52006AP0539

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ambjent mingħajr dokumenti għad-dwana u għall-kummerċ (COM(2005)0609 - C6-0420/2005 - 2005/0247(COD))

Official Journal 317 E , 23/12/2006 P. 0074 - 0074


20061223

P6_TC1-COD(2006)0075

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit- 12 ta' Diċembru 2006 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru .../2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2013)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Għan ewlieni tal-Komunità fis-snin li ġejjin hu li jiġi żgurat it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' l-impjiegi, kif rifless fil-varar mill-ġdid ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Il-programmi preċedenti fis-settur tad-dwana, b'mod partikolari d-Deċiżjoni Nru 253/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Frar 2003 li adottat programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2007) [3] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Dwana 2007"), għenu ħafna sabiex jintlaħaq dak l-objettiv u l-għanijiet globali tal-politika doganali. Għalhekk huwa meħtieġ li jitkomplew l-attivitajiet mibdija taħt dawk il-programmi. Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit programm ġdid (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Programm"), għal perijodu ta' sitt snin sabiex it-tul tiegħu jiġi allinjat mat-tul tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jinsab fil-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba [4].

(2) L-amministrazzjonijiet doganali għandhom sehem vitali fil-protezzjoni ta' l-interessi tal-Komunità, speċjalment l-interessi finanzjarji tagħha. Huma jipprovdu wkoll l-istess livell ta' protezzjoni liċ-ċittadini u lill-operaturi ekonomiċi tal-Komunità kull fejn fit-territorju doganali tal-Komunità fejn jiġu eżegwiti l-formalitajiet għar-rilaxx doganali. F'dan il-kuntest, il-politika strateġika definita mill-Grupp ta' Politika Doganali ġiet immirata b'mod li tiżgura li l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali joperaw b'mod daqstant effiċjenti u effikaċi u jirreaġixxu għal kull bżonn li jirriżulta minn ambjent doganali evoluttiv daqslikieku kienu jikkostitwixxu amministrazzjoni waħda. Huwa għalhekk importanti li l-Programm ikun konsistenti u jappoġġa lill-politika doganali globali u li l-Grupp ta' Politika Doganali, magħmul mill-Kummissjoni u l-kapijiet ta' l-amministrazzjonijiet doganali ta' l-Istati Membri jew ir-rappreżentanti tagħhom, jiġi appoġġat fil-kuntest tal-Programm. L-implimentazzjoni tal-Programm għandha tkun koordinata u organizzata mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-kuntest tal-politika komuni żviluppata mill-Grupp ta' Politika Doganali.

(3) Hemm bżonn ta' azzjoni fil-kamp doganali sabiex tingħata prijorità lit-titjib fil-kontrolli u l-attivitajiet kontra l-frodi, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità mal-leġislazzjoni doganali għall-operaturi ekonomiċi, sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni effiċjenti tal-kontroll tal-merċi fil-fruntieri esterni u sabiex ikunu protetti ċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' sigurtà u sikurezza fil-katina internazzjonali tal-forniment. Il-Komunità għandha għalhekk tkun kapaċi, fl-ambitu tas-setgħat tagħha stess, tappoġġa l-azzjoni ta' l-amministrazzjonijiet doganali ta' l-Istati Membri u għandu jittieħed vantaġġ sħiħ minn kull possibbiltà għall-koperazzjoni amministrattiva u għall-għajnuna amministrattiva reċiproka previsti mir-regoli Komunitarji.

(4) Sabiex ikun appoġġat il-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi kandidati, l-amministrazzjonijiet doganali ta' dawk il-pajjiżi għandhom jingħataw l-appoġġ neċessarju sabiex ikunu kapaċi jwettqu medda sħiħa ta' kompiti meħtieġa taħt il-leġislazzjoni Komunitarja mid-data ta' l-adeżjoni tagħhom, inkluża l-ġestjoni tal-fruntieri esterni futuri. Għalhekk huwa meħtieġ li l-Programm ikun miftuħ għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi kandidati potenzjali.

(5) Sabiex ikunu appoġġati r-riformi doganali f'pajjiżi li jieħdu sehem fil-Politika Ewropea tal-Viċinat, huwa kunsiljabbli li jsir provvediment għall-possibbiltà, taħt ċerti kondizzjonijiet, tal-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet magħżula tal-Programm.

(6) Il-globalizzazzjoni, li dejjem tiżdied, tal-kummerċ, l-iżvilupp ta' swieq ġodda, u bidliet fil-metodi u r-rapidità tal-moviment ta' merċi jeħtieġu li l-amministrazzjonijiet doganali jsaħħu r-relazzjonijiet ta' bejniethom, kif ukoll ma' ambjenti kummerċjali, legali u xjentifiċi, jew ma' operaturi oħra involuti f'kummerċ internazzjonali. Il-Programm għandu jipprovdi, fejn ikun meħtieġ, l-opportunità lil persuni li jirrappreżentaw dawk l-ambjenti jew entitajiet li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Programm.

(7) Is-sistemi sikuri kompjuterizzati trans-Ewropej għall-komunikazzjoni u għall-iskambju ta' l-informazzjoni ffinanzjati taħt Dwana 2007 huma essenzjali għall-funzjonament tad-dwana fil-Komunità u għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali u għalhekk għandhom ikomplu jiġi appoġġati permezz tal-Programm.

(8) L-esperjenza miksuba mill-Komunità mill-programmi preċedenti tad-dwana uriet li t-tlaqqigħ ta' uffiċjali flimkien minn amministrazzjonijiet nazzjonali differenti f'attivitajiet professjonali permezz ta' benchmarking, gruppi proġettisti, seminars, laqgħat ta' ħidma, żjajjar ta' ħidma, attivitajiet ta' taħriġ u azzjonijiet ta' monitoraġġ, jikkontribwixxi ħafna sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' dawk il-programmi. Għadaqstant, dawn l-attivitajiet għandhom jitkomplew, waqt li għandu jsir possibbli li jiġu żviluppati għodod ġodda għal meta tkun meħtieġa reazzjoni iktar effikaċi għall-bżonnijiet li jistgħu jirriżultaw.

(9) L-uffiċjali doganali jeħtieġu standard suffiċjenti ta' kompetenza lingwistika sabiex jikkoperaw u jieħdu sehem fil-Programm. Huwa meħtieġ li tkun ir-responsabbiltà tal-pajjiżi parteċipanti li jipprovdu t-taħriġ lingwistiku neċessarju lill-uffiċjali tagħhom.

(10) L-evalwazzjoni ta' nofs il-perijodu ta' Dwana 2007 ikkonfermat il-ħtieġa li l-kondiviżjoni ta' l-informazzjoni u l-iskambju tal-konoxxenza bejn l-amministrazzjonijiet, u bejn l-amministrazzjonijiet u l-Kummissjoni, jiġu organizzati b'mod aktar strutturat, kif ukoll il-ħtieġa tal-konsolidazzjoni tal-konoxxenza miksuba matul l-avvenimenti tal-programm. Għaldaqstant, taħt il-Programm ser tingħata attenzjoni partikolari lill-iskambju ta' l-informazzjoni u l-amministrazzjoni tal-konoxxenza.

(11) Għalkemm ir-responsabbiltà ewlenija sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Programm hi tal-pajjiżi parteċipanti, hija meħtieġa azzjoni Komunitarja għall-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet segwiti taħt il-Programm, kif ukoll sabiex jiġu provduti l-infrastruttura u l-istimulu neċessarju.

(12) Ladarba l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effett ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artiklu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(13) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu tal-Programm, pakkett finanzjarju li għandu jikkostitwixxi l-ammont ewlieni ta' referenza għall-awtorità baġitarja, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006..

(14) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [5],

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Programm

1. Huwa b'dan stabbilit programm ta' azzjoni pluriennali għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2013), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il-Programm', għall-perijodu mill- 1 ta' Jannar 2008 sal- 31 ta' Diċembru 2013 sabiex jappoġġa u jikkomplementa l-azzjoni li tittieħed mill-Istati Membri sabiex jiġi garantit il-funzjonament effikaċi tas-suq intern fis-settur doganali.

2. Il-Programm għandu jikkonsisti f'dawn l-attivitajiet:

a) sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni;

b) benchmarking;

ċ) seminars u laqgħat ta' ħidma;

d) gruppi proġettisti u gruppi direttivi;

e) żjajjar ta' ħidma;

f) attivitajiet ta' taħriġ;

g) azzjonijiet ta' monitoraġġ;

h) kull attività oħra meħtieġa għat-twettiq ta' l-għanijiet tal-Programm.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1) "amministrazzjoni" tfisser l-awtoritajiet pubbliċi u korpi oħra fil-pajjiżi parteċipanti responsabbli għall-amministrazzjoni tad-dwana u għal attivitajiet relatati mad-dwana;

2) "uffiċjal" tfisser membru ta' amministrazzjoni.

Artikolu 3

Parteċipazzjoni fil-Programm

1. Il-pajjiżi parteċipanti huma l-Istati Membri u l-pajjiżi msemmija fil-paragrafu 2.

2. Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' dawn li ġejjin:

a) pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skond il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi Komunitarji stabbiliti fil-Ftehim Kwadru relevanti u fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni;

b) pajjiżi kandidati potenzjali, skond dispożizzjonijiet li jridu jiġu determinati ma' dawk il-pajjiżi wara l-istabbiliment ta' Ftehim Kwadru dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji.

3. Il-Programm jista' jkun miftuħ ukoll għall-parteċipazzjoni ta' ċerti pajjiżi msieħba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jekk dawn il-pajjiżi jkunu laħqu livell suffiċjenti ta' approssimazzjoni tal-leġislazzjoni relevanti u tal-metodi amministrattivi relevanti ma' dawk tal-Komunità u skond dispożizzjonijiet li jridu jiġu determinati ma' dawk il-pajjiżi wara l-istabbiliment ta' Ftehim Kwadru dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji.

4. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom ikunu rrappreżentati minn uffiċjali mill-amministrazzjoni relevanti.

Artikolu 4

Għanijiet globali

1. Il-Programm għandu jitfassal bmod li jiżgura li l-għanijiet globali, li ġejjin, jintlaħqu:

a) jiġi żgurat li l-attivitajiet doganali jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq intern, inklużi s-sigurtà fil-katina ta' forniment u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, kif ukoll tkun appoġġata l-istrateġija għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi;

b) l-interazzjoni u t-twettiq tad-dmirijiet ta' l-amministrazzjonijiet doganali ta' l-Istati Membri b'mod daqstant effiċjenti daqslikieku kienu amministrazzjoni waħda, b'mod li jiġu żgurati kontrolli b'riżultati ekwivalenti f'kull punt tat-territorju doganali Komunitarju u l-appoġġ lill-attività kummerċjali leġittima;

ċ) il-protezzjoni neċessarja ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità;

d) it-tisħiħ tas-sigurtà u tas-sikurezza;

e) il-preparazzjoni tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2) għall-adeżjoni, anke permezz tal-kondiviżjoni ta' esperjenza u ta' konoxxenza ma' l-amministrazzjonijiet doganali ta' dawk il-pajjiżi.

2. L-approċċ komuni fir-rigward tal-politika doganali għandu jiġi adattat kontinwament għall-iżviluppi ġodda fi sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-Grupp ta' Politika Doganali, li huwa magħmul mill-Kummissjoni u mill-kapijiet ta' l-amministrazzjonijiet doganali ta' l-Istati Membri jew ir-rappreżentanti tagħhom. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Grupp ta' Politika Doganali regolarment informat dwar il-miżuri relatati ma' l-implimentazzjoni tal-Programm.

Artikolu 5

Għanijiet speċifiċi

L-għanijiet speċifiċi tal-Programm għandhom ikun dawn li ġejjin:

a) li jitnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż ta' konformità għall-operaturi ekonomiċi billi jittejbu l-istandardizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tas-sistemi u kontrolli doganali, u tinżamm koperazzjoni miftuħa u trasparenti ma' l-atturi kummerċjali;

b) li tiġi identifikata, żviluppata u applikata l-aħjar prattika operattiva, b'mod partikolari fis-setturi tal-kontroll verifikatorju ta' qabel u wara r-rilaxx doganali, ta' l-analiżi tar-riskji, ta' kontrolli doganali u ta' proċeduri simplifikati;

ċ) li tinżamm sistema ta' evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' l-amministrazzjonijiet doganali ta' l-Istati Membri sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċjà tagħhom;

d) li jiġu appoġġati azzjonijiet li jipprevjenu l-irregolaritajiet, b'mod partikolari bil-forniment rapidu ta' informazzjoni dwar ir-riskji lill-persunal doganali fl-ewwel punti ta' kuntatt;

e) li tiġi żgurata klassifikazzjoni tariffarja uniformi u inekwivoka fil-Komunità, b'mod partikolari billi jittejbu l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-laboratorji;

f) li jiġi sostnut il-ħolqien ta' ambjent doganali elettroniku pan-Ewropew permezz ta' l-iżvilupp ta' sistemi inter-operabbli ta' skambju, ta' komunikazzjoni u informazzjoni, flimkien mal-bidliet leġislattivi u amministrattivi neċessarji;

g) li jinżammu operattivi s-sistemi eżistenti ta' komunikazzjoni u informazzjoni u, fejn hu xieraq, jiġu żviluppati sistemi ġodda;

h) li jittieħdu azzjonijiet li jipprovdu appoġġ lill-amministrazzjonijiet doganali tal-pajjiżi li jkunu qegħdin jippreparaw għall-adeżjoni;

i) li jingħata kontribut għall-iżvilupp ta' amministrazzjonijiet doganali ta' kwalità għolja f'pajjiżi terzi;

j) li tittejjeb il-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali ta' l-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk tal-pajjiżi msieħba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

k) li jiġi żviluppat u msaħħaħ it-taħriġ komuni.

Artikolu 6

Programm ta' ħidma

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm annwali ta' ħidma skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(2).

KAPITOLU II

ATTIVITAJIET TAL-PROGRAMM

Artikolu 7

Sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni

1. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li s-sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni definiti fil-paragrafu 2 ikunu operattivi.

2. Is-sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni għandhom ikunu dawn li ġejjin:

a) in-network komuni ta' komunikazzjonijiet /l-interface komuni ta' sistemi (CCN/CSI);

b) is-sistema ta' transitu kompjuterizzat (NCTS);

ċ) is-sistemi tariffarji, b'mod partikolari s-sistema għad-diffużjoni ta' data (DDS), in-nomenklatura magħquda (CN), is-sistema ta' informazzjoni dwar it-tariffa integrata tal-Komunitajiet Ewropej (TARIC), is-sistema ta' informazzjoni tariffarja obbligatorja Ewropea (EBTI), is-sistema tal-kwoti tariffarji u ta' sorveljanza tal-kwoti (TQS), is-sistema ta' informazzjoni tas-sospensjonijiet (SUSPENSIONS), is-sistema ta' ġestjoni tal-kampjuni (SMS), is-sistema ta' informazzjoni għall-proċeduri ta' l-ipproċessar (ISPP), l-inventarju doganali Ewropew tas-sustanzi kimiċi (ECICS) u s-sistema ta' esportaturi reġistrati (REX);

d) is-sistemi għat-tisħiħ tas-sigurtà definiti fir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta' April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [6], inklużi s-sistema Komunitarja għall-immaniġgar tar-riskji, is-sistema ta' kontroll ta' l-esportazzjoni (ECS), is-sistema ta' kontroll ta' l-importazzjoni (ICS) u s-sistema għall-operaturi ekonomiċi awtorizzati;

e) kwalunkwe sistema ġdida ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni fil-qasam tad-dwana, inklużi s-sistemi doganali elettroniċi, stabbilita taħt il-leġiżlazzjoni tal-Komunità u prevista fil-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 6.

3. Il-komponenti Komunitarji tas-sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni għandhom ikunu l-hardware, is-software u l-konnessjonijiet tan-network li jkunu komuni għall-pajjiżi parteċipanti kollha. Il-Kummissjoni għandha, f'isem il-Komunità, tikkonkludi l-kuntratti meħtieġa sabiex tiżgura n-natura operattiva ta' dawn il-komponenti.

4. Il-komponenti mhux Komunitarji tas-sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' l-informazzjoni għandhom jinkorporaw id-databases nazzjonali li jiffurmaw parti minn dawn is-sistemi, il-konnessjonijiet tan-network bejn il-komponenti Komunitarji u mhux Komunitarji u tali software u hardware li kull pajjiż parteċipant iqis adatt għall-funzjonament sħiħ ta' dawk is-sistemi fl-amministrazzjoni tiegħu. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li l-komponenti mhux Komunitarji jinżammu operattivi u għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà ta' dawn il-komponenti mal-komponenti Komunitarji.

5. Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti, għandha tikkoordina dawk l-aspetti ta' l-istabbiliment u l-funzjonament tal-komponenti Komunitarji u mhux Komunitarji tas-sistemi u ta' l-infrastruttura msemmija fil-paragrafu 2 li jkunu neċessarji sabiex jiġu żgurati l-funzjonament, l-interkonnettività u t-titjib kontinwu tagħhom. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jagħmlu kull ma jistgħu sabiex jikkonformaw mal-kalendarji u l-iskadenzi stabbiliti sabiex jintlaħaq dak l-għan.

6. Il-Kummisjoni tista' tagħmel is-CCN/CSI disponibbli għal amministrazzjonijiet oħra għal għanijiet doganali u mhux doganali. Tista' tintalab kontribuzzjoni finanzjarja sabiex jiġu koperti l-ispejjeż relatati.

Artikolu 8

Benchmarking

Jistgħu jiġu organizzati attivitajiet ta' benchmarking bejn żewġ pajjiżi parteċipanti jew iktar f'forma ta' tqabbil ta' metodi, proċeduri jew proċessi operattivi, li jinvolvu indikaturi miftiehma bl-għan li tiġi identifikata l-aħjar prattika.

Artikolu 9

Seminars u laqgħat ta' ħidma

Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom flimkien jorganizzaw seminars u laqgħat ta' ħidma u jiżguraw id-diffużjoni tar-riżultati ta' tali seminars u laqgħat ta' ħidma.

Artikolu 10

Gruppi proġettisti u gruppi direttivi

Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti, tista' tistabbilixxi gruppi proġettisti li jkunu responsabbli mill-eżekuzzjoni ta' kompiti speċifiċi, li jkollhom jitwettqu fi żmien speċifikat, u gruppi direttivi li jwettqu attivitajiet ta' koordinament.

Artikolu 11

Żjarat ta' ħidma

1. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jorganizzaw żjarat ta' ħidma għall-uffiċjali. Iż-żjarat ta' ħidma m'għandhomx ikunu għal aktar minn xahar. Kull żjara ta' ħidma għandha timmira lejn attività professjonali partikolari u għandha tiġi suffiċjentement preparata u sussegwentement evalwata mill-uffiċjali u mill-amministrazzjonijiet konċernati. Iż-żjarat ta' ħidma jistgħu jkunu operattivi jew immirati lejn attivitajiet speċifiċi ta' prijorità.

2. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jippermettu li l-uffiċjali fuq żjara jieħdu sehem b'mod effettiv fl-attivitajiet ta' l-amministrazzjoni ospitanti. Għal dan il-għan, l-uffiċjali fuq żjara għandhom ikunu awtorizzati li jwettqu l-kompiti relatati mad-dmirijiet fdati lilhom. Jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, u b'mod partikolari sabiex jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti speċifiċi tas-sistema legali ta' kull pajjiż parteċipant, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi parteċipanti jistgħu jillimitaw dik l-awtorizzazzjoni.

3. Matul iż-żjara ta' ħidma, ir-responsabbiltà ċivili ta' l-uffiċjal fuq żjara, għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħal dik ta' l-uffiċjali ta' l-amministrazzjoni ospitanti. L-uffiċjali fuq żjara għandhom ikunu marbutin bl-istess regoli ta' kunfidenzjalità professjonali li bihom ikunu marbutin l-uffiċjali ta' l-amministrazzjoni ospitanti.

Artikolu 12

Attivitajiet ta' taħriġ

1. Il-pajjiżi parteċipanti, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali ta' taħriġ, u b'mod partikolari permezz ta':

a) l-iffissar ta' standards ta' taħriġ, l-iżvilupp ta' programmi eżistenti ta' taħriġ u, jekk ikun il-każ, l-iżvilupp ta' moduli eżistenti ta' taħriġ u ta' moduli ġodda li jużaw l-e Learning sabiex jinħoloq riżors ċentrali komuni ta' taħriġ għall-uffiċjali relatat mal-firxa kollha tar-regoli u proċeduri doganali sabiex l-uffiċjali jkunu jistgħu jiksbu l-ħiliet u l-konoxxenza professjonali meħtieġa;

b) meta jkun il-każ, il-promozzjoni ta', u l-aċċess għal, korsijiet ta' taħriġ fil-qasam doganali għall-uffiċjali tal-pajjiżi parteċipanti kollha, fejn tali korsijiet ikunu provduti minn pajjiż parteċipant lill-uffiċjali tiegħu stess;

ċ) meta jkun il-każ, l-għoti ta' l-infrastruttura u l-għodod meħtieġa għal tagħlim komuni bl-internet fil-qasam doganali u fil-ġestjoni tat-taħriġ doganali.

2. Il-pajjiżi parteċipanti, jekk ikun il-każ, għandhom jintegraw il-moduli ta' l-e Learning żviluppati b'mod komuni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 fil-programmi nazzjonali tagħhom ta' taħriġ.

Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li l-uffiċjali tagħhom jirċievu t-taħriġ inizjali u kontinwu meħtieġ sabiex jiksbu l-ħiliet u l-konoxxenza professjonali komuni skond il-programmi ta' taħriġ. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom ukoll jippromwovu t-taħriġ lingwistiku meħtieġ sabiex l-uffiċjali jilħqu livell suffiċjenti ta' kompetenza lingwistika għall-parteċipazzjoni fil-Programm.

Artikolu 13

Azzjonijiet ta' monitoraġġ

1. Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tiddeċiedi liema setturi speċifiċi tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja jistgħu jkunu suġġetti għall-monitoraġġ.

2. Tali monitoraġġ għandu jitwettaq minn gruppi konġunti magħmula minn uffiċjali tad-dwana mill-Istati Membri u minn uffiċjali tal-Kummissjoni. Dawk il-gruppi, fuq il-bażi ta' approċċ tematiku jew reġjonali, għandhom iżuru postijiet differenti fit-territorju doganali Komunitarju fejn l-amministrazzjonijiet doganali jaqdu dmirijiethom. Il-gruppi għandhom janalizzaw il-prattika doganali fil-livell nazzjonali, jidentifikaw kull diffikultà fl-implimentazzjoni tar-regoli u, fejn ikun il-każ, jagħmlu suġġerimenti għall-adattament tar-regoli Komunitarji u tal-metodi operattivi sabiex tittejjeb l-effiċjenza ta' l-azzjonijiet doganali ġeneralment. Ir-rapporti tal-gruppi għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

Artikolu 14

Parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Programm

Jistgħu jieħdu sehem rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, ta' amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi u ta' operaturi ekonomiċi u l-organizzazzjonijiet tagħhom fl-attivitajiet organizzati taħt il-Programm kull fejn dan ikun utli sabiex jitwettqu l-għanijiet msemmija fl-Artikoli 4 u 5.

Artikolu 15

Il-kondiviżjoni ta' l-informazzjoni

Il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti, tiżviluppa l-kondiviżjoni ta' l-informazzjoni li tirriżulta mill-attivitajiet tal-Programm.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 16

Qafas finanzjarju

1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill- 1 ta' Jannar 2008 sal- 31 ta' Diċembru 2013 huwa b'dan stabbilit għal 323800000euro.

2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali, konformement mal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u amministrazzjoni finanzjarja tajba.

Artikolu 17

Infiq

1. L-infiq meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Programm għandu jiġi sostnut mill-Komunità u mill-pajjiżi parteċipanti skond il-paragrafi 2 sa 5.

2. Il-Komunità għandha terfa' l-piż ta' l-infiq li ġej:

a) l-ispejjeż għall-akkwist, għall-iżvilupp, għall-istallazzjoni, għall-manutenzjoni u għall-funzjonament ta' kuljum tal-komponenti Komunitarji tas-sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(3);

b) l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-għajxien magħmula mill-uffiċjali tal-pajjiżi parteċipanti relatati ma' l-attivitajiet ta' benchmarking, maż-żjarat ta' ħidma, mas-seminars u laqgħat ta' ħidma, mal-gruppi proġettisti u gruppi direttivi u ma' l-azzjonijiet ta' taħriġ u ta' monitoraġġ;

ċ) l-ispejjeż organizzattivi ta' seminars u ta' laqgħat ta' ħidma;

d) l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-għajxien magħmula minħabba l-parteċipazzjoni ta' esperti esterni u tal-parteċipanti msemmija fl-Artikolu 14;

e) l-ispejjeż għall-akkwist, għall-iżvilupp, għall-istallazzjoni u għall-manutenzjoni tas-sistemi u moduli ta' taħriġ sa fejn dawn ikunu komuni għall-pajjiżi parteċipanti kollha;

f) l-ispejjeż ta' kull attività oħra msemmija fil-punt (h) ta' l-Artikolu 1(2), sa limitu massimu ta' mhux aktar minn 5 % ta' l-ispejjeż totali tal-Programm.

3. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jerfgħu l-piż ta' l-infiq li ġej:

a) l-ispejjeż għall-akkwist, għall-iżvilupp, għall-istallazzjoni, għall-manutenzjoni u għall-funzjonament ta' kuljum tal-komponenti mhux Komunitarji tas-sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(4);

b) l-ispejjeż relatati mat-taħriġ inizjali u kontinwu ta' l-uffiċjali tagħhom, partikolarment mat-taħriġ lingwistiku tagħhom.

4. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-approprjazzjonijiet jintużaw skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

II-Kummissjoni għandha, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [7] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-"Regolament Finanzjarju"), tiddetermina r-regoli relatati mal-pagament ta' l-ispejjeż u għandha tikkomunikahom lill-pajjiżi parteċipanti.

5. L-allokazzjoni finanzjarja tal-Programm tista' tkopri wkoll l-ispejjeż relatati ma' l-attivitajiet ta' preparazzjoni, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni, li jkunu meħtieġa direttament għall-amministrazzjoni tal-Programm u għat-twettiq ta' l-għanijiet tiegħu, u b'mod partikolari l-istudji, il-laqgħat, l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' pubblikazzjoni, l-ispejjeż marbuta ma' networks ta' l-informatika mmirati lejn l-iskambju ta' l-informazzjoni, flimkien ma' kull spiża oħra ta' assistenza teknika u amministrattiva li l-Kummissjoni tista' tagħmel għall-amministrazzjoni tal-Programm.

Artikolu 18

L-applikabbiltà tar-Regolament Finanzjarju

Ir-Regolament Finanzjarju għandu jkun applikabbli għas-sussidji kollha mogħtija skond din id-Deċiżjoni fis-sens tat-Titolu VI tar-Regolament Finanzjarju. B'mod partikolari, is-sussidji għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim bil-miktub minn qabel mal-benefiċjarji kif stabbilit fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju u abbażi tar-regoli implimentattivi adottati konformement miegħu, fejn il-benefiċjarju jiddikjara l-aċċettazzjoni tiegħu li ssir verifika, min-naħa tal-Qorti ta' l-Awdituri, ta' l-użu li huwa jagħmel mill-approprjazzjonijiet mogħtija.

Artikolu 19

Kontroll Finanzjarju

Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament u kwalunkwe ftehim jew kuntratt li jirriżulta minn din id-Deċiżjoni għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll finanzjarju, u jekk meħtieġ, għall-verifiki fuq il-post mill-Kummissjoni, anke mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF), u mill-Qorti ta' l-Awdituri. Tali verifiki jistgħu jsiru mingħajr pre-avviż.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 20

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Dwana 2013 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni (KE) Nru 999/468, b'kont meħud ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni (KE) Nru1999/468 għandu jkun ta' tliet xhur.

Artikolu 21

Segwitu

Il-Programm għandu jkun suġġett għal monitoraġġ konġunt kontinwu mill-pajjiżi parteċipanti u mill-Kummissjoni.

Artikolu 22

Evalwazzjonijiet ta' nofs il-perijodu u evalwazzjonijiet finali

1. Għandhom jitwettqu evalwazzjonijiet ta' nofs il-perijodu u evalwazzjonijiet finali tal-Programm taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni bl-użu tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 u ta' kull informazzjoni relevanti oħra. Il-Programm għandu jkun evalwat skond l-għanijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 5.

L-evalwazzjoni ta' nofs il-perijodu għandha tirrivedi r-riżultati miksuba sal-punt ta' nofs il-perijodu tal-Programm f'termini ta' effikaċja u effiċjenza, kif ukoll f'termini tar-relevanza kontinwata ta' l-għanijiet inizjali tal-Programm. Għandha tirrivedi wkoll l-użu tal-finanzjament u l-progress tas-segwitu u ta' l-implimentazzjoni.

L-evalwazzjoni finali għandha tiffoka fuq l-effikaċja u l-effiċjenza ta' l-attivitajiet tal-Programm.

2. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jibagħtu r-rapporti ta' evalwazzjoni, li ġejjin, lill-Kummissjoni:

a) qabel l- 1 ta' April 2011, rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs il-perijodu dwar ir-relevanza, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Programm;

b) qabel l- 1 ta' April 2014, rapport ta' evalwazzjoni finali li jiffoka fuq, inter alia, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Programm.

3. Fuq il-bażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 u kull informazzjoni relevanti oħra, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-rapporti ta' evalwazzjoni li ġejjin:

a) qabel l- 1 ta' Awwissu 2011, rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs il-perijodu, u komunikazzjoni dwar kemm tkun kunsiljabbli l-kontinwazzjoni tal-Programm;

b) qabel l- 1 ta' Awwissu 2014, rapport ta' evalwazzjoni finali.

Dawk ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-informazzjoni tagħhom.

Artikolu 23

Tħassir

Id-Deċiżjoni (KE) Nru 253/2003 hija b'dan imħassra b'effett mill- 1 ta' Jannar 2008.

Madankollu, l-obbligi finanzjarji relatati ma' azzjonijiet segwiti taħt dik id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu regolati minn dik id-Deċiżjoni sakemm jitwettqu kompletament.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill- 1 ta' Jannar 2008.

Artikolu 25

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C 324, 30.12.2006, p. 78.

[2] Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Diċembru 2006.

[3] ĠU L 36, 12.2.2003, p. 1. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 12).

[4] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[5] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[6] ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13.

[7] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

--------------------------------------------------