reġjonali waqt il-laqgħa tal-COTER tal-31 ta' Jannar 2006, dwar l-inklużjoni ta' membru mill-Kumitat tar-Reġjuni fil-kummissjoni ta' aġġudikazzjoni tal-premji annwali għall-innovazzjoni marbuta mar-“Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika”;

24.

jisħaq li l-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni huma essenzjali sabiex tixxandar l-inizjattiva. Il-konferenzi annwali programmati għandhom jiffukaw fuq il-preżentazzjoni ta' l-aħjar prattiċi u l-possibbilità ta' l-applikazzjoni tagħhom fir-reġjuni u fl-ibliet Ewropej. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa lest li jikkoopera mal-Kummissjoni fuq dan il-punt, b'mod partikolari fejn jidħol l-iskambju ta' informazzjoni mal-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Lisbona. Għandha tingħata aktar informazzjoni fuq l-inizjattiva sa mill-fażi ta' preparazzjoni. Xi wħud mid-dokumenti ta' referenza, bħall-“iStaff Working Document” li fihom it-temi proposti (3) bħalissa jinsabu biss fil-lingwa Ingliża: huwa suġġerit li jiġu maqluba anke fil-lingwi l-oħra Komunitarji;

25.

jilqa' l-organizzazzjoni ta' tliet konferenzi mill-Kummissjoni marbutin ma' l-inizjattiva Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika, u jirrakkomanda li jkun hemm inizjattivi oħra ta' komunikazzjoni u djalogu (laqgħat, konferenzi, fora reali jew virtwali, eċċ.) barra minn dawk li hemm indikati, u fuq kollox li l-attivitajiet ta' komunikazzjoni, promozzjoni u disseminazzjoni jiddaħħlu fi Pjan ta' Komunikazzjoni Koordinata, li jippermetti, wara li l-attivitajiet jiġu mqassma fuq skema li tkopri diversi snin, li jinħoloq qafas ta' koordinazzjoni li fih jidħol il-kontribut mistenni min-naħa tad-dipartimenti ta' l-informazzjoni tal-Kummissjoni u tas-suġġetti l-oħra involuti, u li fosthom, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkollu rwol speċjali, li jkun lest li jipprovdi d-dettalji neċessarji dwar dan;

26.

jipproponi li l-fondi addizzjonali jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet li jmexxu l-programmi ta' Objettiv 3, sabiex l-inizjattiva tagħmilha possibbli li tiġi valorizzata l-azzjoni ta' kooperazzjoni territorjali tan-netwerks fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona, b'mod partikolari favur iċ-ċittadini, fil-qafas tal-“Pjan D” tal-Kummissjoni Ewropea (4);

27.

jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li torganizza konferenzi tematiċi perjodikament fil-qafas ta' din l-inizjattiva u li tintegra l-ideat li huma partikolarment utli għall-politika strutturali fil-programmi prinċipali tal-fondi strutturali permezz ta' l-alternattiva rapida;

28.

jistaqsi dwar iż-żmien neċessarju għall-bidu ta' l-inizjattiva. Ta' min wieħed jinnota li mhux ser tkun qiegħda taħdem kompletament qabel it-tieni nofs ta' l-2007. Effettivament, il-Kummissjoni, qiegħda tiddikjara l-intenzjoni li tibda xi proġetti rapidi b'xi riżorsi li jistgħu jkunu baqgħu mill-programmi li għaddejjin bħalissa (“Interreg III C” u “Urbact” attwali), sabiex il-programmi l-ġodda jkunu jistgħu jibdew aktar kmieni. Għaldaqstant ikun utli li li jiġu preċiżati t-termini ta' żmien li huma previsti komplessivament;

29.

jipproponi l-parteċipazzjoni, bi rwol konsultattiv ta' membru tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-Kumitat ta' Monitoraġġ tal-Programm “Interreg IV C” u tal-Programm “Urbact 2007-2013”, sabiex jiġi żgurat li tinżamm interazzjoni miftuħa u kollaborazzjoni xierqa fit-tħaddim ta' “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika” u b'għarfien tar-rwol ta' rappreżentanza ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell Ewropew li għandu l-Kumitat tar-Reġjuni;

30.

jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet ikollhom djalogu regolari ma' l-assoċjazzjonijiet fejn huma involuti ċ-ċittadini u mas-soċjetà ċivili, ħalli b'hekk jagħtu spinta lid-demokrazija parteċipattiva;

31.

jistieden il-Kummissjoni li tagħti aktar informazzjoni dwar il-mod ta' kif qiegħda titmexxa din l-inizjattiva. Huwa importanti li jiġu ppreċiżati l-proċeduri li bihom id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jikkollaboraw mar-reġjuni u ma' l-ibliet u bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni;

32.

jagħmel sejħa sabiex il-Kumitat ta' Monitoraġġ jieħu d-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni ta' operazzjonijiet innovattivi taħt programm operazzjonali li jitmexxa fil-kuntest ta' netwerk li jinvolvi r-reġjun;

33.

jenfasizza li l-iskop ta' l-inizjattiva huwa li l-aħjar ideat li joħorġu min-netwerks jidħlu fil-programmazzjoni prinċipali. Għaldaqstant, jistaqsi b'liema mod ser jingħażlu l-aħjar prattiċi u mbagħad kif ser jiġu monitorati fil-fażi ta' rapportaġġ analitiku; jipproponi li, minflok ma jkun hemm biss il-preżentazzjoni ta' kandidaturi volontarji min-naħa tar-reġjuni l-ibliet u ta' l-awtoritajiet lokali l-oħra, ikun hemm ukoll il-possibbilità li jipproponu lill-Kummissjoni, permezz ta' proċedura kodifikata sempliċi u flessibbli, suġġerimenti u proposti bbażati fuq l-esperjenzi tagħhom li jkunu ta' interess partikolari u ta' valur potenzjali għall-bini jew ftuħ ta' netwerks, fil-qafas tat-temi definiti fl-inizjattiva;

34.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li tiċċara kif ser tkun organizzata u ffinanzjata l-assistenza teknika għall-inizjattiva, li hija importanti ħafna sabiex l-aħjar prattiċi jiġu valorizzati b'mod effettiv; b'mod partikolari, hemm bżonn ta' appoġġ metodoloġiku sabiex jiġu vvalutati l-innovazzjonijiet veri u jiġu identifikati dawk li jistgħu jiġu trasferiti jew żviluppati. Għalhekk jipproponi li l-Kummissjoni għandha tassumi dan ir-rwol bi sħab ma' assessuri esterni għal kull miżura tematika, soġġetta għad-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta' Monitoraġġ;

35.

jistaqsi jekk it-titlu li ngħatat l-inizjattiva huwiex preċiż u komplut. Jistaqsi wkoll jekk it-titlu “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika” huwiex fil-fatt l-aktar wieħed adattat, jew jekk għal kuntrarju hemmx ir-riskju li jkun konfuż ma' inizjattivi oħra (bħal Reġjuni ta' l-Għarfien (Regions of Knowledge) jew il-grupp ta' Lisbona). Filwaqt li l-Kumitat jirrikonoxxi li wara kollox, it-terminu globali “reġjuni” huwa ppreferut fis-sens li jinkorpora l-livelli lokali u reġjonali kollha, iqis li kien ikun aħjar, meta wieħed iqis l-impatt komunikattiv, li l-inizjattiva ssemmiet “Reġjuni u Bliet Lejn Bidla Ekonomika”.

Il-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Lisbona

36.

jindika li l-Kumitat tar-Reġjuni nieda “il-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Lisbona”, li huwa jqis bħala strument operattiv għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandu l-iskop li jaċċentwa l-kontribut ta' dawn il-livelli amministrattivi lejn l-Istrateġija ta' Lisbona u li jżid is-sens ta' appropprjazzjoni ta' din l-Istrateġija fil-livell lokali. Il-pjattaforma interattiva bdiet taħdem mill-2006. Bħalissa qegħdin jieħdu sehem 100 reġjun. L-iskop prinċipali tal-pjattaforma huwa li jgħin lir-reġjuni sabiex ikunu f'pożizzjoni aħjar fir-rigward tat-tendenzi ta' mmodernizzar li qegħdin iseħħu fl-Ewropa u li joħroġu mill-perspettiva strettament nazzjonali. L-għodod tal-Pjattaforma huma l-monitoraġġ (evalwazzjoni tal-bżonnijiet), l-analiżi komparattiva (trasparenza fuq il-pjan Ewropew) kif ukoll l-iskabju bejn il-gruppi ta' ħidma u l-interattività (l-iskambji on-line);

37.

jawgura lill-Kummissjoni li l-ħidma titmexxa bl-aktar mod sempliċi, minkejja r-riskju ta' komplikazzjonijiet. Jirrakkomanda li jkun hemm sinerġija u komplimentarjetà mal-politika reġjonali. Dan jimplika li hemm bżonn li jinstabu punti ta' kuntatt bejn l-inizjattiva “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika” u il-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Lisbona tal-Kumitat tar-Reġjuni;

38.

jipproponi, b'mod partikolari, li titħaffef, bl-aktar mod opportun u effettiv, l-interazzjoni bejn l-inizjattiva u l-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Lisbona, minħabba li din ta' l-aħħar tiżvolġi r-rwol ta' post ta' diskussjoni u qsim ta' esperjenzi bejn ir-reġjuni u l-ibliet Ewropej. Dan bl-iskop li jiġi ffaċilitat u rinforzat fl-ideat u l-proposti, il-proċess ta' għażla tan-netwerks interreġjonali tar-'Reġjuni lejn Bidla Ekonomika', b'mod partikolari għall-alternattiva rapida. Fl-istess ħin, il-Pjattaforma għandha żżomm u tagħti importanza lir-rwol tagħha ta' monitoraġġ ta' l-aspetti ta' gvernanza u ta' orjentament politiku fir-rigward tal-pjanifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona. Għal dan il-għan, Il-Kumitat tar-Reġjuni, huwa dispost li jistabbilixxi l-kooperazzjoni neċessarja fil-livell istituzzjonali u operattiv mal-Kummissjoni u mal-programmi “Interreg IVC” u “Urbact 2007-2013”;

Ir-rwol ta' rappreżentazzjoni, ta' kooperazzjoni u ta' appoġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni

39.

jipproponi bħala konklużjoni, li jaqdi rwol ta' rappreżentazzjoni, ta' kooperazzjoni u ta' appoġġ, li jista' jkun deċiżiv, fuq il-bażi ta' dak li ġie indikat hawn fuq u tar-rwol sinifikanti li jista' jkollu l-Kumitat tar-Reġjuni, fid-dawl tar-responsabbiltajiet istituzzjonali tiegħu, lejn it-twettiq ta' l-inizjattiva “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika”. B'mod partikolari, ifakkar l-elementi speċifiċi msemmija f'din l-opinjoni, li jippermettu lill-Kumitat tar-Reġjuni li jwettaq dan ir-rwol:

a)

involviment fl-iżvilupp tal-Programmi Operattivi l-ġodda “Interreg IV C” u “Urbact 2007-2013”, skond il-proċeduri u l-forom xierqa ta' konsultazzjoni u/jew parteċipazzjoni;

b)

twettiq tar-rwol effettiv ta' integrazzjoni bejn id-dimensjoni reġjonali u dik lokali fir-rigward tat-temi magħżula waqt il-fażi li matulha jkunu qegħdin jiġu definiti l-linji ta' gwida tematiċi ġenerali, il-proċeduri ta' implimentazzjoni u tal-programmi ta' referenza diretta (“Interreg IV C” u “Urbact 2007-2013”); għal dan l-iskop, li jinżamm skambju kontinwu ta' informazzjoni ma' l-awtoritajiet li jmexxu dawn il-programmi, f'każ ta' bżonn huwa previst li jkun hemm seduti perjodiċi magħhom fil-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll, it-tħejjija min-naħa tagħhom ta' rapport li jippreżentaw lill-Kumitat fuq bażi regolari;

c)

il-parteċipazzjoni reċiproka tar-rappreżentanti kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Kumitat tar-Reġjuni, fl-avvenimenti organizzati minnhom, bl-iskop li jkun hemm skambju ta' informazzjoni dwar l-esperjenzi li jkunu qegħdin jinkisbu fil-qafas ta' “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika”;

d)

parteċipazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Programmi “Interreg IV C” u “Urbact 2007-2013”, rwol konsultattiv permezz tan-nominazzjoni ta' membru indikat mill-Kumitat tar-Reġjuni fuq il-Kumitat ta' Monitoraġġ ta' kull programm;

e)

kollaborazzjoni sabiex jiġi promoss l-użu tar-Raggruppament Ewropew ta'Kooperazzjoni Territorjali (REKT), strument legali ġdid stabilit sabiex jiggwida u jħaffef il-kooperazzjoni territorjali;

f)

parteċipazzjoni attiva fl-attivitajiet ta' dimostrazzjoni u disseminazzjoni, bħala parti minn Pjan ta' Komunikazzjoni Koordinata, skond proċeduri li jridu jiġu miftiehma meta jitfassal dan il-pjan;

g)

it-twaqqif ta' azzjoni sinerġika u komplementari bejn l-inizjattiva “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika” u l-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Lisbona tal-Kumitat tar-Reġjuni;

40.

jirrakkomanda li l-progress u l-indikazzjonijiet tematiċi ta' l-inizjattiva jiġu diskussi u evalwati waqt konferenza annwali konġunta.

Brussell, 7 ta' Ġunju 2007.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel DELEBARRE

II.   Proċedura

Titolu

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika”

Referenzi

COM(2006) 675 finali

Bażi legali

Konsultazzjoni fakultattiva, Artikolu 265(1)

Bażi għall-proċedura

 

Data tar-referral tal-Kunsill/ Data ta' l-ittra tal-Kummissjoni

8.11.2006

Data tad-deċiżjoni tal-President

9.1.2007

Kummissjoni kompetenti

Kummissjoni għall-Politika ta' Koeżjoni Territorjali (COTER)

Rapporteur

Alvaro Ancisi, Membru tal-Kunsill Muniċipali ta' Ravenna, (IT/PPE)

Nota ta' analiżi

16.1.2007

Analiżi fil-kummissjoni

16.3.2007

Data ta' l-adozzjoni mill-kummissjoni

16.3.2007

Riżultat tal-votazzjoni fil-kummissjoni

Unanimità

Data ta' l-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

6-7.6.2007

Opinjoni preċedenti tal-Kumitat

 


(1)  Ara Commission Staff Working Document — SEC(2006) 1432 tat- 8.11.2006.

(2)  Ara. Regolament (KE) Nru. 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru. 1783/1999, l-Artikoli 4, 5 u 6.

(3)  Ibidem.

(4)  Hawnhekk qiegħed isir riferiment għall-pjan tal-Kummissjoni Ewropea Niddibattu l-Ewropa, Demokrazija-Djalogu-Dibattitu: Il-futur ta' l-Ewropa, imniedi fl-2005.