29.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data pproċessata b'konnessjoni mad-dispożizzjoni ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettroniċi pubbliċi u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (COM (2005) 438 finali)

(2005/C 298/01)

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali data  (1) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijeit elettroniċi) (2),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta' tali data  (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni b'konformità ma' l-Artikolu 28 (2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 li waslet fit-23 ta' Settembru 2005 mill-Kummissjoni;

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

I   Introduzzjoni

1.

L-EDPS jilqa' l-fatt li huwa kkonsultat abbażi ta' l-Artikolu 28 (2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Madankollu, bil-ħsieb tal-karattru obbligatorju ta' l-Artikolu 28 (2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, din l-opinjoni għandha tkun imsemmija fil-preambolu tad-direttiva.

2.

L-EDPS jagħraf l-importanza li aġenziji ta' infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri jkollhom l-istrumenti legali meħtieġa kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità serja oħra. Disponibbiltà adegwata ta' ċerta data dwar it-traffiku u l-lok ta' servizzi elettroniċi pubbliċi tista' tkun strument kruċjali għal dawk l-aġenziji ta' infurzar tal-liġi u tista' tikkontribwixxi għas-sigurtà fiżika ta' persuni. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li dan ma jimplikax awtomatikament il-ħtieġa ta' l-istrumenti l-ġodda kif previst fil-proposta preżenti.

3.

Huwa għaldaqstant evidenti li l-proposta għandha impatt konsiderevoli fuq il-protezzjoni ta' data personali. Jekk wieħed jikkunsidra l-proposta mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data biss, id-data dwar it-traffiku u l-lok m'għandhiex tinżamm affattu bil-għan ta' infurzar tal-liġi. Huwa minħabba raġunijiet ta' protezzjoni tad-data li d-Direttiva 2002/58/KE tistabbilixxi bħala prinċipju tal-liġi li d-data dwar it-traffiku għandha tiġi mħassra minnufih hekk kif il-ħażna ma tkunx aktar meħtieġa għal finijiet relatati mal-komunikazzjoni nnifisha (inklużi finijiet ta' kontijiet). Eżenzjonijiet għal dan il-prinċipju tal-liġi huma soġġetti għal kondizzjonijiet stretti.

4.

F'din l-opinjoni, l-EDPS għandu jenfasizza l-impatt tal-proposta fuq il-protezzjoni tad-data personali. L-EDPS għandu barra minn hekk jieħu kont tal-fatt li, minkejja l-importanza tal-proposta għall-infurzar tal-liġi, jista' jkun li ma tirriżultax f'ċaħda għall-persuni mid-dritt fundamentali tagħhom li jkollhom il-privatezza tagħhom protetta.

5.

Wieħed irid iħares lejn din l-opinjoni ta' l-EDPS fid-dawl ta' dawn il-konsiderazzjonijiet. L-EDPS qed jippjana approċċ bilanċjat, fejn il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' l-interferenza mal-protezzjoni tad-data għandhom rwol ċentrali.

6.

Fir-rigward tal-proposta nnifisha, wieħed irid iħares lejha bħala reazzjoni għall-inizjattiva mir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Renju ta' l-Iżvezja u r-Renju Unit għal Deċiżjoni Kwadru dwar iż-żamma ta' data pproċessata u maħżuna b'konnessjoni mal-proviżjoni ta' servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament jew data dwar networks tal-komunikazzjonijiet pubbliċi bil-għan tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni ta' kriminalità u reati kriminali inkluż it-terroriżmu (“l-abbozz ta' Deċiżjoni Kwadru”), li kienet miċħuda mill-Parlament Ewropew (fil-proċedura ta' konsultazzjoni).

7.

L-EDPS ma ġiex ikkonsultat dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni Kwadru, u lanqas ma ta opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess. L-EDPS mhux bi ħsiebu jagħti opinjoni għalissa dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni Kwadru, imma fl-opinjoni preżenti ser jirreferi għal dan l-abbozz ta' deċiżjoni, fejn jikkunsidra li dan ikun ta' użu.

II   Osservazzjonijiet ġenerali

L-impatt tal-proposta fuq il-protezzjoni ta' data personali

8.

Huwa essenzjali għall-EDPS li l-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali. Miżura leġiżlattiva li tagħmel ħsara lill-protezzjoni garantita mil-liġi Komunitarja u b'mod aktar partikolari mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mhix hi biss inaċċettabbli, imma hija wkoll illegali. Iċ-ċirkustanzi fis-soċjetà setgħu inbidlu minħabba attakki terroristiċi, imma dan ma jistax ikollu bħala effett il-fatt li standards għoljin ta' protezzjoni fl-istat tad-dritt jkunu kompromessi. Il-liġi tagħti protezzjoni irrispettivament mill-ħtiġijiet reali ta' l-infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, il-każistika nnifisha tippermetti għal xi eċċezzjonijiet, jekk ikun meħtieġ f'soċjetà demokratika.

9.

Il-proposta għandha impatt dirett fuq il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (il-“ECHR”). Skond il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem:

Il-ħażna ta' informazzjoni dwar individwu kienet ikkunsidrata bħala interferenza mal-ħajja privata, minkejja l-fatt li ma kien fiha l-ebda data sensittiva (Amann (4)).

L-istess japplika għall-prattika ta' 'metering' ta' telefonati, li jinvolvi l-użu ta' apparat li jirreġistra b'mod awtomatiku n-numri ddaljati fuq telefon u l-ħin u kemm damet kull telefonata (Malone (5)).

Ġustifikazzjonijiet għal interferenza għandha tegħleb l-effett negattiv li l-eżistenza nnifisha tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi in kwistjoni jista' jkollha fuq is-suġġetti (Dudgeon (6)).

10.

L-Artikolu 6 (2) tat-Trattat dwar l-UE jipprovdi li l-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-ECHR. Fil-paragrafu preċedenti ġie muri li, skond il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-obbligu li tinżamm data jaqa' taħt il-firxa ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8 ECHR u li hemm il-ħtieġa ta' sentenza urġenti li tirrispetta l-kriterji tas-sentenza Dudgeon. Il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' l-obbligu għaż-żamma ta' data – sa l-estremità tiegħu – iridu jiġu murija.

11.

Barra minn hekk, il-proposta għandha impatt enormi fuq prinċipji ta' protezzjoni tad-data rikonoxxuti mil-liġi Komunitarja:

Id-data trid tinżamm għal perijodu itwal sew mill-perijodi normali għaż-żamma minn fornituri ta' servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikamenti jew minn network tal-komunikazzjonijiet pubbliku (iż-żewġ servizzi minn issa 'l quddiem huma msejħa bħala “fornituri”).

Taħt id-Direttiva 2002/58/KE, b'mod aktar partikolari l-Artikolu 6 tagħha, data tista' tinġabar u tinħażen biss għal raġunijiet direttament relatati mal-komunikazzjoni nnifisha, inklużi finijiet ta' kontijiet+ (7). Wara, id-data trid tiġi mħassra (suġġetta għal eċċezzjonijiet). Taħt il-proposta preżenti, iż-żamma għall-fini ta' infurzar ta' liġi kriminali hija obbligatorja. Il-punt ta' tluq huwa għalhekk kontrarju.

Id-Direttiva 2002/58/KE tiżgura sigurtà u kunfidenzjalità. Din il-proposta ma tistax twassal għal loopholes f'dak il-qasam; salvagwardji stretti huma meħtieġa u l-limitazzjoni ta' l-għan għandha tkun iċċarata.

L-introduzzjoni ta' l-obbligu ta' żamma ta' data, kif previst mill-proposta, twassal għal databases sostanzjali u għandha riskji partikolari għas-suġġett tad-data. Wieħed jista' jaħseb fl-użu kummerċjali tad-data, kif ukoll dwar l-użu tad-data għal “operazzjonijiet ta' sajd” u/jew l-estrazzjoni ta' data minn awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi jew servizzi tas-sigurtà nazzjonali.

12.

Fl-aħħar nett, il-protezzjoni tal-ħajja privata, kif ukoll il-protezzjoni ta' data personali ġew rikonoxxuti t-tnejn li huma fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, kif ġie msemmi fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni.

13.

L-impatt tal-proposta fuq il-protezzjoni ta' data personali jeħtieġ analiżi profonda. F'din l-analiżi, l-EDPS jieħu kont ta' l-elementi msemmija hawn u jikkonkludi li aktar salvagwardji huma meħtieġa. Referenza sempliċi għall-qafas legali eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data (b'mod partikolari, id-direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE) mhix biżżejjed.

Il-ħtieġa ta' żamma ta' data dwar it-traffiku u l-lok

14.

L-EDPS ifakkar fil-konklużjoni tad-9 ta' Novembru 2004 tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' Data ta' l-Artikolu 29 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni Kwadru. Il-Grupp ta' Ħidma ddikjara li ż-żamma obbligatorja ta' data dwar it-traffiku, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-abbozz ta' Deċiżjoni Kwadru, mhix aċċettabbli. Din il-konklużjoni kienet inter alia bbażata fuq in-nuqqas li tiġi pprovduta kwalunkwa evidenza dwar il-ħtieġa taż-żamma għal finijiet ta' ordni pubbliku, minħabba l-fatt li analiżi uriet li l-aktar ammont sinifikattiv ta' data dwar it-traffiku mitluba mill-infurzar tal-liġi ma kinitx antika aktar minn sitt xhur.

15.

Skond l-EDPS, il-konsiderazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data ta' l-Artikolu 29 imsemmija hawn fuq għandhom ikunu l-punt tat-tluq għall-valutazzjoni tal-proposta preżenti. Madankollu, ir-riżultat ta' dawn il-konsiderazzjonijiet ma jistgħux sempliċiment jiġu trasposti għall-proposta preżenti. Wieħed irid jieħu kont tal-fatt li ċ-ċirkustanzi jistgħu jinbidlu. Skond l-EDPS, l-iżviluppi li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti għall-valutazzjoni.

16.

L-ewwel nett, xi figuri ġew prodotti sabiex jintwera li fil-prattika data dwar it-traffiku li għandha sa sena hija mitluba mill-infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni kif ukoll il-Presidenza tal-Kunsill jagħtu importanza lil studju mill-pulizija tar-Renju Unit (8) li juri li minkejja li 85 % tad-data dwar it-traffiku meħtieġa mill-pulizija ma kinitx antika aktar minn sitt xhur, id-data antika bejn 6 xhur u sena intużat f'investigazzjonijiet kumplessi f'reati aktar serji. Xi eżempji ta' każijiet kienu preżentati wkoll. Il-perijodu ta' żamma fil-proposta – sena għad-data tat-telefon – jirrifletti din il-prattika ta' infurzar tal-liġi.

17.

L-EDPS mhux konvint li dawn il-figuri jirrapreżentaw l-evidenza tal-ħtieġa taż-żamma tad-data dwar it-traffiku sa sena. Il-fatt li f'xi każijiet id-disponibbiltà ta' data dwar it-traffiku u/jew dwar il-lok kienet ta' għajnuna sabiex jissolva xi reat ma jfissirx awtomatikament li dik id-data hija meħtieġa (b'mod ġenerali) bħala għodda għall-infurzar tal-liġi. Madankollu, il-figuri ma jistgħux jiġu injorati. Huma jirrapreżentaw minn ta' l-inqas attentat serju sabiex tintwera l-ħtieġa taż-żamma. Barra minn hekk, il-figuri jindikaw b'mod ċar li perijodu ta' żamma għal aktar minn sena mhux meħtieġ mill-perspettiva tal-prattika attwali ta' infurzar tal-liġi.

18.

It-tieni, il-possibiltajiet eżistenti għall-fornituri taħt id-Direttiva 2002/58/KE għaż-żamma ta' data dwar it-traffiku għal finijiet ta' kontijiet mhumiex dejjem użati, minħabba li f'numru dejjem jikber ta' każijiet iż-żamma tad-data għal finijiet ta' kontijiet ma sseħħ xejn (kards imħallsa minn qabel għal komunikazzjonijiet mobbli, abbonamenti b'rata fissa, eċċ.). F'dawk il-każijiet – li fil-prattika saru aktar ta' spiss – id-data dwar it-traffiku u l-lok mhux ser tiġi affattu maħżuna imma ser tiġi mħassra minnufih wara l-komunikazzjoni. L-istess japplika għal telefonati mingħajr suċċess. Dan jista' jkollu impatt fuq l-effettività ta' l-infurzar tal-liġi.

19.

Barra minn hekk, dan l-iżvilupp fis-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet jista' jwassal għal disturbi fil-funzjonament tas-suq intern, inter alia minħabba l-adozzjoni (imminenti) ta' miżuri leġiżlattivi fl-Istati Membri taħt l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE. Per eżempju, il-gvern Taljan dan l-aħħar ippubblika digriet li jobbliga lill-fornituri jaħżnu data tat-telefon għal 4 snin. Dan l-obbligu ser jinvolvu spejjeż konsiderevoli f'xi Stati Membri, bħall-Italja.

20.

It-tielet, il-metodi ta' ħidma ta' awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi żviluppaw ukoll: investigazzjonijiet proattivi u l-użu ta' appoġġ tekniku saru aktar importanti. Dawn l-iżvilupp jeħtieġu li l-awtoritajiet jiddisponu minn għodda adegwata u fformulata b'mod preċiż sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħlhom bir-rispett dovut għall-prinċipji ta' protezzjoni tad-data. Waħda mill-għodda li l-awtoritajiet fl-Istati Membri s-soltu jkunu jistgħu jagħmlu użu minnha hija l-preservazzjoni tad-data, jew, l-iffirżar ta' data tal-komunikazzjonijiet fuq talba f'investigazzjoni konkreta. Ġie ddikjarat li din l-għodda, li fiha nnifisha għandha anqas impatt fuq dawk il-prinċipji mill-għodda li issa qed tiġi proposta (iż-żamma tad-data), tista' ma tkunx dejjem biżżejjed, b'mod partikolari li ma ssibx persuni involuti f'terroriżmu jew fi kriminalità serja oħra li qabel ma kienux suspettati bi kwalunkwe attività kriminali. Madankollu, hija meħtieġa aktar evidenza sabiex jiġi determinat jekk dan hux veru l-każ.

21.

Ir-raba', it-tħassib dwar attakki terroristiċi kiber. L-EDPS jikkondividi l-fehma kif espressa fil-kuntest tal-proposti dwar iż-żamma tad-data, li s-sigurtà fiżika hija, fiha nnifisha, ta' importanza suprema. Is-soċjetà jeħtieġ li tiġi protetta. Għal din ir-raġuni l-gvernijiet huma obbligati, fil-każ ta' attakki fuq is-soċjetà, li juru li jagħtu konsiderazzjoni serja lil din il-ħtieġa għall-protezzjoni u sabiex jinvestigaw jekk għandhomx jirreaġixxu permezz ta' l-introduzzjoni ta' miżuri leġiżlattivi ġodda. M'hemm għalfejn jingħad li l-EDPS japprova bis-sħiħ il-kompitu tal-gvernijiet – fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew – li jipproteġu lis-soċjetà u li juru li huma jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ sabiex joffru protezzjoni, inkluża l-adozzjoni ta' miżuri ġodda, leġittimi u effettivi bħala riżultat ta' l-investigazzjonijiet tagħhom.

22.

L-EDPS jagħraf il-bidliet fiċ-ċirkustanzi, imma s'issa għadu mhux konvint mill-ħtieġa taż-żamma ta' data dwar it-traffiku u l-lok għal finijiet ta' infurzar tal-liġi, kif stabbilit fil-proposta. Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' liġi stabbilit mid-Direttiva 2002/58/KE li d-data dwar it-traffiku għandha titħassar hekk kif il-ħażna ma tkunx aktar meħtieġa għal finijiet li mhumiex relatati mal-komunikazzjoni nnifisha. Barra minn hekk, il-figuri provduti ma jippruvawx li l-qafas legali eżistenti ma joffrix l-istrumenti li huma meħtieġa għall-protezzjoni tas-sigurtà fiżika, u lanqas li l-Istati Membri japplikaw bis-sħiħ il-kompetenzi tagħhom taħt il-liġi Ewropea sabiex jikkooperaw kif ġie mogħti lilhom fil-qafas legali eżistenti (iżda mingħajr ir-riżultati li huma meħtieġa).

23.

Madankollu, jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill – wara bilanċjar bir-reqqa ta' l-interessi li hemm fin-nofs – jaslu għall-konklużjoni li l-ħtieġa taż-żamma ta' data dwar it-traffiku u l-lok hija murija biżżejjed, l-EDPS ikun tal-fehma li ż-żamma tista' tiġi ġġustifikata biss taħt il-liġi Komunitarja sa fejn il-prinċipju tal-proporzjonalità jkun rispettat u jkunu provduti salvagwardji adegwati, b'konformità ma' din l-opinjoni.

Il-proporzjonalità

24.

Il-proporzjonalità tal-miżura leġiżlattiva ġdida proposta nnifisha tiddependi fuq is-sustanza tad-dispożizzjonijiet li tinkludi: tinkludi t-tweġiba adegwata u proporzjonata għall-ħtiġijiet tas-soċjetà?

25.

L-ewwel konsiderazzjoni tinvolvi l-adegwatezza tal-proposta: jista' wieħed jistenna li l-proposta żżid is-sigurtà fiżika ta' l-abitanti ta' l-Unjoni Ewropea? Raġuni waħda biex l-adegwatezza tkun iddubitata, ta' spiss imsemmija fid-dibattitu pubbliku, hija li d-data dwar it-traffiku u l-lok mhix dejjem marbuta ma' individwu speċifiku, u għalhekk konoxxenza dwar numru tat-telefon (jew numru IP) mhux dejjem neċessarjament jiżvela l-identità ta' individwu. Raġuni oħra – u aktar serja – għal dubju hija dwar jekk l-eżistenza ta' databases ġiganteski tippermettiex jew le lill-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi jsibu faċilment dak li għandhom bżonn f'każ speċifiku.

26.

L-EDPS huwa tal-fehma li ż-żamma ta' data dwar it-traffiku u l-lok waħedha mhix fiha nnifisha tweġiba adegwata jew effettiva. Miżuri addizzjonali huma meħtieġa, sabiex hekk ikun żgurat li l-awtoritajiet ikollhom aċċess immirat u rapidu għad-data meħtieġa f'każ speċifiku. Iż-żamma tad-data hija adegwata u effettiva biss jekk jeżistu magni tat-tiftix effettivi.

27.

It-tieni konsiderazzjoni tmiss fuq in-natura proporzjonata tat-tweġiba. Sabiex tkun proporzjonata, il-proposta għandha:

tillimita l-perijodi ta' żamma. Il-perijodi għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet murija ta' infurzar tal-liġi.

tillimita n-numru ta' data li trid tinħażen. Dan in-numru jrid jirrifletti l-ħtiġijiet murija ta' infurzar tal-liġi u għandu jkun żgurat li l-aċċess għal data ta' kontenut ma jkunx possibbli.

ikun fiha miżuri ta' sigurtà adegwati, sabiex b'hekk ikunu limitati l-aċċess u l-użu ulterjuri, tiggarantixxi s-sigurtà tad-data u tiżgura li s-suġġetti tad-data stess ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

28.

L-EDPS jenfasizza l-importanza ta' dawn il-limitazzjonijiet stretti, b'salvagwardji adegwati bil-ħsieb ta' aċċess limitat. Huwa tal-fehma li fil-perspettiva ta' l-importanza tat-tliet elementi msemmija fil-punt ta' hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu – fir-rigward ta' dawn it-tliet elementi – ma jieħdux miżuri nazzjonali addizzjonali li jippreġudikaw il-proporzjonalità. Din il-ħtieġa għal armonizzazzjoni ser tkun elaborata taħt IV.

Miżuri ta' sigurtà adegwati

29.

L-effett tal-proposta ser ikun li l-fornituri ser jiddisponu minn databases li fihom ser tkun maħżuna ammont sinifikattiv ta' data dwar it-traffiku u l-lok.

30.

L-ewwel nett, il-proposta ser ikollha tiżgura li l-aċċess għal u l-użu ulterjuri ta' din id-data jkunu limitati, taħt ċirkustanzi speċifikati biss u għal numru limitat ta' għanijiet speċifikati biss.

31.

It-tieni, id-databases ser ikollhom ikunu protetti b'mod adegwat (sigurtà tad-data). Għal dan il-għan, għandu jkun żgurat li fi tmiem il-perijodi ta' żamma, id-data tkun imħassra b'mod effiċjenti. M'għanhu jkun hemm l-ebda “dumping ta' data” jew sfruttament ta' data. Fi ftit kliem, dan jeħtieġ sigurtà għolja tad-data u miżuri ta' sigurtà tekniċi u organizzattivi adegwati.

32.

Sigurtà għolja tad-data hija saħansitra aktar importanti minħabba li l-fatt innifsu li d-data teżisti jista' jwassal għal domandi għal aċċess u użu, minn ta' l-inqas tliet gruppi ta' partijiet interessati:

il-fornituri nnifishom. Huma jistgħu jkollhom it-tentazzjoni li jużaw id-data għall-għanijiet kummerċjali tagħhom stess. Huma meħtieġa garanziji, li jipprevjenu l-ikkupjar ta' dawn il-fajls;

l-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar tal-liġi: il-proposta toffrilhom dritt ta' aċċess, iżda f'każijiet speċifiċi biss u skond il-liġi nazzjonali (l-Artikolu 3 (2) tal-proposta). M'għandu jkun hemm l-ebda aċċess għal finijiet ta' estrazzjoni ta' data jew 'operazzjonijiet ta' sajd'. L-iskambju ta' data ma' awtoritajiet fi Stati Membri oħra għandu jkun irregolat b'mod ċar.

servizzi ta' tagħrif sigriet (b'responsabbiltà mis-sigurtà nazzjonali).

33.

Fir-rigward ta' l-aċċess minn servizzi tat-tagħrif sigriet, l-EDPS josserva li, taħt l-Artikolu 33 TEU u l-Artikolu 64 KE intervenzjonijiet fit-tielet pilastru u l-ewwel pilastru ma għandhomx jaffettwaw l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u s-salvagwardjar tas-sigurtà interna. Skond l-EDPS, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala effett li l-Unjoni Ewropea jonqosha l-kompetenza sabiex tikkontrolla l-aċċess ta' servizz tas-sigurtà u tat-tagħrif sigriet għad-data miżmuma mill-fornituri. Fi kliem ieħor, la l-aċċess ta' dawn is-servizzi għal data dwar it-traffiku u l-lok tal-fornituri, u lanqas l-użu ulterjuri ta' l-informazzjoni akkwistata minn dawn is-servizzi ma huma affettwati mil-liġi ta' l-Unjoni Ewropea. Dan huwa element li jrid jittieħed kont tiegħu fil-valutazzjoni tal-proposta. Huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirregolaw l-aċċess mis-servizzi tat-tagħrif sigriet.

34.

It-tielet, l-effetti deskritti fil-paragrafi preċedenti għandhom implikazzjonijiet potenzjali għas-suġġett tad-data. Huma meħtieġa salvagwardji addizzjonali sabiex ikun żgurat li hu jkun jista' b'mod sempliċi u rapidu jeżerċita d-drittijiet tiegħu bħala suġġett tad-data. L-EDPS jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' kontroll effettiv fuq l-aċċess u l-użu ulterjuri, preferibbilment mill-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri. Is-salvagwardji għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta' l-aċċess u l-użu ulterjuri tad-data dwar it-traffiku mill-awtoritajiet fi Stati Membri oħra.

35.

F'dan il-kuntest, l-EDPS jirreferi għall-inizjattivi għal qafas legali ġdid dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-infurzar tal-liġi (fit-tielet pilastru tat-TUE). Fil-fehma tiegħu, qafas legali bħal dan jeħtieġ salvagwardji addizzjonali u ma jistax jillimita ruħu għall-affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipji ġenerali ta' protezzjoni tad-data fl-ewwel pilastru (9).

36.

Ir-raba', hemm relazzjoni diretta bejn l-adegwatezza ta' miżuri ta' sigurtà u l-ispejjeż ta' dawn il-miżuri. Liġi adegwata dwar iż-żamma tad-data għandha għalhekk ikun fiha inċentivi għall-fornituri sabiex jinvestu f'infrastruttura teknika. Tali inċentiva tista' tkun li l-fornituri jkunu kompensati għall-ispejjeż addizzjonali ta' miżuri ta' sigurtà adegwati.

37.

F'sommarju, miżuri ta' sigurtà adegwati għandhom:

jillimataw l-aċċess għal u l-użu ulterjuri tad-data.

jipprevedu għal miżuri ta' sigurtà tekniċi u organizzattivi adegwati għall-protezzjoni tad-databases. Dan jinkludi t-tħassir adegwat tad-data fi tmiem ta' perijodu ta' żamma u li jkun jirrikonoxxi t-talbiet għal aċċess u użu minn gruppi differenti ta' partijiet interessati.

jiżguraw l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, mhux billi jaffermaw mill-ġdid biss il-prinċipji ġenerali ta' protezzjoni tad-data.

ikun fihom inċentivi għall-fornituri sabiex jinvestu fl-infrastruttura teknika.

III   Il-bażi legali u l-abbozz ta' deċiżjoni kwadru

38.

Il-proposta hija bbażata fuq it-Trattat tal-KE, b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, u hija mmirata, skond l-Artikolu 1 tagħha, lejn l-armonizzazzjoni ta' l-obbligi għall-fornituri fir-rigward ta' l-ipproċessar u ż-żamma ta' data dwar it-traffiku u l-lok. Hija tiddikjara li d-data għandha tkun provduta biss lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f'każijiet individwali, relatati ma' reati kriminali, iżda tħalli d-definizzjoni aktar preċiża tal-proposta kif ukoll l-aċċess għal u l-użu ulterjuri tad-data fid-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri, suġġetti għas-salvagwardji ta' l-oqfsa Komunitarji eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data.

39.

F'dan ir-rigward, il-proposta għandha kamp ta' applikazzjoni aktar limitat mill-abbozz ta' deċiżjoni kwadru li hija bbażata fuq l-Artikolu 31 (1) (ċ) tat-TUE u li fiha dispożizzjonijiet addizzjonali dwar l-aċċess għal data miżmuma kif ukoll dwar talbiet għal aċċess minn Stati Membri oħra. Il-memorandum ta' spjegazzjoni jagħti ġustifikazzjoni ta' din il-limitazzjoni tal-firxa ta' applikazzjoni tal-proposta. Huwa jiddikjara li l-aċċess għal u l-iskambju ta' informazzjoni bejn aġenziji rilevanti ta' infurzar tal-liġi hija kwistjoni li taqa' lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat tal-KE.

40.

L-EDPS mhux konvint minn din id-dikjarazzjoni fil-memorandum ta' spjegazzjoni. Intervent mill-Komunità bbażat fuq l-Artikolu 95 KE (is-suq intern) jrid ikollu t-tneħħija ta' xkiel għall-kummerċ bħala l-għan prinċipali tiegħu. Skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, intervent ta' dan it-tip irid ikun ġenwinament adatt sabiex jikkontribwixxi għat-tneħħija ta' tali xkiel. Madankollu, fl-intervent tiegħu l-leġiżlatur Komunitajru jrid jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali (l-Artikolu 6 (2) TKE; ara Taqsima II ta' l-opinjoni). Minkejja dan kollu, l-istabbiliment fil-livell Komunitarju ta' regoli dwar iż-żamma ta' data fl-interess tas-suq intern, jista' jitlob li anki r-rispett tad-drittijiet fundamentali jkun ittrattat fil-livell tal-Komunità Ewropea. Jekk il-leġiżlatur Komunitarju ma jkunx seta' jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess u l-użu ta' data, huwa ma jkunx seta' jissodisfa l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 6 tat-TKE ladarba r-regoli ta' l-aħħar huma indispensabbli sabiex ikun żgurat li d-data tkun miżmuma bir-rispett dovut għad-drittijiet fundamentali. Fi kliem ieħor, skond l-EDPS, ir-regoli dwar l-aċċess, l-użu u l-iskambju tad-data huma inseparabbli mill-obbligu nnifsu ta' żamma tad-data .

41.

Fir-rigward ta' l-istabbiliment ta' awtoritajiet kompetenti, l-EDPS jammetti li dan huwa r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri. L-istess japplika għall-organizzazzjoni ta' l-infurzar tal-liġi u l-protezzjoni ġudizzjajra. Madankollu, att Komunitarju jista' jimponi kondizzjonijiet fuq l-Istati Membri dwar l-għażla ta' awtoritajiet kompetenti, il-kontroll ġudizzjarju jew l-aċċess miċ-ċittadini għall-ġustizzja. Dawn id-dispożizzjonijiet jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi adatti fil-livell nazzjonali sabiex tkun garantita l-effettività sħiħa ta' l-att, inkluż il-konformità sħiħa ma' leġiżlazzjoni ta' protezzjoni tad-data.

42.

L-EDPS iqajjem punt ieħor, relatat mal-bażi legali. Huwa f'idejn il-leġiżlatura Komunitarja li tagħżel il-bażi legali xierqa u, għaldaqstant, il-proċedura leġiżlattiva xierqa. Din l-għażla tmur lil hinn mill-missjoni ta' l-EDPS. Madankollu, fid-dawl tal-kwistjonijiet fundamentali importanti in kwistjoni, fis-sitwazzjoni preżenti l-EDPS jesprimi preferenza qawwija għall-proċedura ta' ko-deċiżjoni. Din il-proċedura tikkostitwixxi proċess trasparenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet bil-parteċipazzjoni sħiħa tat-tliet istituzzjonijiet involuti u bir-rispett dovut għall-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Unjoni.

IV   Il-ħtieġa għal armonizzazzjoni

43.

Il-proposta għal direttiva tarmonizza t-tipi ta' data li trid tinżamm, il-perijodi ta' żmien li matulhom id-data għandha tinżamm, kif ukoll il-finijiet għal liema tista' tiġi fornuta d-data lill-awtoritajiet kompetenti. Il-proposta tippjana l-armonizzazzjoni sħiħa ta' dawn l-elementi. F'dan ir-rigward, hija ta' natura fundamentalment differenti mill-abbozz ta' Deċiżjoni Kwadru, li tipprevedi regoli minimi.

44.

L-EDPS jenfasizza l-ħtieġa għal armonizzazzjoni sħiħa ta' dawn l-elementi, bil-ħsieb tal-funzjonament tas-suq intern, il-ħtiġijiet ta' infurzar tal-liġi u – fl-aħħar imma mhux l-anqas – l-ECHR u l-prinċipji ta' protezzjoni tad-data.

45.

Fir-rigward tal-funzjonament tas-suq intern, l-armonizzazzjoni ta' l-obbligi ta' żamma ta' data tiġġustifika l-għażla tal-bażi legali tal-proposta (l-Artikolu 95 KE). Il-permess ta' differenzi essenzjali bejn il-liġijiet ta' l-Istati Membri ma jneħħix id-disturbi eżistenti fis-suq intern ta' komunikazzjonijiet elettroniċi li huma inter alia dovuti għall-adozzjoni (imminenti) ta' miżuri leġiżlattivi fl-Istati Membri taħt l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE (ara l-punt 19 ta' din l-opinjoni).

46.

Dan huwa saħansitra aktar importanti minħabba li għal ammont notevoli ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, il-ġurisdizzjoni ta' aktar minn Stat Membru wieħed hija rilevanti. Eżempji illustrativi huma: telefonati trans konfini, roaming, qsim tal-fruntiera waqt komunikazzjonijiet mobbli, u l-użu ta' fornitur fi Stat Membru li mhux il-pajjiż ta' residenza ta' l-individwu.

47.

Barra minn hekk, f'dan il-kuntest in-nuqqas ta' armonizzazzjoni jagħmel ħsara lill-ħtiġijiet ta' infurzar ta' liġi, peress li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom jikkonformaw mal-ħtiġiet legali differenti. Dan jista' jfixkel l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

48.

Fl-aħħar nett, l-EDPS jenfasizza – b'referenza għar-responsabbiltà tiegħu taħt l-Artikolu 41 tar-Regolament 45/2001/KE – li l-armonizzazzjoni sħiħa ta' l-elementi prinċipali inklużi fil-proposta hija indispensabbli għal konformità ma' l-ECHR u l-prinċipji ta' protezzjoni tad-data . Kwalunkwe miżura leġiżlattiva li tobbliga ż-żamma ta' data dwar it-traffiku u l-lok trid tillimita b'mod ċar in-numru ta' data li trid tinżamm, il-perijodi ta' żamma u (l-għanijiet ta') l-aċċess u l-użu ulterjuri tad-data, sabiex tkun aċċettabbli mill-perspettiva ta' protezzjoni tad-data u sabiex tkun konformi mal-ħtiġiet ta' neċessità u proporzjonalità.

V   Kummenti dwar l-artikoli tal-proposta

Artikolu 3: Obbligu ta' żamma ta' data

49.

L-Artikolu 3 huwa d-dispożizzjoni ewlenija tal-proposta. L-Artikolu 3(1) jintroduċi l-obbligu ta' żamma ta' data dwar it-traffiku u data dwar il-lok, filwaqt li l-Artikolu 3(2) jagħti effett lill-prinċipju ta' limitazzjoni ta' l-għan. L-Artikolu 3(2) jistabbilixxi tliet limitazzjonijiet importanti. Id-data miżmuma għandha tkun provduta biss:

lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

f'każijiet speċifiċi;

bil-għan tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali serji, bħat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

L-Artikolu 3(2) jirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri għall-ispeċifikazzjoni ta' limitazzjonijiet ulterjuri.

50.

L-EDPS jilqa' l-Artikolu 3(2) bħala dispożizzjoni importanti imma jqis li l-limitazzjonijiet mhumiex preċiżi biżżejjed, li l-aċċess u l-użu ulterjuri għandhom espliċitament ikunu regolati taħt id-direttiva u li salvagwardji addizzjonali huma meħtieġa. Kif intqal diġà fit-Taqsima III ta' din l-opinjoni, l-EDPS mhux konvint li n-non-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet (preċiżi) dwar l-aċċess u l-użu ulterjuri tad-data dwar it-traffiku u l-lok hija konsegwenza inevitabbli tal-bażi legali tal-proposta (l-Artikolu 95 KE). Dan iwassal għall-kummenti li ġejjin.

51.

L-ewwel nett: mhux speċifikat li partijiet interessati oħra, bħall-fornitur innifsu, ma għandhomx aċċess għad-data. Taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58/KE, il-fornituri jistgħu jaċċessaw biss data dwar it-traffiku sa tmiem il-perijodu li d-data tinżamm għal finijiet ta' kontijiet. Skond l-EDPS ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal aċċess mill-fornituri jew minn partijiet interessati oħra minbarra l-aċċess previst taħt id-Direttiva 2002/58/KE, u suġġett għall-kondizzjonijiet ta' dik id-direttiva.

52.

L-EDPS jirrakkomanda ż-żieda ta' dispożizzjoni fit-test sabiex jiżgura li individwi għajr l-awtoritajiet kompetenti ma jkollhomx aċċess għad-data . Din id-dispożizzjoni tista' tkun ifformulata kif ġej: “id-data tista' tkun aċċessata u/jew proċessata biss bil-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)” jew “il-fornituri għandhom effettivament jiggarantixxu li l-aċċess huwa mogħti biss lill-awtoritajiet kompetenti”.

53.

It-tieni: il-limitazzjoni għal każijiet speċifiċi tidher li tipprojbixxi l-aċċess ta' rutina għal “operazzjonijiet ta' sajd” jew għal attivitajiet ta' estrazzjoni ta' data. Madankollu, it-test tal-proposta għandu jispeċifika li d-data tista' tiġi provduta biss jekk din tkun meħtieġa fir-rigward ta' reat kriminali speċifiku.

54.

It-tielet: l-EDPS jilqa' l-fatt li l-għan ta' aċċess jkun limitat għal reati kriminali serji, bħat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. F'każijiet oħra anqas serji, l-aċċess għal data dwar it-traffiku u l-lok mhux ser tkun faċilment proporzjonata. Madankollu, l-EDPS jesprimi dubji dwar jekk din il-limitazzjoni hix preċiża biżżejjed, speċjalment meta l-aċċess ser ikun mitlub fir-rigward ta' kriminalità serja minbarra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Il-prattika fl-Istati Membri ser tkun diverġenti. L-EDPS jenfasizza fit-taqsima IV ta' din l-opinjoni l-ħtieġa ta' armonizzazzjoni sħiħa ta' l-elementi prinċipali inklużi fil-proposta. L-EDPS jirrakkomanda għalhekk li d-dispożizzjoni tkun limitata għal ċerti reati kriminali serji.

55.

Ir-raba': Kuntrarju għall-abbozz ta' deċiżjoni kwadru, il-proposta ma għandhiex dispożizzjoni dwar l-aċċess. Fil-fehma ta' l-EDPS, l-aċċess għal u l-użu ulterjuri tad-data ma għandhomx ikunu injorati fid-direttiva. Huma jifformaw parti inseparabbli mis-suġġett (ara t-taqsima III ta' din l-opinjoni).

56.

L-EDPS jirrakkomanda ż-żieda tal-proposta ta' artikolu wieħed jew aktar dwar l-aċċess għad-data dwar it-traffiku u l-lok mill-awtoritajiet kompetenti u dwar l-użu ulterjuri tad-data . L-objettiv ta' dawn l-artikoli għandu jkun li jiżguraw li d-data hija użata biss għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2), li l-awtoritajiet jiżguraw il-kwalità, il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data li jkunu kisbu u li d-data titħassar meta ma tkunx aktar meħtieġa għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni tar-reat kriminali speċifiku. Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit li l-aċċess f'każijiet speċifiċi għandu jkun taħt il-kontroll ġudizzjarju fl-Istati Membri.

57.

Il-ħames: il-proposta ma fihiex salvagwardji addizzjonali għal protezzjoni tad-data. Il-premessi sempliċiment jirreferu għal salvagwardji f'leġiżlazzjoni eżistenti, b'mod aktar partikolari d-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE. L-EDPS ma jaqbilx ma' dan l-approċċ limitat ta' protezzjoni tad-data minkejja l-importanza partikolari ta' salvagwardji (addizzjonali) (ara t-taqsima II ta' din l-opinjoni).

58.

Għalhekk, l-EDPS jirrakkomanda l-inklużjoni ta' paragrafu dwar il-protezzjoni tad-data . F'dan il-paragrafu, ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti dwar l-Artikolu 3(2) jistgħu jiddaħħlu, kif ukoll dispożizzjonijiet oħra dwar il-protezzjoni tad-data, bħad-dispożizzjonijiet relatati ma' l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu mis-suġġett tad-data (ara t-taqsima II ta' din l-opinjoni), mal-kwalità tad-data u s-sigurtà tad-data, u mad-data dwar it-traffiku u l-lok ta' dawk mhux suspetti b'reati kriminali.

Artikolu 4: Kategoriji ta' data li għandha tinżamm

59.

B'mod ġenerali, l-EDPS jilqa' l-artikolu u l-anness, minħabba:

it-teknika leġiżlattiva magħżula b'deskrizzjonijiet funzjonali fil-korp tad-direttiva u dettalji tekniċi f'anness. Li huwa flessibbli biżżejjed sabiex iwieġeb b'mod adegwat għal żviluppi teknoloġiċi u jagħti ċertezza legali liċ-ċittadin.

id-distinzjoni bejn id-data dwar it-telekomunikazzjonijiet u d-data dwar l-Internet, minkejja l-fatt li d-distinzjoni ssir teknoloġikament anqas importanti. Mill-perspettiva ta' protezzjoni tad-data madankollu, id-distinzjoni hija importanti minħabba l-fatt li fuq l-Internet il-linja ta' konfini bejn id-data ta' kontenut u d-data dwar it-traffiku mhix ċara (ara, per eżempju, ir-rikonoxximent fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva li informazzjoni konsultata fuq l-internet hija data ta' kontenut).

il-livell ta' armonizzazzjoni: il-proposta tippjana livell għoli ta' armonizzazzjoni b'lista eżawrjenti ta' kategoriji ta' data li għandha tinżamm (kontra l-abbozz ta' Deċiżjoni Kwadru li fiha lista-minimu, b'marġini wisa' għall-Istati Membri biex iżidu data). Mill-perspettiva ta' protezzjoni tad-data, l-armonizzazzjoni sħiħa hija essenzjali (ara t-taqsima IV).

60.

L-EDPS jirrakkomanda l-emendi li ġejjin:

L-Artikolu 4, it-tieni paragrafu, għandu jkun fih kriterji aktar sostanzjali sabiex ikun żgurat li d-data ta' kontenut ma tkunx inkluża. Is-sentenza li ġejja għandha tiġi miżjuda: “L-Anness ma jistax jinkludi data li tiżvela l-kontenut ta' komunikazzjoni”.

L-Artikolu 5 jiftaħ il-possibbiltà għar-reviżjoni ta' l-Anness minn Direttiva tal-Kummissjoni (“komitoloġija”). L-EDPS jagħti parir li r-reviżjonijiet ta' l-Anness b'impatt sostanzjali fuq il-protezzjoni tad-data għandhom preferibbilment ikunu magħmula permezz ta' direttiva, b'konformità mal-proċedura ta' ko-deċiżjoni (10).

Artikolu 7: Perijodi ta' żamma

61.

L-EDPS jilqa' l-fatt li l-perijodi ta' żamma fil-proposta huma b'mod sinifikattiv aqsar mill-perijodi previsti fl-abbozz ta' deċiżjoni Kwadru:

Filwaqt li jiġu miftakra d-dubji espressi f'din l-opinjoni dwar l-evidenza tal-ħtieġa taż-żamma sa sena ta' data dwar it-traffiku, il-perijodu ta' sena jirrifletti l-prattika ta' infurzar tal-liġi, hekk kif ġew indikati mill-figuri li ġew provduti mill-Kummissjoni u l-Presidenza tal-Kunsill.

Dawn il-figuri juru wkoll li, ħlief f'każijiet eċċezzjonali, iż-żamma ta' data għal perijodi itwal ma tirriflettix il-prattika ta' infurzar tal-liġi.

Perijodu aqsar ta' 6 xhur għal data relatata ma' komunikazzjonijiet elettroniċi li jkunu qed iseħħu bl-użu biss jew prinċipalment bl-użu tal-protokoll ta' l-Internet huwa importanti mill-perspettiva ta' protezzjoni tad-data, ladarba ż-żamma ta' komunikazzjonijiet bl-Internet tirriżulta f'databases vasti (din id-data s-soltu ma tinżammx għal finijiet ta' kontijiet), il-linja ta' konfini ma' data ta' kontenut hija vaga u ż-żamma għal aktar minn 6 xhur ma tirriflettix il-prattika ta' infurzar tal-liġi.

62.

Fit-test għandu jiġi ċċarat li:

il-perijodi ta' żamma ta' 6 xhur, rispettivament sena huma perijodi-massimi ta' żamma.

id-data hija mħassra fit-tmiem tal-perijodu ta' żamma. It-test għandu jiċċara wkoll kif id-data għandha titħassar. Fil-fehma ta' l-EDPS fornitur irid iħassar id-data b'mezzi awtomatiċi, minn ta' l-inqas abbażi ta' jum b'jum.

Artikolu 8: Ħtiġiet ta' ħażna għal data miżmuma

63.

Dan l-artikolu huwa relatat mill-qrib ma' l-Artikolu 3(2) u fih dispożizzjoni importanti li tista' tiżgura li l-aċċess f'każijiet speċifiċi jkun jista' jiġi limitat għal data speċifikament meħtieġa. L-Artikoli 8 u 3(2) jissoponu minn qabel li d-data meħtieġa hija trasmessa mill-fornituri lill-awtoritajiet u li dawn ta' l-aħħar ma għandhomx aċċess dirett għad-databases. L-EDPS jirrakkomanda li din is-suppożizzjoni minn qabel tiġi ddikjarata b'mod espliċitu fit-test.

64.

Id-dispożizzjoni għandha tkun speċifikata, billi jiġi ddikjarat li:

id-data meħtieġa hija trasmessa mill-fornituri lill-awtoritajiet (ara l-punt 63).

Il-fornituri għandhom jinstallaw l-arkitettura teknika meħtieġa, inkluż magni tat-tiftix, sabiex jiġi faċilitat l-aċċess immirat għad-data speċifikata.

Il-fornituri għandhom jiżguraw li membri tal-persunal tagħhom biss b'responsabbiltajiet tekniċi speċifikati jkollhom aċċess għad-databases għal raġunijiet tekniċi u li dawk il-membri tal-persunal ikunu konxji tan-natura sensittiva tad-data u jaħdmu taħt regoli interni ta' kunfidenzjalità stretti.

It-trasmissjoni tad-data għandha sseħħ biss mingħajr dewmien bla bżonn, iżda wkoll mingħajr ma tiġi żvelata data oħra dwar it-traffiku u l-lok ħlief dik id-data meħtieġa għall-finijiet tat-talba.

Artikolu 9: Statistika

65.

L-obbligu għall-fornituri li jipprovdu statistika fuq bażi ta' kull sena jgħin lill-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jimmonitorjaw l-effettività ta' l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-proposta preżenti. Informazzjoni adegwata hija meħtieġa.

66.

Skond l-EDPS, dan l-obbligu jagħti effett lill-prinċipju ta' trasparenza. Iċ-ċittadin Ewropew huwa intitolat li jkun jaf kemm hija effettiva ż-żamma tad-data. Għal din ir-raġuni, il-fornitur għandhu addizzjonalment ikun obbligat li jżomm listi ta' illogjar u li jwettaq verifiki sistematiċi (tiegħu nnifsu), sabiex b'hekk jagħmilha possibbli għall-awtoritajiet ta' protezzjoni tad-data nazzjonali li jikkontrollaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fil-prattika (11). Il-proposta għandha tkun emendata f'dak is-sens.

Artikolu 10: Spejjeż

67.

Kif diġà ntqal fit-taqsima II, teżisti relazzjoni diretta bejn l-adegwatezza ta' miżuri ta' sigurtà u l-ispejjeż ta' dawn il-miżuri, jew fi kliem ieħor bejn is-sigurtà u l-ispejjeż. L-EDPS għalhekk iqis l-Artikolu 10 – li jipprevedi għar-rimbors ta' spejjeż addizzjonali murija – bħala dispożizzjoni importanti li tista' sservi bħala inċentiv għall-fornituri sabiex jinvestu fl-infrastruttura teknika.

68.

Skond l-estimi fil-Valutazzjoni ta' l-Impatt mgħoddija mill-Kummissjoni lill-EDPS, l-ispejjeż ta' żamma ta' data huma konsiderevoli. Għal fornitur kbir ta' networks u servizzi, l-ispejjeż ikunu ta' aktar minn 150 miljun Euro, għal perijodu ta' żamma ta' 12-il xahar, bi spejjeż operattivi annwali ta' madwar 50 miljun Euro (12). Ma hemm l-ebda figuri madankollu dwar l-ispejjeż ta' miżuri ta' sigurtà addizzjonali, bħal per eżempju magni tat-tiftix li jiswew ħafna flus (ara l-kumment dwar l-Artikolu 6), u lanqas dwar il-konsegwenzi finanzjarji (stmati) tar-rimbors sħiħ ta' spejjeż addizzjonali tal-fornituri.

69.

Skond l-EDPS figuri aktar preċiżi huma meħtieġa, sabiex tkun tista' tiġi ġġudikata l-proposta fl-intier tagħha. Hu jissuġġerixxi li jiġu ċċarati l-konsegwenzi finanzjarji tal-proposta fil-memorandum ta' spjegazzjoni.

70.

Fir-rigward tad-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 10 nnifsu, ir-relazzjoni bejn l-adegwatezza ta' miżuri ta' sigurtà u l-ispejjeż għandhom ikunu ċċarati fit-test tad-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-proposta għandha tipprovdi standards minimi għall-miżuri ta' sigurtà li jridu jittieħdu mill-fornituri, sabiex ikunu intitolati għal rimbors minn Stat Membru. Skond l-EDPS, id-determinazzjoni ta' dawn l-istandards tista' titħalla kompletament f'idejn l-Istati Membri. Dan jista' jippreġudika l-livell ta' armonizzazzjoni ppjanata mid-direttiva. Barra minn hekk, għandu jittieħed kont tal-fatt li l-Istati Membri jerfgħu l-konsegwenzi finanzjarji tar-rimbors.

Artikolu 11: Emenda tad-Direttiva 2002/58/KE

71.

Ir-relazzjoni għall-Artikolu 15 (1) tad-Direttiva 2002/58/KE għandha tkun iċċarata, ladarba din il-proposta tiċħad din id-dispożizzjoni minn ħafna mill-kontenut tagħha. Ir-referenzi fl-Artikolu 15 (1) tad-Direttiva 2002/58/KE għall-Artikolu 6 u l-Artikolu 9 (ta' dik l-istess direttiva) għandhom jiġu mħassra, jew ta' l-inqas ikunu modifikati sabiex jiċċaraw li l-Istati Membri ma għadhomx aktar kompetenti sabiex jadottaw leġiżlazzjoni fir-rigward ta' reati kriminali, addizzjonalment għall-proposta preżenti. Kwalunkwe ambigwità dwar il-kompetenzi li baqalhom – per eżempju fir-rigward taż-żamma ta' data bil-għan ta' reati kriminali “mhux serji” – għandha titneħħa.

Artikolu 12: Evaluation

72.

L-EDPS jilqa' li l-proposta fiha artikolu dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva, fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Evalwazzjoni hija aktar u aktar importanti fil-perspettiva tad-dubji dwar il-ħtieġa tal-proposta, u tal-proporzjonalità tagħha.

73.

F'din il-perspettiva, l-EDPS jagħti parir li jiġi previst obbligu saħansitra aktar strett, li jkun fih dawn l-elementi:

l-evalwazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni ta' l-effettività ta' l-implimentazzjoni tad-direttiva, mill-perspettiva ta' infurzar tal-liġi, kif ukoll valutazzoni ta' l-impatt dwar id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data. Il-Kummissjoni għandha tinkludi kwalunkwe evidenza li tista' taffettwa l-evalwazzjoni.

l-evalwazzjoni għandha sseħħ fuq bażi regolari (minn ta' l-inqas kull sentejn).

il-Kummissjoni għandha tkun obbligata tissottometti emendi għall-proposta, fejn ikun il-każ (bħal fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/58/KE).

VI   Konklużjonijiet

Kondizzjonijiet minn qabel

74.

Huwa essenzjali għall-EDPS li l-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali. Miżura leġiżlattiva li tagħmel ħsara lill-protezzjoni garantita mil-liġi Komunitarja u b'mod aktar partikolari mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mhix biss inaċċettabbli, imma hija wkoll illegali.

75.

Il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' l-obbligu għaż-żamma ta' data – fl-intier tagħha – għandhom jiġu murija.

76.

Fir-rigward ta' din il-ħtieġa: l-EDPS jagħraf il-bidliet fiċ-ċirkustanzi, imma s'issa għadu mhux konvint mill-ħtieġa taż-żamma ta' data dwar it-traffiku u l-lok għal finijiet ta' infurzar tal-liġi, kif stabbilit fil-proposta.

77.

Minkejja dan, l-EDPS jippreżenta f'din l-opinjoni l-fehma tiegħu dwar il-proporzjonalità tal-proposta. Dan ifisser l-ewwel nett, iż-żamma ta data dwar it-traffiku u l-lok waħedha mhix fiha nnifisha tweġiba adegwata jew effettiva. Miżuri addizzjonali huma meħtieġa, sabiex b'hekk ikun żgurat li l-awtoritajiet ikollhom aċċess immirat u rapidu għad-data meħtieġa f'każ speċifiku. It-tieni, il-proposta għandha:

tillimita l-perijodi ta' żamma. Il-perijodi għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet ta' infurzar tal-liġi.

tillimita n-numru ta' data li trid tiġi maħżuna. Dan in-numru jrid jirrifletti l-ħtiġijiet ta' infurzar tal-liġi u jiżgura li l-aċċess għal data ta' kontenut ma jkunx possibbli.

ikun fiha miżuri ta' sigurtà adegwati.

Valutazzjoni ġenerali

78.

L-EDPS jenfasizza l-importanza tal-fatt li t-test preżenti tal-proposta jipprevedi armonizzazzjoni sħiħa ta' l-elementi prinċipali tal-proposta, b'mod partikolari t-tipi ta' data li trid tiġi miżmuma, il-perijodi ta' ħin li matulu d-data għandha tinżamm, kif ukoll (il-finijiet ta') l-aċċess u l-użu ulterjuri tad-data.

79.

Dwar xi punti, kjarifiki ulterjuri huma meħtieġa, bħal per eżempju sabiex jiġi żgurat it-tħassir adegwat tad-data fi tmiem il-perijodu ta' żamma u sabiex jiġi prevenut b'mod effettiv l-aċċess u l-użu minn gruppi differenti ta' partijiet interessati.

80.

L-EDPS jikkunsidra l-punti li ġejjin bħala essenzjali sabiex il-proposta tkun aċċettabbli mill-perspettiva ta' protezzjoni tad-data:

Iż-żieda mal-proposta ta' dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-aċċess għad-data dwar it-traffiku u l-lok mill-awtoritajiet kompetenti u dwar l-użu ulterjuri tad-data, bħala parti essenzjali u inseparabbli tas-suġġett.

Iż-żieda mal-proposta ta' salvagwardji addizzjonali ulterjuri għall-protezzjoni tad-data (kuntrarjament għal referenza sempliċi għal salvagwardji f'leġiżlazzjoni eżistenti, b'mod aktar partikolari d-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE), inter alia sabiex ikun żgurat l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

Iż-żieda mal-proposta ta' inċentivi ulterjuri għall-fornituri sabiex jinvestu f'infrastruttura teknika adegwata, inklużi inċentivi finanzjarji. Din l-infrastruttura tista' tkun adegwata biss jekk ikunu jeżistu magni tat-tiftix effettivi.

Rakkomandazzjonijiet għal modifiki tal-proposta

81.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 3 (2):

iż-żieda ta' dispożizzjoni sabiex ikun żgurat li individwi għajr l-awtoritajiet kompetenti ma jkollhomx aċċess għad-data. Din id-dispożizzjoni tista' tkun ifformulata kif ġej: “id-data tista' tkun aċċessata u/jew proċessata biss bil-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)” jew “il-fornituri għandhom effettivament jiggarantixxu li l-aċċess huwa mogħti biss lill-awtoritajiet kompetenti”.

speċifikazzjoni li data tista' tiġi provduta biss jekk din hija meħtieġa fir-rigward ta' reat kriminali speċifiku.

limitazzjoni tad-dispożizzjoni għal ċerti reati kriminali serji.

żieda mal-proposta ta' artikoli wieħed jew aktar dwar l-aċċess għal data dwar it-traffiku u l-lok mill-awtoritajiet kompetenti u dwar l-użu ulterjuri tad-data, kif ukoll ta' dispożizzjoni li l-aċċess f'każijiet speċifiċi għandu jkun taħt il-kontroll ġudizzjarju fl-Istati Membri.

l-inklużjoni ta' paragrafu dwar protezzjoni tad-data.

82.

Fir-rigward ta' l-Artikoli 4 u 5:

iż-żieda ma' l-Artikolu 4, it-tieni paragrafu, tas-sentenza li ġejja: “L-Anness ma jistax jinkludi data li tiżvela l-kontenut ta' komunikazzjoni”.

speċifikazzjoni li reviżjonijiet ta' l-Anness b'impatt sostanzjali fuq il-protezzjoni tad-data għandhom preferibbilment ikunu magħmula permezz ta' direttiva, b'konformità mal-proċedura ta' ko-deċiżjoni.

83.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 7, speċifikazzjoni fit-test li:

il-perijodi ta' żamma ta' 6 xhur u ta' sena huma perijodi-massimi ta' żamma.

id-data hija mħassra fit-tmiem tal-perijodu ta' żamma. It-test għandu jiċċara wkoll kif id-data għandha tiġi mħassra, jiġifieri mill-fornitur b'mezzi awtomatiċi, minn ta' l-inqas fuq bażi ta' jum b'jum.

84.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 8, speċifikazzjoni fit-test li:

id-data meħtieġa hija trasmessa mill-fornituri lill-awtoritajiet.

il-fornituri għandhom jinstallaw l-arkitettura teknika meħtieġa, inkluż magni tat-tiftix, sabiex jiġi faċilitat l-aċċess immirat għad-data speċifikata.

il-fornituri għandhom jiżguraw li membri tal-persunal tagħhom biss b'responsabbiltajiet tekniċi speċifikati jkollhom aċċess għad-databases għal raġunijiet tekniċi u li dawk il-membri tal-persunal ikunu konxji tan-natura sensittiva tad-data u jaħdmu taħt regoli interni ta' kunfidenzjalità stretti.

it-trasmissjoni tad-data għandha sseħħ biss mingħajr dewmien bla bżonn, iżda wkoll mingħajr ma tiġi żvelata data oħra dwar it-traffiku u l-lok ħlief dik id-data meħtieġa għall-finijiet tat-talba.

85.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 9:

żieda ta' dispożizzjoni li tobbliga lill-fornitur iżomm listi ta' illogjar u li jwettaq verifiki sistematiċi (tiegħu nnifsu), sabiex b'hekk jagħmilha possibbli għall-awtoritajiet ta' protezzjoni tad-data nazzjonali li jikkontrollaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fil-prattika.

86.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 10:

kjarifika tar-relazzjoni bejn l-adegwatezza tal-miżuri ta' sigurtà u l-ispejjeż għandha tkun magħmula ċara fit-test tad-dispożizzjoni.

żieda ta' standards minimi għall-miżuri ta' sigurtà li jridu jittieħdu mill-fornituri, sabiex ikunu intitolati għal rimbors minn Stat Membru.

kjarifika tal-konsegwenzi finanzjarji tal-proposta fil-memorandum ta' spjegazzjoni.

87.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 11:

emenda ta' l-Artikolu 15 (1) tad-Direttiva 2002/58/KE sabiex jitħassru r-referenzi għall-Artikolu 6 u l-Artikolu 9 (ta' dik l-istess direttiva), jew ta' l-inqas sabiex ikunu modifikati sabiex jiġi ċċarat li l-Istati Membri ma għadhomx aktar kompetenti sabiex jadottaw leġiżlazzjoni fir-rigward ta' reati kriminali, addizzjonalment għall-proposta preżenti.

88.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 12, emenda tad-dispożizzjoni ta' l-evalwazzjoni:

għandha tkun tinkludi valutazzjoni ta' l-effettività ta' l-implimentazzjoni tad-direttiva.

għandha sseħħ fuq bażi regolari (minn ta' l-inqas kull sentejn).

il-Kummissjoni għandha tkun obbligata tissottometti emendi għall-proposta, fejn ikun il-każ (bħal fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/58/KE).

Magħmula fi Brussel fis-26 ta' Settembru 2005,

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37.

(3)  ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1.

(4)  Sentenza ta' l-ECHR tas-16 ta' Frar 2000, Amann, 2000-II, Appl. 27798/95.

(5)  Sentenza ta' l-ECHR tat-2 ta' Awwissu 1984, Malone, A82, Appl. 8691/79.

(6)  Sentenza ta' l-ECHR tat-22 ta' Ottubru 1981, Dudgeon, A45, Appl. 7525.

(7)  Ara wkoll il-punt 3 ta' din l-opinjoni.

(8)  Libertà u sigurtà, li jinstab il-bilanċ ġust. Dokument mill-Presidenza Ingliża ta' l-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Settembru 2005.

(9)  Ara, fl-istess sens, id-Dokument ta' Pożizzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Iskambju ta' Informazzjoni fl-UE, adottat fil-Konferenza tar-Rebbiegħa ta' l-Awtoritajiet Ewropej ta' Protezzjoni tad-Data, Krakow, 25-26 ta' April 2005.

(10)  Ara fl-istess sens, l-Opinjoni ta' l-EDPS tat-23 ta' Marzu 2005 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' viżi għal perijodu qasir (Par. 3.12).

(11)  Ara fl-istess sens, l-Opinjoni ta' l-EDPS tat-23 ta' Marzu 2005 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' viżi għal perijodu qasir (Par. 3.9).

(12)  Il-Kummissjoni tirreferi għal figuri ta' ETNO (l-assoċjazzjoni ta' l-UE ta' l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet) and għal rapport minn MEP Alvaro dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni Kwadru.